Language of document : ECLI:EU:T:2008:186

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Ġunju 2008 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja verbali GABEL – Trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti GAREL – Rifjut parzjali ta’ reġistrazzjoni – Portata tal-eżami li għandu jitwettaq mill-Bord tal-Appell – Obbligu li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors fl-intier tiegħu – Artikolu 62(1) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Fil-kawża T‑85/07,

Gabel Industria Tessile SpA, stabbilita f’Rovellasca (l-Italja), irrappreżentata minn A. Petruzzelli, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn O. Montalto u L. Rampini, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Creaciones Garel, SA, stabbilita f’Logroño (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tal-25 ta’ Jannar 2007 (Każ R 960/2006-2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Creaciones Garel, SA u Gabel Industria Tessile SpA,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Marzu 2007,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Lulju 2007,

wara li rat id-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza lill-partijiet tat-13 ta’ Diċembru 2007,

wara li rat l-osservazzjonijiet tal-partijiet ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 u fl-20 ta’ Diċembru 2007,

wara s-seduta tat-30 ta’ Jannar 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-2 ta’ April 2004, ir-rikorrenti, Gabel Industria Tessile SpA, ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija s-sinjal verbali GABEL.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 24 u 25 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 24: “Tessili, għata għas-sodod u tvalji għall-imwejjed, kutri għall-ivvjaġġar, lożor, investi, xugamani, sponoż tal-banju, kutri ta’ fuq, kutri kkuttunati, kutri tar-rix, bjankerija tal-banju”;

–        klassi 25: “Ħwejjeġ, inklużi stvali, żraben, u papoċċi ta’ ġewwa”.

4        L-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 2/05, tal-10 ta’ Jannar 2005.

5        Fis-6 ta’ April 2005, il-parti li qed topponi, Creaciones Garel, SA, ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

6        Ir-raġuni invokata insostenn tal-oppożizzjoni kienet probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u diversi trade marks preċedenti, jiġifieri disa’ trade marks Spanjoli, sitt trade marks internazzjonali u żewġ trade marks Komunitarji. Dawn tal-aħħar kienu jikkorrispondu b’mod partikolari għat-trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti Nru 1806199 (iktar ’il quddiem it-“trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti”), irregistrata fil-5 ta’ Jannar 2005 u riprodotta hawn taħt:

Image not found

7        Il-prodotti li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti jaqgħu fil-klassijiet 24, 25 u 26 skont il-Ftehim ta’ Nizza u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 24: “Tessili u prodotti tessili mhux inklużi fi klassijiet oħra; għata għas-sodod u tvalji għall-imwejjed”;

–        klassi 25: “Ċinturini, riċipetti, qliezet ta’ taħt tan-nisa, ilbies ta’ taħt tan-nisa u bodies”;

–        klassi 26 : “Bizzilla, rakkmu, zagarelli u lazzijiet”.

8        B’deċiżjoni tat-22 ta’ Ġunju 2006, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni, irrifjutat l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kollha kemm hi u kkundannat lir-rikorrenti għall-ispejjeż. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni qieset li, minħabba x-xebh bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti u minħabba l-identiċità tal-prodotti koperti b’dawn it-trade marks, kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku tal-Unjoni Ewropea. Barra minn dan, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma kkunsidratx li kien neċessarju li teżamina jekk kienx sar użu ġenwin fil-Komunità mit-trade marks preċedenti invokati mill-parti li qed topponi, fis-sens tal-Artikoli 15 u 50 tar-Regolament Nru 40/94, billi d-deċiżjoni tagħha kienet ibbażata biss fuq it-trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti, li kienet ilha li ġiet irreġistrata għal inqas minn 5 snin u għalhekk ma kinitx suġġetta għal tali kundizzjoni.

9        B’ittra tat-12 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrenti kkomunikat lill-UASI d-deċiżjoni tagħha, fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni, li tillimita l-lista tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25, kif ġej:

“[…] minflok ‘ħwejjeġ, inklużi stvali, żraben, u papoċċi ta’ ġewwa’, […] tillimita dawn il-prodotti biss għal ‘ilbies tal-banju’, li huwa stess jappartjeni għall-klassi 25”.

10      Fis-17 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrenti ressqet appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

11      B’deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), innotifikata lir-rikorrenti fid-29 ta’ Jannar 2007, it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, awtorizza r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għall-‘ilbies tal-banju’ li jaqa’ fil-klassi 25 u ordnat li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, safejn tirrifjuta impliċitament ir-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 24;

–        tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata, safejn tawtorizza r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għall-ilbies tal-banju li jaqa’ fil-klassi 25;

–        tordna lill-UASI jirreġistra t-trade mark mitluba għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 24 u għall-ilbies tal-banju li jaqa’ fil-klassi 25;

–        tiddikjara li t-trade marks preċedenti tal-parti li qed topponi, bl-esklużjoni tat-trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti, ma ġewx użati għal prodotti li jaqgħu fil-klassi 24 u li dan jikkostitwixxi abbuż ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn it-trade marks fid-dawl tal-Artikoli 15 u 50 tar-Regolament Nru 40/94;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

13      L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

14      Fl-osservazzjonijiet tagħha b’risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ippreżentati fir-Reġistru fid-19 ta’ Diċembru 2007, ir-rikorrenti ddikjarat li hija xtaqet tirrinunċja għat-tielet kap tat-talbiet tagħha u l-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet nota ta’ dan fil-verbal tas-seduta.

