Language of document : ECLI:EU:C:2010:517

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fl-14 ta’ Settembru 2010 1(1)

Kawża C‑90/09 P

General Química et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordju fis-settur tal-prodotti kimiċi għall‑ipproċessar tal-lasktu – Skambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali u ffissar tal-prezzijiet – Imputazzjoni ta’ responsabbiltà lill-kumpannija parent li tkun il-kap ta’ grupp – Entità ekonomika waħda – Responsabbiltà flimkien u in solidum – Multi”





I –    Introduzzjoni

1.        Bl-appell tagħhom, General Química SA (iktar ’il quddiem, “GQ”), Repsol Química SA (iktar ’il quddiem, “RQ”) u Repsol YPF SA (iktar ’il quddiem, “RYPF”) (iktar ’il quddiem flimkien imsejħa l-“apellanti” u xi drabi r-“rikorrenti”) qed ifittxu li jannullaw is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-Qorti Ġenerali) (Is-Sitt Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2008, T‑85/06, General Química vs Il‑Kummissjoni (iktar ’il quddiem, is-“sentenza appellata”) li biha din il-qorti ċaħdet ir-rikors tagħhom għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/902/KE, tal-21 ta’ Diċembru 2005, li tirrigwarda proċediment taħt l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Flexsys NV, Bayer AG, Crompton Manufacturing Company Inc. (li qabel kienet Uniroyal Chemical Company Inc.), Crompton Europe Ltd, Chemtura Corporation (li qabel kienet Crompton Corporation), General Química SA, Repsol Química SA u Repsol YPF SA (Każ COMP/F/C.38.443 – Prodotti kimiċi għall-ipproċessar tal-lasktu) (ĠU 2006 L 353, p. 50) (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”) tiġi parzjalment annullata.

2.        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li GQ, RQ and RYPF, fost impriżi oħra, kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE [li issa sar l-Artikolu 101(1) TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi bejn l-1999 u l-2000 ipparteċipaw f’akkordju u prattiki mifthiema li jikkonsistu fl-iffissar ta’ prezzijiet fis-settur tal-prodotti kimiċi tal-lasktu fiż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”). Il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 3.38 miljun fuq GQ in solidum ma’ RQ u RYPF.

3.        L-appell jikkonċerna l-imputazzjoni ta’ responsabbiltà lil kumpannija parent (RYPF) għal ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE minħabba aġir illegali ta’ kumpannija sussidjarja (GQ) li mhix direttament proprjetà tal-kumpannija parent. F’dak ir-rigward, GQ hija kollha proprjetà (100 %) sussidjarja ta’ RQ, li hi stess hija kollha proprjetà ta’ RYPF. L-appellanti qed jallegaw, inter alia, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta awtomatikament estendiet il-preżunzjoni għall-kumpannija parent li bħala kap tal-grupp hija teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

4.        L-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla s-sentenza appellata sa fejn din tiċħad il-motiv ta’ annullament relatat ma’ żball ċar ta’ evalwazzjoni u n-nuqqas ta’ motivazzjoni sabiex l-appellanti jinstabu responsabbli in solidum għall-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE. Huma wkoll jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla l-Artikoli 1(g), 1(h) u 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tiddikjara lil RQ u RYPF responsabbli in solidum għal ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE li sar minn GQ u sussidjarjament, tannulla d-dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà in solidum fir-rigward ta’ RYPF, u fiż-żewġ każijiet tordna tnaqqis tal-multa.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –    Id-deċiżjoni kkontestata

5.        GQ hija kumpannija Spanjola li tipproduċi ċerti tipi ta’ prodotti kimiċi tal-lasktu, jiġifieri aċċelleraturi primarji u antidegradanti tal-varjetà antiossidanti (2). GQ hija sussidjarja kollha proprjetà ta’ RQ, li hija proprjetà ta’ RYPF. Il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bdiet fit-22 ta’ April 2002, wara li Flexsys issottomettiet applikazzjoni skont l-Avviż tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Frar 2002, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155) (iktar ’il quddiem, l-“Avviż ta’ Klemenza”). Fis-26 u s-27 ta’ Settembru u fl-24 ta’ Ottubru 2002, Crompton u Bayer rispettivament issottomettew l-applikazzjonijiet tagħhom għall-immunità mill-multi jew tnaqqis tal-multi tagħhom.

6.        Fit-12 ta’ April 2005, il-Kummissjoni innotifikat lil GQ, RQ u RYPF dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar proċedura relatata inter alia mal-Artikolu 101 TFUE. Billi bbażat id-deċiżjoni fuq il-fatt li GQ kienet kollha proprjetà sussidjarja ta’ RQ, li fiha nfisha hi kollha proprjetà sussidjarja ta’ RYPF, u fuq ir-rabta umana bejn GQ u RQ permezz ta’ direttur wieħed (“administrador unico”), li kien maħtur minn RQ u sostitut mill-bord tad-diretturi ta’ GQ, il-Kummissjoni tikkunsidra lil RQ u RYPF bħala responsabbli in solidum għall-ksur ta’ GQ.

7.        Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Ġunju 2005, RQ u RYPF issottomettew tweġiba konġunta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ġunju 2005, GQ wieġbet separatament mill-kumpanniji parent tagħha. GQ, RQ u RYPF instemgħu fit-18 ta’ Lulju 2005. Huma kkontestaw inter alia l-imputazzjoni lil RQ u RYPF tar-responsabbiltà għall-ksur li allegatament sar minn GQ. Huma sostnew, l-ewwel nett, li RQ u RYPF ma kinux involuti jew konsapevoli mill-aġir ta’ GQ u t-tieni nett li GQ għamlet in-negozju tagħha fis-suq ta’ prodotti kimiċi tal-lasktu bħala entità awtonoma.

8.        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni però sabet lil GQ, RQ u RYPF responsabbli in solidum għall-ksur ta’ GQ. F’dak li jirrigwarda l-imputazzjoni ta’ responsabbiltà għall-aġir ta’ GQ fuq RQ u RYPF, il-Kummissjoni tgħid fid-deċiżjoni kkontestata li kumpannija parent tista’ tkun preżunta responsabbli għal aġir illegali ta’ sussidjarji li huma kompletament proprjetà tagħha, imma li huwa possibbli għaliha li tikkonfuta l-preżunzjoni tal-eżerċizzju proprju ta’ influwenza deċiżiva fuq dawn is-sussidjarji. Il-Kummissjoni tgħid ukoll li l-preżunzjoni ma tistax titneħħa billi jkun allegat li l-kumpannija parent ma inkoraġġietx lis-sussidjarji tagħha sabiex jaġixxu illegalment. Fl-aħħar nett, skont id-deċiżjoni kkontestata, meta dik il-preżunzjoni tapplika, l-impriża kkonċernata ma tistax tneħħiha billi sempliċement tgħid li l-kumpannija parent ma kinitx direttament involuta jew ma kinitx konsapevoli mill-akkordju.

9.        Il-Kummissjoni b’mod partikolari tgħid li t-teżi li RQ u RYPF (imsejħa, mingħajr distinzjoni, bl-isem “Repsol” fid-deċiżjoni kkontestata) ma kinux fdati bin-negozju ta’ kuljum jew bil-ġestjoni operattiva ta’ GQ mhix biżżejjed sabiex taqleb il-preżunzjoni tal-eżerċizzju proprju ta’ influwenza deċiżiva fuq GQ.

10.      Barra minn dan, il-Kummissjoni tgħid li “Repsol” u GQ pprovdew dokumenti li jiċċaraw ir-relazzjonijiet tagħhom, l-istruttura tal-ġestjoni u r-rekwiżiti tar-rappurtar. Hija tosserva li, skont ir-rikorrenti, il-pjan tan-negozju u l-obbjettivi tal-bejgħ ta’ GQ ma humiex suġġetti għal approvazzjoni mill-kumpanniji parent. Ma hemm l-ebda relazzjonijiet industrijali, sinerġiji jew sovrapożizzjoni vertikali bejn l-attivitajiet ta’ “Repsol” u s-sussidjarja, sa fejn GQ timmanifattura prodotti li ma humiex relatati ma’ dawk ta’ “Repsol”. Ma kienx hemm sovrapożizzjonijiet fil-bordijiet ta’ ġestjoni tat-tliet kumpanniji matul il-perijodu ta’ ksur. Il-Kummissjoni ssemmi wkoll l-ispjegazzjonijiet fuq in-naħa ta’ “Repsol” li skonthom GQ tħalliet waħedha sabiex tiġġestixxi l-politika kummerċjali tagħha mingħajr interferenza fuq in-naħa tagħħa, peress li “Repsol” akkwistat lil GQ bħala parti minn pakkett ikbar iktar milli b’interess fl-attivitajiet tagħha u ppruvat tbiegħha diversi drabi mingħajr suċċess.

