Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-18 ta’ Awwissu 2022 – X vs Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank

(Kawża C-549/22)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Centrale Raad van Beroep.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: X

Konvenut: Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank

Domandi preliminari

L-Artikolu 68(4) tal-Ftehim Ewro-Meditarranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għas-superstiti ta’ ħaddiem deċedut li jirrisjedi fl-Alġerija u li jixtieq jesporta l-benefiċċju tiegħu tas-superstiti lejn l-Alġerija?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv,

L-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, fid-dawl tal-kliem tiegħu kif ukoll tal-iskop u tan-natura tal-ftehim, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa għandu effett dirett, b’tali mod li l-persuni li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni għandhom id-dritt li jinvokawh direttament quddiem il-qrati tal-Istati Membri sabiex jeskludu l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali li jmorru kontrih?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv,

L-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż ta’ residenza, kif previst fl-Artikolu 17(3) tal-Algemene nabestaandenwet (il-Liġi Ġenerali dwar is-Superstiti), li twassal għal limitazzjoni tal-esportazzjoni tal-benefiċċju tas-superstiti lejn l-Alġerija?

____________

1 ĠU 2005, L 265, p. 2.