Language of document : ECLI:EU:T:2011:269

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

14 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta arloġġ imwaħħal ma’ ċinga – Disinn preċedenti – Żvelar tad-disinn preċedenti – Karattru individwali – Użu ħażin ta’ poter – Artikoli 4, 6, 7 u 61 sa 63 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002”

Fil-Kawża T‑68/10,

Sphere Time, stabbilita fi Windhof (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn C. Jäger, N. Gehlsen u M.-C. Simon, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Botis, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Punch SAS, stabbilita f’Nice (Franza),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI, tat-2 ta’ Diċembru 2009 (Każ R 1130/2008‑3), fir-rigward ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Punch SAS u Sphere Time,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Frar 2010,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Ġunju 2010,

wara li rat id-domanda miktuba tal-Qorti Ġenerali magħmula lir‑rikorrenti,

wara s-seduta tat-18 ta’ Jannar 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Sphere Time, hija l-proprjetarja ta’ disinn Komunitarju rreġistrat bin-numru 325949-0002 u ppreżentat fl‑14 ta’ April 2005, (iktar ’il quddiem, id-“disinn ikkontestat”). Id-disinn ikkontestat, intiż sabiex jiġi applikat għall-arloġġi, huwa rrappreżentat kif ġej:

Image not found

2        Fis-26 ta’ Marzu 2007, il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), Punch SAS, ippreżentat quddiem dan il-Bord talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat, ibbażata fuq l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142). Fit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell allegat li d-disinn ikkontestat ma kienx ġdid u kien nieqes minn karattru individwali, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikoli 5 u 6 tal-istess regolament.

3        Insostenn tar-rikors tiegħu għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità, il-parti l‑oħra quddiem il‑Bord tal-Appell ibbażat ruħha fuq diversi disinni li allegatament kienu preċedenti.

4        Minn naħa waħda, il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell ippreżentat katalgu li juri żewġ disinni ta’ arloġġi mmanifatturati minn Fuzhou Eagle Electronic Co. Ltd. (iktar ’il quddiem id-“disinni C u F”), u ċertifikat ta’ din l-aħħar kumpannija li d-disinni C u F kienu nbiegħu fl-Ewropa fl-2001.

5        Min-naħa l-oħra, il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell ressqet katalgu li juri żewġ disinni ta’ arloġġi mmanifatturati minn Great Sun Technology Corp. u ċertifikat ta’ din l-aħħar kumpannija li dawn id-disinni kienu mibjugħa fl-Ewropa sa mill-2004. Dawn kellhom magħhom fattura tat-tbaħħir u ċertifikat ta’ oriġini relatati mal-kunsinna ta’ 2,000 kampjun ta’ wieħed miż-żewġ disinni koperti bit-trade mark SYMBICORT, magħmula f’April 2004 lil klijent fil-Pajjiżi l‑Baxxi (dan id-disinn tal-aħħar jissejjaħ iktar ’il quddiem id-“disinn SYMBICORT”). Id-disinn SYMBICORT kien irrappreżentat kif ġej:

Image not found

6        Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2008, id-Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni ddikjarat l-invalidità tad-disinn ikkontestat. Hija kkunsidrat li d-disinn ikkontestat kien nieqes minn karattru individwali peress li jipproduċi l-istess impressjoni ġenerali bħad-disinni C u F. Din id-deċiżjoni ġiet appellata mir-rikorrenti fit-13 ta’ Mejju 2008.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. Preliminarjament, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-fattura tat-tbaħħir u ċ-ċertifikat ta’ oriġini relatati mal-kunsinna tad-disinn SYMBICORT kienu evidenza li tistabbilixxi b’mod suffiċjenti skont il-liġi li dak id-disinn ġie żvelat qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni tad-disinn ikkontestat. Il-Bord tal-Appell, filwaqt illi bbaża ruħu fuq il-paragun bejn id‑disinn ikkontestat u d-disinn SYMBICORT, kif normalment pperċepiti minn konsumatur ordinarju familarji ma’ arloġġi mwaħħlin ma’ ċinga, ikkunsidra l-ewwel nett, li dawn kienu simili ħafna, imbagħad, li d-differenzi kienu negliġibbli u, finalment, li, għalkemm id-disinjatur kien liberu fil-ħolqien tad-disinn, b’mod partikolari rigward il-wiċċ tal-arloġġ, din il-libertà ma ġietx sfruttata. Finalment, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, safejn id‑disinn ikkuntestat kien joħloq l-istess impressjoni ġenerali prodotta fuq l‑utent informat bħad-disinn SYMBICORT, dan kien nieqes minn karattru individwali.

 It-talbiet tal-partijiet

8        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna, minn naħa waħda, lill-UASI jbati l-ispejjeż tal‑proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra lill‑parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell tbati l-ispejjeż tal‑proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI.

9        L-UASI jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

10      Ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. L‑ewwel motiv huwa bbażat, skont kif hu fformulat ir-rikors, fuq il-ksur tal‑Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 6/2002 rigward in-novità tad-disinn ikkontestat. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal‑Artikoli 4 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002 rigward l-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat. It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-użu ħażin ta’ poter. Ir-rikorrenti tikkunsidra wkoll li, minħabba l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, l-evalwazzjoni tad-disinni C u F ma hijiex parti mis-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni kkontestata, il‑Bord tal-Appell kien żbaljat li ċaħad id-deċiżjoni tad‑Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni, peress li hija setgħet biss tikkompara d-disinn ikkontestat mad-disinn SYMBICORT u ma ġġustifikatx din l‑għażla.