11.      Madankollu, fil-premessi 259 sa 264 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinnota li “Repsol” kienet ilha l-unika azzjonista ta’ GQ mill-1994. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, hi kienet f’pożizzjoni li tikseb għarfien dwar l-azzjonijiet ta’ GQ minħabba l-100 % kontroll u responsabbiltà ġenerali. F’dak li jirrigwarda t-tentattivi ta’ bejgħ ta’ GQ, il-Kummissjoni hi tal-fehma li anki jekk il-preżunzjoni li dawk it-tentattivi ta’ bejgħ jistgħu juru li “Repsol” ma kinitx interessata fl-attivitajiet tas-sussidjarja tagħha, dan ma jfissirx li hi ma kinitx interessata li teżerċita influwenza deċiżiva fuq GQ sabiex tiżgura li l-valur kummerċjali ta’ GQ ma jonqosx waqt il-perijodu meħtieġ sabiex jinstab xerrej interessat.

12.      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-aġir tas-sussidjarja fis-suq lill-kumpannija parent, ma tirrikjedix li l-attivitajiet tal-kumpannija parent jidħlu f’xulxin, anki parzjalment, jew ikunu konnessi mill-qrib ma’ dawk tas-sussidjarja. Fuq l-istess punt, il-Kummissjoni tgħid li n-nuqqas ta’ sovrapożizzjoni fil-bordijiet ta’ ġestjoni rispettivi ma jurix li GQ hija awtonoma, meta jkun ikkunsidrat li hija rrapurtat il-bejgħ, il-produzzjoni u r-riżultati finanzjarji tagħha ma’ RQ, kif jidher mid-dokumenti prodotti minn “Repsol”.

13.      Barra minn dan, il-Kummissjoni tgħid li, skont “Repsol”, GQ b’mod awtonomu ddeterminat il-prezzijiet tal-prodotti li biegħet hi lil Repsol Italia u li dan juri li GQ aġixxiet b’mod awtonomu u li l-interessi tagħha kienu diverġenti minn dawk ta’ “Repsol”. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tgħid li l-kuntratt bejn GQ u Repsol Italia juri li hemm rabtiet vertikali bejn “Repsol” u s-sussidjarji tagħhom. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li l-informazzjoni mgħoddija minn GQ lil Repsol Italia dwar żieda fil-prezz tal-prodotti tagħha ma jikkostitwixxix prova ta’ kunflitt ta’ interessi bejn GQ u “Repsol” għax kwalunkwe żieda fid-dħul mill-bejgħ ta’ GQ li tirriżulta minn żieda fil-prezz tal-prodotti tagħha żżid ukoll id-dħul mill-bejgħ ta’ “Repsol”.

14.      Barra minn dan, id-deċiżjoni kkontestata tgħid ukoll li anki jekk l-unika direttur kien iddelega l-poteri tiegħu fir-rigward tal-ġestjoni operattiva ta’ GQ, huwa xorta kien ir-rabta bejn GQ u RQ, u li permezz tiegħu l-informazzjoni fuq il-bejgħ, il-produzzjoni u r-riżultati finanzjarji għaddiet lill-kumpannija parent. Barra minn dan, ir-riżultati finanzjarji ta’ GQ kienu kkonsolidati ma’ dawk ta’ “Repsol”, bir-riżultat li l-profitti u t-telf ta’ GQ kienu riflessi fil-profitti u t-telf tal-grupp.

15.      Fl-aħħar nett, dwar dak il-punt il-Kummissjoni żżid li kumpannija parent u s-sussidjarji proprjetà tagħha jistgħu jkunu preżunti li jikkostitwixxu impriża waħda għall-finijiet tal-Artikolu 101 TFUE. F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tikkunsidra li RQ u RYPF ma ressqux provi kontra l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà għall-aġir illegali ta’ GQ.

16.      Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sabet li mill-31 ta’ Ottubru 1999 sat-30 ta’ Ġunju 2000, GQ, RQ u RYPF ipparteċipaw f’numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma bi ksur inter alia tal-Artikolu 101 TFUE, li jikkonsistu fl-iffissar tal-prezzijiet u fl-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar ċerti tipi ta’ prodotti kimiċi tal-lasktu fiż-ŻEE. L-Artikolu 1(f) tad-deċiżjoni kkontestata jirreferi għall-parteċipazzjoni ta’ GQ fil-ksur, filwaqt li l-Artikolu 1(g) u l-Artikolu 1(h) tad-deċiżjoni kkontestata jirreferu rispettivament għall-parteċipazzjoni ta’ RQ u RYPF fil-ksur.

17.      Fl-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni timponi multa ta’ EUR 3.38 miljun fuq GQ, in solidum ma’ RQ u RYPF, għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

B –    Is-sentenza appellata

18.      Bir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Marzu 2006, GQ, RQ u RYPF talbu l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata. Sabiex isostnu t-talbiet tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, GQ, RQ u RYPF ressqu tliet argumenti. L-ewwel nett, li kien hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni u nuqqas ta’ motivazzjoni dwar ir-responsabbiltà konġunta u separata ta’ GQ, RQ u RYPF. It-tieni nett, li kien hemm kalkolu żbaljat tal-multa. It-tielet nett, li kien hemm evalwazzjoni żbaljata, nuqqas ta’ motivazzjoni u ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fl-applikazzjoni tal-Avviż ta’ Klemenza.

19.      Peress li t-talbiet tal-appellanti fil-proċeduri tal-appell preżenti jirrelataw biss mad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ewwel motiv tal-annullament imqajjem fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali (3), dik il-parti tas-sentenza appellata biss se tkun riprodotta. Għalhekk, fil-punti 58 sa 84 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tagħmel il-konklużjonijiet tagħha dwar l-ewwel talba kif ġej:

“58      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li sussidjarja għandha personalità ġuridika distinta ma huwiex biżżejjed sabiex tkun eskluża l-possibbiltà li l-aġir tagħha ma jiġix imputat lill-kumpannija parent, b’mod partikolari meta s-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG Telefunken vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punt 49, u tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, iktar ’il quddiem, is-‘sentenza Stora’, punt 26).

59      Barra minn dan, f’każ speċifiku fejn kumpannija parent tippossjedi 100 % tal-ishma f’sussidjarja li kkommettiet ksur, hemm preżunzjoni konfutabbli li l-kumpannija parent attwalment teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-aġir tas-sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il-Kummissjoni, T‑314/01, Ġabra p. II‑3085, punt 136, u l-ġurisprudenza ċċitata) u li huma għalhekk jikkostitwixxu impriża waħda għall-iskop tal-Artikolu [101 TFUE] (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala ‘Tokai II’, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 and T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 59). Għaldaqstant hija l-kumpannija parent li, quddiem il-qorti Komunitarja, tkun qiegħda tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponilha multa għall-aġir imwettaq mis-sussidjarja tagħha, li għandha taqleb din il-preżunzjoni billi tipproduċi provi li jistgħu juru l-awtonomija ta’ din tal-aħħar (sentenza Avebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 136; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Stora, iċċitata fil-punt 58 iktar ’il fuq, punt 29).

60      F’dan ir-rigward, huwa minnu li, kif issottomettew ir-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Stora, iċċitata fil-punt 58 iktar ’il fuq (punti 28 u 29), irreferiet, minbarra għall-fatt li l-kumpannija parent kellha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja, għal ċirkustanzi oħra, bħal pereżempju l-fatt li l-kumpannija parent ma kkontestatx li hi ma eżerċitatx influwenza fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja jew li ż-żewġ kumpanniji kienu rappreżentati b’mod konġunt fil-proċedura amministrattiva. Madankollu, dawk iċ-ċirkustanzi kienu msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja biss sabiex tesponi l-provi kollha li fuqhom [il-Qorti Ġenerali] kienet ibbażat ir-raġunament tagħha qabel ikkonkludiet li dan ma kienx ibbażat biss fuq il-fatt li l-kumpannija parent kienet il-proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha.

