Language of document : ECLI:EU:C:2024:503

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

13 ta’ Ġunju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni (PAK) – Skemi ta’ appoġġ – Pagamenti diretti lill-bdiewa – Regolament (UE) Nru 1307/2013 – Artikolu 4(1)(b) u (c) – Kunċett ta’ ‘impriża’ – Ġestjoni minn bidwi – Kunċett ta’ ‘attività agrikola’ – Artikolu 33(1) – Kunċett ta’ ‘żona agrikola għad-dispożizzjoni tal-bidwi f’data stabbilita mill-Istat Membru’, għall-finijiet tal-attivazzjoni tad-drittijiet għall-pagament – Konċessjoni staġjonali, bi ħlas, tal-biċċiet ta’ art li l-bidwi huwa proprjetarju tagħha lill-utenti li huma responsabbli għall-manutenzjoni ta’ dawn il-biċċiet ta’ art u tal-ħsad”

Fil-Kawża C-731/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

IJ und PO GesbR,

IJ

vs

Agrarmarkt Austria,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Piçarra (Relatur), President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Agrarmarkt Austria, minn M. Borotschnik, bħala aġent,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u A. Kögl, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Pérez-Zurita Gutiérrez, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. C. Becker u A. Sauka, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) u (c) flimkien mal-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn IJ und PO GesBR, kumpannija rregolata mid-dritt ċivili sal-2020 u, mill-2021, IJ biss bħala persuna fiżika (iktar ’il quddiem, flimkien, “IJ”), u l-Agrarmarkt Austria (iktar ’il quddiem l-“AMA”), persuna ġuridika rregolata mid-dritt Awstrijak li taġixxi bħala organu ta’ ħlas u stralċjarju tal-għajnuna favur il-bdiewa, dwar tliet deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-AMA rrifjutat li tagħti lil IJ pagamenti diretti għas-snin 2019 sa 2021.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 1782/2003

3        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2013/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2008, L 335M, p. 775, rettifika fil-ĠU 2009, L64M, p. 317) u li tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30, p. 16), taħt it-titolu “Użu ta’ drittijiet għall-pagament”, l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 1782/2003 kien jipprevedi fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.      ‘Ettaru eliġibbli’ ifisser kull żona agrikola ta’ l-impriża meħuda minn art li tinħarat u mergħa permanenti ħlief żoni kkultivati bi prodotti permanenti, foresti jew żoni użati għall-attivitajiet mhux agrikoli.

3.      Il-bidwi għandu jiddikjara l-ħbula tal-art li jikkorrispondu ma’ l-ettaru eliġibbli li jakkumpanja kull dritt għall-pagament. Ħlief fil-każ ta’ ‘force majeure’ jew ċirkustanzi eċċezzjonali, dawn il-biċċiet ta’ art għandhom ikunu għad-disposizzjoni tal-bidwi għal mill-inqas perjodu ta’ 10 xhur, li jibdew minn data ffissata mill-Istat Membru, imma mhux qabel l-1 ta’ Settembru tas-sena kalendarja ta' qabel is-sena meta ġiet sottomessa l-applikazzjoni għall-partiċipazzjoni fl-iskema unika ta’ pagament.”

 Ir-Regolament Nru 1307/2013

4        Il-premessa 10 tar-Regolament Nru 1307/2013, imħassar bir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU 2021, L 435, p. 1), iżda applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, kienet tipprovdi:

“L-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tad-diversi skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa uriet li, f’għadd ta' każijiet, l-appoġġ ingħata lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi li l-fini tan-negozju tagħhom ma kinitx jew kienet biss marġinalment immirata lejn attività agrikola. Sabiex jiġi żgurat immirar aħjar tal-appoġġ, l-Istati Membri għandhom jibqgħu lura milli jagħtu pagamenti diretti lil ċerti persuni fiżiċi u ġuridiċi sakemm tali persuni ma jkunux jistgħu juru li l-attività agrikola tagħhom mhix marġinali. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu wkoll li ma jagħtux pagamenti diretti lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħrajn li l-attività agrikola tagħhom hija marġinali. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jitħallew jagħtu pagamenti diretti lil bdiewa part-time żgħar, billi dawk il-bdiewa jikkontribwixxu direttament għall-vitalità tal-erjas rurali. [...]”

