Language of document : ECLI:EU:T:2005:327

DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (ir-Raba' Awla)

19 ta' Settembru 2005 (*)

"Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Att kontestabbli – Nuqqas ta' ftuħ ta' proċedimenti għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu – Komunikazzjoni 2002/C 244/03"

Fil-kawża T-247/04,

Asociación de exportadores españoles de productos farmacéuticos (Aseprofar), stabbilita f'Madrid (Spanja),

Española de desarrollo e impulso farmacéutico, SA (Edifa), stabbilita f'Madrid,

irrappreżentati minn  L. Ortiz Blanco, avocat,

rikorrenti

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Valero Jordana, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2004, li tagħlaq il-każ dwar l-ilment P/2002/4609, u tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2004, li tagħlaq il-każ dwar l-ilment P/2003/5119, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 29 KE,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
(ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President, P. Mengozzi u I. Wiszniewska-Białecka, Imħallfin,

Reġistratur: H. Jung,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-Kuntest ġuridiku

1       L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 226 KE jiddisponi li, jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq xi obbligu tiegħu skond it-Trattat KE, hija għandha toħroġ opinjoni motivata dwar il-każ wara li tagħti lill-Istat interessat l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu. It-tieni inċiż ta' l-Artikolu 226 KE jiddisponi li, jekk l-Istat in kwistjoni ma jikkonformax ruħu ma’ dik l-opinjoni fil-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

2       Il-komunikazzjoni 2002/C 244/03 tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Ombudsman Ewropew li tikkonċerna r-relazzjonijiet ma' min iressaq ilment dwar vjolazzjoni tad-dritt Komunitarju ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fl-10 ta' Ottubru 2002 (ĠU C 244, p. 5).

3       Il-ħames u s-sitt inċiżi ta' din il-komunikazzjoni jindikaw li hija għandha bħala għan li "tippubblika verżjoni konsolidata tar-regoli interni tal-proċedura applikabbli għar-relazzjonijiet ma' min ikun ressaq ilment fil-kuntest tal-proċedimenti għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu" u, għal din il-fini, li tipprovdi "l-miżuri amministrattivi favur min ikun ressaq ilment [li l-Kummissjoni] timpenja ruħha li tosserva meta tkun qed tikkunsidra l-ilment u tinvestiga l-vjolazzjoni korrispondenti". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4       Is-seba' inċiż ta' din il-komunikazzjoni jindika li "madankollu, dawn il-miżuri ma jbiddlux in-natura bilaterali tal-proċedimenti għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu" msemmija fl-Artikolu 226 KE, u li l-Kummissjoni għandha "setgħa diskrezzjonali" li tiftaħ dawn il-proċedimenti. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5       Il-punt 1 ta' l-Anness tal-komunikazzjoni 2002/C 244/03, intitolat "Definizzjoni u portata", jindika b'mod partikolari li "'ilment' tfisser kull komunikazzjoni bil-miktub magħmula lill-Kummissjoni li tirrapporta miżuri jew prattiċi kontra d-dritt Komunitarju" u li l-investgazzjoni tagħha "tista' twassal lill-Kummissjoni biex tiftaħ proċedimenti għal vjolazzjoni". Dan il-punt jindika wkoll li "proċedimenti għal vjolazzjoni" tfisser il-fażi prekontenzjuża tal-proċedimenti għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu li jinfetħu mill-Kummissjoni" skond l-Artikolu 226 KE. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6       Il-punt 2 ta' dan l-Anness, intitolat "Prinċipji ġenerali", jindika b'mod partikolari li "kull persuna tista' tressaq, bla ħlas, ilment mal-Kummissjoni kontra Stat Membru". Il-Kummissjoni "għandha d-diskrezzjoni tiddeċiedi jekk taġixxix ulterjorment". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7       Il-punti 3 sa 6 ta' dan l-Anness jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni ta' l-ilmenti, id-dikjarazzjoni ta' riċevuta ta' l-ilment, il-mod kif għandhom jitressqu l-ilmenti u l-protezzjoni ta' min ikun ressaq ilment u tad-dettalji personali.

