Language of document : ECLI:EU:T:2013:64

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

7 ta’ Frar 2013 (*)

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ soluzzjonijiet ta’ urea u nitrati tal-ammonja provenjenti mir-Russja — Talba għal reviżjoni ta’ skadenza ta’ miżuri — Talba għal reviżjoni interim — Ammissibbiltà — Valur normali — Prezz tal-esportazzjoni — Artikoli 1, 2 u l-Artikolu 11(1) sa (3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 [li saru l-Artikoli 1, 2 u l-Artikolu 11(1) sa (3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009]”

Fil-Kawża T‑84/07,

EuroChem Mineral and Chemical Company OAO (EuroChem MCC), stabbilita f’Moska (ir-Russja), inizjalment irrappreżentata minn P. Vander Schueren u B. Evtimov, avukati, sussegwentement minn B. Evtimov u D. O’Keeffe, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix u B. Driessen, bħala aġenti, assistiti minn G. Berrisch, avukat,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. van Vliet u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament imressaq kontra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1911/2006, tad-19 ta’ Diċembru 2006, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ soluzzjonijiet ta’ urea u ta’ nitrati ta’ l-ammonju li joriġinaw mill-Alġerija, mill-Belarus, mir-Russja u mill-Ukraina wara reviżjoni ta’ skadenza skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (ĠU L 200M, 1.08.2007, p. 470),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn L. Truchot, President, H. Kanninen (Relatur) u M. E. Martins Ribeiro, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Il-leġiżlazzjoni bażika antidumping hija kkostitwita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45) kif emendat (iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”) [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22)].

2        L-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament bażiku (li sar l-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 1225/2009) jipprovdi:

“1.      Dazju kontra dumping jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott oġġett ta’ dumping li l-liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità tikkawża ħsara.

2.      Prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala oġġett ta’ dumping jekk il-prezz ta’ l-esportazzjoni tiegħu għall-Komunità ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur.”

3        Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku (li sar l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1225/2009):

“1.      Il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti mill-pajjiż esportatur.

Madanakollu, fejn l-esportatur fil-pajjiż esportatur ma jipproduċix jew ma jbigħx il-prodott simili, il-valur normali jista’ jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ prezzijiet ta’ bejjiegħa jew produtturi oħra.

Prezzijiet bejn partijiet li jidhru li jkunu assoċjati jew li jidhru li jkollhom arranġament ta’ kumpens ma’ xulxin ma jistgħux jitqiesu li jkunu fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ u ma jistgħux jintużaw biex jistabbilixxu valur normali sakemm ma jkunx stabbilit li huma ma humiex milquta mir-relazzjoni.

[…]

2. Il-bejgħ tal-prodott simili maħsub għall-konsum domestiku għandu normalment jiġi wżat biex jiġi stabbilit valur normali jekk volum ta’ bejgħ bħal dan jikkonstitwixxi 5 % jew aktar mill-volum tal-bejgħ tal-prodott taħt konsiderazzjoni lill-Komunità.

Madanakollu, jista’ jiġi wżat volum inqas ta’ bejgħ meta, per eżempju, il-prezzijiet mitluba jkunu kkunsidrati rappreżentattivi għas-suq konċernat.

3. Meta ma jkun hemm l-ebda bejgħ jew meta ma jkunx hemm biżżejjed bejgħ tal-prodott simili fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, jew fejn, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq bejgħ bħal dan ma jippermettix paragun xieraq, il-valur normali ta’ prodott simili għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ l-ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi u għal profitti, jew fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, lill-pajjiż terz xieraq, sakemm dawk il-prezzijiet ikunu rappreżentattivi. Jitqies li jkun hemm sitwazzjoni partikolari tas-suq għall-prodott ikkonċernat fit-tifsira tal-ewwel subparagrafu meta, inter alia, il-prezzijiet ikunu baxxi artifiċjalment, meta jkun hemm kummerċ ta’ skambju sinjifikattiv jew fejn ma jkunx hemm arranġamenti ta’ proċessar mhux kummerċjali.

[…]

5.      L-ispejjeż għandhom normalment jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta’ records miżmuma mill-parti taħt investigazzjoni, sakemm records bħal dawn ikunu bi qbil mal-prinċipji tal-kontijiet ġeneralment aċċettati tal-pajjiż konċernat u sakemm ikun muri li r-records jirriflettu b’mod raġjonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt konsiderazzjoni. Jekk l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt investigazzjoni ma humiex riflessi b’mod raġonevoli fir-reġistrazzjonijiet tal-parti interessata, dawn għandhom jiġu aġġustati jew stabbiliti fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż ta’ produtturi jew esportaturi oħra fl-istess pajjiż jew, fejn din l-informazzjoni mhix disponibbli jew ma tistax tintuża, fuq kull bażi oħra raġonevoli, inkluża informazzjoni minn swieq oħra rappreżentattivi.

Għandha tingħata konsiderazzjoni lill-evidenza sottomessa dwar l-allokazzjoni xierqa ta’ l-ispejjeż, sakemm ikun muri li allokazzjonijiet bħal dawn kienu ġew utilizzati storikament. Fin-nuqqas ta’ metodu aktar xieraq, għandha tingħata preferenza għall-allokazzjoni ta’ l-ispejjeż fuq il-bażi tal-fatturat. Sakemm mhux diġà riflessi fl-allokazzjonijiet ta’ l-ispejjeż taħt dan is-subparagrafu, l-ispejjeż għandhom jiġu aġġustati kif xieraq għal dawk l-oġġetti ta’ spejjeż mhux rikurrenti li jagħmlu tajjeb għall-produzzjoni fil-ġejjieni u/jew kurrenti.

Fejn l-ispejjeż għal parti mill-perjodu għall-irkupru ta’ l-ispejjeż jiġu affettwati mill-użu ta’ faċilitajiet ġodda ta’ produzzjoni li jeħtieġu investiment addizzjonali sostanzjali u permezz ta’ rati ta’ utilizzazzjoni ta’ volum baxx, li huma r-riżultat ta’ operazzjonijiet tal-bidu li jseħħu fi ħdan jew matul parti minn perjodu ta’ investigazzjoni, l-ispejjeż medji għall-fażi tal-bidu għandhom ikunu dawk applikabbli, taħt ir-regoli ta’ l-allokazzjoni msemmija hawn fuq, fit-tmiem ta’ fażi bħal din, u għandhom jiġu inklużi f’dak il-livell, għall-perjodu konċernat, fl-ispejjeż medji kkalkulati msemmija fit-tieni sub-paragrafu tal-paragrafu 4. It-tul ta’ fażi tal-bidu għandu jiġi determinat skond iċ-ċirkustanzi tal-produttur u l-esportatur konċernat, imma m’għandux jaqbeż proporzjon inizjali xieraq tal-perjodu għall-irkupru ta’ l-ispejjeż. Għal dan l-aġġustament għall-ispejjeż matul il-perjodu ta’ investgazzjoni, informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ fażi tal-bidu li testendi l bogħod minn dak il-perjodu għandu jittieħed kont tagħha fejn hi sottomessa qabel żjajjar ta’ verifika u fi żmien tlett xhur mill-bidu ta’ l-investigazzjoni.

6.      L-ammonti għall-bejgħ, għal spejjeż ġenerali u amministrattivi u għal profitti għandhom jiġu bbażati fuq data attwali li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni u l-bejgħ, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, tal-prodott simili mill-esportatur jew il-produttur taħt investigazzjoni. Meta ammonti bħal dawn ma jistgħux jiġu stabbiliti fuq din il-bażi, l-ammonti jistgħu jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’:

a)      l-medja peżata ta’ l-ammonti attwali stabbilita għal esportaturi jew produtturi oħra soġġetti għal investigazzjoni fejn għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodott ta’ l-istess tip fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini;

b)      l-ammonti attwali applikabbli għall-produzzjoni u l-bejgħ, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ ta’ l-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti għall-esportatur jew il-produttur in kwistjoni fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ orġini;

ċ)      kwalunkwe metodu raġjonevoli ieħor, sakemm l-ammont għal profitt b’hekk stabbilit ma jaqbiżx il-profitt normalment magħmul minn esportaturi jew produtturi oħra fuq bejgħ ta’ prodotti ta’ l-istess kategorija ġenerali fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini.

7.      a) Fil-każ ta’ l-importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx l-ekonomija tas-suq, il-valur normali għandu jiġi stabilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn dan il-pajjiż terz għall-pajjiżi l-oħra, inkluża l-Komunità, jew fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kull bażi oħra raġjonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew li jrid jitħallas fil-Komunità għal prodott simili, aġġustat kif xieraq jekk meħtieġ għalbiex jinkludi marġni ta’ profitt raġjonevoli.

Għandu jiġi magħżul pajjiż terz xieraq b’ekonomija tas-suq b’manjiera li ma tkunx irraġjonevoli, filwaqt jitqies kull tagħrif ta’ min joqgħod fuqu li jkun disponibbli fiż-żmien tal-għażla. Għandhom jitqiesu wkoll il-limiti taż-żmien; fejn xieraq, għandu jiġi wżat pajjiż terz b’ekonomija tas-suq li huwa bla ħsara għall-istess investigazzjoni.

[…]

10.      Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz ta’ l-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ magħmula, kemm jista’ jkun kważi fl-istess ħin, u b’kont dovut meħud ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragun tal-prezz. Fejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni kif stabbiliti mhumiex fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm disposizzjoni, f’forma ta’ aġġustamenti, f’kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragun tal-prezzijiet. Kwalunkwe duplikazzjoni meta jsiru l-aġġustamenti għandha tiġi evitata, b’mod partikolari fejn jidħlu tnaqqis, ribassi, kwantitajiet u l-livell tal-kummerċ […]

[…]

i)      Il-kummissjonijiet

Għandu jsir aġġustament għad-differenzi fil-kummissjonijiet imħallsa fejn jidħol il-bejgħ taħt kunsiderazzjoni. Il-kelma ‘kummissjonijiet’ għandha tinftiehem li tinkludi ż-żieda fuq il-prezz li jirċievi negozjant tal-prodott jew prodott simili jekk il-funzjonijiet ta’ dak in-negozjant huma simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni.

[…]”

4        L-Artikolu 11(1) sa (3) u (5) tar-Regolament bażiku (li sar l-Artikolu 11(1) sa (3) u (5) tar-Regolament Nru 1225/2009) jipprovdi hekk kif ġej:

“1.      Miżura kontra d-dumping għandha tibqa’ infurzata biss sakemm, u sal-punt li, huwa meħtieġ li jiġi oppost d-dumping li jkun qiegħed jikkawża ħsara.

2.      Miżura definittiva kontra d-dumping għandha tiskadi ħames snin wara l-impożizzjoni tagħha jew ħames snin mid-data tal-konklużjoni ta’ l-iktar reviżjoni riċenti li kopriet kemm id-dumping kif ukoll il-ħsara, sakemm ma jiġix stabbilit f’reviżjoni li d-data ta’ skadenza kienet x’aktarx twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara […]

3.      Il-bżonn ta’ l-impożizzjoni kontinwa ta’ miżuri tista’ tiġi riveduta wkoll, fejn garantita, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq it-talba ta’ Stat Membru, jew sakemm ikun għadda perjodu raġjonevoli ta’ mill-inqas sena mill-impożizzjoni tal-miżura definittiva, fuq talba minn kwalunkwe esportatur jew importatur jew mill-produtturi tal-Komunità li jkun fiha biżżejjed evidenza li tissostanzja l-bżonn għal reviżjoni interim bħal din.

