Language of document : ECLI:EU:C:2014:117

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fis-27 ta’ Frar 2014 (1)

Kawża C‑173/13

Maurice Leone,

Blandine Leone

vs

Garde des Sceaux, Ministre de la Justice,

Caisse nationale de retraites des agents des collectivités locales

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour administrative d’appel de Lyon (Franza)]

“Politika soċjali — Artikolu 141 KE — Ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn ħaddiema nisa u ħaddiema rġiel — Irtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni — Akkreditazzjoni ta’ anzjanità — Vantaġġi mogħtija, mingħajr distinzjoni bejn is-sessi, bil-kundizzjoni li titwaqqaf l-attività professjonali sabiex jiġu edukati t-tfal — Nuqqas ta’ qafas legali li jippermetti lill-uffiċjali rġiel jibbenefikaw minn leave ekwivalenti għal-leave tal-maternità mogħti lill-uffiċjali nisa — Diskriminazzjoni indiretta — Ġustifikazzjoni eventwali — Miżuri ta’ azzjoni pożittiva”





I –    Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour administrative d’appel de Lyon (Franza) tirrigwarda l-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa. Fid-dawl tad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, l-interpretazzjoni mitluba għandha titqies li tirrigwarda l-Artikolu 141 KE iktar milli l-Artikolu 157 TFUE, imsemmi mill-qorti tar-rinviju iżda applikabbli biss mill-1 ta’ Diċembru 2009, minkejja li l-kontenut tagħhom huwa kważi identiku.

2.        Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża għad-danni li kienet ġiet ippreżentata mill-konjuġi Leone kontra l-Istat Franċiż abbażi ta’ allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni. Il-kawża tagħhom saret wara li l-Caisse nationale de retraites des agents des collectivités locales (iktar ’il quddiem iċ-“CNRACL”) irrifjutat li tapplika favur M. Leone d-dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż li jagħtu vantaġġi fil-qasam tal-pensjonijiet tal-irtirar, peress li huwa naqas milli jwaqqaf debitament il-karriera tiegħu sabiex jeduka lill-uliedu. Huma jsostnu, b’mod partikolari, li M. Leone kien vittma ta’ diskriminazzjoni indiretta, minħabba l-fatt li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-imsemmija vantaġġi huma, fl-opinjoni tagħhom, iktar favorevoli għall-uffiċjali nisa, minkejja l-apparenza newtrali tagħhom.

3.        Iż-żewġ tipi ta’ vantaġġi inkwistjoni f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri l-possibbiltà ta’ rtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni — li hija s-suġġett tal-ewwel domanda — u d-dritt ta’ akkreditazzjoni ta’ anzjanità fir-rigward tal-irtirar — li huwa s-suġġett tat-tieni domanda —, huma suġġetti għal rekwiżiti simili. Fiż-żewġ każijiet, huwa meħtieġ li l-persuna li tirċievi l-pensjoni twaqqaf l-attività professjonali tagħha għal perijodu kontinwu ta’ mhux inqas minn xahrejn u fil-kuntest ta’ wieħed mit-tipi ta’ leave marbuta mal-edukazzjoni tat-tfal li huma elenkati mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni. Il-problema prinċipali hija dwar jekk dawn id-dispożizzjonijiet, li japplikaw mingħajr distinzjoni bejn is-sessi, humiex madankollu indirettament diskriminatorji għad-detriment ta’ ħaddiema rġiel, peress li huma jeżiġu waqfien mix-xogħol għal perijodu li jikkorrispondi mal-leave tal-maternità obbligatorju.

4.        Reċentement, tressqet problema simili quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, regola ta’ akkreditazzjoni simili għal dik prevista fit-tieni domanda kienet tat lok għal rinviju għal deċiżjoni preliminari, fil-kawża Amédée, li fir-rigward tagħha jien ippreżentajt konklużjonijiet (2), qabel ma din tħassret mir-reġistru (3). L-opinjonijiet u l-argumenti li jiena esponejt fil-kuntest tal-imsemmija kawża huma, fl-opinjoni tiegħi, rilevanti mutatis mutandis għall-analiżi ta’ din il-kawża. Din hija r-raġuni għaliex jidhirli li huwa opportun, min-naħa, li l-ewwel tiġi evokata din id-domanda, u min-naħa l-oħra, li l-qarrej jingħata preliminarjament l-opportunità jkollu għarfien tal-kontenut ta’ dawn il-konklużjonijiet l-oħra.

5.        It-tielet domanda tressqet biss sussidjarjament, f’każ li d-diskriminazzjonijiet indiretti msemmija fiż-żewġ domandi preċedenti jiġu kkonfermati. Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tirrispondi għal kwistjoni dwar jekk tali fatturi ta’ diskriminazjoni jistgħux ikunu ġġustifikati, abbażi tal-Artikolu 141(4) KE (4), bħala miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-iżvantaġġi mġarrba min-nisa fil-karriera professjonali tagħhom.

II – Il-qafas ġuridiku Franċiż

A –    Id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar l-irtirar antiċipat

6.        Mill-Kodiċi dwar il-pensjonijiet tal-irtirar ċivili u militari (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar il-pensjonijiet”), jirriżulta li l-uffiċjali ċivili jistgħu jibbenefikaw minn pensjoni antiċipata bl-għoti immedjat tal-pensjoni tagħhom, mingħajr ma jkunu għadhom laħqu l-età legali tal-irtirar, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti ċerti rekwiżiti.

7.        L-Artikolu L.24 ta’ dan il-kodiċi, fil-verżjoni li tirriżulta mill-Artikolu 136 tal-Liġi Nru 2004-1485 tat-30 ta’ Diċembru 2004 (5) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 2004-1485), jipprovdi:

“I. – Il-likwidazzjoni tal-pensjoni tintervjeni: […]

3° Meta l-uffiċjal ċivili huwa ġenitur ta’ tlett itfal ħajjin, jew li mietu minħabba l-gwerra, jew ta’ tifel ħaj, li għandu iktar minn sena u li għandu invalidità pari jew superjuri għal 80 %, bil-kundizzjoni li għal kull tifel, huwa waqqaf l-attività professjonali tiegħu taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ digriet tal-Kunsill tal-Istat.

Huma inklużi fl-interruzzjoni tal-attività msemmija fis-subparagrafu preċedenti l-perijodi li ma tawx lok għall-kontribuzzjoni obbligatorja fi skema bażika ta’ irtirar, bil-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ digriet tal-Kunsill tal-Istat.

Huma inklużi mat-tfal imsemmija fl-ewwel subparagrafu t-tfal elenkati fl-Artikolu L. 18(II) li l-persuna kkonċernata rabbiet taħt il-kundizzjonijiet previsti fis-subparagrafu (III) tal-imsemmi artikolu; […]”

8.        L-Artikolu L. 18(II) tal-imsemmi kodiċi, kif emendat bil-Liġi Nru 91-715 tas-26 ta’ Lulju 1991 (6), jiddefinixxi l-kategoriji ta’ wild li jagħtu dritt għal tali vantaġġ, li fosthom hemm, b’mod partikolari, “[i]t-tfal leġittimi, it-tfal naturali li l-filjazzjoni tagħhom hija stabbilita u t-tfal adottivi tal-persuna li tirċievi l-pensjoni”. Il-paragrafu III ta’ dan l-istess artikolu jżid, b’mod partikolari, li “bl-eċċezzjoni għal tfal li mietu minħabba l-gwerra, it-tfal iridu jkunu trabbew għal mhux inqas minn disà snin, jiġifieri qabel ma jagħlqu sittax-il sena, jew qabel l-età li fiha huma ma jibqgħux dipendenti fis-sens tal-Artikoli L. 512-3 u R. 512-2 sa R. 512-2 tal-Kodiċi dwar is-sigurtà soċjali”.

9.        L-Artikolu R. 37 tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet, fil-formulazzjoni tiegħu li tirriżulta mid-Digriet Nru 2005-449 tal-10 ta’ Mejju 2005 (7) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 2005-449”) jipprovdi li:

“I. - L-interruzzjoni tal-attività prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L. 24(I)(3) għandha tkun għal perijodu kontinwu ta’ mhux inqas minn xahrejn u għandha ssir waqt li l-uffiċjal ikun affiljat ma’ sistema tal-irtirar obbligatorja. […]

Din l-interruzzjoni tal-attività jeħtieġ li tkun saret matul il-perijodu bejn l-ewwel ġurnata tar-raba’ ġimgħa qabel it-twelid jew l-adozzjoni u l-aħħar ġurnata tas-sittax-il ġimgħa wara t-twelid jew l-adozzjoni.

