Language of document : ECLI:EU:T:2022:774

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

7 ta’ Diċembru 2022 (*)

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Neċessità ta’ superviżjoni diretta mill-BĊE ta’ istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva – Talba tal-awtorità kompetenti nazzjonali – Artikolu 68(5) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 – Deċiżjoni tal-BĊE li tikklassifika lil PNB Banka bħala entità sinjifikattiva taħt is-superviżjoni prudenzjali diretta tiegħu – Obbligu ta’ motivazzjoni – Proporzjonalità – Drittijiet tad-difiża – Aċċess għall-fajl amministrattiv – Rapport previst fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament Nru 468/2014 – Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura – Talba għal seduta nieqsa minn motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑301/19,

PNB Banka AS, stabbilita f’Riga (il-Latvja), irrappreżentata minn O. Behrends, avukat,

rikorrent,

vs

IlBank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn C. Hernández Saseta, F. Bonnard u D. Segoin, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn S. Gervasoni (Relatur), President, L. Madise, P. Nihoul, R. Frendo u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent, PNB Banka AS, jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), innotifikata b’ittra tal‑1 ta’ Marzu 2019, li tikklassifikah bħala entità sinjifikattiva taħt is-superviżjoni prudenzjali diretta tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

I.      Ilkuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), jipprovdi: “Fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu [inqas sinjifikattivi], u fi ħdan il-qafas definit fil-paragrafu 7 [tal-imsemmi artikolu,] meta meħtieġ biex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin, il-BĊE jista’ f’kull ħin, fuq l-inizjattiva proprja wara li jikkonsulta l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew fuq talba minn awtorità nazzjonali kompetenti, jiddeċiedi li jeżerċita direttament hu stess is-setgħat rilevanti kollha għal istituzzjoni ta’ kreditu waħda jew aktar [inqas sinjifikattivi], inkluż f’każ fejn l-assistenza finanzjarja tkun intalbet jew riċevuta indirettament mill-[Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF)] jew il-[Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES)]”.

3        L-Artikolu 67 tar-Regolament tal-BĊE (UE) Nru 468/2014 tas‑16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (ĠU 2014, L 141, p. 1), intitolat “Kriterji għal deċiżjoni tal-BĊE skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament [Nru 1024/2013]”, jelenka, fil-paragrafu 2 tiegħu, diversi fatturi li l-BĊE għandu jieħu inkunsiderazzjoni, fost oħrajn, qabel ma jieħu d-deċiżjoni li jeżerċita direttament is-superviżjoni prudenzjali b’mod partikolari ta’ entità inqas sinjifikattiva taħt superviżjoni prudenzjali.

4        L-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 468/2014, intitolat “Proċedura għat-tħejjija ta’ deċiżjoni tal-BĊE skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament [Nru 1024/2013] fuq talba ta’ [awtorità nazzjonali kompetenti, iktar ’il quddiem ‘NCA’]”, jipprovdi:

“[…]

3.      It-talba tal-NCA għandha tkun akkumpanjata b’rapport li jindika l-istorja superviżorja u l-profil tar-riskju tal-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni relevanti.

[…]

5.      Jekk il-BĊE jiddeċiedi li s-superviżjoni mill-BĊE tal-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ standards superviżorji għoljin, huwa għandu jadotta deċiżjoni tal-BĊE b’mod konformi mat-Titolu 2 [tal-Parti IV tal-imsemmi regolament].”

II.    Ilfatti li wasslu għallkawża

5        Fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent kien istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva fis-sens tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013 (iktar ’il quddiem “istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva”) stabbilita fil-Latvja. Minħabba f’hekk, huwa tqiegħed taħt is-superviżjoni prudenzjali diretta tal-Finanšu un kapitāla tirgus komisija (il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital, il-Latvja, iktar ’il quddiem il-“KSFK”).

6        CR kien, fid-data tal-preżentata tar-rikors, l-azzjonist prinċipali tar-rikorrent.

7        Fil‑25 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrent kif ukoll CR u membri oħra tal-familja tiegħu, azzjonisti tar-rikorrent, “innotifikaw”, skont ir-rikorrent, lir-Repubblika tal-Latvja tilwima dwar il-protezzjoni tal-investimenti tagħhom. Huma invokaw in-natura inġustifikabbli u irraġonevoli tar-rekwiżiti prudenzjali imposti mill-KSFK fuq ir-rikorrent.

8        Matul ix-xahar ta’ Awwissu 2017, skont ir-rikorrent, CR ressaq ilment quddiem l-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar atti ta’ korruzzjoni li għalihom kien ħati A, Gvernatur ta’ Latvijas Banka (il-Bank Ċentrali tal-Latvja). L-atti ta’ korruzzjoni ddenunzjati kienu jikkonsistu fit-tentattivi ta’ dan tal-aħħar li jikseb, bis-saħħa tal-influwenza li huwa kellu fuq il-KSFK, kickbacks mingħand CR.

9        Matul ix-xahar ta’ Settembru 2017, ir-rikorrent ġie kklassifikat bħala “istituzzjoni inqas sinjifikattiva fi kriżi”, fis-sens tal-qafas ta’ kooperazzjoni tal-ġestjoni ta’ kriżi għall-entitajiet inqas sinjifikattivi, u b’konsegwenza ta’ dan ir-rikorrent tpoġġa taħt superviżjoni speċifika minn grupp ta’ ġestjoni ta’ kriżi magħmul mill-KSFK u mill-BĊE.

10      Fis‑16 ta’ Novembru 2017, il-KSFK talbet lill-BĊE jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent. Dik it-talba kienet ibbażata b’mod partikolari fuq tliet elementi: l-ewwel, ir-riżultati ta’ spezzjoni fuq il-post imwettqa mill-KSFK u l-impatt tagħhom fuq il-proporzjon ta’ adegwatezza kapitali tar-rikorrent; it-tieni, il-ksur persistenti tal-limitu tal-iskoperturi kbar, li l-eliminazzjoni tiegħu jista’ jkollha impatt negattiv addizzjonali fuq il-proporzjon ta’ adegwatezza kapitali, u, it-tielet, in-notifika mir-rikorrent u l-azzjonist prinċipali tiegħu ta’ tilwima dwar il-protezzjoni tal-investimenti.

11      Wara li eżamina t-talba msemmija fil-punt 10 iktar ’il fuq matul laqgħa tal-Bord Superviżorju fit‑28 ta’ Novembru 2017, il-BĊE ċaħad din it-talba.

12      Fit‑12 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrent kif ukoll CR u membri oħra tal-familja tiegħu, azzjonisti tar-rikorrent, introduċew proċedura ta’ arbitraġġ kontra r-Repubblika tal-Latvja quddiem iċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investiment (iktar ’il quddiem l-“ICSID”), abbażi tat-Trattat tal‑24 ta’ Jannar 1994 għall-promozzjoni u għall-protezzjoni tal-investimenti bejn ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika tal-Latvja (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ arbitraġġ”). Huma sostnew li r-rikorrent kien ilu mill-aħħar tas-sena 2015 is-suġġett ta’ superviżjoni prudenzjali eċċessiva u arbitrarja min-naħa tal-KSFK, li ssarrfet f’żidiet fil-fondi proprji regolatorji u fir-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet. Huma indikaw li din is-superviżjoni prudenzjali eċċessiva u arbitrarja kienet dovuta għall-influwenza li A kien eżerċita fuq il-KSFK bil-għan li jikseb kickbacks min-naħa tar-rikorrent u ta’ CR.

13      Matul ix-xahar ta’ Diċembru 2017, skont ir-rikorrent, CR irrapporta lill-awtoritajiet Latvjani l-atti ta’ korruzzjoni msemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq.

14      Fis‑17 ta’ Frar 2018, A ġie arrestat wara l-ftuħ, fil‑15 ta’ Frar 2018, ta’ investigazzjoni kriminali preliminari mibdija kontrih mill-Korupcijas novēršanas un apkarošanas birojs (l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, il-Latvja, iktar ’il quddiem il-“KNAB”). Din l-investigazzjoni kellha bħala suġġett akkużi ta’ korruzzjoni marbuta mal-proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali kontra bank Latvjan li ma huwiex ir-rikorrent. Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Frar 2018, mal-ħelsien ta’ A, il-KNAB imponielu diversi miżuri preventivi, fosthom il-projbizzjoni mill-eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja.

15      Fit‑28 ta’ Ġunju 2018, A ġie mixli mill-prosekutur li kien qiegħed imexxi l-investigazzjoni msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq. L-att ta’ akkuża, ikkompletat fl‑24 ta’ Mejju 2019, kien jinkludi tliet kapi ta’ akkuża. L-ewwel kap tal-akkuża kien jikkonċerna l-aċċettazzjoni, fl‑2010, ta’ offerta ta’ kickback mill-President tal-Bord Superviżorju ta’ bank Latvjan li ma huwiex ir-rikorrent, u tal-kickback stess, li għalih A ta pariri intiżi sabiex dak il-bank ikun jista’ jevita s-superviżjoni tal-KSFK u astjena milli jipparteċipa fil-laqgħat tal-KSFK li matulhom ġew diskussi l-kwistjonijiet relatati mas-superviżjoni tal-imsemmi bank. It-tieni kap tal-akkuża kien jikkonċerna, minn naħa, l-aċċettazzjoni, wara t‑23 ta’ Awwissu 2012, ta’ offerta ta’ kickback mill-Viċi President tal-Bord tad-Diretturi tal-istess bank, inkambju għall-pariri ta’ A sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet ordnati mill-KSFK u sabiex jiġu evitati restrizzjonijiet oħra, u, min-naħa l-oħra, l-aċċettazzjoni minn A tal-ħlas ta’ nofs dan il-kickback. It-tielet kap ta’ akkuża kien jikkonċerna l-ħasil tal-flus intiż sabiex jaħbi l-oriġini, it-trasferimenti u s-sjieda tal-fondi mħallsa lil A fir-rigward tal-kickback imsemmi fit-tieni kap ta’ akkuża.

16      Permezz ta’ ittri tal‑5 ta’ Lulju u tat‑12 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrent u CR informaw lill-President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE li l-investigazzjoni dwar l-atti ta’ korruzzjoni msemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq kienet għaddejja. Huma indikaw li, wara l-arrest tiegħu fi Frar 2018, A kien għamel dikjarazzjonijiet pubbliċi ostili u żbaljati fir-rigward tagħhom, fejn allega li l-akkwist tar-rikorrent minn CR kien ta’ natura frawdolenti. Huma qiesu li r-rekwiżiti prudenzjali tal-KSFK fil-konfront tar-rikorrent kienu eċċessivi u diskriminatorji. Huma talbu lill-BĊE jintervjeni billi jwettaq investigazzjoni u jieħu l-miżuri xierqa, bħal bidliet xierqa fil-persunal responsabbli mis-superviżjoni prudenzjali tar-rikorrent. F’dik l-okkażjoni huma kitbu: “Waħda mill-ideat sottostanti tal-[mekkaniżmu superviżorju uniku (iktar ’il quddiem l-“MSU”)] kienet li tkun tista’ tiġi żgurata superviżjoni iktar oġġettiva u imparzjali mill-BĊE pjuttost milli mis-superviżuri lokali. [Ir-rikorrent] u [CR] huma ħerqanin li jikkooperaw mal-BĊE għal dan l-għan” (ittra tal‑5 ta’ Lulju 2018, paġna 13).

17      Fit‑30 ta’ Settembru 2018, l-ICSID ħareġ miżuri provviżorji li jirrakkomandaw li r-Repubblika tal-Latvja tastjeni milli tieħu miżuri sabiex tirtira l-approvazzjoni tar-rikorrent, b’riferiment għal allegat nuqqas ta’ konformità ma’ wieħed mir-rekwiżiti regolatorji li kien is-suġġett tat-terminu ta’ skadenza finali stabbilit f’deċiżjoni tal-KSFK tas‑27 ta’ Frar 2018 (iktar ’il quddiem ir-“rakkomandazzjoni tal-ICSID”).

18      Fit‑8 ta’ Ottubru 2018, il-Presidenta tal-Bord Superviżorju Prudenzjali tal-BĊE indikat lir-rikorrent u lil CR, bi tweġiba għall-ittri tagħhom tal‑5 ta’ Lulju u tat‑12 ta’ Settembru 2018, li, fil-kuntest tal-kompitu tiegħu li jissorvelja l-funzjonament tal-MSU, il-BĊE kien tal-istess fehma bħall-KSFK li s-sitwazzjoni tar-rikorrent fir-rigward tal-kapital proprju kienet teħtieġ superviżjoni speċifika. Il-BĊE indika li r-rikorrent kien ibbenefika minn estensjonijiet ripetuti tat-termini sa meta kellu jadotta miżuri fir-rigward tal-kapital proprju u li, minkejja l-persistenza ta’ tali problemi, ir-rikorrent ma kienx ġie suġġett, min-naħa tal-KSFK, għal miżuri superviżorji stretti minbarra talbiet sabiex jiżdied il-kapital proprju, miżuri ta’ rkupru u miżuri ta’ dispożizzjonijiet addizzjonali. Huwa qies li r-rikorrent kien ilu diversi snin jikser il-limitu tal-iskoperturi kbar fir-rigward ta’ parti terza u ripetutament kien ingħata estensjonijiet tat-terminu sabiex jirrimedja dan. Huwa kkunsidra li ma kellu l-ebda indikazzjoni li l-miżuri superviżorji imposti fuq ir-rikorrent kienu eċċessivi jew sproporzjonati. Huwa kkonkluda billi ddikjara li kellu l-intenzjoni li jeżerċita l-funzjoni superviżorju tiegħu billi jagħti attenzjoni partikolari lill-miżuri meħuda mir-rikorrent sabiex jirrimedja l-ksur tar-rekwiżiti prudenzjali.