Reviżjoni interim għanda tinbeda fejn it-talba jkun fiha evidenza biżżejjed li l-impożizzjoni kontinwa tal-miżura ma għadhiex aktar neċessarja biex twieġeb għall-bejgħ taħt il-prezz u/jew li l-ħsara x’aktarx ma titkompliex jew ma terġax tiġri li kieku l-miżura kellha titneħħa jew tiġi mibdula, jew li l-miżura eżistenti mhix, jew ma għadhiex iktar, biżżejjed sabiex tirribatti għall-bejgħ taħt il-prezz li jkun qiegħed jikkawża ħsara […]

[…]

5.      Id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament rigward proċeduri u t-twettieq ta’ investigazzjonijiet, ħlief dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ limiti ta’ żmien, jgħoddu għal kull reviżjoni li titwettaq skond il-paragrafi 2, 3 u 4. Ir-reviżjonijiet li jitwettqu skond il-paragrafi 2 u 3 għandhom jitwettqu malajr u normalment għandhom jintemmu fi 12-il xahar mill-bidu tar-reviżjoni […]”

5        Il-premessi 3 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1972/2002, tal-5 ta’ Novembru 2002, li jemenda r-regolament bażiku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 132), jipprovdi:

“(3)      L-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 jistipula, inter alia, illi fejn minħabba f’sitwazzjoni tas-suq partikolari l-bejgħ ta’ prodott simili ma jippermettix paragun tajjeb, il-valur normali għandu jiġi kalkolat fuq il-bażi tal-kost tal-produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini biż-żieda ta’ ammont raġonevoli għall-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi u għall-profitt, jew fuq il-bażi ta’ prezzijiet ta’ esportazzjoni, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, lil pajjiż terz xieraq sakemm dawk il-prezzijiet ikunu rappreżentattivi. Hu prudenti li jsir provvediment biex issir kjarifika dwar liema ċirkostanzi għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu sitwazzjoni tas-suq partikolari l-bejgħ ta’ prodott simili ma jippermettix paragun tajjeb. Dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu, per eżempju, jinħolqu minħabba fl-eżistenza ta’ kummerċ ta’ skambju u arranġamenti oħra ta’ proċessar mhux kummerċjali jew impedimenti oħra fis-swieq. Bħala riżultat, is-sinjali mis-swieq jistgħu ma jirriflettux tajjeb l-fornitura u t-talba li imbagħad jista’ jkollhom impatt fuq l-ispejjeż u l-prezzijiet rilevanti u jista’ ukoll jirriżulta li l-prezzijiet domestiċi jkunu kompletament differenti mill-prezzijiet fis-swieq dinjin jew il-prezzijiet fi swieq oħra rappreżentattivi. Ovvjament, kull kjarifika mogħtija f’dan il-kuntest ma tistax tkun ta’ natura eżawrjenti minħabba fil-varjetà wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet partikolari tas-swieq possibbli li ma jippermettux li jsir paragun tajjeb.

(4)      Hu kkunsidrat xieraq li tingħata ċerta gwida dwar x’għandu jsir jekk, skond l-artikolu 2(5) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, ir-reġistrazzjonijiet ma jirriflettux b’mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt konsiderazzjoni, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet fejn minħabba f’sitwazzjoni partikolari tas-swieq il-bejgħ ta’ prodott simili ma jippermettix li jsir paragun tajjeb. F’sitwazzjonijiet bħal dawn id-data rilevanti għandha tinkiseb minn egħjun li ma humiex effettwati minn dan it-tgħawwiġ. Dawn l-egħjun jistgħu jkunu l-ispejjeż ta’ produtturi jew esportaturi oħra fl-istess pajjiż jew, fejn din l-informazzjoni mhix disponibbli jew ma tistax tintuża, kull bażi oħra raġonevoli, inkluża informazzjoni minn swieq rappreżentattivi oħra. Id-data rilevanti tista’ tintuża jew biex isir aġġustament ta’ ċerti partiti tar-reġistrazzjonijiet tal-parti li tkun qed tiġi kkunsidrata jew, fejn dan ma jkunx possibbli, biex jiġu stabbiliti l-ispejjeż tal-parti li tkun qed tiġi kkunsidrata.”

6        L-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim fuq l-Implementazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali fuq it-Tariffi u n-Negozju ta’ 1994 (ĠU L 336, p. 103, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi kontra d-dumping ta’ 1994”), li jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, għal dak li għandhom x’jaqsmu l-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, ta’ ftehim li ntlaħqu fil-Laqgħa ta’ l-Urugwaj ta’ negozjati multilaterali (1986‑1994) (ĠU L 336, p. 1), jipprovdi:

“Għall-għan tal-paragrafu 2, l-ispejjeż huma normalment ikkalkulati fuq bażi ta’ reġistri li jinżammu mill-esportatur jew il-prodotti li huma sottomessi għall-investigazzjoni, iżda jrid jiġi pprovdut li, dawn ir-reġistri huma konformi mal-prinċipji tal-kontabbilità li huma ġeneralment aċċettati mill-pajjiż li qed jesporta u jirriflettu b’mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-prodotti u mal-bejgħ tal-prodotti li qed jitqiesu. L-Awtoritajiet ikollhom iqisu kull evidenza disponibbli mill-esportatur jew il-persuna li tkun qed tipproduċi tul l-investigazzjoni iżda jrid jiġi pprovdut li dawn l-allokazzjonijiet ġew storikament utilizzati mill-esportatur jew mill-persuna li tkun qed tipproduċi, partikolarment in konessjoni biex jistabbilixxu termini xierqa għall-ħlas lura ta’ dejn u deprezzament u konċessjonijiet għan-nefqa tal-kapital u spejjeż oħra għall-iżvilupp. Sakemm mhux diġa apparenti mill-allokazzjonijet ta’ l-ispejjeż taħt dan is-sub-paragrafu, l-ispejjeż għandhom jiġu rranġati kif suppost għal dawk il-ħwejjeġ ta’ l-ispejjeż li ma jirrepetux lilhom nfushom u li jibbenefikaw produzzjonijiet futuri u/jew kurrenti, jew fiċ-ċirkostanzi fejn l-ispejjeż matul il-perjodu ta’ investigazzjoni huma affetwati b’operazzjonijiet inizjali.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Fit-18 ta’ Settembru 2000, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1995/2000, li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazji provviżorji imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ soluzzjonijiet ta’ urea u nitrati ta’ l-ammonja li joriġinaw mill-Alġerija, il-Belarus, il-Litwanja, ir-Russja u l-Ukrajna, u li jtemmu l-proċedura kontra d-dumping fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika Slovakka (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 34, p. 108). Il-miżuri stabbiliti fuq l-importazzjonijiet tas-soluzzjonijiet ta’ urea u nitrati tal-ammonja (iktar ’il quddiem is-“SUNA” jew il-“prodott ikkonċernat”) li joriġinaw mil-Litwanja skadew wara t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea li seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004.

 Fuq it-talba għall-reviżjoni qabel l-iskadenza ta’ miżuri antidumping

8        Fl-20 ta’ Ġunju 2005, sussegwentement għall-pubblikazzjoni, fis-17 ta’ Diċembru 2004, ta’ avviż ta’ skadenza imminenti ta’ ċerti miżuri antidumping u ta’ ċerti miżuri kumpensatorji (ĠU C 312, p. 5), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej irċeviet talba għal reviżjoni qabel l-iskadenza ta’ miżuri, b’mod konformi mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Din it-talba ġiet ippreżentata mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Fertilizzanti.

9        Peress li ġiet stabbilita, wara konsultazzjoni tal-kumitat konsultattiv, l-eżistenza ta’ provi suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-ftuħ ta’ reviżjoni qabel l-iskadenza ta’ miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ SUNA li joriġinaw mill-Alġerija, mill-Belarus, mir-Russja u mill-Ukraina, il-Kummissjoni ppublikat, fit-22 ta’ Settembru 2005, avviż ta’ bidu ta’ reviżjoni qabel l-iskadenza ta’ miżuri, b’mod konformi mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku (ĠU C 233, p. 14).

10      L-investigazzjoni fuq il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping kopriet il-perjodu bejn l-1 ta’ Lulju 2004 u t-30 ta’ Ġunju 2005 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni”). L-eżami tat-tendenzi utli għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu kopra l-perjodu bejn is-sena 2002 sat-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni.

11      Il-partijiet ikkonċernati kellhom il-possibbiltà li jgħarrfu l-perspettiva tagħhom bil-miktub u li jitolbu li jinstemgħu fit-terminu stabbilit fl-avviż ta’ bidu. Il-partijiet ikkonċernati kollha li talbuha u li indikaw li kellhom raġunijiet partikolari sabiex jinstemgħu fil-fatt instemgħu.

12      Fid-19 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1911/2006, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ SUNA li joriġinaw mill-Alġerija, mill-Belarus, mir-Russja u mill-Ukraina wara reviżjoni ta’ skadenza skond l-Artikolu 11(2) tar-regolament bażiku (ĠU L 200M, 1.08.2007, p. 470) (iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”). Skont dan tal-aħħar, il-Kunsill iddeċida li jżomm il-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ SUNA provenjenti b’mod partikolari mir-Russja F’dan ir-rigward, huwa introduċa dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tat-taħlitiet ta’ urea u ta’ nitrati tal-ammonju jew soluzzjoni ammonjakali li jaqgћu fil-kodiċi NM 3102 80 00, li joriġinaw b’mod partikolari mir-Russja. Ir-rikorrenti, produttriċi-esportatriċi fir-Russja, hija waħda mill-impriżi previsti minn dan id-dazju antidumping.

13      Il-premessi 58 sa 63 tar-regolament ikkontestat huma redatti hekk kif ġej:

“(58) Ġie eżaminat jekk l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat kinux riflessi b’mod raġjonevoli fir-reġistri tal-partijiet ikkonċernati. Rigward l-ispejjeż tal-gass instab li l-prezz domestiku tal-gass li tћallas mill-produtturi Russi kien madwar wieћed minn kull ћamsa tal-prezz ta’ l-esportazzjoni tal-gass naturali mir-Russja. F’dan ir-rigward, id-data kollha disponibbli tindika li l-prezzijiet domestiċi tal-gass fir-Russja kienu prezzijiet irregolati, li huma ferm taħt il-prezzijiet tas-suq li tћallsu fis-swieq gћall-gass naturali li mhumiex irregolati. Għalhekk, skond l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażi, l-ispejjeż tal-gass li tħallsu mill-produtturi Russi ġew aġġustati fuq il-bażi tat-tagħrif mill-iswieq rappreżentattivi l-oħrajn. Il-prezz aġġustat kien ibbażat fuq il-prezz medju tal-gass Russu meta dan inbiegћ gћall-esportazzjoni fuq il-fruntiera Ġermaniża/Ċeka (‘Waidhaus’), wara li tħallsu l-ispejjeż tat-trasport. Waidhaus, li huwa ċ-ċentru ewlieni gћall-bejgћ tal-gass Russu lill-[Unjoni Ewropea], u li huwa kemm l-ikbar suq gћall-gass Russu kif ukoll għandu prezzijiet li jirriflettu l-ispejjeż b’mod raġonevoli, jista’ jitqies bћala suq rappreżentattiv fit-tifsira ta’ l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku.

(59)      Il-bini tal-valur normali sar fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż tal-manifattura tat-tip ta’ prodott esportat, wara l-aġġustament gћall-ispiża tal-gass imsemmija fil-premessa (58), flimkien ma’ ammont raġonevoli gћall-ispejjeż SG&A u gћall-qliegħ, skond l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku.

