Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Frar 2009 - Dennekamp vs Il-Parlament

(Kawża T-82/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: G. -J. Dennekamp (Giethoorn, l-Olanda) (rappreżentanti: O. Brouwer u A. Stoffer, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tordna lill-Parlament iħallas l-ispejjeż tar-rikorrent skont l-Artikolu 87 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, inklużi l-ispejjeż ta' eventwali intervenjenti u l-ispejjeż relatati mat-talba għal proċedura mħaffa.

Motivi u argumenti prinċipali

Fl-20 ta' Ottubru 2008, ir-rikorrent talab lill-Parlament Ewropew, fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 1, jagħtih aċċess (i) għad-dokumenti kollha li juru liema Membri tal-Parlament (iktar 'il quddiem il-"MP") huma wkoll membri tal-iskema ta' pensjoni addizzjonali, (ii) għal-lista tal-ismijiet tal-MP li kienu membri tal-iskema ta' pensjoni addizzjonali fl-1 ta' Settembru 2005 u (iii) għal-lista ta' ismijiet tal-membri preżenti tal-iskema ta' pensjoni addizzjonali li għalihom il-Parlament iħallas kontribuzzjoni ta' kull xahar. Il-Parlament ċaħad it-talba tar-rikorrent u kkonferma ċ-ċaħda tiegħu fid-deċiżjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2008.

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew A(2008)22050, tas-17 ta' Diċembru 2008, dwar iċ-ċaħda ta' aċċess għal dokumenti li r-rikorrent talab fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

Ir-rikorrent isostni li ċ-ċaħda hija bbażata fuq żball ta' evalwazzjoni u tikkostitwixxi ksur manifest tar-regoli u l-prinċipji dwar l-aċċess għal dokumenti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u tar-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 2. Għaldaqstant, il-Parlament kiser id-dritt tar-rikorrent għal aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Komunità kif stabbilit fl-Artikolu 255 KE, l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jissottometti li d-deċiżjoni hija vvizzjata minħabba s-segwenti żbalji ta' liġi u ta' evalwazzjoni.

(a)    Skont ir-rikorrent, il-Parlament kiser l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u żbalja meta bbaża ċ-ċaħda tiegħu fuq l-Artikolu 4(1)(b) tar-regolament imsemmi iktar 'il fuq, minħabba li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma jistax jippreġudika l-ħajja privata tal-MP ikkonċernati.

(b)    Barra minn hekk, il-Parlament allegatament implementa b'mod żbaljat ir-Regolament (KE) Nru 45/2001, minħabba li żbalja meta kkonstata li t-talba tar-rikorrent għandha tkun evalwata taħt ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

(c)    Barra minn hekk, ir-rikorrent jissottometti li l-Parlament naqas milli jistabbilixxi bilanċ ġust bejn l-interessi pubbliċi moqdija bl-iżvelar u l-interessi privati allegatament affettwati. Huwa naqas ukoll milli jevalwa safejn l-allegati interessi privati jkunu attwalment u speċifikament ippreġudikati.

(d)    Il-Parlament kiser, skont ir-rikorrent, l-Artikolu 235 KE minħabba li ma pprovdiex raġunijiet adegwati għar-rifjut tiegħu. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni ma turix li l-Parlament għamel evalwazzjoni konkreta għal kull wieħed mid-dokumenti individwali li sar riferiment għalihom fit-talba għal aċċess tar-rikorrent.

____________

1 - Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 2001 L 145, p. 43)

2 - Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU 2001 L 8, p. 1)