Language of document : ECLI:EU:T:2019:217

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

4 ta’ April 2019 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Każ ‘Eurostat’ – Proċeduri kriminali nazzjonali – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni – Talba għal assistenza – Informatur – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Rikors għad-danni u rikors għal annullament”

Fil-Kawża T‑61/18,

Amador Rodriguez Prieto, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Steinsel (il-Lussemburgu), irrappreżentat minn S. Orlandi, T. Martin, R. García‑Valdecasas y Fernández, avukati,

rikorrent,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Mongin u R. Striani, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, prinċipalment, għall-kumpens għad-danni materjali u morali li r-rikorrent allegatament ġarrab u, sussidjarjament, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑28 ta’ Marzu 2017 li tiċħad talba għal assistenza tar-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, R. Barents u J. Passer (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: R. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, Amador Rodriguez Prieto, kien uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea bejn l‑1987 u l‑2003.

2        Fl‑1 ta’ Marzu 1998, ir-rikorrent inħatar Kap tal-Unità C1 fi ħdan id-Direttorat C “Informazzjoni u Tixrid; Trasport; Kooperazzjoni Teknika mal-Pajjiżi Terzi; Statistika tal-Kummerċ Estern u Intra-Komunitrarju” tal-Eurostat (Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea).

3        Sa mill‑1996, il-Eurostat jiżgura x-xandir lill-pubbliku tad-data statistika miġbura bl-għajnuna tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (OPOCE), li kien stabbilixxa netwerk ta’ punti ta’ bejgħ (iktar ’il quddiem id-“datashops”). Il-kuntratti tripartiti konklużi bejn il-Eurostat, l-OPOCE u d-datashops fl‑1996 kienu jipprevedu sistema ta’ fatturazzjoni kumplessa li tippermetti lill-Eurostat jiġbor sa 55 % tal-prezz ta’ fatturazzjoni tal-imsemmija data mqiegħda fis-suq.

4        Ir-rikorrent kien ġie inkarigat mid-direttur tiegħu, B., japprova l-ispejjeż li jirriżultaw mill-kuntratti tripartiti, konklużi, b’mod partikolari, mal-kumpannija Planistat.

5        Permezz ta’ nota tas‑27 ta’ Ottubru 1998, ir-rikorrent talab it-twettiq ta’ awditu intern fi ħdan il-Eurostat fir-rigward tal-ġestjoni ta’ dawn il-kuntratti. Barra minn hekk, huwa talab li tiġi rtirata s-setgħa tiegħu li jiffirma l-ordnijiet ta’ ħlas tal-ispejjeż, kif fil-fatt sar permezz ta’ nota tas‑27 ta’ Novembru 1998.

6        F’Settembru 1999, l-awditu intern ikkonkluda li kien hemm irregolaritajiet fil-ġestjoni finanzjarja tal-kuntratti tripartiti konklużi mal-kumpanniji Eurocost, Eurogramme, Datashop, Planistat u CESD Communautaire, fatt li kien ippermetta li jinħoloq pakkett finanzjarju mhux suġġett għar-regoli baġitarji tal-Kummissjoni.

7        Fit‑3 ta’ Jannar 2000, ir-rapport tal-awditu intern ġie ppreżentat lid-Direttorat Ġenerali tal-Kontroll Finanzjarju tal-Kummissjoni.

8        Fis‑17 ta’ Marzu 2000 id-Direttorat Ġenerali tal-Kontroll Finanzjarju tal-Kummissjoni ressaq il-każ quddiem l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF). L-OLAF beda diversi investigazzjonijiet dwar, b’mod partikolari, il-kuntratti konklużi mill-Eurostat mal-kumpanniji Eurocost, Eurogramme, Datashop, Planistat u CESD Communautaire, is-sussidji mogħtija lil dawn il-kumpanniji u s-sistema ta’ fatturazzjoni stabbilita.

9        Fid‑19 ta’ Marzu 2003, l-OLAF bagħat il-fajl dwar il-kuntratt konkluż ma’ Planistat lill-procureur de la République de Paris (il-Prosekutur tar-Repubblika ta’ Pariġi, Franza) li, fl‑4 ta’ April 2003, fetaħ investigazzjoni ġudizzjarja għal riċettazzjoni u kompliċità f’miżapproprjazzjoni.

10      Fil‑11 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni ordnat lid-Dipartiment ta’ Awditu intern tagħha jeżamina l-każ u dan ħejja tliet rapporti, jiġifieri żewġ rapporti, iddatati s‑7 ta’ Lulju u l‑24 ta’ Settembru 2003, kif ukoll rapport finali, tat‑22 ta’ Ottubru 2003.

11      Abbażi ta’ rapport tal-OLAF tat‑22 ta’ April 2003, il-Kummissjoni awtorizzat lis-Servizz Ġuridiku tagħha jressaq ilment kontra X, liema lment tressaq fl‑10 ta’ Lulju 2003, quddiem il-Prosekutur tar-Repubblika ta’ Pariġi, fir-rigward ta’ riċettazzjoni u ta’ kompliċità f’miżapproprjazzjoni. Dan l-ilment kien jirrigwarda misapproprjazzjonijiet possibbli ta’ fondi mwettqa minn uffiċjali jew minn membri tal-persunal tal-Unjoni Ewropea li ppreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-investigazzjoni ġudizzjarja mibdija mill-Prosekutur tar-Repubblika ta’ Pariġi ġiet estiża permezz ta’ att ta’ akkuża supplimentari bbażat fuq misapproprjazzjoni tal‑4 ta’ Awwissu 2003.

12      Fil‑11 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrent informa lill-Kummissjoni li huwa kien ġie kkonvokat mill-pulizija Franċiża sabiex jinstema’ bħala xhud fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri kriminali. Għalhekk, huwa talab lill-Awtorità tal-Ħatra tneħħi l-obbligu ta’ diskrezzjoni tiegħu skont l-Artikolu 19 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u sabiex jiġi rrimborsat l-ispejjeż taċ-ċaqliq bejn il-Lussemburgu (il-Lussemburgu) u Pariġi.

13      Fit‑30 ta’ Ġunju 2008, l-Awtorità tal-Ħatra neħħiet l-obbligu ta’ diskrezzjoni tar-rikorrent, iżda ċaħdet it-talba tiegħu għar-rimbors tal-ispejjeż taċ-ċaqliq. L-ilment tal‑21 ta’ Lulju 2008 kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud fl‑20 ta’ Novembru 2008.