(60)      [L]-ispejjeż SG&A u l-qliegħ ma setgћux jiġu stabbiliti fuq il-bażi tax-chapeau ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku, gћaliex il-manifatturi relatati ma kellhomx bejgћ domestiku rappreżentattiv tal-prodott ikkonċernat fl-andament ordinarju tan-negozju. L-Artikolu 2(6)(a) tar-Regolament bażiku ma setax jiġi applikat, peress li hemm biss dawn iż-żewġ produtturi li huma soġġetti gћall-investigazzjoni. L-Artikolu 2(6)(b) ma kienx japplika lanqas, gћaliex l-ispejjeż tal-manifattura gћall-prodotti li jappartjenu lill-istess kategorija ġenerali ta’ oġġetti wkoll jeћtieġ li jiġu aġġustati fejn għandhom x’jaqsmu l-ispejjeż tal-gass, gћar-raġunijiet indikati fil-premessa (58) ta’ aktar ’il fuq. Peress li nstab li kien impossibbli li jiġi stabbilit id-daqs ta’ l-aġġustament meħtieġ għall-prodotti kollha li jagħmlu parti mill-istess kategorija ġenerali ta’ l-oġġetti mibjugħa b’mod domestiku, huwa daqstant impossibbli li jiġi stabbiliti l-marġni ta’ qliegħ wara tali aġġustament. Gћalhekk, l-ispejjeż SG&A u l-qliegħ ġew stabbiliti skond l-Artikolu 2(6)(c) tar-Regolament bażiku.

(61)      [K]if ġie spjegat fil-premessa (31) ta’ aktar ’il fuq, l-ispejjeż SG&A u l-qliegħ ġew stabbiliti fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż SG&A u tal-qliegħ medji u mgћobbija (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) mill-istess tliet produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq. Ta’ min jinnota li l-ammont gћall-qliegħ li ġie stabbilit b’dan il-mod ma kienx jaqbeż il-qliegħ li kellhom il-produtturi Russi fis-suq domestiku tagћhom fuq il-bejgћ tal-prodotti ta’ l-istess kategorija ġenerali.

(62)      Instab li l-bejgћ mill-esportazzjonijiet taż-żewġ produtturi li kkooperaw kien sar fuq il-bażi ta’ ftehim aġent permezz ta’ żewġ negozjanti relatati, b’wieћed jinstab fl-Iżvizzera u l-ieћor fil-Gżejjer Virgin Brittaniċi. Dan ta’ l-aћћar waqaf jopera fil-bidu ta’ l-2005. Il-prezz ta’ l-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni li effettivament tћallsu jew li jistgћu jitћallsu lill-ewwel klijent indipendenti fl-Istat Uniti ta’ l-Amerika, is-suq ta’ l-esportazzjoni ewlieni tagћhom.

(63) Id-data miż-żewġ negozjanti relatati li kkooperaw uriet li l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lil pajjiżi terzi kienu aktar baxxi mill-valur normali mibni fir-Russja. Fil-fatt, l-investigazzjoni stabbiliet li b’mod ġenerali matul l-RIP din id-differenza fil-prezzijiet varjat bejn 2 u 6 %. Dan jista’ jindika probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dumping fuq l-esportazzjonijiet lejn il-Komunità jekk il-miżuri jiġu rrevokati.”

 Fuq it-talba għal reviżjoni parzjali interim ppreżentata mir-rikorrenti

14      Fl-1 ta’ Awwissu 2005, il-Kummissjoni rċeviet ukoll, b’mod konformi mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, talba għal reviżjoni parzjali interim tal-miżuri adottati bir-Regolament Nru 1995/2000. Din it-talba ġiet ippreżentata minn żewġ produtturi esportatui tar-Russja, Novomoskovskiy Azot (iktar ’il quddiem “NAK”) u Nevinnomyssky Azot (iktar ’il quddiem “Nevinka”), it-tnejn li huma sussidjarji tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti”). Insostenn tat-talba tagħha, ir-rikorrenti invokat żewġ avvenimenti li, skont din, huma sinjifikattivi, jiġifieri l-għoti lill-Federazzjoni Russa tal-Istatut tal-Ekonomija tas-Suq fl-2002 u t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea ta’ għaxar Stati Membri ġodda fl-1 ta’ Mejju 2004.

15      B’ittra tal-10 ta’ Awwissu 2005, il-Kummissjoni rrispondiet lir-rikorrenti, fejn staqsietha tippreżenta kalkolu ta’ dumping komplut fuq il-bażi ta’ listi, għal kull tranżazzjoni, tal-bejgħ kollu tal-prodott ikkonċernat fis-suq intern u għall-esportazzjoni kif ukoll informazzjoni fuq l-ispejjeż tal-produzzjoni korrispondenti, appoġġati minn dokumenti ta’ sostenn.

16      Fir-risposta tagħha tad-9 ta’ Settembru 2005, ir-rikorrenti trażmettiet kalkolu ta’ dumping fil-forma ta’ tabelli. Fis-27 ta’ Ottubru 2005, ir-rikorrenti ppreżentat dokumenti oħra, tabelli addizzjonali u dokumenti ta’ sostenn.

17      B’ittra tas-16 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti lmentat dwar id-dewmien fit-trattament tat-talba tagħha u, fit-23 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni spjegatilha li dan id-dewmien kien dovut għall-insuffiċjenza tad-dokumenti mressqa.

18      Fis-16 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni bagħtet ittra lir-rikorrenti fejn stednitha tagħti ċerta informazzjoni li kienet nieqsa.

19      Ir-rikorrenti bagħtet informazzjoni fit-12 ta’ Mejju, fil-31 ta’ Ottubru u fit-23 ta’ Novembru 2006 qabel ma l-Kummissjoni fetħet, fid-19 ta’ Diċembru 2006, reviżjoni interim, billi ppublikat avviż ta’ bidu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 311, p. 51). Il-Kummissjoni kkonkludiet, wara konsultazzjoni tal-kumitat konsultattiv, li t-talba tikkontjeni prima facie provi suffiċjenti.

20      Ir-reviżjoni ttrattat biss l-eżami ta’ dumping f’dak li jirrigwarda r-rikorrenti. L-investigazzjoni dwar il-prattiki ta’ dumping kopriet il-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2005 u t-30 ta’ Settembru 2006.

21      Il-partijiet kollha kkonċernati li talbu u li wrew li kienu jeżistu raġunijiet partikolari sabiex jinstemgħu, fil-fatt instemgħu.

22      Fl-10 ta’ Marzu 2008, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 238/2008 li jtemm ir-reviżjoni parzjali interim skont l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, tad-dazju tal-antidumping fuq importazzjonijiet ta’ SUNA li joriġinaw fir-Russja (ĠU L 75, p. 14). L-imsemmija reviżjoni ntemmet mingħajr modifika ta’ miżuri fis-seħħ.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-13 ta’ Marzu 2007, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

24      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat, b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu, f’dak li jirrigwarda r-rikorrenti u l-kumpanniji affiljati magħha, hekk kif definiti fil-premessa 14(a) u (b) ta’ dan ir-regolament;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

25      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

26      Sussegwentement għal talba għal intervent ippreżentata mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Lulju 2007, din tal-aħħar, permezz ta’ digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali datat is-7 ta’ Settembru 2007, ġiet awtorizzat tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

27      Sussegwentement għall-preżentazzjoni mir-rikorrenti ta’ dokument addizzjonali fis-seduta, il-Kunsill, fit-3 ta’ Jannar 2012, ikkomunika lir-reġistru tal-Qorti Ġenerali osservazzjonijiet li jikkontestaw ir-rilevanza ta’ tali dokument.

28      B’ittra tal-31 ta’ Jannar 2012, ir-reġistru tal-Qorti Ġenerali informa lill-partijiet li l-proċeduri orali kienu ingħalqu.

 Id-dritt

29      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati rispettivament fuq ksur tal-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament bażiku u tal-ksur tal-Artikolu 11(1) u (3) ta’ dan l-istess regolament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament bażiku

30      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament bażiku. Hija tiddividi dan il-motiv fi tliet partijiet, li dwarhom issostni essenzjalment, fl-ewwel lok, li, għall-kalkolu tal-valur normali, ġie kkunsidrat b’mod żbaljat li l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat ma kinux raġonevolment riflessi fil-kotba tagħha u li konsegwentement kien meħtieġ li jsir aġġustament. Fit-tieni lok, hija tindika li l-aġġustament imwettaq għall-prezz tal-gass Russu kien, b’mod żbaljat, ikkalkolat mill-prezz f’Waidhaus (Il-Ġermanja) u li ma tnaqqasx mill-ammont ta’ dan l-aġġustament id-dazju fuq l-esportazzjoni ta’ 30 % applikabbli għall-gass Russu. Fit-tielet lok, hija ssostni li ġew imnaqqsa b’mod żbaljat mill-prezz tagħha tal-esportazzjoni lill-ewwel klijent indipendenti, il-kummissjonijiet tal-kumpanniji affiljati li jifformaw parti mill-entità ekonomika unika li hija tifforma.

31      L-ewwel nett għandu jitfakkar li, meta l-Kunsill u l-Kummissjoni (iktar ’il quddiem l-“istituzzjonijiet”) jadottaw, skont ir-Regolament bażiku, miżuri ta’ protezzjoni antidumping konkreti, huma jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom janalizzaw (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C‑69/89, Ġabra p. I‑2069, punt 86, u tad-29 ta’ Mejju 1997, Rotexchemie, C‑26/96, Ġabra p. I‑2817, punt 10; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 1995, Ferchimex vs Il-Kunsill, T‑164/94, Ġabra p. II‑2681, punt 131; tal-5 ta’ Ġunju 1996, NMB Franza et vs Il-Kummissjoni, T‑162/94, Ġabra p. II‑427, punt 72; tat-18 ta’ Settembru 1996, Climax Paper vs Il-Kunsill, T‑155/94, Ġabra p. II‑873, punt 98; tal-25 ta’ Settembru 1997, Shanghai Bicycle vs Il-Kunsill, T‑170/94, Ġabra p. II‑1383, punt 63, u tas-17 ta’ Lulju 1998, Thai Bicycle vs Il-Kunsill, T‑118/96, Ġabra p. II‑2991, punt 32).

32      Jirriżulta li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fuq dawn l-evalwazzjonijiet għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċeduri, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1987, NTN Toyo Bearing et vs Il-Kunsill, 240/84, Ġabra p. 1809, punt 19; tas-7 ta’ Mejju 1987, Nippon Seiko vs Il-Kunsill, 258/84, Ġabra p. 1923, punt 21; tal-14 ta’ Marzu 1990, Gestetner Holdings vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑156/87, Ġabra p. I‑781, punt 63; Rotexchemie, punt 31 iktar ’il fuq, punt 11; sentenzi Climax Paper vs Il-Kunsill, punt 31 iktar ’il fuq, punt 98; Shanghai Bicycle vs Il-Kunsill, punt 31 iktar ’il fuq, punt 64, u Thai Bicycle vs Il-Kunsill, punt 31 iktar ’il fuq, punt 33).

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv

33      Fil-kuntest ta’ din l-ewwel parti, ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni turi li, għall-kalkolu tal-valur normali, l-istituzzjonijiet kkunsidraw b’mod żbaljat il-prinċipju tal-aġġustament kif ukoll ta’ metodu destinat għall-pajjiżi nieqsa minn ekonomija tas-suq, li jmur kontra mhux biss il-kliem tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, iżda wkoll għal din id-dispożizzjoni moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament bażiku (l-ewwel ilment), kif ukoll għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim antidumping tal-1994 (it-tieni lment).

