Language of document : ECLI:EU:T:2012:327

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

 28 ta’ Ġunju 2012 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja figurattiva B. Antonio Basile 1952 — Trade mark nazzjonali verbali preċedenti BASILE — Raġuni relattiva għal rifjut — Dekadenza minħabba tolleranza — Artikolu 53(2) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 54(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 207/2009]”

Fil-Kawża T‑133/09,

I Marchi Italiani Srl, stabbilita f’Napoli (l-Italja),

Antonio Basile, residenti f’Giugliano in Campania (l-Italja),

irrappreżentati minn G. Militerni, L. Militerni u F. Gimmelli, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), inizjalment irrappreżentat minn A. Sempio, sussegwentement minn P. Bullock, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Osra SA, stabbilita f’Rovereta (San Marino), irrappreżentata minn A. Masetti Zannini de Concina, R. Cartella u G. Petrocchi, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tad‑9 ta’ Jannar 2009 (Każ R 502/2008-2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Osra SA u I Marchi Italiani Srl,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn H. Kanninen (President), N. Wahl u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Marzu 2009,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Settembru 2009,

wara li rat in-nota tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Awwissu 2009,

wara li rat id-deċiżjoni tal‑14 ta’ Ottubru 2009 li rrifjutat tawtorizza l-preżentata ta’ replika,

wara li rat il-modifika tal-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali,

wara s-seduta tat‑8 ta’ Marzu 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl‑14 ta’ Jannar 2000, it-tieni rikorrent, Antonio Basile, li aġixxa bħala negozjant individwali taħt l-isem B Antonio Basile 1952, ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal‑20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas‑26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 14, 18 u 25 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

4        It-trade mark Komunitarja B. Antonio Basile 1952 kienet ġiet irreġistrata fis‑27 ta’ April 2001 taħt in-Numru 1 462 555.

5        Fil‑21 ta’ April 2006, l-intervenjenti, Osra SA, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, skont l-Artikolu 52(1)(a) u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 53(1)(a) u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 207/2009], għal dak li jikkonċerna l-prodotti tal-klassi 25, ibbażata fuq it-trade marks li ġejjin:

–        it-trade mark verbali Taljana BASILE, irreġistrata fis‑7 ta’ Marzu 1995 taħt in-Numru 738 901, (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti”);

–        ir-reġistrazzjoni internazzjonali R413 396 B tat-trade mark verbali BASILE, tat‑13 ta’ Jannar 1995 (iktar ’il quddiem ir-“reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti”).

6        Il-prodotti li għalihom it-trade mark preċedenti u r-reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti kienu ġew irreġistrati jaqgħu taħt il-klassi 25 tal-Ftehim ta’ Nice u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Ħwejjeġ ta’ fuq għall-irġiel, fid-drapp ġilda, knitting jew mod ieħor, bħal ġkieket, qliezet, inklużi jeans, qomos, blużi, T-shirts, flokkijiet, pullovers, ġkieket qosra, kapotti, inċirati, kowtijiet, ilbiesi, malji tal-għawm, dresingawns”.

7        It-trade mark Komunitarja kienet is-suġġett ta’ assenjazzjoni parzjali favur l-ewwel rikorrenti, I Marchi Italiani Srl. Bħala riżultat tagħha, ir-reġistrazzjoni tad-Diviżjoni Numru 5 274 121 (iktar ’il quddiem it-“trade mark ikkontestata”) saret favur din il-kumpannija għall-prodotti li ġejjin li jaqgħu taħt il-klassi 25: “Qomos, maljerija, ħwejjeġ ta’ fuq għall-irġiel, nisa u tfal, ħlief ħwejjeġ tal-ġilda, ingravajjet, ħwejjeġ ta’ taħt, żraben, kpiepel, kalzetti, xalpi għall-irġiel, nisa u tfal”.

8        Fit‑2 ta’ Novembru 2006, l-UASI informat lill-intervenjenti li l-applikazzjoni tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ġiet estiża għall-imsemmija reġistrazzjoni tad-Diviżjoni.

9        Fl‑21 ta’ Jannar 2008, id-Diviżjoni li tiddikjara l-invalidità laqgħet l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u l-ewwel rikorrenti ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-UASI fit‑18 ta’ Marzu 2008.

10      Bid-deċiżjoni tad‑9 ta’ Jannar 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell billi kkunsidra, fl-ewwel lok, li d-dekadenza minħabba tolleranza ma kinitx tapplika minħabba li l-perijodu ta’ ħames snin ma kienx skada, fit-tieni lok, li l-koeżistenza tat-trade marks inkwistjoni fl-Italja ma kinitx ġiet stabbilita u, fit-tielet lok, li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark ikkontestata u t-trade mark preċedenti, minħabba, minn naħa, li l-prodotti koperti minn dawn it-trade marks kienu identiċi jew simili u, min-naħa l-oħra, it-trade marks kunfliġġenti kienu simili fuq il-pjan viżiv, fonetiku u kunċettwali.