14      Fis‑7 ta’ Ottubru 2008, il-pulizija Franċiża semgħet lir-rikorrent.

15      Fit‑22 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrent ressaq l-ewwel talba għal assistenza (irreġistrata taħt in-numru ta’ riferiment D/505/08), ibbażata fuq l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa b’mod partikolari sostna li, billi talab awditu intern f’Ottubru 1998, huwa kien aġixxa bħala informatur u li l-komunità ta’ interessi eżistenti bejnu u l-istituzzjoni kkonċernata kienet timponi li hija tagħtih assistenza. Fil-fehma tiegħu, il-Kummissjoni kellha għalhekk tieħu responsabbiltà għall-ispejjeż tal-avukat li huwa kien sostna meta huwa kien ġie kkonvokat bħala xhud mill-pulizija Franċiża.

16      Din l-ewwel talba għal assistenza ġiet miċħuda fis‑17 ta’ Diċembru 2008. Il-Kummissjoni indikat li hija kienet saret taf li r-rikorrent kien ġie indagat matul is-seduta tas‑7 ta’ Ottubru 2008. Hija qieset li ż-żewġ kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri l-eżistenza ta’ theddid, atti jew kliem ta’ insult, eċċ., kontra l-persuna u l-beni tal-uffiċjali u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dawn il-fatti u l-kwalità ta’ uffiċjal jew id-dmirijiet li kellhom jitwettqu, ma kinux issodisfatti. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma ġietx ikkontestata.

17      Fid‑9 ta’ Settembru 2013, il-qorti istruttorja fi ħdan it-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi, Franza) tat digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward tal-persuni kollha indagati fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, fosthom ir-rikorrent (iktar ’il quddiem id-“digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”).

18      Fis‑17 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni appellat mid-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

19      Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Ġunju 2014, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) ikkonfermat id-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

20      Fis‑27 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni ppreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra s-sentenza tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) tat‑23 ta’ Ġunju 2014 li kienet tikkonferma d-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

21      Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2016, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) ċaħdet l-appell tal-Kummissjoni mis-sentenza tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) tat‑23 ta’ Ġunju 2014 li kienet tikkonferma d-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, u b’hekk temmet il-proċeduri kriminali.

22      Fit‑28 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrent, filwaqt li rrefera, b’mod partikolari, għas-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2016, De Esteban Alonso vs Il‑Kummissjoni (T‑557/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:456, punt 59) u għas-sentenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tal‑15 ta’ Ġunju 2016, ressaq it-tieni talba għal assistenza abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex il-Kummissjoni tieħu responsabbiltà għall-ispejjeż u għall-onorarji tal-avukat li huwa kien sostna għall-finijiet tad-difiża tiegħu quddiem il-qrati Franċiżi. Huwa talab ukoll li jiġi rrikonoxxut fir-rigward tiegħu l-istatus ta’ informatur permezz ta’ nota mdaħħla fil-fajl personali tiegħu sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid l-integrità professjonali tiegħu. Sussidjarjament, huwa talab kumpens għad-dannu li jirriżulta min-nuqqas amministrattiv tal-istituzzjoni, li injorat l-istatus tiegħu ta’ informatur u rrifjutat li tagħtih il-protezzjoni tagħha.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Marzu 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Awtorità tal-Ħatra ddikjarat it-tieni talba għal assistenza inammissibbli għar-raġuni prinċipali li r-rikorrent ma kien iġġustifika l-eżistenza ta’ ebda fatt ġdid wara d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ewwel talba għal assistenza tas‑17 ta’ Diċembru 2008. Barra minn hekk, hija qieset li t-tieni talba għal assistenza ma kinitx fondata, l-istess bħat-talba għal kumpens.

24      Permezz ta’ ittra tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ April 2017, bin-numru ta’ riferiment CMS 16/056, ir-rikorrent ġie informat dwar l-eżistenza ta’ “fajl” dixxiplinari miftuħ fir-rigward tiegħu fil-kuntest tal-każ Eurostat u dwar id-deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward ta’ dan il-fajl, skont il-kliem użat mill-Kummissjoni.

25      Fit‑28 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrent ressaq ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel kontra d-deċiżjoni kkontestata.

26      Fit‑30 ta’ Ottubru 2017, dan l-ilment ġie miċħud.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

27      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Frar 2018, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

28      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrent indika li kien qiegħed jirrinunzja milli jippreżenta replika.

29      Ir-rikorrent jitlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tikkundanna lill-Kummissjoni tħallsu EUR 68 831 bħala dannu materjali u EUR 100 000 bħala dannu morali;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

31      Insostenn tar-rikors tiegħu, l-ewwel nett, ir-rikorrent isostni li t-talba għal assistenza tiegħu skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal kienet ammissibbli u li r-rikors għal annullament tiegħu kontra ċ-ċaħda ta’ din it-talba huwa għaldaqstant ukoll ammissibbli. Sussegwentement, prinċipalment, huwa jinvoka r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba li l-Kummissjoni allegatament injorat l-istatus tiegħu ta’ informatur u, sussidjarjament, jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal assistenza u dik tar-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

32      Fir-rikors, ir-rikorrent jikkontesta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, espressa fid-deċiżjoni kkontestata, li abbażi tagħha t-tieni talba għal assistenza kienet inammissibbli.

33      Skont ir-rikorrent, għalkemm huwa minnu li l-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex obbligata tassisti uffiċjal issuspettat li naqas milli jwettaq l-obbligi professjonali tiegħu, il-kostituzzjoni parti ċivili tal-Kummissjoni ċertament ma impedixxietx li hija tkun tista’ sussegwentement tagħtih l-assistenza tagħha. F’dan il-każ, l-Awtorità tal-Ħatra kellha għad-dispożizzjoni tagħha elementi li jistabbilixxu l-azzjoni tiegħu bħala informatur.

34      Ir-rikorrent isostni li l-fatt li d-dannu fir-rigward tiegħu jirriżulta minn aġir tal-awtoritajiet Franċiżi ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa jsostni li bbaża ruħu fuq il-kwalità tiegħu ta’ informatur sabiex juri l-illegalità tal-fatt li huwa ġie indagat u tat-tkomplija tal-proċeduri kriminali kontrih.

35      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li huwa dejjem ikkontesta li pparteċipa konxjament f’sistema ta’ ġestjoni li tikser ir-regoli baġitarji, fatt muri mit-talba tiegħu li tiġi rtirata s-setgħa tiegħu li jiffirma l-ordnijiet ta’ ħlas tal-ispejjeż.  Fil-fehma tiegħu, dawn iċ-ċirkustanzi kellhom iwasslu lill-Awtorità tal-Ħatra tqis li hija ma kellhiex interess kuntrarju għal tiegħu u li l-każ tiegħu kien jistħoqqlu li jiġi distint minn dak tal-uffiċjali l-oħra involuti, b’mod partikolari fit-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tad-difiża tiegħu quddiem il-qrati Franċiżi.