19      Fil‑21 ta’ Diċembru 2018, il-KSFK talbet mill-ġdid lill-BĊE jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent. Hija tenniet it-talba preċedenti tagħha, tas‑16 ta’ Novembru 2017, u semmiet ir-rakkomandazzjoni tal-ICSID. Hija indikat li jistgħu jgħaddu diversi xhur qabel ma l-ICSID jieħu deċiżjoni dwar il-miżuri provviżorji, li kien jimplika li l-KSFK kienet prekluża milli twettaq il-kompiti ta’ superviżjoni tagħha għal perijodu indeterminat. Skont il-KSFK, it-teħid ta’ responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali diretta mill-BĊE kien jipprekludi lir-rikorrent milli juża l-allegat kunflitt ta’ interessi bħala argument kontra l-attivitajiet ta’ superviżjoni prudenzjali u jippermetti li tiġi evitata sitwazzjoni fejn bank jikser b’mod kostanti l-obbligi tiegħu, u fejn ir-regolatur huwa prekluż milli jieħu l-miżuri xierqa sabiex itemm dan l-aġir. Il-KSFK ikkunsidrat li l-informazzjoni diġà fil-pussess tal-BĊE kienet tiffaċilita t-trasferiment tal-kompiti ta’ superviżjoni. Hija ppreċiżat li d-deċiżjoni tagħha tas‑27 ta’ Frar 2018 ma kinitx ġiet eżegwita, jiġifieri li s-sitwazzjoni tar-rikorrent kienet għadha kuntrarja għar-rekwiżiti ta’ kapital proprju u għal-limiti tal-iskoperturi kbar, u li ma kienet prevedibbli l-ebda soluzzjoni vijabbli u kredibbli fil-futur qrib. Hija indikat li, wara l-preżentata tal-proċedura ta’ arbitraġġ, ir-reazzjoni tar-rikorrent għal kważi l-interazzjonijiet kollha ta’ superviżjoni kienet tali li ma turix rieda li tiġi implimentata kooperazzjoni ta’ suċċess. Hija indikat ukoll li, skont ir-rikorrent, kull talba tal-KSFK kienet is-suġġett tal-kawża ta’ arbitraġġ u kienet tikkostitwixxi prova addizzjonali ta’ approċċ arbitrarju. Hija żiedet tgħid li CR kien sostna li huwa kien ser jimplimenta t-talbiet tagħha, jiġifieri ż-żieda fil-fondi proprji tar-rikorrent, biss jekk dawn it-talbiet jiġu vverifikati minn parti terza indipendenti. Minn dan hija kkonkludiet li hija kienet imċaħħda mill-possibbiltà li teżerċita livell għoli ta’ superviżjoni fil-konfront tar-rikorrent.

20      Fil‑11 ta’ Frar 2019, il-BĊE kkomunika lir-rikorrent, għall-osservazzjonijiet tiegħu, abbozz ta’ deċiżjoni intiża sabiex il-BĊE jassumi s-superviżjoni prudenzjali diretta tiegħu.

21      Fit‑22 ta’ Frar 2019, ir-rikorrent wieġeb li huwa kien qiegħed jiċħad l-allegazzjoni li ma kienx wera r-rieda tiegħu li jimplimenta kooperazzjoni ta’ suċċess. Huwa indika li, għall-kuntrarju, sa dakinhar, la l-KSFK u lanqas il-BĊE ma kienu wieġbu b’mod xieraq għad-diversi tentattivi li kien għamel kif ukoll għal dawk tal-azzjonisti tiegħu biex ifittxu kooperazzjoni kostruttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-atti ta’ korruzzjoni li l-BĊE kien jaf bihom. Għalhekk huwa kkonkluda li kien qiegħed jopponi għall-imsemmi abbozz ta’ deċiżjoni.

22      Permezz tas-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il‑Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-deċiżjoni tal-KNAB tad‑19 ta’ Frar 2018 sa fejn din kienet tipprojbixxi lil A milli jeżerċita d-dmirijiet tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja. Hija qieset li r-Repubblika tal-Latvja ma kinitx stabbilixxiet li t-tneħħija ta’ A mill-funzjonijiet tiegħu ta’ Gvernatur mill-Bank Ċentrali tal-Latvja kienet ibbażata fuq l-eżistenza ta’ indizji suffiċjenti tal-fatt li dan kien ħati ta’ mġiba serjament ħażina fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-BĊE.

23      Fl‑1 ta’ Marzu 2019, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE nnotifika d-deċiżjoni kkontestata lir-rikorrent, li ġiet adottata abbażi ta’ proposta tal-Bord Superviżorju bbażata fuq l-Artikolu 26(8) tar-Regolament Nru 1024/2013, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(5)(b) ta’ dan ir-regolament flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 39(5) tar-Regolament Nru 468/2014.

24      Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Governattiv indika li l-BĊE, bħala awtorità kompetenti, kien ser ikun responsabbli għas-superviżjoni diretta tar-rikorrent. Huwa ppreċiża li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata f’konformità mal-Artikoli 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013 u l-Parti IV tar-Regolament Nru 468/2014. Huwa żied jgħid li r-rikorrent kien ser jiġi inkluż fil-lista tal-entitajiet suġġetti għas-superviżjoni diretta tiegħu, li l-BĊE kien jippubblika u jaġġorna f’konformità mal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 468/2014.

25      Fir-rigward tal-fatti li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni kkontestata (parti 1 ta’ dik id-deċiżjoni), is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Governattiv indika li r-rikorrent ma kienx jissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013 u għalhekk kien attwalment ikklassifikat bħala entità inqas sinjifikattiva taħt is-superviżjoni prudenzjali diretta tal-KSFK. Huwa fakkar fil-kompożizzjoni tal-azzjonisti tar-rikorrent kif ukoll l-istruttura tal-grupp. Huwa semma l-preżentata tal-proċedura ta’ arbitraġġ kif ukoll ir-rakkomandazzjoni tal-ICSID. Huwa semma wkoll l-istadji tal-proċedura amministrattiva li ppreċediet id-deċiżjoni kkontestata.

26      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fatti (parti 2 tad-deċiżjoni kkontestata), is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Governattiv indika li l-BĊE kien qies li kien meħtieġ li jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent sabiex jiżgura applikazzjoni koerenti ta’ superviżjoni prudenzjali ta’ livell għoli. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin. Fit-talba tagħha, il-KSFK enfasizzat li, wara l-preżentata tal-proċedura ta’ arbitraġġ, ir-reazzjoni tar-rikorrent għal kważi l-interazzjonijiet kollha ta’ superviżjoni baqgħet tali li ma turi l-ebda rieda li tiġi implimentata kooperazzjoni ta’ suċċess. Il-KSFK qieset lilha nnifisha totalment imċaħħda mill-kapaċità li teżerċita livell għoli ta’ superviżjoni fil-konfront tar-rikorrent skont ir-regoli tal-Unjoni u tal-MSU. Il-KSFK kienet tal-fehma li t-teħid tar-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali mill-BĊE kienet l-iktar għażla xierqa sabiex tiġi żgurata superviżjoni xierqa tar-rikorrent. Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Governattiv kkonkluda li, skont il-BĊE, it-teħid tar-responsabbiltà għas-superviżjoni diretta kien neċessarja fis-sens tal-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013. Huwa ppreċiża li din il-konklużjoni ma kinitx affettwata mill-osservazzjonijiet magħmula mir-rikorrent fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li ppreċediet id-deċiżjoni kkontestata, peress li huwa ma kien ressaq l-ebda argument jew informazzjoni li ma kinitx diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-BĊE.

27      Fl-aħħar nett, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Governattiv ippreċiża li seta’ jiġi ppreżentat rikors quddiem il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal-BĊE u li seta’ jiġi ppreżentat rikors ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

28      Id-deċiżjoni kkontestata daħlet fis-seħħ fl‑4 ta’ April 2019.

29      Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ April 2019, il-BĊE kkomunika lir-rikorrent, bi tweġiba għal talba li huwa kien bagħatlu fis‑27 ta’ Novembru 2018, il-lista tad-dokumenti li għandu l-BĊE dwar is-superviżjoni prudenzjali tiegħu. Huwa ppreċiża li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl amministrattiv ma kienx jestendi għall-informazzjoni kunfidenzjali u li, konsegwentement, il-lista kienet tinkludi, għal kull dokument, klassifikazzjoni skont jekk dan id-dokument kienx aċċessibbli jew kunfidenzjali.

30      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrent, CR u CT ippreżentaw dan ir-rikors.

III. Fatti li seħħew wara lpreżentata tarrikors

31      Fil‑15 ta’ Awwissu 2019, il-BĊE kkonkluda li r-rikorrent kien qiegħed ifalli jew x’aktarx li kien ser ifalli fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1). Fl-istess jum, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem il-“BUR”) iddeċieda li ma jadottax skema ta’ riżoluzzjoni fis-sens tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament fil-konfront tar-rikorrent.

32      Fit‑22 ta’ Awwissu 2019, il-KSFK talbet lir-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme, il-Latvja) tiddikjara lir-rikorrent insolventi.

33      Fit‑12 ta’ Settembru 2019, ir-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme) iddikjarat lir-rikorrent insolventi. Hija ħatret prattikant fl-insolvenza inkarigat mill-proċedura ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem il-“prattikant fl-insolvenza”) u ttrasferixxiet lilu s-setgħat kollha tar-rikorrent u tal-bord tad-diretturi tiegħu. Hija ċaħdet it-talba tal-bord tad-diretturi tar-rikorrent li jżomm id-drittijiet tiegħu li jirrappreżenta lil dan tal-aħħar fil-kuntest tar-rikors kontra l-valutazzjoni tal-BĊE, tal‑15 ta’ Awwissu 2019, li kkonstatat li r-rikorrent kien qiegħed ifalli jew x’aktarx li kien ser ifalli, kontra d-deċiżjoni tal-BUR, tal-istess jum, li ma tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tiegħu, u kontra d-deċiżjoni tal-KSFK li tinbeda proċedura ta’ insolvenza. Dik il-qorti żiedet li dan ma kienx jeskludi l-possibbiltà għall-bord tad-diretturi tar-rikorrent li jressaq talba separata lill-prattikant fl-insolvenza fir-rigward tad-drittijiet ta’ rappreżentanza f’kompiti speċifiċi.

34      Fit‑12 ta’ Settembru 2019 ukoll, il-KSFK talbet lill-BĊE jirtira l-approvazzjoni tar-rikorrent.

35      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Ottubru 2019 (Kawża T‑732/19), ir-rikorrent kif ukoll azzjonisti attwali jew potenzjali oħra tar-rikorrent talbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-BUR tal‑15 ta’ Awwissu 2019 li ma tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni fil-konfront tar-rikorrent.

36      Fil‑21 ta’ Diċembru 2019, A waqaf jokkupa l-kariga tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja.

37      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Jannar 2020 (Kawża T‑50/20), ir-rikorrent talab l-annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE tat‑19 ta’ Novembru 2019 li tirrifjuta li tordna lill-prattikant fl-insolvenza jagħti lill-avukat imqabbad mill-bord tad-diretturi tar-rikorrent aċċess għall-bini tiegħu, għall-informazzjoni li huwa għandu kif ukoll għall-persunal u għar-riżorsi tiegħu.

38      Fis‑17 ta’ Frar 2020, il-BĊE rtira l-awtorizzazzjoni tar-rikorrent. Dan l-irtirar daħal fis-seħħ l-għada.

39      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ April 2020 (Kawża T‑230/20), ir-rikorrent ippreżenta rikors kontra dik id-deċiżjoni.

IV.    Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

40      Fil‑31 ta’ Lulju 2019, il-BĊE ppreżenta risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

41      Fit‑28 ta’ April 2020, il-President tar-Raba’ Awla ddeċieda, skont l-Artikolu 69(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, li jissospendi l-proċedura sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑50/20. Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Marzu 2021, PNB Banka vs BĊE (T‑50/20, EU:T:2021:141), il-Qorti Ġenerali tat id-deċiżjoni tagħha f’dik il-kawża u l-proċedura f’din il-kawża kompliet minn dik id-data.

42      Fis‑27 ta’ April 2021, u sussegwentement fit‑28 ta’ Ġunju 2021, ir-rikorrent, CR u CT talbu sospensjoni tal-proċedura, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet fil-Kawża C‑321/21 P, dwar l-appell mid-digriet tat‑12 ta’ Marzu 2021, PNB Banka vs BĊE (T‑50/20, EU:T:2021:141). Fl‑20 ta’ Mejju 2021, u sussegwentement fis‑6 ta’ Awwissu 2021, il-President tar-Raba’ Awla ddeċieda, wara li sema’ lill-BĊE, li ma jissospendix il-proċedura.

43      Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Lulju 2021, ir-rappreżentant tar-rikorrent informa lill-Qorti Ġenerali li huwa ma kienx għadu qiegħed jirrappreżenta lil CR u lil CT. Permezz ta’ digriet tal‑21 ta’ Diċembru 2021, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla), abbażi tal-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura, iddeċidiet li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar dan ir-rikors sa fejn dan ġie ppreżentat minn CR u minn CT.

44      Id-data ta’ skadenza għall-preżentata tar-replika ġiet stabbilita fl-aħħar lok għat‑30 ta’ Settembru 2021. Ir-rikorrent ma ppreżentax replika fit-terminu stabbilit.

45      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

46      Il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

V.      Iddritt

A.      Fuq leżistenza ta’ mandat tarrappreżentant li ppreżenta rrikors f’isem irrikorrent

47      Skont l-Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-parti li jkunu qegħdin jirrappreżentaw tkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, l-avukati għandhom jippreżentaw fir-Reġistru mandat maħruġ minn din tal-aħħar.

48      Fil-proċess tal-kawża hemm mehmuż mandat maħruġ mill-President tal-bord tad-diretturi tar-rikorrent fil‑5 ta’ Marzu 2019 (Anness A.2).

49      Ir-rikorrent isostni li l-prattikant fl-insolvenza rrifjuta li l-avukat maħtur minnu sabiex jirrappreżentah ikollu aċċess għad-dokumenti tiegħu, għall-bini tiegħu, għall-persunal tiegħu u għar-riżorsi tiegħu. Huwa pproduċa, fil-kuntest tat-tweġiba tiegħu tat‑13 ta’ Marzu 2020 għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ittra mingħand il-prattikant fl-insolvenza tas‑16 ta’ Settembru 2019 li tindika li l-avukat tiegħu kellu, l-ewwel, “jippreżenta lill-prattikant [fl-insolvenza] rapport bil-miktub dwar l-istat ta’ progress tal-ftehim [dwar il-provvista ta’ servizzi legali], li jindika fid-dettall l-istruzzjonijiet mogħtija [mir-rikorrent], il-kompiti mwettqa [mill-avukat] u jekk effettivament hemmx xi xogħol li għaddej”, it-tieni, “jinforma lill-prattikant [fl-insolvenza] dwar il-ħlasijiet […]”, u t-tielet, “ma jwettaq l-ebda attività f’isem [ir-rikorrent] mingħajr ma jikkonsulta lill-prattikant [fl-insolvenza] minn qabel, b’mod partikolari fir-rigward tat-twaqqif tal-forniment ta’ servizzi fatturabbli [lir-rikorrent]”.

