Language of document : ECLI:EU:T:2021:44

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

27 ta’ Jannar 2021 (*)

“Ambjent – Direttiva 2010/75/UE – Emissjonijiet industrijali – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1442 – Impjanti kbar tal-kombustjoni – Konklużjonijiet dwar l-aqwa tekniki disponibbli (BAT) – Artikolu 16(4) u (5) TUE – Artikolu 3(2) u (3) tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-Dispożizzjonijiet Tranżitorji – Applikazzjoni tal-liġi ratione temporis – Komitoloġija”

Fil-Kawża T‑699/17,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna u D. Krawczyk, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika tal-Bulgarija, irrappreżentata minn E. Petranova u T. Mitova, bħala aġenti,

u minn

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Fehér, bħala aġent,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn Ł. Habiak, K. Herrmann u R. Tricot, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn M. Jacobs, bħala aġent,

minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn J. Traband u A.‑L. Desjonquères, bħala aġenti,

u minn

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn C. Meyer‑Seitz, H. Shev, L. Zettergren u A. Alriksson, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1442 tal‑31 ta’ Lulju 2017 li tistabbilixxi l-konklużjonijiet tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT), skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għall-impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU 2017, L 212, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn A. M. Collins, President, V. Kreuschitz (Relatur), Z. Csehi, G. De Baere u G. Steinfatt, Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑17 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Fuq il-proċedura ta’ adozzjoni tal-konklużjonijiet dwar l-aqwa tekniki disponibbli (BAT)

1        Il-konklużjonijiet dwar l-aqwa tekniki disponibbli (BAT) iservu bħala referenza, konformement mal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010, L 334, p. 17, rettifika fil-ĠU 2012, L 158, p. 25), għall-iffissar tal-kundizzjonijiet għal permess għall-operat ta’ impjanti tal-kombustjoni.

2        Il-konklużjonijiet dwar il-BAT huma adottati f’żewġ stadji, konformement mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2010/75 u mal-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/119/UE tal‑10 ta’ Frar 2012 li tistipula r-regoli rigward gwida dwar il-ġbir tad-dejta u t-tfassil tad-dokumenti ta’ referenza tal-BAT u dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità tagħhom imsemmija fid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (ĠU 2012, L 63, p. 1).

3        L-ewwel stadju jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ dokument tekniku ta’ referenza dwar il-BAT (iktar ’il quddiem il-“BREF”) wara skambju ta’ informazzjoni bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Istati Membri, tas-setturi kkonċernati u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu għall-protezzjoni tal-ambjent. F’dan il-kuntest, grupp ta’ ħidma teknika għandu jfassal id-dokumenti relatati mal-BREF billi jieħu inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-iskambju ta’ informazzjoni għas-settur speċifiku. L-abbozz finali tal-BREF jintbagħat lill-forum stabbilit mill-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2010/75, li jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-kontenut propost tal-BREF wara x-xogħlijiet imwettqa fuq il-livell tekniku.

4        Fit-tieni stadju, konformement mal-Artikolu 13(5) u mal-Artikolu 75(2) tad-Direttiva 2010/75, il-Kummissjoni għandha tippreżenta abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-konklużjonijiet dwar il-BAT lill-kumitat stabbilit mill-Artikolu 75 tad-Direttiva 2010/75 (iktar ’il quddiem il-“kumitat”) u kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri. Il-kumitat għandu jagħti, skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU 2011, L 55, p. 13), l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni b’maġġoranza kkwalifikata ddefinita fl-Artikolu 16(4) u (5) TUE. Meta din l-opinjoni tkun favorevoli, il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tistabbilixxi l-konklużjonijiet dwar il-BAT.

 Fuq id-dispożizzjonijiet applikabbli dwar maġġoranza kkwalifikata

5        L-Artikolu 16(4) u (5) TUE jiddisponi:

“4. Mill‑1 ta’ Novembru 2014, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija daqs mill-inqas 55 % tal-membri tal-Kunsill, li tinkludi mill-inqas ħmistax fosthom u li tirrappreżenta Stati Membri li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta’ l-Unjoni.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas erba’ membri tal-Kunsill, u fin-nuqqas ta’ dan għandu jitqies li ntlaħqet il-maġġoranza kwalifikata.

L-arranġamenti l-oħra li jirregolaw il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għandhom ikunu stabbiliti skond l-Artikolu 238 [TFUE].

5. Id-dispożizzjonijiet transitorji dwar id-definizzjoni tal-maġġoranza kwalifikata li għandhom japplikaw sal‑31 ta’ Ottubru 2014, kif ukoll dawk li ser ikunu applikabbli bejn l‑1 ta’ Novembru 2014 u l‑31 ta’ Marzu 2017, għandhom ikunu stabbiliti mill-protokoll dwar id-dispożizzjonijiet transitorji.”