36      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata hija inammissibbli minħabba li t-tieni talba għal assistenza kienet hija stess inammissibbli, peress li, minn naħa, ir-rikorrent sempliċement tenna talba għal assistenza preċedenti mingħajr ma jistabbilixxi fatti ġodda u, min-naħa l-oħra, huwa kien ressaq din it-talba ġdida għal assistenza mingħajr ma eżawrixxa r-rimedji ġudizzjarji nazzjonali.

37      Fir-rigward, minn naħa, tal-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-inammissibbiltà tat-tieni talba għal assistenza minħabba li r-rikorrent ma kienx invoka fatti ġodda, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija talba għal assistenza (ara l-punt 22 iktar ’il fuq) tinkludi fatt ġdid meta mqabbla mal-ewwel talba għal assistenza (ara l-punt 15 iktar ’il fuq), imressqa ftit wara li l-qorti istruttorja fi ħdan it-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi) indagat lir-rikorrent.

38      Dan il-fatt ġdid huwa relatat mad-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, adottat fid‑9 ta’ Diċembru 2013 mill-qorti istruttorja u, sussegwentement għar-rikorsi tal-Kummissjoni, ikkonfermat darbtejn, fosthom fl-aħħar lok b’mod definittiv fil‑15 ta’ Ġunju 2016 mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni).

39      Id-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni u sussegwentement il-konferma tiegħu fl-appell u ċ-ċaħda tal-appell ta’ kassazzjoni, li permezz tagħhom il-Kummissjoni kienet ikkontradetta fir-rigward tal-konvinzjoni tagħha, murija fin-noti tagħha ppreżentati fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell u tal-appell ta’ kassazzjoni, li r-rikorrent kien wettaq reat kriminali, jikkostitwixxu, flimkien, fatt ġdid.

40      Ċertament, fid-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, il-qorti istruttorja Franċiża rrilevat “li l-mekkaniżmu li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-[kuntratti] tripartiti konkluż[i] taħt l-awspiċi tal-Eurostat [kien] kiser l-Artikolu 4.1 tar-Regolament Finanzjarju” tal‑21 ta’ Diċembru 1977, applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 1977, L 356, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), u, fis-sentenza tagħha tat‑23 ta’ Ġunju 2014, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) iddeċidiet “li r-regoli dwar l-użu mill-ġdid kif previsti mir-Regolament Finanzjarju [kienu] ġew miksura”.

41      Madankollu, dawn il-konstatazzjonijiet saru b’mod impersonali, mingħajr l-ebda indikazzjoni tar-rikorrent.

42      Barra minn hekk, fl-istess żmien, il-qorti kriminali Franċiża kkonstatat l-assenza ta’ intenzjoni frawdolenti kif ukoll ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi u wettqet ċertu numru ta’ affermazzjonijiet li skonthom, l-ewwel nett, is-sistema ta’ datashops, għalkemm mhux konformi mar-Regolament Finanzjarju, kienet skont il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea “neċessità minhabba n-nuqqas ta’ adegwatezza ta’ dan ir-regolament” u s-“sempliċi riproduzzjoni ta’ sistema diġà użata b’mod legali mill-OPOCE”, it-tieni nett, “il-proċeduri Komunitarji eżistenti ma kinux jippermettu li tiġi żgurata, f’kuntest flessibbli u funzjonali, il-kummerċalizzazzjoni tad-data prodotta mill-Eurostat, u[,f]l-assenza ta’ proċedura adatta, [kien] neċessarju li jinsabu soluzzjonijiet li jippermettu lill-Eurostat twettaq il-missjoni tagħha” u, it-tielet nett, “il-kontroll finanzjarju, li oriġinarjament kien ġie assoċjat mal-ħolqien tan-netwerk tad-datashops u li ma kienx favorevoli għall-ħolqien tiegħu mas-sistema ta’ ftehimiet tripartiti, [kien] fil-realtà kompletament diżinteressat fil-modalitajiet tal-funzjonament tiegħu, fatt li [kien] ħalla lill-persuni responabbli tal-Eurostat fil-pożizzjoni li huma kellhom u setgħu jaġixxu ‘fl-aħjar mod’ [u] dan meta l-istrateġija tal-Kummissjoni kienet li żżid l-offerta ta’ statistika minħabba talba kbira f’dan ir-rigward” (digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, sentenza tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) tat‑23 ta’ Ġunju 2014).

43      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent invoka b’mod korrett, filwaqt li rrefera għad-deċiżjonijiet kriminali Franċiżi, fatt ġdid.

44      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-inammissibbiltà tat-tieni talba għal assistenza minħabba l-assenza ta’ eżawriment mir-rikorrent tar-rimedji ġudizzjarji nazzjonali, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar l-assistenza, huwa applikabbli f’dan il-każ u li, għaldaqstant, ir-responsabbiltà mingħajr nuqqas tal-amministrazzjonji taħt din id-dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal hija suġġetta għall-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji nazzjonali kontra t-terz awtur tad-dannu.

45      Issa, kif ser jiġi espost fil-punti 46 sa 59 iktar ’il quddiem, din il-premessa hija żbaljata.

46      L-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“L-Unjoni għandha tassisti kull uffiċjal, partikolarment fi proċeduri kontra kull persuna li tagħmel theddid, atti jew kliem ta’ insult jew defamatorji, jew kull attakk fuq persuna jew proprjeta’ li għalihom huwa jew membru mill-familja tiegħu huwa suġġett minħabba l-posizzjoni jew id-dmirijiet tiegħu..

Huma għandhom jikkumpensaw in solidum l-uffiċjal għall-ħsara li sofra fit-tali każijiet, sakemm l-uffiċjal ma kkawżax il-ħsara intenzjonalment jew b’negliġenza gravi u ma kienx kapaċi jikseb kumpens mill-persuna li kkważata.”

47      Skont il-ġurisprudenza, l-għan tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa li jagħti lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal sigurtà għall-preżent u għall-futur, bil-għan li huma jkunu jistgħu, fl-interess ġenerali tas-servizz, jaqdu aħjar id-dmirijiet tagħhom (sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 1986, Sommerlatte vs Il‑Kummissjoni, 229/84, EU:C:1986:241, punt 19; tas‑27 ta’ Ġunju 2000, K vs Il‑Kummissjoni, T‑67/99, EU:T:2000:169, punt 35, u tal‑20 ta’ Lulju 2011, Gozi vs Il‑Kummissjoni, F‑116/10, EU:F:2011:124, punt 12). Id-dmir ta’ assistenza ta’ istituzzjoni huwa għaldaqstant intiż kemm għall-protezzjoni tal-persunal tagħha kif ukoll għall-protezzjoni tal-interessi tagħha stess u għalhekk huwa bbażat fuq il-premessa ta’ komunità ta’ interessi. Għalhekk, ġie deċiż li l-amministrazzjoni ma tistax tkun obbligata tassisti uffiċjal issuspettat li serjament naqas milli jwettaq l-obbligi professjonali tiegħu u suġġett f’dan ir-rigward għal proċeduri dixxiplinari (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2010, Wenig vs Il‑Kummissjoni, F‑75/09, EU:F:2010:150, punt 49).

