Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' Marzu 2007 - Mineral and Chemical Company "EuroChem" vs Il-Kunsill

(Kawża T-84/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Open Joint Stock Company Mineral and Chemical Company "EuroChem" (Moska, ir-Russja) (rappreżentanti: P. Vander Schueren u B. Evtimov, avukati))

Konvenut: Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-regolament ikkontestat, u b'mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu, safejn jikkonċerna r-rikorrenti u l-kumpanniji relatati tagħha identifikati fil-premessa 14(a) u (b) tar-regolament ikkontestat; u

tikkundanna lill-konvenut ibati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti, li hija produttriċi u esportatriċi Russa ta' soluzzjonijiet ta' urea u ta' nitrati ta' l-ammonju, qiegħda titlob l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1911/2006, tad-19 ta' Diċembru 2006, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' soluzzjonijiet ta' urea u ta' nitrati ta' l-ammonju li joriġinaw mill-Alġerija, mill-Belarus, mir-Russja u mill-Ukraina wara reviżjoni ta' skadenza skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 384/961.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-istituzzjonijiet Komunitarji stabbilew il-valur normali għar-rikorrenti b'mod żbaljat u għamlu paragun żbaljat mal-prezz ta' l-esportazzjoni u għalhekk waslu għall-konstatazzjoni żbaljata li kien hemm dumping. Għalhekk, l-istituzzjonijiet Komunitarji wettqu sensiela ta' żbalji ta' evalwazzjoni manifesti u kisru prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li l-istituzzjonijiet Komunitarji kisru l-Artikolu 11(1) u (3) tar-Regolament Bażiku2 billi naqsu milli jwettqu reviżjoni interim flimkien mar-reviżjoni ta' skadenza taħt l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Bażiku u billi adottaw ir-regolament ikkontestat li estenda d-dazji għal-livell oriġinali tagħhom meta kellhom l-obbligu u l-possibbiltà li jwettqu reviżjoni interim jew ex officio jew fuq il-produzzjoni ta' evidenza suffiċjenti mir-rikorrenti.

____________

1 - ĠU 2006 L 365, p. 26.

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta' Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1996 L 56, p. 1).