5        Bit-titolu “Kamp ta' applikazzjoni”,

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi:

(a)      regoli komuni dwar il-pagamenti mogħtija direttament lill-bdiewa skont l-iskemi ta' appoġġ elenkati fl-Anness I ("pagamenti diretti");

[...]”

6        L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet u dispożizzjonijiet relatati”, jiddisponi:

“1.      Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(b)      ‘impriża’ tfisser l-unitajiet kollha użati għall-attivitajiet agrikoli mmexxija minn bidwi li jinsabu fit-territorju tal-istess Stat Membru;

(c)       ‘attività agrikola’ tfisser:

(i)      il-produzzjoni, it-trobbija jew it-tkabbir ta’ prodotti agrikoli, inklużi l-ħsad, it-taħlib, it-trobbija tal-annimali u ż-żamma tal-annimali għall-finijiet ta’ biedja,

(ii)      iż-żamma ta’ erja agrikola fi stat li jagħmilha tajba għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni mingħajr azzjoni ta’ tħejjija li tmur lil hinn mill-metodi u makkinarji agrikoli tas-soltu, abbażi ta’ kriterji stabbiliti mill-Istati Membri abbażi ta’ qafas stabbilit mill-Kummissjoni [Ewropea], jew

(iii)      it-twettiq ta' attività minima, definita mill-Istati Membri, fuq erjas agrikoli li huma miżmuma b'mod naturali fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni;

[...]

(e)       ‘erja agrikola’ tfisser kull erja meħuda minn raba’ li jinħarat, bwar permanenti u mergħat permanenti, jew uċuħ tar-raba’ permanenti;

[...]

2.      L-Istati Membri għandhom:

[...]

(b)      fejn applikabbli fi Stat Membru, jiddefinixxu l-attività minima li għandha titwettaq fuq erjas agrikoli li jinżammu b’mod naturali fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni, kif imsemmi fil-punt (c)(iii) tal-paragrafu 1;

[...]”

7        L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, intitolat “Bidwi attiv” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ma għandu jingħata l-ebda pagament dirett lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, jew lil gruppi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li ż-żoni agrikoli tagħhom huma fil-biċċa l-kbira żoni miżmuma b'mod naturali fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni u li ma jwettqux l-attività minima definita mill-Istati Membri skont il-punt (b) tal-Artikolu 4(2) f'dawk iż-żoni.”

8        L-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1307/2013, intitolat “Attivazzjoni ta' drittijiet għall-pagament” kien jistipula li:

“1.      L-appoġġ skont l-iskema ta' pagament bażiku għandu jingħata lill-bdiewa, permezz ta' dikjarazzjoni skont l-Artikolu 33(1), mal-attivazzjoni ta' dritt għall-pagament għal kull ettaru eliġibbli fl-Istat Membru fejn ikun ġie allokat. Id-drittijiet għall-pagament attivati għandhom jagħtu dritt għall-pagament annwali tal-ammonti ffissati hemmhekk [...]

2.      Għall-finijiet ta’ dan it-Titolu, ‘ettaru eliġibbli’ tfisser:

(a)      kull żona agrikola tal-impriża, inklużi erjas li ma kinux f’kondizzjoni agrikola tajba fit-30 ta’ Ġunju 2003 fl-Istati Membri li aderixxew mal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2004 li mal-adeżjoni ddeċidew li japplikaw l-iskema ta' pagament uniku skont l-erja, li tintuża għal attività agrikola jew, fejn l-erja tintuża wkoll għal attivitajiet mhux agrikoli, tintuża b’mod predominanti għal attivitajiet agrikoli;[...]

[...]”

9        L-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dikjarazzjoni ta’ ettari eliġibbli”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Għall-finijiet tal-attivazzjoni tad-drittijiet għall-pagament previsti fl-Artikolu 32(1), il-bidwi għandu jiddikjara l-ħbula tal-art tal-art li jkunu jikkorrispondu għall-ettari eliġibbli li jakkumpanjaw kull dritt għall-pagament. Ħlief fil-każ ta’ force majeure jew ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, dawn il-ħbula tal-art agrikoli għandhom ikunu “disponibbli għall-bidwi f’data ffissata mill-Istat Membru [...]”