[…] [(8)]

II. - Fil-kalkolu tal-perijodu tal-interruzzjoni tal-attività għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi li jikkorrispondu għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt tax-xogħol jew għal interruzzjoni ta’ servizz effettiv, magħmula fil-kuntest:

a)     tal-leave tal-maternità […];

b)     tal-leave tal-paternità […];

ċ)     tal-leave tal-adozzjoni […];

d)     tal-leave parentali […];

e)     tal-leave tal-presenza parentali […];

f)     ta’ disponibbiltà għat-trobbija ta’ wild ta’ inqas minn tmien snin […].

III. – Il-perijodi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu L. 24(I)(3) huma l-perijodi li ma tawx lok għal kontribuzzjoni tal-persuna kkonċernata u li matulhom huwa ma eżerċita ebda attività professjonali.”

B –    Id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar l-akkreditazzjoni ta’ anzjanità

10.      Skont l-Artikolu 15 tad-Digriet Nru 2003-1306, tas-26 ta’ Diċembru 2003, dwar is-sistema tal-irtirar tal-uffiċjali affiljati mal-Caisse nationale de retraites des agents des collectivités locales (9) (iktar ’il quddiem id-“Digriet dwar l-uffiċjali tal-awtoritajiet lokali”):

“I. – Mas-servizzi effettivi għandhom jiżdiedu, taħt il-kundizzjonijiet previsti għall-uffiċjali ċivili tal-Istat, il-benefiċċji segwenti: […]

2° Akkreditazzjoni stabbilita għal erba’ trimestri, bil-kundizzjoni li l-uffiċjali jkunu waqqfu l-attività tagħhom, għal kull wieħed mit-tfal leġittimi tagħhom u mit-tfal naturali mweldin qabel l-1 ta’ Jannar 2004, għal kull wieħed mit-tfal tagħhom li l-adozzjoni tiegħu seħħet qabel l-1 ta’ Jannar 2004 u, bil-kundizzjoni li jkunu rabbewhom matul mhux inqas minn disa’ snin qabel ma jagħlqu wieħed u għoxrin sena, għal kull wieħed mit-tfal l-oħra elenkati fl-Artikolu 24(II) li saru dipendenti qabel l-1 ta’ Jannar 2004.

Din l-interruzzjoni tal-attività għandu jkollha tul kontinwu ta’ mhux inqas minn xahrejn u tkun fil-forma ta’ leave tal-maternità, leave tal-adozzjoni, leave parentali jew leave ta’ preżenza parentali […], jew ta’ disponibbiltà għat-trobbija ta’ tifel ta’ inqas minn tmien snin […];

Id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu 2° għandhom japplikaw għall-pensjonijiet likwidati wara t-28 ta’ Mejju 2003;

3° L-akkreditazzjoni prevista fis-subparagrafu 2° għandu jitħallas lill-uffiċjali nisa li jkunu welldu matul is-snin ta’ studju tagħhom qabel l-1 ta’ Jannar 2004, qabel ma jkunu ġew reklutati fis-servizz pubbliku, meta dan ir-reklutaġġ ikun seħħ fi żmien sentejn wara li jkunu kisbu l-lawrja li kienet neċessarja sabiex setgħu jipparteċipaw f’kompetizzjoni, mingħajr ma tkun tista’ tiġi imposta fuqhom kundizzjoni ta’ interruzzjoni tal-attività; […]”

III – Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.      M. Leone ħadem bħala infermier fl-isptarijiet ċivili ta’ Lyon, bħala uffiċjal fis-servizz pubbliku mediku, mis-sena 1984.

12.      Fl-4 ta’ April 2005, huwa talab li jingħata l-irtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni tiegħu, fil-kwalità tiegħu ta’ missier ta’ tlett itfal imwielda fit-8 ta’ Ottubru 1990, fil-31 ta’ Awwissu 1993 u fis-27 ta’ Novembru 1996 rispettivament, abbażi tal-Artikolu L. 24 tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet.

13.      It-talba tiegħu ġiet miċħuda miċ-CNRACL, permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ April 2005, peress li M. Leone ma kienx interrompa l-attività professjonali tiegħu għal kull wieħed mit-tfal tiegħu skont il-paragrafu (I)(3) tal-imsemmi artikolu. Ir-rikors ippreżentat minn M. Leone kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud, bħala inammissibbli, permezz ta’ digriet tat-tribunal administratif de Lyon, tat-18 ta’ Mejju 2006.

14.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fit-31 ta’ Diċembru 2008, M. Leone u martu (10) bdew proċedura kontenzjuża sabiex, prinċipalment, jiksbu kumpens għad-dannu (11) li jirriżulta mid-diskriminazzjoni indiretta li M. Leone kien vittma tagħha minħabba l-applikazzjoni fir-rigward tiegħu tal-verżjoni l-ġdida tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli L. 24 u R. 37 tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet, rigward l-irtirar antiċipat, u dik tal-Artikoli L. 12 u R. 13 tal-istess kodiċi, rigward l-akkreditazzjoni ta’ anzjanità (12).

15.      Il-konjuġi Leone argumentaw li l-kundizzjonijiet li għalihom id-dispożizzjonijiet imsemmija jissuġġettaw il-vantaġġi li huma jipprovdu fir-rigward tal-edukazzjoni tat-tfal imorru kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet li jirriżulta mill-Artikolu 141 KE. Huma essenzjalment invokaw, b’mod partikolari, li l-uffiċjali nisa kienu jissodisfaw b’mod sistematiku l-kundizzjoni marbuta mal-interruzzjoni tal-attività prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet, minħabba n-natura awtomatika u obbligatorja tal-leave tal-maternità, filwaqt li fil-prattika l-uffiċjali rġiel huma fil-parti l-kbira esklużi mill-vantaġġi li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet, minħabba n-nuqqas ta’ dispożizzjoni legali li tippermettilhom jieħdu leave mħallas ekwivalenti għal-leave tal-maternità.

16.      Peress li r-rikors tagħhom ġie miċħud mit-tribunal administratif de Lyon, fis-17 ta’ Lulju 2012, il-konjuġi Leone ppreżentaw appell minn din is-sentenza quddiem il-cour administrative de Lyon.

17.      B’deċiżjoni tat-3 ta’ April 2013, mogħtija fid-9 ta’ April 2013, il-cour administrative d’appel de Lyon iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu L.24 u tal-Artikolu R.37 tal-[Kodiċi dwar il-pensjonijiet] kif jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Liġi Nru 2004-1485 […] u [ta]d-Digriet Nru 2005-449 […] jistgħu jitqiesu bħala li jagħtu lok għal diskriminazzjoni indiretta bejn l-irġiel u n-nisa fis-sens tal-Artikolu 157 [TFUE]?

2)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tad-Digriet [dwar l-uffiċjali tal-awtoritajiet lokali] jistgħu jitqiesu bħala li jagħtu lok għal diskriminazzjoni indiretta bejn l-irġiel u n-nisa fis-sens tal-Artikolu 157 [TFUE]?

3)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għal waħda mill-ewwel żewġ domandi, tali diskriminazzjoni indiretta hija ġustifikabbli fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 157(4) [TFUE]?”

18.      Osservazzjonijiet bil-miktub kienu ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-konjuġi Leone, miċ-CNRACL (13), mill-Gvern Franċiż u mill-Kummissjoni Ewropea. Ma nżammitx seduta.