6        L-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-Dispożizzjonijiet Tranżitorji (ĠU 2016, C 202, p. 321, rettifiki fil-ĠU 2016, C 400, p. 1, u fil-ĠU 2017, C 59, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 36”) jipprevedi:

“1. Skond l-Artikolu 16(4) [TUE], id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu u d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 238(2) [TFUE] dwar id-definizzjoni tal-maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill Ewropew u fil-Kunsill, għandu jkollhom effett mill‑1 ta’ Novembru 2014.

2. Bejn l‑1 ta’ Novembru 2014 u l‑31 ta’ Marzu 2017, meta att ikollu jiġi adottat bil-maġġoranza kwalifikata, membru tal-Kunsill jista’ jitlob li l-att jiġi adottat bil-maġġoranza kwalifikata kif definita fil-paragrafu 3. F’dak il-każ, għandhom japplikaw il-paragrafi 3 u 4.

3. Sal‑31 ta’ Ottubru 2014, għandhom ikunu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet li ġejjin, mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 235(1) [TFUE]:

Fejn il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill għandhom jaġixxu bil-maġġoranza kwalifikata, il-voti tal-membri għandhom jitqiesu li għandhom il-piż kif ġej:

Belġju

12

Bulgarija

10

Repubblika Ċeka

12

Danimarka

7

Ġermanja

29

Estonja

4

Irlanda

7

Greċja

12

Spanja

27

Franza

29

Kroazja

7

Italja

29

Ċipru

4

Latvja

4

Litwanja

7

Lussemburgu

4

Ungerija

12

Malta

3

Olanda

13

Awstrija

10

Polonja

27

Portugall

12

Rumanija

14

Slovenja

4

Slovakkja

7

Finlandja

7

Svezja

10

Renju Unit

29


L-atti għandhom jiġu adottati jekk ikun hemm mill-inqas 260 vot favur li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-membri meta, skond it-Trattati, għandhom jiġu adottati fuq proposta tal-Kummissjoni. F’każijiet oħra l-atti għandhom jiġu adottati jekk ikun hemm mill-inqas 260 vot favur li jirrappreżentaw mhux anqas minn żewġ terzi tal-membri.

Membru tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill jista’ jitlob li, fejn att huwa adottat mill-Kunsill Ewropew jew mill-Kunsill b’maġġoranza kwalifikata, jiġi verifikat jekk l-Istati Membri li jiffurmaw din il-maġġoranza kwalifikata jirrappreżentawx mill-inqas 62 % tal-popolazzjoni totali ta’ l-Unjoni. Jekk jinstab li dan ma jkunx il-każ, l-att m’għandux ikun adottat.

4. Sal‑31 ta’ Ottubru 2014, fil-każijiet fejn, skond it-Trattati mhux il-membri kollha tal-Kunsill jipparteċipaw fil-vot, jiġifieri fil-każijiet fejn issir referenza għall-maġġoranza kwalifikata definita skond l-Artikolu 238(3) [TFUE], il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun imfissra bħala li hija l-istess proporzjon tal-voti peżati u l-istess proporzjon tan-numru tal-membri tal-Kunsill u, jekk ikun xieraq, l-istess perċentwali tal-popolazzjoni ta’ l-Istati Membri konċernati kif stabbilit fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.”

7        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 182/2011 jipprevedi, b’mod partikolari, dan li ġej:

“1. Fejn tapplika l-proċedura ta’ eżami, il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu permezz tal-maġġoranza stipulata fl-Artikolu 16(4) u (5) [TUE] u, fejn applikabbli, l-Artikolu 238(3) [TFUE], għal atti li għandhom jiġu adottati fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-kumitat għandhom ikunu ppeżati bil-mod stipulat f’dawk l-Artikoli.

2. Fejn il-kumitat jagħti opinjoni pożittiva, il-Kummissjoni għandha tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        Fid‑9 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni, fil-kwalità tagħha ta’ president tal-kumitat, ippreżentat lill-kumitat abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tistabbilixxi l-konklużjonijiet dwar il-BAT, skont id-Direttiva 2010/75, għall-impjanti kbar tal-kombustjoni (iktar ’il quddiem l-“IKK”).

9        Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni stiednet lill-membri tal-kumitat għal laqgħa li kellha ssir fit‑28 ta’ April 2017. L-għan ta’ din il-laqgħa kien li jittieħed vot fuq l-opinjoni dwar dan l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Abbozz ta’ aġenda kien anness ma’ din l-ittra.

10      Fit‑30 ta’ Marzu 2017, ir-Repubblika tal-Polonja talbet li l-kumitat jivvota fuq l-opinjoni dwar l-imsemmi abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni skont ir-regoli tal-vot stabbiliti fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36.

11      Fl‑4 ta’ April 2017, is-servizz legali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bagħat opinjoni lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri li biha, essenzjalment, sabiex jittieħed vot dwar abbozz ta’ att skont ir-regoli applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Istat Membru kellu jippreżenta talba għal dan l-għan mhux iktar tard mill‑31 ta’ Marzu 2017 u l-vot, li huwa s-suġġett tat-talba, ukoll kellu jsir qabel din id-data.