 Id-dritt Awstrijak

10      L-Artikolu 20 tal-Verordnung des Verordnung des Bundesministers für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft mit horizontalen Regeln für den Bereich der Gemeinsamen Agrarpolitik (Horizontale GAP-Verordnung) [id-Digriet tal-Ministru Federali għall-Agrikoltura u għall-Foresti, għall-Ambjent u għall-Ġestjoni tal-Ilma li jistabbilixxi regoli orizzontali fil-qasam tal-politika agrikola komuni (id-Digriet Orizzontali dwar il-PAK), BGBl. II, 100/2015], intitolat “Żoni użati għal attivitajiet mhux agrikoli”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Fi kwalunkwe każ, ma jagħmlux parti miż-żoni eliġibbli fis-sens tal-Artikolu 17(1), iż-żoni ppavimentati jew mibnija, il-barrieri taż-żrar, il-barrieri, il-parks, l-artijiet għall-ħin liberu, il-pjantaġġuni tas-siġar tal-Milied, iż-żoni ta’ manuvra u ta’ ħażna fit-tul kif ukoll is-sisien tal-ħaxix, l-injam u l-ħitan sakemm ma jaqgħux taħt il-punti 1 jew 2 tal-Artikolu 18.”

11      L-Artikolu 23 tad-Digriet Orizzontali dwar il-PAK, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għal ċerti użi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-data rilevanti, li fiha erjas eliġibbli għandhom, għall-finijiet tal-attivazzjoni tad-drittijiet għall-pagament, ikunu għad-dispożizzjoni tal-bidwi skont l-Artikolu 33(1) tar-[Regolament Nru 1307/2013], hija d-9 ta’ Ġunju tas-sena ta’ applikazzjoni kkonċernata. [...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      Kull sena, mill-2019 sal-2021, IJ ippreżentat applikazzjoni għal pagamenti diretti għal art li hija proprjetarja tagħha, b’żona ta’ 1 0840 ettari ta’ art li tinħarat esklużivament iddedikata għall-kultivazzjoni ta’ ħxejjex fl-għalqa u maqsuma f’biċċiet ta’ art ta’ daqsijiet differenti (iktar ’il quddiem iż-“żona inkwistjoni”). IJ hija responsabbli għall-ħdim tar-raba’, l-ippjanar tal-għelejjel u l-koltivazzjoni tal-ħxejjex. Fil-bidu tal-istaġun, hija tgħaddi dawn il-biċċiet ta’ art lill-utenti, li jieħdu ħsieb il-manutenzjoni tagħhom kif ukoll il-ħsad, u topera hija stess waħda mill-imsemmija biċċiet ta’ art sabiex l-utenti l-ġodda jkunu jistgħu jkunu jafu l-istandard applikabbli.

13      Mill-mument tal-għoti tal-biċċiet ta’ art lill-utenti, bi ħlas ta’ “kontribuzzjoni staġjonali” lil IJ, dawn jobbligaw ruħhom, skont ftehim ta’ użu konkluż ma’ din tal-aħħar, li jżommu dawn il-biċċiet ta’ art skont il-linji gwida li jirregolaw il-biedja organika u li jeliminaw regolarment il-pjanti adventiċi matul l-istaġun kollu tal-kultivazzjoni. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li fid-9 ta’ Ġunju ta’ kull sena tat-talba, li hija d-data rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1307/2013, stabbilita mill-Artikolu 23(1) tad-Digriet Orizzontali dwar il-PAK, iż-żona inkwistjoni hija “taħt il-ħarsien” ta’ dawn l-utenti.

14      Matul il-perijodu li fih il-biċċiet ta’ art jinsabu “taħt il-ħarsien” tal-imsemmija utenti, IJ jieħu ħsieb l-irrigazzjoni tagħhom skont il-kriterji tiegħu stess. Barra minn hekk, hija tirriżerva l-possibbiltà li tneħħi l-ħaxix ħażin f’dawn il-biċċiet ta’ art, bi spejjeż tal-utenti, jekk dawn jibqgħu ma jagħmlux dan. F’każ ta’ assenza fit-tul, dawn l-utenti huma obbligati jsibu sostitut li għandu jżomm il-porzjon rispettiv tagħhom u jipproċedi bil-ħsad, li għalih IJ ma jagħti l-ebda garanzija, “minħabba n-natura imprevedibbli tal-kundizzjonijiet naturali”.

