Language of document : ECLI:EU:T:2020:400

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

9 ta’ Settembru 2020 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna intiża għal proġett ta’ investiment fil-Punent tas-Slovakkja – Għajnuna għall-investiment reġjonali – Ċaħda ta’ lment – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Kundizzjonijiet għal eżenzjoni – Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 651/2014 – Portata tas-setgħa ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014‑2020 – Kunċett ta’ SME – Artikolu 3(2) u (3) tal-Anness I tar-Regolament Nru 651/2014 – Informazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-għadd tal-persunal u għall-ammonti finanzjarji u perijodu ta’ referenza – Artikolu 4 tal-Anness I tar-Regolament Nru 651/2014 – Dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern – Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) 2015/1589 – Diffikultajiet serji”

Fil-Kawża T‑745/17,

Kerkosand spol. s r. o., stabbilita fi Šajdíkove Humence (Is-Slovakkja), irrappreżentata minn A. Rosenfeld u C. Holtmann, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Blanck u A. Bouchagiar, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 5050 final tal-20 ta’ Lulju 2017, dwar l-għajnuna għall-investiment favur il-produttur Slovakk tar-ramel tas-silika NAJPI a. s. (SA.38121 (2016/FC) – Is-Slovakkja) (ĠU 2017, C 336, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, V. Kreuschitz (Relatur) u G. Steinfatt, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-21 ta’ Jannar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Kerkosand spol. s r. o., topera sit ta’ estrazzjoni u impjant għall-ippakkjar tar-ramel tas-silika f’Šajdíkove Humence (is-Slovakkja).

2        Fit-12 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea jallega li, permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 2013, is-Slovenská iNru vačná a energetická agentúra (l-Aġenzija Slovakka għall-Innovazzjoni u għall-Enerġija, is-Slovakkja), kienet tat lill-kumpannija NAJPI a. s. (iktar ’il quddiem l-“impriża benefiċjarja”) għajnuna illegali fl-ammont ta’ EUR 4 999 999.46 intiża għal proġett ta’ investiment fil-Punent tas-Slovakkja (iktar ’il quddiem l-“għajnuna inkwistjoni”).

3        Din l-għajnuna ngħatat abbażi tal-iSchéma štátnej pomoci na podporu zavádzania iNru vatívnych a vyspelých techNru lógií v priemysle a v službách [SA.28652 (X518/2009)] (l-Iskema ta’ Għajnuna mill-Istat insostenn tal-Użu ta’ Teknoloġiji Innovattivi u Avvanzati fl-Industrija u fis-Servizzi, iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna inkwistjoni”) li kienet ikklassifikata bħala miżura ta’ għajnuna reġjonali għall-investiment u għall-impjieg, konformement mal-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008, tas-6 ta’ Awwissu 2008, li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli 87 u 88[KE] (ĠU 2008, L 214, p. 3). Hija kienet tikkonċerna proġett ta’ investiment tal-impriża benefiċjarja, li permezz tiegħu din riedet tistabbilixxi sit ta’ estrazzjoni tar-ramel tas-silika fil-minjieri ta’ Borský Peter (Is-Slovakkja) u ta’ Šajdíkove Humence (iktar ’il quddiem il-“proġett ta’ investiment”).

4        Permezz ta’ ittri tal-24 ta’ Frar u tat-2 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni ttrażmettiet verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment lill-awtoritajiet Slovakki u stednithom jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom, u dawn għamlu hekk permezz ta’ ittri tat-30 ta’ Mejju u l-1 ta’ Lulju 2014.

5        Fit-30 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ evalwazzjoni preliminari lir-rikorrenti li fiha hija qieset li l-għajnuna inkwistjoni kienet ingħatat konformement mar-Regolament Nru 800/2008.

6        Ir-rikorrenti ssottomettiet informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni permezz ta’ ittri tat-12 ta’ Frar, tal-4 ta’ Settembru, u tas-7 u tal‑21 ta’ Novembru 2014, tat-28 ta’ Mejju, tat-8 ta’ Lulju, tal-15 ta’ Lulju, tal‑1 ta’ Settembru, tal-15 ta’ Ottubru u tat‑3 ta’ Novembru 2015 kif ukoll tat-13 ta’ Ġunju, tal-5 ta’ Lulju u tas-17 ta’ Awwissu 2016.

7        Il-Kummissjoni għamlet talbiet għal informazzjoni lill-awtoritajiet Slovakki permezz ta’ ittri tat-2 ta’ Mejju, tat-30 ta’ Ġunju u tal-10 ta’ Settembru 2014, tad-9 ta’ Jannar 2015, tal-25 ta’ Frar, tal‑10 ta’ Marzu, tat-22 ta’ April u tat-23 ta’ Ġunju 2016, tal-25 ta’ Jannar, tal‑15 ta’ Marzu u tat-13 ta’ Ġunju 2017. L-awtoritajiet Slovakki rrispondew permezz ta’ ittri tal-1 ta’ Lulju u tat-3 ta’ Ottubru 2014, tas-6 ta’ Frar 2015, tat-22 ta’ April, tad-19 ta’ Mejju u tal-1 ta’ Lulju 2016, kif ukoll tas-7 ta’ Frar, tat-12 ta’ April u tal-21 ta’ Ġunju 2017.

8        Fid-9 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni bagħtet ittra oħra ta’ evalwazzjoni preliminari lir-rikorrenti, li fiha hija qieset li l-għajnuna inkwistjoni kienet legali, peress li kienet ingħatat konformement mar-Regolament Nru 800/2008 u kompatibbli mas-suq komuni. B’mod partikolari, hija qieset li, meta l-imsemmija għajnuna ingħatat, jiġifieri fit-22 ta’ Lulju 2013, l-impriża benefiċjarja kienet impriża li taqa’ taħt il-kategorija ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SME) u li din ma kinitx tinsab f’diffikultà.

9        Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Ottubru 2015 (ara wkoll il-punt 6 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti rrispondiet għal din l-ittra l-oħra ta’ evalwazzjoni preliminari u ssottomettiet informazzjoni addizzjonali.

10      Fis-26 ta’ Novembru 2015 inżammet laqgħa bejn ir-rikorrenti u s-servizzi tal-Kummissjoni.

11      Fl-20 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2017) 5050 final, dwar l-għajnuna għall-investiment favur il-produttur Slovakk tar-ramel tas-silika NAJPI a. s. (SA.38121 (2016/FC) – Is-Slovakkja) (ĠU 2017, C 336, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li kienet indirizzata lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Slovakk, iżda li l-bażi legali tagħha ma kinitx indikata. F’din id-deċiżjoni, hija qieset, essenzjalment, li, l-ewwel nett, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE kien issodisfatt (punti 43 u 44), it-tieni nett, l-għajnuna inkwistjoni kienet ingħatat fis-7 ta’ Novembru 2013, li kien jikkorrispondi għad-data tal-jum ta’ wara dak tar-reġistrazzjoni tal-kuntratt ta’ sussidju konkluż fis-29 ta’ Ottubru 2013 fir-reġistru ċentrali tal-kuntratti Slovakk (punti 45 sa 47), it-tielet nett, kemm l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni li abbażi tagħha ngħatat l-għajnuna inkwistjoni kif ukoll din l-għajnuna bħala tali kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 800/2008, bl-eċċezzjoni, madankollu, ta’ dik imsemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament li jipprovdi li l-miżura ta’ għajnuna individwali għandha tindika li ngħatat fuq il-bażi tal-istess regolament (punti 50 sa 55), ir-raba’ nett, kien hemm lok li jiġi analizzat jekk l-imsemmija għajnuna setgħetx titqies li hija kompatibbli mas-suq intern fid-dawl tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru°651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108[TFUE] (ĠU 2014, L 187, p. 1), konformement mal-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament tal-aħħar (punt 56), u, l-ħames nett, l-imsemmija għajnuna kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet msemmija minn dan ir-regolament, b’mod partikolari dik relatata mal-istatus ta’ SME tal-impriża benefiċjarja, b’tali mod li kienet eżentata mill-obbligu ta’ notifika u kellha titqies li hija kompatibbli mas-suq intern (punti 57 sa 63). Minn dan hija kkonkludiet li ma kinitx kompetenti sabiex tanalizza l-għajnuna inkwistjoni fil-kuntest ta’ eżami preliminari previst mill-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9) (punt 64 tal-imsemmija deċiżjoni). Sussegwentement, hija “ċaħdet” bħala infondat l-ilment li r-rikorrenti kienet issottomettiet, b’mod anonimu, abbażi tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589 (punt 65 tal-imsemmija deċiżjoni).

12      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Settembru 2007, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti kopja tad-deċiżjoni kkontestata filwaqt li kklassifikatha bħala “deċiżjoni dwar l-għajnuna inkwistjoni”.

13      Fit-6 ta’ Ottubru 2017, id-deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fil-forma ta’ avviż sommarju (imsejħa pubblikazzjoni “skematika”) fis-sens tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 2015/1589 (ĠU 2017, C 336, p. 1), taħt it-titolu “Awtorizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikoli 107 u 108 [TFUE]”, kif ukoll taħt it-titolu “Fir-rigward ta’ dawn il-każijiet il-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjonijiet”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrenti ressqet din l-azzjoni.

15      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Lulju 2019 ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti pproduċiet dokument li kien jiżvela r-riżultati annwali tal-impriża benefiċjarja matul il-perijodu bejn l-2014 u l-2018 filwaqt li talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex taċċettah bħala prova ġdida. Fl-osservazzjonijiet tagħha sottomessi fit-terminu mogħti, il-Kummissjoni titlob b’mod partikolari lill-Qorti Ġenerali, sabiex tirrifjuta din il-prova bħala tardiva, fis-sens tal-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u manifestament irrilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima u sabiex tordna l-irtirar tal-imsemmi dokument mill-fajl.

16      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie maħtur għat-Tielet Awla, u din il-kawża, konsegwentement, ġiet assenjata lilha.

17      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u talbithom jirrispondu bil-miktub. Il-partijiet ippreżentaw ir-risposti tagħhom fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-terminu mogħti.