–       Fuq l-ewwel ilment

34      Skont ir-rikorrenti, il-kliem tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku jippermetti lill-istituzzjonijiet li jivverifikaw li l-ispejjeż prinċipali ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ huma debitament irreġistrati u mdaħħla fir-reġistri tal-produtturi. Min-naħa l-oħra, dan ma jipprovdix li dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jivverifikaw jekk dawn l-ispejjeż huma raġonevoli fir-rigward tal-livell tal-prezzijiet f’suq ieħor. Il-kliem tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku ma jimplikax li jeħtieġ li tiġi vverifikata l-“affidabbiltà” tal-elementi prinċipali tal-ispejjeż ta’ produzzjoni u tal-bjegħ tal-prodott ikkonċernat fid-dawl tal-prezzijiet jew valuri ta’ fatturi ta’ produzzjoni simili esportati lejn l-Unjoni Ewropea jew misjuba fi swieq mhux regolati ta’ pajjiżi terzi.

35      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(1) sa (6) tal-istess regolament, ma jippermettix li jiġi kkonfermat ir-rikors għall-aġġustament tal-prezz tal-gass mill-istituzzjonijiet f’din il-kawża.

36      Preliminarjament, għandu jingħad li r-rikorrenti ma tikkontestax fiha nnifisha l-għażla tal-Kunsill li rrikorra għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku sabiex jiġi kkalkolat il-valur normali tal-prodott ikkonċernat.

37      Din id-dispożizzjoni tindika, minn naħa, il-kriterji sabiex jiġi injorat il-metodu ta’ stabbiliment tal-valur normali, ibbażat fuq il-prezzijiet fis-suq intern tal-pajjiż esportatur, u, min-naħa l-oħra, il-metodi sussidjarji tal-kalkolu ta’ dan il-valur.

38      F’din il-kawża, l-istituzzjonijiet irrikorrew għall-metodu previst fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, li skont dan, il-valur normali tal-prodott huwa kkalkolat fuq il-bażi tal-ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini, kif ukoll ta’ ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u spejjeż oħra ġenerali u ta’ profitti (iktar ’il quddiem il-“valur normali maħdum”).

39      Il-partijiet jopponu għal dak li jirrigwarda l-istabbiliment tal-ispiża ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. Iktar preċiżament, il-kawża tirrigwarda l-kalkolu tal-ispiża li jirrappreżenta l-gass fil-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat.

40      Huwa stabbilit li l-gass jammonta għall-fattur ta’ produzzjoni prinċipali tal-prodott ikkonċernat u li l-prezz tal-gass li minnu bbenefikat ir-rikorrenti għall-produzzjoni tal-imsemmi prodott kien irregolat fir-Russja. L-ispiża tal-gass fiha nnifisha mħallsa mir-rikorrenti ma hijiex ikkontestata, peress li l-Kunsill ma jsostnix li din l-ispiża kienet differenti minn dik imdaħħla fil-kotba tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill li ma kkalkolax il-valur normali tal-prodott ikkonċernat fuq il-bażi ta’ din l-ispiża u li uża għal dan il-kalkolu prezz ieħor tal-gass, ogħla, ibbażat fuq suq ieħor milli dak tas-suq intern Russu.

41      Mill-qari flimkien tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(3), u tal-paragrafu 5 tal-ewwel subparagrafu tar-Regolament bażiku jirriżulta li, għall-kalkolu tal-valur normali fuq il-bażi tal-ispiża tal-produzzjoni, l-ispejjeż huma normalment ikkalkolati fuq il-bażi tal-kotba tal-parti li hija s-suġġett tal-investigazzjoni.

42      L-istituzzjonijiet isostnu li t-tieni minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jikkontjenu żewġ preċiżazzjonijiet, li jistgħu jippreżentaw ruħhom bħala żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, li l-kotba għandhom jinżammu b’mod konformi mal-prinċipji tal-kontabbiltà ġeneralment aċċettati tal-pajjiż ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, li l-kotba għandhom jikkunsidraw b’mod raġonevoli l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat. It-tieni kundizzjoni tippermetti lill-istituzzjonijiet li jivverifikaw il-karattru “raġonevoli” tal-kunsiderazzjoni tal-ispejjeż fil-kotba anki jekk il-prinċipji ta’ kontabbiltà ġeneralment aċċettati tal-pajjiż ikkonċernat huma rispettati u, jekk ikun il-każ, li jseħħu aġġustamenti, fuq il-bażi ta’ sorsi oħra ta’ informazzjoni minbarra l-kotba, b’mod konformi mat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku.

43      Ma huwiex sostnut mill-Kunsill li l-ewwel kundizzjoni ma hijiex sodisfatta f’din il-kawża. Min-naħa l-oħra, huwa jikkunsidra li r-rikorrenti ma kkunsidratx b’mod raġonevoli tal-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, peress li l-prezz tal-gass ikun artifiċjalment baxx, nettament iktar baxx mill-prezzijiet tal-gass ipprattikati fis-swieq mhux irregolati. Minħabba dan il-fatt, il-Kunsill kellu d-dritt, b’mod konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, jaġġusta l-prezz tal-gass fuq il-bażi ta’ informazzjoni provenjenti minn swieq rappreżentattivi.

44      Għandu b’hekk jiġi eżaminat jekk il-Kunsill setax jinjora l-ispiża tal-gass effettivament imħallsa mir-rikorrenti, indikat fil-kotba tagħha, għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, peress li din l-ispiża kienet, skont il-Kunsill, artifiċjalment baxxa minħabba l-leġiżlazzjoni tal-prezz tal-gass fir-Russja, u setax, konsegwentement, jaġġusta din l-ispiża ’il fuq billi jiġi kkunsidrat il-prezz tal-gass fis-suq ikkunsidrat minnu bħala rappreżentattiv.

45      F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jingħad li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku jipprovdi l-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali meta l-ebda bejgħ tal-prodott ma jkun seħħ fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali jew meta dawn il-bejgħ huma insuffiċjenti jew meta, minħabba l-fatt tas-sitwazzjoni partikolari tas-suq, tali bejgħ ma jagħmlux possibbli paragun validu.

46      It-tieni sentenza tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku li jiddefinixxi l-każijiet ta’ sitwazzjoni partikolari tas-suq ġiet introdotta mir-Regolament Nru 1972/2002. Skont din is-sentenza, teżisti sitwazzjoni partikolari tas-suq, b’mod partikolari, meta l-prezzijiet huma artifiċjalment baxxi, meta l-attività tat-tpartit hija kbira jew meta hemm ftehim ta’ pproċessar mhux kummerċjali.

47      Mill-premessa 3 tar-Regolament Nru 1972/2002 jirriżulta li l-inklużjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku jipprovdi sabiex issir kjarifika dwar liema ċirkustanzi għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu sitwazzjoni tas-suq partikolari peress li l-bejgħ ta’ prodott simili ma jippermettix paragun tajjeb. Skont din il-kunsiderazzjoni, dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu, pereżempju, ikunu marbuta, mal-prattika tat-tpartit u mal-eżistenza ta’ arranġamenti oħra ta’ proċessar mhux kummerċjali jew xkiel ieħor fis-swieq. Konsegwentement, is-sinjali tas-suq jistgħu ma jirriflettux tajjeb il-provvista u d-domanda li mbagħad jista’ jkollhom impatt fuq l-ispejjeż u l-prezzijiet rilevanti u jista’ wkoll jirriżulta li l-prezzijiet domestiċi jkunu kompletament differenti mill-prezzijiet fis-swieq dinjin jew il-prezzijiet fi swieq oħra rappreżentattivi.

48      It-tieni sentenza tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku tipprovdi li teżisti sitwazzjoni partikolari tas-suq b’mod partikolari meta l-prezzijiet fis-suq tal-pajjiż esportatur huma artifiċjalment baxxi.

49      Fis-seduta, il-Kunsill sostna li l-użu tal-metodu tal-valur normali maħdum kien motivat minħabba l-insuffiċjenza tat-tranżazzjonijiet kummerċjali normali komparabbli fir-Russja. Huwa sostna li, loġikament, seta’ jkun ukoll ikkunsidrat li kien hemm sitwazzjoni partikolari tas-suq, peress li l-ispiża tal-gass, il-fattur ta’ produzzjoni prinċipali tal-prodott ikkonċernat, kien irregolat u li l-prezz tal-gass naturali kien stabbilit b’mod artifiċjalment baxx fis-suq intern.

50      Għandu jingħad li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku jindika biss il-kriterji tal-injorar tal-metodi ta’ stabbiliment tal-valur normali, kkalkolat mill-prezz tal-prodott fis-suq intern tal-pajjiż esportatur. Din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix il-metodi ta’ kalkolu tal-ispejjeż ta’ produzzjoni għall-istabbiliment tal-valur normali maħdum, fejn dak il-kalkolu huwa rregolat mill-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu.

51      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku jipprovdi li l-ispejjeż ta’ produzzjoni huma normalment ikkalkolati fuq il-bażi tal-kotba tal-parti li hija s-suġġett tal-investigazzjoni. B’hekk, il-kalkolu tal-valur normali maħdum iseħħ normalment billi tintuża informazzjoni bbażata fuq l-imsemmija kotba.

52      It-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku jikkontjenu provvedimenti speċifiċi li jirrigwardaw it-tqassim tal-ispejjeż u l-ispejjeż ta’ twaqqif. Dawn il-provvedimenti jipprovdu possibbiltajiet ta’ aġġustament tal-ispejjeż imdaħħla fil-kotba, dawn l-ispejjeż jistgħu jkunu adattati u allokati b’mod differenti taħt ċerti kundizzjonijiet.

53      Mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku jirriżulta wkoll li l-kotba tal-parti kkonċernata ma humiex kkunsidrati bħala bażi għall-kalkolu tal-valur normali jekk l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni ta’ prodott li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni ma humiex raġonevolment riflessi f’dawn il-kotba. F’dan il-każ, skont it-tieni sentenza tal-imsemmi subparagrafu, l-ispejjeż huma aġġustati u stabbiliti fuq il-bażi ta’ sorsi oħra ta’ informazzjoni minbarra dawk il-kotba. Din l-informazzjoni tista’ toħroġ mill-ispejjeż esposti minn produtturi jew esportaturi oħra jew, meta din l-aħħar imsemmija informazzjoni ma hijiex disponibbli jew ma tistax tiġu użata, ta’ kull sors ieħor ta’ informazzjoni raġonevoli, inkluż fosthom l-informazzjoni ġejja minn swieq oħra rappreżentattivi.

54      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-imsemmi valur, ġie introdott mir-Regolament Nru 1972/2002.

55      Mill-premessa 4 ta’ dan l-aħħar imsemmi regolament jirriżulta li l-inklużjoni tal-imsemmija tieni sentenza għandha l-għan li tagħti indikazzjonijiet li għandu jsegwi s-suq jekk il-kotba ma’ jinkludux b’mod raġonevoli l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet partikolari tas-suq jew il-bejgħ tal-prodott simili ma jippermettix paragun validu. F’każ bħal dan, id-data għandha, skont l-istess premessa, tkun provenjenti minn sorsi li ma humiex affettwati minn distorsjonijiet bħal dawn.

