Language of document : ECLI:EU:T:2017:59

Kawża T-646/13

Bürgerausschuss für die Bürgerinitiative Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej – Protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali u lingwistiċi u tisħiħ tad-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni – Rifjut ta’ reġistrazzjoni – Nuqqas manifest ta’ setgħat leġiżlattivi tal- Kummissjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 4(2)(b) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-3 ta’ Frar 2017

1.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini – Invokazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ nuqqas manifest ta’ setgħat leġiżlattivi fir-rigward tal-miżuri proposti – Nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-miżuri kkunsidrati li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tagħha u nuqqas ta’ speċifikazzjoni tar-raġunijiet għal din il-konklużjoni – Ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

(L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE u Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nruo211/2011, l-ewwel premessa u Artikolu 4(2)(b) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3))

2.      Ċittadinanza tal-Unjoni – Drittijiet taċ-ċittadin – Preżentazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini – Regolament Nru°211/2011 – Kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni – Informazzjoni li għandha tingħata ma’ proposta –Informazzjoni dwar is-suġġett, l-għanijiet u l-kuntest – Natura fakultattiva –Konsegwenzi tat-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni –Obbligu ta’ eżami mill-Kummissjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 211/2011, Artikolu 4(2) u Anness II)

1.      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, li jgħid li l-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzaturi bir-raġunijiet għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (IĊE), jikkostitwixxi l-espressjoni speċifika tal-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296 TFUE, fil-qasam tal-IĊE. F’dan ir-rigward, peress li l-fatt li proposta ta’ IĊE ma hijiex irreġistrata huwa tali li jaffettwa l-effettività stess tad-dritt taċ-ċittadini li jippreżentaw inizjattiva taċ-ċittadini, stabbilit mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24 TFUE, tali deċiżjoni għandha konsegwentement tindika b’mod ċar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-imsemmi rifjut. Fil-fatt, iċ-ċittadin li jkun ippreżenta proposta ta’ IĊE għandu jitpoġġa f’pożizzjoni li jifhem ir-raġunijiet għalfejn din ma tkunx ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni, b’tali mod li hija r-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar, li quddiemha tressqet tali proposta, li tevalwaha, iżda wkoll li tispeċifika d-diversi raġunijiet tad-deċiżjoni ta’ rifjut fid-dawl tal-impatt tagħha fuq l-eżerċizzju effettiv tad-dritt stabbilit mit-Trattat. Dan jirriżulta min-natura stess ta’ dan id-dritt, li, hekk kif ġie rrilevat fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 211/2011, huwa intiż biex isaħħaħ iċ-ċittadinanza Ewropea u jtejjeb il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni permezz ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni tkun qed tonqos mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta, f’deciżjoni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, la tindika liema miżuri, fost dawk indikati fl-anness ta’ proposta ta’ IĊE, ma jaqgħux taħt il-kompetenza tagħha u lanqas ir-raġunijiet insostenn ta’ din il-konklużjoni. Fil-fatt, b’dan il-mod, l-organizzaturi ma jitqegħdux f’pożizzjoni li jidentifikaw liema mill-proposti fformulati li, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, jaqgħu barra mill-qafas tas-setgħat tagħha, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 4(2)(b), jew li jkunu jafu r-raġunijiet li wasslu għal din l-evalwazzjoni u, għaldaqstant, jiġu preklużi milli jikkontestaw il-fondatezza tal-imsemmija evalwazzjoni, hekk kif il-qorti tal-Unjoni hija prekluża milli teżerċita l-kontroll tagħha fuq il-legalità tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ motivazzjoni kompleta, il-preżentazzjoni ta’ proposta ġdida ta’ IĊE, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ ċerti proposti, tkun serjament kompromessa, bl-istess mod kif ikun serjament kompremess it-twettiq tal-għanijiet, imfakkra fil-premessa 2 tar-Regolament Nru 211/2011, li jikkonsistu fit-tħeġġiġ tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika u fil-fatt li l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli.

(ara l-punti 15, 17, 18, 29, 34)

2.      L-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, intitolat “Informazzjoni meħtieġa għar-registrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini”, li għaliha jagħmel riferiment l-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, igawdi minn saħħa vinkolanti identika għal dik tar-regolament imsemmi. F’dan ir-rigward, l-informazzjoni deskritta fl-imsemmi anness ma hijiex limitata għall-informazzjoni minima li, skont dan l-istess anness, għandha tiġi pprovduta għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-talba. Fil-fatt, id-dritt, irrikonoxxut fl-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011, għall-organizzaturi tal-proposta ta’ inizjattiva sabiex jipprovdu informazzjoni addizzjonali, jew abbozz ta’ att legali tal-Unjoni, għandu bħala korollarju l-obbligu għall-Kummissjoni li teżamina l-imsemmija informazzjoni bl-istess mod bħal kull informazzjoni oħra pprovduta skont l-imsemmi anness, konformement mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa marbut l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni u, għaldaqstant, li timmotiva d-deċiżjoni tagħha, fid-dawl ta’ din l-informazzjoni kollha, b’osservanza tar-rekwiżiti applikabbli u taħt il-kontroll tal-qorti tal-Unjoni.

(ara l-punti 31, 32)