Language of document :

Rikors ipprezentat fil-21 ta' Marzu 2007 - Deichmann-Schuhe vs L-UASI - Design for Woman (DEITECH)

(Kawża T-86/07)

Lingwa tar-rikors: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Heinrich Deichmann-Schuhe GmbH & Co. KG (Essen, il-Ġermanja) (rappreżentant: O. Rauscher, avocat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord ta' l-Appell : Design for Woman SA

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-22 ta' Jannar 2007 (kawża R 791/2006-2);

tiċħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark nru 3378643 li tirrigwarda l-prodotti kollha fil-klassi 25 (ħwejjeġ, żraben, kpiepel);

tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Design for Woman SA

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark figurattiva "DEITECH" għall-prodotti fil-klassijiet 18 u 25 (applikazzjoni nru 3 378 643).

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat in sostenn ta' l-oppożizzjoni: ir-rikorrenti.

Trade marks jew sinjali invokati in sostenn ta' l-oppożizzjoni: it-trade mark figurattiva Ġermaniża "DEITEX" u t-trade mark figurattiva internazzjonali "DEI-tex" għall-prodotti fil-klassi 25, billi l-oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tressqet kontra r-reġistrazzjoni għal din il-klassi.

Deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni: ċaħdet l-oppożizzjoni.

Deċiżjoni ta l-Bord ta' l-Appell: ċaħad ir-rikors.

Motivi invokati: ksur ta' l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 1, għaliex il-provi ppreżentati mir-rikorrenti sabiex turi l-użu ġenwin ma ttieħdux in kunsiderazzjoni suffiċjentement, kif ukoll ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94, għaliex teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn iż-żewg trade marks in kwistjoni.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1).