15      Wara kontroll fuq il-post, imwettaq fit-13 ta’ Lulju 2021, l-AMA, billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 20(3) tad-Digriet Orizzontali dwar il-PAK, ikklassifikat iż-żona inkwistjoni bħala “art għar-rikreazzjoni” mhux eliġibbli għal pagamenti diretti, minħabba li l-utenti kienu jżommu l-biċċiet ta’ art u kienu wettqu l-ħsad matul il-ħin ta’ rikreazzjoni tagħhom, mingħajr ma riedu għall-produzzjoni sistematika għall-finijiet tal-provvista tal-popolazzjoni, li kienet l-attività agrikola li taqa’ prinċipalment taħt il-PAK.

16      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-10 ta’ Jannar 2022, l-AMA, l-ewwel nett, irrifjutat li tagħti pagamenti diretti għaż-żona inkwistjoni għas-snin tat-talba 2019 sa 2021, it-tieni nett, talbet ir-rimbors tal-pagamenti diġà mħallsa u, it-tielet nett, imponiet sanzjonijiet fuq IJ, minħabba li din iż-żona, mid-data tal-għoti lill-utenti tal-biċċiet ta’ art li jikkomponuha, ma għadhiex “għad-dispożizzjoni” għal IJ, fis-sens tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1307/2013. Billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Landkreis Bad Dürkheim (C‑61/09, EU:C:2010:606), l-AMA tqis li, fid-9 ta’ Ġunju ta’ kull sena ta’ talba, IJ ma tgawdix iktar awtonomija suffiċjenti għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tiegħu fuq l-imsemmija żona. Barra minn hekk, peress li l-utenti tal-biċċiet ta’ art “jikkonservaw il-ħsad”, huma ma jaħdmux f’isem, għan-nom u għar-riskju ta’ IJ, kuntrarjament għal dak li teżiġi din il-ġurisprudenza.

17      IJ adixxiet lill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju, b’rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-AMA tal-10 ta’ Jannar 2022, billi sostniet li l-biċċiet ta’ art inkwistjoni jibqgħu “għad-dispożizzjoni tagħha”, fis-sens tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1307/2013, bejn il-mument meta dawn jintbagħtu lill-utenti u l-mument meta dawn jipproċedu bil-ħsad, peress li hija din li tieħu ħsieb b’mod partikolari l-ħdim tal-art fuq dawn il-biċċiet ta’ art, l-irrigazzjoni tagħhom u l-provvista taż-żrieragħ u tal-pjanti kollha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbligu, għall-utenti, li jżommu huma stess, matul dan il-perijodu, il-biċċa art rispettiva tagħhom huwa biss miżura ta’ marketing, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha jista’ jwassal għal tnaqqis ta’ dan il-ħsad jew tal-kwalità tiegħu.

18      Skont il-qorti tar-rinviju, ma hemmx dubju li l-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013 għad-definizzjoni ta’ “impriża”, jiġifieri li ż-żona, li tinsab fit-territorju tal-istess Stat Membru, tintuża “għal attivitajiet agrikoli”, hija ssodisfatta, peress li ż-żona inkwistjoni tintuża għall-kultivazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ħxejjex). Għaldaqstant, skont din il-qorti, il-klassifikazzjoni ta’ din iż-żona bħala “art għar-rikreazzjoni”, imwettqa mill-AMA, hija żbaljata sa fejn hija bbażata fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 20(3) tad-Digriet Orizzontali dwar il-PAK li ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

19      Min-naħa l-oħra, fid-dawl tas-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Landkreis Bad Dürkheim (C‑61/09, EU:C:2010:606), l-imsemmija qorti tiddubita jekk hijiex issodisfatta, f’dan il-każ, it-tieni kundizzjoni stabbilita minn dan l-Artikolu 4(1)(b), jiġifieri li ż-żona inkwistjoni tkun “iġġestita minn bidwi ”, sa fejn, skont din is-sentenza, l-attività agrikola fuq din iż-żona għandha tiġi eżerċitata “f’isem u għan-nom” ta’ dan il-bidwi. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li tali kundizzjoni ġiet stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja f’każ distint ħafna minn dan il-każ, fejn fuq kollox kellu jiġi evitat li diversi bdiewa jitolbu l-biċċiet ta’ art ikkonċernati bħala li jagħmlu parti mill-impriża rispettiva tagħhom. Għaldaqstant, tali kundizzjoni, skont il-qorti tar-rinviju, “ma tapplikax bl-istess mod”.