12      Fl‑10 ta’ April 2017, id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni rrifjuta t-talba tar-Repubblika tal-Polonja tat‑30 ta’ Marzu 2017, minħabba li l-vot fuq l-opinjoni kien previst għat‑28 ta’ April 2017, jiġifieri wara l‑31 ta’ Marzu 2017, li hija d-data finali prevista fl-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36.

13      Fit‑28 ta’ April 2017 inżammet laqgħa tal-kumitat li matulha l-membri vvotaw sabiex jadottaw opinjoni dwar abbozz emendat ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Il-vot ittieħed skont ir-regoli tal-vot stabbiliti fl-Artikolu 16(4) TUE u mhux dawk stabbiliti fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36. Il-vot wassal għal opinjoni favorevoli tal-kumitat fir-rigward tal-abbozz wara vot pożittiv ta’ 20 Stat Membru li jirrappreżentaw 65.14 % tal-popolazzjoni u 71.43 % tal-membri tal-imsemmi kumitat. Tmien Stati Membri, fosthom ir-Repubblika tal-Polonja, ivvutaw kontra.

14      Fil‑31 ta’ Lulju 2017, wara dan il-vot, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1442, li tistabbilixxi l-konklużjonijiet dwar l-aqwa tekniki disponibbli (BAT), skont id-Direttiva 2010/75, għall-impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU 2017, L 212, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

15      Id-deċiżjoni kkontestata timponi b’mod partikolari l-livelli tal-emissjonijiet assoċjati mal-aqwa tekniki disponibbli (iktar ’il quddiem il-“BAT-AELs”) f’dak li jirrigwarda l-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu (NOx), ta’ merkurju (Hg), u ta’ klorur tal-idroġenu (HCl) għall-IKK, jiġifieri impjanti ta’ saħħa termika nominali ta’ mill-inqas 50 megawatts (MW) indipendentement mit-tip ta’ kombustibbli użat.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Ottubru 2017, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat dan ir-rikors.

17      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fl‑4 u fil‑15 ta’ Jannar 2018 rispettivament, l-Ungerija u r‑Repubblika tal-Bulgarija talbu sabiex jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tar‑Repubblika tal-Polonja. Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Frar 2018, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali (kulleġġ ġudikanti preċedenti) laqa’ dawn l-interventi.

18      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fis‑16 u fil‑25 ta’ Jannar 2018 rispettivament, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja talbu li jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ deċiżjonijiet, tad‑19 u tal‑21 ta’ Frar 2018 rispettivament, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali (kulleġġ ġudikanti preċedenti) laqa’ dawn l-interventi.

19      L-intervenjenti ppreżentaw in-noti tagħhom u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn in-noti fit-termini mogħtija.

20      Permezz ta’ deċiżjoni adottata fil‑11 ta’ Marzu 2019, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-President tal-Qorti Ġenerali assenja mill-ġdid il-kawża lil Imħallef Relatur ieħor, assenjat lit-Tielet Awla (kulleġġ ġudikanti preċedenti).

21      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla (kulleġġ ġudikanti ġdid), u konsegwentement, din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

22      Fuq proposta tat-Tielet Awla (kulleġġ ġudikanti ġdid), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

23      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, skont l-Artikolu 89(3)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet lill-partijiet prinċipali mistoqsijiet bil-miktub u stiednet lil dawn il-partijiet jesprimu ruħhom bil-miktub dwar ċerti aspetti tat-tilwima. Il-partijiet prinċipali wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-terminu stabbilit.

24      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali instemgħu fis-seduta tas‑17 ta’ Settembru 2020.

25      Ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mir-Repubblika tal-Bulgarija u mill-Ungerija, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika Franċiża u mir-Renju tal-Isvezja, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

 Id-dritt

27      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka ħames motivi.

28      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli fir-rigward tal-maġġoranza kkwalifikata. Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li, wara t-talba tagħha f’dan ir-rigward u skont l-Artikolu 3(2) u (3) tal-Protokoll Nru 36, id-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi adottata skont ir-regoli ta’ maġġoranza kkwalifikata previsti mit-Trattat ta’ Nice u mhux skont dawk previsti mit-Trattat ta’ Lisbona.

29      Fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet motiv, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-BAT-AELs imposti mid-deċiżjoni kkontestata għall-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu (NOx), tal-merkurju (Hg), ta’ klorur tal-idroġenu (HCl) tal-IKK, kif ukoll ċerti BAT-AELs applikabbli għall-IKK li t-tul tal-operat annwali tagħhom huwa ta’ inqas minn 1 500 siegħa, kienu ġew stabbiliti abbażi ta’ data żbaljata u mhux rappreżentattiva u jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

30      Permezz tar-raba’ u tal-ħames motiv, ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-legalità tad-deroga mogħtija mid-deċiżjoni kkontestata lil ċerti reġjuni insulari għall-applikazzjoni tal-BAT-AELs għall-magni mħaddma biż-żejt kombustibbli tqil jew bid-diżil.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 16(4) u (5) TUE u tal-Artikolu 3(2) u (3) tal-Protokoll Nru 36