50      Minkejja l-imsemmija ittra tal-prattikant fl-insolvenza tas‑16 ta’ Settembru 2019, mill-annessi tal-proċess tal-kawża ma jirriżultax, u lanqas ma huwa allegat mir-rikorrent jew mill-BĊE, li l-prattikant fl-insolvenza rrevoka l-mandat maħruġ mill-President tal-bord tad-diretturi tar-rikorrent fil‑5 ta’ Marzu 2019. L-imsemmija ittra ma ssemmix tali revoka, għalkemm tindika li l-avukat maħtur mill-President tal-bord tad-diretturi ma għandu jwettaq l-ebda attività f’isem ir-rikorrent mingħajr ma jikkonsulta lill-prattikant fl-insolvenza minn qabel.

51      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorrent ippreżenta mandat li jawtorizza lill-avukat tiegħu jippreżenta rikors skont l-Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

B.      Fuq ittalbiet għassospensjoni talproċedura ppreżentati fis27 ta’ April 2021, u sussegwentement fit28 ta’ Ġunju 2021

52      Fis‑27 ta’ April 2021, u sussegwentement fit‑28 ta’ Ġunju 2021, ir-rikorrent talab is-sospensjoni tal-proċedura. Insostenn tat-talbiet tiegħu għas-sospensjoni, huwa sostna li kien jeħtieġ aċċess għall-bini tiegħu, għall-fajls tiegħu u għar-riżorsi finanzjarji tiegħu u li l-prattikant fl-insolvenza ma kienx qiegħed jikkoopera sabiex jiżgura r-rappreżentanza effettiva tar-rikorrent, minkejja s-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923).

53      Għalkemm il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata li tagħti r-raġunijiet li għalihom hija tiddeċiedi li tissospendi proċedura jew le, skont l-Artikolu 69(c) jew (d) tar-Regoli tal-Proċedura, hija tqis li huwa utli, b’mod eċċezzjonali, li tindika dan li ġej.

54      Id-deċiżjoni li tissospendi proċedura jew le, abbażi tal-Artikolu 69(c) jew (d) tar-Regoli tal-Proċedura, taqa’ taħt il-kompetenza diskrezzjonali tal-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal‑20 ta’ Ottubru 2011, DTL vs UASI, C‑67/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:683, punti 32 u 33; tal‑15 ta’ Ottubru 2012, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑554/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:629, punt 37, u tas‑17 ta’ Jannar 2018, Josel vs EUIPO, C‑536/17 P, mhux ippubblikat, EU:C:2018:14, punt 5).

55      F’dan il-każ, fit‑28 ta’ April 2020, il-proċedura ġiet sospiża sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑50/20, li permezz tagħha r-rikorrent kien talab l-annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE tad‑19 ta’ Novembru 2019 li tirrifjuta li tordna lill-prattikant fl-insolvenza jagħti lill-avukat imqabbad mill-bord tad-diretturi tar-rikorrent l-aċċess għall-bini tiegħu, għall-informazzjoni tiegħu kif ukoll għall-persunal u għar-riżorsi tiegħu.

56      Permezz tad-digriet tat‑12 ta’ Marzu 2021, PNB Banka vs BĊE (T‑50/20, EU:T:2021:141), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-rikorrent. Hija kkunsidrat b’mod partikolari li l-BĊE manifestament ma kellux il-kompetenza li jilqa’ t-talba tal-bord tad-diretturi tar-rikorrent li jordna lill-prattikant fl-insolvenza jagħti aċċess lill-avukat imqabbad minn dan il-bord għall-bini, għall-informazzjoni, għall-membri tal-persunal u għar-riżorsi tar-rikorrent (punt 73). Hija qieset ukoll li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, bħal dik li r-rikorrent huwa s-suġġett tagħha, bi tweġiba għal kwalunkwe talba għal aċċess għad-dokumenti, għall-bini, għall-persunal jew għar-riżorsi tal-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni, fil-prinċipju huma suġġetti għal stħarriġ mill-qrati nazzjonali, li jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE f’każ li jsibu diffikultajiet fl-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (punt 72).

57      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, minkejja b’mod partikolari s-sospensjoni tal-proċedura mit‑28 ta’ April 2020 sat‑12 ta’ Marzu 2021, ir-rikorrent la jistabbilixxi u lanqas biss jallega, inkluż fit-talba tiegħu għas-sospensjoni tal-proċedura tat‑28 ta’ Ġunju 2021, li beda proċedura ġudizzjarja kontra l-prattikant fl-insolvenza, li madankollu jakkużah, quddiem il-Qorti Ġenerali, li ċaħħad lill-avukat imqabbad mill-bord tad-diretturi tiegħu mill-aċċess għall-bini tiegħu, għall-informazzjoni tiegħu, għall-persunal tiegħu u għar-riżorsi tiegħu minn tmiem is-sena 2019.

58      Wara li ppreżenta ittri u messaġġi tal-posta elettronika li ġew skambjati mal-prattikant fl-insolvenza fit‑12 u fis‑16 ta’ Settembru 2019 kif ukoll matul ix-xahar ta’ Novembru 2019, ir-rikorrent sempliċement sostna, fit-talba tiegħu għas-sospensjoni tal-proċedura ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ April 2021, li huwa “kien qiegħed iżid l-isforzi tiegħu” fir-rigward tal-prattikant fl-insolvenza u tal-qrati Latvjani, mingħajr ma ppreċiża n-natura tal-imsemmija sforzi.

59      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tat‑12 ta’ Settembru 2019 tar-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme), imsemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq, ma jirriżultax li r-rikorrent kien imwaqqaf milli jressaq quddiem il-qrati Latvjani tilwima possibbli mal-prattikant fl-insolvenza. Mhux biss huwa l-każ li dik id-deċiżjoni ssemmi li l-possibbiltà tal-bord tad-diretturi tar-rikorrent li jressaq talba separata quddiem il-prattikant fl-insolvenza dwar id-drittijiet ta’ rappreżentazzjoni f’kompiti speċifiċi ma hijiex eskluża, iżda wkoll li s-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923), invokata mir-rikorrent biex isostni li l-prattikant fl-insolvenza ma jikkooperax b’mod sodisfaċenti sabiex jiżgura r-rappreżentanza effettiva tar-rikorrent, ingħatat wara dik id-deċiżjoni, u għalhekk ir-rikorrent ma setax jinvoka, a priori, dik is-sentenza bħala element ġdid quddiem il-qorti nazzjonali.

60      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tqis li ma hemmx lok li l-proċedura tiġi sospiża għal darba oħra.

C.      Fuq ilfażi orali talproċedura

61      Skont l-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura:

“1.      Fil-fażi orali tagħha, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tinkludi seduta għas-sottomissjonijiet orali li tiġi organizzata jew ex officio jew fuq it-talba ta’ parti prinċipali.

2.      It-talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali mressqa minn parti prinċipali għandha tindika r-raġunijiet għaliex din il-parti tkun tixtieq tinstema’. […]

3.      Fl-assenza tat-talba msemmija fil-paragrafu 2, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-annessi fil-proċess tal-kawża, tiddeċiedi li taqta’ r-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura. […]”

62      Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li, fl-assenza ta’ talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali li tindika r-raġunijiet għaliex parti prinċipali tkun tixtieq tinstema’, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li għandha biżżejjed informazzjoni, tiddeċiedi li taqta’ r-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura.

63      L-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz tar-Regoli tal-Proċedura tal‑14 ta’ Marzu 2014, aċċessibbli għall-pubbliku fuq is-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tikkonferma barra minn hekk li, fid-dawl b’mod partikolari tar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-ekonomija tal-proċedura, “il-Qorti Ġenerali tixtieq tkun tista’ tiddeċiedi li ma torganizzax seduta jekk tqis li din ma tkunx neċessarj a, sakemm waħda mill-partijiet prinċipali ma tressaqx talba li fiha tindika r-raġunijiet għaliex tkun tixtieq tinstema’”.

64      Id-Dispożizzjonijiet Prattiċi għall-Implementazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem id-“DPI”) jipprovdu, fil-punt 142, li l-parti prinċipali li tkun tixtieq tinstema’ f’seduta għas-sottomissjonijiet orali għandha tressaq, f’terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika lill-partijiet tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, talba motivata f’dan is-sens. Huwa ppreċiżat li din il-motivazzjoni għandha tirriżulta minn evalwazzjoni konkreta tal-utilità ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali għall-parti inkwistjoni u għandha tindika l-annessi tal-proċess tal-kawża “jew” l-argumenti li fil-fehma ta’ din il-parti jkun meħtieġ li jiġu żviluppati “jew” ikkontestati b’mod iktar iddettaljat fil-kuntest ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali. Huwa indikat li, sabiex tingħata indikazzjoni aħjar fir-rigward tas-suġġett tad-dibattiti matul din is-seduta, huwa “mixtieq” li l-motivazzjoni ma tkunx ta’ natura ġenerali li tirreferi sempliċement, pereżempju, għall-importanza tal-kawża. Il-punt 143 tad-DPI jipprovdi li, fl-assenza ta’ talba motivata mressqa fit-terminu mogħti minn parti prinċipali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr fażi orali tal-proċedura.

65      Għalhekk, mill-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura kif ukoll mill-punti 142 u 143 tad-DPI jirriżulta li, fl-assenza ta’ talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali jew fil-preżenza ta’ talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali mingħajr motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqta’ r-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura, jekk tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-annessi tal-proċess tal-kawża.

66      F’dan il-każ, ir-rikorrent, permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Novembru 2021, esprima l-fehma tiegħu dwar l-organizzazzjoni ta’ seduta f’dawn it-termini:

“1. Nikkonferma li, għar-raġunijiet li spjegajt fid-dettall, attwalment ma hemm l-ebda rappreżentazzjoni effettiva [tar-rikorrent]. Bis-sempliċi għan li jiġi osservat it-terminu applikabbli, jiena b’din l-ittra qiegħed nitlob seduta. Madankollu, qabelxejn, għandha tiġi stabbilita mill-ġdid ir-rappreżentanza effettiva [tar-rikorrent].

2. Fiċ-ċirkustanzi attwali il-preparazzjoni għal seduta jew l-attendenza għaliha ma hijiex possibbli.”

67      Mill-imsemmija ittra tad‑29 ta’ Novembru 2021 jirriżulta li t-talba sabiex tiġi organizzata seduta fformulata mir-rikorrent hija nieqsa minn motivazzjoni. Fil-fatt, din it-talba ma tindika l-ebda raġuni li għaliha r-rikorrent jixtieq jinstema’.

68      Barra minn hekk, fl-ittra tiegħu tal‑25 ta’ Ottubru 2021 li tinforma lill-partijiet prinċipali bl-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fakkar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura kif ukoll dawk tal-punt 142 tad-DPI, u ġibed l-attenzjoni tal-partijiet prinċipali lejn il-fatt li, fil-kuntest tal-kriżi tas-saħħa, il-motivazzjoni kellha tissodisfa r-rekwiżiti tal-imsemmi punt tad-DPI.

69      Ċertament, ir-rikorrent sostna, fit-talba tiegħu biex tiġi organizzata seduta, li huwa kien iqis li qiegħed jiġi mċaħħad minn rappreżentazzjoni effettiva.

70      Anki jekk jitqies li r-rikorrent b’dan il-mod kien qiegħed jipprova jiġġustifika b’mod impliċitu l-assenza ta’ motivazzjoni tat-talba tiegħu biex tiġi organizzata seduta, aspett li madankollu ma jirriżultax b’mod ċar mill-imsemmija talba, għandu jiġi kkunsidrat li l-argument tiegħu dwar in-nuqqas ta’ rappreżentazzjoni effettiva ma jistax jitqies bħala ġustifikazzjoni għall-assenza ta’ motivazzjoni ta’ din it-talba. B’mod partikolari, iċ-ċirkustanza li r-rikorrent kien imċaħħad minn rappreżentazzjoni effettiva, fis-sens espost minnu, bl-ebda mod ma tipprekludih milli jippreżenta elementi ddettaljati insostenn tat-talba biex tiġi organizzata seduta.

71      Konsegwentement, ladarba r-rikorrent ma ppreżenta l-ebda element ta’ motivazzjoni fit-talba tiegħu biex tiġi organizzata seduta u, barra minn hekk, billi l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ dan tal-aħħar kien ġie mfakkar lilu b’mod espliċitu mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmija talba biex tiġi organizzata seduta ma tissodisfax l-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali, billi tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-annessi tal-proċess tal-kawża, iddeċidiet li taqta’ r-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura, f’konformità mal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

D.      Fuq ilmertu

1.      Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 6(5)(b) tarRegolament Nru 1024/2013, sa fejn din iddispożizzjoni ma tipprevedix deċiżjoni ta’ klassifika talentità kkonċernata bħala sinjifikattiva

73      Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tikklassifikah bħala entità sinjifikattiva, tikser l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013. Fil-fatt, dan l-artikolu ma jipprevedix deċiżjoni ta’ klassifika, iżda deċiżjoni tal-BĊE li jeżerċita direttament il-kompetenzi rilevanti kollha ta’ awtorità kompetenti nazzjonali fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew iktar minn waħda jekk dan jirriżulta neċessarju sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti ta’ standards għoljin ta’ superviżjoni.

74      Ir-rikorrent isostni li t-tieni sentenza tal-Artikolu 39(5) tar-Regolament Nru 468/2014 ma għandhiex tiġi interpretata b’mod inkompatibbli mal-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013. Sussidjarjament, huwa jinvoka l-illegalità tat-tieni sentenza tal-Artikolu 39(5) tar-Regolament Nru 468/2014, jekk dan l-artikolu jkollu jiġi interpretat bħala li jibdel in-natura tad-deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013.