20      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tiddubita li f’dan il-każ ġiet issodisfatta l-kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1307/2013, li l-biċċiet ta’ art iddikjarati minn IJ għall-finijiet tal-attivazzjoni tad-drittijiet għall-pagament ikunu “għad-dispożizzjoni” għaliha fid-9 ta’ Ġunju ta’ kull sena ta’ talba, peress li f’din id-data dawn il-biċċiet ta’ art kienu “taħt il-ħarsien” tal-utenti.

21      Din il-qorti tirrileva li l-ebda waħda mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam ma tkopri “fid-dettall” dan il-każ. Madankollu, hija tqis li l-argumenti l-iktar b’saħħithom jimmilitaw favur il-klassifikazzjoni taż-żona inkwistjoni bħala “ettaru eliġibbli”, fis-sens tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, li tista’ tagħti dritt għall-pagamenti diretti inkwistjoni. Fil-fehma tagħha, IJ iżżomm, fil-fatt, is-setgħa ta’ dispożizzjoni kif ukoll awtonomija suffiċjenti fl-eżerċizzju tal-attività agrikola tagħha fuq is-superfiċje inkwistjoni, sa fejn hija tagħżel liberament l-utenti tal-biċċiet ta’ art ta’ din iż-żona u teżerċita, matul il-perijodu ta’ kultivazzjoni, influwenza fuq ir-riżultati tal-ħsad, billi twettaq xogħlijiet ta’ preparazzjoni, filwaqt li ssaqqi l-imsemmija żona, billi telimina, jekk ikun il-każ, il-ħaxix ħażin u billi żżomm l-istess żona f’kundizzjonijiet favorevoli għat-tkabbir tal-prodotti tal-ħaxix indikati, minkejja li din ma tkunx ħsad għalihom.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 4(1)(b) u (c) flimkien mal-Artikolu 33(1) tar-Regolament [Nru 1307/2013] għandhom jiġu interpretati fis-sens li żona għandha titqies bħala amministrata mill-bidwi u għad-dispożizzjoni tiegħu jekk, għalkemm din iż-żona tkun tappartjeni lill-bidwi u huwa jwettaq ukoll il-ħdim inizjali fil-ħamrija, it-tħawwil u t-tisqija kontinwa tal-uċuħ tar-raba’, iż-żona, maqsuma f’biċċiet ta’ art ta’ daqsijiet differenti, tiġi mgħoddija lil diversi utenti għall-manutenzjoni u għall-ħsad mill-bidu tal-istaġun f’April/bidu ta’ Mejju sal-aħħar tal-istaġun f’Ottubru, inkambju għal ħlas fiss, mingħajr mal-bidwi jkun involut direttament fis-suċċess tal-ħsad?”

 Fuq id-domanda preliminari

23      Permezz tal-unika domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 4(1)(b) u (c) u tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1307/2013 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li bidwi jibbenefika mill-pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament, għal superfiċji li huwa proprjetarju tagħha, u li din is-superfiċji tiġi kklassifikata bħala “impriża ġġestita” minn dan il-bidwi u “għad-dsipożizzjoni” għalih, meta, minn naħa, il-biċċiet ta’ art li jikkomponu l-imsemmija żona jingħataw lil utenti magħżula mill-imsemmi bidwi, li, bi ħlas ta’ remunerazzjoni fissa, jieħdu ħsieb il-manutenzjoni ta’ dawn il-biċċa ta’ art u tal-ħsad u, min-naħa l-oħra, l-istess bidwi, mingħajr dritt għar-riżultati tiegħu, iwettaq il-ħdim inizjali tal-art, it-tħawwil u l-irrigazzjoni ta’ kuljum tal-imsemmija biċċiet ta’ art, jew il-manutenzjoni tagħhom fil-każ tan-nuqqas ta’ dawn l-utenti.

24      Il-kunċett ta’ “impriża”, iddefinit fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013, impriża tfisser “l-unitajiet kollha użati għall-attivitajiet agrikoli mmexxija minn bidwi li jinsabu fit-territorju tal-istess Stat Membru.”

25      Mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li huma meħtieġa żewġ kundizzjonijiet kumulattivi għall-eżistenza ta’ “impriża”. L-ewwel kundizzjoni teżiġi li ż-żoni kkonċernati, li jinsabu fit-territorju tal-istess Stat Membru, jintużaw għall-finijiet ta’ “attività agrikola”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4(1) (c). It-tieni kundizzjoni teżiġi li din iż-żoni jkunu “ġġestiti” mill-bidwi.