31      Ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, tqis li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tar-regoli li jirregolaw il-vot b’maġġoranza kkwalifikata stabbiliti mill-Artikolu 16(4) u (5) TUE u mill-Artikolu 3(2) u (3) tal-Protokoll Nru 36. Essenzjalment, hija tqis li, sabiex wieħed jibbenefika mir-regoli tal-maġġoranza kkwalifikata previsti fl-Artikolu 3(3) ta’ dan il-protokoll, huwa biżżejjed li Stat Membru jressaq talba f’dan ir-rigward fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 3(2) tal-imsemmi protokoll, jiġifieri, bejn l‑1 ta’ Novembru 2014 u l‑31 ta’ Marzu 2017. Peress li r-Repubblika tal-Polonja ressqet tali talba fit‑30 ta’ Marzu 2017, dawn ir-regoli tal-maġġoranza kkwalifikata kellhom jiġu applikati waqt il-vot dwar l-abbozz tad-deċiżjoni kkontestata fi ħdan il-kumitat fit‑28 ta’ April 2017.  L-Ungerija żżid li, skont l-imsemmija regoli, il-limitu tal-voti neċessarji għall-adozzjoni tal-imsemmi abbozz ma setax jintlaħaq u l-vot kien għalhekk iwassal għal riżultat differenti.

32      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika Franċiża u mir-Renju tal-Isvezja, essenzjalment tirribatti li l-perijodu ddefinit fl-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 jinkludi kemm id-data li fiha l-membru tal-Kunsill jippreżenta t-talba tiegħu kif ukoll dik li fiha jkun seħħ il-vot. Fil-fehma tagħha, din id-dispożizzjoni tipprevedi eċċezzjoni għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 16(4) TUE u għandha, għaldaqstant, tiġi interpretata b’mod strett. L-Artikolu 16(5) TUE jistabbilixxi b’mod deċiżiv il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dispożizzjonijiet tranżitorji li jinsabu fil-Protokoll Nru 36 u mit-test tiegħu, kif ukoll minn dak tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36, jirriżulta b’mod ċar li l-maġġoranza kkwalifikata ddefinita fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36 tapplika biss għall-voti li seħħew bejn l‑1 ta’ Novembru 2014 u l‑31 ta’ Marzu 2017. Il-Kummissjoni tqis li l-approċċ tar-Repubblika tal-Polonja jwassal sabiex jiġi aċċettat li d-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar id-definizzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata jiddependu esklużivament fuq deċiżjoni unilaterali ta’ Stat Membru wieħed u li dawn jistgħu japplikaw b’mod indefinit, u dan iċaħħad lill-Artikolu 16(4) TUE u lill-proċedura tal-kumitat mill-effett utli tagħhom, u jwassal għal ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Il-Kummissjoni tippreċiża li t-tul tal-perijodu tranżitorju għandu jkun magħruf a priori u li dan ġie stabbilit b’mod ċar mill-awturi tat-Trattat.

33      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali hija mitluba tiddeċiedi dwar il-portata tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 u, b’mod iktar konkret, dwar il-kwistjoni jekk, sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-applikazzjoni tar-regoli tal-maġġoranza kkwalifikata previsti fil-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, li jikkorrispondu għall-maġġoranza kkwalifikata tat-Trattat ta’ Nice, huwiex biżżejjed għal Stat Membru li jkun ressaq talba għal din bejn l‑1 ta’ Novembru 2014 u l‑31 ta’ Marzu 2017 jew jekk huwiex neċessarju li d-deċiżjoni ttieħdet ukoll matul dan il-perijodu.

34      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet u l-iskop tal-att li minnu hija tagħmel parti. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tiżvela elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele), C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 37). Għalhekk għandha ssir interpretazzjoni letterali, kuntestwali, teleoloġika u storika tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36. F’dan il-kuntest, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija redatta f’diversi lingwi u li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha huma awtentiċi, u dan jista’ jeħtieġ paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Il‑Latvja vs Il‑Kummissjoni, T‑661/14, EU:T:2016:412, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali, il-partijiet jaqblu fuq il-fatt li l-formulazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 ma jippermettix li jitneħħa d-dubju dwar il-portata eżatta ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, mit-test li jipprovdi li “[b]ejn l‑1 ta’ Novembru 2014 u l‑31 ta’ Marzu 2017, meta att ikollu jiġi adottat bil-maġġoranza kwalifikata, membru tal-Kunsill jista’ jitlob li l-att jiġi adottat bil-maġġoranza kwalifikata kif definita fil-paragrafu 3” ma jirriżultax li l-imsemmija adozzjoni għandha, jew ma għandhiex, isseħħ ukoll f’dan il-perijodu.

36      Lanqas il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 ma jippermettu li jitneħħa d-dubju dwar il-portata eżatta tal-imsemmija dispożizzjoni.