61      Barra minn hekk, u kuntrarju għal dak li ssottomettew ir-rikorrenti, ma huwiex għaliex il-kumpannija parent instigat lis-sussidjarja tagħħa sabiex tikkommetti l-ksur jew, a fortiori, għaliex il-kumpannija parent hija involuta fil-ksur, iżda għaliex jikkostitwixxu impriża waħda għall-finijiet tal-Artikolu [101 TFUE] li l-Kummissjoni tista’ tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji. Għandu jitfakkar li d-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jirrikonoxxi l-fatt li diversi kumpanniji li jkunu jiffurmaw parti mill-istess grupp jikkostitwixxu entità ekonomika u, għaldaqstant, impriża fis-sens tal-Artikoli [101 u 102 TFUE], jekk il-kumpanniji kkonċernati ma jiddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 290).

62      F’dawk iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed għall-Kummissjoni li ġġib prova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa proprjetà tal-kumpannija parent sabiex tiġi stabbilita l-preżunzjoni li l-kumpannija parent teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-aġir tas-sussidjarja fis-suq. Il-Kummissjoni mbagħad tkun tista’ żżomm lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, anki jekk jinstab li l-kumpannija parent ma pparteċipatx direttament fil-ftehim, sakemm il-kumpannija parent ma ġġibx prova li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod indipendenti fuq is-suq.

63      Għalhekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma injoratx il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali meta rreferiet għaż-żamma ta’ 100 % tal-kapital ta’ GQ mill-kumpanniji parent tagħha u taqleb l-argumenti tar-rikorrenti maħsuba sabiex juru li GQ hija indipendenti, sabiex iżżommhom responsabbli għall-aġir antikompetittiv ta’ din tal-aħħar.

64      Għalhekk il-Kummissjoni ma żbaljatx meta sabet lil RQ u RYPF responsabbli ta’ ksur, li b’konsegwenza tal-imputazzjoni ta’ responsabbiltà, huma stess ikkommettew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla Oyj et vs Il-Kummissjoni, C‑294/98 P, Ġabra p. I‑10065, punt 28). L-argument li RQ u RYPF ma pparteċipawx direttament fil-ksur inkwistjoni hija fuq din il-bażi irrilevanti.

65      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li RYPF u RQ, waqt il-proċedura kontenzjuża, ipproduċew lill-Kummissjoni sett ta’ dokumenti sabiex jaqilbu l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà u sabiex jistabbilixxu provi tanġibbli tal-indipendenza kummerċjali u operattiva ta’ GQ, irridu nsemmu li l-kumpannija parent għandha l-oneru li tipproduċi kwalunkwe prova li tirrigwarda r-rabtiet ta’ organizzazzjoni, ekonomiċi u legali bejnha u bejn il-kumpannija sussidjarja tagħha u li hija tikkunsidra li huma xierqa sabiex jagħtu prova li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika unika.

66      Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni tgħid li, fil-premessa 262 tad-deċiżjoni kkontestata, l-uniku direttur kien għadu jaġixxi bħala r-rabta bejn GQ u RQ, li RYPF tikkonsolida l-kontijiet ta’ GQ u RQ fil-livell tal-grupp u li RQ u RYPF wieġbu b’mod konġunt għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Dawn il-provi jimmilitaw favur l-eżistenza ta’ entità waħda.

67      Għalhekk waqt il-proċedura kontenzjuża RYPF u RQ kellhom juru li GQ ddeċidiet dwar l-aġir tagħha fis-suq b’mod indipendenti u li RYPF u RQ ma eżerċitawx influwenza deċiżiva fuq il-politika tagħha.

68      F’dan ir-rigward huwa importanti li jissemma li r-rikorrenti ddikjaraw li RQ kienet tat prova lill-Kummissjoni li hi ordnat lil GQ sabiex twaqqaf kwalunkwe prattika li tista’ tikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni wara spezzjoni li seħħet fil-post tan-negozju ta’ GQ fis-27 ta’ Settembru 2002.

69      Din id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti hija fiha nfisha biżżejjed sabiex tagħti prova li RQ eżerċitat influwenza deċiżiva fuq il-politika ta’ GQ, mhux biss fuq is-suq imma wkoll fir-rigward ta’ aġir illegali li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.

70      Għall-finijiet ta’ kompletezza, però, il-Qorti Ġenerali se teżamina jekk, kif qed isostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqitx xi żball fl-evalwazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-prova prodotta mir-rikorrenti jew jekk b’mod żbaljat naqsitx milli tikkunsidraha.

71      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-fatt li l-attivitajiet tas-sussidjarja huma differenti, anki kompletament, mill-attivitajiet tal-grupp jew anki l-fatt li l-kumpannija parent ippruvat, mingħajr suċċess, terġa’ tbiegħ lis-sussidjarja, mhux biżżejjed sabiex jaqilbu l-preżunzjoni li RQ u RYPF huma responsabbli. Anki jekk gruppi ta’ impriżi u kumpanniji holding frekwentement ikollhom attivitajiet ta’ negozju differenti u xi kultant ibiegħu wħud mis-sussidjarji tagħhom, huma xorta jitqiesu bħala li jikkostitwixxu impriża waħda għall-finijiet tal-Artikolu [101 TFUE] (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Akzo Nobel vs Il‑Kummissjoni, T‑330/01, Ġabra p. II‑3389, punti 78 u 82).

72      Barra minn dan, il-Kummissjoni, bi tweġiba għat-talba għal dokumenti mressqa mir-rikorrenti, ipproduċiet lill-Qorti Ġenerali dokument li jinkludi l-minuti tal-bord tad-diretturi ta’ RQ mill-1998 sa 2000 u li jsemmi r-riżultati finanzjari ta’ GQ u riżoluzzjoni dwar il-bejgħ ta’ kumpannija ta’ GQ f’Silquímica SA u l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli ta’ GQ. Jekk il-bord tad-diretturi ta’ RQ għandu rwol sinjifikattiv f’diversi aspetti essenzjali fl-istrateġija ta’ GQ, bħal pereżempju, il-bejgħ ta’ proprjetà immobbli jew il-bejgħ ta’ kumpannija holding, u jirriserva l-poter ta’ deċiżjoni finali f’dan ir-rigward, jirriżulta li hu jeżerċita influwenza deċiżiva fuq l-aġir ta’ GQ.

73      Fir-rigward tal-argument dwar in-nuqqas ta’ sovrapożizzjoni fis-sħubija tal-organi tal-kumpanniji rikorrenti, għandu jingħad li mill-ittra tal-5 ta’ April 2004 mibgħuta minn GQ lill-Kummissjoni u prodotta mir-rikorrenti waqt il-proċedura prekontenzjuża jidher li [kunfidenzjali] kien kemm president tal-bord tad-diretturi ta’ GQ mill-1996 sal-2000 u anki membru fil-bord tad-diretturi ta’ RQ mill-1998 sal-1999. Barra minn dan, tajjeb li jissemma li, meta mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-seduta, ir-rikorrenti rrikonoxxew, tal-inqas b’mod impliċitu, li kien hemm din is-sovrapożizzjoni.

74      Bl-istess mod, l-argumenti li jallegaw li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni, ma eżaminatx il-provi fattwali kollha li wrew li l-uffiċjali eżekuttivi ta’ GQ biss iddeċidew dwar il-politika kummerċjali tagħha u implementawha, mingħajr ma RQ kienet ġiet informata jew mitluba tawtorizza dan, ma jistgħux jintlaqgħu fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq. L-istess huwa minnu dwar l-argument li l-informazzjoni li ngħatat lil RQ minn GQ ma kinitx tikkonċerna l-politika kummerċjali imma r-riżultati finanzjarji tas-sussidjarja.

75      Fir-rigward tar-relazzjoni bejn GQ u Repsol Italia, fid-deċiżjoni kkontestata, irid jingħad li l-Kummissjoni hija korretta li tirrifjuta l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-allegat kunflitt ta’ interessi bejn GQ u l-kumpanniji parent tagħha billi tgħid li RYPF tikkonsolida l-kontijiet tal-grupp, li hu magħmul minn numru ta’ sussidjarji li jinkludi lil GQ u lil Repsol Italia. Barra minn dan, il-Kummissjoni hija wkoll korretta meta tgħid li r-relazzjoni hija sabiex issaħħaħ il-preżunzjoni li hemm impriża waħda.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jiġi konkluż, kif għamlet il-Kummissjoni fil-premessa 264 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma rnexxilhomx jaqilbu l-preżunzjoni li l-kumpanniji parent huma responsabbli.