75      Ir-rikorrent jippreċiża li d-deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013 ma tikkorrispondix għal bidla fl-istatus ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. Din tikkostitwixxi intervent mill-BĊE motivat minn tħassib dwar il-kwalità tas-superviżjoni eżerċitata mill-awtorità kompetenti nazzjonali pjuttost milli minn preokkupazzjoni dwar il-livell ta’ konformità tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata. Din tal-aħħar għandha tibqa’ intitolata għad-dritt għall-istess trattament bħal istituzzjonijiet inqas sinjifikattivi u ma għandhiex tkun suġġetta għal superviżjoni li hija xierqa biss għal stabbilimenti “ġenwinament” sinjifikattivi. Ir-rikorrent jindika li l-armonizzazzjoni tas-superviżjoni fil-qafas tal-MSU hija proċess gradwali u li għad hemm differenzi fir-rigward tas-superviżjoni bankarja bejn id-diversi Stati Membri. Huwa jżid jgħid li l-Artikolu 47(4) tar-Regolament Nru 468/2014, li jirregola l-actus contrarius ikkonċernat, jikkonferma li ma hijiex meħtieġa deċiżjoni ta’ klassifika mill-ġdid.

76      Il-BĊE jikkontesta dawn l-argumenti.

77      L-Artikolu 39(5) tar-Regolament Nru 468/2014 jipprovdi: “Il-BĊE għandu jissorvelja wkoll direttament entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni taħt deċiżjoni tal-BĊE adottata skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament [Nru 1024/2013] bl-effett li l-BĊE jeżerċita direttament is-setgħat relevanti kollha msemmija fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament [Nru 1024/2013]. Għall-finijiet tal-MSU, l-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala sinifikanti”.

78      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 68(5) tar-Regolament Nru 468/2014, jekk il-BĊE jiddeċiedi li s-superviżjoni prudenzjali diretta mill-BĊE tal-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni prudenzjali jew tal-grupp inqas sinjifikattiv taħt superviżjoni prudenzjali hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti ta’ standards ta’ superviżjoni prudenzjali għoljin, huwa għandu jadotta deċiżjoni tal-BĊE b’mod konformi mat-Titolu 2 tal-Parti IV ta’ dan ir-regolament.

79      “[D]eċiżjoni tal-BĊE b’mod konformi mat-Titolu 2 [tal-Parti IV tar-Regolament Nru 468/2014]”, kif imsemmi fl-Artikolu 68(5) ta’ dan ir-regolament, tikkorrispondi għal deċiżjoni ta’ klassifika ta’ entità taħt superviżjoni prudenzjali bħala entità sinjifikattiva, kif jindika t-titolu tal-imsemmi Titolu 2, jiġifieri “Proċedura għall-klassifikazzjoni ta’ entitajiet taħt superviżjoni bħala entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni”.

80      Konsegwentement, mill-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 39(5) tar-Regolament Nru 468/2014, ikkorroborata minn dik tal-Artikolu 68(5) ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li, meta l-BĊE jiddeċiedi li jeżerċita superviżjoni prudenzjali diretta fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva abbażi tal-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013, huwa għandu jadotta deċiżjoni li tikklassifika lil dik l-istituzzjoni bħala sinjifikattiva.

81      Madankollu, ir-rikorrent isostni li t-tieni sentenza tal-Artikolu 39(5) tar-Regolament Nru 468/2014 tikkontradixxi l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013, peress li tibdel in-natura tad-deċiżjoni prevista f’dan l-aħħar artikolu.

82      Madankollu, għalkemm l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013 ma jsemmix li, meta l-BĊE jiddeċiedi li jeżerċita huwa stess il-kompetenzi rilevanti kollha fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva, huwa għandu jadotta deċiżjoni li tikklassifika lil dik l-istituzzjoni bħala sinjifikattiva, lanqas ma jeskludi dan.

83      Bl-istess mod, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 47(4) tar-Regolament Nru 468/2014, li jikkonċerna s-sitwazzjoni opposta, li fiha l-BĊE jiddeċiedi li jtemm is-superviżjoni prudenzjali diretta fil-każ ta’ entità taħt tali superviżjoni abbażi ta’ deċiżjoni preċedenti tal-BĊE adottata f’konformità mal-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013, ma jippreċiżax li, f’dan il-każ, il-BĊE għandu jadotta deċiżjoni li tikklassifika l-entità kkonċernata bħala inqas sinjifikattiva, lanqas ma jeskludi dan. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmi Artikolu 47 jaqa’ wkoll taħt it-Titolu 2 tal-Parti IV tar-Regolament Nru 468/2014, intitolat “Proċedura għall-klassifikazzjoni ta’ entitajiet taħt superviżjoni bħala entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni”, u li dan l-artikolu huwa intitolat “Raġunijiet għat-temma tas-superviżjoni diretta mill-BĊE”, jiġifieri li fil-prinċipju għandu l-għan li jesponi dawn ir-raġunijiet, u mhux li jispeċifika jekk deċiżjoni li ttemm is-superviżjoni prudenzjali diretta timplikax li l-BĊE għandu jadotta deċiżjoni li tikklassifika l-entità kkonċernata bħala entità inqas sinjifikattiva.

84      Barra minn hekk, sa fejn it-tieni sentenza tal-Artikolu 39(5) tar-Regolament Nru 468/2014 tipprevedi l-klassifikazzjoni ta’ entità bħala sinjifikattiva, hija ma tikkontestax in-natura tad-deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013, li hija deċiżjoni dwar l-allokazzjoni ta’ funzjonijiet fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali bejn il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

85      Fil-fatt, l-uniku effett tad-deċiżjoni li entità tiġi kklassifikata bħala sinjifikattiva huwa li l-BĊE jassumi s-superviżjoni prudenzjali diretta ta’ dik l-entità, f’konformità mal-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013.

86      Il-fatt li entità tiġi kklassifikata bħala sinjifikattiva meta l-BĊE jiddeċiedi li jeżerċita superviżjoni prudenzjali diretta fir-rigward ta’ dik l-entità skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013 ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif jidher li qiegħed isostni r-rikorrent.

87      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li tali deċiżjoni, li tirrigwarda biss id-determinazzjoni tal-awtorità kompetenti, la temenda r-regoli prudenzjali applikabbli għall-imsemmija entità u lanqas is-setgħat superviżorji li għandha l-awtorità kompetenti fil-konfront ta’ dik l-entità għall-finijiet tal-kompiti ta’ superviżjoni mogħtija lill-BĊE mill-MSU.

88      Konsegwentement, it-tieni sentenza tal-Artikolu 39(5) tar-Regolament Nru 468/2014 ma tikkontradixxix l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013.

89      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tipprevedi l-klassifika tar-rikorrent bħala entità sinjifikattiva, ma tiksirx l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013.

90      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.      Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq ksur tarrekwiżiti formali essenzjali

91      F’dan il-każ, huwa xieraq li sussegwentement jiġi eżaminat ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti formali sostanzjali, qabel il-motivi l-oħra, li huma dwar il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

92      Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn diversi istanzi ta’ ksur tar-rekwiżiti formali sostanzjali.

93      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li r-rapport previst fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament Nru 468/2014 ma tfassalx.

94      Ir-rikorrent isostni li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ arbitraġġ, ir-Repubblika tal-Latvja ammettiet li ma kienx hemm rapport, filwaqt li invokat ir-relazzjonijiet ta’ ħidma tajbin li hemm bejn il-KSFK u l-BĊE. Issa, dawn l-allegati relazzjonijiet ta’ ħidma tajbin ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ preżentazzjoni tal-imsemmi rapport, peress li dan tal-aħħar jikkostitwixxi element essenzjali tal-proċedura, li huwa obbligatorju u huwa intiż sabiex iħares l-interessi tar-rikorrent fi proċess trasparenti suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju.

95      Barra minn hekk, ir-rikorrent jindika li t-tilwima bejn ir-Repubblika tal-Latvja u l-BĊE dwar A tagħti x’tifhem li r-relazzjonijiet ta’ ħidma eżistenti bejn il-BĊE u l-KSFK ma kinux mingħajr diffikultajiet. Fil-fatt, A jkollu jitneħħa mill-qadi ta’ dmirijietu jekk l-akkużi miġjuba kontrih jiġu sostnuti bi provi li, skont ir-Repubblika tal-Latvja, jeżistu, iżda li ma ġewx żvelati lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Kawża C‑238/18, kontra l-BĊE. Ir-rikorrent affaċċja problemi ta’ korruzzjoni li ma ġewx riżolti u tilef il-fiduċja fil-proċess regolatorju minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn il-BĊE u l-awtoritajiet Latvjani, b’mod partikolari l-KSFK. Barra minn hekk, l-affermazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjonijiet ta’ ħidma tajbin bejn il-BĊE u l-KSFK tmur kontra deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013, sa fejn tali deċiżjoni tippreżupponi sitwazzjoni li fiha l-BĊE ma jkunx issodisfatt bis-superviżjoni eżerċitata mill-awtorità kompetenti nazzjonali u jqis li l-istruzzjonijiet ġenerali u r-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6(5)(a) tar-Regolament Nru 1024/2013 ma humiex biżżejjed sabiex jirrimedjaw din is-sitwazzjoni.

96      Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-BĊE ma żvelax it-talba tal-KSFK tal‑21 ta’ Diċembru 2018. Din it-talba hija pass proċedurali previst fl-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 468/2014 u d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-kontenut tagħha. Konsegwentement, l-abbozz ta’ deċiżjoni li ġie kkomunikat lir-rikorrent qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma kienx komplet, bil-konsegwenza li dik id-deċiżjoni wkoll ġiet ikkomunikata lilu b’mod inkomplet. Il-fatt li ma kkomunikalux l-imsemmija talba u li ma ppermettilux jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuqha jikser id-drittijiet tad-difiża tiegħu, id-dritt tiegħu li jinstema’ u d-dritt tiegħu ta’ aċċess għall-fajl amministrattiv.

97      Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li l-BĊE ma ddivulgalux l-ewwel talba tal-KSFK sabiex huwa jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent, li saret fis‑16 ta’ Novembru 2017. Ir-rikorrent sar jaf bl-eżistenza tagħha biss permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Marzu 2019 mingħand il-Konsulent Ġuridiku tar-Repubblika tal-Latvja fil-kuntest tal-proċedura ta’ arbitraġġ. Il-produzzjoni ta’ dik it-talba mill-imsemmi Konsulent Ġuridiku tikkonferma li din kienet reazzjoni għall-ftuħ tal-proċedura ta’ arbitraġġ. Il-fatt li ma ġietx ikkomunikata lir-rikorrent l-imsemmija talba jikser id-drittijiet tad-difiża tiegħu, id-dritt tiegħu li jinstema’ u d-dritt tiegħu ta’ aċċess għall-fajl amministrattiv.

98      Fir-raba’ lok, ir-rikorrent isostni li l-BĊE ma adottax deċiżjoni fuq l-imsemmija talba tal-KSFK tas‑16 ta’ Novembru 2017, bi ksur tal-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 468/2014.

99      Fil-ħames lok, ir-rikorrent isostni li d-dritt tiegħu li jinstema’ ma ġiex irrispettat, għaliex dan id-dritt kien jimplika l-possibbiltà li jissottometti osservazzjonijiet fuq l-affermazzjonijiet konkreti magħmula insostenn tal-motiv tad-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrent ma weriex rieda suffiċjenti li jikkoopera wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ arbitraġġ.

100    Fis-sitt u l-aħħar lok, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement motivata. Fil-fatt, dik id-deċiżjoni ma tispjegax ir-raġunijiet li għalihom il-BĊE qies li kien neċessarju li jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni diretta tar-rikorrent.

101    Il-BĊE jikkontesta dawn l-argumenti.

102    Qabelxejn għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrent sa fejn dan jikkunsidra li l-BĊE kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, u sussegwentement sa fejn isostni li l-BĊE kiser id-drittijiet tad-difiża tiegħu, id-dritt tiegħu li jinstema’ u d-dritt tiegħu ta’ aċċess għall-fajl amministrattiv, u sussegwentement sa fejn huwa jinvoka irregolarità bbażata fuq l-assenza tar-rapport previst fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament Nru 468/2014, u fl-aħħar nett sa fejn huwa jsostni li l-BĊE ma adottax deċiżjoni dwar it-talba tal-KSFK tas‑16 ta’ Novembru 2017.

a)      Fuq lilment ibbażat fuq ilksur talobbligu ta’ motivazzjoni

103    Il-motivazzjoni meħtieġa b’mod partikolari mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minnu li jingħataw spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll f’dak tal-kuntest tagħha kif ukoll f’dak tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    L-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni previsti fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi rekwiżit formali essenzjali li jrid jitqies b’mod separat mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li tirrelata mal-legalità fuq il-mertu tal-att ikkontestat (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Fir-rigward tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ klassifika ta’ entità taħt superviżjoni prudenzjali bħala sinjifikattiva fuq bażi individwali, l-Artikolu 39(1) tar-Regolament Nru 468/2014 jipprovdi li “[e]ntità taħt superviżjoni għandha titqies bħala entità sinifikanti taħt superviżjoni jekk il-BĊE jiddetermina dan f’deċiżjoni tal-BĊE indirizzata lill-entità relevanti taħt superviżjoni skont l-Artikoli 43 sa 49 [ta’ dan ir-regolament], waqt li jispjega r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata dik id-deċiżjoni”.

107    Barra minn hekk, l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 468/2014, intitolat “Motivazzjoni tad-deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu li l-espożizzjoni tal-motivi ta’ deċiżjoni ta’ superviżjoni prudenzjali tal-BĊE għandha tinkludi l-fatti materjali u r-raġunijiet legali li fuqhom tkun ibbażata dik id-deċiżjoni.