37      Fit-tieni lok, lanqas l-interpretazzjoni storika tad-dispożizzjoni inkwistjoni ma tippermetti li l-formulazzjoni tagħha tiġi ċċarata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-Trattat ta’ Lisbona, li emenda r-regoli għall-kalkolu tal-maġġoranza kkwalifikata, ġie adottat bis-saħħa ta’ mandat mogħti lill-konferenza intergovernattiva, imsejħa bl-għan li jiġi ppreparat abbozz ta’ trattat li jemenda t-Trattat UE u t-Trattat KE. Skont it-termini ta’ dan il-mandat, “matul perijodu tranżitorju sal‑31 ta’ Marzu 2017, meta deċiżjoni għandha tiġi adottata b’maġġoranza kkwalifikata, Membru tal-Kunsill jista’ jitlob li d-deċiżjoni tittieħed b’maġġoranza kkwalifikata kif iddefinita fl-Artikolu 205(2) tat-Trattat KE attwali” (paragrafu 13 tal-mandat li jinsab fil-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tal‑21 u tat‑22 ta’ Ġunju 2007, 11177/1/07 REV 1, Anness I, p. 18). Peress li l-formulazzjoni li tinsab f’dan il-mandat hija simili ħafna għal dik tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36, hija ma tippermettix, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, li tingħeleb l-ambigwità msemmija fil-punt 35 iktar ’il fuq. Madankollu, minn dan id-dokument ma jirriżultax, kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, li l-vot skont ir-regoli tat-Trattat ta’ Nice kellu jseħħ qabel l‑1 ta’ April 2017.

38      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika, għandu jitfakkar li l-għan tal-Protokoll Nru 36 huwa, skont il-premessa unika tiegħu, “sabiex tiġi organizzata t-transizzjoni bejn id-dispożizzjonijiet istituzzjonali tat-Trattati applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u dawk previsti mill-imsemmi Trattat”.

39      Għal dan l-għan, l-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 jagħti lil Stat Membru d-dritt li jitlob, matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Novembru 2014 u l‑31 ta’ Marzu 2017, l-applikazzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata ddefinita fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36, li tikkorrispondi għal dik tat-Trattat ta’ Nice, li jidher, barra minn hekk, li ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet.

40      Mill-banda l-oħra, l-opinjonijiet tal-partijiet huma diverġenti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-vot għandux iseħħ ukoll matul dan l-istess perijodu. Issa, id-dritt mogħti lill-Istati Membri mill-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36, li jitolbu li jseħħ il-vot b’maġġoranza kkwalifikata skont ir-regoli tat-Trattat ta’ Nice matul il-perijodu speċifikat f’dan l-artikolu neċessarjament jimplika li, wara li titressaq tali talba minn Stat Membru, il-vot għandu jittieħed skont dawn l-istess regoli, u dan anki meta dan il-vot iseħħ wara l‑31 ta’ Marzu 2017. Fil-fatt, hija biss tali interpretazzjoni li tista’ tiżgura li Stat Membru jkun jista’ jeżerċita l-imsemmi dritt, matul dan il-perijodu kollu, u dan sal-aħħar jum tat-terminu previst, b’mod utli.

41      Kull interpretazzjoni kuntrarja ċċaħħad l-iffissar espress ta’ perijodu mill‑1 ta’ Novembru 2014 sal‑31 ta’ Marzu 2017 sabiex tiġi eżerċitata l-prerogattiva inkwistjoni mill-effett utli tiegħu, u tnaqqas b’mod sinjifikattiv it-terminu li fih vot skont ir-regoli tat-Trattat ta’ Nice jista’ effettivament jintalab minn Stat Membru. Fil-fatt, ir-riżultat tagħha huwa li talba mressqa fi tmiem dan il-perijodu tkun, fil-prattika, tardiva sabiex jiġu applikati r-regoli tat-Trattat ta’ Nice. Tali interpretazzjoni kuntrarja ġġiegħel lill-Istati Membri jressqu, jekk ikun meħtieġ, it-talba tagħhom ħafna iktar kmieni, skont id-data – mhux prevedibbli – tal-vot. Tali riżultat imur kontra d-dritt tal-Istati Membri li jitolbu vot skont ir-regoli tat-Trattat ta’ Nice sal-aħħar ġurnata tal-perijodu previst mill-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36.

42      Għaldaqstant, minn interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjoni inkwistjoni jirriżulta li d-definizzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata prevista fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36 tista’ tiġi applikata għal vot li jsir anki wara l‑31 ta’ Marzu 2017, bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni tagħha tintalab minn Stat Membru qabel din id-data.

43      Fir-raba’ lok, għandu jiġi rrilevat li tali konklużjoni hija sostnuta wkoll minn interpretazzjoni kuntestwali tad-dispożizzjoni inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 jaqa’ fil-kuntest tat-tliet stadji tranżitorji dwar id-dħul fis-seħħ tar-regoli tal-maġġoranza kkwalifikata previsti mit-Trattat ta’ Lisbona.