18      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ Jannar 2020.

19      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla l-ittra tal-5 ta’ Settembru 2017;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq il-motivi għal annullament

21      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi.

22      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tallega ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali, jiġifieri l-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2015/1589, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tal-istess regolament.

23      It-tieni motiv huwa maqsum fi tliet partijiet.

24      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni ksur tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE. Hija tqis, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma setgħetx sempliċement tafferma li l-għajnuna inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq intern fid-dawl tar-Regolament Nru 651/2014, iżda kellha tivverifika wkoll il-kompatibbiltà tagħha fid-dawl tal-imsemmija dispożizzjoni.

25      Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tallega ksur tal-Artikolu 109 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 58(1) u l-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament Nru 651/2014. Hija ssostni, essenzjalment, li l-għajnuna inkwistjoni ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti minn dan ir-regolament, peress li din tikkostitwixxi għajnuna ad hoc għal impriża kbira.

26      Permezz tat-tielet parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589. Hija tikkunsidra li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali impost fuqha minħabba diffikultajiet serji li hija ltaqgħet magħhom fl-eżami tal-għajnuna inkwistjoni.

 Fuq l-ammissibbiltà

27      Matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-Kummissjoni sostniet, minn naħa, li t-tieni kap tat-talbiet li permezz tiegħu r-rikorrenti titlob l-annullament tal-ittra tal-5 ta’ Settembru 2017 li tinnotifikaha bid-deċiżjoni kkontestata kien inammissibbli u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti ma kinitx tiġġustifika l-locus standi fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni partijiet tat-tieni motiv.

28      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

29      Meta ġiet mistoqsija f’dan ir-rigward waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat li ma kellhiex iktar dubji dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, fatt li tniżżel fil-proċess verbal tas-seduta.

30      Fil-fatt, anki jekk id-deċiżjoni kkontestata hija formalment indirizzata biss lir-Repubblika Slovakka, mill-punt 65 finali tagħha li jinsab taħt it-titolu “Konklużjoni” jirriżulta li “[l]-ilment ippreżentat minn lanjant anonimu abbażi tal-Artikolu 24(2) tar-[Regolament 2015/1589] huwa miċħud bħala infondat”. Peress li dan il-lanjant huwa kjarament ir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi pproċediet hekk, il-Kummissjoni ċaħdet espressament dan l-ilment fil-kuntest ta’ motiv essenzjali insostenn tal-imsemmija deċiżjoni, jew saħansitra li tixbah id-dispożittiv tagħha, minkejja l-ġurisprudenza stabbilita li ma timponilhiex tali obbligu (sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’ s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punti 45 u 46), b’tali mod li r-rikorrenti għandha titqies li hija individwalizzata b’mod analogu għal dak tad-destinatarju tagħha, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

31      Minn dan isegwi li r-rikors huwa ammissibbli kollu kemm hu, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata għandhiex tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589 (ara l-punti 35 sa 59 iktar ’il quddiem). Fi kwalunkwe każ, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, kontra tali deċiżjoni, rikorrent jista’ jinvoka kwalunkwe motiv li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni jkollha, matul il-fażi preliminari tal-eżami tal-miżura nnotifikata għandha tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-każ preżenti, permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti, bħala impriża kompetitriċi tal-benefiċjarja tal-għajnuna inkwistjoni u parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, għandha l-għan, b’mod partikolari, li tissalvagwardja d-drittijiet proċedurali li hija tislet minn din id-dispożizzjoni li kieku l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għalhekk, għal dan il-għan, huma ammissibbli mhux biss l-ewwel motiv u t-tielet parti tat-tieni motiv, iżda wkoll l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni motiv, li huma intiżi sabiex juru li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha matul il-fażi ta’ eżami preliminari kien messha qajmet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern.

32      Fl-aħħar nett, peress li l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti huwa ammissibbli, ma hemmx bżonn li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet, ippreżentat sussidjarjament fil-każ fejn l-ewwel kap tat-talbiet jiġi ddikjarat inammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2015/1589, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tal-istess regolament

33      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tallega ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali, jiġifieri l-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2015/1589, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tal-istess regolament. Essenzjalment, hija tikkunsidra li, b’risposta għall-ilment imressaq minnha, il-Kummissjoni kien messha adottat waħda mid-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) sa (4) tal-istess regolament minflok id-deċiżjoni kkontestata.

34      Il-Kummissjoni twieġeb, essenzjalment, li, fid-dawl tal-konklużjoni tagħha li l-għajnuna inkwistjoni kienet eżentata, skont ir-Regolament Nru 651/2014, mill-obbligu ta’ notifika u ta’ awtorizzazzjoni msemmi mill-Artikolu 108(3) TFUE, il-kontroll imwettaq minnha f’dan il-każ kien jaqa’ barra mill-kuntest tal-proċedura ta’ eżami preliminari u li hija la kienet kompetenti u lanqas ma kienet obbligata tadotta waħda mid-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 4 (2) sa (4) tar-Regolament 2015/1589. Id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi deċiżjoni sui generis ta’ natura purament dikjaratorja.

35      Għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2015/1589 jimponi fuq il-Kummissjoni, ladarba l-osservazzjonijiet addizzjonali jiġu ppreżentati mill-persuna interessata jew it-terminu raġonevoli jiskadi, l-obbligu li tagħlaq il-fażi preliminari tal-eżami billi tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 4(2), (3) jew (4) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri jew deċiżjoni li tikkonstata l-ineżistenza tal-għajnuna, jew dik li ma tqajjimx oġġezzjonijiet jew dik li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2017, DEI vs Il‑Kummissjoni C‑228/16 P, EU:C:2017:409, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Dan l-obbligu huwa l-korollarju tar-rikonoxximent tad-dritt li minnu jibbenefika lanjant fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat li jagħti bidu, billi jippreżenta lment jew informazzjoni li tirrigwarda allegata għajnuna, lill-fażi preliminari ta’ eżami li l-Kummissjoni għandha neċessarjament ittemm permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punti 37 sa 40; tas-16 ta’ Diċembru 2010, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑362/09 P, EU:C:2010:783, punti 62 u 63, u tas-16 ta’ Mejju 2013, Il-Kummissjoni vs Ryanair, C‑615/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:310, punt 35).

37      Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha quddiemha lment li kien jinkludi informazzjoni dwar għajnuna allegatament illegali, peress li ma ġietx innotifikata, u inkompatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw kemm mir-Regolament Nru 651/2014 kif ukoll mill-Artikolu 107(3)(a) TFUE.

38      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-prinċipji stabbiliti fil-punti 35 u 36 japplikaw mutatis mutandis għal ilment imressaq minn parti interessata li tallega l-inapplikabbiltà jew l-applikazzjoni ħażina tal-kundizzjonijiet ta’ regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija, bħar-Regolament Nru 651/2014, li jiġġustifika li jiġi kkunsidrat li miżura ta’ għajnuna hija eżentata mill-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 108(3) TFUE. Fil-fatt, permezz tal-adozzjoni ta’ tali regolamenti ta’ eżenzjoni skont il-kategorija, il-Kummissjoni ma tiddelegax lill-awtoritajiet nazzjonali s-setgħa tagħha ta’ kontroll u s-setgħa deċiżjonali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, inkluż fir-rigward tat-trattament tal-ilmenti, iżda żżomm b’mod sħiħ is-setgħa ta’ sorveljanza tagħha, skont l-Artikolu 108 TFUE u l-Artikolu 12(1) tar-Regolament 2015/1589, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-osservanza minn dawn l-awtoritajiet tal-obbligu fundamentali ta’ notifika tal-miżuri ta’ għajnuna u tal-projbizzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 108(3) TFUE. Din l-evalwazzjoni tapplika ferm iktar fid-dawl tal-kriterji rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punti 132 sa 135 u 140 sa 144 u l-ġurisprudenza ċċitata), dwar ir-rilevanza li l-partijiet kellhom il-possibbiltà li jagħtu risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 17 iktar ’il fuq) kif ukoll jesprimu ruħhom fis-seduta.

39      Dawn il-kriterji huma, fost oħrajn, dawn li ġejjin.

40      L-ewwel nett, huwa biss jekk miżura ta’ għajnuna adottata minn Stat Membru tissodisfa effettivament il-kundizzjonijiet kollha rilevanti previsti mir-Regolament Nru 651/2014 li dan l-Istat Membru jkun eżenti mill-obbligu tiegħu ta’ notifika u, bil-kontra, meta għajnuna tkun ingħatat b’applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, minkejja li l-kundizzjonijiet kollha imposti sabiex wieħed jibbenefika mill-għajnuna ma jkunux issodisfatti, din tkun ingħatat bi ksur tal-obbligu ta’ notifika u għandha titqies li hija illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 99, u tad-29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il‑Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punt 138).

41      It-tieni nett, huwa l-obbligu tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament 2015/1589, li teżamina ex officio jew fil-kuntest ta’ ilment imressaq minn parti interessata, fid-dawl tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, tali għajnuna mogħtija bi ksur tar-Regolament Nru 651/2014 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      It-tielet nett, għalkemm il-Kummissjoni hija awtorizzata tadotta regolamenti ta’ eżenzjoni skont il-kategorija ta’ għajnuna, sabiex tiżgura sorveljanza effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u sabiex tissemplifika l-ġestjoni amministrattiva, tali regolamenti ma jistgħux idgħajfu s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha f’dan il-qasam (ara s-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Ir-raba’ nett, minn dan jirriżulta li, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 651/2014, il-Kummissjoni ma tat l-ebda setgħa deċiżjonali definittiva lill-awtoritajiet nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-portata tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ notifika u, għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ dan ir-regolament li għalihom hija suġġetta tali eżenzjoni, billi l-imsemmija awtoritajiet jinsabu, f’dan ir-rigward, fuq l-istess livell bħall-benefiċjarji potenzjali tal-għajnuna u billi għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet tagħhom ikunu konformi mal-imsemmi regolament, b’tali mod li, meta awtorità nazzjonali tagħti għajnuna b’applikazzjoni żbaljata ta’ dan ir-regolament, hija tagħmel dan bi ksur kemm tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament kif ukoll tal-Artikolu 108(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punti 101 sa 103, u tad-29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il‑Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punti 142 u 143).