IV – Analiżi

A –    Dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

19.      Il-Gvern Franċiż iqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari u jitlob, prinċipalment, ir-rifjut tagħha għal din ir-raġuni. Huwa jsostni li l-qorti tar-rinviju ma esponietx ir-raġunijiet li wassluha sabiex tiddubita mill-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati mad-dritt tal-Unjoni, u lanqas iddefinixxiet ir-rabta li hija stabbilixxiet bejn il-kontenut ta’ dawn tal-aħħar u l-Artikolu 157 TFUE li titlob l-interpretazzjoni tiegħu (14). Huwa jżid li l-cour administrative de Lyon kellha tindika għaliex hija tqis li huwa neċessarju li tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-Conseil d’État, qorti suprema amministrattiva fi Franza, diġà tat diversi deċiżjonijiet rigward l-ineżistenza ta’ tali diskriminazzjoni, mingħajr ma għamlet rinviju għal deċiżjoni preliminari (15). In-nuqqas ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet jagħmilha impossibbli lil persuni kkonċernati li jippreżentaw osservazzjonijiet b’konnoxxenza sħiħa tal-kwistjoni (16) u lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utili għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

20.      F’dan ir-rigward, jien nirrileva li huwa minnu li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju hija kemmxejn ambigwa. B’mod partikolari, il-cour administrative de Lyon naqset milli tispeċifika jekk fl-opinjoni tagħha, u jekk ikun il-każ sa fejn, huwa oġġettivament iktar diffiċli għall-uffiċjali rġiel milli għall-uffiċjali nisa li jissodisfaw il-kundizzjonijiet imposti miż-żewġ serje ta’ dispożizzjonijiet inkwistjoni, eventwalment fir-rigward ta’ statistika.

21.      Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, din id-deċiżjoni fiha elementi ta’ fatt u ta’ dritt li huma suffiċjenti sabiex jiġu identifikati l-prinċipji inkwistjoni fil-kawża u li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar id-domandi magħmula, skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ġurisprudenza tagħha (17).

22.      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ppreżentat is-suġġett tal-kawża, esponiet il-fatt rilevanti, indikat il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw f’dan il-każ, evokat ir-raġunijiet — inerenti għall-motivi tal-partijiet fil-kawża prinċipali li ġew riprodotti — li wassluha titlob l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija, kif ukoll li tisstabbilixxi rabta — anki jekk temporanja — bejn dawn tal-aħħar u l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali. Fl-aħħar nett, jidhirli li r-risposta għad-domandi magħmula ċertament ser tkun utli sabiex tiġi deċiża l-kawża kontenzjuża li tinsab quddiem il-qorti tar-rinviju. Għalhekk, jiena nqis li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

B –    Osservazzjonijiet preliminari

23.      Mill-bidu, nippreċiża li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 141 KE. Fil-fatt, dan ikopri l-pensjonijiet imħallsa taħt sistema bħas-sistema Franċiża tal-irtirar tal-uffiċjali, li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma marbuta sew ma’ remunerazzjoni għal impjieg (18), peress li dan l-aħħar kriterju huwa dak determinanti (19).

24.      Fl-aħħar nett, infakkar li d-dritt tal-Unjoni (20) jipprekludi diskriminazzjonijiet indiretti bbażati fuq is-sess li jirriżultaw minn dispożizzjoni, minn kriterju jew minn prassi ta’ oriġini nazzjonali li fl-apparenza hija newtrali, peress li tapplika mingħajr distinzjoni bejn in-nisa u l-irġiel, kuntrarjament għall-każ ta’ diskriminazzjoni diretta, iżda li fil-prattika toħloq żvantaġġ partikolari għal waħda mill-kategoriji ta’ persuni meta mqabbla mal-oħra. Tali differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema nisa u l-ħaddiema rġiel tmur kontra l-Artikolu 141 KE, ħlief fil-każijiet fejn kategorija waħda ma tkunx tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-kategorija l-oħra, jew tal-inqas jekk l-imsemmija differenza tista’ tkun iġġustifikata minn għan leġittimu u li l-mezzi użati sabiex jintlaħaq dan l-għan huma xierqa u proporzjonali mal-għan li għandu jintlaħaq (21).

25.      Jidhirli li, fuq livell ta’ kunċett, teżisti differenza bejn din l-aħħar ġustifikazzjoni, li hija valida fil-kuntest ta’ diskriminazzjoni indiretta li tista’ tirriżulta b’mod partikolari mill-aġir tal-persuna li timpjega, u l-miżuri ta’ azzjoni pożittiva li d-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 141(4) KE (22), jawtorizza espressament lill-Istati Membri jżommu jew jieħdu.

C –    Dwar id-dispożizzjoni li tagħti akkreditazzjoni ta’ anzjanità minħabba l-edukazzjoni tat-tfal

26.      Essenzjalment, it-tieni domanda tirrigwarda l-punt dwar jekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn il-ħaddiema nisa u rġiel stabbilit fl-Artikolu 141 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni bħall-Artikolu 15 tad-Digriet dwar l-uffiċjali tal-awtoritajiet lokali timplika diskriminazzjoni indiretta li tmur kontra l-imsemmi prinċipju, minħabba l-kundizzjonijiet — b’mod partikolari minħabba l-interruzzjoni ta’ minn tal-inqas xahrejn kontinwi mill-attività professjonali fil-kuntest ta’ wieħed mill-ħames tipi ta’ leave elenkati — li għalihom din id-dispożizzjoni tissuġġetta d-dritt għal akkreditazzjoni ta’ anzjanità ta’ erba’ trimestri minħabba l-edukazzjoni ta’ wild wieħed jew iktar.

27.      Skont il-konjuġi Leone u l-Kummissjoni, din id-domanda għandha tingħata risposta affermattiva. Sabiex isostnu li d-dritt tal-Unjoni għandu jwassal sabiex ma tiġix applikata dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni, huma jargumentaw li diskriminazzjoni indiretta tirriżulta min-nuqqas ta’ qafas legali li jagħti l-possibbiltà lill-uffiċjali rġiel jibbenefikaw, fil-każ ta’ twelid ta’ wild, minn leave bi ħlas ta’ xahrejn ekwivalenti għal-leave tal-maternità mogħi lill-uffiċjali nisa. Il-Gvern Franċiż ma huwiex tal-istess opinjoni.

28.      Min-naħa tiegħi, jiena nixtieq nenfasizza li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-argument imressaq mill-konjuġi Leone u kkorroborat mill-Kummissjoni, dan ser ikollu bħala effett, fil-prattika, li jkun suffiċjenti li uffiċjal jinvoka l-kwalità tiegħu ta’ missier sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-akkreditazzjoni prevista mid-dispożizzjoni kkontestata, kif isostni li jista’ jagħmel M. Leone.

29.      Madankollu, tali approċċ jidhirli li ma huwiex konċiljabbli mal-pożizzjoni meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Griesmar, iċċitata iktar ’il fuq. Skont ir-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet li l-għoti tal-akkreditazzjoni ta’ anzjanità marbut mal-edukazzjoni tat-tfal, bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, ikun suġġett għal investiment partikolari tal-uffiċjal ikkonċernat fl-edukazzjoni tat-tfal tiegħu, u ma jingħatax għas-sempliċi fatt li kkontribwixxa għat-tnissil tagħhom. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta biss meta d-dispożizzjoni inkwistjoni tirriżerva l-benefiċċju tal-akkreditazzjoni għall-uffiċjali nisa li għandhom il-kwalità ta’ omm u b’hekk teskludi l-uffiċjali rġiel kollha, inkluż dawk li jistgħu jistabbilixxu li effettivament issospendew l-attività professjonali tagħhom sabiex jassumu l-edukazzjoni tat-tfal tagħhom u minħabba dan il-fatt jinsabu f’sitwazzjoni ta’ preġudizzju għall-karriera tagħhom (23).

30.      Wara din is-sentenza, il-leġiżlatur Franċiż emenda d-dispożizzjonijiet ikkontestati, jiġifieri dawk tal-Artikolu L. 12 tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet (24), kif ukoll dispożizzjonijiet oħra li jillimitaw bl-istess mod id-dritt għall-akkreditazzjoni tal-anzjanità. Din hija r-raġuni li għaliha l-Artikolu 15 tad-Digriet dwar l-uffiċjali tal-awtoritajiet lokali, inkwistjoni f’din il-kawża, ġie adottat fl-istess perijodu (25) u f’termini kważi identiċi. Evidentement, jeżistu rabtiet normattivi bejn id-dispożizzjoni tal-akkreditazzjoni li tirriżulta mill-Kodiċi dwar il-pensjonijiet kif emendat u dak previst fit-tieni domanda preliminari (26), rabtiet li ssaħħu b’emenda li saret wara l-kawża prinċipali (27).