 It-talbiet tal-partijiet

11      Ir‑rikorrenti jitolbu li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiddikjara r-reġistrazzjoni tat-trade mark B. Antonio Basile 1952 bħala valida u effikaċi;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

12      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

13      Fis-seduta, l-ewwel rikorrenti ddikjarat li kienet qiegħda tirrinunzja għat-tieni kap tat-talbiet tagħha, u ttieħed nota ta’ dan fil-verbal tas-seduta. Bl-istess mod, it-tieni rikorrent, li ma kienx parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, irrinunzja għat-talbiet tiegħu fis-seduta tal-kawża kontra d-deċiżjoni kkontestata.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ argumenti u ta’ dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

14      L-ewwel rikorrenti ssostni, minn naħa, li l-kunjom Basile kien is-suġġett ta’ reġistrazzjonijiet numerużi fl-Italja u, min-naħa l-oħra, li t-trade mark ikkontestata tgawdi minn ċerta fama u reputazzjoni u ċ-ċaħda ta’ dan tkun “kuntrarja għat-tolleranza u għal bona fide, prinċipji ġenerali li għandhom jirregolaw kull relazzjoni ta’ negozju”.

15      L-UASI ssostni li l-argumenti dwar ir-reġistrazzjoni tal-kunjom Basile fl-Italja, dwar ir-reputazzjoni tat-trade mark ikkontestata u dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ bona fide kif ukoll id-dokumenti li jinsabu fl-Annessi Nri 7, 13, 14 u 15 għar-rikors ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali u għalhekk huma inammissibbli.

16      Skont l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, is‑sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal‑kontroversja quddiem il-Bord tal-Appell. Fil-fatt, jappartjeni għall-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-kawża preżenti, li teżamina l-legalità tad-deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Appell. Għaldaqstant, l-eżami li sar mill-Qorti Ġenerali ma jistax imur lil hinn mill-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kwistjoni kif tressqet quddiem il-Bord tal-Appell [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑22 ta’ Ġunju 2004, “Drie Mollen sinds 1818” vs L-UASI — Nabeiro Silveira (Galáxia), T‑66/03, Ġabra p. II‑1765, punt 45]. Fil-fatt, rikorrent ma jistax ibiddel quddiem il-Qorti Ġenerali t-termini tal-kawża minn kif kienu jirriżultaw mill-pretensjonijiet u l-allegazzjonijiet magħmula minnu stess u minn l-intervenjent (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, Ġabra p. I‑3569, punt 43, u tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert vs UASI, C‑16/06 P, Ġabra p. I‑10053, punt 122).

17      F’dan il-każ, jirriżulta mill-eżami tal-proċess li l-argumenti li jikkonċernaw il-fatt li l-kunjom Basile kien suġġett ta’ reġistrazzjonijiet numerużi bħala trade mark, ir-reputazzjoni tat-trade mark ikkontestata u l-ksur tal-prinċipju ta’ bona fide ma tqajmux quddiem il-Bord tal-Appell. Madankollu, jirriżulta mill-eżami tar-rikors li l-argument dwar ir-reġistrazzjonijiet numerużi tal-kunjom Basile huwa marbut mal-argument dwar in-nuqqas ta’ karattru distintiv tal-imsemmi kunjom. Issa dan huwa intiż li jikkontesta l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti u kien ġie ppreżentat quddiem il-Bord tal-Appell. Għalhekk, dan l-argument jikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ aggravju li tqajjem fl-appell quddiem il-Bord tal-Appell li għandu jitqies li huwa ammissibbli (ara, f’dan is-sens, Alcon vs UASI, punt 16 supra, punt 40). Madankollu, l-argumenti relatati mar-reputazzjoni tat-trade mark ikkontestata u l-ksur tal-prinċipju ta’ bona fide ma għandhom ebda rabta mat-termini tal-kwistjoni, tali li jirriżultaw mill-pretensjonijiet u l-allegazzjonijiet li saru mill-ewwel rikorrenti u mill-intervenjenti quddiem il-Bord tal-Appell. Għalhekk, dawn għandhom jitqiesu bħala inammissibbli.

18      Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li l-argument tal-ewwel rikorrenti fuq ir-reputazzjoni tat-trade mark ikkontestata jista’ jiġi interpretat bħala intiż li jistabbilixxi karattru distintiv elevat tagħha fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-karattru distintiv elevat ta’ sinjal jilgħab rwol fir-rigward tat-trade mark preċedenti u mhux fir-rigward tat-trade mark sussegwenti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 24; tad‑29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 18, u tat‑22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 20). Għalhekk, ir-reputazzjoni tat-trade mark sussegwenti ma hijiex parti mill-kwistjonijiet legali li għandhom neċessarjament jiġu eżaminati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 40/94 fir-rigward tar-raġunijiet u tat-talbiet ippreżentati mill-partijiet. Ladarba l-kwistjoni tar-reputazzjoni tat-trade mark ikkontestata hija kwistjoni ta’ dritt li ma ġietx ippreżentata qabel quddiem l-istanzi tal-UASI u li ma teħtieġx li tiġi eżaminata sabiex tiġi żgurata applikazzjoni korretta tar-Regolament Nru 40/94 fid-dawl tar-raġunijiet u tal-argumenti ippreżentati mill-partijiet, hija ma tistax għalhekk taffetwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-applikazzjoni ta’ raġuni relattiva għal rifjut, sa fejn din ma tifformax parti mill-kuntest ġuridiku tal-kwistjoni kif ippreżentata quddiem il-Bord tal-Appell. Għaldaqstant, hemm lok li dan l-argument jitqies bħala inammissibbli [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑1 ta’ Frar 2005, SPAG vs UASI — Dann u Backer (HOOLIGAN), T‑57/03, Ġabra p. II‑287, punt 22].

