Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Awissu 2011 - Gold East Paper (Jiangsu) and Gold Huasheng Paper (Suzhou Industrial Park) vs Il-Kunsill

(Kawża T-443/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Gold East Paper (Jiangsu) Co. Ltd (Jiangsu, iċ-Ċina) and Gold Huasheng Paper (Suzhou Industrial Park) Co. Ltd (Jiangsu, iċ-Ċina) (rappreżentanti: V. Akritidis, Y. Melin u F. Crespo, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta' Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 451/2011, tas-6 ta' Mejju 2011, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' karta fina miksija li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 128, p. 18); u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tmien motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta' forom proċedurali sostanzjali taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku antidumping 1, sa fejn il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tar-rikorrenti għal trattament ta' ekonomija tas-suq, fuq il-bażi tal-effett ta' din iċ-ċaħda fuq il-marġni ta' dumping tar-rikorrenti.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur ta' forma proċedurali oħra taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku antidumping u ksur tal-prinċipju fundamentali tad-drittijiet ta' difiża u tal-osservanza tad-dritt għal smigħ xieraq, peress li l-Kummissjoni naqset milli tagħti ċerta informazzjoni materjali lill-kumitat konsultattiv antidumping.

It-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża, kif ukoll nuqqas ta' motivazzjoni suffiċjenti, bi ksur tal-Artikolu 2(7)(c) tar- Regolament bażiku antidumping, billi ċaħdet it-talba tar-rikorrenti għal trattament ta' ekonomija tas-suq.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' amminsitrazzjoni tajba, kif ukoll tal-Artikolu 18(1) (3) u (6) tar-Regolament bażiku antidumping, peress li l-investigazzjoni twettqet b'mod inġust u parzjali, filwaqt li imponiet oneru tal-prova eċċessiv.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku antidumping u nuqqas ta' motivazzjoni, sa fejn l-istituzzjonijiet Ewropej ikkonċernati wettqu l-investigazzjoni tagħhom b'tali mod li sar iktar probabbli li, permezz tal-proċess investigattiv jew ta' evalwazzjoni, kienu ser jiddeterminaw li l-industrija tal-UE ġiet ippreġudikata.

It-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 3(1) u 9(4) tar-Regolament bażiku antidumping, sa fejn ir-Regolament ta' Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 451/2011 jiffissa marġni ta' profitt indikattiv li l-industrija tal-UE qatt ma kisbet fil-passat.

Is-seba' motiv, ibbażat fuq li d-deċiżjoni li jiġu esklużi r-rombli tal-karta tal-istampar web-fed mill-prodott ikkonċernat u minn prodott simili kienet ibbażata fuq żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża u rriżultat fi ksur tal-Artikolu 3 (ħsara), l-Artikolu 4(1) (industrija tal-Unjoni) u l-Artikolu 5(4) (saħħa) tar-Regolament bażiku antidumping.

It-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku antidumping, sa fejn ma kienx hemm evalwazzjoni fir-regolament ikkontestat dwar jekk id-dazju impost imurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi kkumpensata l-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta' Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51)