26      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, huwa paċifiku li ż-żona inkwistjoni, li tikkostitwixxi “żona agrikola”, fis-sens tal-Artikolu 4(e) tar-Regolament Nru 1307/2013, hija ddedikata esklużivament għall-kultivazzjoni ta’ ħxejjex fl-għelieqi. Minn dan isegwi li din l-attività taqa’ taħt l-Artikolu 4(1)(c)(i) ta’ dan ir-regolament, bħala produzzjoni, trobbija jew tkabbir ta’ prodotti agrikoli, inkluż il-ħsad.

27      Kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, dan l-Artikolu 4(1)(c) ma jeżiġix li, sabiex tiġi kklassifikata bħala “attività agrikola”, din l-attività tiġi eżerċitata biss matul perijodi ta’ xogħol ikkunsidrati bħala abitwali, bl-esklużjoni tal-perijodi ta’ divertiment, u lanqas li l-bidwi nnifsu jwettaq il-ħsad jew li l-prodotti tiegħu jkunu rriżervati għalih. Din id-dispożizzjoni lanqas ma teħtieġ li l-“attività agrikola” jkollha bħala għan esklużiv il-produzzjoni sistematika għall-provvista tal-popolazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, skont il-punt (ii) tal-imsemmija dispożizzjoni, “iż-żamma ta' żona agrikola fi stat li jagħmilha tajba għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni mingħajr azzjoni ta' tħejjija li tmur lil hinn mill-metodi u makkinarji agrikoli tas-soltu, abbażi ta' kriterji stabbiliti mill-Istati Membri abbażi ta' qafas stabbilit mill-Kummissjoni tikkostitwixxi wkoll “attività agrikola”, fis-sens tal-istess dispożizzjoni.

28      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni li fuqha tiddependi l-eżistenza ta’ “impriża”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) (b) tar-Regolament Nru 1307/2013, jiġifieri li ż-żoni użati “għal attivitajiet agrikoli [jkunu] mmexxija minn bidwi”, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li tali kundizzjoni ma timplikax l-eżistenza, favur il-bidwi, ta’ setgħa illimitata fuq iż-żona kkonċernata fil-kuntest tal-użu tagħha għal finijiet agrikoli. Min-naħa l-oħra, il-bidwi għandu jgawdi minn awtonomija suffiċjenti fir-rigward ta’ din is-superfiċji għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tiegħu, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżaminaha, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Landkreis Bad Dürkheim, C‑61/09, EU:C:2010:606, punti 61 u 62, kif ukoll tas-7 ta’ April 2022, Avio Lucos, C‑116/20, EU:C:2022:273, punti 49 u 50).

29      Barra minn hekk, mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1307/2013, moqri fid-dawl tal-premessa 10 tiegħu, jirriżulta li, sabiex jingħataw il-pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 1 (a) ta’ dan ir-regolament, jistgħu jiġu kklassifikati bħala “bidwi attiv”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew il-gruppi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li s-superfiċji agrikoli tagħhom “huma prinċipalment erjas miżmuma b'mod naturali fi stat adatt għar-ragħa jew il-kultivazzjoni”, u li jeżerċitaw fuq dawn iż-żoni “l-attività minima”, iddefinita, jekk ikun il-każ, mill-Istati Membri konformement mad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 4(2)(b), u 1(c)(iii) tal-imsemmi regolament.

30      Barra minn hekk, flimkien maż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) (b) tar-Regolament Nru 1307/2013, l-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament jeżiġi, għall-finijiet tal-attivazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti diretti, previst fl-Artikolu 32(1) tal-imsemmi regolament li, ħlief fil-każ ta’ forza maġġuri jew ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, il-biċċiet ta’ art taż-żona agrikola tal-impriża, iddikjarati bħala “ettari eliġibbli”, għandhom ukoll ikunu “disponibbli għall-bidwi f’data stabbilita mill-Istat Membru”. Il-kunċett ta’ “ettaru eliġibbli” huwa ddefinit f’dan l-Artikolu 32(2)(a) ta’ dan l-istess regolament, bħala kull żona agrikola tal-impriża li tintuża għal attività agrikola jew, fejn liż-żona tintuża wkoll għal attivitajiet mhux agrikoli, tintuża b’mod predominanti għal attivitajiet agrikoli.

