Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-25 ta’ Frar 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

(Kawża C-22/15) 1

(Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Eżenzjonijiet – Artikolu 132(1)(m) – Provvisti ta’ servizzi li għandhom rabta stretta mal-prattika tal-isport jew tal-edukazzjoni fiżika – Eżenzjoni tal-kiri ta’ rmiġġi u mħażen tad-dgħajjes lill-membri ta’ assoċjazzjonijiet ta’ sport nawtiku fil-kuntest ta’ attivitajiet ta’ navigazzjoni jew divertiment li ma jistgħux jitqiesu simili għall-isport jew għall-edukazzjoni fiżika – Benefiċċju ta’ eżenzjoni limitat għall-membri ta’ assoċjazzjonijiet ta’ sports nawtiċi li ma jimpjegawx persuni b’salarju għall-provvista tas-servizzi tagħhom– Esklużjoni – Punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133))

Lingwa tal-kawża: in-Netherlandiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Lozano Palacios u G. Wils, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (rappreżentanti: M. Bulterman u M. Noort, aġenti)

Dispożittiv

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 2(1), 24(1), u 133 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, flimkien mal-Artikolu 132(1)(m), ta’ din id-direttiva:

– billi jeżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud, fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ navigazzjoni jew ta’ divertiment li ma jistgħux jitqiesu sport jew edukazzjoni fiżika, il-kiri ta’ rmiġġi u mħażen tad-dgħajjes lill-membri ta’ assoċjazzjonijiet ta’ sport nawtiku li ma jimpjegawx persuni b’salarju għall-provvista tas-servizzi tagħhom, u

– billi jillimita, meta l-kiri ta’ rmiġġi u mħażen tad-dgħajjes isir lil persuni li jipprattikaw l-isport u li l-kiri tkun strettament marbuta u indispensabbli għall-prattika ta’ dan l-isport, l-eżenzjoni tal-kiri lill-assoċjazzjonijiet ta’ sports nawtiċi li ma jimpjegawx persuni b’salarju għall-provvista tas-servizzi tagħhom.

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa kkundannat għall-ispejjeż.

____________

1 ĠU C 228, 13.07.2015.