77      Fl-aħħar nett, l-ebda argument imressaq sussidjarjament mir-rikorrenti ma jista’ jinvalida d-deċiżjoni kkontestata.

78      L-ewwel nett, rigward l-argument li l-Kummissjoni qatt ma talbet għall-informazzjoni dwar ir-relazzjoni ta’ bejn RQ u RYPF u qatt ma ppruvat tistabbilixxi jekk RQ u RYPF kinux parti mill-istess impriża, biżżejjed li jingħad li peress li r-rikorrenti ma argumentawx li RYPF għandha 100 % tal-kapital ta’ RQ, RYPF kellha taqleb il-preżunzjoni li hi eżerċitat influwenza deċiżiva fuq il-politika ta’ RQ, u flimkien ma’ RQ kkostitwiet impriża waħda għall-finijiet tal-Artikolu [101 TFUE], izda dan ma għamlitux.

79      It-tieni nett, rigward l-argument li kien imprevedibbli li RYPF tkun responsabbli in solidum ma’ RQ u GQ, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li, b’differenza mid-deċiżjoni kkontestata, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet iġġustifikat ir-responsabbiltà ta’ RYPF, mhux fid-dawl tal-aġir illegali ta’ GQ iżda esklużivament b’rabta ma’ dak ta’ RQ.

80      Għandu jiġi ddikjarat li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata ma humiex differenti fuq dan il-punt. Il-premessa 254 tad-deċiżjoni kkontestata tgħid li r-rikorrenti huma responsabbli in solidum, b’mod partikolari fir-rigward tal-100 % sehem ta’ RQ f’GQ u s-sehem ta’ 100 % ta’ RYPF f’RQ, filwaqt li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet f’punt 344 tgħid li r-responsabbiltà ta’ RQ testendi sa RYPF bħala riżultat tal-preżunzjoni tal-kontroll attwali u l-influwenza deċiżiva li tirriżulta minn 100 % proprjetà tal-kapital ta’ RQ.

81      L-argument li ż-żewġ dikjarazzjonijiet huma kontradittorji huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza dwar l-imputazzjoni ta’ aġir illegali. Il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà li toħroġ mill-pussess tal-kapital tapplika mhux biss f’każijiet fejn hemm relazzjoni diretta bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, imma anki f’każijiet, bħall-kawża preżenti, fejn ir-relazzjoni hija indiretta, minħabba sussidjarja intermedjarja.

82      Għalhekk, peress li d-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jirrikonoxxi l-fatt li diversi kumpanniji li jkunu jiffurmaw parti mill-istess grupp jikkostitwixxu entità ekonomika u, għaldaqstant, impriża fis-sens tal-Artikoli [101 u 102 TFUE], jekk il-kumpanniji kkonċernati ma jiddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq, ftit jimporta jekk dawk il-kumpanniji humiex ikkontrollati direttament jew indirettament mill-kumpannija parent, sakemm ir-responsabbiltà tal-ksur tista’ tiġi imputata lill-kumpannija parent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 290).

83      Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma setgħux jiddeduċu raġonevolment mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u partikolarment mill-punt 344 tagħha, li l-Kummissjoni mhux se timputa l-ksur inkwistjoni lil RYPF.

84      Fid-dawl ta’ dan kollu li ssemma, l-ewwel talba għandha tkun miċħuda.”

III – It-talbiet tal-partijiet

20.      Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 2008 fil-parti fejn tiċħad il-motiv tal-annullament relatat ma’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u nuqqas ta’ motivazzjoni sabiex ir-rikorrenti jinstabu responsabbli in solidum;

–        tannulla l-Artikolu 1(g) u (h) u l-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata peress li dawn jiddikjaraw li RYPF u RQ, flimkien ma’ GQ huma responsabbli in solidum għall-ksur tal-Artikolu 81(1) KE (li issa sar l-Artikolu 101 TFUE) u, sussidjarjament, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hi kontra RYPF, u, fiż-żewġ każijiet, tordna tnaqqis xieraq tal-multa.

21.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell

–        tikkundanna lill-appellanti jħallsu l-ispejjeż

IV – L-appell

22.      Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jqajmu żewġ aggravji. L-ewwel nett, żball ta’ liġi rigward l-imputabbiltà tar-responsabbiltà tal-ksur tal-Artikolu 81(1) KE [li issa sar l-Artikolu 101(1) TFUE] u l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-kontroll ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha, li jinkludi l-ksur tar-regoli dwar l-oneru tal-prova u distorsjoni tal-fatti. L-appellanti jallegaw ukoll trasformazzjoni tal-preżunzjoni fi preżunzjoni inkonfutabbli (iuris et de iure) u nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali. It-tieni nett, żball ta’ liġi dwar l-imputabbiltà ta’ responsabbiltà lill-kumpannija parent tal-grupp, RYPF, permezz ta’ estensjoni inadatta tal-preżunzjoni ta’ kontroll ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha. L-appellanti jallegaw ukoll bdil tal-oneru tal-prova u l-eżistenza ta’ responsabbiltà awtomatika fir-rigward tal-grupp ta’ kumpanniji.

A –    L-ewwel aggravju

23.      L-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat adottat kriterju għall-imputabbiltà tar-responsabbiltà tal-kumpannija parent għall-azzjonijiet tas-sussidjarja tagħha li mhux relatat mal-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-każ jew mal-ksur li kkommettiet is-sussidjarja. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta attribwixxiet ir-responsabbiltà lill-kumpannija parent għall-azzjonijiet tas-sussidjarja minħabba li kkonkludiet li kien hemm entità ekonomika fuq bażi tas-sempliċi possibbiltà jew kapaċità li kumpannija parent teżerċita influwenza deċiżiva fuq is-sussidjarja tagħha.

24.      L-appellanti jikkunsidraw li l-Qorti Ġenerali b’mod inkorrett applikat il-ġurisprudenza li skontha l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jkun attribwit lil kumpannija parent meta dik is-sussidjarja ma tiddeċidix b’mod indipendenti dwar l-aġir tagħha fuq is-suq, imma ssegwi l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent li magħha tifforma entità ekonomika (4). Il-Qorti Ġenerali ma kinitx intitolata li tibbaża dak li sabet dwar l-eżistenza ta’ entità ekonomika biss fuq il-bażi ta’ preżunzjoni konfutabbli (5) li skontha kumpannija parent li għandha l-ishma kollha fis-sussidjarja tagħha hija f’pożizzjoni li teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar.

25.      L-appellanti għaldaqstant iqisu li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, meta qalet li l-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa tipprovdi prova addizzjonali sabiex tistabbilixxi li l-kumpannija parent verament influwenzat l-aġir tas-sussidjarja tagħha (6) tikser il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali u r-regoli dwar l-oneru tal-prova u tagħmel il-preżunzjoni inkwistjoni inkonfutabbli peress li huwa impossibbli li turi n-nuqqas ta’ responsabbiltà personali tal-kumpannija parent.

26.      L-appellanti jikkunsidraw li l-preżunzjoni ta’ influwenza deċiżiva bbażata fuq ishma ta’ 100 % mill-kapital tal-kumpannija ma tnaqqasx mill-oneru li ġġib prova tar-responsabbiltà tal-kumpannija parent, billi tivverifika fuq il-bażi ta’ prova jekk il-kumpannija parent verament eżerċitatx kontroll fuq is-sussidjarja tagħha u jekk is-sussidjarja applikatx l-istruzzjonijiet li rċeviet (7).

27.      Barra minn dan, skont l-appellanti, it-tip ta’ prova li trid tiġi prodotta sabiex tkun invertita l-preżunzjoni ma hijiex identifikata. Is-sentenza appellata ma tillimitax il-poter ta’ evalwazzjoni li għandha l-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-provi prodotti f’tentattiv li tiġi maqluba l-preżunzjoni.

28.      Il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti qed iqajmu dubji dwar il-ġurisprudenza Komunitarja stabbilita li tirrigwarda r-responsabbiltà in solidum. Fis-sentenza tagħha, AEG Telefunken vs Il-Kummissjoni (8), il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod ċar stabbilixxiet preżunzjoni li sussidjarja kollha kemm hi proprjetà ta’ kumpannija parent neċessarjament issegwi politika mfassla mill-istess entitajiet statutorji li jirranġaw il-politika ta’ din tal-aħħar. Għaldaqstant, ir-responsabbiltà tista’ tiġi imputata lill-kumpannija parent għall-ksur li jseħħ mis-sussidjarja tagħha, anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova li l-kumpannija parent kienet involuta b’xi mod fil-fatti li jwasslu għall-ksur inkwistjoni. Barra minn dan, fis-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (9), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ukoll ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent fuq il-bażi ta’ dik il-preżunzjoni mingħajr il-ħtieġa ta’ xi prova addizzjonali li kapaċi torbot lill-kumpannija parent mal-ksur.