19      Għal dak li jikkonċerna l-annessi tar-rikors li ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, dawn ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż sabiex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009), b’tali mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għaldaqstant, id-dokumenti hawn fuq imsemmija għandhom jiġu skartati mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat il-valur probatorju tagħhom [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI — LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, Ġabra, p. II‑4891, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata].

 Fuq it-talba għall-ammissjoni tal-prova mix-xhieda

20      L-ewwel rikorrenti titlob l-ammissjoni tal-prova permezz ta’ xhieda sabiex tistabbilixxi, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, liema trade marks għandhom koeżistenza paċifika fl-Italja, u l-għarfien nazzjonali u internazzjonali tat-trade mark ikkontestata.

21      L-UASI jqis li din it-talba ma hijiex iġġustifikata, għaliex, minn naħa, l-ewwel rikorrenti ma għamlitx argumenti fir-rigward tal-koeżistenza tal-imsemmija trade marks u tan-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni li tirriżulta u, min-naħa l-oħra, il-kompetenzi tal-persuni msejħa biex jagħtu xhieda ma ġewx speċifikati.

22      Hawnhekk, għandu biss jiġi kkonstatat li l-ewwel rikorrenti ma qajmet ebda argument fis-sottomissjonijiet tagħha kontra l-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell, li jinsabu fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-koeżistenza ta’ trade marks kunfliġġenti fis-suq Taljan, skont liema ma kinitx stabbilita l-aċċettazzjoni tal-koeżistenza fis-suq Taljan tal-imsemmija trade marks min-naħa tal-intervenjenti, u lanqas, għalhekk, in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku rilevanti, bħala konsegwenza tal-edukazzjoni ta’ dan, matul is-snin, li jipperċepixxi t-trade marks bħala sinjali distintivi ta’ negozji differenti. Huwa sempliċement talab, fir-rikors, l-ammissjoni tal-prova permezz ta’ xhieda sabiex jiġi stabbilit li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti u li dawn it-trade marks kellhom koeżistenza paċifika fis-suq Taljan.

23      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn l-ewwel rikorrenti ma ressqet fir-rikors ebda argument addizzjonali li jippermetti li jiġu kkontestati l-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar il-koeżistenza ta’ trade marks kunfliġġenti, it-talba għall-ammissjoni tal-prova permezz ta’ xhieda sabiex tiġi stabbilita li din il-koeżistenza ma hijiex ġustifikata. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-ewwel rikorrenti ma tistax tippretendi li tissupplimenta, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-provi ppreżentati matul il-proċedura amministrattiva sabiex tiġi stabbilita din il-koeżistenza. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 19 hawn fuq, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż sabiex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, b’tali mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tal-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għalhekk, hemm lok li t-talba għall-ammissjoni tal-prova mix-xhieda mitluba mill-ewwel rikorrenti tiġi miċħuda.

24      Din tal-aħħar titlob, barra minn hekk, l-ammissjoni tal-prova permezz ta’ xhieda sabiex jiġi stabbilit, fl-ewwel lok, l-użu ta’ mod kontinwu u mingħajr interruzzjoni tat-trade mark ikkontestata fil-livelli nazzjonali u internazzjonali, fit-tieni lok, l-attivitajiet żviluppati mill-kumpannija tat-tieni rikorrent sa mill‑1970 bl-użu ta’ trade marks differenti, b’mod partikolari t-trade mark ikkontestata mill‑1998, u, fit-tielet lok, l-għarfien fuq is-suq nazzjonali u internazzjonali tal-prodotti li jġibu t-trade mark ikkontestata.

25      Essenzjalment, jidher li t-talba għal prova permezz ta’ xhieda hija maħsuba biex tistabbilixxi r-reputazzjoni u l-fama tat-trade mark ikkontestata. Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 17 u 18 iktar ’il fuq, dan l-argument huwa inammissibbli u hemm lok, għalhekk, li din it-talba tiġi miċħuda.

26      Anki jekk wieħed jassumi li l-ewwel rikorrenti kellha l-ħsieb, bit-talba tagħha għal prova permezz ta’ xhieda, li tistabbilixxi l-fatt li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti kien jaf bl-użu tat-trade mark ikkontestata fis-suq u, għalhekk, id-dekadenza minħabba tolleranza, hemm lok li din it-talba tiġi miċħuda. Kif jirriżulta mill-punt 32 iktar ’il fuq, l-użu rilevanti tat-trade mark ikkontestata fis-suq huwa dak wara r-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark. Minħabba li għaddew inqas minn ħames snin mid-data tar-reġistrazzjoni u d-data tal-preżentazzjoni tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, it-talba għal prova permezz ta’ xhieda sabiex jiġi stabbilit l-użu tat-trade mark ikkontestata fis-suq ma hijiex rilevanti.