8       Il-punt 7 ta' dan l-Anness, intitolat "Komunikazzjoni ma' min iressaq ilment", jindika li, bl-eċċezzjoni tal-każ fejn jitressqu diversi lmenti bbażati fuq l-istess raġuni, "id-dipartimenti tal-Kummissjoni jikkuntattjaw lil min ikun ressaq ilment u jinfurmawh bil-miktub wara kull deċiżjoni tal-Kummissjoni (avviż formali, opinjoni motivata, deċiżjoni li l-kwistjoni titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew deċiżjoni li l-każ jingħalaq), bil-passi li jkunu ttieħdu fuq il-bażi ta' l-ilment". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9       Il-punt 8 ta' dan l-Anness, intitolat "It-terminu għall-investigazzjoni ta' l-ilmenti", jindika b'mod partikolari li "bħala regola ġenerali, id-dipartimenti tal-Kummissjoni għandhom jinvestigaw l-ilmenti rreġistrati bil-ħsieb li jaslu għal deċiżjoni li joħorġu avviż formali jew li jagħlqu l-każ fi żmien ta' mhux aktar minn sena mid-data tar-reġistrazzjoni ta' l-ilment". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10     Il-punt 9 ta' dan l-Anness, intitolat "Ir-riżultat ta' l-investigazzjoni ta' l-ilmenti", jindika b'mod partikolari li, "wara li l-ilment jiġi investigat, id-dipartimenti tal-Kummissjoni jistgħu jipproponu lill-Kulleġġ tal-Kummissarji biex jiddeċiedi jew li joħroġ avviż formali li jiftaħ il-proċedimenti għal vjolazzjoni kontra l-Istat Membru in kwistjoni, jew li jagħlaq il-każ b'mod definittiv". "Il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni fuq din il-proposta skond is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Dan il-punt jindika wkoll li, bl-eċċezzjoni tal-każ fejn jitressqu diversi lmenti bbażati fuq l-istess raġuni, "il-persuna li tkun ressqet ilment tiġi informata bil-miktub dwar id-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward tal-vjolazzjoni marbuta ma' l-ilment tagħha". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11     Il-punt 10 ta' dan l-Anness, intitolat "L-għeluq tal-każ b'mod definittiv", jindika li, "meta dipartiment tal-Kummissjoni jkollu l-intenzjoni li jipproponi li ma tittieħed ebda azzjoni ulterjuri fuq il-bażi ta' l-ilment, huwa għandu jgħarraf minn qabel lill-persuna li tkun ressqet l-ilment permezz ta' ittra li tinkludi r-raġunijiet li wassluh biex jipproponi li l-każ jingħalaq u fejn jistieden lil din il-persuna tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien erba' ġimgħat", skond ċerti modalitajiet u b'ċerti riżervi. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12     Il-punt 11 ta' dan l-Anness, intitolat "Proċedura semplifikata għall-għeluq tal-każijiet", jindika li, "il-każijiet ta' vjolazzjoni li fir-rigward tagħhom ma jkun inħareġ ebda avviż formali jistgħu jiġi magħluqa permezz ta' proċedura amministrattiva semplifikata li ma tinvolvix eżami min-naħa tal-Kulleġġ tal-Kummissarji". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13     Il-punti 12 sa 14 ta' dan l-Anness jirrigwardaw il-publikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u l-aċċess għad-dokumenti dwar il-vjolazzjonijiet, kif ukoll is-sitwazzjoni fejn il-persuna li tkun ressqet ilment tista' ddur fuq l-Ombudsman Ewropew f'każ ta' amminstrazzjoni ħażina, taħt il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 21 KE u 195 KE.

 Il-Fatti li wasslu għall-kawża

14     Ir-rikorrenti, Asociación de exportadores españoles de productos farmacéuticos (iktar 'il quddiem "Aseprofar"), u Española de desarrollo e impulso farmacéutico, SA (iktar 'il quddiem "Edifa"), huma żewġ assoċjazzjonijiet rappreżentattivi stabbiliti fi Spanja. L-attività prinċipali ta' l-intrapriżi rrappreżentati minnhom hija d-distribuzzjoni bl-ingrossa u l-bejgħ parallel tal-mediċini.

