Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Ġunju 2022 – UniCredit Bank vs SRB
(Kawża T-405/22)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrent: UniCredit Bank AG (München, il-Ġermanja) (rappreżentanti: F. Schäfer, H. Großerichter u F. Kruis, avukati)
Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
tannulla d-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-11 ta’ April 2022 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-2022 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/2022/18) inklużi l-annessi tagħha, sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti;
tikkundanna lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni għall-ispejjeż tal-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin.
L-ewwel motiv: id-deċiżjoni tal-11 ta’ April 2022 u l-Annessi I sa III tagħha jiksru r-rekwiżiti formali essenzjali fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u d-dritt għal amministrazzjoni tajba peress li ma għandhomx motivazzjoni suffiċjenti skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”).
It-tieni motiv: id-deċiżjoni tal-11 ta’ April 2022 u l-Annessi I u II tagħha jiksru d-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47(1) tal-Karta peress li huwa prattikament impossibbli li l-eżattezza materjali tad-deċiżjoni tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv.
It-tielet motiv: id-deċiżjoni tal-11 ta’ April 2022 u l-annessi tagħha huma illegali peress li l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 1 u l-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59 2 huma illegali. Dawn id-dispożizzjonijiet jiksru d-dritt għal protezzjoni legali effettiva sa fejn iwasslu għal deċiżjonijiet intrinsikament mhux trasparenti abbażi tagħhom. Dawn għandhom għalhekk jiġu ddikjarati inapplikabbli.
Ir-raba’ motiv: id-deċiżjoni tal-11 ta’ April 2022 hija illegali peress li tikser l-Artikolu 6, l-Artikolu 7 u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 1 sa fejn il-konvenut ma ħax inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-kalkolu tal-multiplikatur ta’ aġġustament fuq il-bażi tal-profil tar-riskju, l-indikatur tar-riskju tal-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett (“NSFR”), l-indikatur tar-riskju tar-rekwiżiti minimi tal-fondi proprji u tal-impenji eliġibbli (“MREL”) jew l-indikaturi tar-riskju tal-kumplessità (“complexity”) u tas-solvenza (“resolvability”).
Il-ħames motiv: id-deċiżjoni tal-11 ta’ April 2022 hija illegali wkoll peress li s-SRB ikkalkola materjalment b’mod żbaljat il-kontribuzzjonijiet tar-rikorrenti.
____________
1 Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).
1 Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).
1 Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).