 Fuq il-mertu

27      L-ewwel rikorrenti tinvoka, essenzjalment, żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha bbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 207/2009) u, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1)(a) u tal-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 40/94

28      L-ewwel rikorrenti sostniet li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ ħames snin, ikkalkolat mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

29      Skont l-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 40/94, il-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali preċedenti li ttollera, għal perijodu ta’ ħames snin suċċessivi, l-użu ta’ trade mark Komunitarja sussegwenti fl-Istat Membru fejn it-trade mark preċedenti kienet ġiet irreġistrata, bl-għarfien ta’ dan l-użu, ma jistax iktar jitlob dikjarazzjoni li t-trade mark sussegwenti hija invalida jew jopponi l-użu tat-trade mark sussegwenti, sakemm l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha ma tkunx saret in mala fide.

30      F’dan il-każ, it-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata fis‑27 ta’ April 2001 u l-intervenjenti ressqet it-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fl‑21 ta’ April 2006, jiġifieri inqas minn ħames snin wara d-data tar-reġistrazzjoni. Madankollu, l-ewwel rikorrenti tippretendi li d-data li minnha għandu jkun ikkalkolat it-terminu ta’ ħames snin hija dik tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, jiġifieri l‑14 ta’ Jannar 2000.

31      Skont il-ġurisprudenza, għandhom jiġu sodisfatti erba’ kundizzjonijiet sabiex jibda jiddekorri l-perijodu ta’ dekadenza minħabba tolleranza f’każ ta’ użu ta’ trade mark sussegwenti identika għat-trade mark preċedenti jew simili tant li toħloq konfużjoni. Fl-ewwel lok, it-trade mark sussegwenti għandha tkun irreġistrata, fit-tieni lok, jeħtieġ li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha tkun saret in bona fide mill-proprjetarju tagħha, fit-tielet lok, hija għandha tintuża fl-Istat Membru fejn it-trade mark preċedenti hija protetta u, fl-aħħar, fir-raba’ lok, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu jkun jaf bl-użu ta’ din it-trade mark wara r-reġistrazzjoni tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar, C‑482/09, Ġabra p. I‑8701, punti 54 u 56 sa 58).

32      Kuntrarjament għal dak li l-ewwel rikorrenti tippretendi, it-terminu ta’ dekadenza ma jibdiex jiddekorri mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja sussegwenti. Anki jekk din id-data tikkostitwixxi l-punt tat-tluq rilevanti għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 40/94, bħall-Artikolu 51(1)(a) u l-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament [li saru l-Artikolu 52(1)(a) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 207/2009], li l-għan tagħhom huwa li tiġi stabbilita prijorità temporanja bejn trade marks kunfliġġenti, tali data ma tistabbilixxix il-punt tat-tluq tat-terminu ta’ dekadenza previst fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, l-iskop tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 40/94 huwa li jippenalizza lill-proprjetarji ta’ trade marks preċedenti li ttolleraw l-użu ta’ trade mark Komunitarja sussegwenti għal ħames snin konsekuttivi, meta kienu jafu b’dan l-użu, bit-telf tal-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u tal-azzjoni ta’ oppożizzjoni għal din it-trade mark, li tkun tista’ għalhekk teżisti flimkien mat-trade mark preċedenti. Huwa minn meta l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jkun jaf bl-użu tat-trade mark Komunitarja sussegwenti li huwa jkollu l-possibbiltà li ma jittollerax dan u, għalhekk, li jopponi jew jitlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark sussegwenti. Ma jistax jitqies li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ttollera l-użu tat-trade mark Komunitarja sussegwenti ladarba kien jaf bl-użu tagħha, jekk huwa ma kienx f’pożizzjoni la li jopponi għall-użu tagħha u lanqas li jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità (ara, b’analoġija, is-sentenza Budějovický Budvar, punt 31 iktar ’il fuq, punti 44 sa 50).

33      Jirriżulta mill-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 40/94 li d-data rilevanti għall-kalkolu tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ dekadenza hija dik tal-għarfien tal-użu ta’ din it-trade mark. Din id-data tista’ tkun biss wara dik tar-reġistrazzjoni tagħha, f’liema mument id-dritt tat-trade mark Komunitarja jinkiseb (ara l-premessa 7 tar-Regolament Nru 40/94) u din it-trade mark tintuża bħala trade mark irreġistrata fis-suq, biex b’hekk persuni oħra jkunu jistgħu jsiru jafu bl-użu tagħha. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li l-ewwel rikorrenti tippretendi, huwa mill-mument meta l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti kien jaf bl-użu tat-trade mark Komunitarja sussegwenti, wara li tkun ġiet irreġistrata, u mhux fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, li t-terminu ta’ dekadenza minħabba tolleranza jibda jiddekorri.