 Fuq l-ammissibbiltà

15      Billi l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors huma ta’ ordni pubbliku, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ teżaminahom ex officio u l-istħarriġ tagħha, f’dan ir-rigward, mhuwiex limitat biss għall-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-partijiet [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, 294/83, Ġabra p. 1339, punt 19; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Stott vs Il-Kummissjoni, T‑99/95, Ġabra p. II‑2227, punt 22; u tas-27 ta’ Settembru 2006, Telefónica vs UASI – Branch (emergia), T‑172/04, Ġabra p. II-74, punt 22].

16      Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata, safejn tawtorizza r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għall-ilbies tal-banju li jaqa’ fil-klassi 25. Barra minn dan, permezz tar-raba’ kap tat-talbiet tagħha, hija titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddikjara li t-trade marks preċedenti tal-parti li qed topponi, bl-esklużjoni tat-trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti, ma ġewx użati għal prodotti li jaqgħu fil-klassi 24 u li dan jikkostitwixxi abbuż ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn it-trade marks fid-dawl tal-Artikoli 15 u 50 tar-Regolament Nru 40/94.

17      Għandu jiġi kkonstatat li, permezz tat-tieni u r-raba’ kapijiet tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tfittex li tikseb sentenza konfermattiva jew dikjaratorja mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Jirriżulta madankollu mill-Artikolu 63(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 li r-rikors li jitressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza huwa intiż sabiex jeżamina l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell u sabiex jikseb, jekk ikun il-każ, l-annulament jew ir-riforma ta’ dawn tal-aħħar [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ottubru 2004, Vedial vs UASI, C‑106/03 P, Ġabra p. I‑9573, punt 28; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2002, eCopy vs UASI (ECOPY), T‑247/01, Ġabra p. II‑5301, punt 46, u tas-6 ta’ Novembru 2007, SAEME vs UASI–Racke (REVIAN’s), T‑407/05, Ġabra p. II-4385, punt 65], b’mod li ma jistax ikollu bħala għan li jikseb, fil-konfront ta’ tali deċiżjonijiet, sentenzi konfermattivi jew dikjaratorji.

18      Għaldaqstant, it-tieni u r-raba’ kapijiet tat-talbiet tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq il-mertu

19      In sostenn tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, li jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata safejn hija tirrifjuta li tirreġistra t-trade mark mitluba għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 24, ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq nuqqas, mill-Bord tal-Appell, li jwettaq l-obbligu li għandu li jiddeċiedi espressament dwar l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 24. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Aritkoli 15 u 50 ta’ dan l-istess regolament, iddefinit bħala abbuż ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks ikkonċernati.

20      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 40/94, “[w]ara li ssir l-eżaminazzjoni tal-permissibilita’ ta’ l-appell, il-Bord ta’ l-Appell għandu jiddeċiedi l-appell”. Dan l-obbligu għandu jinftiehem fis-sens li l-Bord tal-Appell huwa obbligat jiddeċiedi fuq kull wieħed mill-kapijiet tat-talbiet magħmula quddiemu fl-intier tiegħu billi jilqgħu jew billi jiċħdu bħala inammissibbli, jew billi jiċħdu fil-mertu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, Ġabra p. I‑2213, punti 56 u 57). Peress li l-ksur ta’ dan l-obbligu jista’ ikollu impatt fuq il-kontenut tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, din hija forma sostanzjali li l-ksur tagħha jista’ jitqajjem ex officio mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

21      F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat ex officio jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell iddeċidiex fuq it-talbiet tar-rikorrenti diretti kontra r-rifjut tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tirreġistra t-trade mark mitluba għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 24.

22      Il-partijiet f’din il-kawża jaqblu li jikkunsidraw li l-Bord tal-Appell iddeċieda impliċitament fuq dawn it-talbiet fid-deċiżjoni kkontestata. L-UASI jżid li, fil-prattika, il-Bord tal-Appell ikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni f’dan ir-rigward. Il-partijiet jaqblu wkoll li jikkunsidraw li dan ir-rifjut ġie mmotivat mill-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, li tirriżulta mix-xebh tat-trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti mat-trade mark mitluba u mill-identiċità jew mix-xebh tal-prodotti koperti b’dawn iż-żewġ trade marks. B’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tirrigwarda eventwali ommissjoni tal-Bord tal-Appell li jiddeċiedi fuq ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 24, il-partijiet illimitaw ruħhom sabiex jikkonfermaw l-argumenti preċedenti tagħhom.