31.      Minbarra dawn ir-rabtiet, jiena nenfasizza l-prossimità sostanzjali li teżisti bejn l-akkreditazzjoni ta’anzjanità previst fl-Artikoli L. 12 u R. 13 tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet, fil-verżjoni tagħhom li kienet is-suġġett tal-kawża Amédée, iċċitata iktar ’il fuq, u dawk previsti fl-Artikolu 15 tal-imsemmi digriet, li huma inkwistjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, anki jekk il-vantaġġi li huma stabbiliti rispettivament minn dawn iż-żewġ serje ta’ dispożizzjonijiet huma differenti fir-rigward tal-effetti tagħhom, il-kundizzjonijiet sabiex jingħataw huma identiċi, b’mod partikolari fir-rigward tat-tul tal-interruzzjoni tal-attività rikjest u fir-rigward tal-lista ta’ tipi ta’ leave li jagħtu dritt għall-akkreditazzjoni inkwistjoni.

32.      Fid-dawl tal-fatt li huma biss dawn il-kundizzjonijiet li huma kkontestati f’din il-kawża u fid-dawl tax-xebh eżistenti f’dan ir-rigward bejn l-Artikolu 15 tad-Digriet dwar l-uffiċjali tal-awtoritajiet lokali u d-dispożizzjonijiet li kienu involuti fl-imsemmija kawża Amédée, nerġa’ nikkonferma għalhekk, mutatis mutandis, l-opinjoni li jiena fformulajt fil-konklużjonijiet tiegħi fir-rigward ta’ din il-kawża li tħassret mir-reġistru.

33.      F’dan ir-rigward, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (28), huwa fundamentali, sabiex tkun tista’ tiġi kkonstatata diskriminazzjoni indiretta fid-dritt tal-Unjoni, li s-sitwazzjonijiet rispettivi tal-gruppi mqabbla jkunu paragunabbli. Huwa biss fil-każ ta’ sitwazzjoni paragunabbli tal-ħaddiema nisa u dik tal-ħaddiema rġiel li l-Artikolu 141 KE jipprekludi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, miżura nazzjonali li, minkejja li tidher miktuba b’mod newtrali, bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, fil-fatt tiżvantaġġa fil-karriera tagħhom perċentwali ħafna ogħla ta’ persuni ta’ wieħed mis-sessi iktar milli lill-persuni tas-sess l-ieħor, u dan meta d-differenza fit-trattament la tirriżulta minn u lanqas hija bbażata fuq fatturi oġġettivament iġġustifikati (29).

34.      Madankollu, jiena xorta naħseb, għar-raġunijiet li jiena żviluppajt fil-kawża Amédée (30), li s-sitwazzjoni tal-uffiċjali nisa li assumew l-edukazzjoni tat-tfal tagħhom, fil-kuntest ta’ leave tal-maternità obbligatorju, u s-sitwazzjoni tal-uffiċjali rġiel li, bħal M. Leone, li ma jġibux prova li assumew din l-edukazzjoni ma humiex paragunabbli fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-sistema tal-akkreditazzjoni ta’ anzjanità prevista fid-dispożizzjoni inkwistjoni. L-istess nuqqas ta’ paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet jeżisti bejn, minn naħa, il-missirijiet jew l-ommijiet li interrompew l-attività tagħhom, u min-naħa l-oħra, dawk li interrompewhiex. Ċertament, ma jistax jiġi nnegat li missier seta’ jinvesti f’uliedu kemm fuq livell ekonomiku kif ukoll fuq livell emozzjonali, bħal omm. Madankollu, din ma hijiex il-kwistjoni, għax ir-rekwiżit essenzjali, kif iddeċidiet b’mod repetittiv il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa dak li s-sagrifiċċju jkun sar fil-livell tal-karriera sabiex persuna tiddedika ruħha għall-edukazzjoni tagħhom, li jirrendi leġittimu l-kumpens fil-kuntest tal-irtirar (31). Fin-nuqqas ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli, l-Artikolu 15 tad-Digriet dwar l-uffiċjali tal-awtoritajiet lokali ma jistax joħloq differenza fit-trattament għad-detriment tal-uffiċjali rġiel u għalhekk diskriminazzjoni indiretta li tmur kontra l-Artikolu 141 KE.

35.      Jiena nżid li minn diversi sorsi ta’ statistika, kemm dawk iċċitati fl-osservazzjonijiet tal-konjuġi Leone (32) kif ukoll dawk li jirriżultaw minn sorsi uffiċjali reċenti (33), jirriżulta li fi Franza, il-ħaddiema nisa rrikorrew b’mod ferm iktar frekwenti għall-interruzzjoni tal-attività professjonali tagħhom, jew għal sempliċi tnaqqis tal-ħin tax-xogħol tagħhom, sabiex jiddedikaw ruħhom għall-edukazzjoni tat-tfal tagħhom, u dan indipendentement mill-fatt li dan seta’ jippreġudikahom u rrispettivament minn jekk jirċevux jew le vantaġġ finanzjarju bħala korrispettiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa inevitabbli li kull miżura nazzjonali li, bħal dik inkwistjoni, hija suġġetta għar-rekwiżit ta’ tali leave għar-raġunijiet familjari, tista’ tkun ta’ benefiċċju iktar frekwenti għan-nisa milli għall-irġiel (34). Għalhekk, anki fil-każ fejn il-leave tal-maternità ma jkunx inkluż fil-lista ta’ kategoriji ta’ leave li jagħtu dritt għal akkreditazzjoni ikkontestat, u peress li l-kundizzjonijiet l-oħra nżammu identiċi, kważi l-uffiċjali nisa biss ser ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din il-miżura peress li, fil-prattika, għadu rari li l-uffiċjali rġiel jagħżlu li jinvestu fl-edukazzjoni tat-tfal tagħhom kif inhu meħtieġ.

36.      Fi kliem ieħor, sabiex jiġi kkunsidrat li f’dan il-każ ma hemmx diskriminazzjoni indiretta, għandu jiġi eskluż ir-rekwiżit tal-prova ta’ investiment partikolari tal-persuna li tirċievi l-pensjoni fl-edukazzjoni tat-tfal tagħha li jirriżulta mis-sentenza Griesmar, iċċitata iktar ’il fuq, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddeċidiet li kull missier għandu jibbenefika minn vantaġġ bħal dak inkwistjoni. Wara konfrontazzjoni mar-realtà fattwali, li turi li d-differenzi bejn l-implikazzjoni tan-nisa u dik tal-irġiel fil-fatt tippersisti fi Franza kif ukoll fi Stati Membri oħra (35), huwa fl-opinjoni tiegħi impossibbli li jiġi kkunsidrat li l-kundizzjonijiet li għalihom il-leġiżlatur issuġġetta l-akkreditazzjoni kkontestata hija diskriminatorja mingħajr ma, fl-istess waqt, jingħad li r-rekwiżit hekk ifformulat f’din is-sentenza jwassal fih innifsu għal diskriminazzjoni indiretta għad-detriment tal-uffiċjali rġiel.

37.      Konsegwentement, jiena nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn il-ħaddiema rġiel u l-ħaddiema nisa, li huwa stabbilit fl-Artikolu 141(1) KE, ma huwiex miksur minn miżuri nazzjonali li jistabbilixxu akkreditazzjoni ta’ anzjanità minħabba l-edukazzjoni tat-tfal taħt kundizzjonijiet bħal dawk previsti fl-Artikolu 15 tad-Digriet dwar l-uffiċjali tal-awtoritajiet lokali.

D –    Dwar id-dispożizzjoni li tagħti rtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni minħabba l-edukazzjoni tat-tfal

38.      Essenzjalment, l-ewwel domanda hija dwar jekk l-Artikolu 141 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjonijiet bħall-Artikoli L. 24 u R. 37 tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet jimplikawx diskriminazzjoni indiretta li tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn il-ħaddiema nisa u l-ħaddiema rġiel stabbilit minn dan l-artikolu, minħabba kundizzjonijiet li għalihom huwa ssuġġettat id-dritt ta’ persuna li tirċievi pensjoni li tkun rabbiet tal-inqas tlett itfal tibbenefika minn żieda fil-pensjoni li tagħti aċċess għall-irtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni mingħajr kundizzjoni marbuta mal-età.

39.      Il-konjuġi Leone u l-Kummissjoni jqisu li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fl-affermattiv, filwaqt li l-Gvern Franċiż, li jipproponi li l-ewwel żewġ domandi għandhom jiġi ttrattati flimkien, jikkunsidra li l-imsemmija artikoli tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet ma joħolqux diskriminazzjoni indiretta.