48      B’mod saħansitra iktar preċiż u skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ assistenza stabbilit fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intiż għad-difiża tal-uffiċjali, mill-istituzzjoni tagħhom, kontra l-aġir ta’ terzi, u mhux kontra l-atti li joriġinaw mill-istituzzjoni stess, li l-kontroll tagħhom jaqa’ taħt dispożizzjonijiet oħra tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2016, De Esteban Alonso vs Il‑Kummissjoni, T‑557/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:456, punt 45, u tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il‑Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punt 111; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, Il‑Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P, EU:T:2011:347, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’dan il-każ, ir-rikorrent kien ġie indagat fis‑7 ta’ Ottubru 2008 mill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi. Dan seħħ wara l-ftuħ ta’ investigazzjoni ġudizzjarja fl‑4 ta’ April 2003 minn dawn l-awtoritajiet ġudizzjarji, abbażi ta’ informazzjoni li ġiet trażmessa lilhom mill-OLAF fid‑19 ta’ Marzu 2003, u wara ilment kontra X imressaq mill-Kummissjoni fl‑10 ta’ Lulju 2003.

50      Wara d-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, mogħti favur il-persuni kollha indagati, fosthom ir-rikorrent, il-proċeduri kriminali Franċiżi tkomplew, minħabba appell tal-Kummissjoni minn dan id-digriet, li ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) tat‑23 ta’ Ġunju 2014 li kienet tikkonferma dan id-digriet, u appell tal-Kummissjoni minn din is-sentenza, li ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tal‑15 ta’ Ġunju 2016.

51      Għandu jiġi osservat li, hekk kif il-Qorti Ġenerali diġà kkonstatat fir-rigward ta’ F. De Esteban Alonso fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2016, De Esteban Alonso vs Il‑Kummissjoni (T-557/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:456, punt 49), l-atti mwettqa mill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, b’mod partikolari l-fatt li r-rikorrent ġie indagat, ma jikkostitwixxux aġir imsemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Mhux biss dawn l-atti jaqgħu taħt l-iżvolġiment normali tal-proċeduri kriminali inkwistjoni, iżda wkoll ir-rikorrent fl-ebda mument ma jallega serjament li dawn ikkostitwixxew attakki illegali mwettqa fir-rigward tiegħu minn dawn l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi u setgħu, minħabba dan il-fatt, jiġġustifikaw assistenza mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

52      Issa, hekk kif essenzjalment jirriżulta mill-ġurisprudenza, għalkemm l-obbligu ta’ assistenza previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi garanzija li tirriżulta mir-Regolamenti tal-Persunal essenzjali għall-uffiċjal u ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-illegalità tal-aġir li minħabba fih l-uffiċjal talab l-assistenza tkun stabbilita minn qabel, huwa madankollu meħtieġ li huwa jipproduċi provi li juru, prima facie, li dan l-aġir jikkonċernah minħabba l-kwalità tiegħu u d-dmirijiet tiegħu u huwa illegali fid-dawl tal-liġi nazzjonali applikabbli (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2010, Wenig vs Il‑Kummissjoni, F‑75/09, EU:F:2010:150, punt 48).

53      Dan ma huwiex il-każ f’dan il-każ, peress li r-rikorrent ma jallegax serjament li l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi aġixxew b’mod illegali fir-rigward tiegħu u ma jipproduċi ebda prova f’dan is-sens.

54      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-verità, ir-rikorrent qed jitlob l-assistenza tal-Kummissjoni mhux kontra l-aġir ta’ terzi, iżda kontra l-atti stess ta’ din l-istituzzjoni, atti li taw lok għall-proċeduri kriminali mibdija kontrih u, fuq kollox, li permezz tagħhom il-proċeduri kriminali estendew sas-sentenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tal‑15 ta’ Ġunju 2016.

55      Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li huma l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi li indagaw lir-rikorrent, xorta jibqa’ l-fatt li hija l-Kummissjoni li, permezz tal-informazzjoni li hija pprovditilhom u permezz tat-tressiq ta’ lment, tat lok għall-proċeduri kriminali. Barra minn hekk u fuq kollox, hija l-Kummissjoni li kkawżat it-tkomplija ta’ dawn il-proċeduri kriminali wara d-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

56      Fir-rikors, ir-rikorrent iqis fil-fatt li, “filwaqt li jista’ jidher neċessarju għall-Kummissjoni tikkostitwixxi ruħha parti ċivili sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, xejn ma kien madankollu jiġġustifika li l-proċeduri kriminali jitkomplew kontri[h] sa fejn il-Kummissjoni kienet taf li huwa ma setax jiġi akkużat li konxjament ipparteċipa fis-sistema illegali ta’ ġestjoni tad-datashops stabbilita mis-superjuri diretti tiegħu”.

57      Mill-konstatazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li l-atti li fir-rigward tagħhom ir-rikorrent jitlob l-assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal ma humiex dawk tal-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi (atti li l-legalità tagħhom ma hijiex barra minn hekk serjament ikkontestata, ara l-punti 51 sa 53 iktar ’il fuq), iżda dawk tal-Kummissjoni stess, din id-dispożizzjoni, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 48 iktar ’il fuq, ma hijiex applikabbli f’dan il-każ.

58      Sussegwentement, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-inammissibbiltà tat-tieni talba għal assistenza minħabba l-assenza ta’ eżawriment mir-rikorrent tar-rimedji ġudizzjarji nazzjonali ma jistax jiġi milqugħ.

59      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti tal-Kummissjoni insostenn tal-inammissibbiltà tar-rikors għal annullament, ibbażati fuq l-assenza ta’ fatti ġodda u fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-mertu

60      Sussidjarjament għat-talba għal assistenza tiegħu u fil-każ li din tiġi miċħuda, ir-rikorrent sostna, fit-talba tiegħu u fl-ilment amministrattiv tiegħu li għandu jitressaq qabel, li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta injorat il-fatt li huwa kien aġixxa bħala informatur. Ir-rikorrent invoka, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-Kummissjoni kienet saret taf dwar ir-rwol tiegħu fil-kxif tal-fatti l-iktar tard fil-mument tat-tħejjija tar-rapport finali tad-Dipartiment ta’ Awditu intern tagħha fl‑2003. Huwa osserva li, kieku kien is-suġġett ta’ proċedura dixxiplinari, huwa kien jibbenefika mill-Artikolu 21 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar it-teħid ta’ responsabbiltà mill-istituzzjoni għall-ispejjeż tad-difiża tal-uffiċjal mhux ippenalizzat fit-tmiem proċedura dixxiplinari.