23      Madankollu, għandu, l-ewwel nett, jiġi rrilevat li l-punt 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tiegħu l-Bord tal-Appell annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, jeskludi li jiġi kkunsidrat, kif isostni l-UASI, li dan il-Bord impliċitament ikkonferma l-imsemmija deċiżjoni, safejn hija rrifjutat ir-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 24.

24      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li ebda punt ieħor tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermetti jew jiċħad espressament ir-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 24. Il-punt 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jillimita ruħu, fil-fatt, sabiex jippermetti r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għall-ilbies tal-banju li jaqa’ fil-klassi 25. Billi d-dispożittiv ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandu, madankollu, jiġi interpretat fid-dawl tal-motivi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa neċessarjament ibbażat, għandu jiġi eżaminat, f’dan il-każ, jekk il-punt 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, moqri fid-dawl tal-motivi ta’ din tal-aħħar, jistax jiġi interpretat fis-sens li huwa jikkontjeni wkoll ċaħda jew rifjut impliċitu li tiġi rreġistrata t-trade mark mitluba għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 24 koperti bl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

25      Ir-rikorrenti ma pprovdiet ebda element li jsostni l-allegazzjonijiet tagħha li skonthom il-Bord tal-Appell semma fil-qosor, fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rifjut tiegħu li jirreġistra t-trade mark mitluba għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 24. Min-naħa l-oħra, mill-punt 16 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, l-applikant kien illimita l-prodotti koperti bl-applikazzjoni tiegħu għal reġistrazzjoni biss għall-ilbies tal-banju li jaqa’ fil-klassi 25. Barra minn dan, minn dawn iż-żewġ punti tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għaldaqstant, il-Bord tal-Appell qies li l-ilbies tal-banju li jaqa’ fil-klassi 25 kien l-uniku prodott inkwistjoni quddiemu.

26      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Bord tal-Appell setax, ġustament, jikkonkludi favur l-eżistenza ta’ tali limitazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, għaldaqstant, jillimita l-eżami tiegħu biss għall-ilbies tal-banju li jaqa’ fil-klassi 25. Kif ikkonferma l-UASI b’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-punt 16 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata huwa bbażat fuq l-ittra tar-rikorrenti tat-12 ta’ Lulju 2006, iċċitata fil-punt 9 iktar ’il fuq. Din l-ittra, li ma ssemmix il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 24 koperti bl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, ma setgħetx, madankollu, tiġi interpretata fis-sens li hija tesprimi l-volontà tar-rikorrenti li tirrinunzja għall-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni tal-imsemmija prodotti. Hemm għalhekk lok li jiġi konkluż li r-rikors imressaq mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell kien dirett kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kollha kemm hi, inkluż ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 24, u mhux kontra parti biss minn din id-deċiżjoni.

27      Fid-dawl tad-dispożittiv u tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, għandu għalhekk jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell naqas milli jiddeċiedi fuq ir-rikors imressaq quddiemu, safejn dan tal-aħħar kien jirrigwarda r-rifjut tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tirreġistra t-trade mark mitluba għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 24, u b’dan il-mod kiser l-ewwel sentenza tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 40/94, inkwantu r-rikorrenti ma kinitx irrinunzjat minn qabel għar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għall-imsemmija prodotti.

28      Għalkemm l-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94 jagħti s-setgħa lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tirriforma d-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell, din il-possibbiltà hija, bħala regola, limitata għas-sitwazzjonijiet li fihom il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża. F’dan il-każ, il-fatt li l-Bord tal-Appell naqas milli jiddeċiedi fuq wieħed mill-kapijiet tat-talbiet jeskludi li l-kawża tinsab f’tali stat. Fil-fatt, ir-riforma tad-deċiżjoni kkontestata tkun timplika li l-Qorti tal-Prim’Istanza tevalwa għall-ewwel darba fil-mertu t-talbiet li fuqhom il-Bord tal-Appell naqas milli jiddeċiedi. Issa tali evalwazzjoni ma tidħolx fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza ddefinita mill-Artikolu 63(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq).

29      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur ta’ forma sostanzjali li, f’dan il-każ, timponi fuq il-Bord tal-Appell li jiddeċiedi fuq ir-rifjut tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tirreġistra t-trade mark mitluba għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 24 u li hija għandha, b’konsegwenza ta’ dan il-ksur, u mingħajr lanqas mhemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-motivi mqajma mir-rikorrenti insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, tiġi annullata kollha kemm hi.

 Fuq l-ispejjeż

30      Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

31      F’dan il-każ, ir-rikorrenti tilfet. Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-difett proċedurali li bih hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata. Billi d-deċiżjoni kkontestata hija annullata, għal din ir-raġuni, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, l-UASI għandu wkoll jiġi kkunsidrat li tilef. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-25 ta’ Jannar 2007 (Każ R 960/2006-2) hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Gabel Industria Tessile SpA u l-UASI għandhom ibatu, kull wieħed minnhom, l-ispejjeż tagħhom.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Ġunju 2008.

Reġistratur

 

      President

E. Coulon

 

      I. Pelikánová


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.