Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Marzu 2007 - Kliq Reïntegratie (taħt falliment) vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-83/07)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Jean Leon Marcel Groenewegen, fil-kwalità tiegħu ta' kuratur tal-falliment tal-kumpannija b'responsabbiltà limitata Kliq Reïntegratie B.V. (Amersfoort, L-Olanda) (rappreżentanti: G. van der Wal u T. Boesman, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Lulju 2006 fil-kawża C-30/2005;

tikkundanna l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/939/KE tad-19 ta' Lulju 2006, dwar miżura ta' għajnuna mill-Istat, innotifikata mill-Olanda favur KG Holding NV 1.

Il-pjan ta' għajnuna kien jirrigwarda għajnuna għar-ristrutturazzjoni li l-Olanda riedet tagħti lil KG Holding NV, taħt il-forma ta' bdil f'kapital azzjonarju tas-self ta' salvataġġ preċedentement awtorizzat u ta' l-imgħaxijiet imposti relatati. Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tiddikjara li l-għajnuna mill-Istat, taħt il-forma ta' għajnuna għar-ristrutturazzjoni, hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Il-Kummissjoni tiddeċiedi wkoll li l-Olanda għandha titlob lil KG Holding NV u lil Kliq BV ir-restituzzjoni ta' parti mill-għajnuna li bħala self ta' salvataġġ ġie ttrasferit minn KG Holding NV lill-kumpannija sussidjarja Kliq NV u li nbidel f'kapital azzjonarju, u li l-Olanda, inkwantu kreditriċi fil-proċedura ta' falliment, għandha tirreġistra l-kreditu tagħha kontra KG Holding NV u/jew Kliq Reïntergratie.

.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tissottometti, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta' evalwazzjoni, b'tali mod li d-deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjentement motivata u tikser l-Artikolu 87(1) KE. Ir-rikorrenti tiddikjara b'mod partikolari li l-Kummissjoni żbaljat meta ddeċidiet li l-Olanda kellha tirreġistra fil-proċedura ta' falliment għand il-kuratur il-kreditu tagħha fil-konfront ta' KG Holding u Kliq Reïntegratie l-ammont ta' 35.75 miljun EUR.

Ir-rikorrenti tiddikjara f'dan ir-rigward li l-Olanda mhijiex kreditriċi fil-konfront ta' Kliq Reïntegratie. Barra minn dan, Kliq Reïntegratie mhijiex kumpannija benefiċjarja ta' għajnuna mill-Istat u lanqas ma hija meqjusa bħala tali mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant ma hemm ebda bażi għall-irkupru mill-Istat kontra Kliq Reïntegratie jew għall-applikazzjoni, b'mod partikolari, tal-punt 23(d) tal-Kliq Reïntegratie tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-restrutturazzjoni ta' impriżi f'diffikultà2.

Ma huwa lanqas ċar jekk fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonkludiet fil-konfront ta' KG jekk din kinitx għajnuna illegali ta' 35.75 EUR li l-Olanda kellha tirkupra, jew jekk din kinitx għajnuna ta' salvataġġ li l-Kummissjoni awtorizzat fid-deċiżjoni kkontestata, abbażi tal-punt 23(d) tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta' impriżi f'diffikultà3. Barra minn dan, qed jiġi hu allegat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha tas-16 ta' Diċembru 20034, kienet approvat li dan l-ammont kien intiż għall-finanzjament tat-tkeċċija tal-persunal u l-fidi tal-kuntratti superfluwi ta' Kliq Reïntegratie, u li Kliq Reïntegratie kellha suċċessivament tiġi stralċjata.

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kienet indebitament naqset milli tiddikjara li l-għajnuna allegata setgħet tinfluwenza negattivament il-kompetizzjoni u fuq l-iskambji kummerċjali bejn l-Istati Membri, jew ta' l-anqas il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward mhumiex suffiċjentement motivati.

Fit-tielet lok, huwa sottomess li l-Kummissjoni kienet żbaljat meta ddeċidiet li l-għajnuna allegata ta' 35.75 miljun EUR kellu jiġi rkuprat minn KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie permezz ta' reġistrazzjoni ta' dawn il-krediti fil-proċedimenti ta' falliment. Għar-raġuni ta' l-istralċ ta' KG Holding, Kliq Reïntegratie u Kliq BV, l-irkupru ta' l-allegati ammonti ta' l-għajnuna huwa, f'kull każ, bla sens billi l-irkupru permezz ta' reġistrazzjoni fil-proċedimenti ta' falliment ta' dawn il-kumpanniji mhuwiex meħtieġ, u hu tabilħaqq kompletament superfluwu għall-għan li tintemm id-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Fir-raba' lok, il-Kummissjoni kienet iddikjarat indebitament u ddeċidiet illegalment dwar faċilità ta' kreditu ta' 17-il miljun EUR li diġà mal-ħolqien ta' KG Holding ġiet ipprovduta mill-Olanda lil KG Holding, b'applikazzjoni tar-regoli dwar għajnuna mill-Istat, u li ma kinitx tagħmel parti mill-għajnuna eżaminata fid-deċiżjoni kkontestata.

____________

1 - ĠU L 366, paġ. 40.

2 - ĠU 1999, C 288, p. 2.

3 - ĠU 1999, C 288, p. 2.

4 - Għajnuna mill-Istat Nru 510/2003 - għajnuna ta' salvataġġ mogħti lil Kliq Holding NV (ĠU 2004 C 33, p. 8).