44      Il-ħames nett, meta Stat Membru jqis li għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 651/2014, din l-għajnuna tibbenefika, fil-parti l-kbira, minn preżunzjoni ta’ kompatibbiltà mas-suq intern, fejn il-konformità ta’ tali għajnuna mal-imsemmija kundizzjonijiet tista’ tiġi kkontestata kemm quddiem il-qorti nazzjonali jew awtorità nazzjonali kif ukoll quddiem il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punt 144).

45      Is-sitt nett, ir-Regolament Nru 651/2014 ma jaffettwax il-kompetenza esklużiva li għandha l-Kummissjoni sabiex tevalwa, taħt l-Artikolu 107(3) TFUE, il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mogħtija b’applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u għaldaqstant il-Kummissjoni tibqa’ l-unika li tista’ tiddikjara tali għajnuna kompatibbli mas-suq intern taħt din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il‑Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punt 146).

46      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li hija adottat id-deċiżjoni kkontestata barra mill-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, jew saħansitra li ma kellhiex il-kompetenza sabiex twettaq eżami preliminari intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk l-għajnuna inkwistjoni kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni tar-Regolament Nru 651/2014, għandu jiġi miċħud. Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment tar-rikorrenti ta bidu għall-imsemmija proċedura ta’ eżami preliminari li l-Kummissjoni kienet obbligata li ttemm permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589 (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 35 u 36 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, mill-punti 38 sa 45 iktar ’il fuq jirriżulta li tali lment seta’ kellu preċiżament l-għan tal-eventwali nuqqas ta’ osservazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija, li l-istħarriġ tiegħu kien l-obbligu tal-Kummissjoni skont is-setgħa tagħha ta’ sorveljanza prevista fl-Artikolu 107(3) u fl-Artikolu 108(3) TFUE. Għaldaqstant, fil-każ ineżami, wara l-ilment tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet obbligata twettaq tali eżami preliminari sabiex tivverifika jekk l-awtoritajiet Slovakki kinux applikaw b’mod korrett id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 651/2014 jew jekk, bil-kontra, kinux kisru l-obbligu ta’ notifika tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punti 138, 140 sa 144 u 146). Dan l-obbligu ta’ eżami tal-Kummissjoni kien għaldaqstant neċessarjament jinvolvi, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, ir-rekwiżit li tiġi interpretata l-portata tal-kundizzjonijiet rilevanti għall-eżenzjoni u dak li tiġi vverifikata l-applikazzjoni korretta tagħhom fil-każ ineżami, rekwiżiti li magħhom il-Kummissjoni tidher, barra minn hekk, li pprevediet li tikkonforma ruħha fid-deċiżjoni kkontestata.

47      Barra minn hekk, ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li hija kien ikollha kompetenza sabiex twettaq tali eżami biss kieku r-rikorrenti kien irnexxielha tipprova li l-kundizzjonijiet rilevanti għall-eżenzjoni ma kinux issodisfatti, billi dan l-argument jaqa’ taħt ksur tal-portata tal-obbligu tagħha ta’ kontroll, saħansitra inverżjoni inammissibbli tal-oneru tal-prova. Bil-kontra, meta jitressaq quddiemha lment li jallega n-nuqqas ta’ osservanza ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija u, għaldaqstant, l-għoti ta’ għajnuna illegali, minħabba li mhux innotifikata, il-Kummissjoni mhux biss ikollha l-kompetenza sabiex tivverifika l-fondatezza tal-allegazzjonijiet tal-lanjant, iżda għandha wkoll l-obbligu li tagħmel dan, sabiex tiddetermina jekk il-miżura inkwistjoni kinitx suppost ġiet innotifikata lilha u għaldaqstant, jekk tikkostitwixxix għajnuna illegali. Kieku dan ma jkunux il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali jibbenefikaw minn awtonomija eċċessiva fl-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u dan imur kontra l-prinċipji ġurisprudenzjali mfakkra fil-punti 40 sa 43 iktar ’il fuq.

48      Għar-raġunijiet esposti fil-punti 46 u 47 iktar ’il fuq, huwa wkoll infondat l-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li hija ma tistax “tibblokka” l-implimentazzjoni ta’ miżura li fil-fehma tal-awtoritajiet nazzjonali titqies eżenti skont tali regolament ta’ eżenzjoni, meta, fir-realità, il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni ma jkunux issodisfatti. Fil-fatt, f’dan il-każ tal-aħħar, l-assenza ta’ notifika tal-imsemmija miżura u l-eżekuzzjoni tagħha jiksru l-Artikolu 108(3) TFUE, u dan huwa preġudizzju li għandu jkun jista’ jitressaq quddiem il-Kummissjoni, b’mod partikolari, permezz ta’ lment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punti 140 u 144).

49      Bl-istess mod, l-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li l-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589 jkopri biss l-eżami ta’ notifika u ma japplikax meta miżura ta’ għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji għal regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija, jaqa’ taħt interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipji ġurisprudenzjali mfakkar fil-punti 40 u 41 iktar ’il fuq, billi ilment jista’ jikkontesta l-konformità tal-miżura mal-imsemmija kundizzjonijiet u, għaldaqstant, il-legalità tagħha fid-dawl tal-Artikolu 108(3) TFUE. B’dan, il-Kummissjoni tagħmel konfużjoni bejn il-premessi tal-kontroll li għandu jitwettaq wara li jsir ilment u fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami preliminari, jiġifieri l-eżami tal-eżistenza ta’ għajnuna illegali minħabba, b’mod partikolari, li l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni ma jkunux issodisfatti, u r-riżultat ta’ dan l-eżami (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 iktar ’il fuq).

50      Għall-istess raġunijiet, għandu jiġi miċħud l-argument li jikkostitwixxi ċirku vizzjuż tal-Kummissjoni intiż sabiex issostni li lment ma huwiex ammissibbli ħlief meta jirrigwarda ksur tal-obbligu ta’ notifika u, għaldaqstant, l-eżistenza ta’ għajnuna illegali, iżda mhux għajnuna innotifikata, u li miżura ta’ għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet għal eżenzjoni ta’ regolament ta’ eżenzjoni ma tistax tikkostitwixxi tali għajnuna illegali. Fil-fatt, dan l-argument imur kontra l-prinċipji msemmija fil-punti 138 sa 144 tas-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni (C‑654/17 P, EU:C:2019:634), li jipprovdu li huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina dan l-ilment preċiżament sabiex jiġi ddeterminat jekk l-allegazzjoni tan-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni u, għaldaqstant, tal-obbligu ta’ notifika hijiex fondata.

51      Minn dan li ntqal jirriżulta li ebda wieħed mill-argumenti mressaq mill-Kummissjoni sabiex tikklassifika d-deċiżjoni kkontestata bħala deċiżjoni sui generis, adottata barra mill-kuntest tal-proċedura ta’ eżami preliminari u ta’ dak previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589, ma jista’ jintlaqa’.

52      Madankollu, din il-konklużjoni ma timplikax li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba żball ta’ liġi, nuqqas ta’ bażi legali jew nuqqas ta’ kompetenza. Indipendentement mill-klassifikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tan-natura tal-imsemmija deċiżjoni, huwa finalment l-obbligu tal-qorti tal-Unjoni li tiddetermina l-vera natura u portata legali tagħha fid-dawl tar-regoli applikabbli, l-istess bħall-interpretazzjoni li għandha tagħti għall-kwistjoni ta’ jekk att tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat jistax jiġi kkontestat (ara d-digriet tal-11 ta’ Lulju 2019, Vattenfall Europe Nuclear Energy vs Il-Kummissjoni, T‑674/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:501, punti 31 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, tali interpretazzjoni hija b’mod partikolari neċessarja sabiex tippermetti lil din il-qorti tiddetermina jekk l-att inkwistjoni huwiex illegali minħabba li jkun ġie adottat minn awtorità inkompetenti jew minħabba li ma jkollux bażi legali suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punti 57 sa 84, u tal-25 ta’ Ottubru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (CMR-15), C‑687/15, EU:C:2017:803, punti 40 sa 59).

53      Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat jekk, mis-sustanza tagħha u mhux mill-forma tagħha, u minkejja l-opinjoni kuntrarja li l-Kummissjoni esprimiet, partikolarment, fil-mori tal-kawża, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxix, fir-realtà, deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589.

54      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 64 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li, minħabba l-kompatibbiltà tagħha, b’mod partikolari, mar-Regolament Nru 651/2014, l-għajnuna inkwistjoni kienet eżentata u, għaldaqstant, hija ma kellhiex il-kompetenza sabiex teżaminaha fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami preliminari prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589. Barra minn hekk, fil-punt 65 tal-imsemmija deċiżjoni, hemm indikat li l-ilment [tar-rikorrenti], fis-sens tal-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, huwa miċħud bħala infondat. Bl-istess mod, fl-ittra tal-5 ta’ Settembru 2017 li tikkomunika din id-deċiżjoni lir-rikorrenti, il-Kummissjoni rrinunzjat milli tippreċiża l-bażi legali li fuqha kienet ibbażata l-imsemmija deċiżjoni, iżda sempliċement ipprovdiet li kienet “deċiżjoni dwar l-għajnuna inkwistjoni”. Fl-aħħar nett, fl-atti bil-miktub tagħha u matul is-seduta, hija sostniet li d-deċiżjoni inkwistjoni kienet tikkostitwixxi deċiżjoni sui generis, adottata barra mill-kuntest tal-proċedura ta’ eżami preliminari u ta’ dak previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tal-istess regolament, u kellha natura purament deklaratorja, mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li tindika bażi legali espressa jew xierqa għal dan il-għan.