29.      F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tikkunsidra li kuntrarju għal dak li sostnew l-appellanti, il-preżunzjoni ma tneħħix l-oneru tal-prova minn fuq il-Kummissjoni. Ċertament, kif spjegat mill-Avukat Ġenerali Kokott, fil-konklużjonijiet tagħha fil-Kawża Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P (10), li wieħed jirrikorri għall-preżunzjoni inkwistjoni ma jwassalx għall-inverżjoni tal-oneru tal-prova (dan ikun inkompatibbli mal-preżunzjoni tal-innoċenza). Peress li l-100 % tal-ishma tal-kumpannija parent fis-sussidjarja tagħha jappoġġjaw prima facie l-konklużjoni li influwenza deċiżiva qed tiġi eżerċitata, hija l-kumpannija parent li trid taqleb dik il-konklużjoni, billi ġġib prova persważiva kontrarja. Għalhekk jeħtieġ biss li l-Kummissjoni tipproduċi l-prova neċessarja li l-preżunzjoni hija applikabbli.

30.      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jkun imputat lill-kumpannija parent partikolarment meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. Dan huwa l-każ minħabba li, f’sitwazzjoni bħal din, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess entità ekonomika li tippermetti li l-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (11).

31.      Fir-rigward tal-każ speċifiku preżenti li hu dwar kumpannija parent li għandha 100 % tal-ishma f’sussidjarja li kisret ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE), fl-opinjoni tiegħi, is-sottomissjonijiet bil-miktub fl-appell preżenti li ġew prodotti fis-27 ta’ Frar 2009 (appell) u fl-14 ta’ Mejju 2009 (difiża) ġew sottoposti sa ċertu punt għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza C‑97/08 P, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, mogħtija fl-10 ta’ Settembru 2009. Ċertament, dan il-fatt kien rikonoxxut miż-żewġ partijiet fis-seduta tal-appell preżenti fid-29 ta’ April 2010.

32.      Fis-sentenza C‑97/08 P Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kumpannija parent li għandha 100 % tal-ishma f’sussidjarja li kisret ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE hija f’pożizzjoni li teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-aġir tas-sussidjarja u hemm preżunzjoni konfutabbli li l-kumpannija parent fil-fatt teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-aġir tas-sussidjarja (12). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tista’ żżomm lill-kumpannija parent bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li taqleb din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (13).

33.      Għalhekk, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma żbaljatx fil-liġi meta sabet li fil-każ ta’ sussidjarja proprjetà ta’ kumpannija parent, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa tipproduċi provi addizzjonali sabiex turi li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza deċiżiva fuq l-aġir tas-sussidjarja sabiex tqajjem il-preżunzjoni (14). Għaldaqstant, skont il-preżunzjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa tipproduċi prova addizzjonali sabiex tistabbilixxi li l-kumpannija parent verament influwenzat l-aġir tas-sussidjarja tagħha jew verament kellha għarfien tal-ksur jew tar-rwol tas-sussidjarja fil-ksur (15).

34.      Madankollu, irid jiġi enfasizzat li fis-sentenza C‑97/08 P Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat in-natura konfutabbli tal-preżunzjoni inkwistjoni. Soluzzjoni differenti, fl-opinjoni tiegħi, kienet twassal għal ksur ta’ drittijiet fundamentali (16). In-natura konfutabbli tal-preżunzjoni hija neċessarja sabiex ikunu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża u aċċess għal ġustizzja tal-kumpannija parent inkwistjoni u jservu b’mod partikolari sabiex ipattu għall-fatt li l-preżunzjoni tnaqqas bil-kbir l-oneru tal-prova impost fuq il-Kummissjoni. Il-provi kollha prodotti mill-kumpannija parent, għaldaqstant, għandhom jiġu evalwati u meqjusa b’attenzjoni kbira. Dak li qalu l-appellanti li l-preżunzjoni hija fil-verità inkonfutabbli għandu jiġi miċħud.

35.      Madankollu, il-preżunzjoni tibqa’ tgħodd sakemm il-kumpannija parent tkun tista’ turi li s-sussidjarja tagħha taġixxi independentement fuq is-suq. Allegazzjoni li sussidjarja li hija kollha proprjetà ta’ kumpannija parent taġixxi independentement fuq is-suq għandha tiġi sostnuta minn prova ċara u konsistenti li tkun evalwata mill-Kummissjoni, evalwazzjoni li tkun finalment suġġetta għal stħarriġ ġuridiku quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

36.      Barra minn dan, nikkunsidra li waqt li ċerti provi, ikkunsidrati waħedhom, jista’ jkun li ma jkunux biżżejjed sabiex jaqilbu l-preżunzjoni inkwistjoni, il-provi kollha tal-kumpannija parent għandhom jiġu evalwati sabiex ikun iddeterminat jekk flimkien humiex biżżejjed sabiex il-preżunzjoni tkun invertita. Kif iddikjarat b’mod ċar il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza C‑97/08 P Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, sabiex ikun żgurat jekk l-aġir ta’ sussidjarja huwiex indipendenti fuq is-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi kollha rilevanti li jirrigwardaw ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil din is-sussidjarja mal-kumpannija parent, li jistgħu jvarjaw skont il-każ u għaldaqstant ma jistgħux jiġu elenkati b’mod eżawrjenti (17).

37.      L-appellanti għamlu numru ta’ allegazzjonijiet addizzjonali li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi jew żnaturat il-fatti fir-rigward ta’ prova li pproduċew huma quddiem dik il-qorti. Dawn l-allegazzjonijiet huma kkontestati mill-Kummissjoni. Nikkunsidra, kif se jidher fid-dettall iktar ’il quddiem, li l-maġġoranza tal-allegazzjonijiet tal-appellanti jitolbu biss evalwazzjoni ġdida tal-fatti inkwistjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja li ma taqax fil-kompetenza tagħha f’każijiet ta’ appell (18).

38.      L-appellanti jikkunsidraw li, kuntrarjament għal dak li sabet il-Qorti Ġenerali fil-punt 66 tas-sentenza appellata, jiġifieri li l-fatt li l-uniku direttur aġixxa bħala r-rabta bejn GQ u RQ, li RYPF tikkonsolida l-kontijiet ta’ GQ u RQ fil-livell ta’ grupp u li RQ u RYPF wieġbu b’mod konġunt għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni jimmilita favur l-eżistenza ta’ entità waħda, dawn il-provi ma jippermettux li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ entità ekonomika li tiġġustifika l-imputabbiltà ta’ responsabbiltà lill-kumpannija parent.

39.      Qabel ma jkunu evalwati l-provi kollha inkwistjoni, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma straħitx fuqhom b’mod iżolat imma biss bħala prova sostantiva tal-eżistenza ta’ entità ekonomika bbażata fuq 100 % proprjetà tal-ishma tas-sussidjarja (19). Jidher li kemm l-appellanti kif ukoll il-Kummissjoni jaqblu li l-kontijiet inkwistjoni kienu kkonsolidati fil-livell tal-grupp bħala riżultat tal-obbligi legali minħabba rabtiet bejn il-kumpanniji inkwistjoni. Peress li r-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lis-sussidjarja mal-kumpannija parent jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala prova tal-eżistenza ta’ entità ekonomika (20), nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma kinitx żbaljata meta kkunsidrat dik il-prova, sempliċement bħala prova addizzjonali. Barra minn dan, peress li l-appellanti ma jargumentawx dwar il-fatt li effettivament kien hemm rabta bejn GQ u RQ permezz tal-unika direttur, din il-prova ma kinitx irrilevanti bħala prova addizzjonali dwar l-eżistenza ta’ entità ekonomika li tikkonsisti f’GQ, RQ u RYPF. Barra minn dan, il-fatt li RQ u RYPF wieġbu b’mod konġunt għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni huwa wkoll mhux irrilevanti, għal darba oħra bħala prova addizzjonali li turi l-eżistenza ta’ entità ekonomika (21).