11      L-UASI jikkontesta l-fondatezza tat-tliet motivi. Huwa jsostni wkoll li s-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali jinkludi x-xebh tad‑disinn ikkontestat kemm mad-disinni C u F kif ukoll mad-disinn SYMBICORT, u li l-Bord tal-Appell sempliċement żied motiv addizzjonali mad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

12      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell seta’ ġustament jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq il-paragun bejn id-disinn ikkontestat u d-disinn SYMBICORT.

13      Fil-fatt, mill-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li, bħala effett tal-appell li jsirlu, il-Bord tal-Appell huwa mitlub jagħmel eżami ġdid u komplut tal-mertu tat-talba għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, Ġabra p. I‑2213, punt 57). Din il-konstatazzjoni timplika li l‑Bord tal-Appell jista’ jibbaża ruħu fuq kwalunkwe disinn preċedenti invokat mir-rikorrenti għall-invalidità, mingħajr ma jkun marbut bil‑kontenut tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u mingħajr ebda raġuni speċifika fuq dan il-punt.

14      Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li d-disinn SYMBICORT ġie invokat mill-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell fil-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata f’dan l‑istadju, jekk l-evalwazzjoni tad-disinni C u F tagħmilx parti mis-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Għandu, madankollu, l-ewwel nett jiġi eżaminat il-mertu potenzjali tal‑appell safejn jirrigwarda l‑evalwazzjoni tad-disinn SYMBICORT magħmula fid-deċiżjoni kkontestata. Huwa biss jekk il-Qorti Ġenerali ssib li din l‑evalwazzjoni hija illegali li l-evalwazzjoni tad-disinni C u F tista’, f’każ ta’ ħtieġa, tkun rilevanti sabiex jiġi ddeterminat l-eżitu tal-kawża quddiemha.

 Fuq l-ewwel motiv, bbażat fuq ksur tal-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 6/2002

16      Ir-rikorrenti ssostni li, f’dak li jirrigwarda d-data tal-iżvelar tad-disinn SYMBICORT, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-dispożizzjoni tal-Artikolu 7(2)(b) tar-Regolament Nru 6/2002. Għalhekk, f’din il‑kawża, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni ma għandhiex tkun id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tad-disinn ikkontestat, li hija l-14 ta’ April 2005, iżda dik tal-14 ta’ April 2004.

17      Il-fattura tat-tbaħħir tikkonċerna kunsinna ta’ merkanzija tad-disinn SYMBICORT li saret f’data mhux speċifikata f’April 2004. Peress li dan id-dokument sar fit-3 ta’ April 2004 f’Hong Kong (iċ-Ċina), huwa probabbli ħafna, meta wieħed jikkunsidra d-distanza bejn Hong Kong u l-Pajjiżi l-Baxxi, li d-dħul tal‑kopji tad-disinn SYMBICORT fis-suq Ewropew u, għalhekk, l‑iżvelar ta’ dan id-disinn għall-pubbliku, seħħ wara l-14 ta’ April 2004.

18      Ir-rikorrenti żżid li l-fattura tat-tbaħħir kienet pprovduta lill-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell mill-fabbrikant tal-arloġġi tad-disinn SYMBICORT, li għandu interess li jipprova l-preċedenza fiż-żmien tal-imsemmi disinn. Bl-istess mod, mhux aċċertat jekk l‑oriġinal tal-imsemmija fattura ġietx ippreżentata lill-UASI. Għaldaqstant, skont ir‑rikorrenti, dan id-dokument ma jistax jiġi kkunsidrat.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti tqis li l-iżvelar preċedenti tad-disinn SYMBICORT ma ġiex ipprovat. Minn dan hija tikkonkludi li dan id-disinn kkontestat għandu jiġu kkunsidrat bħala ġdid.

20      L-UASI kkontestat il-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

21      Skont kif inhu fformulat ir-rikors, l-ewwel mottiv huwa bbażat fuq il‑ksur tal-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 6/2002, fir-rigward tan‑novità tad-disinn Komunitarju. Madankollu, kif irrilevat mill-UASI, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq nuqqas ta’ novità tad‑disinn kkontestat.

22      Fil-fatt, l-ewwel motiv jirrigwarda l-kwistjoni tal-iżvelar preċedenti tad-disinn SYMBICORT. Għalhekk, huwa bbażat, fil-realtà, fuq l‑allegat ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri mal-Artikolu 7 tiegħu.

23      Dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu kif ġej:

“Artikolu 6

Karattru individwali

1. Disinn għandu jiġi meqjus li jkollu karattru individwali jekk l‑impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat tkun differenti mill‑impressjoni ġenerali mħollija fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku:

[…]

(b)       fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, qabel id-data ta’ l-infilzar [preżentata] ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.

