Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla Manja) tal-20 ta' Jannar 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-Landesarbeitsgericht Düsseldorf, House of Lords - Il-Ġermanja, Ir-Renju Unit) - Gerhard Schultz-Hoff vs Deutsche Rentenversicherung Bund

(Kawżi maqgħuda C-350/06 u C-520/06)1

(Kundizzjonijiet tax-xogħol - Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol - Direttiva 2003/88/KE - Dritt għal-leave annwali bil-ħlas - Leave tal-mard - Leave annwali li jaħbat ma' leave tal-mard - Kumpens għal-leave annwali bil-ħlas li ma jitteħidx qabel it-terminazzjoni tal-kuntratt minħabba mard)

Lingwa tal-kawżi: Il-Ġermaniż u l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Landesarbeitsgericht Düsseldorf, House of Lords

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Gerhard Schultz-Hoff (C-350/06), Stringer et (C-520/06)

Konvenuti: Deutsche Rentenversicherung Bund (C-350/06), Her Majesty's Revenue and Customs (C 520/06)

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Landesarbeitsgericht Düsseldorf, House of Lords - Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88/KE tal-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, p. 9) - Dritt għal-leave annwali mħallas suġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin: preżenza effettiva fuq il-post tax-xogħol, żamma tal-kapaċità għax-xogħol waqt il-leave u l-eżerċiżżju tad-dritt ma jistax jiġi estiż oltri data partikolari matul is-sena ta' wara - Dritt ta' ħaddiem bil-leave tal-mard għal żmien indeterminat li jieħu leave matul dan il-perijodu - Dritt ta' ħaddiem imkeċċi matul leave tal-mard għal żmien twil li jiġi kkumpensat għal-leave mhux meħud matul is-sena ta' referenza

Dispożittiv

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li skonthom ħaddiem bil-leave tal-mard mhuwiex intitolat li jieħu leave annwali bil-ħlas matul perijodu inkluż fil-leave tal-mard.

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprevedu li d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas jiġi estint mat-terminazzjoni tal-perijodu ta' referenza u/jew ta' perijodu għall-ġarr tal-leave stabbilit mid-dritt nazzjonali anki meta l-ħaddiem kien bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta' referenza kollu jew parti minnu u l-inkapaċità tiegħu għax-xogħol ippersistit sat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta' xogħol tiegħu, raġuni li għaliha hu ma setax jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali bil-ħlas.

L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprevedu li, mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta' xogħol, ebda ħlas ta' benefiċċju ta' leave annwali bil-ħlas mhux meħud ma jitħallas lill-ħaddiem li kien bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta' referenza kollu jew parti minnu u/jew perijodu għall-ġarr tal-leave kollu jew parti minnu, raġuni li għaliha hu ma setax jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali bil-ħlas. Għall-kalkolu tal-imsemmi ħlas ta' benefiċċju, ir-remunerazzjoni normali tal-ħaddiem, li hija dik għandha tibqa' titħallas matul il-perijodu ta' serħan li tikkorrispondi għal-leave annwali bil-ħlas, hija wkoll determinanti.

____________

1 - ĠU C 281, 18.11.2006 ĠU C 56, 10.03.2007