15     Fil-31 ta' Ottubru 2001, il-Ministru Spanjol għas-Saħħa u għall-Konsum ikkonkluda ftehim ma' assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-laboratorji farmaċewtiċi preżenti fi Spanja (iktar 'il quddiem "il-ftehim tal-31 ta' ottubru 2001"). Dan il-ftehim għandu bħala għan, kif jindika t-titolu tiegħu, "it-tfassil u t-tħaddim ta' pjan komplet ta' miżuri ta' kontroll ta' l-infieq fuq il-prodotti farmaċewtiċi u ta' l-użu raġonevoli tal-mediċini".

16     Permezz ta' ittra tat-28 ta' Novembru 2001, Aseprofar informat lill-Kummissjoni bil-konsegwenzi kkawżati mill-ftehim tal-31 ta' Ottubru u indikat li hu possibbli li dan il-ftehim jikser l-Artikolu 28 KE u, eventwalment, l-Artikolu 29 KE. Permezz ta' ittra tat-22 ta' Mejju 2002, il-European Association of Euro-Pharmaceutical Companies, assoċjazzjoni rappreżentattiva li tagħha hija membru Aseprofar, ressqet ilment li bih sostniet li l-ftehim tal-31 ta' Ottubru 2001 kien jikser l-Artikoli 28 KE sa 30 KE. Il-Kummissjoni rreġistrat dan l-ilment bin-numru P/2002/4609.

17     Fit-13 ta' Ġunju 2003, l-awtoritajiet Spanjoli adottaw id-digriet irjali 725/2003 li jimplementa l-Artikolu 100 tal-liġi 25/1990, ta' l-20 ta' Diċembru 1990, dwar il-mediċina (BOE Nru 152, tas-26 ta' Ġunju 2003, p. 24596).

18     Permezz ta' ittra tad-29 ta' Settembru 2003, Aseprofar u Edifa ressqu lment li bih sostnew li d-digriet irjali 725/2003 kien jikser l-Artikolu 29 KE min-naħa waħda u l-Artikoli 10 KE u 81 KE min-naħa l-oħra. Il-Kummissjoni rreġistrat dan l-ilment bin-numru P/2003/5119.

19     Id-dipartimenti tal-Kummissjoni investigaw l-ilmenti P/2002/4609 u P/2003/5119.

20     Fil-laqgħa tiegħu tat-30 ta' Marzu 2004, il-Kulleġġ tal-Kummissarji ddeċieda li jagħlaq il-każ dwar l-ilment P/2002/4609 u li jagħlaq il-każ dwar l-ilment P/2003/5119 għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 29.

21     Permezz ta' ittra tat-2 ta' April 2004, li waslet fis-7 ta' April, il-Kummissjoni nnotifikat id-deċiżjoni tagħha li tagħlaq il-każ dwar l-ilment P/2002/4609 lil Aseprofar u lil Edifa.

22     Permezz ta' ittra tas-6 ta' Mejju 2004, li waslet fl-10 ta' Mejju, il-Kummissjoni nnotifikat id-deċiżjoni tagħha li tagħlaq il-każ dwar l-ilment P/2003/5119, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 29 KE, lil Aseprofar u lil Edifa.

 Proċedura

23     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-17 ta' Ġunju 2001, Aseprofar u Edifa ressqu dan ir-rikors.

24     Permezz ta' att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-27 ta' Lulju 2004, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża, skond l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

25     Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-1 ta' Ottubru 2004, Aseprofar u Edifa ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar din it-talba, skond l-Artikolu 114(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

26     Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-19 ta' April 2005, Aseprofar u Edifa qajmu raġuni ġdida skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Huma indikaw li din ir-raġuni kienet ibbażata fuq element ta' dritt li ħareġ matul il-proċedura. Huma ppreċiżaw li dan l-element kien is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Frar 2005, il-Kummissjoni vs T-Mobile Austria (C-141/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).

27     Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-6 ta' Ġunju 2005, il-Kummissjoni wieġbet għar-raġuni l-ġdida, skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

28     Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-1 ta' Settembru 2005, Aseprofar u Edifa qajmu raġuni ġdida oħra skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Din ir-raġuni hi bbażata fuq is-sentenza tat-Tribunal Supremo (Spanja) ta' l-20 ta' Ġunju 2005, li ċaħdet ir-rikors tagħhom fil-proċedimenti amministrattivi kontra d-digriet irjali 725/2003.

