Language of document : ECLI:EU:F:2015:52

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

3 ta’ Ġunju 2015

Kawża F‑78/14

Philipp Oliver Gross

vs

Is‑Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

“Servizz pubbliku — Persunal tas-SEAE — Uffiċjali — Promozzjoni — Artikoli 43 u 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal — Eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali kollha li jistgħu jiġu promossi — Uffiċjali proposti mid-dipartimenti tas-SEAE u uffiċjali mhux proposti — Teħid inkunsiderazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni — Evalwazzjonijiet esklużivament letterali”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu P. O. Gross jitlob kemm l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), tad-9 u tal-14 ta’ Ottubru 2013, li ma jiġix promoss fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2013, kif ukoll l-annullament tad-deċiżjonijiet tad-9 u tal-14 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxu l-lista tal-uffiċjali promossi fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ promozzjoni.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, tad-9 ta’ Ottubru 2013, li tistabbilixxi l-lista tal-uffiċjali promossi fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2013 hija annullata sa fejn l-isem ta’ P. O. Gross ma huwiex inkluż fiha. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn P. O. Gross.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors — Obbligu li r-rikors jinkludi l-argumenti kollha mressqa fl-ilment — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Espożizzjoni ċara u preċiża tal-motivi invokati

(Regoli tal-proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 35(1)(e))

3.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Modalitajiet — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Stabbiliment ta’ sistema bbażata esklużivament fuq il-kummenti tal-evalwaturi, mingħajr riferiment għal marki jew għal evalwazzjonijiet analitiċi — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

4.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Modalitajiet — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Neċessità ta’ eżami mill-Kumitat tal-promozzjoni dwar l-uffiċjali kollha tal-istituzzjoni li jistgħu jiġu promossi, minkejja l-ammissibbiltà ta’ eżami minn qabel fi ħdan id-diversi diviżjonijiet amministrattivi

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u 45(1))

1.      Ir-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment u r-rikors ma jimplikax li r-rikors għandu jinkludi l-argumenti kollha mressqa fl-ilment amministrattiv imressaq qabel. Fil-fatt, anki jekk il-proċedura prekontenzjuża ma tipprovdix il-persuna kkonċernata b’soluzzjoni sodisfaċenti, din il-proċedura jista’ jkollha l-effett li tillimita d-dibattiti quddiem il-qorti tal-Unjoni billi t-tweġiba tal-Awtorità tal-Ħatra għall-ilment tista’ tipperswadi lil-lanjant dwar in-natura infondata ta’ xi uħud mill-argumenti tiegħu.

(ara l-punt 26)

2.      Il-qorti tal-Unjoni għandha tinterpreta l-motivi mqajma mir-rikorrent fid-dawl tas-suġġett tagħhom, bil-kundizzjoni li dawn jistgħu jiġu identifikati b’mod suffiċjentement ċar fir-rikors.

(ara l-punt 38)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Mantzouratos vs Il‑Parlament, F‑64/10, EU:F:2011:72, punt 16

3.      Anki jekk l-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi dwar il-proċedura jew il-metodu li hija tqis li huwa l-iktar xieraq sabiex twettaq eżami komparattiv tal-merti, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ promozzjoni prevista fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, is-setgħa hekk mogħtija lill-amministrazzjoni hija madankollu limitata min-neċessità li jitwettaq eżami komparattiv tal-merti b’attenzjoni u b’imparzjalità, fl-interess tas-servizz u skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Barra minn hekk, l-imsemmi eżami għandu jitwettaq abbażi ta’ sorsi ta’ informazzjoni komparabbli. F’dan is-sens, sabiex is-sistema ta’ promozzjoni tkun kemm jista’ jkun ġusta, l-imsemmija awtorità għandha, skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, tiżgura li l-eżami komparattiv tal-merti jkun oġġettiv billi, minn naħa, tiggarantixxi l-komparabbiltà tal-evalwazzjonijiet tal-uffiċjali kollha permezz tal-istabbiliment ta’ skala komuni ta’ evalwazzjoni u, min-naħa l-oħra, tomoġenizza l-kriterji ta’ evalwazzjoni applikati mill-evalwaturi.

Minn din il-perspettiva, evalwazzjonijiet esklużivament letterali ma jippermettux li jiġu identifikati metodikament id-differenzi fil-mod ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjali u b’hekk jaffettwaw il-kapaċità tal-Awtorità tal-Ħatra li twettaq paragun oġġettiv tal-merti.

Fil-fatt, l-obbligu li jitwettaq paragun tal-merti fuq bażi ta’ ugwaljanza u bl-użu ta’ sorsi ta’ informazzjoni komparabbli, inerenti fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, jirrikjedi proċedura jew metodu li jista’ jinnewtralizza s-suġġettività li tirriżulta mill-evalwazzjonijiet magħmula minn evalwaturi differenti.