40.      L-appellanti wkoll jikkunsidraw li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-kwalifikazzjoni legali u żnaturat il-fatti fil-punti 68 u 69 tas-sentenza appellata dwar it-talba ta’ RQ li GQ tkun konformi mar-regoli tal-kompetizzjoni wara spezzjoni fuq bini ta’ dan tal-aħħar fis-27 ta’ Settembru 2002 peress li dik it-talba ma turix l-eżistenza ta’ entità ekonomika. Nikkunsidra li l-appellanti naqsu milli jistabbilixxu żball ta’ liġi jew żnaturament tal-fatti mill-Qorti Ġenerali. Il-ħruġ ta’ ordni għal waqfien, li ma huwiex ikkontestat mill-appellanti, huwa evidenza, għalkemm wara l-ksur, li RQ eżerċitat influwenza deċiżiva fuq l-aġir ta’ GQ fuq is-suq.

41.      Il-Qorti Ġenerali fil-punt 69 tas-sentenza appellata sostniet li l-ħruġ tal-ordni kien biżżejjed fih innifsu sabiex jistabbilixxi li RQ eżerċitat influwenza deċiżiva fuq GQ. Madankollu, din id-dikjarazzjoni, li tista’ tkun xi ftit ambigwa, ma hijiex bażi tajba sabiex tkun annullata s-sentenza appellata għax trid tinqara flimkien mal-punti 62 u 63 tas-sentenza appellata li b’mod ċar jirreferu għall-applikazzjoni tal-preżunzjoni inkwistjoni għall-fatti tal-kawża preżenti.

42.      L-appellanti jsostnu wkoll li l-Qorti Ġenerali, fi ħdan il-qafas tal-evalwazzjoni li għamlet fil-punti 70 sa 76 tas-sentenza appellata, sempliċement għall-finijiet ta’ kompletezza, żbaljat fl-evalwazzjoni legali u żnaturat il-provi mressqa mill-appellanti. Minħabba n-natura korretta u koerenti ta’ dawk il-provi, osservatur oġġettiv u imparzjali isib li GQ kienet indipendenti minn RQ.

43.      L-appellanti jsostnu li, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali manifestament żnaturat il-fatti billi naqset milli tindika li l-attivitajiet ta’ GQ seħħew qabel ma daħlet fil-grupp ta’ RQ, li l-attivitajiet ta’ GQ ma kinux relatati ma’ dawk ta’ RQ u t-tentattivi numerużi ta’ RQ sabiex tbiegħ lil GQ bejn l-1993 u l-2004. Skont l-appellanti dawn il-provi jikkostitwixxu prova ċara tan-nuqqas ta’ interess ta’ RQ f’GQ.

44.      Għandu jitfakkar li, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dawk l-affermazzjonijiet ma kinux biżżejjed sabiex jirribattu l-preżunzjoni inkwistjoni, minħabba li kumpanniji parent u sussidjarji spiss ikollhom attivitajiet differenti u kumpanniji parent xi drabi jbiegħu s-sussidjarji tagħhom. Nikkunsidra li bl-allegazzjonijiet tagħhom l-appellanti naqsu milli juru żnaturament tal-fatti bl-istandard legali, bħalma naqsu milli juru l-iżbalji tal-evalwazzjoni, li skonthom wasslu għall-iżnaturament tal-fatti inkwistjoni. Fl-opinjoni tiegħi, l-appellanti, għalkemm jallegaw formalment żball ta’ liġi, qegħdin, essenzjalment, ifittxu li jpoġġu fid-dubju l-evalwazzjonijiet tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali. Barra minn dan, fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tindika li l-attivitajiet ta’ GQ seħħew qabel ma daħlet fil-grupp ta’ RQ, ma narax rilevanza legali jew fattwali ta’ din l-allegazzjoni meta RQ akkwistat l-ishma f’GQ bejn l-1989 u l-1993 waqt li l-ksur seħħ bejn il-31 ta’ Ottubru 1999 u t-30 ta’ Ġunju 2000 u għaldaqstant ħafna wara li GQ saret sussidjarja proprjetà ta’ RQ.

45.      L-appellanti jsostnu li l-fatt li fil-punt 72 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali rreferiet biss għal żewġ argumenti li ġew diskussi f’żewġ laqgħat tal-bord tad-diretturi ta’ RQ matul il-perijodu ta’ tmien snin bejn l-1998 u l-2005 juri, fir-realtà, in-nuqqas totali ta’ influwenza u intervent ta’ RQ fl-attivitajiet ta’ GQ. Il-Qorti Ġenerali sabet li l-minuti tal-bord tad-diretturi ta’ RQ mill-1998 sal-2000 isemmu r-riżultati finanzjarji ta’ GQ u soluzzjoni dwar il-bejgħ tas-sehem ta’ GQ f’Silquímica u l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lil GQ. Il-Qorti Ġenerali tgħid li fuq il-bażi ta’ dik il-prova, il-bord tad-diretturi ta’ RQ għandu rwol sinjifikattiv f’diversi aspetti essenzjali tal-istrateġija ta’ GQ u jeżerċita influwenza deċiżiva fuq l-aġir ta’ GQ, u permezz ta’ dan tiċħad l-allegazzjoni tal-appellanti fl-ewwel istanza li l-minuti tal-bord tad-diretturi ta’ RQ mill-1998 sal-2000 jirreferu biss għar-riżultati finanzjari ta’ GQ (22).

46.      Fl-opinjoni tiegħi, l-appellanti fl-appell preżenti qed ifittxu li jnaqqsu r-rilevanza tar-referenzi fil-minuti tal-bord tad-diretturi ta’ RQ bejn l-1998 u l-2000 għall-bejgħ tas-sehem ta’ GQ f’Silquímica u l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli. Peress li l-appellanti naqsu milli jinformaw lill-Qorti Ġenerali dwar ir-referenzi fil-minuti inkwistjoni għall-bejgħ tas-sehem ta’ GQ f’Silquímica u għall-bejgħ ta’ proprjetà immobbli u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti inkwistjoni jew li kisret ir-regoli tal-oneru tal-prova, nikkunsidra li l-argument tal-appellanti dwar il-punt 72 tas-sentenza appellata għandu jkun miċħud. L-appellanti qegħdin iqajmu dubju dwar l-evalwazzjoni fattwali li saret mill-Qorti Ġenerali li tmur lil hinn mill-kompetenza ġuridika tal-Qorti tal-Ġustizzja f’każ ta’ appell fil-każ ta’ żnaturament tal-fatti.

47.      Fil-punt 73 tas-sentenza appellata il-Qorti Ġenerali sabet li [kunfidenzjali] kien kemm president tal-bord tad-diretturi ta’ GQ mill-1996 sal-2000 u anki membru tal-bord tad-diretturi ta’ RQ mill-1998 sal-1999. Fl-ewwel istanza, l-appellanti kienu allegaw li ma kienx hemm sovrapożizzjoni fis-sħubija tal-membri sabiex tkun invertita l-preżunzjoni li RYPF u RQ eżerċitaw influwenza deċiżiva fuq GQ. L-appellanti fl-appell preżenti jaqblu li fil-fatt kien hemm din it-tip ta’ sovrapożizzjoni iżda li din kienet tirrelata biss ma’ persuna waħda u kienet għaldaqstant purament ta’ natura marġinali. L-appellanti jallegaw ukoll li l-Kummissjoni kienet taf b’din is-sovrapożizzjoni waqt il-proċedura amministrattiva imma ma kkunsidratx dak il-fatt fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha jew fid-deċiżjoni kkontestata bħala prova li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ entità ekonomika bejn RQ u GQ.

48.      Fl-opinjoni tiegħi, l-appellanti naqsu milli juru li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti inkwistjoni u kisret ir-regoli tal-oneru tal-prova. Għaldaqstant l-argumenti tal-appellanti dwar il-punt 73 tas-sentenza appellata għandhom ikunu miċħuda. Nikkunsidra li mhux rilevanti, sabiex tkun invertita l-preżunzjoni inkwistjoni, li hija bbażata biss fuq il-proprjetà ta’ 100 % tal-ishma f’kumpannija, li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq provi addizzjonali li fil-fatt setgħu jikkonfermaw l-eżistenza ta’ entità ekonomika.