55      Huwa fid-dawl ta’ dawn ir-raġunijiet li, fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni kisret rekwiżit formali essenzjali li għandu jagħti lok għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

56      Madankollu, hekk kif tqies fil-punti 35 sa 51 iktar ’il fuq, huwa legalment impossibbli li d-deċiżjoni kkontestata ma tiġix ikklassifikata bħala deċiżjoni li ġiet adottata fi tmiem proċedura ta’ eżami preliminari u għaldaqstant, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, bħal deċiżjoni skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, id-deċiżjoni kkontestata hija indirizzata formalment lir-Repubblika Slovakka, u b’mod iktar preċiż, lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Slovakk (ara l-punt 11 iktar ’il fuq), u mhux lir-rikorrenti li rċeviet biss, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 24(2) tal-istess regolament, kopja tal-imsemmija deċiżjoni (ara l-punt 12 iktar ’il fuq).

58      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali, taħt il-forma ta’ komunikazzjoni fil-qosor (imsejjħa pubblikazzjoni “skematika”) fis-sens tal-Artikolu 32(1) tal-istess regolament (ĠU 2017, C 336, p. 1), taħt it-titolu “Awtorizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikoli 107 u 108 [TFUE]”, kif ukoll taħt it-titolu “Fir-rigward ta’ dawn il-każijiet il-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjonijiet” (ara l-punt 13 iktar ’il fuq) u, għaldaqstant, jiġifieri każijiet li fihom il-Kummissjoni kienet mitluba tadotta deċiżjonijiet fis-sens tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589.

59      Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax ħlief tikkostitwixxi deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kontra l-għajnuna inkwistjoni skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali inkwantu l-Kummissjoni ma adottatx waħda mid-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) sa (4) tal-istess regolament, għandu jiġi miċħud.

60      Din il-konklużjoni, madankollu, ma tippreġudikax il-portata tal-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali hija mitluba teżerċita fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata abbażi, b’mod partikolari, tat-tieni motiv.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE

61      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tallega ksur tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE, essenzjalment għar-raġuni li, barra l-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni fuq il-bażi tar-Regolament Nru 651/2014, il-Kummissjoni kien messha vverifikat jekk l-imsemmija għajnuna kinitx kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE, kif moqri fid-dawl tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014‑2020 (ĠU 2013, C 209, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali”), li jipprevedu t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterju tal-prevenzjoni ta’ kapaċità eċċessiva. Il-Kummissjoni tirribatti, essenzjalment, li l-kuntest ġuridiku rilevanti f’dan il-każ huwa kkostitwit esklużivament mir-regolamenti ta’ eżenzjoni skont il-kategorija applikabbli u mhux mill-imsemmija linji gwida.

62      Għandu jiġi kkonstatat li din il-parti ma tistax tintlaqa’. Hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li, meta jkollha quddiemha lment li jallega n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija intiż sabiex jimplimenta, b’mod partikolari, il-kriterji tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE, il-Kummissjoni ma tistax tkun issodisfatta li teżamina jekk l-għajnuna inkwistjoni tissodisfax l-imsemmija kundizzjonijiet, iżda għandha wkoll tivverifika l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis b’mod żbaljat li l-imsemmija dispożizzjoni għandha tinqara, b’mod partikolari, fid-dawl tar-regoli ta’ kondotta li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha, bħal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali tagħha.

63      Fil-fatt, fl-ewwel lok, bla ħsara għall-possibbiltà li titqiegħed inkwistjoni l-legalità ta’ dispożizzjoni allegatament inkompleta ta’ regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija fis-sens tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE, billi tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE, ħaġa li r-rikorrenti ma għamlitx f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet ta’ tali regolament jippreżentaw, mill-perspettiva tal-Istat Membru kkonċernat u tal-individwi, leġiżlazzjoni eżawrjenti tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni direttament applikabbli li huma previsti fih. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra jkollha l-konsegwenza li, minkejja li l-kundizzjonijiet kollha għall-eżenzjoni jkunu ssodisfatti, l-awtoritajiet nazzjonali ma jkunux awtomatikament awtorizzati jirrinunzjaw għal notifika tal-miżura inkwistjoni u sabiex jimplimentawha u jkomplu jirriskjaw li jiksru l-Artikolu 108(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punti 59, 86, 87 u 99 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punti 128 u 138).

64      Issa, tali interpretazzjoni tista’ tippreġudika mhux biss l-applikabbiltà diretta, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, tad-dispożizzjonijiet ta’ regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija, iżda wkoll l-effett utli tagħhom li jinsab preċiżament fl-għan, imsemmi fl-Artikolu 109 TFUE, li jiġu stabbiliti l-kategoriji ta’ għajnuna li huma ipso facto eżenti mill-proċedura prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE u, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għaldaqstant, mill-premessa 7 tar-Regolament Nru 651/2014 jirriżulta li hija biss l-għajnuna mill-Istat li ma hijiex koperta mill-imsemmi regolament li għandha tibqa’ suġġetta għall-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punti 57 sa 59, u tad-29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punti 127 u 128).

65      Dawn il-prinċipji japplikaw mutatis mutandis meta l-Kummissjoni tkun mitluba tivverifika jekk l-awtoritajiet nazzjonali applikawx b’mod korrett id-dispożizzjonijiet ta’ regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija. Li kieku kien mod ieħor, il-konsegwenzi legali ta’ tali regolament, jiġifieri l-effett immedjat ta’ deroga mill-obbligu ta’ notifika ta’ għajnuna, u n-natura direttament applikabbli u ġuridikament eżawrjenti tal-kundizzjonijiet għal eżenzjoni għal dan il-għan ikunu kkontestati għas-sempliċi raġuni li l-Kummissjoni jkollha quddiemha lment li jwassalha sabiex tivverifika ex post facto jekk l-awtoritajiet nazzjonali wettqux żbalji f’dan ir-rigward u għalhekk kisrux l-obbligu tagħhom ta’ notifika. Issa, għalkemm hija l-Kummissjoni, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, li għandha tivverifika l-eżistenza ta’ tali żbalji, id-dmir tagħha ta’ sorveljanza ma jistax madankollu jaffettwa din in-natura legali tad-dispożizzjonijiet ta’ regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija.

66      Fit-tieni lok, il-kriterju tal-prevenzjoni ta’ kapaċità eċċessiva fis-suq inkwistjoni ma huwiex imsemmi bħala kundizzjoni għal eżenzjoni ta’ għajnuna għall-investiment reġjonali fis-sens tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 651/2014. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma hijiex iġġustifikata li ssostni li dan ir-regolament jeżiġi min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali jew tal-Kummissjoni li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħolqien eventwali ta’ tali kapaċità eċċessiva. Il-Kummissjoni għalhekk ġustament issostni li, abbażi ta’ dan ir-regolament, hija ma kellhiex kompetenza sabiex tevalwa dan l-aspett fil-kuntest tal-eżami tal-ilment tar-rikorrenti u li l-analiżi tagħha tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 14 tal-istess regolament, kif esposta fil-punt 57(a) u (b) tad-deċiżjoni kkontestata, kienet, bħala prinċipju, suffiċjenti.

67      Minn dan isegwi li għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li, billi stabbilixxiet regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija, il-Kummissjoni ma “eżawrietx” is-setgħa diskrezzjonali tagħha skont l-Artikolu 107(3) TFUE. Anki jekk jitqies li ċerti dispożizzjonijiet ta’ regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija jirriżultaw li huma lakuni u inkompatibbli mad-dritt primarju, b’mod partikolari mal-Artikolu 107(3) TFUE, li jkollu bħala konsegwenza awtomatika ksur tal-obbligu ta’ notifika u, jekk ikun il-każ, tal-projbizzjoni tal-implimentazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni fis-sens tal-Artikolu 108(3) TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu konjizzjoni tagħhom biss wara eċċezzjoni ta’ illegalità invokata skont l-Artikolu 277 TFUE. Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma qajmitx, skont din id-dispożizzjoni u għal dawn ir-raġunijiet, l-illegalità tal-inqas parzjali tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 651/2014.

68      Għandu jiġi ppreċiżat li jekk, fi kwalunkwe każ, wara l-preżentata ta’ lment, il-Kummissjoni kellha tikkonstata li l-awtoritajiet nazzjonali kienu applikaw ħażin il-kundizzjonijiet ta’ regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija, b’tali mod li, fir-realtà, l-għajnuna inkwistjoni kellha tiġi nnotifikata skont l-Artikolu 108(3) TFUE, hija tkun, ċertament, obbligata tevalwa l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji addizzjonali tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali li hija stess imponiet lilha nnifisha f’ dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju bħala tali ta’ dan l-istħarriġ dwar l-osservanza mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni previsti f’regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija huwa simili għal stħarriġ pur tal-legalità li huwa neċessarjament nieqes minn kunsiderazzjonijiet li jaqgħu taħt is-setgħa diskrezzjonali li l-Kummissjoni għandha biss meta tapplika, f’każ individwali, l-Artikolu 107(3)(a) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punti 78 u 79).

69      Fit-tielet lok, indipendentement minn dak li ntqal, ir-rikorrenti ma wrietx li l-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 107(3)(a) TFUE tipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterju tal-prevenzjoni ta’ kapaċità eċċessiva fuq is-suq inkwistjoni bħala rekwiżit li jirriżulta mid-dritt primarju bħala tali. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni derogatorja ma tirrikjedix l-assenza ta’ distorsjoni jew ta’ theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, li tikkostitwixxi biss kriterju tal-kunċett ta’ għajnuna previst fl-Artikolu 107(1) TFUE. Għall-kuntrarju, l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE jew ta’ regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija li jippreċiża l-portata tiegħu fil-livell tad-dritt sekondarju tippreżumi neċessarjament li l-miżura inkwistjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha tal-kunċett ta’ għajnuna, inkluż dik dwar id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat mill-ġdid l-impatt antikompetittiv tagħha, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien ta’ kapaċità eċċessiva fis-suq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punti 93 u 94, u tal-20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel and hotel Berlin vs Il-Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punt 123). Fil-fatt, kuntrarjament għall-Artikolu 107(3)(c) TFUE, fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE, lanqas ma huwa meħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet tal-kummerċ inbidlux b’mod kuntrarju għall-interess komuni.