31      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat l-Artikolu 44 (2) u (3) tar-Regolament Nru 1782/2003 fis-sens li l-eżerċizzju tal-attività agrikola fuq superfiċji għandu jsir f’isem u għan-nom tal-bidwi, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Landkreis Bad Dürkheim, C‑61/09, EU:C:2010:606, punt 69).

32      Madankollu, anki jekk jitqies li s-sustanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tikkorrispondi għal dawk tal-Artikolu 32(2) u tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1307/2013, għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjoni msemmija fil-punt preċedenti, li ma tirriżultax mill-kliem ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-aħħar, ġiet stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ kawża bejn il-korp Ġermaniż omologu tal-AMA entità pubblika, jiġifieri l-Landkreis Bad Dürkheim (il-Konttea ta’ Bad Dürkheim, il-Ġermanja), li kienet ikkonkludiet ma’ bidwi kuntratt li permezz tiegħu din obbligat ruħha, bi ħlas ta’ remunerazzjoni fissa, li żżomm u tisfrutta ċerti żoni li parti minnhom kienet il-proprjetà ta’ Land u l-parti l-oħra kienet tappartjeni lil proprjetarji oħra li awtorizzaw ir-ragħa għall-finijiet ta’ protezzjoni tan-natura. Għall-finijiet tal-għoti ta’ drittijiet għall-pagament taħt skema ta’ pagament uniku, din il-bidwi kienet iddikjarat dawn iż-żoni bħala li jagħmlu parti mill-impriża tagħha, u l-applikazzjoni tagħha kienet ġiet miċħuda minn dan il-korp, minħabba li l-imsemmija żoni ma setgħux jiġu kklassifikati bħala “ettaru eliġibbli”, fis-sens tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003.

33      Il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel nett, iddeċidiet li huwa essenzjali li, f’tali sitwazzjoni, iż-żoni kkonċernati ma jkunu s-suġġett ta’ ebda attività agrikola eżerċitata minn terz, sabiex jiġi evitat li diversi bdiewa jinvokaw dawn iż-żoni bħala li jagħmlu parti mill-impriża tagħhom. Sussegwentement, hija interpretat din id-dispożizzjoni fis-sens li hija ma tipprekludix li titqies li tagħmel parti minn impriża żona li hija mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-bidwi mingħajr ħlas, għal użu ddeterminat matul perijodu limitat, fl-osservanza tal-għanijiet ta’ protezzjoni tan-natura, bil-kundizzjoni li dan il-bidwi jkun f’pożizzjoni li juża tali żona b’awtonomija suffiċjenti għall-attivitajiet agrikoli tiegħu matul perijodu minimu ta’ għaxar xhur (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Landkreis Bad Dürkheim, C‑61/09, EU:C:2010:606, punti 66 u t-tieni inċiż tal-punt 71).

34      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, trasferiment temporanju ta’ żona agrikola lil utenti differenti magħżula liberament mill-bidwi, sabiex jeżerċitaw ċerti kompiti li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “attività agrikola” għal remunerazzjoni fissa, ma jistax jostakola d-dritt ta’ dan il-bidwi għal “pagamenti diretti”, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 4(1)(b) u (c) u tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1307/2013. Fil-fatt, kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, huwa determinanti, għall-finijiet tar-rabta ta’ żona agrikola mal-impriża ta’ bidwi, li, minn naħa, dan il-bidwi jkun f’pożizzjoni li jiggarantixxi li tali żona hija effettivament użata għall-finijiet ta’ attivitajiet agrikoli, u, min-naħa l-oħra, li huwa jkun jista’ jiżgura l-osservanza tar-rekwiżiti sostantivi relatati mal-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet agrikoli.

35      Żona agrikola għandha titqies li hija “ġġestita minn bidwi” u “għad-dispożizzjoni” tiegħu sakemm dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti. Hija għandha wkoll tiġi kklassifikata bħala “ettaru eliġibbli” għal dawn il-pagamenti, anki jekk, fid-data stabbilita mill-Istat Membru kkonċernat, hija tkun tinsab “taħt il-ħarsien” tal-utenti magħżula mill-bidwi. Barra minn hekk, peress li tali bidwi jeżerċita fuq din iż-żona, minn tal-inqas, attività agrikola minima fis-sens tal-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 10 tiegħu, huwa għandu jiġi kklassifikat bħala “bidwi attiv” għall-finijiet tal-għoti tal-pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 1(a) tal-imsemmi regolament.