108    F’dan il-każ, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent b’mod sommarju fil-kuntest tar-raba’ motiv, id-deċiżjoni kkontestata, li l-motivi tagħha nġabru fil-qosor fil-punti 23 sa 27 iktar ’il fuq, tindika r-raġunijiet li għalihom il-BĊE qies li kien meħtieġ li jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent. Hija ssemmi b’mod ċar u mingħajr ambigwità l-bażi legali tagħha, il-fatti li fuqhom hija bbażata, b’mod partikolari r-rakkomandazzjoni tal-ICSID, u l-evalwazzjoni tal-BĊE. Minn dik l-evalwazzjoni jirriżulta li l-BĊE ddeċieda li jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent għall-motiv li, skont il-KSFK, wara l-preżentata tal-proċedura ta’ arbitraġġ, ir-reazzjoni tar-rikorrent għal kważi l-interazzjonijiet kollha ta’ superviżjoni baqgħet ma turi l-ebda rieda li tiġi implimentata kooperazzjoni ta’ suċċess u li l-KSFK kienet tqis li kienet totalment imċaħħda mill-kapaċità li teżerċita livell għoli ta’ superviżjoni fil-konfront tar-rikorrent skont ir-regoli tal-Unjoni u tal-MSU.

109    Għandu jiżdied ukoll, sussidjarjament, li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata f’kuntest magħruf mir-rikorrent. Dan tal-aħħar kien f’kuntatt regolari mal-KSFK, li kienet teżerċita superviżjoni bir-reqqa tar-riskji li huwa kien espost għalihom. Huwa kien ukoll f’kuntatt dirett mal-BĊE, billi huwa kien kitiblu fil‑5 ta’ Lulju u fit‑12 ta’ Settembru 2018 sabiex jitolbu jintervjeni fis-superviżjoni prudenzjali tiegħu u billi l-Presidenta tal-Bord Superviżorju Prudenzjali tal-BĊE kienet wiġbitu, permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Ottubru 2018, li hija kienet taqbel mal-fehma tal-KSFK li s-sitwazzjoni tar-rikorrent kienet teħtieġ superviżjoni prudenzjali speċifika. Fl-aħħar nett, huwa kien jaf bl-aspetti kollha tal-proċedura ta’ arbitraġġ, li ppreżenta huwa stess.

110    Il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata kienu għalhekk suffiċjenti sabiex ir-rikorrent seta’ jkun jaf x’kienu l-ġustifikazzjonijiet ta’ dik id-deċiżjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tagħha u sabiex il-Qorti Ġenerali setgħet teżerċita l-istħarriġ tagħha.

111    Konsegwentement, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jsostni li l-BĊE kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni previst b’mod partikolari fl-Artikolu 296 TFUE u fir-Regolament Nru 468/2014.

b)      Fuq lilmenti bbażati fuq ilksur taddrittijiet taddifiża, taddritt li jinstema’ u taddritt ta’ aċċess għallfajl amministrattiv

112    L-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi, fost oħrajn, id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament u d-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu osservati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-sigriet professjonali u kummerċjali.

113    B’mod partikolari, id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, li jagħmel parti integrali mill-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-perspettiva tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod negattiv l-interessi tagħha (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    Skont l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 468/2014, meta jiddeċiedi li jikklassifika entità taħt superviżjoni prudenzjali jew grupp taħt superviżjoni prudenzjali bħala sinjifikattiv skont it-Titolu 2 tal-Parti IV ta’ dak ir-regolament, u sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, il-BĊE għandu japplika r-regoli tal-proċedura previsti fit-Titolu 2 tal-Parti III tal-imsemmi regolament. Skont il-paragrafu 4 tal-istess artikolu, il-BĊE għandu jagħti lil kull entità taħt superviżjoni prudenzjali kkonċernata l-possibbiltà li tissottometti osservazzjonijiet bil-miktub qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-BĊE skont l-imsemmi paragrafu 1.

115    Skont l-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 468/2014, qabel ma l-BĊE jadotta deċiżjoni ta’ superviżjoni prudenzjali indirizzata lil parti li tista’ taffettwa b’mod negattiv id-drittijiet ta’ dik il-parti, il-parti għandha tingħata l-opportunità li tikkummenta bil-miktub lill-BĊE dwar il-fatti, l-oġġezzjonijiet u r-raġunijiet legali rilevanti għad-deċiżjoni ta’ superviżjoni prudenzjali tal-BĊE; jekk il-BĊE jqis li dan huwa xieraq, għandu jagħti lill-partijiet l-opportunità li jikkummentaw dwar il-fatti, l-oġġezzjonijiet u r-raġunijiet legali rilevanti għad-deċiżjoni ta’ superviżjoni prudenzjali f’laqgħa; in-notifika li permezz tagħha l-BĊE jagħti lill-partijiet l-opportunità li jipprovdu l-kummenti tagħhom għandha ssemmi l-kontenut sostantiv tad-deċiżjoni ta’ superviżjoni prudenzjali prevista, il-fatti, il-motivi u r-raġunijiet legali li fuqhom il-BĊE jkollu l-ħsieb li jibbaża d-deċiżjoni tiegħu.

116    L-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 468/2014, intitolat “Aċċess għall-fajls fi proċedura superviżorja tal-BĊE”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet ikkonċernati għandhom ikunu rispettati bis-sħiħ fil-proċeduri ta’ superviżjoni prudenzjali tal-BĊE; għal dan l-iskop, u wara li tinfetaħ proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali tal-BĊE, il-partijiet għandu jkollhom id-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-BĊE, suġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni ġuridiċi jew fiżiċi minbarra l-parti kkonċernata, għall-finijiet ta’ protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom; dan id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali; l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jittrażmettu lill-BĊE, fi żmien raġonevoli, kull talba li huma jirċievu għal aċċess għall-fajls relatati mal-proċeduri ta’ superviżjoni prudenzjali tal-BĊE.

117    Preliminarjament, peress li r-rikorrent żviluppa argument ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt li jinstema’ u tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl amministrattiv, huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar dan l-argument, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-imsemmija drittijiet jikkostitwixxux, bħala tali, rekwiżiti formali essenzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

118    F’dan il-każ, il-BĊE ppreżenta lir-rikorrent abbozz ta’ deċiżjoni għall-osservazzjonijiet.

119    Jista’ jiġi kkonstatat qabelxejn li r-rikorrent ma jallegax li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li ma ssemmewx fl-abbozz ta’ deċiżjoni li ġie kkomunikat lilu.

120    Sussegwentement, sa fejn ir-rikorrent isostni li l-BĊE ma kkomunikalux it-talba tal-KSFK tal‑21 ta’ Diċembru 2018 intiża għall-eżerċizzju mill-BĊE tas-superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent, għandu jiġi rrilevat li din it-talba kienet tikkostitwixxi l-ewwel pass tal-proċedura amministrattiva, iżda li kienet att distint mid-deċiżjoni kkontestata u ma kinitx torbot lill-BĊE, peress li dan tal-aħħar seta’ jiddeċiedi li jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent għal raġunijiet differenti minn dawk li jinsabu fl-imsemmija talba, jew fuq inizjattiva proprja tiegħu.

121    Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 468/2014 ma tipprevedi li l-BĊE għandu jikkomunika ex officio tali talba mill-awtorità kompetenti nazzjonali lill-entità inqas sinjifikattiva msemmija f’dik it-talba. Din tal-aħħar tifforma parti mill-fajl amministrattiv u r-rikorrent seta’ jkollu aċċess għaliha, f’konformità mal-Artikolu 32 tal-imsemmi regolament, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-sigriet professjonali u kummerċjali, li kieku ressaq talba għal aċċess għall-fajl.

122    Barra minn hekk, anki jekk il-BĊE bbaża ruħu, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq ċerti kunsiderazzjonijiet li jinsabu fit-talba tal-KSFK tal‑21 ta’ Diċembru 2018, huwa indika b’mod suffiċjenti, fl-abbozz ta’ deċiżjoni li huwa kkomunika lir-rikorrent u fid-deċiżjoni kkontestata stess, l-imsemmija kunsiderazzjonijiet, u għaldaqstant ma huwiex neċessarju li jsir riferiment għat-talba tal-KSFK tal‑21 ta’ Diċembru 2018 sabiex ikunu magħrufa l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata.

123    Sa fejn ir-rikorrent isostni li l-BĊE ma kkomunikalux it-talba tal-KSFK tas‑16 ta’ Novembru 2017, li permezz tagħha din tal-aħħar kienet preċedentement talbet lill-BĊE jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent, għandu jiġi kkonstatat li din it-talba ma kinitx tikkostitwixxi wieħed mill-passi tal-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata u li l-motivi li jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni kkontestata ma jinsabux f’din it-talba preċedenti. Dan l-ilment huwa għalhekk ineffettiv insostenn tat-talbiet diretti kontra d-deċiżjoni kkontestata.

124    Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrent isostni li ma ngħatax il-possibbiltà li jippreżenta osservazzjonijiet fuq l-affermazzjonijiet konkreti magħmula insostenn tal-motiv tad-deċiżjoni kkontestata li, skont il-KSFK, huwa ma kienx wera rieda suffiċjenti li jikkoopera wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ arbitraġġ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ingħata l-opportunità li jippreżenta osservazzjonijiet fuq l-imsemmi motiv, li kien jinsab fl-abbozz ta’ deċiżjoni li ġie kkomunikat lilu u ma huwiex akkumpanjat minn affermazzjonijiet oħra.

125    Għalhekk, billi kkomunika lir-rikorrent l-abbozz ta’ deċiżjoni mingħajr ma ttrażmettielu ex officio dokumenti jew elementi oħra, bħat-talba tal-KSFK tal‑21 ta’ Diċembru 2018, il-BĊE, f’dan il-każ, ta lir-rikorrent l-opportunità li ssostni, b’mod utli u effettiv, il-perspettiva tiegħu matul il-proċedura amministrattiva.

126    Fir-rigward tad-dritt ta’ parti kkonċernata li jkollha aċċess għall-fajls fil-kuntest ta’ proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali, l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 468/2014, li d-dispożizzjonijiet tiegħu tfakkru fil-punt 116 iktar ’il fuq, jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jibgħatu lill-BĊE, f’terminu ta’ żmien raġonevoli, kwalunkwe talba għal aċċess għall-fajls li jirċievu. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-aċċess għall-fajl jippreżupponi t-tressiq ta’ talba mill-parti kkonċernata.

127    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta tkun ġiet ikkomunikata informazzjoni preċiża biżżejjed, li tippermetti lill-entità kkonċernata ssostni b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar il-miżura prevista, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimplikax li l-BĊE huwa obbligat li jipprovdi, b’mod spontanju, aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tiegħu. Huwa biss fuq talba tal-entità kkonċernata li l-BĊE huwa obbligat jipprovdi aċċess għad-dokumenti amministrattivi mhux kunfidenzjali kollha dwar il-miżura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il‑Kunsill, C‑225/17 P, EU:C:2019:82, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Issa, f’dan il-każ, minn naħa, kif ġie kkonstatat fil-punt 125 iktar ’il fuq, ir-rikorrent irċieva informazzjoni suffiċjenti sabiex isostni b’mod utli u effettiv l-opinjoni tiegħu matul il-proċedura amministrattiva. Min-naħa l-oħra, la ġie stabbilit u lanqas ġie allegat li r-rikorrent talab li jiġu kkomunikati lilu t-talbiet tal-KSFK tas‑16 ta’ Novembru 2017 u tal‑21 ta’ Diċembru 2018, u lanqas, fi kwalunkwe każ, li l-BĊE rrifjutalu, b’mod żbaljat, l-aċċess għal dawn id-dokumenti. Konsegwentement, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jsostni li d-dritt tiegħu ta’ aċċess għall-fajl li jikkonċernah ġie miksur.

129    Sussidjarjament, ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt li jinstema’, iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni biss jekk, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, dik il-proċedura seta’ jkollha riżultat differenti (ara s-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

130    Issa, f’dan il-każ, mill-annessi tal-proċess tal-kawża ma jirriżultax li, kieku t-talbiet tal-KSFK tas‑16 ta’ Novembru 2017 u tal‑21 ta’ Diċembru 2018 kienu ġew ikkomunikati lir-rikorrent, il-proċedura seta’ jkollha riżultat differenti. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jallegax dan.

131    Konsegwentement, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jsostni li l-BĊE kiser il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, id-dritt tiegħu li jinstema’ u d-dritt tiegħu ta’ aċċess għall-fajl amministrattiv.

c)      Fuq lilment ibbażat fuq ilksur tal-Artikolu 68(3) tarRegolament Nru 468/2014, flassenza tar-rapport previst f’din iddispożizzjoni

132    Skont l-Artikolu 68(3) tar-Regolament Nru 468/2014, it-talba tal-awtorità kompetenti nazzjonali intiża sabiex il-BĊE jeżerċita superviżjoni prudenzjali diretta fir-rigward ta’ entità inqas sinjifikattiva taħt superviżjoni prudenzjali jew ta’ grupp inqas sinjifikattiv taħt superviżjoni prudenzjali għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jindika l-istorja ta’ superviżjoni prudenzjali u l-profil tar-riskju ta’ dik l-entità jew dak il-grupp.

133    F’dan il-każ, huwa paċifiku li t-talba tal-KSFK tal‑21 ta’ Diċembru 2018 ma kinitx akkumpanjata mir-rapport imsemmi fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament Nru 468/2014, li jistabbilixxi l-istorja tas-superviżjoni prudenzjali u l-profil tar-riskju tar-rikorrent.

134    Ir-rapport previst fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament Nru 468/2014 jippermetti lill-BĊE, kif fil-fatt isostni huwa stess, jevalwa t-talba li jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali mressqa mill-awtorità kompetenti nazzjonali u jikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat, jekk il-BĊE jilqa’ dik it-talba, trasferiment armonjuż tal-kompetenzi marbuta ma’ dik is-superviżjoni.

135    Ir-rwol tal-imsemmi rapport fil-kooperazzjoni bejn il-BĊE u l-awtorità kompetenti nazzjonali sabiex tiġi żgurata t-tranżizzjoni mingħajr xkiel tal-kompetenzi ta’ superviżjoni prudenzjali huwa barra minn hekk imsemmi fl-Artikolu 43(6) tar-Regolament Nru 468/2014.