(ara l-punti 40 u 45 sa 47)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza de Wind vs Il‑Kummissjoni, 62/75, EU:C:1976:103, punt 17

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi Casini vs Il‑Kummissjoni, T‑132/03, EU:T:2005:324, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Buendía Sierra vs Il‑Kummissjoni, T‑311/04, EU:T:2006:329, punti 131 u 172, u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza Stols vs Il‑Kunsill, T‑95/12 P, EU:T:2014:3, punt 32

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Praskevicius vs Il‑Parlament, F‑81/10, EU:F:2011:120, punt 53; Van Neyghem vs Il-Kunsill, F‑77/11, EU:F:2012:187, punt 38, u Nieminen vs Il-Kunsill, F‑81/12, EU:F:2014:50, punti 58 u 91, u l-ġurisprudenza ċċitata, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑464/14 P

4.      L-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi fuq l-Awtorità tal-Ħatra l-obbligu li twettaq, qabel kull promozzjoni, eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali kollha li jistgħu jiġu promossi. B’mod iktar preċiż, fil-kuntest tal-eżami tagħha, din l-awtorità tista’ titlob l-assistenza tas-servizzi amministrattivi fil-livelli ġerarkiċi differenti, skont il-prinċipji inerenti fil-funzjonament ta’ kull struttura amministrattiva ġerarkika, stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tar‑Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, eżami minn qabel, fi ħdan kull direttorat ġenerali, tal-fajls tal-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni ma jistax ikollu bħala effett li jissostitwixxi l-eżami komparattiv li għandu jitwettaq sussegwentement, meta dan ikun previst, minn Kumitat tal-promozzjoni u wara mill-imsemmija awtorità. B’mod partikolari, ma jistax jiġi permess li l-imsemmija awtorità teżamina biss il-merti tal-uffiċjali li jkunu ġew ikklassifikati l-aħjar fil-listi stabbiliti mis-servizzi jew direttorati ġenerali differenti, għaliex dan kieku jirrendi mingħajr skop l-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali kollha li jistgħu jiġu promossi.

Għaldaqstant, fl-assenza ta’ proċedura jew ta’ metodu li jirrendi l-eżami iktar oġġettiv, bħal, pereżempju, medji statistiċi, l-għoti ta’ punti ta’ evalwazzjoni affettwati minn koeffiċjenti ta’ korrezzjoni intiżi sabiex jinnewtralizzaw id-differenzi fil-mod ta’ kif issir l-evalwazzjoni minn direttorat ġenerali jew servizz awtonomu għal ieħor, l-allokazzjoni ta’ punti ta’ mertu jew linji gwida li jistabbilixxu l-kriterji oġġettivi komuni li jirrigwardaw l-profil ta’ karriera ta’ kategoriji ta’ uffiċjali, din is-sistema ma tiggarantixxix paragun oġġettiv tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi għall-gradi differenti minn fost il-persunal kollu u, f’dan ir-rigward, tikkostitwixxi wkoll fattur ta’ kompartamentalizzazzjoni tal-paragun tal-merti li jagħti iktar importanza lis-suġġettività tar-rapporti ta’ evalwazzjoni.

Barra minn hekk, il-fatt li l-Kumitat konġunt tal-promozzjoni ddetermina l-eżistenza ta’ żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi ma jippermettix li jiġi konkluż li l-merti ta’ dawn l-uffiċjali kollha kienu s-suġġett ta’ paragun effettiv.

(ara l-punti 54, 62 u 80)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi Tsirimokos vs Il‑Parlment, T‑76/92, EU:T:1993:106, punt 17; Allo vs Il‑Kummissjoni, T‑386/94, EU:T:1996:123, punti 31 et seq; Séché vs Il‑Kummissjoni, T‑112/96 u T‑115/96, EU:T:1999:134, punt 61; Cubero Vermurie vs Il-Kummissjoni, T‑187/98, EU:T:2000:225, punt 85; Caravelis vs Il‑Parlament, T‑182/99, EU:T:2001:131, punti 33 u 34; Tsarnavas vs Il‑Kummissjoni, T‑188/01 sa T‑190/01, EU:T:2003:77, punt 121; Heurtaux vs Il‑Kummissjoni, T‑172/03, EU:T:2005:34, punt 40, u Nielsen vs Il‑Kunsill, T‑353/03, EU:T:2005:127, punti 63 et seq

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Digriet Debaty vs Il‑Kunsill, F‑47/13, EU:F:2013:215, punt 31