[…]

Artikolu 7

Żvelar

1. Bl-għan li jiġu applikati l-Artikoli 5 u 6, disinn għandu jiġi meqjus li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku jekk ikun ġie ppubblikat wara r-reġistrazzjoni jew xorta oħra, jew esibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra, qabel id-data riferita fl-Artikoli […] 6(1) […] (b), skond kif ikun il-każ, għajr meta dawn l-okkażjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu magħrufa b’mod raġonevoli fil-kors normali tan-negozju liċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat, li jkunu qegħdin joperaw ġewwa l‑Komunità […]

2. Żvelar ma għandux jittieħed f’kunsiderazzjoni bl-għan li jiġu applikati l-Artikoli 5 u 6 u jekk disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni bħala disinn Komunitarju rreġistrat ikun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku:

a)       mid-disinjatur, is-suċċessur tiegħu fit-titolu, jew persuna terza b’riżultat tat-tagħrif ipprovdut jew l-azzjoni meħuda mid-disinjatur jew mis-suċċessur tiegħu it-titolu; u

(b)       matul il-perjodu taż-żmien ta’ 12-il xahar mid-data ta’ l-infilzar [preżentata] ta’ l‑applikazzjoni jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.

[…]”

24      L-ewwel nett, fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 6/2002 għall-każ preżenti, għandu jiġi osservat li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jipprovdi lid-disinjatur jew lill-aventi kawża tiegħu bl-opportunità biex jippreżenta disinn fis-suq, matul perijodu ta’ tnax-il xahar, qabel ma jipproċedi bil‑formalitajiet tal‑preżentata.

25      Għalhekk, matul dan il-perijodu, id-disinjatur jew l-aventi kawża tiegħu jista’ jiżgura s-suċċess kummerċjali tad-disinn ikkonċernat qabel jinkorri l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni, mingħajr biża li l-iżvelar li seħħ f’din l-okkażjoni jista’ jiġi invokat b’suċċess fi proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mibdija wara r-reġistrazzjoni eventwali tad‑disinn ikkonċernat.

26      Jirriżulta minn dak li ntqal li, sabiex l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/ 2002 ikun applikabbli fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, il‑proprjetarju tad-disinn li huwa s-suġġett tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandu jistabbilixxi jew li huwa d-disinjatur tad-disinn invokat li fuqu hija bbażata l-imsemmija talba, jew l-aventi kawża ta’ dan id‑disinjatur.

27      Għalhekk, f’dan il-każ, huwa d-dmir tal-applikant li jistabbilixxi min hu d-disinjatur tad-disinn SYMBICORT jew l-aventi kawża tiegħu.

28      Madanakollu, ir-rikorrenti lanqas tallega li dan huwa l-każ.

29      Konsegwentement, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 ma huwiex applikabbli għall-iżvelar l-imsemmi disinn.

30      It-tieni nett, f’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-fatt li r‑rikorrenti ma talbitx prijorità għad-disinn kkontestat, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk mill-provi prodotti lill-UASI jirriżultax li d‑disinn SYMBICORT kien żvelat lill-pubbliku qabel l-14 ta’ April 2005, id-data tal-preżentata tad-disinn ikkontestat.

31      F’dan ir-rigward, il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appelli ppreżentat fattura tat-tbaħħir fir-rigward tal-kunsinna ta’ 2,000 arloġġ tad-disinn SYMBICORT lil klijent fil-Pajjiżi Baxxi. Skont din il‑fattura, l-oġġetti inkwistjoni ġew mibgħuta minn Hong Kong fit-3 ta’ April 2004.

32      B’hekk, fid-dawl tat-tul taż-żmien normali għat-trasport, il-fattura tat-tbaħħir tindika li l-arloġġi inkwistjoni ġew ikkonsenjati fil-Pajjiżi l-Baxxi u, għalhekk, li d-disinn SYMBICORT ġie żvelat fi ċrieki speċjalizzati fis-settur kkonċernat, li kienu joperaw fil-Komunità, qabel l-14 ta’ April 2005, data tal-preżentata tad-disinn ikkontestat. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda prova sabiex tistabbilixxi li dan l-iżvelar ma seħħx jew li dan seħħ wara d-data tal-imsemmija preżentata.

33      It-tielet nett, fir-rigward tal-valur probatorju tal-fattura tat-tbaħħir, għandu jiġi ammess li Great Sun Technology, li timmanifattura l‑arloġġi tad-disinn SYMBICORT u li pprovdiet id-dokument inkwistjoni lill-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell, għandha interess li tkun iddikjarata l-invalidità tad-disinn ikkontestat. Fil-fatt, dan ir-riżultat jippermettilha tkompli l-kummerċjalizzazzjoni tal‑prodotti tagħha fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

34      Madankollu, jekk dan il-fatt jista’ jitfa’ dubju fuq il-kredibbiltà tad‑dikjarazzjoni tad-direttur ta’ Great Sun Technology, ippreżentata wkoll quddiem l-UASI, l-istess konklużjoni ma tapplikax għal fattura tat-tbaħħir.

35      Fil-fatt, dan id-dokument tal-aħħar ma ġiex magħmul speċifikament sabiex iservi bħala prova fi proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, iżda fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali normali, biex jiċċertifika li ngħata servizz u biex jitlob lid-debitur iħallas il-prezz miftiehem.

36      Barra minn hekk, il-fattura tat-tbaħħir ma ġietx indirizzata lill-parti l‑oħra quddiem il-Bord tal-Appell, iżda lil kumpannija terza, u ġiet maħruġa f’April 2004, kważi tliet snin qabel il-preżentata tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, is-26 ta’ Marzu 2007.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li n-natura probatorja tal-fattura tat-tbaħħir ġiet affettwata mill-fatt li din ġiet mogħtija lill-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell mill-manifattur tal‑arloġġi tad-disinn SYMBICORT.

