Language of document :

Kawżi magħquda T‑81/07 sa T‑83/07

KG Holding et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Olandiżi lil KG Holding NV — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha — Rikors għal annullament — Inammissibbiltà parzjali — Irkupru tal-għajnuna mingħand impriżi benefiċjarji li ġew iddikjarati falluti — Linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà”

Sommarju tas-sentenza

1.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat — Karatterizzazzjoni tal-effett ħażin fuq il-kompetizzjoni u tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(Artikoli 87(1) KE u 253 KE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Għajnuna għat-tħaddim

(Artikolu 87(1) KE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ għajnuna — Suġġett tal-proċedura

(Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 6)

4.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Impriża — Kunċett — Entità li tipprovdi servizzi lil min ikun qed ifittex impjieg — Inklużjoni

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Obbligu — Benefiċjarji f’diffikultà jew f’falliment

(Artikoli 10 KE u 88(2) KE)

6.      Rikors għal annullament — Deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat — Ilmenti mhux imqajma waqt il-proċedura amministrattiva — Ammissibbiltà

(Artikoli 88(2) KE u 230 KE)

1.      Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat li tesponi b’mod ċar biżżejjed il-fatti u ċ-ċirkustanzi ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl‑istruttura tad-deċiżjoni u li tipprovdi motivazzjoni li tippermetti li l-persuni li lilhom hija indirizzata u lill-qorti Komunitarja jsiru jafu r-raġunijiet li għalihom il‑Kummissjoni kkunsidrat li ma huwiex eskluż li l-operazzjoni kkonċernata tista’ tagħti lok għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 253 KE.

(ara l-punti 66, 67)

2.      L-għajnuna intiża sabiex teħles impriża minn spejjeż li hija normalment kien ikollha tbati fil-kuntest tal-ġestjoni tagħha ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħha bħala regola toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Hekk jiġri fil-każ ta’ għajnuna intiża għar-ristrutturazzjoni ta’ impriża f’diffikultà fejn irriżulta li self inbidel f’kapital proprju.

(ara l-punt 75)

3.      Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ għajnuna mill-Istat għandha tqiegħed lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effikaċi fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali fejn matulha huma jkollhom il-possibbiltà jesponu l-argumenti tagħhom. L-uniku għan tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE huwa li l-Kummissjoni tiġi obbligata tara li l-persuni kollha potenzjalment interessati jiġu informati u jkollhom l-opportunità jesponu l-argumenti tagħhom.

(ara l-punt 117)

4.      Il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità kif ukoll tal-metodu ta’ finanzjament tagħha. Kull attività li toffri beni jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika. F’dan ir-rigward, entità li l-attività prinċipali tagħha tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi fil-qasam tat-tfittxija ta’ xogħol għal min ikun qed ifittex impjieg, fl-inklużjoni ta’ ħaddiema b’diżabbiltà, fit-tfittxija ta’ ħaddiema li jistgħu jokkupaw impjiegi vakanti għall-benefiċċju ta’ min iħaddem kif ukoll f’servizzi fil-qasam tal-persunal b’mod ġenerali, għandha tiġi kkunsidrata bħala waħda li teżerċita attività ekonomika.

(ara l-punti 178, 179)

5.      Meta impriża li tibbenefika minn għajnuna mill-Istat illegali tfalli, is-sitwazzjoni preċedenti li tiġi stabbilita mill-ġdid u l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għajnuna mogħtija illegalment jistgħu, bħala prinċipju, jintlaħqu permezz ta’ dħul bħala passiv tal-impriża li tpoġġiet għall-istralċ ta’ obbligu dwar il-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata. Is-sempliċi ċirkustanza li l-impriża falliet għaldaqstant ma tmurx kontra l-prinċipju tal-irkupru tal-għajnuna.

Barra minn hekk, quddiem deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna, diffikultajiet eventwali, proċedurali jew ta’ natura oħra, fir-rigward tal-implementazzjoni tal-att ikkontestat lanqas ma għandhom jinfluwenzaw il-legalità tiegħu. Fil-każ ta’ diffikultà, il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat għandhom, skont ir-regola li timponi obbligu reċiproku ta’ kooperazzjoni leali fuq l-Istati Membri u fuq l-istituzzjonijiet Komunitarji u li toħroġ, b’mod partikolari, mill-Artikolu 10 KE, jikkollaboraw in bona fide sabiex jegħlbu dawn id-diffikultajiet sabiex jaġixxu kompletament inkonformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u b’mod partikolari ma’ dawk dwar l-għajnuna mill-Istat.

(ara l-punti 192, 193, 200)

6.      Fil-kuntest ta’ rikors dirett kontra deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-fatt li r-rikorrenti ma bagħtet ebda osservazzjoni lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva tal-Artikolu 88(2) KE ma għandux bħala effett li l-ilmenti tagħha invokati kontra din id-deċiżjoni jsiru inammissibbli. Fil-fatt, l-interess ġuridiku ta’ persuna ma jistax jiġi prekluż għas-sempliċi raġuni li, matul il-proċedura amministrattiva, filwaqt li hija setgħet tippreżenta osservazzjonijiet dwar evalwazzjoni kkomunikata matul il-ftuħ tal-proċedura skont l-Artikolu 88(2) KE, hija naqset milli tagħmel hekk.

(ara l-punt 195)