34      F’dan il-każ, l-ewwel rikorrenti ma pproduċiet ebda provi li jippermettu li jkun stabbilit il-mument minn meta l-intervenjenti kellha għarfien tal-użu tat-trade mark ikkontestata wara r-reġistrazzjoni tagħha. Hija sempliċement affermat li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet użata għal iktar minn ħames snin fl-Italja u li l-intervenjenti kellha tkun taf dwar dan l-użu. Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punt 30 iktar ’il fuq, inqas minn ħames snin għaddew bejn id-data ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata u d-data tal-preżentazzjoni tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-użu tat-trade mark qabel id-data tar-reġistrazzjoni huwa irrilevanti inkwantu din kienet għadha ma ġietx irreġistrata.

35      Fid‑dawl ta’ dan kollu li ntqal, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1)(a) u tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94

36      Essenzjalment, l-ewwel rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna, min-naħa waħda, l-eżistenza ta’ xebh fuq il-pjan viżiv, fonetiku u kunċettwali bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark ikkontestata u, min-naħa l-oħra, il-karattru distintiv tal-kunjom Basile, li jinstab fiż-żewġ trade marks.

37      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009], jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma għandhiex tintlaqa’ meta, għal raġuni ta’ identità jew xebh tagħha mat-trade mark preċedenti u għal raġuni ta’ identità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

38      Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l‑probabbiltà li l‑pubbliku jista’ jaħseb li l‑prodotti jew is‑servizzi inkwistjoni joriġinaw mill‑istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l‑istess ġurisprudenza, il‑probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il‑perċezzjoni li l‑pubbliku rilevanti jkollu tas‑sinjali u tal‑prodotti jew tas‑servizzi inkwistjoni, u filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑fatturi rilevanti kollha tal‑każ ineżami, b’mod partikolari l‑interdipendenza bejn ix‑xebh tas‑sinjali u x‑xebh tal‑prodotti jew tas‑servizzi koperti [ara s‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI — Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 30 sa 33, u l‑ġurisprudenza ċċitata].

39      F’dan il-każ, l-ewwel rikorrenti ma tikkontestax la d-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti u lanqas l-identità u xebh tal-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti, li għandhom barra minn hekk jiġu approvati.

40      L‑evalwazzjoni globali tal‑probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, fir‑rigward tax‑xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas‑sinjali kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l‑impressjoni ġenerali prodotta minnhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l‑elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il‑perċezzjoni tat‑trade marks li jkollu l‑konsumatur medju tal‑prodotti jew tas‑servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl‑evalwazzjoni globali tal‑probabbiltà msemmija. F’dan ir‑rigward, il‑konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark bħala unità u ma jagħmilx eżami tad‑diversi dettalji tagħha (ara s‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, Ġabra p. I‑4529, punt 35, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

41      Skont il-ġurisprudenza, żewġ trade marks ikunu jixxiebhu meta, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, bejn dawn it-trade marks ikun hemm minn tal-inqas ugwaljanza parzjali fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-aspetti rilevanti, jiġifieri l-aspett viżiv, dak fonetiku u dak kunċettwali [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI — Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra p. II-4335, punt 30, u tal‑10 ta’ Settembru 2008, Boston Scientific vs UASI — Terumo (CAPIO), T-325/06, Ġabra p. II‑0174, punt 89].

42      L-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tillimita ruħha b’mod li jittieħed biss inkunsiderazzjoni komponent ta’ trade mark kumplessa u li jiġi mqabbel ma’ trade mark oħra. Kuntrarjament, ix-xebh għandu jsir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fl-intier tagħha, u dan ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti ta’ trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha (ara s-sentenza UASI vs Shaker, punt 40 iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il-bażi tal-element dominanti biss (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja UASI vs Shaker, punt 40 iktar ’il fuq, punt 42, u tal‑20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, Ġabra p. I-0114, punt 42). Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dan il-komponent ikun jista’ jiddomina, waħdu, l-immaġni ta’ dik it-trade mark f’moħħ il-pubbliku rilevanti, b’tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu irrilevanti fl-impressjoni ġenerali mogħtija minnha (sentenza Nestlé vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

43      F’dan il-każ, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, il-karattru distintiv tal-kunjom Basile u, fit-tieni lok, ix-xebh tat-trade marks kunfliġġenti.

–        Fuq il-karattru distintiv tal-kunjom Basile

44      Il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li, għall-inqas fl-Italja, il-konsumaturi kienu, ġeneralment, jattribwixxu iktar karattru distintiv lill-kunjom milli lill-isem preżenti fit-trade marks u kkonkluda fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kunjom Basile kellu karattru distintiv superjuri għal dak tal-isem Antonio.

45      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-konsumatur Taljan jattribwixxi, bħala regola ġenerali, iktar karattru distintiv lill-kunjom milli lill-isem preżenti fit-trade mark inkwistjoni [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑1 ta’ Marzu 2005, Fusco vs UASI — Fusco International (ENZO FUSCO), T‑185/03, Ġabra p. II‑715, punt 54].