56      Fl-istess premessa 4 tar-Regolament Nru 1972/2002, huwa speċifikat li huwa possibbli li jsir użu mill-ispejjeż ta’ produtturi jew esportaturi oħra stabbiliti fl-istess pajjiż jew, jekk din l-informazzjoni ma tkunx disponibbli jew ma tistax tintuża, ta’ kull sors ieħor raġonevoli, b’mod partikolari l-informazzjoni li tirriżulta minn swieq oħra rappreżentattivi. Minn din il-premessa jirriżulta wkoll li d-data rilevanti tista’ tintuża wkoll kemm għall-aġġustament ta’ ċerti elementi tal-kotba tal-parti kkonċernata kif ukoll, jekk dan ma jkunx possibbli, għad-determinazzjoni ta’ spejjeż ta’ din il-parti.

57      F’din il-kawża, il-Kunsill sostna quddiem il-Qorti Ġenerali li huwa kellu sitwazzjoni partikolari tas-suq peress li l-prezz tal-gass, il-fattur ta’ produzzjoni prinċipali tal-prodott ikkonċernat, kien irregolat b’mod li dan il-prezz kien artifiċjalment baxx fis-suq intern. Ir-rikorrenti ma kkontestatx il-fatt li l-prezz tal-gass fis-suq Russa kien irregolat u li jirrappreżenta parti kbira tal-ispiża tal-prodott ikkonċernat.

58      Peress li l-prezz tal-gass fir-Russja kien irregolat, kien hemm effettivament lok li jiġi kkunsidrat li l-ispiża ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat kien affettwat minn distorsjoni tas-suq intern Russu f’dak li jirrigwarda l-prezz tal-gass, dan il-prezz ma jirriżultax minn forzi tas-suq.

59      Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku mressqa mir-rikorrenti, bil-għan li jiġu kkalkolati l-ispejjeż ta’ produzzjoni fuq il-bażi biss tal-kotba tal-parti kkonċernata, jammontaw li jipprekludu b’mod definittiv l-użu tal-valur normali maħdum f’każ, b’mod partikolari, fejn l-ispejjeż ta’ produzzjoni huma affettwati minn sitwazzjoni partikolari tas-suq, għal kemm użu bħal dan huwa speċifikament previst fl-Artikolu 2(3) tal-istess regolament.

60      L-istituzzjonijiet b’hekk setgħu ġustament jikkonkludu li wieħed mill-elementi tal-kotba tar-rikorrenti ma setax jiġi kkunsidrat bħala raġonevoli u li jeħtieġ, konsegwentement, li jsir aġġustament tiegħu, billi jsir użu minn sorsi oħra minn swieq li huma jikkunsidraw bħala l-iktar rappreżentattivi u, b’hekk, jaffettwaw l-aġġustament tal-prezz tal-gass.

61      Fir-rigward tal-argument li skont dan l-Artikolu 2(7) biss tar-Regolament bażiku jippermetti lill-istituzzjonijiet jistabbilixxu l-valur normali b’referenza mhux għad-data li tirrigwarda l-prezzijiet u l-ispejjeż fil-pajjiż esportatur jew ta’ oriġini, iżda għad-data dwar il-prezzijiet u għall-ispejjeż f’pajjiżi terzi li għandhom ekonomija tas-suq, ir-rikorrenti ssostni li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni huwa limitat għal lista eżawrjenti ta’ pajjiżi, li ma għandhomx ekonomija tas-suq. Issa, ir-rikorrenti ssostni li, fid-data tal-ftuħ tal-investigazzjoni dwar ir-reviżjoni tal-miżuri li wasslu sabiex jiskadu fil-kawża preżenti, il-Federazzjoni Russa ma tidhirx fil-lista ta’ pajjiżi previsti. Il-Federazzjoni Russa kienet kisbet l-istatus ta’ ekonomija tas-suq fil-livell nazzjonali fl-2002 u tali status jammonta għal preżunzjoni inkonfutabbli li l-ispejjeż tal-produtturi stabbiliti f’dan il-pajjiż u li kienu s-suġġett ta’ investigazzjoni jkunu suffiċjentement affidabbli sabiex il-valur normali jkun jista’ jiġi kkalkolat fuq il-bażi, b’mod partikolari tal-Artikolu 2(3) sa (6) tar-Regolament bażiku.

62      F’din il-kawża, il-valur normali ma ġiex stabbilit fuq il-bażi tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, peress li l-Federazzjoni Russa me kinitx, fil-mument tal-fatti tal-kawża, pajjiż previst mill-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku u li l-Artikolu 2(1) sa (6) tal-istess regolament kien applikabbli għall-imsemmija fatti. Issa, hekk kif tfakkar fil-punt 53 iktar ’il fuq, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, li tiġi kkunsidrata informazzjoni minn swieq oħra minbarra s-suq tal-pajjiż esportatur jew ta’ oriġini.

63      Ir-rikorrenti żżid li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku proposta mill-istituzzjonijiet tinkludi numru ta’ riżultati inkoerenti.

64      Minn naħa, il-produttur li jgawdi minn prezz baxx fis-suq domestiku ta’ fatturi ta’ produzzjoni prinċipali tal-prodotti tiegħu jkollu dilemma, peress li ma jistax iżid il-prezzijiet tiegħu, iżda bir-riskju, b’hekk, li jkun ikkunsidrat bħala importatur fl-Unjoni tal-prodotti li huma s-suġġett ta’ dumping, jew iżid il-prezzijiet tiegħu sabiex jevita kull investigazzjoni antidumping, iżda bir-riskju, b’hekk, li jkollu prezzijiet li jsiru projbittivi fis-suq domestiku. L-istess produtturi, sabiex jevitaw l-investigazzjoni antidumping, ikunu mġiegħla jdaħħlu fil-kotba tagħhom, bi ksur tad-dritt tagħhom nazzjonali, mhux l-ispiża reali tal-fatturi ta’ produzzjoni tal-prodotti tagħhom, iżda l-ispiża medja ta’ dawn il-fatturi ta’ produzzjoni fis-swieq barranin mhux irregolati.

65      F’dan ir-rigward, hekk kif ġustament sostna l-Kunsill, l-approċċ tiegħu u dik tal-Kummissjoni ma jġigħelx lir-rikorrenti żżid il-prezz tagħha tal-bejgħ fis-suq intern. Il-miżura antidumping li tinsab fir-regolament ikkontestat ma tillimitax il-possibbiltajiet għar-rikorrenti li tapplika l-prezzijiet li hija tixtieq fis-suq Russu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 1997, Ajinomoto u NutraSweet vs Il-Kunsill, T‑159/94 u T‑160/94, Ġabra p. II‑2461, punt 196).

66      Min-naħa l-oħra, skont ir-rikorrenti, l-ispejjeż relatati mal-produzzjoni ta’ prodott f’pajjiż li għandu status ta’ ekonomija tas-suq jistgħu jiġu kkunsidrati bħala baxxi wisq fir-rigward tal-ispejjeż ta’ prodott ekwivalenti kkonstatati fl-Unjoni jew fi swieq oħra barranin. L-investigazzjoni antidumping li seħħet f’din il-kawża mill-istituzzjonijiet ġiet sostitwita, b’mod inġustifikat, mal-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat u, b’mod iktar partikolari, fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97, tas-6 ta’ Ottubru 1997, dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 78).

67      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament bażiku huwa r-Regolament Nru 2026/97 li jipprovdi, hekk kif jirriżulta mill-premessa 5 ta’ dan l-aħħar imsemmi regolament, li jiffissa, b’dettalji suffiċjenti, id-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ strumenti ta’ difiża kummerċjali.

68      Madankollu, xejn ma jindika li d-domanda f’din il-kawża, li tirrigwarda l-leġiżlazzjoni li tobbliga Gazprom sabiex tforni, fir-Russja, il-gass naturali bi prezz baxx, kellha tiġi ttrattata biss mill-perspettiva tal-għajnuna mill-Istat. Għandu jingħad li r-rikorrenti ma ressqet l-ebda element f’dan is-sens.

69      Barra minn hekk, xejn ma jindika lanqas li l-fatt biss li d-domanda tista’, eventwalment, tiġi eżaminata mill-perspettiva ta’ għajnuna mill-Istat kienet ta’ natura li xekkel lill-istituzzjonijiet milli janalizzaw il-kawża preżenti wkoll mill-perspettiva tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku.

70      Hekk kif sostna l-Kunsill fis-seduta, il-Kummissjoni u hu kienu diġà mġiegħla jeżaminaw ċerti sitwazzjonijiet mill-perspettiva kemm tal-għajnuna mill-Istat u tad-dumping (ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 2008, HEG u Graphite India vs Il-Kunsill, T‑462/04, Ġabra p. II‑3685).

71      L-iktar, hekk kif jipprovdi l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 2026/97, l-ebda prodott ma jista’ jiġi suġġett kemm għad-dazji antidumping u għad-dazji ta’ kumpens sabiex tiġi rimedjata sitwazzjoni li tirriżulta minn dumping jew mill-għoti ta’ sussidju għall-esportazzjoni.

72      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel ilment ma huwiex fondat.

–       Fuq it-tieni lment

73      Ir-rikorrenti tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku għandhom bħala għan li jimplementaw ir-regoli tal-Ftehim antidumping tal-1994 u li l-istituzzjonijiet għandhom jinterpretaw u japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku b’mod konformi ma’ ftehim bħal dan.

74      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, hekk kif jirriżulta minn natura u l-istruttura tagħhom, il-ftehim tad-WTO ma humiex, bħala prinċipju, fost in-normi li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ il-legalità ta’ atti tal-istituzzjonijiet skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 230 KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, C‑76/00 P, Ġabra p. I‑79, punt 53, u tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2008, Reliance Industries vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑45/06, Ġabra p. II‑2399, punt 87).

75      Madankollu, f’sitwazzjoni fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplementa obbligu speċifiku adottat fil-kuntest tad-WTO jew fil-każ fejn l-att tal-Unjoni jirreferi espliċitament għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-ftehim tad-WTO, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tistħarreġ il-legalità tal-att tal-Unjoni inkwistjoni fid-dawl tar-regoli tad-WTO (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, punt 74 iktar ’il fuq, punt 54, u tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C‑351/04, Ġabra p. I‑7723, punt 30, kif ukoll is-sentenza Reliance Industries vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, punt 88).

76      Mill-premessa 5 tar-Regolament bażiku jirriżulta li dan tal-aħħar għandu bħala għan, fost l-oħrajn, li jittrasponi fid-dritt tal-Unjoni, sa fejn huwa possibbli, ir-regoli l-ġodda u dettaljati li jinsabu fil-Ftehim antidumping tal-1994, li fosthom jidhru, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, u dan sabiex tiġi żgurata applikazzjoni xierqa u trasparenti tal-imsemmija regoli (sentenza Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, punt 74 iktar ’il fuq, punt 55).

77      Għalhekk, il-Komunità adottat ir-Regolament bażiku sabiex tissodisfa l-obbligi internazzjonali tagħha li jirriżultaw mill-Ftehim antidumping tal-1994 u mill-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, hija kellha l-intenzjoni timplementa l-obbligi speċifiċi li jinsabu fl-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim antidumping tal-1994 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, punt 74 iktar ’il fuq, punt 56).