36      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minn naħa, IJ tipproċedi għall-ħdim tal-art, għall-ippjanar tal-għelejjel u għall-kultivazzjoni, qabel ma tgħaddi l-biċċiet ta’ art differenti taż-żona inkwistjoni lill-utenti magħżula, għall-finijiet tal-manutenzjoni u tal-ħsad, u jieħu ħsieb ukoll l-irrigazzjoni ta’ dawn il-biċċiet ta’ art. Min-naħa l-oħra, skont ftehim ta’ użu konkluż ma’ IJ, dawn l-utenti jassumu r-“responsabbiltà” b’mod partikolari li jneħħu regolarment il-ħaxix ħażin, u huma obbligati josservaw il-linji gwida li jirregolaw il-biedja organika. Għalhekk jidher, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, li ż-żoni inkwistjoni tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza u li IJ hija “bidwi attiv”, fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1307/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

37      F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li d-deċiżjoni tar-rinviju fil-kawża prinċipali, ma ssemmi l-eżistenza ta’ ebda riskju ta’ applikazzjoni għal pagamenti diretti għaż-żona inkwistjoni min-naħa ta’ bdiewa li ma humiex IJ. F’dan ir-rigward, din il-kawża hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Landkreis Bad Dürkheim (C‑61/09, EU:C:2010:606). Għalhekk, jekk jitqies li l-Artikolu 32(2) u l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1307/2013 għandhom ikunu s-suġġett tal-istess interpretazzjoni li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-Artikolu 44(2) u (3) tar-Regolament Nru 1782/2003, fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik li tat lok għall-imsemmija sentenza, huma jeżiġu li l-eżerċizzju tal-attività agrikola fuq iż-żona kkonċernati jsir f’isem u għan-nom tal-bidwi li jitlob il-pagamenti diretti, tali rekwiżit ma jkunx applikabbli għal din il-kawża. (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Land Berlin (Drittijiet għall-pagament marbuta mal-PAK), C‑216/19, EU:C:2020:1046, punti 43 u 44).

38      Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 4(1) (b) u (c) u tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1307/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li bidwi jibbenefika mill-pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 1 (a) ta’ dan ir-regolament, għal żona li huwa proprjetarju tagħha, u li din iż-żona tiġi kklassifikata bħala “impriża ġġestita” minn dan il-bidwi u “disponibbli” għalih, meta, minn naħa, il-porzjonijiet li jikkomponu l-imsemmija żoni jingħataw lil utenti magħżula mill-imsemmi bidwi, li, bi ħlas ta’ remunerazzjoni fissa, jieħdu ħsieb il-manutenzjoni ta’ dawn il-biċċiet ta’ art u tal-ħsad u, min-naħa l-oħra, l-istess bidwi, mingħajr dritt għar-riżultati tagħha, iwettaq il-ħdim inizjali tal-art, it-tħawwil u l-irrigazzjoni ta’ kuljum tal-imsemmija biċċiet ta’ art, jew il-manutenzjoni tagħhom fil-każ tan-nuqqas ta’ dawn l-utenti.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 4(1) (b) u (c) u tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009

għandhom jiġu interpretati fis-sens li

Huma ma jipprekludux li bidwi jibbenefika mill-pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament, għal żona li huwa proprjetarju tagħha, u li din iż-żona tiġi kklassifikata bħala “impriża ġġestita” minn dan il-bidwi u “għad-dispożizzjoni” għalih, meta, minn naħa, il-biċċiet ta’ art li jikkomponu l-imsemmija żona jingħataw lil utenti magħżula mill-imsemmi bidwi, li, bi ħlas ta’ remunerazzjoni fissa, jieħdu ħsieb il-manutenzjoni ta’ dawn il-biċċiet ta’ art u tal-ħsad u, min-naħa l-oħra, l-istess bidwi, mingħajr dritt għar-riżultati tiegħu, iwettaq il-ħdim inizjali tal-art, it-tħawwil u l-irrigazzjoni ta’ kuljum tal-imsemmija biċċiet ta’ art, jew il-manutenzjoni tagħhom fil-każ tan-nuqqas ta’ dawn l-utenti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.