46      Kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza, din ir-regola, ibbażata fuq l-esperjenza, ma tistax tiġi applikata awtomatikament mingħajr ma jitqiesu l-karatteristiċi partikolari li jikkaratterizzaw il-każ [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Lulju 2006, Rossi vs UASI — Marcorossi (MARCOROSSI), T‑97/05, Ġabra p. II-0054, punt 45]. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li l-kunjom inkwistjoni huwa rari jew, għall-kuntrarju, komuni ħafna, li jista’ jkollu effett fuq dan il-karattru distintiv kif ukoll jekk il-persuna li titlob li l-isem u l‑kunjom tagħha, meħuda flimkien, jiġu rreġistrati bħala trade mark hijiex magħrufa sewwa, (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Ġunju 2010, Becker vs Harman International Industries, C‑51/09 P, Ġabra p. I‑5805, punti 36 u 37).

47      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell indika, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa waħda, li ma kienx ġie stabbilit li l-kunjom Basile kien popolari ħafna fl-Italja u, min-naħa l-oħra, li dan il-kunjom ma kienx wieħed mill-iktar komuni f’dak it-territorju. L-ewwel rikorrenti tikkontesta dawn l-affermazzjonijiet mingħajr, madankollu, ma pprovdiet prova sabiex tistabbilixxi l-kuntrarju. Sabiex tikkontesta l-karattru distintiv tal-imsemmi kunjom, hija tafferma, barra minn hekk, li dan kien is-suġġett ta’ reġistrazzjonijiet numerużi. Madankollu, xejn fil-proċess ma jippermetti li dan il-fatt jiġi stabbilit, peress li l-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward ġew ikkunsidrati inammissibbli (ara punt 19 hawn fuq). Barra minn hekk, l-ewwel rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-isem Antonio, li jippreċedi l-kunjom Basile fit-trade mark ikkontestata, huwa komuni ħafna fl-Italja.

48      Fit-tieni lok, minkejja l-affermazzjonijiet tagħha, l-ewwel rikorrenti ma pproduċietx provi li jippermettu li jiġi stabbilit li l-isem Antonio u l-kunjom Basile, meħuda flimkien, jidentifikaw persuna li tgawdi mir-reputazzjoni, tal-inqas fl-Italja, u li fl-intier tagħha hija għalhekk tiġi pperċepita mill-konsumaturi bħala trade mark komposta minn isem u minn kunjom li jidentifikaw lil din il-persuna u mhux bħala l-kunjom Basile li miegħu xi elementi ġew miżjuda, speċifikament l-isem Antonio.

49      Għalhekk, huwa korrett li l-Bord tal-Appell qies, fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fit-trade mark ikkontestata, il-kunjom Basile huwa iktar distintiv mill-isem Antonio.

–       Fuq ix-xebh tat-trade marks kunfliġġenti

50      Il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade marks kunfliġġenti, minn naħa, ippreżentaw ċertu xebh fuq il-pjan viżiv u fonetiku u, min-naħa l-oħra, kienu jixxiebhu fuq il-pjan kunċettwali fir-rigward tal-element tagħhom “basile”. F’dan ir-rigward, huwa ħa inkunsiderazzjoni l-karattru distintiv qawwi tal-imsemmi element, u l-fatt li, bħala kunjom, dan żamm pożizzjoni distintiva awtonoma fi ħdan it-trade mark ikkontestata (punti 32 u 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

51      L-ewwel rikorrenti tqis li x-xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti huwa baxx sa fejn, minn naħa, l-element komuni “basile” ma għandux karattru distintiv u sa fejn, min-naħa l-oħra, l-istruttura, it-tul u l-elementi grafiċi tal-imsemmija trade marks huma differenti. Hija ssostni f’dan ir-rigward li, fil-każ tat-trade mark ikkontestata, il-kunjom Basile huwa ppreċedut bl-ittra kapitali stilizzata “B”, li għandha karattru distintiv qawwi, u l-isem Antonio u huwa segwit bl-element “1952”, li jevoka data.

52      Għandu jiġi kkonstatat li l-element “basile” jidher f’kull waħda mit-trade marks kunfliġġenti, li huwa l-uniku element tat-trade mark preċedenti u, kif jirriżulta mill-punt 49 iktar ’il fuq, li l-karattru distintiv tiegħu huwa iktar qawwi minn dak tal-element “antonio”, li jippreċedih fit-trade mark ikkontestata.

53      Madankollu, kuntrarjament għal dak li l-Bord tal-Appell ikkonkluda fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, l-element “basile” ma jżommx, bħala kunjom, pożizzjoni distintiva awtonoma fi ħdan it-trade mark ikkontestata. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, kunjom ma jżommx f’kull każ pożizzjoni distintiva awtonoma biss minħabba li huwa jiġi pperċepit bħala kunjom. Il-konstatazzjoni ta’ tali pożizzjoni tista’ tiġi bbażata biss fuq eżami tal-fatturi kollha rilevanti tal-każ (sentenza Becker vs Harman International Industries, punt 46 supra, punt 38), dak li l-Bord tal-Appell ma għamilx f’dan il-każ.