40.      Jien ukoll naqbel ma’ din l-aħħar opinjoni, għal raġunijiet simili għal dawk li jiena esponejt fir-rigward tad-dispożizzjoni msemmija fit-tieni domanda, u dan minkejja l-fatt li din tal-aħħar tippreżenta ċertu numru ta’ differenzi meta mqabbla mad-dispożizzjoni prevista mill-Artikoli L. 24 u R. 37 tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet (36). Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, dawn id-differenzi ma humiex determinanti, peress li jirrigwardaw il-ħaddiema nisa u l-ħaddiema rġiel mingħajr distinzjoni.

41.      Ċertament il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha tiddeċiedi, fis-sentenza Mouflin, iċċitata iktar ’il fuq, dwar jekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 119 KE (li sar l-Artikolu 141 KE, mingħajr emendi sostanzjali) jipprekludix il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-irtirar antiċipat previsti fl-Artikoli L. 24(I)(3) tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet. Madankollu, din is-sentenza ma hijiex daqstant utli għal din il-kawża, peress li, minn naħa, tirrigwarda l-verżjoni li kienet fis-seħħ meta ġraw il-fatti fil-kawża prinċipali, jiġifieri qabel ir-riforma li għaliha tat lok din is-sentenza li stabbilixxiet preċiżament id-dispożizzjonijiet applikabbli hawnhekk, u min-naħa l-oħra, hija tirrigwarda rekwiżit li huwa ferm differenti mill-kundizzjonijiet marbuta mal-edukazzjoni tat-tfal inkwistjoni hawnhekk (37).

42.      Il-konjuġi Leone u l-Kummissjoni jsostnu li diskriminazzjoni indiretta tista’ tiġi kkonstatata f’din il-kawża minħabba l-obbligu li huwa impost fuq kull persuna kkonċernata li waqqfet l-attività tagħha matul perijodu kontinwu ta’ mhux inqas minn xahrejn, f’perijodu qrib it-twelid ta’ kull wild ikkonċernat (38) u fil-kuntest ta’ wieħed mis-sitt kategoriji ta’ leave ammissibbli (39). Huma jsostnu li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti b’mod sistematiku mill-ħaddiema nisa, li legalment għandhom jieħdu leave tal-maternità bi ħlas, filwaqt li huwa ferm iktar diffiċli li jiġu ssodisfatti mill-ħaddiema rġiel, li jistgħu jagħżlu li ma jirrikorrux għal tali interruzzjoni u mhux dejjem jibbenefikaw minn remunerazzjoni jekk huma jirrikorru għaliha.

43.      Min-naħa tiegħi, jiena nikkunsidra li l-Artikoli L. 24 u R. 37 tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet ma joħolqux diskriminazzjoni li hija prekluża mill-Artikolu 141 KE, u dan għal żewġ raġunijiet prinċipali, li jingħaqdu mar-raġunijiet li jiena żviluppajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Amédée, iċċitata iktar ’il fuq.

44.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-persuni li jirċievu pensjoni li huma ġenituri ta’ tfal bijoloġiċi, huwa minnu li huma potenzjalment iktar nisa milli l-irġiel li jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet imposti minn dawn id-dispożizzjonijiet u li jibbenefikaw b’xi mod minn preżunzjoni ta’ interruzzjoni tal-attività tagħhom minħabba l-leave tal-maternità (40). Madankollu, tali differenza fit-trattament ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta, għaliex hija biss il-konsegwenza neċessarja għal dak li, fir-rigward b’mod partikolari tal-leave tal-maternità (41), il-ħaddiema nisa u l-ħaddiema rġiel jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti u mhux paragunabbli.

45.      Fil-fatt, din id-differenza għandha l-oriġini u l-ġustifikazzjoni tagħha fl-għan leġittimu, li huwa wkoll impost minn normi internazzjonali (42), li jiġu kkumpensati l-iżvantaġġi professjonali li ġġarrab b’mod sistematiku ħaddiema mara li, bħala omm bijoloġika, hija bil-liġi esposta għat-twaqqif mix-xogħol tagħha għal tmien ġimgħat konsekuttivi u dan għal tal-inqas tliet darbiet, ipotetikament, f’dan il-każ (43). Min-naħa l-oħra, ħaddiem raġel jista’ liberament jiddeċiedi jekk jiħux leave għal motivi familjari u, jekk ikun il-każ, jagħżilx perijodu inqas minn dak tal-leave tal-maternità. Għalhekk, huwa leġittimu li jintalab li missier bijoloġiku jistabbilixxi li realment ikun għażel li jinterrompi l-attività tiegħu sabiex jiddedika ruħu għat-tfal tiegħu matul l-istess perijodu bħal omm bijoloġika, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ preġudizzju professjonali tal-istess natura u l-bżonn eventwali li dan tal-aħħar ikun ikkumpensat bl-istess mod bħall-ħaddiema nisa.

46.      Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ persuni li jirċievu l-pensjoni li huma ġenituri tat-tfal mhux bijoloġiċi, il-kundizzjonijiet meħtieġa f’dan ir-rigward mill-Artikoli L. 24 u R. 37 tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet bl-ebda mod ma jistgħu jiġu ssodisfatti iktar mill-ħaddiema nisa milli mill-ħaddiema rġiel. Fil-fatt, l-erba’ tipi ta’ leave familjari li huma rilevanti f’dan il-każ (44) huma miftuħa b’mod liberu u ugwali għall-uffiċjali taż-żewġ sessi, anki jekk huma n-nisa li fil-maġġoranza kbira jagħmlu użu minn din il-fakultà. Barra minn hekk, kif jenfasizza l-Gvern Franċiż, kull wieħed minn dawn il-leave jippermetti mingħajr distinzjoni għal dak jew dik li terżerċitah tali fakultà li tissodisfa awtomatikament il-kundizzjoni tal-perijodu minimu tal-interruzzjoni tal-attività li hija rikjesta minn dawn id-dispożizzjonijiet.

47.      Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn il-ħaddiema rġiel u l-ħaddiema nisa, stabbilit fl-Artikolu 141(1) KE, ma jinkisirx minn miżuri nazzjonali li jippermettu l-għoti tal-irtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni taħt kundizzjonijiet bħal dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni magħquda tal-Artikoli L. 24 u R. 37 tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet.

E –    Dwar il-ġustifikazzjoni tad-diskriminazzjonijiet indiretti eventwali li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni

48.      Fid-dawl tar-risposti negattivi li jiena pproponejt li jingħataw għal kull waħda mill-ewwel żewġ domandi, jiena nikkunsidra li ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda, li ġiet espressament ikkunsidrata bħala sussidjarja mill-qorti tar-rinviju.

49.      Din l-aħħar domanda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk id-diskriminazzjoni jew diskriminazzjonijiet indiretti li ġew eventwalment identifikati mill-analiżi tal-ewwel u t-tieni domandi jistgħux ikunu ġġustifikati bl-applikazzjoni tal-Artikolu 141(4) KE. Il-konjuġi Leone u l-Kummissjoni huma tal-opinjoni li din għandha tingħata risposta negattiva.

50.      L-imsemmi paragrafu (4) jippermetti lill-Istati Membri jagħtu deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn il-ħaddiema rġiel u nisa, għaż-żamma jew l-adozzjoni ta’ miżuri li jagħtu vantaġġi speċifiċi intiżi sabiex jikkumpensaw l-iżvantaġġi fil-karriera professjonali subiti minn ċerti ħaddiema (45).

51.      Barra minn hekk, fil-ġurisprudenza tagħha (46), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-miżuri li jiġġustifikaw deroga minn dak il-prinċipju għandhom fihom nfushom mhux biss ikollhom għan newtrali u leġittimu, iżda wkoll jimplementaw mezzi proporzjonali, jiġifieri kemm xierqa kif ukoll neċessarji sabiex jintlaħaq dan l-għan.

52.      F’dan il-każ, il-kwistjoni hija dwar jekk iż-żewġ serje ta’ miżuri kkontestati jistgħux, it-tnejn li huma, jikkostitwixxu azzjoni pożittiva favur uffiċjali nisa li għandhom wild wieħed jew iktar sabiex jikkumpensaw l-iżvantaġġi li l-persuni kkonċernati kellhom ibatu fuq livell professjonali minħabba waqfien mix-xogħol tagħhom minħabba t-twelid jew l-edukazzjoni tat-tfal tagħhom.