44      Fil-fatt, minkejja li t-Trattat ta’ Lisbona daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Diċembru 2009, id-definizzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata fl-Artikolu 16(4) TUE daħlet fis-seħħ biss fl‑1 ta’ Novembru 2014. Bis-saħħa tal-Artikolu 16(5) TUE, dispożizzjonijiet tranżitorji kienu applikabbli, minn naħa, sal‑31 ta’ Ottubru 2014 u, min-naħa l-oħra, bejn l‑1 ta’ Novembru 2014 u l‑31 ta’ Marzu 2017, kif stabbiliti mill-Protokoll dwar id-Dispożizzjonijiet Tranżitorji, jiġifieri l-Protokoll Nru 36.

45      Għaldaqstant hemm lok li ssir distinzjoni bejn tliet perijodi, jiġifieri, l-ewwel, il-perijodu mill‑1 ta’ Diċembru 2009 sal‑31 ta’ Ottubru 2014, it-tieni, dak mill‑1 ta’ Novembru 2014 sal‑31 ta’ Marzu 2017, u, it-tielet, il-perijodu mill‑1 ta’ April 2017.

46      Fl-ewwel perijodu, ir-regoli tal-maġġoranza kkwalifikata ddefinita fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36 kienu japplikaw, billi estendew dawk tat-Trattat ta’ Nice, li għalihom jikkorrispondu. Fit-tieni perijodu, membru tal-Kunsill seta’, bis-saħħa tad-dispożizzjoni kontenzjuża, jiġifieri l-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36, jitlob li tittieħed deċiżjoni skont dawn ir-regoli tat-Trattat ta’ Nice. Fl-assenza ta’ tali talba, id-definizzjoni l-ġdida tal-maġġoranza kkwalifikata fl-Artikolu 16(4) TUE kienet tapplika, li huwa enfasizzat mill-Artikolu 3(1) tal-Protokoll Nru 36. Fit-tielet perijodu, il-maġġoranza kkwalifikata hija ddefinita kif prevista fl-Artikolu 16(4) TUE, mingħajr il-possibbiltà li jintalab metodu differenti ta’ kalkolu tal-voti.

47      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tqis il-Kummissjoni, l-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 ma huwiex eċċezzjoni għar-regola stabbilita fl-Artikolu 16(4) TUE, iżda jikkostitwixxi dispożizzjoni tranżitorja li tirregola wieħed mit-tliet stadji tranżitorji li kienu japplikaw suċċessivament wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. In-natura tranżitorja tiegħu hija kkonfermata mill-premessa unika tal-Protokoll Nru 36 (ara l-punt 38 iktar ’il fuq) kif ukoll mill-formulazzjoni tat-titolu tal-Protokoll Nru 36 dwar “id-Dispożizzjonijiet Tranżitorji” u minn dik tal-Artikolu 16(5) TUE li jipprevedi li protokoll għandu jistabbilixxi “id-dispożizzjonijiet transitorji” għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Novembru 2014 u l‑31 ta’ Marzu 2017.

48      Issa, l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 42 iktar ’il fuq hija konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 16(5) TUE, li b’applikazzjoni tiegħu ġie adottat l-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36. Fil-fatt, skont din l-interpretazzjoni, l-Artikolu 3(2) tal-imsemmi protokoll, minn naħa, kien japplika bejn l‑1 ta’ Novembru 2014 u l‑31 ta’ Marzu 2017, peress li d-data ta’ skadenza sabiex tintalab l-applikazzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata ddefinita fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu kienet il‑31 ta’ Marzu 2017, u, min-naħa l-oħra, kien tranżitorju għaliex il-vot b’maġġoranza kkwalifikata kien jintuża biss għall-abbozzi ta’ att li tali talba kienet ġiet ippreżentata għalihom matul l-imsemmi perijodu. Għalhekk, huwa żbaljat li l-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 16(5) TUE jeżiġi li l-maġġoranza kkwalifikata ddefinita fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36 tapplika biss għall-voti li seħħew bejn l‑1 ta’ Diċembru 2009 u l‑31 ta’ Ottubru 2014. Bl-istess mod, ir-Repubblika tal-Polonja ma għandhiex raġun issostni li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 16(5) TUE ma jirrigwardax id-definizzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata.

49      Fi kwalunkwe każ, kif juru dawn l-interpretazzjonijiet differenti ppreżentati mill-partijiet, il-formulazzjoni tal-Artikolu 16(5) TUE hija tant ambigwa li ma tippermettix li tiġi invalidata l-interpretazzjoni li tinsab fil-punt 42 iktar ’il fuq.