54      Madankollu, din l-evalwazzjoni żbaljata tal-Bord tal-Appell ma għandhiex tivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni kkontestata.

55      Għalhekk, hemm lok li jitqies li t-trade marks kunfliġġenti għandhom ċertu xebh fuq il-pjan viżiv u fonetiku li jirriżulta mill-preżenza tal-element “basile”, li huwa, skont il-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, l-element l-iktar karatteristiku tat-trade mark ikkontestata. Kuntrarjament għal dak li l-ewwel rikorrenti tippretendi, id-differenzi marbuta mal-istruttura u t-tul differenti ta’ trade marks kunfliġġenti u maż-żieda tal-elementi grafiċi fit-trade mark kkontestata ma humiex biżżejjed sabiex tiġi skartata din il-konklużjoni.

56      Fil-fatt, fuq il-pjan viżiv, l-ittra kapitali stilizzata “B”, segwita b’punt, li tikkorrispondi għall-bidu tal-kunjom Basile u mqiegħda fuq l-isem Antonio u l-kunjom Basile, kif ukoll l-element “1952”, imqiegħed taħt din il-frażi miktub b’ittri iżgħar, ma humiex elementi importanti biżżejjed sabiex jiġi skartat kull xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti, maħluq mill-koinċidenza tal-element l-iktar karatteristiku tat-trade mark ikkontestata u tat-trade mark preċedenti [ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Mejju 2007, La Perla vs UASI — Worldgem Brands (NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC), T‑137/05, Ġabra p. II-0047, punt 46]. Fil-fatt, anki jekk l-ittra kapitali stilizzata “B” hija daqs ikbar minn dak tal-elementi l-oħra tat-trade mark ikkontestata, hija ma tikkostitwixxix żieda sinjifikattiva għall-element “basile”, minħabba li din tikkorrispondi għall-inizjali tagħha jew għall-monogramm tagħha. Bl-istess mod, fir-rigward tal-pożizzjoni tiegħu fit-trade mark ikkontestata u tad-daqs iżgħar tal-karattri tiegħu, l-element “1952”, li jista’ jiġi pperċepit bħala sena, jokkupa pożizzjoni sekondarja fit-trade mark ikkontestata u ma jiġbidx l-attenzjoni tal-konsumaturi daqs l-elementi l-oħra ta’ din it-trade mark, mingħajr ma dan jimplika li dan l-element huwa negliġibbli.

57      Il-fatt li l-element “basile” huwa ppreċedut mill-element “antonio” ma jannullax din il-konklużjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, minkejja li huwa ċertament veru li l-parti inizjali tat-trade marks tista’ tattira iktar l-attenzjoni tal-konsumatur mill-partijiet sussegwenti, dan l-argument ma jżommx fil-każijiet kollha [sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Mejju 2007, Trek Bicycle vs UASI — Audi (ALLTREK), T‑158/05, Ġabra p. II‑0049, punt 70]. F’dan il-każ, kif ġie indikat fil-punt 47 iktar ’il fuq, Antonio huwa isem komuni ħafna fl-Italja u għalhekk għandu karattru distintiv iktar baxx mill-kunjom Basile. Għalhekk, minkejja l-pożizzjoni tiegħu fil-parti inizjali tat-trade mark ikkontestata, l-element “antonio” ma jistax jiġbed iktar attenzjoni mill-konsumatur milli l-element “basile”.

58      Fuq il-pjan fonetiku, anki jekk it-trade mark ikkontestata, li tikkonsisti minn sitt sillabi “an”, “to”, “nio”, “ba”, “si” u “le” hija itwal mit-trade mark preċedenti, li tikkonsisti minn tliet sillabi “ba”, “si” u “le”, nofs is-sillabi tat-trade mark ikkontestata u dawk kollha tat-trade mark preċedenti, jiġifieri s-sillabi li jaqblu mal-kunjom Basile, huma identiċi. Kuntrarjament għal dak li l-ewwel rikorrenti tippretendi, id-differenzi bejn it-trade marks kunfliġġenti marbuta maż-żieda, fit-trade mark ikkontestata, tal-ittra kapitali “B” u tal-element “1952” mal-isem Antonio u mal-kunjom Basile ma jikkonfutawx l-eżistenza ta’ ċertu xebh fonetiku, peress li, minn naħa, fil-prinċipju, l-ittra kapitali “B”, waħidha, ma tiġix ippronunzjata mill-konsumaturi, li jarawha bħala l-inizjali jew il-monogramma tal-imsemmi kunjom, u peress li, min-naħa l-oħra, kif ġie indikat fil-punt 56 iktar ’il fuq, l-element “1952”, li jista’ jiġi pperċepit bħala sena mill-pubbliku rilevanti u li jieħu pożizzjoni sekondarja fit-trade mark ikkontestata, lanqas ma huwa, għalhekk, f’pożizzjoni li jiġi ppronunzjat mill-pubbliku rilevanti wara li jippronunzja l-frażi “antonio basile”. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt preċedenti, peress li huwa l-karattru distintiv l-iktar dgħajjef tagħha, il-fatt li l-element “antonio” tqiegħed quddiem l-element “basile” ma huwiex biżżejjed sabiex jinnewtralizza x-xebh eżistenti bejn iż-żewġ trade marks.