61      Ir-rikorrent ikkontesta li intenzjonalment ipparteċipa fis-sistema ta’ ġestjoni problematika. Huwa kien malajr esprima d-dubji tiegħu fir-rigward ta’ din is-sistema. Huwa ma kienx jaf li l-kontroll finanzjarju ma kienx involut fl-implimentazzjoni tan-netwerk tad-datashops. Huwa kien talab awditu intern u talab li tiġi rtirata s-setgħa tiegħu ta’ ffirmar. Huwa kien ġie ingannat f’dan il-każ. Barra minn hekk, kien biss fl‑10 ta’ April 2017 li huwa kien sar jaf dwar l-eżistenza ta’ proċedura dixxiplinari mibdija kontrih.

62      Ir-rikorrent għalhekk qies li l-Kummissjoni kienet kisret l-obbligu ta’ protezzjoni tal-informaturi, nuqqas li kien ġie aggravat bil-kostituzzjoni parti ċivili, bl-appell mid-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, u sussegwentement bl-appell ta’ kassazzjoni mis-sentenza tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) tat‑23 ta’ Ġunju 2014 li kienet tikkonferma dan id-digriet, li jikkostitwixxu diversi akkużi inġusti kontrih li pparteċipa konxjament f’sistema li tikser ir-Regolament Finanzjarju.

63      Ir-rikorrent b’hekk qies li d-dannu li huwa ssubixxa kien jikkonsisti, minn naħa, fid-dannu materjali kkostitwit mill-ispejjeż tad-difiża sostnuti fil-kuntest tal-proċeduri kriminali Franċiżi, ta’ ammont ta’ EUR 68 331, u, min-naħa l-oħra, fid-dannu morali kkostitwit mis-sentiment ta’ inġustizzja li jirriżulta mill-fatt li huwa kien ġie suġġett għal proċeduri kriminali għal fatti li huwa kien ikkontribwixxa sabiex jinkixfu, ta’ ammont ta’ EUR 90 000. Huwa talab ukoll lill-Kummissjoni sabiex fil-fajl personali tiegħu tiġi inkluża nota li tirrikonoxxi l-istatus tiegħu ta’ informatur fil-każ Eurostat, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid l-integrità professjonali tiegħu.

64      Fir-rikors, ir-rikorrent essenzjalment isostni l-pożizzjoni tiegħu. In-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-kwalità tiegħu ta’ informatur kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-dmir ta’ premura. Il-fatt li din id-dispożizzjoni ġiet inkorporata fir-Regolamenti tal-Persunal biss fl‑2004 ma pprekludiex lill-Kummissjoni tirrikonoxxi, fl-2016, ir-rwol ta’ informatur li kellu dak iż-żmien skont l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 11 u 12 tar-Regolamenti tal-Persunal. Id-dmir ta’ premura kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kienu jeħtieġu li l-Kummissjoni tiddistingwi l-każ tiegħu minn dak tal-persuni l-oħra involuti fil-każ Eurostat.

65      Madankollu, ir-rikorrent jinnota li l-Kummissjoni, mgħarrfa l-iktar tard fit‑22 ta’ Ottubru 2003 dwar ir-rwol li huwa kellu, baqgħet ma indikatx dan ir-rwol lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi u inġustament tawwlet il-proċeduri kriminali mibdija kontrih filwaqt li hija ma setgħetx tinjora l-fatt li huwa ma kienx konxjament ipparteċipa fis-sistema tad-datashops. Fil-fehma tiegħu, il-fatt li l-Kummissjoni ma pproteġitux minn kull dannu subit minħabba s-sempliċi fatt li huwa kien kap ta’ unità fil-mument li fih ġie żvelat il-każ Eurostat jikkostitwixxi nuqqas amministrattiv. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-proċedura dixxiplinari mibdija kontrih mill-Kummissjoni, huwa jirrileva li r-raġunijiet invokati mill-Kummissjoni sabiex din tingħalaq ma jwasslux sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid l-integrità professjonali tiegħu, iżda jkomplu jħallu d-dubju fir-rigward tal-mod li huwa kien wettaq id-dmirijiet tiegħu.

66      Fir-rigward tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrent isostni li huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni tallega li għad għandha, anki wara s-sentenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tal‑15 ta’ Ġunju 2016, interess kuntrarju għal dak tiegħu li jipprekludi kwalunkwe possibbiltà ta’ assistenza.

67      Il-Kummissjoni tikkontesta l-pożizzjoni tar-rikorrent. L-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal ġie inkluż fir-Regolament tal-Persunal fl‑1 ta’ Mejju 2004. Ir-rikorrent ma jistax jilmenta li l-Kummissjoni ma tatux status li ma kienx jeżisti fid-data tad-nota li permezz tagħha intalab awditu. Fuq l-allegat ksur tad-dmir ta’ premura, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan id-dmir ma jippermettix li jingħataw vantaġġi li r-Regolamenti tal-Persunal ma joffrux. Fuq l-allegata aggravazzjoni tad-dannu permezz tal-eżerċizzju tar-rimedji ġudizzjarji, il-Kummissjoni sempliċement eżerċitat dritt. Dwar l-allegat nuqqas li jikkonsisti fil-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari, huwa paċifiku li l-proċedura dixxiplinari ma tat lok għal ebda att fir-rigward tar-rikorrent, fatt li jispjega għaliex huwa ma ġiex innotifikat biha. Il-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari purament formali li qatt ma saret pubblika u li ma wasslet għal ebda att ta’ investigazzjoni ta’ ebda tip ma setax ikkawża dannu lir-rikorrent.

68      Fir-rigward tal-ksur allegat tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kummissjoni tfakkar il-pożizzjoni tagħha dwar l-inammissibbiltà tat-tieni talba għal assistenza abbażi ta’ din id-dispożizzjoni u ssostni li, fi kwalunkwe każ, din it-talba hija infondata minħabba l-fatt li din tirrigwarda r-rimbors ta’ spejjeż li r-rikorrent kien obbligat isostni sabiex jiddefendi l-innoċenza tiegħu f’sitwazzjoni fejn l-interessi tal-Kummissjoni u dawk tal-persuna kkonċernata qatt ma waqfu milli jkunu antagonisti, u mhux ir-rimbors ta’ spejjeż sostnuti mir-rikorrent sabiex jiddefendi ruħu minn attakki ta’ terzi jew minn illegalitajiet imwettqa minn terzi.