70      Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti hija esklużivament marbuta mal-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tar-regoli ta’ kondotta li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha, u mhux ma’ dik tal-portata tad-dritt primarju li miegħu l-imsemmija regoli għandhom madankollu jkunu kompatibbli u li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li ma setgħux jeżawrixxu kompletament is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 107(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2016, Il-Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punti 71 u 72; tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 41, u tad-29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il‑Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punt 83). Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni sempliċement evalwat, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija, jekk il-Kummissjoni kinitx wettqet applikazzjoni żbaljata tar-regoli ta’ kondotta li kienu jirrigwardaw espliċitament il-problema ta’ kapaċità eċċessiva u jekk hija kinitx għalhekk wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑169/95, EU:C:1997:10, punt 22, u tad-9 ta’ Settembru 2009, Holland Malt vs Il-Kummissjoni, T‑369/06, EU:T:2009:319, punt 136). F’dan il-kuntest, din il-qorti madankollu la eżaminat jekk, bil-kontra, kif tallega r-rikorrenti, ċerti kriterji kkunsidrati f’tali regoli ta’ kondotta jirriżultawx direttament mir-rekwiżiti imposti mid-dritt primarju bħala tali, u lanqas ma evalwat il-portata ġuridika, jew il-legalità ta’ regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija fid-dawl tad-dritt primarju.

71      Fir-raba’ lok, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tirrikonoxxi li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha skont l-Artikolu 107(3) TFUE, il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida sabiex tistabbilixxi l-kriterji li abbażi tagħhom hija jkollha l-intenzjoni tevalwa l-kompatibbiltà, mas-suq intern, ta’ miżuri ta’ għajnuna previsti mill-Istati Membri. Billi tadotta tali regoli ta’ kondotta u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija ser tapplikahom għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali u ma tkunx tista’, fil-prinċipju, titbiegħed minn dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, skont il-każ, għal ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara s-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punti 81 u 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni hija marbuta minn tali regoli, dan huwa biss sa fejn dawn ma jiddevjawx minn applikazzjoni tajba tat-Trattat, peress li l-imsemmija regoli ma jistgħux jiġu interpretati f’sens li jnaqqas il-portata tal-Artikoli 107 u 108 TFUE jew li jikser l-għanijiet previsti minnhom (ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:482, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw mutatis mutandis għad-dispożizzjonijiet ta’ regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija li jikkostitwixxu wkoll ir-riżultat ta’ eżerċizzju ex ante mill-Kummissjoni tal-kompetenzi tagħha skont l-Artikolu 107(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punti 65 u 102, u tad-29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punt 135), iżda li, b’differenza mir-regoli ta’ kondotta, huma legalment vinkolanti u direttament applikabbli fl-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet joħolqu effett limitattiv fir-rigward tal-Kummissjoni sa fejn dawn jippreċiżaw il-kriterji ta’ għajnuna li għandhom jitqiesu li huma ipso facto eżenti skont l-Artikolu 107(3) TFUE, b’tali mod li din l-għajnuna tevadi l-obbligu ta’ notifika u ta’ verifika mill-Kummissjoni, ċertament, bil-kundizzjoni li dawn il-kriterji jkunu konformi mar-regoli superjuri tad-dritt, fosthom l-Artikoli 107 u 108 TFUE. Barra minn hekk, il-portata tad-dispożizzjonijiet legalment vinkolanti u direttament applikabbli ta’ regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija ma tistax, bħala prinċipju, tiġi rrelattivizzata permezz ta’ regoli ta’ kondotta. Dan huwa inqas possibbli inkwantu, minn naħa, l-imsemmija regoli ma huma bl-ebda mod legalment vinkolanti fir-rigward tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 44) u, min-naħa l-oħra, huma, b’mod partikolari, intiżi li jiggwidaw u li jillimitaw l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3) TFUE fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 108(2) TFUE u, għaldaqstant, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija.

73      Konsegwentement, tali regoli ta’ kondotta adottati mill-Kummissjoni abbażi tas-setgħa organizzattiva tagħha tal-proċeduri tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ma jistgħux jidderogaw mir-regoli superjuri tad-dritt, inklużi r-regolamenti ta’ eżenzjoni skont il-kategorija. Għalhekk, tkun xi tkun il-portata tal-imsemmija regoli ta’ kondotta, huma ma jistgħux, fihom innifishom, jirrelattivizzaw il-portata tal-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni previsti minn tali regolamenti.

74      Fil-ħames lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 651/2014, li huwa applikabbli f’dan il-każ, ma jagħmilx riferiment għal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali, b’mod partikolari għall-paragrafu 114 tagħhom dwar l-effetti antikompetittivi ta’ espansjoni ta’ kapaċità istigata minn għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, l-imsemmi artikolu huwa kjarament distint mill-Artikolu 15(1) tal-istess regolament dwar l-għajnuna għall-funzjonament reġjonali, sa fejn isemmi espliċitament il-paragrafu 161 tal-imsemmija linji gwida. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kellhiex l-intenzjoni li tissuġġetta l-kundizzjonijiet għall-kompatibbiltà tal-għajnuna għall-investiment reġjonali għar-regoli ta’ kondotta previsti f’dawn il-linji gwida. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, la l-awtoritajiet nazzjonali u lanqas il-Kummissjoni ma kienu obbligati jieħdu dan inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament.

75      Fl-aħħar nett, din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq id-dritt tagħha għal-libertà tal-impriża. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li hija naqset milli tirrileva l-eventwali illegalità tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 651/2014 fid-dawl ta’ dawn ir-regoli superjuri tad-dritt skont l-Artikolu 277 TFUE jew, tal-inqas, li tispjega b’liema mod, minkejja l-formulazzjoni ċara u eżawrjenti tiegħu, l-imsemmi regolament jista’ jiġi interpretat b’mod konformi ma’ dawn ir-regoli bir-riżultat li l-eventwali ħolqien ta’ kapaċitajiet eċċessiva fis-suq inkwistjoni għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

76      Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 109 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 58(1) u l-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament Nru 651/2014

–       Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-impriża benefiċjarja bħala SME

77      Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni, fil-kuntest tal-ewwel ilment, żball ta’ evalwazzjoni jew ta’ liġi min-naħa tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament Nru 651/2014, għar-raġuni prinċipali li l-għajnuna inkwistjoni tikkostitwixxi, fir-realtà, għajnuna ad hoc mogħtija lil impriża kbira. Il-Kummissjoni injorat din id-dispożizzjoni billi aċċettat, b’mod żbaljat, u billi naqset milli tivverifika l-klassifikazzjoni mill-awtoritajiet Slovakki tal-impriża benefiċjarja bħala SME fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-Anness I tal-istess regolament. Issa, fid-dawl tar-rabtiet korporattivi u ta’ kontroll li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ din l-impriża qabel u wara t-trasferiment tal-azzjonijiet tagħha mill-kumpannija P. lill-kumpannija N., skont l-Artikolu 3, u, tal-inqas, l-Artikolu 4(2) tal-imsemmi anness, l-imsemmija impriża kellha tiġi kklassifikata bħala impriża kbira. Il-Kummissjoni naqset b’mod partikolari milli tinvestiga b’mod suffiċjenti r-rabtiet eżistenti bejn il-kumpannija P., minn naħa, u familja u kumpanniji oħra li l-membri tagħha kienu jmexxu jew jikkontrollaw, min-naħa l-oħra, l-istess bħas-sitwazzjoni tal-azzjonist prinċipali tal-kumpannija N. mill-7 ta’ Awwissu 2013, inkluż ir-rabtiet tiegħu ma’ kumpanniji oħra. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni żbaljat fl-applikazzjoni tal-kriterji li jirregolaw l-għajnuna ad hoc mogħtija lill-impriżi l-kbar fis-sens tal-Artikolu 6(3)(a) tal-imsemmi regolament u, fl-assenza ta’ investigazzjoni diliġenti u kompleta dwar dawn il-punti, kellu jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern. Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti tippreċiża li, fi kwalunkwe każ, sabiex tkun tista’ tikklassifika l-impriża inkwistjoni bħala SME, il-Kummissjoni kien messha eżaminat jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) ta’ dan l-anness kinux issodisfatti, fatt li dwaru ma jeżisti ebda ħjiel fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kuntrarjament għar-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

78      Il-Kummissjoni tirribatti, essenzjalment, li, wara kuntratt ta’ trasferiment ta’ 100 % tal-azzjonijiet tal-impriża benefiċjarja, konkluż bejn il-kumpanniji P. u N., fit-31 ta’ Diċembru 2012, u rreġistrat fir-reġistru tal-kummerċ Slovakk fit-7 ta’ Awwissu 2013, fil-mument tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, jiġifieri l-7 ta’ Novembru 2013, l-impriża benefiċjarja kienet SME li l-proprjetarja unika tagħha kienet il-kumpannija N. L-argument ibbażat fuq il-kontroll tal-kumpannija P. minn ċerti persuni fiżiċi huwa għalhekk ineffettiv, peress li din il-kumpannija tal-aħħar u l-imsemmija impriża ma kinux impriżi konnessi, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u medji (ĠU 2003, L 124, p. 36, iktar ’il quddiem ir-“Rakkomandazzjoni SME”), ħlief qabel ix-xiri mill-ġdid tal-azzjonijiet mill-kumpannija N. Fi kwalunkwe każ ma hemm ebda raġuni għaliex wieħed għandu jiddubita l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Slovakki li tipprovdi li l-kumpannija P u l-impriżi marbuta magħha ma kellhomx iktar minn 120 ħaddiem fl-2010 u fl‑2011 u d-dħul mill-bejgħ ta’ EUR 50 miljun jew it-total tal-bilanċ annwali ta’ EUR 43 miljun ma kinux inqabżu. Barra minn hekk, l-ishma ta’ din l-impriża f’impriżi oħra mid-9 ta’ Lulju 2011 ma kinux jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 3(2) u (3) tal-Anness I tar-Regolament Nru 651/2014. L-argument li familja kompliet teżerċita influwenza determinanti fuq il-kumpannija P. huwa irrilevanti, peress li din il-kumpannija, fil-mument tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, ma kienx għad għandha azzjonijiet tal-impriża inkwistjoni. Skont il-Kummissjoni, huwa wkoll ineffettiv l-argument ibbażat fuq it-terminu ta’ sentejn previst fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmi anness, peress li l-kumpannija P. ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala impriża kbira matul il-perijodu inkwistjoni.