 Talbiet tal-partijiet

29     Fir-rikors tagħhom, Aseprofar u Edifa jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2004 li tagħlaq il-każ dwar l-ilment P/2002/4609;

–       tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2004 li tagħlaq il-każ dwar l-ilment P/2003/5119, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 29 KE;

–       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

30     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli, mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża;

–       tordna lil Aseprofar u Edifa jbatu l-ispejjeż.

31     Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, Aseprofar u Edifa jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tiċħad l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà.

 Id-Dritt

32     L-Artikolu 114(1) u (4) tar-Regoli tal-Proċedura jiddisponi li, jekk waħda mill-partijiet titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tieħu deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża, hija tista' tiddeċiedi dwar it-talba jew tirrinvija d-deċiżjoni tagħha għas-sentenza finali. L-Artikolu 114(3) ta' l-istess Regoli jiddisponi li l-proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tiddeċidix mod ieħor.

33     F'dan il-każ, m'hemmx lok biex tinfetaħ il-proċedura orali peress illi l-Qorti tal-Prim'Istanza hija informata biżżejjed permezz tal-proċess.

 L-Argumenti tal-partijiet

34     Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors għal żewġ raġunijiet. Fl-ewwel lok, id-deċiżjonijiet li r-rikors qed jikkontesta mhumiex atti kontestabbli. Fit-tieni lok, Aseprofar u Edifa m'għandhomx interess ġuridiku biex jitolbu l-annullament tagħhom.

35     Aseprofar u Edifa jirrispondu li r-rikors tagħhom huwa ammissibbli.

36     Fl-ewwel lok, ir-rikors ma jikkontestax ir-rifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedimenti għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu kontra r-Renju ta' Spanja, iżda jikkontesta żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2004, li jagħlqu l-każ dwar l-ilment P/2002/4609 u l-każ dwar l-ilment P/2003/5119 għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 29 KE.

37     Fit-tieni lok, dawn id-deċiżjonijiet huma atti kontestabbli. Fil-fatt, jipproduċu effetti legali obbligatorji li jaffettwaw, b'mod ċar, il-pożizzjoni legali ta' Aseprofar u Edifa. B'dan il-mod, id-deċiżjonijiet jirrifjutaw l-ilmenti tagħhom, jinkludu kunsiderazzjonijiet li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali – u effettivament ittieħdu in kunsiderazzjoni mit-Tribunal Supremo fis-sentenza tiegħu ta' l-20 ta' Ġunju 2005 – u ma jippermettux lil Aseprofar u lil Edifa jitolbu li terġa' tinfetaħ l-investigazzjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet jimmarkaw it-tmiem ta' proċediment distint mill-proċediment għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu msemmi fl-Artikolu 226 KE.

38     Fit-tielet lok, Aseprofar u Edifa għandhom interess ġuridiku biex jitolbu l-annullment ta' dawn id-deċiżjonijiet, li kienu indirizzati lejhom u li, fi kwalunkwe każ, jirrigwardawhom direttament u individwalment.

39     Sabiex isostnu t-teżi tagħhom, Aseprofar u Edifa jistrieħu b'mod partikolari fuq il-komunikazzjoni 2002/C 244/03. Huma jibbażaw ruħhom ukoll fuq il-ġurisprudenza dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament li jikkontestaw ir-rifjut tal-Kummissjoni li taġixxi skond l-Artikolu 86(3) KE u li jikkontestaw id-deċiżjoni tagħha li tagħlaq il-każ dwar ilmenti ppreżentati skond ir-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), u r-Regolament Nru 99/63/KEE tal-Kummissjoni, tal-25 ta' Lulju 1963, dwar is-smigħ li għalih issir referenza fl-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament Nru 17 (ĠU 1963, 127, p. 2268). Fl-aħħarnett, huma jinvokaw, sostanzjalment, il-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba u ta' protezzjoni effettiva mill-qrati.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

40     Mhuwiex ammissibbli għal individwu jitlob l-annullament ta' rifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedimenti għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu kontra Stat Membru (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Ġunju 1992, Asia Motor France vs il-Kummissjoni, C/29/92 Ġabra p. I-3935, punt 21, u digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Marzu 2004, Institouto N. Avgerinopoulou et vs il-Kummissjoni, T-139/02, li għadu ma ġiex ippupplikat fil-Ġabra, punt 76).