136    Għalhekk, ir-rapport previst fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament Nru 468/2014, anki jekk huwa obbligatorju, għandu b’mod partikolari l-għan li jiżgura trażmissjoni tajba tal-informazzjoni bejn l-awtorità kompetenti nazzjonali u l-BĊE u ma jikkostitwixxix, kif ġustament jenfasizza dan tal-aħħar, garanzija proċedurali intiża sabiex tħares l-interessi tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata u lanqas, a fortiori, rekwiżit formali essenzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

137    Din il-kunsiderazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, meta l-BĊE jiddeċiedi li jeżerċita ex officio s-superviżjoni prudenzjali diretta ta’ entità inqas sinjifikattiva, it-talba għall-produzzjoni ta’ tali rapport mill-awtorità kompetenti nazzjonali hija biss possibbiltà offruta lill-BĊE, f’konformità mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 468/2014.

138    Barra minn hekk, f’dan il-każ, mit-talba tal-KSFK tal‑21 ta’ Diċembru 2018 jirriżulta li din tal-aħħar semmiet, f’dik it-talba, elementi relatati mal-istorja tas-superviżjoni prudenzjali tar-rikorrent u għamlet riferiment għal elementi oħra identifikati li diġà kienu fil-pussess tal-BĊE, b’mod partikolari informazzjoni skambjata fi ħdan il-grupp ta’ ġestjoni ta’ kriżi kkostitwit f’Settembru 2017, li fil-kuntest tiegħu l-BĊE u l-KSFK regolarment skambjaw il-fehmiet tagħhom dwar is-sitwazzjoni prudenzjali tar-rikorrent u l-miżuri prudenzjali possibbli li għandhom jiġu adottati.

139    F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk it-talba tal-KSFK tal‑21 ta’ Diċembru 2018 ma kinitx formalment akkumpanjata mir-rapport previst fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament Nru 468/2014, hija għandha titqies li fiha l-informazzjoni li għandha tkun inkluża f’dak ir-rapport jew, tal-inqas, li tirreferi għal dik l-informazzjoni li diġà kienet fil-pussess tal-BĊE.

140    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent intiż li jikkontesta l-argument imressaq mir-Repubblika tal-Latvja fil-kuntest tal-proċedura ta’ arbitraġġ, jiġifieri li kienet teżisti relazzjoni ta’ ħidma tajba bejn il-BĊE u l-KSFK, għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmi argument ma jsostnix li l-BĊE ma kellux fil-pussess tiegħu l-elementi rilevanti kollha li kellhom jidhru fir-rapport previst fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament Nru 468/2014, qabel ma ħa deċiżjoni dwar it-talba tal-KSFK intiża sabiex il-BĊE jeżerċita s-superviżjoni prudenzjali diretta fil-konfront tar-rikorrent.

141    Konsegwentement, l-assenza tar-rapport previst fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament Nru 468/2014 ma setgħetx, f’dan il-każ, tivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni kkontestata.

142    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-assenza tar-rapport tikkostitwixxi irregolarità proċedurali, dik l-irregolarità ma tistax twassal għall-annullament totali jew parzjali tad-deċiżjoni kkontestata ħlief jekk jiġi stabbilit li, fl-assenza ta’ dik l-irregolarità, dik id-deċiżjoni seta’ jkollha kontenut differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

143    F’dan il-każ, mill-annessi tal-proċess tal-kawża ma jirriżultax li, li kieku kien ġie mfassal ir-rapport previst fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament Nru 468/2014, id-deċiżjoni kkontestata seta’ jkollha kontenut differenti. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li r-rikorrent ma jallegax dan.

144    Konsegwentement, l-ilment tar-rikorrent ibbażat fuq l-assenza tar-rapport previst fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament Nru 468/2014 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

d)      Fuq lilment ibbażat fuq lassenza ta’ deċiżjoni talBĊE dwar ittalba talKSFK tas16 ta’ Novembru 2017

145    Fir-rigward tal-ilment tar-rikorrent li l-BĊE ma adottax deċiżjoni dwar it-talba tal-KSFK tas‑16 ta’ Novembru 2017, li permezz tagħha din tal-aħħar kienet preċedentement talbet lill-BĊE jeżerċita s-superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-fatt li l-BĊE ma ddeċidiex dwar din it-talba preċedenti ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkonċerna proċedura differenti mibdija mit-talba tal-KSFK tal‑21 ta’ Diċembru 2018.

146    Konsegwentement, l-imsemmi lment, li barra minn hekk ma jikkonċernax rekwiżit formali essenzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

147    Barra minn hekk, l-imsemmi lment għandu jitqies li huwa infondat fil-fatti, peress li, minn naħa, il-BĊE jindika, mingħajr ma ġie kontradett, li huwa ċaħad it-talba tal-KSFK tas‑16 ta’ Novembru 2017 waqt il-laqgħa tal-Bord Superviżorju Prudenzjali tat‑28 ta’ Novembru 2017 u, min-naħa l-oħra, f’konformità mal-Artikolu 68(5) tar-Regolament Nru 468/2014, huwa fil-każ li huwa jiddeċiedi li jeżerċita s-superviżjoni prudenzjali diretta fil-konfront tal-entità inqas sinjifikattiva li għandu jadotta deċiżjoni skont it-Titolu 2 tal-Parti IV tal-imsemmi regolament, jiġifieri deċiżjoni ta’ klassifika nnotifikata lill-entità kkonċernata, u mhux meta jiddeċiedi li ma jilqax it-talba tal-awtorità kompetenti nazzjonali.

148    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

3.      Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq linterpretazzjoni żbaljata talArtikolu 6(5)(b) tarRegolament Nru 1024/2013 firrigward talkundizzjonijiet u talgħan ta’ din iddispożizzjoni

149    Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013 fuq tliet aspetti, relatati mal-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni u mal-għan ta’ dak l-artikolu.

150    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013 hija intiża sabiex tirrimedja problemi bil-kwalità tas-superviżjoni, eżerċitata f’dan il-każ mill-KSFK, u mhux nuqqasijiet mill-istituzzjoni kkonċernata mir-regoli. Il-BĊE interpreta b’mod żbaljat ir-riferiment għal “standards superviżorji għoljin” li jinsab f’din id-dispożizzjoni bħala riferiment għal “standards għoljin ta’ konformità”. Din l-interpretazzjoni żbaljata hija analoga għall-klassifika mill-ġdid żbaljata tan-natura tad-deċiżjoni kkontestata allegata fl-ewwel motiv. Il-prassi tal-BĊE tikkonferma l-eżistenza ta’ żball ta’ interpretazzjoni, peress li, sal-lum, l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013 intuża biss f’każ wieħed, li ma kienx ibbażat fuq allegati nuqqasijiet mill-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata. Il-BĊE ma assumiex ir-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali lanqas fil-każijiet fejn il-ksur mill-istituzzjoni ta’ kreditu kien tant sinjifikattiv li ttiteħdet deċiżjoni li tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni.

151    Fit-tieni lok, ir-rikorrent jindika li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013 jirreferi speċifikament għall-applikazzjoni “konsistenti” ta’ standards għoljin ta’ superviżjoni. L-unika deċiżjoni preċedenti ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni turi dan l-għan, peress li dik id-deċiżjoni kienet intiża sabiex tiżgura l-konsistenza tas-superviżjoni fir-rigward ta’ grupp ta’ entitajiet taħt superviżjoni prudenzjali f’diversi Stati Membri. Dan l-aspett ta’ konsistenza tas-superviżjoni ma ġiex diskuss fid-deċiżjoni kkontestata.

152    Fit-tielet u l-aħħar lok, ir-rikorrent jesponi li d-deċiżjoni kkontestata ma tirrikonoxxix in-natura eċċezzjonali ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013. Il-BĊE ppreżuma b’mod żbaljat li t-teħid tar-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent kien deċiżjoni normali għall-BĊE.

153    Il-BĊE jsostni li huwa ma wettaqx l-iżbalji ta’ liġi li r-rikorrent jallega fil-konfront tiegħu.

154    Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-BĊE kiser l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013 fuq tliet aspetti, li għandhom jiġu eżaminati suċċessivament.

155    Kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tiżgura applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin.

156    Kif jirriżulta mill-Artikolu 67(2) tar-Regolament Nru 468/2014, hemm diversi fatturi li jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013.

157    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-BĊE interpreta b’mod żbaljat l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013 bħala li dan huwa intiż sabiex jirrimedja problemi ta’ nuqqas ta’ konformità min-naħa tal-entità kkonċernata mar-regoli prudenzjali pjuttost milli problemi ta’ kwalità bis-superviżjoni prudenzjali mwettqa mill-awtorità kompetenti nazzjonali.

158    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-BĊE ma adottax id-deċiżjoni kkontestata minħabba li r-rikorrent ma kkonformax mar-regoli prudenzjali. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jsemmi l-ebda motiv tad-deċiżjoni insostenn tal-argument tiegħu.

159    B’mod partikolari, il-BĊE rrileva fid-deċiżjoni kkontestata li l-KSFK kienet enfasizzat fit-talba tagħha intiża sabiex il-BĊE jeżerċita superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent li, wara l-preżentata tal-proċedura ta’ arbitraġġ, ir-reazzjoni tar-rikorrent għal kważi l-interazzjonijiet kollha ta’ superviżjoni baqgħet ma turi l-ebda rieda li tiġi implimentata kooperazzjoni ta’ suċċess u li l-KSFK kienet tqis li kienet totalment imċaħħda mill-kapaċità li teżerċita livell għoli ta’ superviżjoni fil-konfront tar-rikorrent.

160    Kien għalhekk għal motivi bbażati fuq l-aspett li l-KSFK kienet imċaħħda mill-kapaċità tagħha li teżerċita livell għoli ta’ superviżjoni fil-konfront tar-rikorrent, konstatazzjoni li barra minn hekk dan tal-aħħar ma jikkontestahiex, li l-BĊE adotta d-deċiżjoni kkontestata.

161    Konsegwentement, il-BĊE ma wettaqx l-iżball ta’ liġi li r-rikorrent jallega fil-konfront tiegħu.

162    Fit-tieni lok, ir-rikorrent iqis li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013 jirreferi speċifikament għall-applikazzjoni “konsistenti” ta’ standards għoljin ta’ superviżjoni.

163    Madankollu, ir-rikorrent għal darba oħra ma jsemmi l-ebda punt tad-deċiżjoni kkontestata insostenn tal-argument tiegħu. Barra minn hekk, mill-punt 2.1 ta’ dik id-deċiżjoni jirriżulta b’mod espliċitu li, skont il-BĊE, kien meħtieġ li huwa jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent sabiex tiġi żgurata applikazzjoni “konsistenti” ta’ standards superviżorji għoljin, f’konformità mal-għan stabbilit fl-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013.

164    Għaldaqstant, it-tieni lment tar-rikorrent għandu jiġi miċħud.

165    Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tirrikonoxxix in-natura eċċezzjonali ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013.

166    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li la mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013 u lanqas, barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 468/2014 ma jirriżulta li d-deċiżjoni tal-BĊE li jeżerċita huwa stess b’mod dirett il-kompetenzi kollha rilevanti fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu waħda jew iktar inqas sinjifikattiva għandha tkun ta’ natura eċċezzjonali.

167    Ir-rikorrent isostni li l-Presidenta tal-Bord Superviżorju Prudenzjali tal-BĊE semmiet, f’ittra tat‑23 ta’ April 2018 indirizzata lil membru tal-Parlament Ewropew, li kien staqsiha kemm spiss kienet ġiet implimentata l-kompetenza prevista fl-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013, li din il-kompetenza kienet ta’ natura eċċezzjonali.

168    Madankollu, l-ittra msemmija fil-punt 167 iktar ’il fuq ma tistax iżżid kriterju mal-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013, li ma jissuġġettax l-implimentazzjoni tal-kompetenza relatata għall-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali.

169    Barra minn hekk, fid-dawl tar-rakkomandazzjoni tal-ICSID, ir-rikorrent kien manifestament f’sitwazzjoni rari mill-perspettiva tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

170    Konsegwentement, billi ma semmiex l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE ma kisirx l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013.

171    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

4.      Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq innuqqas ta’ twettiq talobbligu li jiġu analizzati u evalwati birreqqa u b’mod imparzjali laspetti kollha talkaż inkwistjoni sabiex tiġi ddeterminata nneċessità ta’ deċiżjoni skont lArtikolu 6(5)(b) tarRegolament Nru 1024/2013

172    Ir-rikorrent jsostni li l-BĊE ma wettaqx analiżi imparzjali tal-fatti. Il-BĊE bbaża ruħu fuq ilmenti vagi dwar l-aġir tar-rikorrent wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ arbitraġġ minflok fuq każ konkret ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni. Huwa ma indirizzax il-kwistjoni dwar jekk l-ilmenti mressqa mill-KSFK fil-konfront tar-rikorrent kinux fondati. Dan l-approċċ ma huwiex aċċettabbli minħabba n-natura mhux tas-soltu tad-deċiżjoni kkontestata, li għandha tkun iġġustifikata minn ċirkustanzi mhux tas-soltu. Barra minn hekk, il-BĊE bbaża ruħu żżejjed fuq l-evalwazzjonijiet tal-KSFK, mingħajr ma esprima l-perspettiva tiegħu, ħaġa li hija paradossali fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ din in-natura. Fil-fatt, tali deċiżjoni tippreżupponi li l-BĊE ma jistax jibqa’ jistrieħ esklużivament fuq is-superviżjoni mwettqa mill-awtorità kompetenti nazzjonali.

173    Il-BĊE jikkontesta dawn l-argumenti.

174    Insostenn tat-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent essenzjalment isostni li, sabiex adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE bbaża ruħu fuq ilmenti vagi fformulati mill-KSFK dwar l-aġir tiegħu wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ arbitraġġ, pjuttost milli għamel riferiment għal każ konkret ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni, u ma esprimiex il-perspettiva tiegħu fuq l-evalwazzjonijiet tal-KSFK.

175    Madankollu, il-BĊE ma wettaqx żball ta’ liġi meta ma eżaminax jekk il-kunsiderazzjoni tal-KSFK li l-aġir tar-rikorrent ma kien wera ebda rieda ta’ kooperazzjoni ta’ suċċess kinitx fondata jew le.