 Fuq it-talbiet għal kumpens

69      L-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“1. Kull uffiċjal li matul jew f’konnessjoni mal-qadi ta’ dmirijietu, isir jaf b’xi fatti li joħolqu supposizzjoni għall-eżistenza ta’ attività possibbilment illegali, inklużi frodi jew korruzzjoni, li hija detrimentali għall-interessi tal-Unjoni, jew ta’ kondott relatata mat-twettiq tad-dmirijiet professjonali li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas serju biex iħarsu l-obbligi ta’ l-uffiċjali tal-Unjoni, għandhu mingħajr dewmien javża jew lis-superjur ta’ fuqu eżatt jew id-Direttur Ġenerali tiegħu jew, jekk jaħseb li tkun utli, lis-Segretarju Ġenerali, jew il-persuni fil-posizzjonijiet ekwivalenti, jew dirett lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi.”

[…]

3. Uffiċjal m’għandux isofri minn xi effetti ta’ preġudizzju min-naħa ta’ l-istituzzjoni, bħala riżultat talli kkomunika l-informazzjoni riferuta fil-paragrafi 1 u 2, sakemm aġixxa raġonevoli u bl-onestà.”

70      L-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, li introduċa, fir-rigward tal-uffiċjali kollha, obbligu ta’ informazzjoni dwar il-fatti li jistgħu jippermettu li tiġi preżunta attività illegali jew li jiġi preżunt nuqqas serju ta’ twettiq tal-obbligi tal-uffiċjali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2014, Bermejo Garde vs KESE, T‑530/12 P, EU:T:2014:860, punti 103 sa 106), daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Mejju 2004.

71      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li kull uffiċjal li, diġà qabel l‑1 ta’ Mejju 2004, kien ħa l-inizjattiva li javża lis-superjuri diretti tiegħu dwar l-eżistenza ta’ illegalitajiet jew ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Persunal li huwa kien jaf dwarhom u li jistgħu jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, diġà kellu d-dritt jibbenefika mill-protezzjoni tal-istituzzjoni li magħha huwa kien impjegat kontra kwalunkwe att ta’ ritaljazzjoni minħabba dan l-iżvelar kif ukoll li ma jiġix ippenalizzat minn din l-istituzzjoni bil-kundizzjoni li huwa jkun aġixxa in bona fide.

72      Madankollu għandu jingħad ukoll li, għalkemm din il-protezzjoni dovuta lill-uffiċjal tipproteġih milli jiġi ppenalizzat mill-istituzzjoni, din ma tistax tkun intiża li tipproteġih kontra investigazzjonijiet intiżi sabiex jiġi stabbilit jekk, u sa fejn, huwa stess kien involut fl-irregolaritajiet irrapportati minnu. L-iktar l-iktar, l-inizjattiva meħuda mill-uffiċjal li jindika tali irregolaritajiet tista’, jekk dawn l-investigazzjonijiet jikkonfermaw l-involviment tiegħu fil-fatti rrapportati, tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti fil-kuntest ta’ eventwali proċeduri ta’ sanzjoni mibdija mill-istituzzjoni wara dawn l-investigazzjonijiet, hekk kif barra minn hekk huwa indikat fil-Komunikazzjoni tal-Viċi-President Šefčovič lill-Kummissjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2012, SEC (12012) 679 finali, dwar il-linji gwida relatati mal-għoti ta’ informazzjoni fil-każ ta’ irregolaritajiet serji (whistleblowing), (punt 3, in fine).

73      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kwalità ta’ informatur invokata mir-rikorrent ma kinitx, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li tipproteġih kontra proċeduri intiżi li jiddeterminaw l-involviment possibbli tiegħu fil-fatti rrapportati.

74      Il-kwistjoni li tqum f’dan il-każ għalhekk ma hijiex tant dik dwar jekk ir-rikorrent kellux jibbenefika mill-kwalità ta’ informatur jew le iżda dik dwar jekk, fid-dawl tal-fatti partikolari tal-każ, il-Kummissjoni wettqitx illegalitajiet billi kompliet il-proċeduri kriminali wara d-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

75      Fir-rigward tat-tkomplija tal-proċeduri kriminali wara d-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni permezz tal-appell minn dan id-drigriet u sussegwentement permezz tal-appell ta’ kassazzjoni kontra s-sentenza tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) tat‑23 ta’ Ġunju 2014 li tikkonferma dan id-digriet, għandu jitfakkar li l-fatt li wieħed jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu permezz ta’ azzjoni legali u l-istħarriġ ġudizzjarju li din tinvolvi huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt li fuqu huma bbażati tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie wkoll stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, EU:C:1986:206, punti 17 u 18, u tas‑17 ta’ Lulju 1998, ITT Promedia vs Il‑Kummissjoni, T‑111/96, EU:T:1998:183, punt 60), u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Peress li l-aċċess għal qorti huwa dritt fundamentali u prinċipju ġenerali li jiggarantixxi r-rispett tad-dritt, huwa biss f’ċirkustanzi għal kollox eċċezzjonali li l-fatt, għal istituzzjoni, li tibda azzjoni legali jista’ jikkostitwixxi nuqqas amministrattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 1999, Frederiksen vs Il‑Parlament, T‑48/97, EU:T:1999:175, punt 97).

76      F’dan il-każ, għandu jitqies li, irrispettivament mill-kliem tad-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni u tas-sentenza tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) tat‑23 ta’ Ġunju 2014 li tikkonferma dan id-digriet, li fihom il-qorti kriminali Franċiża qieset, essenzjalment, li l-irregolaritajiet ikkonstatati kienu dovuti iktar għall-inadegwatezza tal-kuntest regolatorju stabbilit mill-Unjoni milli għall-uffiċjali indagati, li kienu biss fittxew soluzzjonijiet fl-interess tal-Eurostat u f’dan il-kuntest regolatorju inadegwat, iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ ma jidhrux eċċezzjonali sal-punt li jwassal għall-konklużjoni li l-appell minn dan id-digriet u l-appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza jikkostitwixxu nuqqasijiet amministrattivi tal-Kummissjoni. Minn dan jirriżulta li r-rikorrent ma jidhirx li huwa fondat jitlob kumpens għad-danni morali u materjali kkawżati mill-fatt li huwa kien suġġett għal proċeduri kriminali bejn l‑2003 u l‑2016.

 Fuq it-talbiet għal annullament

77      Fir-rigward tar-rifjut tal-Kummissjoni, ladarba r-rikorrent ġie skaġunat kriminalment permezz tas-sentenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tal‑15 ta’ Ġunju 2016, li tieħu responsabbiltà għall-ispejjeż ta’ difiża sostnuti minnu fil-kuntest tal-proċeduri kriminali nazzjonali, għandu jiġi rrilevat li r-raġunijiet għal dan ir-rifjut, hekk kif espressi mill-Kummissjoni fiċ-ċaħda tagħha tat-talba u sussegwentement f’dik tal-ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel, għalkemm ma jindirizzawx b’mod ċar ċertu tħassib tar-rikorrent fil-proċedura amministrattiva, jippermettu xorta waħda li tinftiehem ir-raġuni vera li għaliha l-Kummissjoni ċaħdet it-tieni talba għal assistenza.