38      Fir-rigward tal-fatt li ġiet ippreżentata kopja tal-fattura tat-tbaħħir, u mhux dik oriġinali, dan il-fatt ma huwiex, fih innifsu, ostakolu sabiex id-dokument ikkonċernat jittieħed inkunsiderazzjoni.

39      Il-preżentazzjoni tad-dokument oriġinali jista’, jekk ikun il-każ, ikun rilevanti jekk il-kopja ma tkunx tista’ tinqara jew jekk ikun hemm sinjali li dak id-dokument ġie manipulat sabiex jinbidel il-kontenut tiegħu. Madanakollu, ir-rikorrenti ma tqajjem ebda argument f’dan is‑sens u l-eżami tal-fattura tat-tbaħħir, kif ippreżentata lill-UASI, lanqas tqajjem mistoqsijiet f’dan ir-rigward.

40      Għaldaqstant, il-fatt li ġiet ippreżentata kopja tal-fattura tat-tbaħħir, pjuttost milli l-oriġinali, lanqas ma taffettwa n-natura probatorja tad‑dokument prodott.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l‑Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkunsidra li kien ġie stabbilit li d-disinn SYMBICORT ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentata tad-disinn ikkontestat. Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002

 L-argumenti tal-partijiet

42      Ir-rikorrenti ssostni li, billi kkonstatat li d-disinn ikkontestat jipproduċi l-istess impressjoni ġenerali bħad-disinn SYMBICORT, il-Bord tal‑Appell wettaq żball fl-evalwazzjoni tiegħu.

43      Preliminarjament, ir-rikorrenti ssostni li, peress li d-disinn SYMBICORT huwa maħsub biex jintuża għal finijiet ta’ reklamar, l‑utent informat huwa professjonist li jixtieq jixtri oġġetti promozzjonali. Hija tindika li, peress li hemm ammont kbir ta’ ċineg disponibbli fis-suq, l-utent informat joqgħod attent għall‑ispeċifiċitajiet ta’ ċinġa partikolari.

44      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell, fl-ewwel lok, li ma ħax inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti taż-żewġ disinni inkwistjoni, jiġifieri ċ-ċinga, il-qafas tal-arloġġ, l-arloġġ innifsu u l‑qafla. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell sempliċement qabbel il-wiċċ tal-arloġġ, il‑pożizzjoni ta’ dan tal-aħħar u l-kuluri taż-żewġ disinni. Meta għamel dan, huwa injora l-fatt li l-libertà tad-disinjatur ta’ arloġġ analogu hija limitata. Madankollu, id-disinjatur għandu libertà kunsiderevoli fir‑rigward taċ-ċinga u l-qafla.

45      Fit-tieni lok, fir-rappreżentazzjoni pprovduta lill-UASI, id-disinn SYMBICORT ma kienx jidher fl-intier tiegħu peress li huwa kompost biss minn żewġ ċineg sejrin f’żewġ direzzjonijiet differenti, iżda bl-ebda bokkla biex taqfilhom. Madankollu, peress li l-paragun ta’ disinni għandu jsir fir-rigward tal-rappreżentazzjonijiet tagħhom, il-Bord tal-Appell ma kellux jassumi li d-disinn SYMBICORT kellu ċinga li biha l-arloġġ jista’ jintlibes madwar l-għonq.

46      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti toġġezzjona għall-konstatazzjoni tal-Bord tal‑Appell li l-qafla tad-disinn ikkontestat hija murija bil‑linji bit-tikek. Il-qafla kkonċernata ġiet irrappreżentata minn linji solidi u għalhekk kellha tittieħed inkunsiderazzjoni, speċjalment peress li hija komponent importanti tad-disinn ikkontestat. Fil-fatt, din il-qafla tattira l-attenzjoni tal-utent informat, peress li, minn naħa, il-libertà tad‑disinjatur ma ġietx limitata f’dan ir-rigward, u, min-naħa l-oħra, l-għamla tagħha tiddetermina liema oġġetti jistgħu jiddendlu maċ-ċinga.

47      Madanakollu, f’dan il-każ, minn naħa, il-qafla tad-disinn SYMBICORT ma hijiex viżibbli fir-rappreżentazzjoni pprovduta lill-UASI, b’mod li l-eżistenza tagħha u l-karatteristiċi eventwali tagħha ma setgħux jiġu kkonfermati. Min-naħa l-oħra, il-qafla tad-disinn ikkontestat kien evidentement differenti mill-parti tat-tarf tad-disinn SYMBICORT.

48      L-UASI jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar‑rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

49      Skont l-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002:

“Artikolu 4

Ħtiġiet għall-protezzjoni

1. Disinn għandu jiġi protett b’disinn Komunitarju safejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali.

[…]

Artikolu 6

Karattru individwali

1. Disinn għandu jiġi meqjus li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat tkun differenti mill-impressjoni ġenerali mħollija fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku:

[…]

(b)       fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, qabel id-data ta’ l-infilzar ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.

2. Fl-istima tal-karattru individwali, għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp taddisinn.”

50      Konsegwentement, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk, mill-perspettiva tal-utent informat u inkunsiderazzjoni tal-grad tal-libertà tad-disinjatur ta’ arloġġ imdendel ma’ ċinga, l-impressjoni globali maħluqa mid-disinn ikkontestat hijiex differenti minn dik prodotta mid-disinn SYMBICORT.