79      Il-Kummissjoni tippreċiża li l-impriża benefiċjarja u l-kumpannija N. ma kinux marbuta ma’ impriżi oħra permezz ta’ ċerti persuni fiżiċi, fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-Anness I tar-Regolament Nru 651/2014. Huwa minnu li, id-direttur ġenerali tal-impriża benefiċjarja matul il-perijodu mill-1 ta’ Marzu sal-28 ta’ Diċembru 2012 u l-Viċi Direttur tiegħu mill-28 ta’ Diċembru 2012, għandu diversi mandati f’impriżi differenti. Madankollu, bl-eċċezzjoni ta’ kirja konkluża mal-kumpannija E. F., l-ebda waħda minn dawn l-impriżi ma hija attiva fl-istess suq bħall-impriża benefiċjarja jew f’suq anċillari. B’mod partikolari, skont l-informazzjoni disponibbli fir-reġistru Slovakk tal-impriżi, il-kumpannija L. hija attiva f’diversi setturi tal-ekonomija. Il-mappa tal-minjieri ta’ Borský Peter prodotta mir-rikorrenti ma hijiex preċiża u ma għandha l-ebda saħħa probatorja fir-rigward tar-rabtiet eventwali bejn din il-kumpannija tal-aħħar u l-impriża benefiċjarja. Il-Kummissjoni tafferma li ma għandhiex ħjiel li juri li dan id-direttur ġenerali kellu influwenza dominanti jew status ta’ proprjetarju fir-rigward tal-kumpannija L., u lanqas li l-impriża benefiċjarja jew il-kumpannija N. aġixxew flimkien mal-kumpannija L. sal-punt li huma ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala impriżi ekonomikament indipendenti waħda mill-oħra.

80      Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-impriża benefiċjarja kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha sabiex tiġi kklassifikata bħala SME fil-mument tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni. Sabiex jintwera l-effett ta’ inċentiv tal-imsemmija għajnuna fis-sens tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 651/2014, kien għalhekk biżżejjed li jiġi stabbilit li t-talba għall-għoti kienet tressqet qabel il-bidu tax-xogħlijiet għall-proġett ta’ investiment.

81      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement ma’ dak li ġie rreġistrat fil-proċess verbal tas-seduta, il-partijiet iqisu li l-kwistjoni dwar jekk l-impriża benefiċjarja kinitx tikkostitwixxi, fil-mument tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, SME fis-sens tal-Anness I tar-Regolament Nru 651/2014, li l-formulazzjoni tiegħu tikkorrispondi għal dik tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni SME, hija kwistjoni ta’ liġi, suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali, li hija determinanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tippreċiża, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li, hekk kif jirriżulta mill-punt 57(b) tad-deċiżjoni kkontestata, skont l-Artikolu 14(12) tal-imsemmi regolament, l-intensità tal-għajnuna f’ekwivalenti ta’ għotja gross (EGĦG) ma għandhiex teċċedi l-intensità tal-għajnuna massima stabbilita fil-mappa tal-għajnuna reġjonali fis-seħħ fil-mument tal-għoti tal-għajnuna fiż-żona kkonċernata, jiġifieri, f’dan il-każ, il-mappa Slovakka tal-għajnuna reġjonali relatata mal-perijodu ta’ bejn l-2007 u l-2013 li tipprevedi limitu EGĦG ta’ 40 % għall-impriżi l-kbar. Barra minn hekk, skont l-istess punt, konformement mal-Artikolu 14(2) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mad-definizzjoni taż-“żona megħjuna” li tinsab fl-Artikolu 2 tal-istess regolament, il-EGĦG massimu taħt il-mappa Slovakka tal-għajnuna reġjonali għall-perijodu mill-2014 sal-2020 kellu jiġi osservat, jiġifieri 25 % għall-impriżi kbar, 35 % għall-medji u 45 % għall-impriżi żgħar.

82      Għal dak li jirrigwarda l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li l-ilment tar-rikorrenti huwa miġbur fil-qosor fil-punt 24 tal-imsemmija deċiżjoni fejn isemmi l-allegati rabtiet bejn l-impriża benefiċjarja, minn naħa, u l-kumpannija P. u l-proprjetarji jew id-diretturi tagħha, min-naħa l-oħra. Fil-punti 38 u 39 ta’ din id-deċiżjoni, hija esposta l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Slovakki dwar ir-rabtiet korporattivi li jaffettwaw is-sitwazzjoni tal-imsemmija impriża fil-mument tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, meta 100 % tal-ishma tagħha kienu miżmuma biss mill-kumpannija N. li kienet hija stess ikkontrollata minn żewġ persuni fiżiċi fl-ammont ta’ 99.94 % u ta’ 0.06 % rispettivament, fejn l-ewwel persuna hija d-direttur ġenerali ta’ din l-impriża.

83      Madankollu, fil-punti 38 u 39 tad-deċiżjoni kkontestata, preżentazzjoni tar-rabtiet korporattivi u ta’ kontroll tal-impriża benefiċjarja ma’, b’mod partikolari, il-kumpannija P. u l-azzjonisti jew id-diretturi tagħha, il-predeċessur tal-kumpannija N., hija nieqsa. Dan jikkorrispondi għall-kontenut tal-osservazzjonijiet li l-awtoritajiet Slovakki ppreżentaw, permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Mejju 2016, b’risposta għal talba għal informazzjoni mill-Kummissjoni. F’dawn l-osservazzjonijiet, l-imsemmija awtoritajiet sostnew in-natura ineffettiva tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti minħabba li, fil-mument tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, il-kumpannija P. ma kellhiex rabtiet korporattivi jew ta’ kontroll, fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 651/2014, la mal-impriża benefiċjarja u lanqas mal-kumpannija N. Għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni tal-kumpannija P., l-awtoritajiet Slovakki sempliċement sostnew li ma kellhomx tagħrif dwar l-istruttura tal-ishma ta’ din il-kumpannija, peress li tali informazzjoni ma kinitx aċċessibbli għalihom. Barra minn hekk, skont l-imsemmija awtoritajiet, il-Viċi President tal-Bord tad-Diretturi tal-impriża benefiċjarja sal-14 ta’ Marzu 2012 la kien azzjonist u lanqas membru ta’ kumpannija oħra stabbilita fis-Slovakkja matul il-perijodu ta’ bejn l-14 ta’ Marzu u l-31 ta’ Diċembru 2012.

84      Dawn l-elementi jindikaw, flimkien mal-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fil-mori tal-kawża, inkluż b’risposta għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali (ara l-punti 78 sa 80 iktar’ il fuq), li hija ssodisfat ruħha b’dawn l-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Slovakki dwar is-sitwazzjoni tal-impriża benefiċjarja, kif kienet qabel it-trasferiment tal-azzjonijiet tagħha lill-kumpannija N., jiġifieri meta hija kienet għadha taħt il-kontroll tal-kumpannija P. Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-motivi li jinsabu fil-punt 57(d) tad-deċiżjoni kkontestata, li fih il-Kummissjoni tieħu pożizzjoni fuq l-ilment tar-rikorrenti billi tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Slovakki. Essenzjalment, fih hemm irrilevat li, skont il-Kummissjoni, l-imsemmija awtoritajiet urew b’mod suffiċjenti li l-impriża benefiċjarja kienet tikkostitwixxi SME fil-mument li ngħatat l-għajnuna inkwistjoni, hekk kif seħħet, taħt id-dritt Slovakk applikabbli, fis-7 ta’ Novembru 2013. Il-Kummissjoni tqis li ma teżisti ebda rabta bejn l-impriża benefiċjarja u l-kumpannija N, fis-sens tal-kunċetti ta’ “intrapriżi msieħba” jew ta’ “intrapriżi assoċjati”, kif iddefiniti fl-Artikolu 3(2) u fl-ewwel sat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni SME, li t-test tiegħu jikkorrispondi għal dak tal-Artikolu 3(2) u (3) tal-Anness I tar-Regolament Nru 651/2014. Bl-istess mod hija tqis li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza u tal-prassi deċiżjonali tagħha, fil-każ ineżami, ma huwiex issodisfatt il-kriterju ta’ impriżi assoċjati permezz ta’ persuna fiżika jew grupp ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu bi ftehim, sakemm, tal-inqas, parti mill-attivitajiet tagħhom ma sseħħx fl-istess suq inkwistjoni jew fi swieq anċillari, fis-sens tar-raba’ u tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-imsemmi anness tar‑rakkomandazzjoni, li t-test tiegħu jikkorrispondi għal dak tar-raba’ u tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-Anness I tal-imsemmi regolament. Issa, fl-assenza ta’ prova ta’ rabtiet kummerċjali b’saħħithom, b’mod partikolari fil-forma ta’ kuntratti ta’ bejgħ jew ta’ xiri, ta’ tqassim ta’ fornituri jew ta’ interessi kummerċjali oħra, bejn l-impriża benefiċjarja, minn naħa, u l-kumpannija N. u l-azzjonist prinċipali tagħha, min-naħa l-oħra, l-imsemmija impriża u l-imsemmija kumpannija ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala impriżi assoċjati fil-mument tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni. Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi, bħall-awtoritajiet Slovakki, li din l-impriża, meħuda flimkien mal-kumpannija N., tikkostitwixxi SME. Insostenn ta’ din il-konklużjoni, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi tabella li turi n-numru konġunt ta’ impjegati, id-dħul mill-bejgħ meħud flimkien, kif ukoll ir-riżultati annwali meħuda flimkien tal-impriża benefiċjarja u tal-kumpannija N. matul is-snin 2010 sa 2015.