78      Fir-rigward tat-tħassib tar-rikorrent, jidher li, permezz tar-riferimenti tiegħu għall-Artikoli 22a u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li fir-rigward tagħhom ġie kkonstatat li, it-tieni ma kienx applikabbli f’dan il-każ (ara l-punt 57 iktar ’il fuq) u, l-ewwel ma kienx adatt sabiex jipproteġi lir-rikorrent kontra eventwali proċeduri kriminali jew dixxiplinari (ara l‑punt 73 iktar ’il fuq), ir-rikorrent kien essenzjalment sostna li huwa ma kienx ħati fil-każ Eurostat.

79      Għalhekk, sa mill-bidu tal-proċedura amministrattiva, ir-rikorrent sostna li s-sistema tad-datashops kienet ġiet ippreżentata lilu b’mod konvinċenti bħala regolari u valida, li huwa kien in bona fide, li qatt ma kien ipparteċipa konxjament fil-mekkaniżmu kontenzjuż, li kien malajr ipprovda informazzjoni u li, fl-aħħar nett, huwa kien ġie ingannat. Huwa minħabba din il-konvinzjoni, sostnuta mid-deċiżjonijiet kriminali favorevoli Franċiżi, li huwa talab lill-Kummissjoni tieħu responsabbiltà għall-ispejjeż tad-difiża tiegħu sostnuti fil-kuntest tal-proċeduri kriminali nazzjonali kif ukoll għad-dannu morali li jirriżulta mis-sentiment ta’ inġustizzja marbut mal-assenza ta’ protezzjoni tal-Kummissjoni minkejja l-fatt li huwa kien aġixxa bħala informatur fil-każ Eurostat. Huwa wkoll għal din ir-raġuni li huwa kien talab l-inklużjoni fil-fajl tiegħu ta’ nota li tirrikonoxxi r-rwol tiegħu ta’ informatur, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid l-integrità professjonali tiegħu.

80      Wara li kien ġie skaġunat fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, ir-rikorrent kien irrimarka barra minn hekk, fit-tieni talba għal assistenza, u sussegwentement fl-ilment amministrattiv tiegħu li għandu jitressaq qabel, li eżitu komparabbli fi proċedura dixxiplinari kien jippermettilu t-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tad-difiża tiegħu b’applikazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal.

81      Issa, il-Kummissjoni, fiċ-ċaħdiet tagħha tat-talba u sussegwentement tal-ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel, ma weġbitx b’mod ċar għal dan it-tħassib tar-rikorrent. Hija kkonfutat, għal raġunijiet tekniċi, l-affermazzjonijiet tar-rikorrent dwar l-Artikoli 22a u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

82      Il-Kummissjoni għamlet, madankollu, affermazzjonijiet li juru li r-rifjut tagħha fil-proċedura amministrattiva li tiegħu responsabbiltà għall-ispejjeż tar-rikorrent kien jirriżulta, fl-aħħar mill-aħħar, mhux tant minn inapplikabbiltà teknika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal iżda, b’mod iktar fundamentali, mill-opinjoni li r-rikorrent kien ħati ta’ ksur tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Persunal.

83      Huwa għalhekk li l-Kummissjoni insistiet, b’tipa grassa, f’żewġ okkażjonijiet, fiċ-ċaħda tat-talba u sussegwentement f’dik tal-ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel, fuq il-fatt li, fis-sentenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tal‑15 ta’ Ġunju 2016, l-imsemmija qorti kienet ikkonfermat l-eżistenza ta’ “ksur tar-regoli baġitarji Ewropej” u kienet irrilevat li ma kienx hemm akkużi “suffiċjenti” sabiex il-persuni indagati jitressqu quddiem il-qorti li tagħti deċiżjoni fuq il-mertu.

84      Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet, fiċ-ċaħda tal-ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel, evalwazzjonijiet li abbażi tagħhom “[hija] kien kellha, matul il-proċeduri kriminali[,] interess kuntrarju għal dak tar-[rikorrent], bil-konsegwenza li 1-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal ma setax, anki fil-każ ta’ sentenza [li kienet tikkonferma d-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni], jikkostitwixxi l-bażi għal talba għal assistenza sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu subit minħabba jew fl-okkażjoni ta’ dawn il-proċeduri”

85      Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa effettivament eżatt, u barra minn hekk evidenti, li l-interess tal-Kummissjoni kien kuntrarju għal dak tar-rikorrent matul il-proċeduri kriminali, din il-kuntrarjetà ta’ interessi setgħet loġikament tissussisti, wara s-sentenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) li kienet tikkonferma d-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, biss jekk il-Kummissjoni kienet tibqa’ tal-opinjoni li r-rikorrent kien, minkejja l-fatt li kien ġie skaġunat kriminalment, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Persunal.

86      Ir-realtà ta’ din is-sussistenza, anki wara s-sentenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tal‑15 ta’ Ġunju 2016, ta’ tali opinjoni inkriminanti tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rikorrent, hija barra minn hekk ikkonfermata fir-risposta.

87      B’hekk, fir-risposta, il-Kummissjoni ssostni li “ċ-ċirkustanzi li fihom ġie adottat id-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni (dan id-digriet jirriżerva l-possibbiltà ta’ manipulazzjoni finanzjarja) u d-deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tal-proċedura dixxiplinari ma neħħewx l-antagoniżmu ta’ interessi bejn il-partijiet u kienu jiġġustifikaw li [hija] ma tbiddilx id-deċiżjoni tagħha li ma tagħtix assistenza”.

88      Fl-aħħar nett, jidher għalhekk li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiħux responsabbiltà għall-ispejjeż tad-difiża tar-rikorrent sostnuti fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali ma tirriżultax tant minn inapplikabbiltà teknika tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni tissuġġerixxi barra minn hekk li din ma kinitx ikkostitwixxiet ostakolu insuperabbli għat-teħid ta’ responsabbiltà għall-imsemmija spejjeż, iżda mis-sussistenza ta’ “antagoniżmu ta’ interessi”, għalhekk mill-opinjoni persistenti tal-Kummissjoni li r-rikorrent kien kiser l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Persunal.

89      Madankollu, peress li r-rikorrent ma kienx iktar is-suġġett ta’ proċeduri fil-kuntest tal-proċeduri kriminali nazzjonali, fejn il-qorti Franċiża barra minn hekk qatt ma kienet personalment indikatu bħala awtur ta’ ksur tar-regoli finanzjarji, u peress li, barra minn hekk, huwa ma kienx is-suġġett, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, ta’ ebda deċiżjoni dixxiplinari li tikkonstata ksur ta’ obbligi li jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Persunal, huwa mhux biss kien ġie skaġunat fil-kuntest tal-proċeduri kriminali fi Franza, iżda kien għad neċessarjament igawdi mill-preżunzjoni ta’ innoċenza fir-rigward tal-osservanza tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Persunal.