41     Għaldaqstant, f'dan il-każ, Aseprofar u Edifa ma jistgħux jitolbu l-annullament tar-rifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedimenti għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu kontra r-Renju ta' Spanja, għar-raġuni li l-ftehim tal-31 ta' Ottubru 2001 jikser l-Artikolu 28 KE sa 30 KE min-naħa waħda u li d-digriet irjali 725/2003 jikser l-Artikolu 29 KE, min-naħa l-oħra.

42     Aseprofar u Edifa madankollu jsostnu li huma mhumiex qed jitolbu l-annullament ta' dan ir-rifjut, iżda dak tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2004 li jagħlqu l-każ dwar l-ilmenti tagħhom.

43     Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk dawn ta' l-aħħar jikkostittwixxux atti kontestabbli u, f'każ affermattiv, jekk Aseprofar u Edifa għadhomx interess ġuridiku biex jitolbu l-annullament.

44     Sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura tikkostitwixxix att kontestabbli skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 230 KE, għandha titqies in-natura sostantiva tal-miżura, peress illi l-forma li biha tkun ingaħtat hija bħala prinċipju irrilevanti f'dan ir-rigward. Kwalunkwe miżura li tipproduċi effetti legali obbligatorji li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu, b'mod ċar, il-pożizzjoni legali tiegħu, tikkostitwixxi att kontestabbli skond it-tifsira ta' din id-dispożizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1981, IBM vs il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9, u tal-11 ta' Novembru 2004, il-Portugal vs il-Kummissjoni, C 249/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 35).

45     F'dan il-każ, meta l-ħames u s-sitt inċiżi tal-komunikazzjoni 2002/C 244/03 jinqraw flimkien mal-punti 1 sa 12 ta' l-Anness tagħha, jirriżulta li l-Kummissjoni impenjat ruħha biex tikkunsidra, skond ċerti modalitajiet u b'ċerti riżervi, li l-persuna li tinfurmaha dwar aġir ta' Stat li jista' jwassal għall-ftuħ ta' proċedimenti għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu hija "persuna li tressaq ilment", li l-komunikazzjoni li hija tagħmel għal dan il-fini hija "ilment" u li l-"investigazzjoni" tiegħu għandha tintemm permezz ta' "deċiżjoni li jinħareġ avviż formali" jew ta' "deċiżjoni li jingħalaq il-każ".

46     Madankollu, meta s-seba' inċiż tal-komunikazzjoni 2002/C 244/03 jinqara flimkien mal-punt 1 ta' l-Anness tagħha, jirriżulta li dawn l-impenji huma mogħtija fil-kuntest tal-"proċedimenti għal vjolazzjoni", iddefiniti bħala l-fażi prekontenzjuża tal-proċedimenti għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu msemmija fl-Artikolu 226 KE, li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma kellha l-intenzjoni li tbiddel in-natura tagħhom.

47     Peress illi l-fażi prekontenzjuża tal-proċedimenti għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu msemmija fl-Artikolu 226 KE għandha bħala l-uniku għan tagħha li tippermetti lill-Istat Membru jikkonforma ruħu b'mod volontarju mal-kundizzjonijiet tat-Trattat jew, skond il-każ, li tagħtih l-opportunità li jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Marzu 1986, il-Kummissjoni vs il-Belġju, 85/85, Ġabra p. 1149, punt 11, u tad-29 ta' Settembru 1998, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, C 191/95, Ġabra p. I-5449, punt 44), ebda att adottat mill-Kummissjoni f'dan il-kuntest ma għandu saħħa obbligatorja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-1 ta' Marzu 1966, Lütticke et vs il-Kummissjoni, 48/65, Ġabra p. 27, 39).

48     Għaldaqstant, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tagħlaq il-każ dwar ilment li jkun infurmaha dwar aġir ta' Stat li jista' jwassal għall-ftuħ ta' proċedimenti għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu m'għandhiex saħħa obbligatorja.