–       Fuq l-utent informat

51      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ utent informat, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l‑kwalità ta’ “utent” timplika li l-persuna kkonċernata tuża l-prodott li fih huwa inkorporat id-disinn, b’konformità mal-għan li għalih l-istess prodott huwa intiż. Id-definizzjoni “informat” tissuġġerixxi barra minn hekk li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, l-utent ikun jaf id-disinni differenti li jeżistu fil-qasam ikkonċernat, jiddisponi minn ċertu grad ta’ konoxxenzi fir-rigward tal‑elementi li dawn id-disinni normalment ikun fihom u, minħabba l‑interess tiegħu fil-prodotti kkonċernati, juża livell ta’ attenzjoni relattivament ogħla meta jagħmel użu minnhom [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ġunju 2010, Shenzhen Taiden vs UASI – Bosch Security Systems (tagħmir tal-Kommunikazzjoni), T‑153/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 46 u47].

52      F’dan il-każ, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell iddeċieda li l-utent informat kien konsumatur ordinarju, li huwa familjari mal-arloġġi mwaħħlin ma’ ċinga u li jiddendlu madwar l-għonq.

53      Huwa paċifiku li d-disinn SYMBICORT, kif ukoll id-disinn ikkontestat, huwa oġġett promozzjonali. Madankollu, fir-rigward ta’ tali oġġetti, il-kunċett ta’ utent informat, kif iddefinit fil-punt 51 iktar ’il fuq, jinkludi, minn naħa, il-professjonist li jakkwista dawn il-prodotti biex jiddistribwixxihom lill‑utenti finali u, min-naħa l-oħra, dawn l-utenti nfushom.

54      Konsegwentement, f’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li l-utent informat huwa kemm il-konsumatur medju, imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll ix-xerrej professjonali, imsemmi mir-rikorrenti.

55      Madankollu, ir-rikorrenti ma tippreżentax argumenti li jissuġġerixxu li l-perċezzjoni tad-disinni kkonċernati koperti miż-żewġ gruppi ta’ utenti tkun differenti.

56      Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, il-fatt li wieħed miż-żewġ gruppi ta’ utenti informati msemmija hawn fuq jipperċepixxu d-disinni kkonċernati bħala li jipproduċu l-istess impressjoni ġenerali huwa biżżejjed biex jipprova li d-disinn ikkontestat għandu nuqqas ta’ karattru individwali.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma ssemmix lill‑professjonisti fost l-utenti informati tal-arloġġi mwaħħlin ma’ ċinga, ma jaffettwax il-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

–       Fuq il-grad ta’ libertà tad-disinjatur

58      Qabel ma jiġi eżaminat il-grad ta’ libertà tad-disinjatur, li, skont ir‑rikorrenti, hija limitata f’dak li jirrigwarda l-arloġġ u wiesgħa fir-rigward taċ-ċinga u l-qafla, huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat liema huma l-elementi protetti b’mod effettiv mid-disinn ikkontestat u li għalhekk huma rilevanti fil-kuntest tal-paragun ta’ dan l-aħħar disinn mad-disinn SYMBICORT.

59      F’dan ir-rigward, il-paragrafu 11.4 tal-linji gwida għall-eżami tad-disinni Komunitarji, adottatat bid-Deċiżjoni EX-03-9 tal-President tal-UASI, fid-9 ta’ Diċembru 2003, intitolat “Rekwiżiti formali għar‑rappreżentazzjoni tad‑disinn”, jipprovdi:

“[…]

Ir-rappreżentazzjoni ta’ disinn għandha tkun limitata għall-karatteristiċi li għalihom tkun qed tiġi mitluba l-protezzjoni. Madankollu, ir‑rappreżentazzjoni tista’ tinkludi elementi oħra li jgħinu jiddeskrivu l‑karatteristiċi tad-disinn li għalih qed tintalab protezzjoni. Fl‑applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju, l‑identifikaturi li ġejjin huma awtorizzati:

1.      Il-linja bit-tikek tista’ tintuża bil-ħsieb jew li tispeċifika l-elementi li għalihom ma tkunx qed tintalab protezzjoni, jew biex tindika dawk il‑partijiet tad-disinn li ma jkunux jidhru f’dik l-istampa partikolari. Għalhekk, il-linji bit-tikek jidentifikaw l-elementi esklużi mil-istampa li jagħmlu parti minnha.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

60      Ir-rikorrenti ma tikkontestax din ir-regola. Madankollu, billi tibbaża ruħha fuq ir-rappreżentazzjoni tad-disinn ikkontestat fid-deċiżjoni kkontestata, fil-Bullettin ta’ Disinni Komunitarji u fid-database tad‑disinni Komunitarji disponibbli fuq il-websajt tal-UASI, hija ssostni li, kuntrarjament għal dak li ġie kkunsidrat mill-Bord tal-Appell fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, il-qafla tad-disinn ikkontestat ma kinitx irrappreżentata mil-linja bit-tikek.

61      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi osservat li r-rappreżentazzjoni tad-disinn ikkontestat fid-deċiżjoni kkontestata hija irrilevanti fir‑rigward tal-portata tal-protezzjoni ta’ dak id-disinn.

62      Fit-tieni lok, l-istampa sommarja tad-disinn ikkontestat, riprodotta fil-Bullettin ta’ Disinni Komunitarji u d-database tad-disinni Komunitarji, tippermetti li jiġi kkonstatat li xi elementi ta’ dak id-disinn, u b’mod partikolari l-qafla, huma rrappreżentati minn linji inqas qawwija minn dawk li jikkaratterizzaw elementi oħra, bħaċ-ċinga u l-qafas tal-arloġġ. Madankollu, minħabba d-daqs żgħir tal-istampa sommarja, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk l-elementi kkonċernati humiex irrappreżentati minn linji bit-tikek.