53.      Nosserva li l-Artikolu 141(4) KE isemmi “miżuri li jipprovdu għal vantaġġi speċifiċi sabiex […] jipprevjeni jew jikkumpensa għal żvantaġġi” (enfażi miżjud minni). Dan jista’ jidher inkompatibbli mal-każ ta’ miżuri suspettati, bħal f’din il-kawża, li huma indirettament diskriminatorji. F’każ bħal dak, ma hemmx lok li tiġi kkonstatata l-volontà tal-leġiżlatur li jżomm jew jadotta miżuri pożittivi sabiex jgħin lis-sess li huwa żvantaġġjat fuq livell professjonali, peress li ebda element intenzjonali ma huwa meħtieġ. Huwa biżżejjed għalhekk li jkun hemm l-eżistenza ta’ effett konkret li jippreġudika l-ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet. Kemm il-formulazzjoni kif ukoll l-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni donnhom huma intiżi li japplikaw iktar fil-każ ta’ diskriminazzjoni diretta. Madankollu, sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma eskludiet espressament l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni f’każ ta’ diskriminazzjoni indiretta.

54.      F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix dak li jiena pproponejt dwar l-ewwel żewġ domandi, infakkar li jiena diġà ħadt pożizzjoni, fil-kuntest tal-konklużjonijiet tiegħi dwar il-kawża Amédée, iċċitata iktar ’il fuq, dwar id-dispożizzjoni tal-akkreditazzjoni ta’ anzjanità marbuta mal-edukazzjoni tat-tfal li tirriżulta mill-applikazzjoni konġunta tal-Artikoli L. 12(b) u R. 13 tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet inkwistjoni f’din il-kawża (47).

55.      F’dan ir-rigward, jiena indikajt li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa neċessarju li tirrispondi għat-tieni domanda mressqa fl-imsemmija kawża, essenzjalment simili għat-tielet domanda li qed tiġi eżaminata hawnhekk, hija għandha ssegwi l-approċċ negattiv kif deċiż fil-kawża Griesmar, iċċitata iktar ’il fuq (48). Fid-dawl tas-similitudnijiet suffiċjenti li jeżistu bejn l-imsemmija dispożizzjoni tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet u dak stipulat fl-Artikolu 15 tad-Digriet dwar l-uffiċjali tal-awtoritajiet lokali (49), li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża, jiena nsostni l-istess opinjoni dwar din l-aħħar dispożizzjoni.

56.      Fl-opinjoni tiegħi, l-istess għandu japplika, mutatis mutandis, fir-rigward tal-miżuri l-oħra inkwistjoni f’din il-kawża, jiġifieri dawk dwar l-irtirar antiċipat bl-għoti immedjat tal-pensjoni li huwa previst fl-Artikoli L. 24 u R. 37 tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet. Fil-fatt, l-imsemmija miżuri wkoll ma humiex tali li jirrimedjaw (50) il-problemi li l-uffiċjali nisa jistgħu jiltaqgħu magħhom matul il-karriera professjonali tagħhom minħabba l-leave meħud għar-raġunijiet familjari, kif jipprovdi l-Artikolu 141(4) KE, kif interpretat fis-sentenza Griesmar, iċċitata iktar ’il fuq (51).

57.      Minkejja dan, infakkar, li skont l-analiżi li jiena għamilt fil-kawża Amédée, iċċitata iktar ’il fuq (52), fl-opinjoni tiegħi l-imsemmija sentenza Griesmar għamlet astrazzjoni sfortunata tal-fatt li l-għoti ta’ vantaġġi taħt il-forma ta’ drittijiet addizzjonali meħuda matul l-irtirar jippermetti li jiġi evitat li jiġu stabbiliti l-inugwaljanzi tar-remunerazzjonijiet, li huwa evidenti li jeżistu l-iktar għad-detriment tal-ħaddiema nisa, u b’mod partikolari meta dawn tal-aħħar ikunu waqfu l-karriera tagħhom sabiex jassumu l-edukazzjoni tat-tfal. Jiena nżid li, fid-dawl tal-formazzjoni tal-qorti li tat din is-sentenza, l-eventwali riverżjoni tal-ġurisprudenza li ħarġet minnha, fl-opinjoni tiegħi, tista’ ssir biss mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja (53).

58.      Fl-aħħar nett, nippreċiża li, sa fejn ikun aċċettat li ż-żewġ kategorijiet ta’ miżuri inkwistjoni jissodisfaw l-għan leġittimu li jiġi kkumpensat żvantaġġ minħabba s-sess, fis-sens tal-ġurisprudenza dwar id-diskriminazzjoni indiretta, l-imsemmija miżuri jidhirli li huma kemm xierqa kif ukoll proporzjonali. F’dan is-sens, nirrileva li l-preġudizzju professjonali li jirriżulta mill-edukazzjoni tat-tfal huwa subit b’mod konkret f’maġġoranza ferm ikbar min-nisa attwalment (54) u li din is-sitwazzjoni tista’ tippersisti kemm għaliex l-aġir dissimetriku bejn l-irġiel u n-nisa rigward il-qsim tad-dmirijiet ma evolvix kif ukoll għaliex ma jeżistux tip ta’ miżuri oħra, bħall-introduzzjoni tal-leave tal-paternità obbligatorju, l-istabbiliment ta’ leave parentali esklużiv ta’ natura li jinkoraġġixxi l-koppji jagħżlu li jieqaf il-missier, jew l-implementazzjoni ta’ mekkaniżmi intiżi sabiex jerġa’ jkun hemm ekwilibriju tal-ispejjeż marbuta mal-leave familjari fil-każ ta’ persuni li jimpjegaw li l-ħaddiema tagħhom huma prinċipalment nisa u dawk li l-ħaddiema tagħhom huma prinċiparjament irġiel.

V –    Konklużjoni

59.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-cour administrative d’appel de Lyon bil-mod kif ġej:

1)      L-Artikolu 141 KE għandu hiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa ma jipprekludix miżuri nazzjonali bħal dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni konġunta tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 24 u l-Artikolu R. 37 tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet tal-irtirar ċivili u militari.

2)      L-Artikolu 141 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn il-ħaddiema rġiel u l-ħaddiema nisa ma jipprekludix miżuri nazzjonali bħal dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tad-Digriet Nru 2003-1306, tas-26 ta’ Diċembru 2003, dwar is-sistema tal-irtirar tal-uffiċjali affiljati mal-Caisse nationale de retraites des agents des collectivités locales.

3)      Fid-dawl tar-risposta negattiva mogħtija għall-ewwel u t-tieni domandi preliminari, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Konklużjonijiet ippreżentati fil-15 ta’ Diċembru 2011 fil-kawża Amédée (C‑572/10).


3 – Permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Mejju 2012, l-imsemmija kawża tħassret mir-reġistru, peress li l-qorti tar-rinviju rtirat ir-rikors tagħha, wara l-annullament tas-sentenza tar-rinviju tagħha fl-appell.


4 – Il-qorti tar-rinviju ssemmi l-Artikolu 157(4) TFUE, iżda nfakkar li din id-dispożizzjoni ma hijiex dik applikabbli ratione temporis (ara l-punt 1 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


5 – Liġi tal-finanzi rettifikattiva għall-2004 (JORF nru 304, tal-31 ta’ Diċembru 2004, p. 22522).Liġi li tistabbilixxi diversi dispożizzjonijiet dwar is-servizz pubbliku (JORF tas-27 ta’ Lulju 1991, p. 9952)


6 – Liġi li tistabbilixxi diversi dispożizzjonijiet dwar is-servizz pubbliku (JORF tas-27 ta’ Lulju 1991, p. 9952).


7 – Digriet mogħti għall-implementazzjoni tal-Artikolu 136 tal-Liġi Nru 2004-1485 u li jemenda l-Kodiċi dwar il-pensjonijiet ċivili u militarji tal-irtirar (JORF Nru 108, tal-11 ta’ Mejju 2005, p. 8174).


8 –      B’deroga tas-subparagrafu preċedenti, għal ċerti tfal elenkati fl-Artikolu L. 18(II) tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet li l-persuna kkonċernata rabbiet fiċ-ċirkustanzi previsti fil-paragrafu (III) tal-imsemmi artikolu – li ma jinkludux tfal bijoloġiċi bħal dawk ikkonċernati f’din il-kawża –, l-interruzzjoni tal-attività għandha ssir jew qabel is-sittax-il sena tagħhom, jew qabel l-età li fiha huma ma jibqgħux dipendenti.