176    Fil-fatt, peress li deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013 għandha l-għan li tiżgura applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin, u mhux li tirrimedja nuqqas ta’ konformità mar-regoli prudenzjali min-naħa ta’ entità taħt superviżjoni prudenzjali, il-BĊE jista’ jiddeċiedi li jeżerċita superviżjoni prudenzjali diretta fil-konfront ta’ istituzzjoni inqas sinjifikattiva mingħajr ma jibbaża ruħu fuq tali nuqqas.

177    F’dan il-każ, wara l-preżentata tal-proċedura ta’ arbitraġġ u tal-miżuri provviżorji adottati mill-ICSID, il-KSFK ikkunsidrat li r-rikorrent ma kienx wera rieda ta’ kooperazzjoni ta’ suċċess. Hija qieset ukoll li kienet totalment imċaħħda mill-kapaċità li teżerċita livell għoli ta’ superviżjoni fil-konfront tar-rikorrent skont ir-regoli tal-Unjoni u tal-MSU.

178    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-KSFK fir-rigward tal-inkapaċità totali tagħha li teżerċita livell għoli ta’ superviżjoni, li hija debitament issostanzjata mir-rakkomandazzjoni tal-ICSID u bl-ebda mod ma ġiet ikkontestata mir-rikorrent fil-proċedura amministrattiva jew quddiem il-Qorti Ġenerali, kienet fiha nnifisha tali li toħloq dubju serju dwar il-kapaċità tal-KSFK li tiżgura l-konformità ma’ standards superviżorji għoljin fil-konfront tar-rikorrent u li tiġġustifika l-ħtieġa li l-BĊE jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali.

179    Konsegwentement, il-BĊE seta’ jiddeċiedi li jeżerċita superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent, bl-għan li jiżgura applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin, mingħajr ma jeżamina jekk in-nuqqas ta’ rieda ta’ kooperazzjoni ta’ suċċess tar-rikorrent allegat mill-KSFK kienx fondat, u mingħajr, a fortiori, ma jkun marbut li jibbaża ruħu fuq każ konkret ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni.

180    Barra minn hekk, għalkemm il-BĊE fil-fatt ħa inkunsiderazzjoni sew l-evalwazzjonijiet tal-KSFK fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali tar-rikorrent, huwa ma qiesx ruħu marbut minn dawn l-evalwazzjonijiet, iżda evalwa huwa stess il-ħtieġa li jeżerċita superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent, kif jirriżulta b’mod espliċitu mill-punti 2.1 u 2.5 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom il-BĊE jikkonkludi b’mod ċar l-eżistenza ta’ tali ħtieġa.

181    B’mod partikolari, iċ-ċirkustanza li l-BĊE lanqas ma mmotiva d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-KSFK kinitx totalment imċaħħda mill-kapaċità li teżerċita livell għoli ta’ superviżjoni fil-konfront tar-rikorrent ma ssostnix il-konklużjoni li huwa ma kienx evalwa bir-reqqa u b’mod imparzjali l-aspetti kollha tal-każ inkwistjoni, peress li r-rikorrent ma kkontestax l-evalwazzjoni tal-KSFK fuq dan il-punt.

182    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

5.      Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 6(5)(b) tarRegolament Nru 1024/2013 sa fejn il-BĊE ma eżerċitax is-setgħa diskrezzjonali tiegħu f’konformità ma’ din id-dispożizzjoni

183    Ir-rikorrent isostni li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, in-natura diskrezzjonali tal-kompetenzi tiegħu f’dan il-qasam (billi jinvoka, f’dan ir-rigward, l-użu tat-terminu “jista’” fl-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013). Il-BĊE ma jistax jafferma li huwa eżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu jekk dan ma jidhirx fid-deċiżjoni kkontestata u jekk, għall-kuntrarju, din tal-aħħar hija bbażata fuq il-prinċipju li l-adozzjoni tagħha hija konsegwenza neċessarja tal-fatt li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013 huma ssodisfatti.

184    Il-BĊE jikkontesta dawn l-argumenti.

185    Kif jaqblu l-partijiet, il-BĊE għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jadotta, bħal f’dan il-każ, att relatat mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjoni ta’ kreditu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punt 86).

186    Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, T‑122/15, EU:T:2017:337, punt 61).

187    Madankollu, meta l-amministrazzjoni jkollha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tadotta deċiżjoni, la l-obbligu ta’ motivazzjoni li jeżiġi l-Artikolu 296 TFUE u lanqas l-ebda regola oħra ma tobbligaha tagħmel riferiment għalih fid-deċiżjoni inkwistjoni.

188    F’dan il-każ, ma jirriżulta mill-ebda anness fil-proċess tal-kawża li l-BĊE emmen, b’mod żbaljat, li ma kellux tali marġni ta’ diskrezzjoni.

189    B’mod partikolari, is-sempliċi ċirkustanza li ġie konkluż, fil-punt 2.5 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kundizzjonijiet biex il-BĊE jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni diretta tar-rikorrent kienu ssodisfatti ma tfissirx li l-BĊE żbalja meta qies ruħu f’sitwazzjoni ta’ kompetenza limitata u li huwa ma eżerċitax il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tiegħu sabiex wasal għal dik il-konklużjoni, jew inkella li huwa wettaq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013.

190    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

6.      Fuq issitt motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipju ta’ proporzjonalità

191    Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-BĊE ma jistax jafferma li huwa wettaq analiżi tal-proporzjonalità jekk din ma tidhirx fid-deċiżjoni kkontestata u jekk, għall-kuntrarju, din tal-aħħar tagħti x’tifhem il-kuntrarju, jiġifieri li hija bbażata fuq il-prinċipju li l-issodisfar tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013 huwa biżżejjed.

192    Ir-rikorrent jindika li ma huwiex irrikonoxxut fid-deċiżjoni kkontestata li deċiżjoni ta’ din in-natura għandha tkun irriżervata għall-każijiet li fihom is-superviżjoni diretta mill-BĊE tkun reazzjoni xierqa għal problema regolatorja konkreta u tkun ta’ natura li tista’ tikseb għan prudenzjali konkret, meta l-ebda soluzzjoni oħra inqas intrużiva ma tkun konċepibbli u meta l-piż impost fuq l-istituzzjoni kkonċernata jkun xieraq fid-dawl tal-problema sottostanti u tal-għan imfittex. Id-deċiżjoni kkontestata ma tiddeskrivix il-problema sottostanti b’mod konkret. Ir-raġuni li għaliha s-superviżjoni diretta mill-BĊE hija mezz xieraq sabiex tiġi rrimedjata l-problema hija wkoll ambigwa. Barra minn hekk, il-BĊE ma analizzax il-miżuri l-oħra possibbli, b’mod partikolari li jsir sforz min-naħa tiegħu sabiex terġa’ tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja fis-superviżjoni regolatorja billi jiġu eżaminati l-problemi tal-korruzzjoni.

193    Ir-rikorrent tindika li l-importanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ġiet enfasizzata mill-President tal-Bord Superviżorju Prudenzjali f’ittra lill-Parlament Ewropew tat‑23 ta’ April 2018. Kif ġie espost fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni motivi, peress li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li deċiżjoni li tiġi eżerċitata s-superviżjoni prudenzjali diretta hija prinċipalment intiża sabiex issolvi problemi relatati mas-superviżjoni (pjuttost milli nuqqasijiet min-naħa tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata), huwa ma qiesx metodi oħra li kienu jippermettu superviżjoni iktar xierqa mill-awtorità kompetenti nazzjonali, pereżempju l-għoti ta’ pariri xierqa. F’konformità mal-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013, għandu jiġi żgurat livell konsistentement għoli ta’ superviżjoni fl-ewwel lok permezz tar-regolamenti, tal-linji gwida jew tal-istruzzjonijiet ġenerali mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Il-BĊE għandu jevalwa sa fejn l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin tista’ tiġi żgurata permezz ta’ struzzjonijiet ġenerali xierqa.

194    Il-BĊE jirribatti li huwa ma kisirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

195    Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet, filwaqt li, meta jkun hemm il-possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet (sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 50, u tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 206).

196    L-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ miżura trid tiġi rrikonċiljata mal-osservanza tal-marġni ta’ diskrezzjoni li seta’ ngħata lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta ġiet adottata (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

197    F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata kienet xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin.

198    Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata kienet ta’ natura li tirrimedja l-preokkupazzjonijiet prudenzjali tal-KSFK, billi tiżgura li r-rikorrent issa kien ser jiġi suġġett għal superviżjoni diretta minn awtorità li kienet f’pożizzjoni li tagħmel użu mis-setgħat superviżorji kollha tagħha.

199    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kif isostni l-BĊE, dan tal-aħħar kien, b’kunsiderazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-ICSID, f’pożizzjoni aħjar mill-KSFK li jiżgura s-superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent.

200    Barra minn hekk, il-miżuri alternattivi ssuġġeriti mir-rikorrent, jiġifieri, minn naħa, li l-BĊE jeżamina l-problemi tal-korruzzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-BĊE jagħti pariri jew joħroġ regolamenti, linji gwida jew struzzjonijiet ġenerali lill-KSFK, ma kinux jikkostitwixxu miżuri inqas restrittivi xierqa fid-dawl tal-għan imfittex.

201    Fil-fatt, il-BĊE ġustament isostni li huwa ma għandux kompetenza sabiex iwettaq investigazzjoni huwa stess fuq atti ta’ korruzzjoni u li huwa jikkoopera f’dan ir-rigward mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Bl-istess mod, il-BĊE ma għandux kompetenza sabiex jindirizza linji gwida individwali lil awtorità kompetenti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, T‑122/15, EU:T:2017:337, punt 61).

202    Fi kwalunkwe każ, il-miżuri alternattivi ssuġġeriti mir-rikorrent ma kinux ser jippermettu li jiġu indirizzati l-preokkupazzjonijiet tal-KSFK li ġġustifikaw id-deċiżjoni kkontestata. Peress li s-superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent kieku kienet tibqa’ taħt il-kompetenza tal-KSFK, din dejjem kienet ser tibqa’ tikkunsidra lilha nnifisha mċaħħda mill-kapaċità li teżerċita l-istess setgħat superviżorji bħal dawk irrikonoxxuti lill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn kollha fi ħdan il-MSU.

203    Barra minn hekk, mill-annessi tal-proċess tal-kawża ma jirriżultax li d-deċiżjoni kkontestata ħolqot żvantaġġi għar-rikorrent, u għalhekk il-miżuri alternattivi ssuġġeriti minnu ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala inqas restrittivi minn dik implimentata mid-deċiżjoni kkontestata.

204    Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata, li sempliċement temenda s-setgħat rispettivi tal-BĊE u tal-KSFK, la emendat ir-regoli prudenzjali applikabbli, u lanqas is-setgħat superviżorji li kellha l-awtorità kompetenti fil-konfront tar-rikorrent għall-finijiet tal-kompiti ta’ superviżjoni mogħtija lill-BĊE mill-MSU.

205    Fl-aħħar nett, l-allegazzjoni tar-rikorrent fir-rigward ta’ “piż impost fuq l-istituzzjoni kkonċernata” la hija sostnuta u lanqas stabbilita.

206    Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

7.      Fuq isseba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans

207    Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans, peress li la l-KSFK u lanqas il-BĊE ma ħadu inkunsiderazzjoni r-responsabbiltà rispettiva tagħhom għat-telf tal-kredibbiltà tal-proċess ta’ superviżjoni, li rriżulta mir-rifjut jew l-inkapaċità tagħhom li jittrattaw b’mod effettiv il-problemi tal-korruzzjoni, kif tixhed il-kawża bejn ir-Repubblika tal-Latvja u l-BĊE quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

208    Il-BĊE jikkontesta dawn l-argumenti.

209    Skont il-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans, ħadd ma jista’ jinvoka l-aġir ħażin tiegħu stess.

210    Sabiex wieħed jinvoka l-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit aġir ħażin attribwibbli lill-BĊE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs BUR, T‑758/18, EU:T:2021:28, punt 170).

211    Issa, ir-rikorrent ma jindikax liema att speċifiku qiegħed jikkritika lill-BĊE fuqu, meta jagħmel riferiment għar-rifjut jew għall-inkapaċità tal-BĊE u tal-KSFK li jittrattaw b’mod effettiv il-problemi ta’ korruzzjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tan-natura tal-atti ta’ korruzzjoni inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, l-investigazzjoni kriminali li tat lok għall-akkuża ta’ A ma tikkonċernax lir-rikorrent, iżda lil bank Latvjan terz, u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-atti ta’ korruzzjoni ddenunzjati minn CR, ir-rikorrent jindika li l-awtoritajiet Latvjani ma investigawx kif xieraq u ma rnexxilhomx iressqu quddiem il-ġustizzja lil A u lil dawk assoċjati miegħu.

212    Jekk jiġi preżunt li r-rikorrent iqis li l-BĊE kellu l-obbligu li jwettaq investigazzjoni fir-rigward tal-atti ta’ korruzzjoni ddenunzjati minn CR, aspett li ma jirriżultax mill-argument tar-rikorrent insostenn ta’ dan il-motiv, il-BĊE ġustament isostni li huwa ma għandux il-kompetenza li jwettaq investigazzjoni huwa stess fuq tali atti u li huwa jikkoopera f’dan ir-rigward mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

213    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-BĊE wettaq żball billi ma wettaqx investigazzjoni dwar l-atti ta’ korruzzjoni ddenunzjati minn CR, ma ntweriex li dan in-nuqqas kien ta’ natura li jivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni kkontestata, li ma hijiex ibbażata fuq l-inkapaċità sistemika tal-KSFK li twettaq il-kompiti tagħha, iżda fuq l-inkapaċità tagħha li twettaq livell għoli ta’ superviżjoni prudenzjali fil-konfront tar-rikorrent minħabba r-rakkomandazzjoni tal-ICSID.

214    Il-preżentata mill-BĊE ta’ rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni tad‑19 ta’ Frar 2018 li permezz tagħha l-KNAB kien ipprojbixxa b’mod provviżorju lil A milli jaqdi dmirijietu bħala l-gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja (Kawża C‑238/18), invokata mir-rikorrent, ma tistax tkun element li juri li l-BĊE wettaq żball.