49     L-ebda wieħed mill-argumenti ta' Aseprofar u Edifar ma jista' jqajjem dubji dwar din il-konklużjoni.

50     B'mod partikolari, huwa rrilevanti li d-deċiżjonijiet li għalqu l-każ dwar l-ilmenti ittieħdu, f'dan il-każ, għar-raġuni li l-aġir in kwistjoni ma kisirx id-dritt Komunitarju. Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-opinjoni li l-Kummissjoni setgħet tat f'deċiżjoni ta' din in-natura, fiha nnifisha ma tagħtix lid-deċiżjoni n-natura ta' deċiżjoni kontestabbli. (sentenza Lütticke et vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, p. 38 u 39).

51     Barra minn hekk, huwa irrilevanti li din l-opinjoni, mogħtija mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-fażi prekontenzjuża tal-proċedimenti għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, tista' tittieħed in kunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali. Opinjoni bħal din fil-fatt tikkostitwixxi element ta' fatt li ma torbotx lill-qorti nazzjonali (digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Lulju 1998, Sateba vs il-Kummissjoni, C-422/97 P, Ġabra p. I-4913, punt 38, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Jannar 2004, Makedoniko Metro u Michaniki vs il-Kummissjoni, T 202/02, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 47). Għalhekk, f'dan il-każ, il-fatt li t-Tribunal Supremo għażel li jieħu in kunsiderazzjoni l-opinjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tad-digriet irjali 725/2003 meta eżamina l-legalità ta' l-imsemmi digriet ma jikkostitwixxix effett legali li jrendi d-deċiżjoni li għalqet il-każ dwar l-ilment P/2003/5119 kontestabbli. Għaldaqstant, ir-raġuni l-ġdida ppreżentata f'dan ir-rigward minn Aseprofar u Edifa m'għandhiex tiġi aċċettata.

52     Minbarra dan, huwa inutli li tiġi invokata l-ġurisprudenza relatata mad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tagħlaq il-każ dwar ilment imressaq skond ir-Regolament 17, li ġie sostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003, L 1, p. 1) u skond ir-Regolament Nru 99/63. Fil-fatt, il-proċedimenti għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu msemmija fl-Artikolu 226 KE u l-proċedimenti amministrattivi msemmija f'dawn ir-Regolamenti għandhom għanijiet differenti u huma suġġetti għal regoli differenti.

53     Il-persuna li tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni li jirrapporta li ċertu aġir ta' intrapriżi jikser l-Artikoli 81 KE u 82 KE għandha, fil-kuntest tal-proċedimenti amministrattivi rregolati mir-Regolamenti Nri 17, 1/2003 u 99/63, drittijiet proċedurali mogħtija minn dispożizzjonijiet ta' leġiżlazzjoni sussidjarja. Hija tista' tressaq ukoll quddiem il-qorti, id-deċiżjoni li permezz tagħha il-Kummissjoni tkun għalqet il-każ dwar l-ilment tagħha, wara li jkunu ntemmu dawn il-proċedimenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Ottubru 1977, Metro vs il-Kummissjoni, 26/76, Ġabra p. 1875, punt 13, u tat-18 ta' Marzu 1997, Guérin automobiles vs il-Kummissjoni, C 282/95 P, Ġabra p. I-1503, punt 36).

54     Is-sitwazzjoni li ssib ruħha fiha persuna li tinforma lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta' aġir ta' Stat li jista' jwassal għall-ftuħ ta' proċedimenti għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu hi kompletament differenti.

55     Ċertament, il-Kummissjoni impenjat ruħha, fil-komunikazzjoni 2002/C 244/03, biex tikkuntattja lil din il-persuna u biex tinfurmaha bil-miktub bil-passi li jkunu ttieħdu fuq il-bażi ta' l-ilment (punt 7 ta' l-anness tal-komunikazzjoni), biex tgħarrafha minn qabel bir-raġunijiet li jkunu wasslu lid-dipartimenti tagħha biex jipproponu li l-każ dwar l-ilment tagħha jingħalaq u biex tistedinha tifformula l-osservazzjonijiet eventwali tagħha f'dan ir-rigward (punt 10 ta l-anness tal-komunikazzjoni).