90      Ċertament, ir-rikorrent ma jressaqx espressament motiv ibbażat fuq il-ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza. Ir-raġuni għal dan hija li, konvint mill-innoċenza tiegħu, huwa jibbaża ruħu direttament fuq din tal-aħħar kontra d-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, tali pożizzjoni timplika neċessarjament, a majore ad minus, u hekk kif ir-rikorrent barra minn hekk ikkonferma waqt is-seduta, l-invokazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, b’mod partikolari meta huwa, wara li sostna li ma kienx ħati (ara l-punt 79 iktar ’il fuq), sostna li, bl-aġir tagħha, “il-Kummissjoni [kienet] qajjmet dubju dwar il-mod li bih huwa [kien] wettaq id-dmirijiet tiegħu [u] dwar l-integrità professjonali tiegħu”.

91      Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, li jikkostitwixxi dritt fundamentali, stabbilit fl-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jagħti lill-individwi drittijiet li l-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura r-rispett tagħhom (sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2006, Tillack vs Il‑Kummissjoni, T‑193/04, EU:T:2006:292, punt 121 tat‑8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 209, u tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il‑Kummissjoni vs Nanopoulos, T‑308/10 P, EU:T:2012:370, punt 90).

92      Dan il-prinċipju, li jifforma parti mid-drittijiet fundamentali (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1999, Montecatini vs Il‑Kummissjoni, C‑235/92 P, EU:C:1999:362, punt 175, u tal‑4 ta’ Ottubru 2006, Tillack vs Il‑Kummissjoni, T‑193/04, EU:T:2006:292, punt 121), li min-naħa tagħhom huma, skont il-ġurisprudenza, prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/05 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra, EU:T:2006:271, punt 61), huwa applikabbli għall-proċeduri amministrattivi b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tan-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-grad ta’ severità tal-miżuri relatati magħhom (ara, fil-qasam tal-kompetizzjoni, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, EU:T:2004:221, punt 178; tas‑27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/05 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, EU:T:2006:271, punt 61, u tal‑5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il‑Kummissjoni, T‑11/06, EU:T:2011:560, punt 129). Minn dan isegwi li d-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza japplika, anki fl-assenza ta’ proċeduri kriminali, għall-uffiċjal akkużat b’nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Persunal suffiċjentement serju sabiex jiġġustifika investigazzjoni tal-OLAF li fid-dawl tagħha l-amministrazzjoni tkun tista’ tadotta kwalunkwe miżura, jekk ikun meħtieġ severa, li tkun neċessarja (sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2012, BD vs Il‑Kummissjoni, F‑36/11, EU:F:2012:49, punt 51, u tad‑29 ta’ April 2015, CJ vs ECDC, F‑159/12 u F‑161/12, EU:F:2015:38, punt 154).

93      F’dan il-każ, billi ċaħdet it-talba tar-rikorrent intiża għat-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tad-difiża tiegħu sostnuti fil-kuntest tal-proċeduri kriminali nazzjonali, għar-raġuni, essenzjalment, li kien għad hemm antagoniżmu ta’ interessi ma’ dan tal-aħħar, il-Kummissjoni kisret id-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza tar-rikorrent.

94      Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni, imressaq waqt is-seduta, li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-antagoniżmu ta’ interessi kien leġittimament issussista, għar-raġuni li d-deċiżjoni li jingħalaq il-“fajl” dixxiplinari kienet ittieħdet biss ftit jiem wara, fl‑10 ta’ April 2017, dan għandu jiġi miċħud, għar-raġunijiet li ġejjin.

95      Qabel kollox, l-eżistenza, skont il-kliem vag użat mill-Kummissjoni, ta’ “fajl” dixxiplinari miftuħ kontra r-rikorrent fid-data tad-deċiżjoni kkontestata mhux biss ma hijiex stabbilita, iżda tirriżulta barra minn hekk kontradetta. Fil-fatt, ma jidhirx li l-ftuħ tal-fajl CMS 04/002 f’Jannar 2004, sussegwentement għal talba għat-tneħħija tal-immunità tar-rikorrent mill-ġurisdizzjoni, kien jikkostitwixxi l-bidu ta’ proċedura dixxiplinari u lanqas ta’ investigazzjoni amministrattiva fil-konfront tar-rikorrent. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, dan il-fajl CMS 04/002 tneħħa mil-lista CMS [“Case Management System” (Sistema ta’ Immaniġġar tal-Fajls)] fl‑2010, u sussegwentement inqered fl‑2012 fi tmiem it-terminu ta’ żamma tal-arkivji.

96      Barra minn hekk u f’kull każ, anki jekk kellu jitqies li kienet eżistiet proċedura pendenti fir-rigward tar-rikorrent fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma setgħetx, mingħajr nuqqas min-naħa tagħha, tiċħad it-tieni talba għal assistenza abbażi tal-opinjoni inkriminanti tagħha u sussegwentement tagħlaq din l-allegata proċedura ftit jiem wara, peress li din il-proċedura kellha preċiżament l-għan li tikkonferma jew tinvalida l-imsemmija opinjoni.

97      Fl-aħħar nett u sa fejn l-argument tal-Kummissjoni jissuġġerixxi li l-preżunzjoni ta’ innoċenza ġiet akkwistata fir-rigward tar-rikorrent biss fid-data tal-għeluq ta’ din l-allegata proċedura, għandu jiġi osservat, inċidentalment, minn naħa, li uffiċjal jibbenefika mill-preżunzjoni ta’ innoċenza fi kwalunkwe stadju preċedenti għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-ħtija tiegħu u, min-naħa l-oħra, li, fl-istadju tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni fil-fatt kompliet tikser il-preżunzjoni ta’ innoċenza tar-rikorrent meta fir-risposta hija osservat li “d-deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tal-proċedura dixxiplinari ma [neħħietx] l-antagoniżmu ta’ interessi bejn il-partijiet”.

98      Bħala konklużjoni fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, li minnhom jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, hemm lok li din id-deċiżjoni tiġi annullata, filwaqt li għandu jitfakkar li hija l-Kummissjoni li għandha tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza.

 Fuq l-ispejjeż

99      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 134(2) tal-istess regoli, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

100    Peress li l-Kummissjoni essenzjalment tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-talbiet għad-danni huma miċħuda.

2)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat28 ta’ Marzu 2017 li tiċħad talba għal assistenza ta’ Amador Rodriguez Prieto hija annullata.

3)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż ta’ A. Rodriguez Prieto.

Collins

Barents

Passer

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑4 ta’ April 2019.

E. Coulon

 

      A. M. Collins

Ir-Reġistratur

 

      Il-President



*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.