78      B’hekk jirriżulta li l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tal-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim antidumping tal-1994 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, punt 74 iktar ’il fuq, punt 57, u Reliance Industries vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Għal dan il-għan, għandu jingħad fl-ewwel lok, li r-rikorrenti tirreferi għal wieħed mill-aħħar abbozzi qabel l-adozzjoni tal-Ftehim antidumping tal-1994 li jipprovdi, f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet li saru l-Artikolu 2.2.1.1 tal-imsemmi ftehim, li “l-ispejjeż huma normalment ikkalkolati b’mod konformi mal-prinċipji tal-kontabbilità li huma ġeneralment aċċettati mill-pajjiż li qed jesporta, sa fejn, l-imsemmija prinċipji jirreflettu b’mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott li qed jitqies”. B’hekk jirriżulta minn tali kliem li l-għan inizjali tal-Artikolu 2.2.1.1 tal-imsemmi ftehim u, konsegwentement tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, kien dak li jiġi żgurat li l-produttur kien is-suġġett tal-investigazzjoni applikata ta’ regoli tajba ta’ kontabbiltà, li jirriflettu oġġettivament l-ispejjeż reali mħallsa mill-produttur li huma s-suġġett tal-investigazzjoni, u mhux li jiġi vverifikat jekk il-prezzijiet tal-fatturi ta’ produzzjoni mħallsa mill-produttur jikkorrispondux mal-prezzijiet tas-swieq mhux irregolati.

80      Madankollu, il-fatt li tiġi invokata l-verżjoni ta’ dispożizzjoni fil-forma ta’ abbozz ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi muri li l-intenzjoni ta’ min irrediġa l-imsemmija dispożizzjoni baqgħet l-istess, l-iktar jekk jidher li l-kliem tad-dispożizzjoni, fil-verżjoni finali tagħha, tirriżulta differenti minn dik tad-dispożizzjoni korrispondenti, fil-verżjoni tagħha fl-istadju tal-abbozz, hekk kif ġustament sostna essenzjalment, il-Kunsill.

81      Fit-tieni lok, jidher li l-kliem tal-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim antidumping tal-1994 ma jippreżentax differenzi sinjifikattivi mat-test tal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, li jipprovdi sabiex il-kotba jkunu miżmuma b’mod konformi mal-prinċipji tal-kontabbiltà ġeneralment aċċettati tal-pajjiż esportatur u li jikkunsidraw b’mod raġonevoli tal-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat.

82      Madankollu, hekk kif isostni ġustament il-Kunsill fis-seduta, id-dispożizzjonijiet previsti fit-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku ma humiex indikati fil-Ftehim antidumping tal-1994. L-użu ta’ interpretazzjoni fid-dawl tal-Ftehim antidumping tal-1994 b’hekk ma jidhirx li jista’ jintuża totalment f’dak li jirrigwarda dawn id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-sitwazzjoni fejn l-ispejjeż tal-prodott ikkonċernat ma humiex raġonevolment riflessi fil-kotba.

83      Għandu jingħad ukoll li r-regoli tad-WTO ma jiddefinixxux l-espressjoni “sitwazzjoni partikolari tas-suq”, hekk kif definit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku u li jista’ jservi ta’ bażi għall-istituzzjonijiet sabiex jevalwaw jekk il-kotba jikkunsidrawx b’mod raġonevoli l-ispejjeż, b’mod konformi mat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 51 sa 60 iktar ’il fuq.

84      B’hekk, it-tieni lment ma huwiex fondat.

85      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel motiv ma huwiex fondat.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

86      Ir-rikorrenti tinvoka ksur tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn, permezz tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill applika l-aġġustament tal-prezz tal-gass imħallas fuq il-bażi tal-prezz f’Waidhaus u ma kienx naqqas l-ammont ta’ aġġustament tad-dazju fuq l-esportazzjoni ta’ 30 % applikabbli għall-gass Russu. Ir-rikorrenti tikkontesta, f’dan ir-rigward, l-aħħar sentenzi tal-premessa 58 tar-regolament ikkontestat.

87      Dawn huma redatti b’dan il-mod:

“[L]-ispejjeż tal-gass li tħallsu mill-produtturi Russi ġew aġġustati fuq il-bażi tat-tagħrif mill-iswieq rappreżentattivi l-oħrajn. Il-prezz aġġustat kien ibbażat fuq il-prezz medju tal-gass Russu meta dan inbiegћ gћall-esportazzjoni fuq il-fruntiera Ġermaniża/Ċeka (‘Waidhaus’), wara li tħallsu l-ispejjeż tat-trasport. Waidhaus, li huwa ċ-ċentru ewlieni gћall-bejgћ tal-gass Russu lill-UE, u li huwa kemm l-ikbar suq gћall-gass Russu kif ukoll għandu prezzijiet li jirriflettu l-ispejjeż b’mod raġonevoli, jista’ jitqies bћala suq rappreżentattiv fit-tifsira ta’ l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku.”

88      Ir-rikorrenti kkunsidrat, minn naħa, li, jekk l-istituzzjonijiet kienu għażlu bażi differenti, bħall-prezz tal-esportazzjoni tal-gass Russu lejn l-Istati Baltiċi jew kull suq rappreżentattiv b’livelli tal-prezzijiet tal-gass l-iktar qrib tal-livelli tal-prezzijiet tal-gass tagħha, il-marġni ta’ dumping kien negattiv jew differenti. L-istituzzjonijiet kellhom jagħżlu “bażi raġonevoli” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, pjuttost mill-prezz f’Waidhaus.

89      L-iżball manifest ta’ evalwazzjoni jirriżulta mill-fatt li, l-ewwel nett, is-swieq rappreżentattivi msemmija mill-Kummissjoni bħala bażijiet possibbli tal-aġġustament (jiġifieri l-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, il-Kanada jew il-Ġappun) għandhom l-ogħla prezzijiet tal-gass tad-dinja u ma jkunux viċini tal-livelli tal-prezz tal-gass tar-rikorrenti.

90      Barra minn hekk, l-aġġustament li jirrigwarda l-prezz tal-gass kien ġie applikat fuq il-bażi ta’ prezz intraKomunitarju, jiġifieri l-fruntiera Ġermaniża/Ċeka, li tirrifletti mhux biss l-ispejjeż ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ tal-gass, iżda wkoll il-marġni ta’ qligħ intraKomunitarju tal-pjattaforma Waidhaus. Il-bażi ta’ aġġustament applikat jammonta sabiex jiġi kkunsidrat li, għall-parti l-kbira tal-ispejjeż totali tagħha ta’ produzzjoni, ir-rikorrenti tkun ibbażata fil-fruntiera Ġermaniża/Ċeka u jinxtara l-gass direttament fis-suq ta’ Waidhaus. Issa, il-fatt li r-rikorrenti titpoġġa f’pożizzjoni fejn hija tipproduċi l-prodott ikkonċernat fir-Russja, waqt li tħallas id-dazju fuq l-esportazzjoni u l-marġni intraKomunitarji, ma jammontawx għal “bażi raġonevoli” fis-sens tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku.

91      Fl-aħħar nett, is-suq ta’ Waidhaus ikun biss riflessjoni tal-pożizzjoni ġeografika ta’ Waidhaus, jiġifieri tkun fir-rotta tal-pipelines prinċipali tal-gass Russi bejn ir-Russja u l-Unjoni Ewropea, u tan-numru ta’ kuntratti ta’ provvista ta’ gass kif ukoll tal-volum ta’ gass negozjat. Dawn il-fatturi ma jkunux rilevanti sabiex jiġi kklassifikat il-prezz tal-gass f’Waidhaus bħala “bażi raġonevoli”.

92      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kunsill kien wettaq ukoll żball manifest ta’ evalwazzjoni u vvizzja r-regolament ikkontestat b’nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn dan irrifjuta li jnaqqas id-dazji b’30 % fl-esportazzjoni tal-gass Russu, filwaqt li tnaqqsu l-ispejjeż tat-trasport, hekk kif jirriżulta mit-termini tal-premessa 58 tar-regolament ikkontestat.

93      Ir-raġunament segwit kien inkoerenti u kontradittorju, meta, skont ir-rikorrenti, bl-istess mod kif il-konsumaturi Russi ma għandhomx iħallsu għat-trasport tal-gass mir-Russja sa Waidhaus, ħaġa li wasslet sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasport u tad-distribuzzjoni tal-gass, kellu jkun ukoll imnaqqas id-dazju ta’ 30 % impost fuq l-esportazzjoni tal-gass tar-Russja, dazju li r-rikorrenti qatt ma tħallas għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat fir-Russja.

94      Ir-rikorrenti żżid li, anki jekk l-istituzzjonijiet kellhom l-intenzjoni li jissanzjonaw is-sistema ta’ prezzijiet doppji applikata mill-awtoritajiet Russi fis-settur tal-gass, dan ma kellux jeżenta lill-imsemmija awtoritajiet mill-obbligu tagħhom li jistabbilixxu l-aġġustament dwar il-prezz tal-gass fuq bażi raġonevoli fis-sens tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku.

95      F’dan ir-rigward, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-għażla tal-prezz ta’ Waidhaus bħala prezz ta’ referenza, għandu jingħad li l-istituzzjonijiet ma humiex marbuta jikkunsidraw il-prezzijiet kollha ta’ referenza possibbli fil-kuntest ta’ proċeduri antidumping, iżda għandhom ikunu ppreparati li jeżaminaw b’mod approfondit il-proposti eventwali fformulati mill-partijiet, f’każ ta’ dubju dwar l-għażla tal-prezz ta’ referenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ottubru 1991, Nölle, C‑16/90, Ġabra p. I‑5163, punt 32).

96      F’din il-kawża, ma jidhirx li, fir-regolament ikkontestat, il-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra l-għażla tal-prezz f’Waidhaus, li kien jidher raġonevoli f’numru ta’ drabi.

97      Hekk kif ġie żvelat fil-premessa 58 tar-regolament ikkontestat, Waidhaus huwa l-punt prinċipali tal-wasla tal-provvista tal-gass Russu fl-Unjoni. Mill-fajl jirriżulta li Waidhaus hija belt Ġermaniża li tinsab fit-triq tal-pipelines prinċipali Russi bejn ir-Russja u l-Unjoni u li jinsab, f’dak li jirrigwarda n-numru ta’ kuntratti nnegozjati ta’ provvista tal-gass kif ukoll tal-volum tal-gass ikkonċernat, l-ewwel punt tal-wasla tal-gass esportat mill-produtturi Russi fl-Unjoni.

98      Il-prezz tal-gass innegozjat f’dan il-post huwa b’hekk dak iffatturat mill-vendituri Russi lill-klijenti Ewropej tagħhom u mhux prezz intraKomunitarju, kuntrarjament għal dak li tipprova ssostni r-rikorrenti fir-rikors.

99      Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-volum tal-gass ikkonċernat u minn numru ta’ kuntratti nnegozjati, xejn ma jindika li l-prezz tal-gass Russu f’Waidhaus ma huwiex ir-riżultat tal-forzi tas-suq mingħajr distorsjonijiet.

100    Fis-seduta, ir-rikorrenti kkomunikat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2009, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE (Każ COMP/39.401 – E.ON/GDF) (sunt fil-ĠU C 248, p. 5), sabiex issostni li l-akkordju ssanzjonat permezz ta’ deċiżjoni bħal din kellu effetti fuq id-data użata mill-Kummissjoni sabiex tikkalkola l-aġġustament fil-kawża preżenti. Skont din, jirriżulta mill-imsemmija deċiżjoni li l-prezz tal-gass Russu f’Waidhaus ma jkunx ir-riżultat tal-forzi tas-suq.

101    Fis-seduta wkoll, il-Kummissjoni wriet dubji fuq l-ammissibbiltà ta’ dokumenti mressqa f’dan l-istadju tal-proċeduri, għalkemm il-Kunsill ikkontesta biss ir-rilevanza ta’ tali dokument.

