Language of document : ECLI:EU:T:2013:64

Kawża T‑84/07

EuroChem Mineral and Chemical Company OAO (EuroChem MCC)

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ soluzzjonijiet ta’ urea u nitrati tal-ammonja provenjenti mir-Russja — Talba għal reviżjoni ta’ skadenza ta’ miżuri — Talba għal reviżjoni interim — Ammissibbiltà — Valur normali — Prezz tal-esportazzjoni — Artikoli 1, 2 u l-Artikolu 11(1) sa (3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 (li saru l-Artikoli 1, 2 u l-Artikolu 11(1) sa (3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009)”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-7 ta’ Frar 2013

1.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

2.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping — Determinazzjoni tal-valur normali — Użu tal-valur maħdum — Kunsiderazzjoni tal-ispejjeż tal-produzzjoni — Kalkolu tal-ispejjeż fuq il-bażi tal-kotba — Spejjeż affettwati minn distorsjoni tas-suq — Aġġustament — Ammissibbiltà — Kriterji

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 2(3) u 5, u Nru 1225/2009, Artikoli 2(3) u 5)

3.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping — Regoli dwar il-kalkolu tal-marġni antidumping kontenuti fil-Ftehim antidumping tal-GATT tal-1994 — Traspożizzjoni fid-dritt tal-Unjoni permezz tar-Regolament antidumping bażiku — Interpretazzjoni tal-Artikolu 2(5) tal-imsemmi regolament fid-dawl tal-imsemmi Ftehim antidumping

(Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Patt ta’ Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ, “Ftehim antidumping tal-1994”, Artikolu 2.2.1.1; (Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 2(5), u Nru 1225/2009, Artikolu 2(5))

4.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Deċiżjoni fuq l-istabbiliment tal-valur normali — Motivazzjoni — Kunsiderazzjoni tal-informazzjoni kkomunikata lill-impriżi kkonċernati fil-proċedura amministrattiva

(Artikolu 296, TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 2, u Nru 1225/2009, Artikolu 2)

5.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping — Nuqqas ta’ simetrija bejn il-valur normali u l-prezz għall-esportazzjoni li jaffettwa l-paragun tagħhom — Aġġustamenti — Kunsiderazzjoni tal-kommissjonijiet imħallsa għall-bejgħ

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 2(10)(i) u Nru 1225/2009, Artikolu 2(10)(i))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 31, 32)

2.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 (li saret l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1225/2009), tipprovdi l-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali meta l-ebda bejgħ tal-prodott ma jkun seħħ fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali jew meta dawn il-bejgħ huma insuffiċjenti jew meta, minħabba l-fatt tas-sitwazzjoni partikolari tas-suq, tali bejgħ ma jagħmlux possibbli paragun validu. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(5) tal-imsemmi regolament (li saret l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 1225/2009), il-kalkolu tal-valur normali maħdum huwa normalment imwettaq fuq il-bażi tal-ispiża tal-produzzjoni. F’każ bħal dan, l-ispejjeż huma normalment ikkalkolati fuq il-bażi tal-kotba tal-parti li hija s-suġġett tal-investigazzjoni. Madankollu, skont din l-istess dispożizzjoni, il-kotba ma jitqiesux li huma bażi għall-kalkolu tal-valur normali jekk l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni ta’ prodott li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni ma humiex raġonevolment riflessi f’dawn il-kotba.

Dan huwa l-każ jekk l-ispiża ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat kien affettwat minn distorsjoni tas-suq intern, bħal meta l-prezz tal-prodott huwa rregolat fil-pajjiż esportatur u b’hekk ma jirriżultax mill-forzi tas-suq. F’dan il-każ, l-ispiża li tirriżulta fil-kotba ma tistax titqies li hija raġonevoli u l-istituzzjonijiet jistgħu jipproċedu bl-aġġustament tagħha, billi jsir użu minn sorsi oħra minn swieq li huma jikkunsidraw bħala l-iktar rappreżentattivi. Fil-fatt, l-Artikolu 2(5) tal-imsemmi regolament jippermetti lill-istituzzjonijiet, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jikkunsidraw informazzjoni minn swieq oħra minbarra s-suq tal-pajjiż esportatur jew ta’ oriġini.