63      Madankollu, fit-tielet lok, l-inċertezza eventwali dwar dan il-punt hija eliminata mill-istampa sħiħa tad-disinn ikkontestat, disponibbli fil-forma tal-istampa sommarja tal-verżjoni elettronika tal-Bullettin ta’ Disinni Komunitarji u fid-database tad-disinni Komunitarji, u barra minn hekk identika għar-rappreżentazzjoni tad-disinn ikkontestat li jidher fl‑applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti fl-UASI. Fil-fatt, din l-istampa tagħti perċezzjoni ċara li l–qafla tad-disinn ikkontestat hija rrappreżentata minn linji bit-tikek, kif ukoll il-minutieri tal-arloġġ u l-element rettangolari mwaħħal mal-wiċċ tal-arloġġ.

64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-qafla tad-disinn ikkontestat, il-minutieri tal-arloġġ u l-element rettangolari mwaħħal mal-wiċċ tal-arloġġ ma humiex parti mill-elementi li huma protetti mid-disinn ikkontestat. Din il-konstatazzjoni timplika li l-grad ta’ libertà tad‑disinjatur rigward dawn l-elementi huwa irrilevanti f’dan il-każ.

65      Fir-rigward tal-elementi l-oħra mressqa mir-rikorrenti, minn naħa waħda, għandu jiġi osservat li din teżaġera l-grad tal-libertà tad‑disinjatur rigward iċ-ċinga.

66      Fil-fatt, filwaqt, li teżisti ċerta varjabbiltà fir-rigward tat-tul u tal-wisa’ ta’ dan l‑element, dawn il-karatteristiċi ma għandhomx, madankollu, jaffettwaw il-possibbiltà li ċ-ċinga tintlibes komodament madwar l-għonq. L-istess konklużjoni tapplika fir‑rigward l-ippożizzjonar tal-arloġġ fuq iċ-ċinga.

67      Konsegwentement, il-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell f’dan is-sens, li jinsabu fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, ma humiex żbaljati.

68      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-grad tal-libertà tad-disinjatur f’dak li jikkonċerna l‑arloġġ, għandu jiġi rikonoxxut li arloġġ analogu għandu ċertament, ikollu xi elementi sabiex jissodisfa l-funzjoni tiegħu, bħalma huwa l-wiċċ, il-minutieri mpoġġija approssimament fin-nofs tiegħu jew buttun sabiex jiġi ssettjat il-ħin.

69      Madankollu, dawn ir-restrizzjonijiet għandhom x’jaqsmu mal-preżenza ta’ ċerti elementi fl-arloġġ, iżda ma jinfluwenzawx, b’mod sinjifikattiv, il-forma u d-dehra ġenerali tiegħu. Għalhekk, b’mod partikolari, il-wiċċ u l-qafas tal-arloġġ jistgħu jieħdu diversi forom u jistgħu jiġu rranġati f’modi varji, kif kien essenzjalment kkonstatat mill-Bord tal-Appell fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata.

–        Fuq il-paragun bejn l-impressjoni ġenerali prodotta miż-żewġ disinni inkwistjoni

70      Fir-rigward ta’ dak li għadu kif ġie espost dwar l-elementi li huma protetti mid-disinn ikkontestat u l-grad tal-libertà tad-disinjatur tal‑arloġġ imwaħħal ma’ ċinga, għandu jiġi kkunsidrat li l-impressjoni ġenerali tad-disinn huwa ddeterminat mill-elementi li ġejjin:

–        ċinga li t-truf tagħha huma magħquda f’tarf wieħed, imbagħad jgħaddu waħda fuq l-oħra biex jiffurmaw għoqda fit-tarf l-ieħor;

–        arloġġ tond imwaħħal maċ-ċinga fil-punt fejn iż-żewġ truf taċ-ċinga jitbegħdu minn xulxin;

–        żewġ ċrieki konċentriċi madwar it-tarf tal-arloġġ, iċ-ċirku ta’ barra bi slot li tħares ’il fuq u li fiha jitqiegħed il-buttun sabiex jiġi ssettjat il-ħin.

71      Fir-rigward tal-impressjoni ġenerali prodotta mid-disinn SYMBICORT, għandu jiġi eżaminat, preliminarjament, l-argument tar-rikorrenti li l-Bord tal‑Appell ma kellux jassumi li d-disinn SYMBICORT kellu ċinga li biha l-arloġġ ikun jista’ jintlibes madwar l-għonq.

72      F’dan ir-rigward, huwa minnu li r-rappreżentazzjoni tad-disinn SYMBICORT pprovduta lill-UASI turi biss żewġ linji sejrin f’żewġ direzzjonijiet differenti, iżda ma fiha l-ebda ħolqa sabiex l-arloġġ jintlibes madwar l-għonq.

73      Madankollu, fl-evalwazzjoni tad-disinni preċedenti, ma hemmx lok li jiġu eżaminati separatament u esklużivament ir-rappreżentazzjonijiet grafiċi tagħhom, iżda pjuttost evalwazzjoni komplessiva tal-provi kollha ppreżentati li jagħmluha possibbli li tiġi ddeterminata, b’mod suffiċjentement konkret u ċert, l-impressjoni ġenerali tad-disinn ikkonċernat.