50      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-interpretazzjoni adottata fil-punt 42 iktar ’il fuq hija wkoll konformi mar-rekwiżit, li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li dispożizzjoni tranżitorja għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2019, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑670/17 P, EU:C:2019:145, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑49/09, EU:C:2010:644, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, minn naħa, fil-kuntest ta’ din l-interpretazzjoni, l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 tibqa’ suġġetta għal limitazzjoni ratione temporis iddefinita sew (ara l-punt 48 iktar ’il fuq) u tiżgura, għaldaqstant, in-natura tranżitorja tiegħu (ara l-punt 38 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, l-imsemmija interpretazzjoni hija indispensabbli sabiex Stat Membru jkun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu b’mod utli u effettiv sal-aħħar jum tat-terminu previst mill-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 (ara l-punti 40 u 41 iktar ’il fuq), u, għaldaqstant, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

51      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma għandhiex raġun issostni li l-interpretazzjoni esposta fil-punt 42 iktar ’il fuq iċċaħħad lill-Artikolu 16(4) TUE u lill-proċedura ta’ kumitat, li huma intiżi sabiex isaħħu l-leġittimità demokratika u r-rappreżentattività taċ-ċittadini, mill-effett utli tagħhom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 ukoll jaqa’ taħt id-dritt primarju u li l-effett utli tiegħu għandu għalhekk jiġi żgurat mill-Kummissjoni bl-istess mod bħat-Trattati, b’mod li dan ma jistax jiġi injorat favur applikazzjoni prematura tal-Artikolu 16(4) TUE.

52      Għaldaqstant, l-analiżi kuntestwali tikkonferma l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36, kif adottata fil-punt 42 iktar ’il fuq.

53      Fil-ħames lok, għandu jiġi rrilevat li din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-prinċipju ta’ ċertezza legali li jeżiġi, minn naħa, li r-regoli ta’ dritt ikunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għalihom. B’mod partikolari, l-imsemmi prinċipju jeżiġi li leġiżlazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà li jsiru jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u li jaġixxu fid-dawl tagħhom (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punti 127 u 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax issostni li l-fatt li l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tranżitorja tkun tiddependi biss fuq it-talba unilaterali ta’ Stat Membru tippermetti li din id-dispożizzjoni tiġi applikata b’mod indefinit peress li, minn perspettiva formali, att ikompli jkun is-suġġett tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill sakemm il-Kummissjoni ma tirtirahx. Dan l-argument jinjora mhux biss il-fatt li l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tranżitorja hija suġġetta biss għall-kundizzjoni li l-Istat Membru jressaq talba għal dan l-għan, li hija limitata ratione temporis meta din għandha tiġi ppreżentata mhux iktar tard mill‑31 ta’ Marzu 2017, iżda wkoll il-fatt li d-deliberazzjonijiet li jwasslu għal vot itemmu l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tranżitorja b’mod li ma hijiex indefinita.

55      Għall-kuntrarju, l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni li tissuġġetta l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tranżitorja għar-rekwiżiti kumulattivi tat-tressiq ta’ talba ta’ Stat Membru u taż-żamma ta’ vot sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Marzu 2017 twassal, fi tmiem il-perijodu tranżitorju, għal inċertezza fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tal-maġġoranza kkwalifikata skont id-definizzjoni prevista fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36. Fil-fatt, peress li ż-żmien ta’ ħidma fuq abbozz ta’ att jista’ jvarja, Stat Membru li jagħmel użu mid-dritt mogħti lilu minn din id-dispożizzjoni matul il-perijodu tranżitorju, speċjalment meta d-data tat-talba tiegħu toqrob lejn dik tal‑31 ta’ Marzu 2017, ma jkollux iċ-ċertezza li l-vot jista’ effettivament iseħħ skont l-imsemmija regoli. Fil-każ li l-ħidma fuq l-abbozz ta’ att tkompli wara l‑31 ta’ Marzu 2017, l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni jkollha l-konsegwenza li l-vot ikollu jseħħ bil-maġġoranza kkwalifikata msemmija fl-Artikolu 16(4) TUE, filwaqt li t-tlestija tal-imsemmija ħidma qabel din id-data u li tippermetti li l-vot isir qabel il‑31 ta’ Marzu 2017, twassal għall-applikazzjoni tal-maġġoranza kkwalifikata ddefinita fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni mhux biss tagħti lok għal nuqqas ta’ prevedibbiltà, iżda tista’ wkoll twassal għall-evitar tad-dispożizzjoni tranżitorja inkwistjoni bl-iffissar tad-data tal-vot għal data wara l‑31 ta’ Marzu 2017.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex abbozz ta’ att jiġi adottat skont ir-regoli tal-maġġoranza kkwalifikata ddefiniti fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36, li jikkorrispondu għal dawk tat-Trattat ta’ Nice, huwa biżżejjed li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli tkun intalbet minn Stat Membru bejn l‑1 ta’ Novembru 2014 u l‑31 ta’ Marzu 2017, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-vot tal-abbozz tal-att inkwistjoni jkun seħħ ukoll bejn dawn id-dati.

57      F’dan il-każ, peress li r-Repubblika tal-Polonja ressqet talba skont l-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 fit‑30 ta’ Marzu 2017, l-imsemmija regoli kellhom jiġu applikati waqt il-vot fuq l-abbozz tad-deċiżjoni kkontestata fit‑28 ta’ April 2017.