85      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, huwa minnu li, fil-mument tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, fis-7 ta’ Novembru 2013, effettivament ma kien għad hemm ebda rabta strutturali bejn l-impriża benefiċjarja u l-kumpannija P. li kienet ittrasferixxiet l-ishma kollha tagħha fl-imsemmija impriża lill-kumpannija N. Kif issostni l-Kummissjoni, konformement mal-ġurisprudenza (sentenzi tas-21 ta’ Marzu 2013, Magdeburger Mühlenwerke, C‑129/12, EU:C:2013:200, punt 40, u tas-6 ta’ Lulju 2017, Nerea, C‑245/16, EU:C:2017:521, punti 32 u 33), id-definizzjoni tad-“data tal-għoti tal-għajnuna” li tinsab fl-Artikolu 2, punt 28, tar-Regolament Nru 651/2014), tipprovdi li din hija d-data li fiha l-benefiċjarju jingħata d-dritt legali li jirċievi l-għajnuna skont l-iskema legali nazzjonali applikabbli. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 45 sa 47 tad-deċiżjoni kkontestata, skont id-dritt ċivili Slovakk applikabbli, il-kuntratt ta’ sussidju, kif konkluż bejn l-Aġenzija Slovakka għall-Innovazzjoni u għall-Enerġija u l-impriża benefiċjarja, fit-29 ta’ Ottubru 2013, daħal fis-seħħ biss fit-7 ta’ Novembru 2013, jiġifieri jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fir-Reġistru Ċentrali tal-Kuntratti Slovakki. Għaldaqstant, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni kienet obbligata tevalwa jekk l-awtoritajiet Slovakki kinux ikkunsidraw korrettement jekk, fl-7 ta’ Novembru 2013, fil-mument meta hija kienet ikkontrollata esklużivament mill-kumpannija N., l-impriża benefiċjarja kinitx tikkostitwixxi SME.

86      Madankollu, minkejja l-fatt li d-data rilevanti għall-evalwazzjoni tal-istatus ta’ SME tal-impriża benefiċjarja kienet it-7 ta’ Novembru 2013, l-indizji pprovduti mir-rikorrenti dwar ir-rabtiet bejn l-impriża benefiċjarja u l-kumpannija P., il-predeċessur legali tal-kumpannija N., setgħu joħolqu dubji min-naħa tal-Kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589, fir-rigward tal-karatterizzazzjoni tal-impriża benefiċjarja bħala SME fis-sens tal-Anness I tar-Regolament Nru 651/2014 u, għaldaqstant, tal-eżistenza ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern.

87      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti għandha raġun tinvoka l-Artikolu 4 tal-Anness I tar-Regolament Nru 651/2014, li huwa intitolat “Dejta użata għall-għadd ta’ persunal u l-ammonti finanzjarji u perjodu ta’ referenza” u li l-kliem tiegħu jikkorrispondi perfettament għal dak tal-Artikolu 4 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni SME. Il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu jipprovdu dan li ġej:

“1. Id-dejta li għandha tiġi applikata fil-kalkolu tal-għadd tal-persunal u l-ammonti finanzjarji hija dik li tirrigwarda l-aħħar perjodu kontabilistiku approvat u kkalkolat fuq bażi annwali. Din tiġi kkunsidrata mid-data tal-għeluq tal-kontijiet. L-ammont magħżul għall-fatturat huwa kkalkolat bl-esklużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u taxxi indiretti oħrajn.

2. Meta, fid-data tal-għeluq tal-kontijiet, intrapriża ssib li, fuq bażi annwali, tkun qabżet jew niżlet taħt il-limitu tal-għadd ta’ persunal jew il-livell limitu ta’ flus imsemmi fl-Artikolu 2, dan ma jfissirx li se titlef jew se takkwista l-istatus ta’ intrapriża ta’ daqs medju, żgħira jew mikro, jekk kemm-il darba dawn il-limiti stabbiliti ma jinqabżux għal żewġ perjodi konsekuttivi tal-perjodu kontabilistiku.”

88      L-Artikolu 4 tal-Anness I tar-Regolament Nru 651/2014 jipprevedi l-metodu ta’ kalkolu, marbut mal-aħħar sena finanzjarja magħluqa u fuq bażi annwali, li huwa intiż sabiex jiddetermina l-preżenza tat-tliet kriterji li jikkostitwixxu SME, kif imsemmija fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmi anness, jiġifieri persunal ta’ inqas minn 250 persuna, dħul mill-bejgħ annwali massimu ta’ EUR 50 miljun u bilanċ annwali totali li ma jeċċedix EUR 43 miljun. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mill-partijiet li, fl-ipoteżi tal-preżenza ta’ impriżi assoċjata fis-sens tal-Artikolu 3(3) ta’ dan l-anness, dan il-kalkolu għandu jinkludi l-informazzjoni rilevanti ta’ dawn l-impriżi kollha. Għaldaqstant, konformement ma’ dan ir-rekwiżit, fil-punt 57(d) in fine tad-deċiżjoni kkontestata, hemm tabella li tippreżenta d-data meħuda flimkien tal-impriża benefiċjarja u tal-kumpannija N. dwar it-tliet kriterji kumulattivi u li jikkostitwixxu SME, kif imsemmija fl-Artikolu 2(1) tal-istess anness, għas-snin 2010 sa 2015.

89      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkontestat madankollu, billi invokat il-paġna 14 tal-“Gwida tal-Utent għad-Definizzjoni tal-SMEs”, kif ippubblikata fl-2015 mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (OP), li l-Artikolu 4(2) tal-Anness I tar-Regolament Nru 651/2014 huwa applikabbli għal bidla fil-proprjetarju ta’ impriża, bħal dik li seħħet, f’dan il-każ, bejn il-kumpanniji P. u N. fir-rigward tal-impriża benefiċjarja. F’din il-gwida, huwa espost, fost oħrajn, li r-regola analoga fl-Anness tar-Rakkomandazzjoni SME “ma tapplikax fil-każ ta’ impriżi li jaqbżu l-limiti kkonċernati għall-SMEs minħabba bidla fl-azzjonisti wara fużjoni jew akkwist” u li tali impriżi “għandhom jiġu evalwati abbażi tal-istruttura tal-ishma tagħhom fid-data tal-operazzjoni, u mhux fid-data ta’ għeluq tal-aħħar sena finanzjarja” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din il-konstatazzjoni hija segwita minn riferiment għall-punt 1.1.3.1(6)(e) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/838/UE Euratom, tat-18 ta’ Diċembru 2012, dwar l-adozzjoni tar-Regoli biex tiġi żgurata verifika konsistenti tal-eżistenza u tal-istatus ġuridiku tal-parteċipanti, kif ukoll tal-kapaċitajiet operazzjonali u finanzjarji tagħhom, f’azzjonijiet indiretti appoġġjati permezz ta’ forma ta’ għotja skont is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni u taħt is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta’ taħriġ (ĠU 2012, L 359, p. 45), fejn hemm effettivament ippreċiżat li l-imsemmija “regola mhijiex applikabbli jekk SME tkun ġiet fuża jew akkwistata minn grupp akbar, f’liema każ l-SME għandha titlef l-istatus tagħha immedjatament mid-data tat-tranżazzjoni”.

90      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-“Gwida tal-Utent għad-Definizzjoni tal-SMEs”, li d-deċiżjoni kkontestata barra minn hekk ma tagħmilx riferiment għaliha, ma tikkostitwixxix test legalment vinkolanti li jista’ jidderoga minn jew inaqqas il-portata tar-regola vinkolanti msemmija fl-Artikolu 4(2) tal-Anness I tar-Regolament Nru 651/2014. Bl-istess mod, fi “Klawżola ta’ Nuqqas ta’ Responsabbiltà” li tinsab fit-tieni paġna tagħha, huwa ppreċiżat li din il-gwida “għandha l-għan li tkun ta’ gwida ġenerali għall-imprendituri u għal partijiet oħra kkonċernati fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-definizzjoni tal-SMEs”, iżda li “hija nieqsa minn saħħa legali u bl-ebda mod ma torbot lill-Kummissjoni”, peress li r-Rakkomandazzjoni SME “hija l-unika referenza awtentika li tippermetti li jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet dwar il-kwalità ta’ SME” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ir-riferiment għall-punt 1.1.3.1(6)(e) tad-Deċiżjoni 2012/838 ma jistax jinvalida din l-evalwazzjoni, peress li din id-dispożizzjoni, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa limitat għall-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ taħriġ fil-qasam nukleari, ma hijiex applikabbli għall-każ ineżami. Konsegwentement, dan l-argument tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

91      Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet obbligata tapplika l-Artikolu 4(2) tal-Anness I tar-Regolament Nru 651/2014.

92      Madankollu, minn naħa, la mill-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Slovakki mdaħħla fil-proċess, la mid-deċiżjoni kkontestata, u lanqas mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni fil-mori tal-kawża, kif ukoll lanqas wara domanda bil-miktub preċiża tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, x’kienet, f’dan il-każ, is-sena finanzjarja magħluqa li l-imsemmija awtoritajiet ħadu inkunsiderazzjoni sabiex iwettqu l-kalkolu, fuq bażi annwali, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 651/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 4(2) tal-Anness I tal-imsemmi regolament. Min-naħa l-oħra, il-preżentazzjoni, fl-imsemmija deċiżjoni, tad-data meħuda flimkien tal-impriża benefiċjarja u tal-kumpannija N. għas-snin 2010 sa 2012 ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li, matul dan il-perijodu u parti sostanzjali tas-sena 2013, l-impriża benefiċjarja kienet ikkontrollata mill-kumpannija P., li d-data tagħha madankollu ma tteħditx inkunsiderazzjoni. Fi kwalunkwe każ, fil-mument tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, fil-7 ta’ Novembru 2013, l-aħħar sena finanzjarja magħluqa li għaliha kalkolu fuq bażi annwali kellu jitwettaq hija s-sena 2012 li matulha l-impriża benefiċjarja kienet ikkontrollata esklużivament mill-kumpannija P. u mhux mill-kumpannija N. Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni barra minn hekk ikkonfermat ir-rilevanza tas-sena 2012 għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) ta’ dan l-anness.