9 – JORF Nru 301, tat-30 ta’ Diċembru 2003, p. 22477.


10 – M. Leone u B. Leone jippreċiżaw, fl-osservazzjonijiet tagħhom, li din tal-aħħar issostni, flimkien mar-raġel tagħha, li hija wkoll ġarrbet dannu permezz tar-rifjut tal-ammissjoni inkwistjoni peress li, meta jmut M. Leone, dan ser jaffettwa s-somma tal-pensjoni tas-superstiti li hija tista’ tirċievi proporzjonalment għall-benefiċċji marbuta mal-edukazzjoni tat-tfal.


11 – B’mod iktar preċiż, il-konjuġi Leone talbu li l-Istat Franċiż ikun iddikjarat responsabbli u kkundannat iħallas id-danni provviżorjament stabbiliti fl-ammont totali ta’ EUR 86.595 flimkien mal-interessi bir-rata legali.


12 – Il-kontenut tal-imsemmija artikoli L. 12 u R. 13, li ma humiex is-suġġett ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, huwa ċċitat fil-punti 7 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Amédée, iċċitata iktar ’il fuq.


13 – Madankollu, iċ-CNRACL ma ppronunzjatx ruħha fuq ir-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi preliminari.


14 – Il-Gvern Franċiż jenfasizza li din il-qorti tillimita ruħha sabiex tiċċita l-argumenti tal-partijiet fil-kawża prinċipali u d-dispożizzjonijiet nazzjonali invokati, minkejja li hija kellha tidentifika, anki jekk fil-qosor, l-effetti tagħhom li fl-opinjoni tagħha setgħu jwasslu għal diskriminazzjoni indiretta, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.


15 – Dan il-gvern jirreferi għas-sentenzi tal-Kunsill tal-Istat tad-29 ta’ Diċembru 2004, D’Amato (Rikors Nru 265097); tas-6 ta’ Diċembru 2006, Delin (Rikors Nru 280681), u tas-6 ta’ Lulju 2007, Fédération générale des fonctionnaires Force Ouvrière et (Rikorsi Magħquda Nri 281147 u 282169).


16 – Infakkar li hija biss id-deċiżjoni tar-rinviju li tiġi nnotifikata lill-partijiet fil-kawża prinċipali u lill-persuni kkonċernati l-oħra msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari l-Istati Membri, sabiex jinġabru l-osservazzjonijiet bil-miktub eventwali tagħhom.


17 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (C‑237/04, Ġabra p. I‑2843, punti 17 sa 19); tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International (C‑42/07, Ġabra p. I ‑7633, punt 41), kif ukoll tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer (C‑145/10, Ġabra p. I‑12533, punti 46 et seq, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn is-sentenzi jirrigwardaw verżjoni preċedenti tal-imsemmi regolament għal dak applikabbli f’din il-kawża (ĠU 2012 L 265, p. 24), iżda jibqgħu rilevanti.


18 – Ara, rigward l-akkreditazzjoni ta’ anzjanità kif previst fl-Artikolu L. 12(b) tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2001, Griesmar (C‑366/99, Ġabra p. I‑9383, punti 25 et seq), u rigward id-dritt għall-pensjoni tal-irtirar bl-għoti immedjat li jirriżulta mill-Artikolu L. 24(I)(3)b) tal-imsemmi kodiċi, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Mouflin (C‑206/00, Ġabra p. I‑10201, punti 20 et seq).


19 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, (C‑559/07, Ġabra p. I‑47*, punti 42, 47 et seq, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tat-22 ta’ Novembru 2012, Elbal Moreno (C‑385/11, punti 19 sa 26).


20 –      Skont definizzjonijiet li jinsabu, fost l-oħrajn, fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2006/54/KE, tal-Parlament u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 204 p. 23).


21 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Mejju 2004, Elsner Lakeberg (C‑285/02, Ġabra p. I‑5861, punt 12); tal-10 ta’ Marzu 2005, Nikoloudi (C‑196/02, Ġabra p. I‑1789, punti 44 u 57), kif ukoll tal-20 ta’ Ottubru 2011, Brachner (C‑123/10, Ġabra p. I 10003, punti 55 u 56).


22 – Din il-possibbiltà ta’ deroga minħabba “miżuri pożittivi” tinsab fid-dritt sekondarju (ara, fost oħrajn, il-premessa 22 u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/54).


23 – Ara l-punti 52 et seq ta’ din is-sentenza, speċjalment il-punt 57, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Artikolu L. 12(b) tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ dakinhar, ma jippermettix lill-uffiċjal raġel li jinsab f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġi professjonali marbuta mal-edukazzjoni tat-tfal tiegħu li jippretendi l-akkreditazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk huwa juri li huwa assuma effettivament din l-edukazzjoni.


24 – Emenda introdotta permezz tal-Liġi Nru 2003-775, tal-21 ta’ Awwissu 2003, dwar riforma tal-irtirar (JORF nru 193, tat-22 ta’ Awwissu 2003, p. 14310) u permezz tad-Digriet nru 2003-1305, tas-26 ta’ Diċembru 2003, mogħti għall-implementazzjoni tal-imsemmija liġi (JORF nru 301, tat-30 ta’ Diċembru 2003, p. 22473), li introduċa fil-Kodiċi dwar il-pensjonijiet Artikolu R. 13 ġdid, sabiex jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-benefiċċju tal-akkreditazzjoni previst fl-imsemmi Artikolu L. 12.


25 – Jien infakkar li dan id-digriet, li jġib in-numru 2003-1306, għandu wkoll id-data tas-26 ta’ Diċembru 2003.


26 – B’hekk, fil-bidu tal-Artikolu 15 tal-imsemmi digriet, huwa speċifikat li l-akkreditazzjonijiet li jelenka dan l-artikolu “għandhom jiżdiedu, fil-kundizzjonijiet previsti għall-uffiċjali ċivili tal-Istat”. Barra minn hekk, l-Artikolu 25(I) tiegħu, jindika li “id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 24(I) tal-[Kodiċi dwar il-pensjonijiet] japplikaw għall-uffiċjali msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet”.


27 – Fil-fatt, riferiment espress għall-“kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu R. 13 tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet” ġie introdott fl-Artikolu 15 tad-Digriet dwar l-uffiċjali tal-awtoritajiet lokali, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011, permezz tad-Digriet Nru 2010-1740, tat-30 ta’ Diċembru 2010 (JORF nru 303, tat-31 ta’ Diċembru 2010, test nru 93), fl-istess waqt tal-emendi introdotti fl-imsemmi kodiċi (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 41 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Amédée, iċċitata iktar ’il fuq).


28 – B’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 1999, Abdoulaye et (C‑218/98, Ġabra p. I‑5723, punt 16), u tat-28 ta’ Frar 2013, Kenny et (C‑427/11, punti 19 et seq).


29 – B’mod partikolari, is-sentenza Nikoloudi, iċċitata iktar ’il fuq (punti 44 u 47).


30 – Ara l-punti 31 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Amédée, iċċitata iktar ’il fuq.


31 – Rigward l-iżvantaġġi kkawżati mill-maternità fil-ħajja professjonali tan-nisa u l-korrispettiv li jiġġustifikahom, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1984, Hofmann (184/83, Ġabra p. 3047, punt 27); tas-17 ta’ Ottubru 1995, Kalanke (C‑450/93, Ġabra p. I‑3051, punti 18 et seq), kif ukoll Abdoulaye et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 19).


32 – Il-konjuġi Leone isemmu li, skont statistika fir-rigward tas-sena 2007, leave parentali ttieħed 94 % min-nisa u 6 % biss mill-irġiel u li, b’mod iktar ġenerali, matul il-perijodu bejn l-2007 u l-2011, l-assenzi minħabba raġunijiet familjari kienu ta’ 0 sa 2 % fir-rigward tal-irġiel u ta’ 98 % sa 100 % fir-rigward tan-nisa.