(ara l-punti 45, 51, 53, 58, 60-62)

3.      Hekk kif jirriżulta minn natura u l-istruttura tagħhom, il-ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ma humiex, bħala prinċipju, fost in-normi li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ il-legalità ta’ atti tal-istituzzjonijiet skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Madankollu, f’sitwazzjoni fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplementa obbligu speċifiku adottat fil-kuntest tad-WTO jew fil-każ fejn l-att tal-Unjoni jirreferi espliċitament għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-ftehim tad-WTO, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tistħarreġ il-legalità tal-att tal-Unjoni inkwistjoni fid-dawl tar-regoli tad-WTO.

F’dan ir-rigward, mill-premessa 5 tar-Regolament bażiku Nru 384/96 jirriżulta li dan tal-aħħar għandu bħala għan, fost l-oħrajn, li jittrasponi fid-dritt tal-Unjoni, sa fejn huwa possibbli, ir-regoli l-ġodda u dettaljati li jinsabu fil-Ftehim antidumping tal-1994, li fosthom jidhru, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping. B’hekk, permezz tal-Artikolu 2(5) ta’ dan ir-regolament (li sar l-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 1225/2009), l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplementa l-obbligi speċifiċi li jinsabu fl-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim antidumping tal-1994. B’hekk jirriżulta li l-Artikolu 2(5) tar-Regolament antidumping bażiku għandu jiġi interpretat, kemm jista’ jkun, fid-dawl tal-Artikolu 2.2.1.1 tal-imsemmi ftehim.

Min-naħa l-oħra, jidher li l-kliem tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim antidumping tal-1994 ma jippreżentax differenzi sinjifikattivi mat-test tal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku (li saret l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 1225/2009), li jipprovdi sabiex il-kotba jinżammu b’mod konformi mal-prinċipji tal-kontabbiltà ġeneralment aċċettati tal-pajjiż esportatur u li jikkunsidraw b’mod raġonevoli tal-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat.

Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tal-imsemmi Regolament (li saret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 1225/2009) ma huwiex indikat fil-Ftehim antidumping tal-1994 u b’hekk ma jistax jiġi interpretat fid-dawl tal-imsemmi Ftehim. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tal-imsemmi Regolament (li saret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 1225/2009) ma hijiex indikata fil-Ftehim antidumping tal-1994 u b’hekk ma tistax tiġi interpretata fid-dawl tal-imsemmi ftehim.

(ara l-punti 74-78, 81, 82)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 112)

5.      Jirriżulta kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 (li sar l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009) li aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni jew tal-valur normali jista’ jsir biss sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi fil-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet u għalhekk il-paragun tagħhom. Fi kliem ieħor, ir-raġuni għall-aġġustament hija li tiġi stabbilita mill-ġdid is-simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni.

B’mod partikolari, fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-kommissjonijiet imħallsa għall-bejgħ, hekk kif previst fl-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament antidumping bażiku (li sar l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament Nru 1225/2009), din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li dawn il-kommissjonijiet kienu jinkludu wkoll l-awment riċevut minn operatur kummerċjali tal-prodott jew ta’ prodott simili jekk il-funzjonijiet ta’ dan l-operatur huma simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi tal-kommissjoni. Għaldaqstant, l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament antidumping bażiku jippermetti li jsir aġġustament mhux biss minħabba d-differenzi fil-kommissjonijiet imħallsa għall-bejgħ ikkunsidrat, iżda wkoll minħabba l-marġni riċevuti mill-operaturi kummerċjali tal-prodott jekk huma jissodisfaw funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kommissjonijiet.

(ara l-punti 124, 125, 127)