59      Għalhekk, kien korrett il-Bord tal-Appell meta kkonkluda, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade marks kunfliġġenti kellhom ċertu xebh fuq il-pjan viżiv u fonetiku.

60      Fuq il-pjan kunċettwali, iż-żewġ trade marks kienu jikkonsistu mill-kunjom Taljan Basile sabiex jindikaw il-prodotti kkonċernati, mingħajr ma ż-żieda tal-isem Antonio fit-trade mark ikkontestata tista’ tbiddel din il-konklużjoni. Fiż-żewġ każijiet, l-oriġini kummerċjali tal-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti tiġi pperċepita mill-konsumatur rilevanti bħala li hija marbuta ma’ persuna li għandha dan il-kunjom. Għalhekk, kien korrett il-Bord tal-Appell meta qies, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li ż-żewġ trade marks kienu simili mil-lat kunċettwali.

61      Minn dan kollu premess jirriżulta li t-trade marks kunfliġġenti għandhom ċertu xebh fuq il-pjan viżiv u l-pjan fonetiku u li huma simili fuq il-pjan kunċettwali. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, hemm lok għalhekk li jiġi konkluż li t-trade marks kunfliġġenti jixxiebhu.

–       Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

62      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, u, b’mod partikolari, tax‑xebh tat-trade marks u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. B’hekk, grad żgħir ta’ xebh bejn il-prodotti jew is‑servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn grad għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u bil-kontra [sentenza Canon, punt 18 supra, u s‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Mast‑Jägermeister vs UASI — Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, Ġabra p. II‑5409, punt 74].

63      Kif intqal fil-punt 39 iktar ’il fuq, l-identità u l-analoġija tal-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti ma humiex ikkontestati. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 61 hawn fuq, it-trade marks kunfliġġenti jixxiebhu.

64      Għalhekk, kien korrett il-Bord tal-Appell meta qies, fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti.

65      Madankollu, l-ewwel rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell ma eżaminax l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, bl-analiżi, b’mod partikolari, tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata miksub permezz tal-użu. Bl-istess mod, jidher li hija qiegħda ssostni li l-evalwazzjoni tal-prova tal-użu tar-reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti ma twettqitx.

66      Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu. Fl-ewwel lok, jirriżulta mill-punti 26 sa 38 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Bord tal-Appell eżamina bir-reqqa l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, u dan ippermetta lill-ewwel rikorrenti li tikkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali billi tippreżenta l-argumenti eżaminati iktar ’il fuq.

67      Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-argument dwar l-analiżi tal-kisba mit-trade kkontestata ta’ karattru distintiv bl-użu, għandu jitfakkar li, minkejja li dan għandu rwol fir-rigward ta’ raġunijiet assoluti għal rifjut jew ta’ raġuni assoluta ta’ invalidità, dan ma huwiex, madankollu, rilevanti fil-kuntest ta’ raġunijiet relattivi għal rifjut jew ta’ raġuni relattiva ta’ invalidità, bħal f’dan il-każ fil-kuntest tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Anki jekk, b’dan l-argument, l-ewwel rikorrenti riedet issostni r-reputazzjoni jew il-karattru distintiv miksub mit-trade mark ikkontestata fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, hemm lok li jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, il-karattru distintiv elevat ta’ sinjal għandu rwol fir-rigward tat-trade mark preċedenti u mhux fir-rigward tat-trade mark sussegwenti (ara, b’analogija, is-sentenzi SABEL, punt 18 iktar ’il fuq, punt 24; Canon, punt 18 iktar ’il fuq, punt 18, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 18 iktar ’il fuq, punt 20).

68      Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-prova tal-użu tar-reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti, sakemm l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ġiet evalwata fir-rigward tat-trade mark preċedenti, l-evalwazzjoni tal-prova tal-użu tar-reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti kif ukoll l-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tas-sinjal inkwistjoni ma humiex rilevanti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Settembru 2004, Metro‑Goldwyn‑Mayer Lion vs UASI — Moser Grupo Media (Moser Grupo Media), T‑342/02, Ġabra p. II‑3191, punt 48].

69      Fid-dawl ta’ dan kollu premess, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta ddeċieda li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud it-tieni motiv u, konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

70      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-ewwel rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

71      Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(5) tar-Regoli tal-Proċedura, f’każ ta’ rinunzja għall-atti, fin-nuqqas li ssir talba għall-ispejjeż, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Għalhekk, it-tieni rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Fil-Kawża T‑133/09, l-isem tat-tieni rikorrent, Antonio Basile, huwa mħassar mil-lista tar-rikorrenti.

2)      Ir-rikors huwa miċħud.

3)      I Marchi Italiani Srl hija kkundannata għall-ispejjeż, minbarra dawk marbuta mar-rinunzja għall-atti.

4)      A. Basile għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Kanninen

Wahl

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Ġunju 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.