33 – Rapport tal-Istitut nazzjonali tal-istatistika u studji ekonomiċi (Insee) juri li “[m]inkejja […] drittijiet familjari marbuta mat-tfal [li jnaqqsu d-differenzi tal-perijodu tal-kontribuzzjoni valida], il-livelli tal-pensjonijiet tad-dritt proprju tan-nisa [jiġifieri bl-esklużjoni tal-pensjonijiet tas-superstiti] huma ferm inferjuri għal dawk tal-irġiel. Anki jekk id-differenza titnaqqas progressivament, din xorta tibqa’ għal ġenerazzjonijiet ta’ nisa attwalment attivi”. Huwa jippreċiża li “jibqa’ frekwenti li mara tieqaf temporanjament mix-xogħol wara t-twelid” u li fl-2010, 31 % tan-nisa, kontra 7 % biss tal-irġiel, irrikorrew għal part time, b’rabta mal-preżenza tat-tfal, filwaqt li din l-ewwel ċifra titla’ anki għal 47 % għan-nisa li għandhom tlett itfal jew iktar (ara Femmes et hommes — Regards sur la parité — Edizzjoni 2012, Insee Références, Paris, 2012, speċjalment p. 39 et seq u p. 112).


34 – Dawn iċ-ċirkustanzi waħedhom jispjegaw li, skont l-istatistika ċċitata mill-konjuġi Leone, wara d-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 15 tal-imsemmi digriet, in-nisa kienu ser jiksbu, medja ta’ 6.9 trimestri ta’ akkreditazzjonijiet għat-tfal filwaqt li l-irġiel ma kienu ser jiksbu xejn, fis-servizz pubbliku mediku.


35 – Studju tal-Insee jindika li “[w]ara twelid, raġel wieħed minn disgħa jnaqqas jew iwaqqaf temporanjament l-attività tiegħu meta mqabbel ma’ mara minn tnejn” fi Franza u li dan il-proporzjon tal-aħħar huwa ikbar fil-Ġermanja, fl-Isvezja u fir-Renju Unit (ara Insee Première, nru 1454, Ġunju 2013, http://www.insee.fr/fr/ffc/ipweb/ip1454/ip1454.pdf). Bl-istess mod, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, intitolat “Stratégie pour l’égalité entre les femmes et les hommes 2010-2015” (COM[2010] 491 final, p. 7), jenfasizza li “[ħ]afna nisa jaħdmu part time jew fil-kuntest ta’ kuntratti atipiċi. Anki jekk dan jippermettilhom li jibqgħu fis-suq tax-xogħol filwaqt li jieħdu ħsieb il-familja tagħhom, dan jista’ jkollu effett negattiv fuq il-paga tagħhom, il-karriera tagħhom, il-possibbiltà ta’ promozzjoni tagħhom u l-irtirar tagħhom”.


36 – Il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-akkreditazzjoni li huma stipulati fl-Artikolu 15 tad-Digriet dwar l-uffiċjali tal-awtoritajiet lokali huma essenzjalment simili għal dawk stipulati għall-irtirar antiċipat fl-imsemmija Artikoli L. 24 u R. 37, ħlief għal tliet differenzi prinċipali. L-ewwel differenza hija li akkreditazzjoni jingħata jekk il-persuna kkonċernata tkun rabbiet tal-inqas wild wieħed, meta mqabbla ma’ tlett itfal fil-kuntest tal-irtirar antiċipat. It-tieni waħda hija li l-interruzzjoni tal-attività mitluba għall-irtirar antiċipat għandha sseħħ matul perijodu ddeterminat u direttament marbut jew mat-twelid tal-wild, jew mal-wasla fid-dar jekk il-wild huwa adottat, għall-kuntrarju ta’ dik meħtieġa għall-akkreditazzjoni. It-tielet waħda hija li perijodi li ma jkunux taw lok għall-kontribuzzjoni obbligatorja huma assimilati għall-interruzzjoni tal-attività rikjesta u jagħtu dritt għall-irtirar antiċipat, li ma huwiex il-każ għall-akkreditazzjoni.


37 – Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmi prinċipju ta’ ugwaljanza ma kienx miksur mill-Artikolu L. 24 tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet li kien fis-seħħ dakinhar inkwantu huwa jirriżerva d-dritt għall-pensjoni tal-irtirar bl-għoti immedjat għall-uffiċjali nisa biss, li l-konjuġi tagħhom għandhom diżabilità jew marda li ma hijiex kurabbli li tpoġġihom f’impossibbiltà li jeżerċitaw kwalunkwe professjoni, u teskludi b’hekk minn dan id-dritt l-uffiċjali rġiel li jinsabu fl-istess sitwazzjoni.


38 – Jiġifieri f’perijodu bejn erba’ ġimgħat qabel it-twelid (jew l-adozzjoni) u sitt ġimgħat wara.


39 – Jiġifieri leave tal-maternità, leave tal-paternità, leave tal-adozzjoni, leave parentali, leave tal-presenza parentali jew disponibbiltà għat-trobbija ta’ tifel ta’ inqas minn tmien snin.


40 – F’dan ir-rigward, ara l-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Amédée, iċċitata iktar ’il fuq.


41 – Dwar il-partikolaritajiet u l-għanijiet ta’ dan il-leave kif irrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Betriu Montull (C‑5/12, punti 49 et seq, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


42 – Jien infakkar li d-dritt għal-leave tal-maternità li huwa kemm obbligatorju u bi ħlas huwa previst kemm mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ara l-punti 33 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Amédée, iċċitata iktar ’il fuq).


43 – Peress li d-dritt għall-irtirar antiċipat inkwistjoni ma jingħatax ħlief fil-każ fejn il-persuna kkonċernata kellha tal-inqas tlett itfal dipendenti fuqha.


44 – Il-leave tal-maternità u l-leave tal-paternità huma esklużi għal din il-kategorija ta’ ġenituri.


45 – L-Artikolu 141(4) KE jipprovdi, madankollu b’mod ġeneriku, il-possibbiltà ta’ deroga li tidher, għal benefiċċju tan-nisa biss, fl-Artikolu 6(3) tal-Ftehim dwar il-politika soċjali konkluż bejn l-Istati Membri u l-Komunità Ewropea bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU 1992, C 191, p. 91, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-politika soċjali”), sad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, fl-1 ta’ Mejju 1999. L-Artikolu 23(2) tal-Karta dwar id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistabilixxi ukoll li “[i]l-prinċipju ta’ ugwaljanza [bejn l-irġiel u n-nisa] m’għandux jimpedixxi li jinżammu jew jiġu adottati miżuri maħsuba sabiex jagħtu vantaġġi speċifiċi lis-sess l-anqas irrapreżentat”.


46 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kenny et, iċċitata iktar ’il fuq (il-punti 36 u 37, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


47 – Ara l-punti 52 et seq tal-imsemmija konklużjonijiet.


48 – Fil-punti 52 u 60 sa 67 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżura bħal dik prevista fl-imsemmi Artikolu L. 12, fil-verżjoni tiegħu applikabbli dakinhar tal-kawża prinċipali, ma setgħetx tkun kkunsidrata bħala tali li tikkumpensa l-iżvantaġġi li għalihom huma esposti l-karrieri tal-uffiċjali nisa, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tal-Ftehim dwar il-politika soċjali (ekwivalenti għall-Artikolu 141(4) KE), ladarba huma limitati li jagħtu lill-ommijiet akkreditazzjoni ta’ anzjanità fil-mument jirtiraw, mingħajr ma jgħinhom b’tali mod li jtaffi d-diffikultajiet li huma seta’ jkollhom fil-ħajja professjonali tagħhom.


49 – Dwar dawn is-similaritajiet, ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50 – Il-Kummissjoni tqis li din il-miżura tal-irtirar antiċipat tista’ wkoll, għall-kuntrarju, twassal għall-esklużjoni tal-uffiċjali nisa mill-ħajja professjonali u mill-possibbiltà li jkomplu b’karriera reali.


51 – Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-kundizzjoni tal-età legali għall-irtirar differenti skont is-sess, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑46/07, Ġabra p. I‑151, punti 57 u 58).


52 – Ara l-punti 58 u 59 tal-konklużjonijiet tiegħi fl-imsemmija kawża.


53Ibidem punt 57.


54 – B’hekk, il-premessa 22 tad-Direttiva 2006/54 issemmi, fir-rigward ta’ miżuri pożittivi, li “[m]agħrufa s-sitwazzjoni attwali, l-Istati Membri għandhom, fl-ewwel post, jimmiraw sabiex itejbu s-sitwazzjoni tan-nisa fil-ħajja tax-xogħol”.