49.      L-appellanti kkunsidraw li, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali b’mod inkorrett ċaħdet il-prova prodotta li l-amministraturi ta’ GQ biss iddeċiedew u implementaw il-politika kummerċjali tal-kumpannija u anki l-argument li l-informazzjoni pprovduta minn GQ lil RQ kienet biss dwar ir-riżultati bi qbil mal-baġits u l-pjanijiet strateġiċi jew kummerċjali (23). Il-Qorti Ġenerali fil-punt 74 tas-sentenza appellata kkunsidrat li dawk l-allegazzjonijiet ma jistgħux jintlaqgħu fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fis-sentenza appellata (24).

50.      Fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali billi għamlet sempliċement referenza għall-ġurisprudenza naqset milli teżamina, anki bl-iktar mod superfiċjali, jekk il-prova ddettaljata prodotta mill-appellanti setgħetx taqleb il-preżunzjoni inkwistjoni. Ċertament, ikun jidher mis-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, purament fuq il-bażi tal-ġurisprudenza ċċitata, li din it-tip ta’ prova ma tistax taqleb il-preżunzjoni inkwistjoni. Nikkunsidra li l-ġurisprudenza ċċitata li fuqha bbażat il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ma ssostnix dak li sabet fil-punt 74, minħabba li dik il-ġurisprudenza tirreferi biss għall-possibbiltà li l-aġir ta’ sussidjarja jiġi imputat fuq kumpannija parent meta s-sussidjarja tkun imxiet mal-istruzzjonijiet mogħtija mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fir-rigward tar-rabtiet ekonomiċi u legali tagħhom. Dik tirreferi wkoll għall-preżunzjoni konfutabbli u l-possibbiltà li l-kumpannija parent tikkonfuta dik il-preżunzjoni. Il-partijiet tal-ġurisprudenza ċċitata għaldaqstant ma jsostnux id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-prova prodotta mill-appellanti ma tistax tikkonfuta l-preżunzjoni. Minħabba n-nuqqas ta’ xi evalwazzjoni jew raġunament fuq in-naħa tal-Qorti Ġenerali fuq il-prova speċifika u ddettaljata prodotta mill-appellanti, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi f’dak li sabet fil-punt 74 tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tagħti opportunità adegwata lill-appellanti sabiex jaqilbu l-preżunzjoni, dritt li huwa ċarament iggarantit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (25). Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza C‑97/08 P Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, bi proċedura ta’ eżaminazzjoni każ b’każ, speċifikament naqset milli tiddefinixxi minn qabel u b’manjiera restrittiva jew eżawrjenti l-prova li tista’ tiġi evalwata sabiex ikun iddeterminat jekk sussidjarja twettaqx l-aġir tagħha fuq is-suq b’mod indipendenti. Fis-sentenza tagħha f’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li għandu jiġi kkunsidrat mhux biss ir-rwol tal-kumpannija parent rigward, inter alia, il-politika tal-prezzijiet u l-produzzjoni u l-attivitajiet ta’ distribuzzjoni tas-sussidjarja, iżda anki l-provi kollha rilevanti fir-rigward tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u legali li jorbtu lis-sussidjarja mal-kumpannija parent (26). Għaldaqstant iktar milli tnaqqas minn qabel xi kategorija ta’ prova bħala irrilevanti għall-finijiet tal-inverżjoni tal-preżunzjoni inkwistjoni jew l-għoti ta’ importanza lil kategorija partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza C‑97/08 P Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni adottat approċċ inklużiv dwar l-inverżjoni tal-prova. Dan ma jfissirx li prova prodotta sabiex tkun invertita l-preżunzjoni tista’ fil-fatt tkun kollha kemm hi inadegwata f’dak ir-rigward wara li tiġi eżaminata.

51.      Għaldaqstant, il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punt 74 tas-sentenza appellata għandhom jitwarrbu. Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha. Fil-kawża preżenti, nikkunsidra li l-istat tal-proċeduri jippermetti deċiżjoni definittiva fuq il-kawża. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi hija finalment il-Qorti tal-Ġustizzja li trid tiddeċiedi.

52.      Nikkunsidra li l-prova prodotta mill-appellanti fl-ewwel istanza u li saret referenza għaliha fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 iktar ’il fuq sabiex tinverti l-preżunzjoni inkwistjoni, tirrelata mal-kompetenzi formali tad-diretturi ta’ GQ u l-indipendenza ta’ dawn tal-aħħar fit-tmexxija ta’ kuljum ta’ GQ. L-appellanti allegaw ukoll li r-riżultati finanzjarji ta’ GQ biss kienu ttrasferiti iktar milli informazzjoni dwar il-politika kummerċjali tagħha. Fl-opinjoni tiegħi, l-allegazzjoni magħmula mill-appellanti dwar informazzjoni finanzjarja għandha tiġi miċħuda peress li l-Qorti Ġenerali sabet fil-punt 72 tas-sentenza appellata li mhux biss ir-riżultati finanzjarji ta’ GQ kienu ġew mgħoddija lil RQ iżda wkoll informazzjoni addizzjonali. Barra minn dan, waqt li d-diretturi ta’ GQ jista’ jkun li għandhom indipendenza kunsiderevoli fit-tmexxjia ta’ kuljum tan-negozju (27), u għalhekk għandhom indipendenza formali kunsiderevoli, il-Qorti Ġenerali fil-fatt sabet fil-punt 72 tas-sentenza appellata li l-bord tad-diretturi ta’ RQ għandu rwol sinjifikattiv f’diversi aspetti essenzjali tal-istrateġija ta’ GQ (28). Għaldaqstant, wara li evalwajt dawn il-provi, nikkunsidra li l-appellanti naqsu milli jikkonfutaw il-preżunzjoni inkwistjoni.

53.      L-appellanti jikkunsidraw li fil-punt 75 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-kwalifika legali tar-relazzjoni bejn GQ u Repsol Italia meta qalet li l-konsolidazzjoni tal-kontijiet tal-grupp minn RYPF issostni l-allegazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ entità ekonomika. L-appellanti jallegaw li huma kienu wrew li r-relazzjoni ta’ aġenzija mhux esklużiva bejn GQ u Repsol Italia kienet prova li GQ kienet kummerċjalment indipendenti.

54.      Fl-opinjoni tiegħi, l-appellanti naqsu milli juru li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi jew żnaturat il-fatti fil-punt 75 tas-sentenza appellata meta ċaħdet l-allegazzjoni tal-appellanti fl-ewwel istanza li r-relazzjoni ta’ aġenzija mhux esklużiva bejn GQ u Repsol Italia kienet prova li GQ kienet kummerċjalment indipendenti minħabba li wriet kunflitt ta’ interess bejn GQ u l-kumpanniji parent tagħha peress li żieda fil-prezz imposta fuq Repsol Italia, b’mod simili fuq id-distributuri l-oħra kollha, ġiet deċiża b’mod unilaterali minn GQ mingħajr l-intervent ta’ RQ u RYPF. Il-Qorti Ġenerali sabet li l-grupp ikkonsolida l-kontijiet tiegħu, u għalhekk ikkonfermat dak li sabet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li żieda fil-prezz tal-prodotti ta’ GQ ma kinitx tikkostitwixxi prova ta’ kunflitt ta’ interess bejn GQ u l-kumpanniji parent tagħha, għax kwalunkwe żieda fid-dħul mill-bejgħ ta’ GQ li tirriżulta minn żieda fil-prezz tal-prodotti tagħha iżżid ukoll id-dħul mill-bejgħ ta’ RQ u RYPF. Nikkunsidra li l-appellanti fir-realtà qegħdin ifittxu li jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-fatti li saret mill-Qorti Ġenerali u li l-allegazzjoni tagħhom fir-rigward tal-punt 75 tas-sentenza appellata għandha tiġi rrifjutata bħala inammissibbli.

55.      Fid-dawl ta’ dan kollu, nikkunsidra li l-ewwel aggravju tal-appellanti għandu jintlaqa’ parzjalment u li l-kumplament għandu jiġi miċħud. Fl-opinjoni tiegħi, ir-rikors għal annullament li kien ġie ppreżentat mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali għandu jiġi miċħud.