74      F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, disinni li kienu użati fil‑kummerċ direttament, mingħajr ma kienu suġġetti għal reġistrazzjoni, jista’ jkun li ma jkunx hemm rappreżentazzjoni grafika li turi d‑dettalji kollha rilevanti tagħhom, komparabbli mar‑rappreżentazzjoni li tinsab fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, ikun eċċesiv li l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jintalab jipprovdi tali rappreżentazzjoni fil-każijiet kollha.

75      F’dan il-każ, minn naħa, dwar ir-riproduzzjoni tad-disinn SYMBICORT ippreżentat mill-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell, iż-żewġ qafliet taċ-ċinga huma interrotti f’daqqa u t-terminu “symbicort” huwa rappreżentat biss parzjalment fuq waħda minnhom. Dan il-fatt jissuġġerixxi li l-assenza ta’ ħolqa hija dovuta għal karattru mhux kompluta tar-riproduzzjoni u mhux minħabba l-apparenza reali tad-disinn ikkonċernat.

76      Min-naħa l-oħra, kemm mill-fattura tat-tbaħħir kif ukoll miċ-ċertifikat ta’ oriġini jirriżulta li l-konsenja mibgħuta minn Great Sun Technology lejn il-Pajjiżi l-Baxxi, fit-3 ta’ April 2004, kien fiha 2,000 kampjun ta “ċinga bl-arloġġ SYMBICORT”.

77      Ma hemm l-ebda dubju li l-funzjoni ta’ ċinga bħal dik inkwistjoni huwa li jinġarr oġġett madwar l-għonq.

78      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-impressjoni ġenerali prodotta fuq l-utent informat minn disinn, għandha neċessarjament tiġi ddeterminata wkoll fir-rigward tal-mod kif il-prodott inkwistjoni jiġi utilizzat (sentenza Tagħmir tal-Kommunikazzjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66), ġustament, il-Bord tal-Appell kkonstata fil-punt 20 tad‑deċiżjoni kkontestata, li d-disinn SYMBICORT effettivament jinkludi ċinga li permezz tagħha l-arloġġ jista’ jiddendel madwar l-għonq, minkejja r-rappreżentazzjoni grafika mhux sħiħa ppreżentata lill-UASI.

79      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost, għandu jiġi konkluż li l-impressjoni ġenerali prodotta mid-disinn SYMBICORT hija ddeterminata mill‑elementi elenkati fil-punt 70 hawn fuq. Fil-fatt, kif ġustament innota l-Bord tal-Appell fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, id-disinn SYMBICORT għandu wkoll ċinga essenzjalment bl-istess proporzjonijiet, li magħha hemm imwaħħal, fl-istess post, arloġġ analogu tond. Bl-istess mod, ix-xifer tal-arloġġ huwa mdawwar minn żewġ ċrieki konċentriċi, biċ-ċirku ta’ barra interrott minn qasma orjentata lejn l-istess naħa, li fiha jitqiegħed il-buttun sabiex jiġi ssettjat il-ħin.

80      Barra minn hekk, ġustament il-Bord tal-Appell kkonstata fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata li d-differenzi bejn id-disinni kkonċernati, imressqa mir-rikorrenti, kienu negliġibbli.

81      B’hekk, fl-ewwel lok, l-ebda differenza sinjifikattiva ma ġiet osservata fir‑rigward tat-tul u tal-wisa’ taċ-ċineg tad-disinni kkonċernati.

82      Fit-tieni lok, il-fatt li ċ-ċinga tad-disinn SYMBICORT hija murija bil‑lewn iswed ma huwiex sinjifikattiv, peress li l-ebda kulur ma ġie mitlub għad‑disinn ikkontestat. Bl-istess mod, sa fejn dan id-disinn tal-aħħar jirrappreżenta prodott promozzjonali, huwa ġġustifikat li jiġi kkunsidrat li matul l-użu tiegħu, ser jiġi kopert minn trademark. Għalhekk, il-preżenza tat-trademark SYMBICORT fid-disinn SYMBICORT ma tikkostitwixxix differenza sinjifikattiva.

83      Finalment, il-dettalji tal-oqfsa tal-arloġġi taż-żewġ disinni jew tal-uċuh tagħhom ma humiex sinjifikattivi biżżejjed biex jinfluwenzaw l‑impressjoni ġenerali mogħtija mill-imsemmija disinni. Dan huwa speċjalment il-każ indikat fil-punti 58 sa 64 iktar ’il fuq li l-minutieri tal-arloġġ u l-element rettangolari mwaħħal mal-wiċċ tal-arloġġ ma humiex parti mill-elementi li huma protetti bid-disinn ikkontestat.

84      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkunsidrat li d‑disinn ikkontestat u d-disinn SYMBICORT jipproduċu l-istess impressjoni ġenerali fuq l-utent informat. Għalhekk, il‑Bord tal-Appell huwa korrett meta wasal għall-istess konklużjoni, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, u kkonkluda li d-disinn ikkontestat ma kellux karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 u għalhekk għandu jiġi ddikjarat null.

85      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi miċħud it-tieni motiv.

 Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter skont l-Artikolu 61(2) tar‑Regolament Nru 6/ 2002

 L-argumenti tal-partijiet

86      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appelli wettaq ħażin ta’ poter billi, minn naħa, huwa ma apprezzax b’mod suffiċjenti skont il-liġi, l‑argumenti tagħha u l-provi kollha prodotti, b’mod partikolari, il-fattura tat-tbaħħir, fit-tieni lok, inkwantu huwa interpreta ħażin il-libertà tad‑disinjatur fir-rigward taċ-ċinga u l-qafla u, fit-tielet lok, minħabba li bbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-qafla tad‑disinn ikkontestat. Ir-rikorrenti tqis li, f’dan il-kuntest, il-Bord tal‑Appell ma għamilx eżami xieraq, iżda sempliċement esprima konstatazzjonijiet mhux sostnuti permezz ta’ argument jew permezz ta’ riferiment għall-provi, u għalhekk kiser id-drittijiet tad‑difiża tagħha. Barra minn hekk, huwa possibbli li, wara li rrefera għall-fatt li l-qafla kienet irrappreżentata minn linji bit-tikek, il-Bord tal-Appell kien qed jirreferi għal disinn mhux magħruf.

87      L-UASI jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

88      Għandu jitfakkar li l‑kunċett ta’ użu ħażin ta’ poter għandu portata preċiża fid‑dritt tal‑Unjoni u jirrigwarda s‑sitwazzjoni fejn awtorità amministrattiva tuża l‑poteri tagħha għal għan li ma jkunx dak li għalih ingħatawlha l‑poteri. Skont ġurisprudenza stabbilita f’dan ir‑rigward, deċiżjoni ma tkunx affettwata minn użu ħażin ta’ poter ħlief jekk din tkun tidher, fuq il‑bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u uniformi, li tkun ittieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet li ma jkunux dawk iddikjarati [sentenzi tal‑Qorti Ġenerali tal‑24 ta’ April 1996, Industrias Pesqueras Campos et vs Il‑Kummissjoni, T‑551/93 u T‑231/94 sa T‑234/94, Ġabra p. II‑247, punt 168, u tat‑12 ta’ Jannar 2000, DKV vs UASI (COMPANYLINE), T‑19/99, Ġabra p. II‑1, punt 33].

89      F’dan il-każ, ir-rikorrenti la stabbiliet u lanqas biss ma allegat l‑eżistenza ta’ tali indizji. L-allegat użu ħażin ta’ poter li ġie invokat huwa, jekk xejn, żbalji potenzjali ta’ evalwazzjoni li jistgħu jirriżultaw fi ksur tal-Artikoli 4, 6 u 7 tar-Regolament Nru 6/2002. Huwa ċar minn eżami tal-ewwel u t-tieni motivi li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti f’dan ir-rigward huma, fi kwalunkwe każ, infondati.

90      F’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, huwa ċar mill-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002 li l-deċiżjonijiet tal-UASI jistgħu jkunu bbażati biss fuq raġunijiet jew fuq provi li l‑partijiet kellhom l-opportunità li jesponu. F’dan il-każ, fil-proċedimenti quddiem l-UASI, ir-rikorrenti esprimiet ruħha dwar is-saħħa probatorja tal-fattura tat-tbaħħir, dwar il-libertà tad-disinjatur, in-nuqqas ta’ rappreżentazzjoni sħiħa tad-disinn SYMBICORT u dwar l‑importanza tal-qafla fl-impressjoni ġenerali maħluqa minn arloġġ imdendel ma’ ċinga. Il-fatt li l-qafla ma hijiex parti mill-elementi protetti mid-disinn ikkontestat, sadanittant, ġiet espliċitament imsemmi fil-punt 21 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, b’tali mod li r‑rikorrenti setgħet tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan il-punt fil-kuntest tal-proċediment tal-appell. Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur tad‑drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud ukoll.

91      Safejn l-argumenti ppreżentati fil-kuntest tat-tielet motiv jistgħu xorta jkunu interpretati bħala li jirreferu għal ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif speċifikat fl-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002, jew l-obbligu li jiġu eżaminati l-motivi esposti u t-talbiet ippreżentati mill-partijiet, skont l-Artikolu 63(1) tal-imsemmi regolament, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata turi, b’mod koerenti u fid-dettall biżżejjed, ir‑raġunijiet li għalihom il-Bord tal-Appell ikkunsidra, minn naħa, li l-provi relattati mad-disinn SYMBICORT, b’mod partikolari l-fattura tat-tbaħħir kienu kredibbli u probatorji (punti 7 u 15 sa 17 tad‑deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, li fil-perċezzjoni tal-utent informat, id-disinn ikkontestat ipproduċa l-istess impressjoni ġenerali tad-disinn SYMBICORT, fid-dawl tal-libertà tad‑disinjatur (punti 18 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, id‑deċiżjoni kkontestata ma hijiex illegali f’dan ir-rigward.

92      Fil-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

93      Sa fejn kull wieħed mill-motivi ppreżentati mir-rikorrenti huwa infondat inkwantu dawn jirrigwardaw il-prova tal-iżvelar tad-disinn SYMBICORT u l-paragun bejn dan tal-aħħar u d-disinn ikkontestat, ma hemmx iktar lok li tiġi eżaminata r-relazzjoni bejn id-disinni C u F, skont dak li ġie spjegat fil-paragrafi 12 sa 15 iktar ’il fuq. Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-paragun bejn id-disinn ikkontestat u d-disinn SYMBICORT li sar mill‑Bord tal-Appell huwa bażi suffiċjenti għad-deċiżjoni kkontestata.

94      Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

95      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r‑rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l ispejjeż, skont it‑talbiet tal UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Sphere Time hija kkundannata għall‑ispejjeż.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Ġunju 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.