215    Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jippreċiżax b’liema mod il-BĊE għandu jitqies li qiegħed jipprova jinvoka l-aġir żbaljat tiegħu stess fil-kuntest ta’ din il-kawża.

216    Konsegwentement, il-ksur tal-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans ma huwiex stabbilit.

217    Għaldaqstant, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

8.      Fuq ittmien motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipju ta’ ugwaljanza fittrattament

218    Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Dik id-deċiżjoni tapplika trattament differenti fil-konfront tiegħu minn dak applikat fil-konfront tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattivi l-oħrajn. Għalkemm tqajmu dubji serji dwar is-superviżjoni mill-KSFK, ir-raġuni għalfejn ir-rikorrent kien l-unika wieħed li ngħata trattament partikolari min-naħa tal-KSFK u tal-BĊE ma hijiex ċara. Il-fatt li r-rikorrent u l-azzjonisti tiegħu rrifjutaw kooperazzjoni bbażata fuq atti ta’ korruzzjoni ma huwiex motiv leġittimu sabiex jiġu imposti piżijiet partikolari fuq ir-rikorrent. Dan tal-aħħar jinvoka każijiet li fihom il-BĊE ma assumiex ir-responsabbiltà għas-superviżjoni diretta minkejja li l-awtorizzazzjoni tal-banek ikkonċernati kellha tiġi rtirata u li l-BĊE kien elenka fatti konkreti ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni fid-deċiżjoni tiegħu ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni.

219    Il-BĊE jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

220    Il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2019, P. M. et, C‑264/18, EU:C:2019:472, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

221    Il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba trattament differenti jippreżupponi li s-sitwazzjonijiet ikkonċernati huma paragunabbli fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 25).

222    Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-rikorrent jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta mqabbel ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattivi oħrajn li ma kinux suġġetti għal deċiżjoni tal-BĊE li jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali diretta, ma huwiex stabbilit li dawn l-istituzzjonijiet kienu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tar-rikorrent.

223    F’dan ir-rigward, sa fejn ir-rikorrent isostni li l-BĊE ma assumiex ir-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali diretta ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li l-awtorizzazzjoni tagħhom kellha tiġi rtirata fid-dawl ta’ każijiet konkreti ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni ta’ dawn l-istituzzjonijiet ma hijiex paragunabbli ma’ dik tar-rikorrent, peress li dawn ma kinux is-suġġett ta’ miżura bħalma hija r-rakkomandazzjoni tal-ICSID.

224    Barra minn hekk, billi tiżgura li r-rikorrent issa ser ikun taħt superviżjoni diretta, bħall-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-oħrajn kollha taħt superviżjoni prudenzjali fil-kuntest tal-MSU, minn awtorità superviżorja li tista’ tagħmel użu mis-setgħat superviżorji kollha tagħha, id-deċiżjoni kkontestata tikkontribwixxi sabiex tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

225    Barra minn hekk, fid-dawl ta’ dak li ġie rrilevat fil-punti 204 u 205 iktar ’il fuq, ma huwiex muri li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-BĊE huma suġġetti għal trattament differenti mill-istituzzjonijiet suġġetti għas-superviżjoni diretta tal-KSFK u lanqas, a fortiori, li dawn jiġu suġġetti għal xi oneru partikolari.

226    Għaldaqstant, it-tmien motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

9.      Fuq iddisa’ motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipji ta’ protezzjoni talaspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali

227    Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.

228    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ċara u toħloq inċertezza li ma hijiex ġustifikata. Deċiżjoni ta’ teħid tar-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali diretta għandha tindika kif ir-rekwiżiti prudenzjali ser jinbidlu u għal kemm żmien il-BĊE ser ikun l-awtorità superviżorja prudenzjali ewlenija. Issa, id-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda indikazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet, peress li ma tidentifika l-ebda problema konkreta li għandha tiġi ttrattata. Hija tissuġġerixxi b’mod vag li r-rikorrent għandu jiġi ssanzjonat peress li l-KSFK tqis li r-rikorrent ma weriex ir-rieda tiegħu li jikkoopera wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ arbitraġġ. Qari letterali tad-deċiżjoni kkontestata jagħti x’jifhem li s-superviżjoni diretta mill-BĊE tintemm meta dan ikun konvint li r-rikorrent wera r-rieda tiegħu li jikkoopera. Dak li huwa meħtieġ b’mod konkret għal dan l-għan ma huwiex ċar, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tindika l-ebda eżempju ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni tar-rikorrent mal-KSFK. Dan jista’ jfisser li l-proċedura ta’ arbitraġġ ikollha tiġi interrotta sabiex ir-rikorrent jinħeles mis-superviżjoni diretta tal-BĊE u li r-rikorrent ikollu jastjeni milli jirrikorri għal kwalunkwe rimedju legali ieħor, li jkun jikkostitwixxi għan illegali.

229    Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tiddeskrivix il-problema sottostanti li hija għandha tirrimedja, huwa impossibbli li jiġi previst liema tibdil materjali irid isir fir-rekwiżiti superviżorji bħala riżultat tal-intervent tal-BĊE. L-esperjenza inizjali tar-rikorrent mal-BĊE, b’mod partikolari waqt l-ispezzjoni fuq il-post deċiża minn dan tal-aħħar, tagħti x’tifhem li l-BĊE jadotta approċċ ġdid u ma jqisx lilu nnifsu marbut minn evalwazzjoni preċedenti tal-KSFK, bħal dik dwar l-evalwazzjoni tal-assi. Dan joħloq inċertezza legali eċċessiva għar-rikorrent li ma hija ġġustifikata mill-ebda għan prudenzjali leġittimu.

230    Fit-tieni lok, ir-rikorrent jikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi abbażi tal-interazzjonijiet preċedenti tiegħu mal-KSFK u l-BĊE. Fil-fatt, filwaqt li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa ta’ importanza kruċjali fil-kuntest tas-superviżjoni bankarja, l-ebda waħda mill-interazzjonijiet bejn ir-rikorrent u l-KSFK jew il-BĊE ma tat x’tifhem li setgħet tiġi adottata deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013. Il-ftehim provviżorju li ntlaħaq fil-proċedura ta’ arbitraġġ jissuġġerixxi l-kuntrarju, kif jagħmel ukoll il-fatt li l-BĊE ma weġibx b’mod sostanzjali għad-diversi tentattivi tar-rikorrent sabiex jibda djalogu kostruttiv miegħu.

231    Il-BĊE jsostni li huwa ma kisirx il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.

232    Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi, fost oħrajn, li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari fejn jista’ jkollhom konsegwenzi negattivi għall-individwi u l-impriżi (ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ qabdiet tal-pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

233    Korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, id-dritt li wieħed jitlob il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni nisslet fih aspettattivi fondati. Tikkostitwixxi garanzija li tista’ tnissel tali aspettattivi, irrispettivament mill-forma li fiha tiġi kkomunikata, informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u koerenti li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Għall-kuntrarju, ħadd ma jista’ jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fl-assenza ta’ garanziji preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni (sentenza tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ qabdiet tal-pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 112).

234    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ambigwa.

235    B’mod partikolari, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent, deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013 ma għandhiex għalfejn issemmi kif ser jinbidlu r-rekwiżiti prudenzjali, peress li tali deċiżjoni preċiżament, fiha nnifisha, ma għandhiex effett fuq ir-regoli prudenzjali applikabbli. F’dan ir-rigward, l-allegazzjoni tar-rikorrent li l-esperjenza tiegħu mal-BĊE, b’mod partikolari waqt l-ispezzjoni fuq il-post deċiża minn dan tal-aħħar, “tagħti x’tifhem” li l-BĊE jadotta approċċ ġdid hija irrilevanti, peress li ma hijiex relatata maċ-ċarezza tad-deċiżjoni kkontestata nnifisha. Barra minn hekk, din l-allegazzjoni hija infondata, fin-nuqqas ta’ provi li juru r-realtà tal-approċċ il-ġdid allegat.

236    Deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013 lanqas ma għandha għalfejn tindika għal kemm żmien il-BĊE ser ikun responsabbli għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-entità kkonċernata, peress li, f’konformità mal-Artikolu 47(4) tar-Regolament Nru 468/2014, il-BĊE għandu jadotta deċiżjoni li ttemm is-superviżjoni prudenzjali diretta tiegħu jekk ikun jista’ raġonevolment iqis li din ma għadhiex neċessarja sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin.

237    Fit-tieni lok, u fi kwalunkwe każ, mill-annessi tal-proċess tal-kawża jirriżulta li r-rikorrent ma ngħatax garanziji preċiżi li l-BĊE ma kienx ser jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali diretta tiegħu.

238    F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jagħmel riferiment għar-rakkomandazzjoni tal-ICSID, iżda ma jispjegax kif dawn il-miżuri, li ma joriġinawx mill-BĊE, setgħu jikkostitwixxu garanzija preċiża ta’ dan it-tip.

239    Fir-rigward tal-iskambji tar-rikorrent mal-BĊE, għandu jiġi kkonstatat li mhux biss il-BĊE ma impenjax ruħu, fil-kuntest ta’ dawn l-iskambji, li ma kienx ser jadotta deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013, iżda r-rikorrent stess talab, permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Lulju 2018, li l-BĊE jintervjeni fis-superviżjoni prudenzjali tiegħu.

240    Konsegwentement, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jsostni li l-BĊE kiser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

241    Għaldaqstant, id-disa’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

10.    Fuq lgħaxar motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 19 u talpremessa 75 tar-Regolament Nru 1024/2013 kif ukoll fuq użu ħażin ta’ poter

242    Ir-rikorrent ssostni li l-BĊE kiser l-Artikolu 19 u l-premessa 75 tar-Regolament Nru 1024/2013, li jeżiġu li l-BĊE jwettaq l-obbligi tiegħu indipendentement minn kull influwenza politika, rekwiżit li l-BĊE kisru billi adotta deċiżjoni li tikkostitwixxi qabelxejn reazzjoni għall-ftuħ tal-proċedura ta’ arbitraġġ. Din tal-aħħar tikkostitwixxi użu leġittimu ta’ rimedju legali u forma ta’ soluzzjoni ta’ tilwim kostruttiva iktar milli att ostili. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija motivata mir-rieda li tiġi ppreġudikata l-effettività tal-proċedura ta’ arbitraġġ u, b’mod partikolari, tal-ftehim provviżorju li ntlaħaq fil-kuntest ta’ dik il-proċedura. L-eżistenza ta’ talba preċedenti tal-KSFK intiża sabiex il-BĊE jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni tar-rikorrent, li ma ġietx żvelata, tikkonferma dan. Peress li l-arbitraġġ huwa forma ta’ soluzzjoni ta’ tilwim u, konsegwentement, ta’ kooperazzjoni, hija l-KSFK, u mhux ir-rikorrent, li qiegħda tirrifjuta li tikkoopera.

243    Il-BĊE jikkontesta dawn l-argumenti.

244    Skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilhom minn dan ir-regolament, il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jaġixxu fi ħdan il-MSU għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u l-membri tal-Bord Superviżorju u tal-Kumitat ta’ Tmexxija għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi u la għandhom ifittxu u lanqas għandhom jieħdu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni, jew minn xi gvern ta’ Stat Membru jew minn xi korp pubbliku jew privat ieħor.

245    Il-premessa 75 ta’ dan ir-regolament issemmi li, sabiex ikun jista’ jwettaq il-kompiti superviżorji tiegħu b’mod effikaċi, il-BĊE għandu jkun jista’ jeżerċitahom b’indipendenza sħiħa, b’mod partikolari ħieles minn kull influwenza politika indebita u minn kull interferenza min-naħa tal-industrija li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza operazzjonali tiegħu.

246    Att ikun ivvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konsistenti, li ttieħed esklużivament jew tal-inqas prinċipalment għal finijiet differenti minn dawk li għalihom ingħata l-poter inkwistjoni jew bl-għan li tiġi evitata proċedura speċjali prevista mit-Trattat FUE sabiex jiġu ttrattati ċ-ċirkustanzi tal-każ (sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 75, u tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑620/18, EU:C:2020:1001, punt 82).

247    F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess tal-kawża ma jirriżultax li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata għal finijiet differenti mill-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin fil-konfront tar-rikorrent, f’konformità mal-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013.

248    B’mod partikolari, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata tieħu inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjoni tal-ICSID, mill-annessi tal-proċess tal-kawża ma jirriżultax li din għandha l-għan li timpedixxi lir-rikorrent milli jwettaq proċedura ta’ arbitraġġ kontra r-Repubblika tal-Latvja.

249    Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jallegax li r-rakkomandazzjoni tal-ICSID għandha tiġi interpretata bħala li għandha l-effett utli li tillimita l-eżerċizzju mill-BĊE tas-setgħat tiegħu ta’ superviżjoni prudenzjali fil-konfront tar-rikorrent jew li teżentah mis-superviżjoni prudenzjali ta’ awtorità oħra għajr il-KSFK li għandha s-setgħat superviżorji kollha tiegħu. Kif diġà ġie rrilevat, ir-rikorrent stess kien talab l-intervent tal-BĊE fis-superviżjoni prudenzjali tiegħu permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Lulju 2018.

250    Fir-rigward tal-ewwel talba tal-KSFK intiża sabiex il-BĊE jassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent, tas‑16 ta’ Novembru 2017, għalkemm il-BĊE ma jikkontestax il-fatt li r-rikorrent ma ġiex informat dwarha meta din ġiet indirizzata lill-BĊE, din iċ-ċirkustanza ma tistax, fiha nnifisha, turi li d-deċiżjoni kkontestata kellha għan li ma huwiex prudenzjali. Kif ġie rrilevat fil-punt 121 iktar ’il fuq, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 468/2014 ma tipprevedi li talba ta’ din in-natura tiġi kkomunikata ex officio lill-entità kkonċernata. Barra minn hekk, dik it-talba tinsab fil-proċess tal-kawża u r-rikorrent ngħata l-opportunità li jippreżenta osservazzjonijiet dwar l-imsemmija talba.

251    Għaldaqstant, l-għaxar motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

252    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat.

VI.    Fuq lispejjeż

253    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-BĊE, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      PNB Banka AS għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

Gervasoni

Madise

Nihoul

Frendo

 

      Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’seduta bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑7 ta’ Diċembru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.