58      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li n-nuqqas ta’ osservanza tal-modalitajiet ta’ votazzjoni jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Frar 1988, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill, 68/86, EU:C:1988:85, punt 49; tat‑28 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑28/12, EU:C:2015:282, punt 55, u tal‑20 ta’ Settembru 2017, Tilly-Sabco vs Il‑Kummissjoni, C‑183/16 P, EU:C:2017:704, punt 115), li neċessarjament iwassal għall-annullament tal-att ivvizzjat b’tali difett, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan il-ksur ikkawżax dannu lil min jinvokah (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 52; tal‑21 ta’ Settembru 2017, Feralpi vs Il‑Kummissjoni, C‑85/15 P, EU:C:2017:709, punti 45 sa 47, u tat‑8 ta’ Settembru 2016, Goldfish et vs Il‑Kummissjoni, T‑54/14, EU:T:2016:455, punt 47).

59      Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx torganizza dan il-vot qabel l‑1 ta’ April 2017 u jekk ir-Repubblika tal-Polonja setgħetx titlob li l-imsemmi vot iseħħ qabel din id-data ma huwiex rilevanti. Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tar-riżultat tal-vot kif indikat fil-punt 13 iktar ’il fuq, b’applikazzjoni tar-regoli tal-maġġoranza kkwalifikata ddefiniti fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36, il-limitu meħtieġ għall-adozzjoni tal-abbozz tad-deċiżjoni kkontestata ma ntlaħaqx.

60      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti.

 Fuq l-effetti ratione temporis tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

61      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE jipprevedi li, jekk il-qorti tal-Unjoni tqis li jkun meħtieġ, hija għandha tindika l-effetti tal-att annullat li għandhom jitqiesu bħala definittivi. Din id-dispożizzjoni ġiet interpretata b’mod partikolari bħala li tippermetti, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2017, Tilly-Sabco vs Il‑Kummissjoni, C‑183/16 P, EU:C:2017:704, punt 124, u tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Każakistan), C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 52), iżda wkoll għal raġunijiet intiżi sabiex tiġi evitata diskontinwità jew rigress fl-implimentazzjoni ta’ politiki mmexxija jew sostnuti mill-Unjoni, bħal fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent jew tas-saħħa pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Frar 1999, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑164/97 u C‑165/97, EU:C:1999:99, punti 22 sa 24, u tas‑16 ta’ April 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punti 72 sa 74), li l-effetti ta’ att annullat jinżammu għal terminu raġonevoli.

62      F’dan il-każ, meta ġiet mistoqsija mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta dwar il-possibbiltà ta’ aġġustament ratione temporis tal-effetti tal-annullament li hija tista’ tiddeċiedi, ir-Repubblika tal-Polonja opponietha filwaqt li l-Kummissjoni talbet tali aġġustament fil-każ tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

63      Fid-dawl tal-fatt li l-BAT-AELs stabbiliti mid-deċiżjoni kkontestata jservu, kif ġie espost fil-punt 1 iktar ’il fuq, bħala l-bażi għall-iffissar tal-kundizzjonijiet għal permess għall-operat ta’ IKK mill-awtoritajiet nazzjonali, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata b’effett immedjat jista’ jipperikola l-kundizzjonijiet uniformi ta’ permess għal dan it-tip ta’ impjanti fl-Unjoni u jista’ jikkawża inċertezza legali għall-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari l-operaturi ta’ IKK, sad-dħul fis-seħħ ta’ deċiżjoni ġdida fir-rigward tal-konklużjonijiet dwar il-BAT.

64      Barra minn hekk, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata b’effett immedjat imur kontra l-għanijiet li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u li titjieb il-kwalità tal-ambjent, kif previsti fl-Artikolu 191(2) TFUE, fl-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u fil-premessi 2 u 44 kif ukoll fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2010/75, li għalihom tikkontribwixxi d-deċiżjoni kkontestata.

65      Konsegwentement, l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jinżammu sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż tnax‑il xahar mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ att ġdid li għandu jissostitwixxiha u jiġi adottat skont ir-regoli tal-maġġoranza kkwalifikata previsti fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36.

 Fuq l-ispejjeż

66      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja.

67      L-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1442 tal31 ta’ Lulju 2017 li tistabbilixxi l-konklużjonijiet tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT), skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għall-impjanti kbar tal-kombustjoni, hija annullata.

2)      L-effetti tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni annullata bis-saħħa tal-punt 1 ta’ dan id-dispożittiv għandhom jinżammu sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż tnaxil xahar mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ att ġdid li għandu jissostitwixxiha u jiġi adottat skont ir-regoli tal-maġġoranza kkwalifikata previsti fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-Dispożizzjonijiet Tranżitorji.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mir-Repubblika tal-Polonja.

4)      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Collins

Kreuschitz

Csehi

De Baere

 

      Steinfatt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑27 ta’ Jannar 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il‑Pollakk.