93      Anki jekk jitqies li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, is-sena 2013, ir-rikorrenti ssostni ġustament li l-bilanċ annwali tal-impriża benefiċjarja kien ikopri neċessarjament informazzjoni li taqa’ taħt il-perijodu li matulu l-azzjonijiet tagħha kienu għadhom miżmuma mill-kumpannija P., peress li l-bdil ta’ azzjonist ġie rreġistrat fir-reġistru tal-kummerċ Slovakk biss fil-7 ta’ Awwissu 2013 (ara t-tielet subparagrafu tal-punt 57(d) tad-deċiżjoni kkontestata). F’tali ipoteżi, sabiex jiġu ssodisfatti l-kriterji previsti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 651/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) u (2) tal-Anness I tal-imsemmi regolament, u sabiex jiġi ddeterminat korrettement jekk l-impriża benefiċjarja kinitx tikkostitwixxi SME fil-mument tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, ma kienx biżżejjed li tittieħed inkunsiderazzjoni d-data tal-kumpannija omm ċessjonarja, bħala impriża assoċjata tal-impriża benefiċjarja, li reġgħet ħadet lura l-kontroll tagħha matul is-sena finanzjarja rilevanti, iżda kien hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll dik tal-kumpannija omm li tittrasferixxi, li taħt il-kontroll tagħha l-imsemmija impriża wettqet parti sostanzjali tal-attività ekonomika tagħha matul l-istess sena finanzjarja. Fil-fatt, kull interpretazzjoni oħra tmur kontra l-ispirtu tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi anness li huwa intiż li jiżgura li l-għajnuna tkun effettivament mogħtija lil SME u li ma ssirx devjazzjoni mid-definizzjoni ta’ SME għal raġunijiet purament formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, HaTeFo, C‑110/13, EU:C:2014:114, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Minn dan isegwi li, fil-każ ineżami, kemm l-awtoritajiet Slovakki kif ukoll il-Kummissjoni kienu obbligati, minn naħa, jiddeterminaw preċiżament is-sena finanzjarja magħluqa u s-sena rilevanti għall-finijiet ta’ kalkolu konġunt tad-data rispettiva tal-“impriżi assoċjati”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 651/2014 moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 4(2) tal-Anness I tal-imsemmi regolament, u, min-naħa l-oħra, li jippreċiżaw liema kienet il-kumpannija jew il-kumpanniji li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan il-għan. Barra minn hekk, fuq din il-bażi, huma kienu mitluba jevalwaw jekk, skont l-Artikolu 4(2) tal-imsemmi anness, matul sentejn finanzjarji konsekuttivi, il-limiti rilevanti sabiex l-impriża benefiċjarja tiġi kklassifikata bħala SME nqabżux jew le.

95      Madankollu, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 83 u 84 iktar’ il fuq, id-deċiżjoni kkontestata tibqa’ siekta f’dan ir-rigward, u dan jikkonferma nuqqas ta’ investigazzjoni u ta’ eżami tal-elementi rilevanti fil-każ ineżami. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ diliġenza tal-Kummissjoni fl-investigazzjoni tas-sitwazzjoni tal-kumpanniji P. u N., kif ukoll ta’ dik tad-diretturi tagħhom, huwa kkonfermat fid-dawl tal-informazzjoni inkluża fil-fajl u ma jistax jiġi ġġustifikat mill-argument li din l-istituzzjoni setgħet tafda, mingħajr ma jkollha dubji fis-sens tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589, l-informazzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet Slovakki minħabba li dawn kienu marbuta bl-obbligu tagħhom ta’ kooperazzjoni leali skont l-Artikolu 4(3) TUE.

96      Fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-annessi A.21 u A.22 tar-rikors, fl-2012 u fl-2013, il-bordijiet eżekuttivi u l-bordijiet tat-tmexxija tal-impriża benefiċjarja u tal-kumpannija P. kienu parzjalment u temporanjament komposti minn membri tal-istess familja u membru minnhom kien jinsab fiż-żewġ bordijiet eżekuttivi. F’dan ir-rigward, minkejja indizji ta’ prova prodotti mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva li tikkonċerna l-gruppi ta’ impriżi ġestiti minn din il-familja fis-Slovakkja, il-Kummissjoni bbażat ruħha, mingħajr ma wettqet investigazzjoni addizzjonali f’dan ir-rigward, fuq l-affermazzjonijiet vagi tal-awtoritajiet Slovakki li, minn naħa, ma kellhomx tagħrif dwar l-istruttura tal-azzjonisti tal-kumpannija P., peress li tali informazzjoni ma kinitx pubblikament aċċessibbli u, min-naħa l-oħra, li dan il-membru tal-imsemmija familja la kien azzjonist u lanqas membru ta’ ta’ kumpannija oħra stabbilita fis-Slovakkja matul il-perijodu ta’ bejn l-14 ta’ Marzu u l-31 ta’ Diċembru 2012. Fi kwalunkwe każ, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 83 iktar’ il fuq, dawn l-elementi la ġew esposti u lanqas evalwati fid-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma setgħetx sempliċement tieħu pożizzjoni fil-qosor fuq is-sitwazzjoni tal-kumpannija P., fl-ittra tagħha tat-9 ta’ Lulju 2015, sabiex tneħħi d-dubji f’dan ir-rigward u tiġġustifika li r-rikorrenti kellha għarfien suffiċjenti tal-elementi li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikklassifika lil din il-kumpannija wkoll bħala SME.

97      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni tal-kumpannija N. u, b’mod partikolari, tal-azzjonist prinċipali tagħha, minkejja l-provi prodotti mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni sempliċement ikkonstatat, b’mod vag u billi bbażat ruħha fuq l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Slovakki, fis-sbatax‑il subparagrafu tal-punt 57(d), paġna 16, tad-deċiżjoni kkontestata, li l-parti l-kbira tal-impriżi li fihom [l-imsemmi azzjonist] kien jokkupa l-pożizzjoni ta’ direttur ma kinux attivi fuq l-istess suq ħlief [l-impriża benefiċjarja]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, hija ma approfondixxietx l-istruttorja tagħha dwar il-kwistjoni jekk il-kumpannija L., li fiha dan l-azzjonist kien il-President tal-Bord Eżekuttiv, kinitx effettivament attiva fl-istess suq jew f’suq anċillari, fis-sens tar-raba’ u tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-Anness I tar-Regolament Nru 651/2014, minkejja li kienu jeżistu indizji importanti f’dan is-sens li jqajmu dubji, b’mod partikolari l-mappa tal-minjieri ta’ Borský Peter li tindika kjarament isem il-kumpannija L, bħala l-proprjetarja ta’ sit ta’ estrazzjoni tar-ramel qrib is-siti ta’ estrazzjoni tar-rikorrenti u tal-impriża benefiċjarja.

98      Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji f’dan ir-rigward, fis-sens tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589.

99      Konsegwentement, l-ewwel ilment għandu jintlaqa’, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-produzzjoni ta’ prova ġdida tar-rikorrenti dwar il-karti tal-bilanċ tal-impriża benefiċjarja bejn l-2014 u l-2018 (ara l-punt 15 iktar ’il fuq).

–       Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni abbażi ta’ skema ta’ għajnuna

100    Permezz tat-tieni lment tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika lill-Kummissjoni talli ma vverifikatx jekk l-għajnuna inkwistjoni kinitx tikkorrispondi mal-kriterji previsti mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, b’mod partikolari dak tan-natura innovattiva tal-proġett ta’ investiment. B’dan il-mod, hija tfittex li turi li din l-għajnuna kienet tikkostitwixxi, fir-realtà, għajnuna ad hoc mogħtija lil impriża kbira fis-sens tal-Artikolu 6(3) (a) tar-Regolament Nru 651/2014.

101    Il-Kummissjoni essenzjalment tirribatti li hija ma hijiex awtorizzata tiddikjara inkompatibbli mar-Regolament Nru 651/2014 miżuri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tal-imsemmi regolament għas-sempliċi raġuni li dawn il-miżuri eventwalment jiksru kriterji addizzjonali li jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali. Peress li n-natura innovattiva tal-għajnuna inkwistjoni ma hijiex kriterju meħtieġ mill-imsemmi regolament, dan ma huwiex rilevanti għall-finijiet tad-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà.

102    Għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment ma jistax jintlaqa’ peress li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 651/2014 ma tipprevedi r-rekwiżit għall-Kummissjoni li tivverifika jekk għajnuna individwali tkunx ingħatat konformement mal-kriterji tal-għoti tal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata, fejn dan jaqa’ prinċipalment taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2017, Nerea, C‑245/16, EU:C:2017:521, punti 35 u 37, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Nerea, C‑245/16, EU:C:2017:271, punti 76 sa 78). Fil-fatt, la l-Artikolu 6(3)(a) tal-imsemmi regolament li r-rikorrenti tqis li kellu jiġi applikat f’dan il-każ minħabba li l-impriża benefiċjarja kienet impriża kbira, u lanqas l-Artikolu 14 tal-istess regolament ma jipprevedu tali rekwiżit.

103    Konsegwentement, it-tieni lment tat-tieni parti tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589

104    Permezz tat-tielet parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589, minħabba li l-Kummissjoni rrinunzjat milli tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali minkejja d-diffikultajiet serji li hija ltaqgħet magħhom fl-eżami tal-għajnuna inkwistjoni.

105    Il-Kummissjoni tqis li qatt ma ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern.

106    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-fatt li l-ewwel ilment tat-tieni parti tat-tieni motiv intlaqa’ minħabba l-eżistenza ta’ dubji fis-sens tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589 (ara l-punti 81 sa 99 iktar ’il fuq), li l-kunċett tiegħu jikkorrispondi għal dak ta’ diffikultajiet serji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 328), it-tielet parti tat-tieni motivi għandha wkoll tintlaqa’.

107    Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata u r-rikors għandu jintlaqa’ kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

108    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 5050 final tal-20 ta’ Lulju 2017 dwar l-għajnuna għall-investiment favur il-produttur Slovakk tar-ramel tas-silika NAJPI a. s. (SA.38121 (2016/FC) – Is-Slovakkja), hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Collins

Kreuschitz

Steinfatt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2020.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.