102    Mingħajr ma jkun hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-imsemmi dokument, id-deċiżjoni E.ON/GDF (ara l-punt 100 iktar ’il fuq) li nħarġet mill-Kummissjoni wara l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, jekk hija tirrigwarda biss il-bejgħ tal-gass provenjenti mir-Russja, hija tikkonċerna biss l-eżami ta’ ftehim ta’ tqassim tas-swieq fil-Ġermanja u fi Franza bejn E.ON u GDF għall-bejgħ tal-gass lill-klijenti tagħhom. Hija ma tipprovdix għall-eżami tas-suq ta’ esportazzjoni tal-gass Russu bl-ingrossa destinat għall-Unjoni kollha kemm hi, u lanqas l-eżami tar-relazzjonijiet ta’ E.ON u GDF mal-fornitur tagħhom tal-gass Russu.

103    Fl-aħħar nett, jekk ir-rikorrenti tikkontesta li l-prezz ta’ Waidhaus huwa ħafna iktar ogħla minn dak tal-gass mibjugħ fis-suq intern Russu, hija stess tirrikonoxxi, fir-replika, li jista’ jkun iktar baxx mill-prezz tal-gass innegozjat fir-Renju Unit, fl-Istati Unit jew fil-Kanada. L-istituzzjonijiet b’hekk ma għażlux l-ogħla prezz ta’ referenza tas-suq. Barra minn hekk, lanqas ma huwa ċert li l-prezz tal-gass għall-esportazzjoni lejn l-Istati Baltiċi ma humiex komparabbli ma’ dak tal-gass li jgħaddi minn Waidhaus.

104    Fir-rigward, fit-tieni lok, tad-deċiżjoni li ma jitnaqqsux it-taxxi fuq l-esportazzjoni miġbura fir-Russja, fejn kienu biss l-ispejjeż tat-trasport li kienu s-suġġett ta’ tnaqqis, ir-rikorrenti tinvoka tliet kawżi li wasslu għal Regolamenti tal-Kunsill, li hija ssostni juru approċċ inkoerenti u żbaljata minn naħa ta’ din tal-aħħar.

105    Il-Kunsill irrisponda li, fit-tliet kawżi ċċitati mir-rikorrenti, il-Kummissjoni u hu pproċedew biss bi tnaqqis tad-dazji tas-sisa dovuti għall-bejgħ intern tal-gass, iżda ma sar l-ebda tnaqqis tat-taxxi fuq l-esportazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa jippreċiża li kien bi żball li ġie indikat, fil-premessa 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1891/2005, tal-14 ta’ Novembru 2005, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3068/92 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ klorur tal-potassju li joriġina fil-Belarus, fir-Russja jew fl-Ukraina (ĠU L 302, p. 14), li t-taxxi doganali fuq l-esportazzjoni huma mnaqqsa mill-prezz tal-gass esportat. Il-Kunsill indika li ġie informat mill-Kummissjoni li, fil-fatti, l-ebda aġġustament ta’ dan it-tip ma sar.

106    F’dan ir-rigward, minkejja r-Regolament Nru 1891/2005, li jirreferi, fil-premessa 31 tiegħu, għal tnaqqis tat-taxxi doganali fuq l-esportazzjoni, li fil-prattika, ma ġiex applikat, jidher li dawn it-taxxi ma tnaqqsux fir-regolamenti l-oħra li fuqhom ibbażat ir-rikorrenti.

107    Fil-fatt jirriżulta mill-premessa 97 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006, tas-27 ta’ Ġunju 2006, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew ta’ l-azzar, li joriġinaw fil-Kroazja, fir-Rumanija, fir-Russja u fl-Ukrajna, li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2320/97 u (KE) Nru 348/2000, li jtemm ir-reviżjonijiet interim u ta’ skadenza tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew ta’ l-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija, u li jtemm ir-reviżjonijiet interim u ta’ skadenza tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew ta’ l-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija u fil-Kroazja u fl-Ukrajna (ĠU L 175, p. 4), invokata mir-rikorrenti, li l-aġġustament tal-ispejjeż tal-gass li ġie applikat kien ibbażat fuq il-prezz tal-gass esportat lejn il-pajjiżi tal-Punent tal-Ewropa, mingħajr spejjeż ta’ trasport u dazji tas-sisa.

108    Bl-istess mod, skont il-premessa 54 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1050/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-potassium chloride li joriġina fil-Belarus u r-Russja (ĠU L 191, p. 1), aġġustament tal-prezz tal-gass sar fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tirrigwarda l-prezz tal-gass esportat mingħajr spejjeż ta’ trasport, VAT u sisa.

109    F’kull każ, il-Kunsill iġġustifika n-nuqqas ta’ tnaqqis tat-taxxi fuq l-esportazzjoni minħabba l-fatt li l-iffissar tal-prezzijiet applikat minn Gazprom ma kinux influwenzat mill-ammont tat-taxxi fuq l-esportazzjoni. In sostenn ta’ din l-affermazzjoni, il-Kunsill ikkomunika, fl-Anness B.2 tar-risposta, data dwar l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-gass Russu li juru li dan il-prezz jidher, ġeneralment, ma jiddependix fuq l-ammont tat-taxxi fuq l-esportazzjoni. Il-Kunsill żied, b’mod partikolari, li Gazprom dejjem ippruvat iżżid kemm jista’ jkun il-prezz tal-gass li hija tbigħ u li l-iffissar ta’ dan il-prezz ma kienx influwenzat mill-ammont tat-taxxi fuq l-esportazzjoni, iżda biss mill-prezz li l-klijenti ta’ Gazprom kienu disposti li jħallsu. Fis-seduta, il-Kunsill irrepeta l-analiżi tiegħu li skont din huwa l-prezz imħallas lil Waidhaus li huwa rilevanti, u huwa irrilevanti li wieħed jaf x’jifforma parti minn dak il-prezz.

110    Issa, jidher li r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tispjega u lanqas li turi kif l-iffissar tal-prezzijiet applikat minn Gazprom f’Waidhaus seta’ jiġi influwenzat mill-ammont tat-taxxi fuq l-esportazzjoni. B’hekk jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-Kunsill ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma naqqasx l-imsemmija taxxi mill-prezz imħallas f’Waidhaus.

111    Min-naħa l-oħra, għandu jingħad ukoll li, l-fatt li, fi tnejn mill-kawżi ċċitati mir-rikorrenti, id-dazji tas-sisa kienu tnaqqsu u li, fil-kawża preżenti, l-ispejjeż tat-trasport kienu wkoll imnaqqsa ma għandux effett fuq il-kwistjoni dwar jekk żball manifest ta’ evalwazzjoni seta’ jitwettaq f’din il-kawża f’dak li jirrigwarda r-rifjut li jitnaqqsu t-taxxi fuq l-esportazzjoni.

112    Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni dwar ir-rifjut li jitnaqqas id-dazju ta’ 30 % fuq l-esportazzjoni tal-gass Russu, filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasport. Fil-fatt, il-motivazzjoni tar-Regolament ikkontestat għandha tiġi evalwata billi tiġi kkunsidrata b’mod partikolari l-informazzjoni li ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti u l-osservazzjonijiet li hija ssottomettiet matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Marzu 2010, Foshan City Nanhai Golden Step Industrial vs Il-Kunsill, T‑410/06, Ġabra p. II‑879, punt 127).

113    Fil-każ preżenti, fil-paġna 5 tal-ittra tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2006 indirizzata lir-rikorrenti fil-proċeduri amministrattivi u kkomunikati fl-Anness A12 tar-rikors, kien ġie indikat lir-rikorrenti r-raġunijiet li għalihom ma kienx hemm lok li jitnaqqas id-dazju ta’ 30 % fuq l-esportazzjoni tal-gass Russu, li neħħiet il-bżonn lill-Kunsill milli tirrepeti dawn l-ispjegazzjonijiet fil-parti prinċipali tar-regolament ikkontestat, sabiex setgħet tillimita ruħha għall-motivi ta’ fatt u ta’ dritt li huma l-bażi ta’ dan ir-regolament.

114    B’hekk, it-tieni parti tal-ewwel motiv ma huwiex fondat.

 Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv

115    Ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku u żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn fir-regolament ikkontestat, il-Kunsill naqqas mill-prezz tagħha tal-esportazzjoni lill-ewwel klijent indipendenti l-kummissjonijiet tal-kumpanniji affiljati li jifformaw parti mill-entità ekonomika unika li hija tifforma. Ir-rikorrenti tikkontesta, f’dan ir-rigward, il-premessa 62 tar-regolament ikkontestat sa fejn dan applika l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Settembru 2006, jiġifieri it-tnaqqis mill-prezz tal-esportazzjoni, l-kummissjonijiet tal-kumpanniji sussidjarji tagħha ta’ kummerċ, Eurochem Moscou u Eurochem Trading GmbH.

116    Skont ir-rikorrenti, l-aġġustamenti msemmija fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku ma humiex, la obbligatorji u lanqas awtomatiċi u l-parti li titlob l-aġġustament għandha r-responsabbiltà li tressaq il-provi.

117    Preliminarjament, għandu jitfakkar il-kuntest fattwali rilevanti li fih l-istituzzjonijiet applikaw, f’din il-kawża, l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, li jipprovdi li l-paragun bejn il-valur normali u l-prezz waqt l-esportazzjoni jsir, fl-istess stadju kummerċjali, għall-bejgħ li jsiru f’dati kemm jista’ jkun viċin xulxin u b’kunsiderazzjoni kemm jista’ jkun ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragun tal-prezzijiet.

118    Għall-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, il-Kunsill espona li r-rikorrenti u l-kumpanniji tagħha ta’ produzzjoni ma jbigħux direttament il-prodott ikkonċernat lill-klijenti fl-Istati Uniti. Hija spjegat il-mod kif seħħ il-bejgħ b’dan il-mod. Il-kumpanniji ta’ produzzjoni, sussidjarji tar-rikorrenti, jikkonkludu kuntratt ta’ aġenzija magħha, li tirċievi kummissjoni fuq il-bejgħ tal-prodott, skont dan l-imsemmi kuntratt. Ir-rikorrenti, bħala aġent, kienet tirranġa sabiex il-prodott jinbiegħ mill-kumpanniji tagħha ta’ produzzjoni lil żewġ kumpanniji ta’ kummerċ, ukoll sussidjarji tagħha, kull waħda tinstab fil-Virgin Islands Brittaniċi, iżda li l-attività tagħha waqfet fl-2005, u l-oħra li tinsab fl-Isvizzera. Dawn il-kumpanniji ta’ kummerċ kienu jbigħu l-prodott ikkonċernat lill-ewwel klijent indipendenti b’awment.

119    Għalkemm ir-rikorrenti ssostni li kkontestat dawn il-konklużjonijiet fil-proċeduri amministrattivi, jidher li dan kien biss sabiex issostni li l-kumpanniji kollha li kienu affiljati magħha, inkluż fosthom kumpanniji ta’ produzzjoni u ż-żewġ kumpanniji tagħha ta’ kummerċ, kienu proprjetà tagħha, ikkontrollati u mmexxija mill-istess azzjonista stess. Skont din, Eurochem Moscou u Eurochem Trading jeżerċitaw funzjonijiet identiċi għal dawk ta’ servizz responsabbli mill-bejgħ għall-esportazzjoni totalment integrat.

120    Mill-premessi 59 sa 62 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ġew stabbiliti fil-livell tad-“distributur”.