56     Madankollu, dawn ir-regoli interni ma jikkostitwixxux garanziji proċedurali pprovduti permezz ta' dispożizzjonijiet ta' leġiżlazzjoni sussidjara iżda, skond il-kliem tagħhom stess, miżuri amministrattivi adottati mill-Kummissjoni meħuda bl-intenzjoni li jkun hemm amministrazzjoni tajba tal-fażi prekontenzjuża tal-proċedimenti għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu msemmija fl-ewwel inċiż ta' l-Artkolu 226 KE (is-sitt u s-seba' inċiżi tal-komunikazzjoni, u l-punti 1 u 14 ta' l-anness tal-komunikazzjoni).

57     Bl-istess mod, huwa inutli li tiġi invokata l-ġurisprudenza dwar l-ittri li permezz tagħhom il-Kummissjoni tinforma lil individwu li hija bi ħsiebha taġixxi skond l-Artikolu 86(3) KE. Fil-fatt, l-Artikolu 86(3) u l-Artikolu 226 għandhom għanijiet differenti u l-proċedimenti li jipprovdu huma suġġetti għal regoli differenti. Barra minn hekk, ittri bħal dawn ma jipproduċux effetti legali ta' natura obbligatorja u għaldaqstant, ma jikkostitwixxux atti kontestabbli skond it-tifsira ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 230 KE (sentenza il-Kummissjoni vs T-Mobile Austria, iċċitata iktar 'il fuq, punt 70).

58     Konsegwentement, huwa inutli li jiġi eżaminat, skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk is-sentenza "il-Kummissjoni vs T-Mobile Austria", iċċitata iktar 'il fuq, li tirrigwarda dawn l-ittri, tikkostitwixxix element ta' dritt li ħareġ matul il-proċedura u, għaldaqstant, jekk ir-raġuni l-ġdida li Aseprofar u Edifa bbażaw ruħhom fuqha hijiex ammissibbli.

59     Fl-aħħar nett, huwa inutli li wieħed jinvoka l-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba u ta' protezzjoni effettiva mill-qrati. Fil-fatt, il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba ma jippermettix li jiġi deċiż li rikors għal annullament, li jikkontesta att li mhuwiex kontestabbli u li konsegwentement ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 230 KE, huwa ammissibbli (ara, b'analoġija, is-sentenza l-Kummissjoni vs T-Mobile Austria, iċċitata iktar 'il fuq, punt 72). Bl-istess mod, il-prinċipju ta' protezzjoni effettiva mill-qrati, hekk kif ma jippermettix lill-qorti li teskludi l-kundizzjoni ta' interess ġuridiku biex jittieħdu passi skond ir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 230 KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs il-Kunsill, C 50/00 P, Ġabra p. I‑6677, punt 44, u tat-30 ta' Marzu 2004, Rothley et vs il-Parlament, C 167/02 P, Ġabra p. I‑3166, punt 25), daqstant ieħor ma jippermettilhiex tinjora l-kundizzjoni ta' att kontestabbli stipulata fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 230 KE.

60     Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tagħlaq il-każ dwar ilment li jirrigwarda aġir ta' Stat li jista' jwassal għall-ftuħ ta' proċedimenti għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu ma jikkostitwixxux atti kontestabbli u r-rikors għal annullament ippreżentat kontrihom għandu jiġu miċħud bħala inammissibbli, mingħajr ma jinħtieġ li jiġi eżaminat jekk jissodisfax il-kundizzjonijiet l-oħra stipulati fl-Artikolu 230 KE.

61     Għaldaqstant, f'dan il-każ, ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2004 li jagħlqu l-każ dwar l-ilmenti P/2002/4609 u P/2003/5119 rispettivament għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

62     L-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura jiddisponi li l-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

63     F'dan il-każ, Aseprofar u Edifa tilfu u l-Kummissjoni talbet li jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż. Għaldaqstant, huma għandhom jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (ir-Raba' Awla)

tordna li:

1)      Ir-rikors hu miċħud bħala inammissibbli.

2)      Asociación de exportadores españoles de productos farmacéuticos u Española de desarrollo e impulso farmacéutico, SA, għandhom jbatu l-ispejjeż.

Magħmul fil-Lussemburgu, fid-19 ta' Settembru 2005.

Ir-Reġistratur

 

       Il-President

H. Jung

 

       H. Legal


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.