121    F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-valur normali, il-premessa 59 tar-regolament ikkontestat tipprovdi, hekk kif ġie indikat qabel, li dan kien ibbażat fuq il-bażi tal-ispiża ta’ produzzjoni tat-tip tal-prodott esportat, wara aġġustament għall-prezz tal-gass imsemmi fil-premessa 58 tal-istess regolament, flimkien ma’ ammont raġonevoli għal ispejjeż tal-bejgħ, għal ispejjeż amministrattivi u spejjeż oħra ġenerali, kif ukoll il-profitti. Il-premessa 61 tar-regolament ikkontestat tippreċiża li l-ammonti li jikkorrispondu għall-ispejjeż tal-bejgħ, spejjeż amministrattivi u spejjeż oħra ġenerali, kif ukoll għall-profitti, ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-ammonti medji peżati tat-tliet produtturi tal-Amerika ta’ Fuq u li l-ammont għall-profitt hekk stabbilit ma jeċċedix il-profitt imwettaq mill-produtturi Russi fuq il-bejgħ tal-prodotti tal-istess kategorija ġenerali fis-suq intern tagħhom.

122    Fir-rigward tal-prezz tal-esportazzjoni, il-premessa 62 tar-regolament ikkontestat tipprovdi li l-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni realment imħallsa jew li għandhom jitħallsu lill-ewwel klijent indipendenti fl-Istati Uniti, suq ewlieni ta’ esportazzjoni tar-rikorrenti.

123    L-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jipprovdi li xi aġġustamenti huma possibbli.

124    Madankollu, skont il-ġurisprudenza, jirriżulta kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku li aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni jew tal-valur normali jista’ jsir biss sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi fil-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet u għalhekk il-paragun tagħhom (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Novembru 2002, Kundan u Tata vs Il-Kunsill, T‑88/98, Ġabra p. II‑4897, punt 94). Fi kliem ieħor, ir-raġuni għall-aġġustament hija li tiġi stabbilita mill-ġdid is-simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni.

125    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku jipprovdi li jseħħu aġġustamenti skont id-differenzi fil-kummissjonijiet imħallsa għall-bejgħ ikkunsidrati. It-tieni sentenza tal-imsemmi provvediment jippreċiża li l-kelma “kummissjonijiet” tkopri wkoll l-awment riċevut minn operatur kummerċjali tal-prodott jew ta’ prodott simili jekk il-funzjonijiet ta’ dan l-operatur huma simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi tal-kummissjoni.

126    Din it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku tirriżulta mill-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 1972/2002. Skont il-premessa 6 ta’ dan l-aħħar regolament, ir-raġuni tal-introduzzjoni tas-sentenza inkwistjoni tkun li tispeċifika, b’mod konformi mal-prattika stabbilita tal-istituzzjonijiet, li dawn l-aġġustamenti kellhom isiru mill-partijiet anki jekk ma jkollhomx relazzjoni ta’ prinċipal u ta’ aġent, iżda kienu jaslu għall-istess riżultat ekonomiku billi jaġixxu ta’ bejjiegħ u xerrej.

127    Għaldaqstant, l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku jippermetti li jsir aġġustament mhux biss minħabba d-differenzi fil-kummissjonijiet imħallsa għall-bejgħ ikkunsidrat, iżda wkoll minħabba l-marġni riċevuti mill-operaturi kummerċjali tal-prodott jekk huma jissodisfaw funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, T‑299/05, Ġabra p. II‑565, punt 281).

128    F’din il-kawża, b’hekk jeħtieġ li jiġu eżaminati r-rwoli rispettivi tar-rikorrenti, tal-kumpanniji tagħha ta’ produzzjoni u l-kumpanniji tagħha ta’ kummerċ.

129    Ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti li ġew imħallsa kummissjonijiet, b’mod konformi mal-kuntratt ta’ aġenzija li tirrigwarda l-bejgħ għall-esportazzjoni. Il-Kunsill sostna li dan il-kuntratt kien kuntratt ta’ aġenzija f’sens komplut, li kien jinkludi wkoll klawżola ta’ arbitraġġ.

130    Ir-rikorrenti ssostni li l-istituzzjonijiet ma wrewx l-effett ta’ kummissjonijiet bħal dawn fuq il-komparabbiltà bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali.

131    Issa, jidher li l-Kunsill indika li l-kummissjonijiet imħallsa kienu jirrappreżentaw kumpens għall-kompiti mwettqa fil-kuntest tal-funzjonijiet li kienu simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi tal-kummissjonijiet u li l-ħlas ta’ dawn ma kinux jammontaw għal ridistribuzzjoni interna tal-profitti li ma jaffettwax il-komparabbiltà tal-prezzijiet.

132    Ma ġiex ikkontestat li l-prodott ikkonċernat kien mibjugħ mill-kumpannija fin-negozju, li kienet tiffissa prezz li jinkludi awment, u b’hekk kienet twettaq ir-rwol ta’ negozjant. Għandu jingħad ukoll li r-rikorrenti ma kkontestatx ir-rwol proprju tagħha u lanqas ir-rwoli rispettivi tal-kumpanniji tagħha ta’ produzzjoni u tan-negozju, hekk kif imsemmi fil-punt 118 iktar ’il fuq, ħlief sabiex issostni li hija u l-kumpanniji tagħha jammontaw għal entità ekonomika waħda.

133    Barra minn hekk, hija rreferiet għal dokument ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni li semma li l-bejgħ kollu għall-esportazzjoni tar-rikorrenti kienu mwettqa direttament permezz ta’ kumpanniji assoċjati. Madankollu, referenza bħal din ma tkunx suffiċjenti sabiex tikkontesta b’mod effettiv ir-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji inkwistjoni hekk kif stabbiliti mill-Kunsill.

134    B’hekk ma jidhirx li ksur tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku u żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kienu twettqu f’din il-kawża.

135    It-tielet parti tal-ewwel motiv ma huwiex fondat.

136    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jkun ikkunsidrat bħala infondat u għandu konsegwentement jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 11(1) u (3) tar-Regolament bażiku

137    Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-Artikolu 11(1) u (3) tar-Regolament bażiku.

138    Hija tippreċiża, f’dak li jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, li l-istituzzjonijiet kellhom jibdew, ikomplu u jiffinalizzaw reviżjoni interim flimkien mar-reviżjoni tal-miżuri ta’ skadenza. Ir-rikorrenti forniet provi suffiċjenti meta hija ippreżentat it-talba tagħha għal reviżjoni interim fl-1 ta’ Awwissu 2005 u, f’kull każ, meta hija kkomunikat lill-Kummissjoni elementi ta’ risposta fid-9 ta’ Settembru u fis-27 ta’ Ottubru 2005 għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping.

139    Ir-rikorrenti żżid, f’dak li jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament bażiku, li, fid-dawl tal-istess provi, l-istituzzjonijiet kienu, b’mod żbaljat, adottaw ir-regolament ikkontestat u estendew dazji antidumping fil-livell oriġinali tagħhom. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li d-dazji antidumping estiżi kienu ġew stabbiliti b’applikazzjoni tal-metodoloġiji destinati għal pajjiżi nieqsa minn ekonomija tas-suq u fuq il-bażi ta’ industrija tal-Unjoni neċessarjament iktar redotta, peress li l-Unjoni kienet komposta biss minn ħmistax-il Stat Membru biss.

140    Il-Kunsill isostni li t-tieni motiv huwa inammissibbli peress li, skont dan, l-ilment prinċipali tar-rikorrenti, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, huwa li l-Kummissjoni u hu astjenew milli jiftħu fi żmien xieraq ir-reviżjoni interim tal-miżuri inizjali. Dan il-motiv ma kellux bħala għan li jsaħħaħ it-talba tar-rikorrenti intiża għall-annullament tar-regolament ikkontestat.

141    Sussidjarjament, il-Kunsill isostni li l-ilment huwa preskritt. Huwa jsostni li r-rikorrenti ma tistax tikkontesta iktar, f’dan l-istadju, l-astenzjoni jew ir-rifjut milli tiftaħ ir-reviżjoni interim, li tkun saret definittiva. Huwa jibbaża ruħu fuq is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, Ġabra p. I‑833), u tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, Ġabra p. I‑1197).

142    Ir-rikorrenti tikkontesta l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà peress li t-tieni motiv tagħha ma jikkonċernax biss il-ftuħ tard ta’ reviżjoni interim, iżda wkoll iż-żamma tal-miżuri antidumping mir-regolament ikkontestat. Hija tindika li l-Kummissjoni qatt ma rrifjutat li twettaq reviżjoni interim, peress li saħansitra fetħitha fid-19 ta’ Diċembru 2006, fatt li juri li r-rikorrenti ma kellhiex il-possibbiltà li tiftaħ la rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontra l-allegata astenzjoni milli tiftaħ reviżjoni bħal din u lanqas rikors għal annullament kontra l-allegat rifjut ta’ ftuħ tal-imsemmija reviżjoni. Hija żżid li l-avviżi tal-Kummissjoni li javżaw il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet ma humiex atti kontestabbli.

143    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma kellhiex, fid-data tal-preżentata tar-rikors, il-possibbiltà li tintroduċi rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, peress li l-Kummissjoni kienet diġà aġixxiet. Hija lanqas ma kellha l-possibbiltà tintroduċi rikors għal annullament qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

144    F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ma tikkontestax ir-rifjut tal-Kummissjoni li tipproċedi għal reviżjoni interim, peress li din tal-aħħar kienet, fil-fatt, inbdiet b’avviż ta’ bidu ppubblikat fid-19 ta’ Diċembru 2006. Ir-rikorrenti tindika li qiegħda tikkontesta ż-żamma tad-dazju antidumping, peress li hija tressaq provi suffiċjenti fil-kuntest tat-talba tagħha għal reviżjoni interim.

145    Issa, hekk kif ġustament sostna l-Kunsill, jekk ir-rifjut jew l-astenzjoni tal-Kummissjoni milli twettaq reviżjoni interim fi żmien xieraq kien illegali, dan ma jfissirx li din l-illegalità tivvizzja l-legalità tar-regolament ikkontestat, l-uniku att li għalih intalab l-annullament fir-rikors. Ir-regolament ikkontestat ġab fi tmiem il-proċeduri li nbdew sussegwentement għal talba għal reviżjoni ta’ qabel l-iskadenza ta’ miżuri fis-seħħ u ma hijiex risposta għat-talba ta’ reviżjoni interim mibdija mir-rikorrenti, peress li din tal-aħħar kienet irċeviet risposta mir-Regolament Nru 238/2008.

146    It-tieni motiv għandu b’hekk jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn dan jirrigwarda l-illegalitajiet eventwali dwar it-talba għal reviżjoni interim introdotta mir-rikorrenti.

147    Barra minn hekk, għandu jingħad li, anki jekk l-imsemmi motiv ikun ibbażat fuq il-fatt li l-istituzzjonijiet kellhom jitrattaw flimkien it-talba għal reviżjoni prevista fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku u dak previst fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu, ma huwiex indikat kif dan in-nuqqas ta’ eżami flimkien seta’ jaffettwa l-legalità tar-regolament ikkontestat. Ir-rikorrenti ma turix, b’mod partikolari, kif dan kien biddel il-mertu tal-kawża kieku ż-żewġ talbiet kienu ġew magħquda.

148    B’hekk, għandu jiġi miċħud it-tieni motiv bħala inammissibbli.

149    Minn dal kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

150    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata, skont it-talbiet tal-Kunsill, tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kunsill.

151    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. B’hekk, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      EuroChem Mineral and Chemical Company OAO (EuroChem MCC) għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Truchot

Kanninen

Martins Ribeiro

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Frar 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.