B –    It-tieni aggravju

56.      L-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi billi awtomatikament estendiet ir-responsabbiltà għal ksur imwettaq minn sussidjarja lil kumpannija parent kap tal-grupp. Dan sar permezz ta’ estensjoni mhux xierqa tal-preżunzjoni inkwistjoni bbażata fuq il-kapaċità tal-kumpannija parent li teżerċita influwenza deċiżiva fuq is-sussidjarja tagħha. Fuq dik il-bażi, l-ewwel nett il-Qorti Ġenerali fil-kawża preżenti sabet lil RYPF responsabbli biss fuq il-bażi li din tal-aħħar ma wrietx l-awtonomija tal-kumpannija “intermedjarja” RQ li min-naħa tagħha ma wrietx li s-sussidjarja tagħha GQ effettivament kienet awtonoma. Bħala riżultat tar-raġunament inkwistjoni, RYPF inżammet responsabbli minħabba li RG ma kinitx kapaċi tirrifjuta li kienet responsabbli għall-aġir ta’ GQ. It-tieni nett, l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tirriżulta f’sitwazzjoni fejn ir-responsabbiltà għal ksur imwettaq minn sussidjarja tiġi dejjem attribwita lill-kumpannija parent li tkun il-kap tal-grupp, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ u b’mod partikolari n-numru ta’ kumpanniji involuti bejn dik is-sussidjarja u l-kumpannija parent inkwistjoni, in-natura ta’ dawk il-kumpanniji involuti u l-attivitajiet tagħhom u r-rabtiet legali u ekonomiċi bejn il-kumpanniji tal-aħħar.

57.      F’dan ir-rigward, l-appellanti jallegaw li s-sentenzi f’Michelin vs Il‑Kummissjoni (29) u fil-Kawża T‑330/01, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (30) ma jipprovdux għal din it-tip ta’ estensjoni awtomatika tal-eżerċizzju ta’ influwenza deċiżiva minn kumpannija parent li tkun il-kap tal-grupp. Is-sentenza Michelin vs Il‑Kummissjoni kienet marbuta mal-possibbiltà li jkun ikkunsidrat bħala ċirkustanza aggravata ksur repetut minn kumpannija parent fir-rigward tal-aġir tas-sussidjarji differenti li tikkontrolla. Fil-Kawża T‑330/01 Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali imputat lill-kumpannija parent li kienet il-kap tal-grupp il-ksur li kkommettiet sussidjarja biss fuq il-bażi li din tal-aħħar kienet ikkontrollata minn kumpannija holding, li l-iskop tagħha kien biss li żżomm l-ishma tas-sussidjarja. L-appellanti jallegaw b’kuntrast li fil-kawża preżenti RYPF la hija l-kumpannija parent u lanqas il-proprjetarja tal-kapital tagħha. Barra minn dan, RYPF ma tapprovax il-kontijiet annwali ta’ GQ u ma taħtarx il-membri tal-korp aministrattiv. Finalment la n-natura ta’ RQ u lanqas l-attività tagħha ma jippermettu li jinstab li din tal-aħħar hija sempliċi intermedjarja li permezz tagħha RYPF teżerċita kontroll fuq GQ.

58.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li skont is-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (31) l-eżistenza ta’ katina ta’ kumpanniji li permezz tagħhom ikun eżerċiat il-kontroll ma taffettwa bl-ebda mod l-evalwazzjoni ta’ jekk il-kumpannija parent u s-sussidjarja jiffurmawx entità ekonomika. Skont il-Kummissjoni, dak l-approċċ ġie kkonfermat f’ġurisprudenza reċenti tal-Qorti Ġenerali fis-sentenzi Michelin vs Il-Kummissjoni (32) u fil-Kawża T‑330/01 Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (33). Fil-Kawża T‑330/01 Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali rrifjutat l-allegazzjoni ta’ Akzo li l-preżunzjoni ma tapplikax għaliha minħabba li hi kienet kumpannija holding mingħajr attività ta’ produzzjoni jew bejgħ u minħabba n-natura “remota” u “indiretta” tal-kontroll tagħha. Barra minn dan, skont il-Kummissjoni, l-Avukat Ġenerali Kokott, fil-konklużjonijiet tagħha fil-Kawża C‑97/08 P Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (34) pproponiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta l-appell imressaq kontra s-sentenza mogħtija fil-Kawża T‑112/05 Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (35), kawża fejn il-kontroll kien eżerċitat indirettament minn kumpannija parent permezz ta’ kumpanniji f’livelli intermedjarji. Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li t-tieni aggravju huwa inoperattiv peress li l-partijiet tas-sentenza appellata li juru li RYPF kienet tifforma entità ekonomika ma’ GQ ma ġewx ikkontestati.

59.      Bit-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti fittxew li jbiegħdu lil RYPF mill-ksur li kkommettiet GQ fil-kawża preżenti l-iktar billi enfasizzaw ir-rwol ta’ RQ fir-rigward ta’ GQ, bħal pereżempju l-fatt li RQ tinnomina l-korp amministrattiv ta’ GQ u tapprova l-kontijiet annwali ta’ din tal-aħħar.

60.      Hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE jirreferi għall-attivitajiet tal-impriżi u li l-kunċett ta’ impriża jkopri kull entità involuta f’attività ekonomika, irrilevanti mill-istat legali tagħha u mill-mod li bih kienet iffinanzjata. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan l-istess kuntest, għandu jinftiehem li jfisser entità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-entità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, meta tali entità tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha twieġeb għal dan il-ksur. Il-ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni għandu b’mod inekwivoku jiġi imputat fuq persuna ġuridika li fil-konfront tagħha jkunu jistgħu jiġu imposti multi u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tiġi indirizzata lil din il-persuna. Huwa importanti wkoll li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tindika f’liema kwalità impriża tkun qed tiġi akkużata bil-fatti allegati (36).

61.      Huwa ċar skont ġurisprudenza stabbilita li persuna ġuridika bħal pereżempju kumpannija li ma kinitx involuta fi ksur xorta waħda tista’ tiġi kkastigata għalih f’ċerti ċirkustanzi (37). Fil-Kawża C‑97/08 P Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-fatt li fejn kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jiffurmaw entità ekonomika waħda, il-kumpannija parent tista’ tinżamm responsabbli għal ksur mis-sussidjarja tagħha minkejja l-fatt li l-kumpannija parent ma kellhiex involviment personali fil-ksur (38). Għaldaqstant li jiġi aċċertat jekk kumpanniji fi ħdan grupp korporattiv jiffurmawx parti minn entità ekonomika waħda huwa vitali fir-rigward, inter alia, tal-kwistjoni tal-imputabbiltà tar-responsabbiltà tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (39). Dik il-kwistjoni bla dubju saret inqas kumplessa u oneruża għall-awtoritajiet li jinfurzaw id-dritt tal-kompetizzjoni, bħall-Kummissjoni, minħabba l-preżunzjoni konfutabbli li l-kumpannija parent ta’ sussidjarja kollha proprjetà tagħha teżerċita influwenza deċiżiva fuq din tal-aħħar u għalhekk huma jiffurmaw entità ekonomika waħda. Ċertament, nikkunsidra li l-funzjoni tal-preżunzjoni inkwistjoni, kif spjegat mill-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha fil-Kawża C‑97/08 P Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (40), hija li tiffaċilita l-infurzar effettiv tad-dritt tal-kompetizzjoni filwaqt li tippromwovi ċertezza legali permezz tal-mod ċar kif titqajjem il-preżunzjoni.

62.      Nikkunsidra li kumpannija parent (RYPF) li għandha 100 % tal-ishma ta’ sussidjarja (RQ), li hi stess għandha 100 % tal-ishma f’kumpannija oħra (GQ), bla dubju tista’ teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-kumpannija tal-aħħar (GQ) (41) u l-preżunzjoni konfutabbli li l-kumpannija parent (RYPF) verament teżerċita dik l-influwenza għandha tapplika. In-numru ta’ kumpanniji kkontrollati 100 % involuti bejn kumpannija parent kap tal-grupp korporattiv u s-sussidjarja li pparteċipat fil-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma għandux iwaqqaf milli titqajjem il-preżunzjoni. F’każijiet li jinvolvu “katina”’ ta’ sussidjarji kkontrollati 100 %, il‑kapaċità tal-kumpannija parent li tkun il-kap tal-grupp sabiex teżerċita influwenza deċiżiva fuq kull sussidjarja, imma partikolarment fuq is-sussidjarja li tkun ipparteċipat fil‑ksur, fl-opinjoni tiegħi, ma hijiex dibattibli. Fejn kumpannija hija kollha proprjetà ta’ oħra, anki jekk indirettament, il-preżunzjoni inkwistjoni għandha titqajjem għax f’tali każijiet l-istruttura korporattiva ma hijiex, fil-prinċipju, determinanti.

63.      Għalhekk ma nista’ nara l-ebda raġuni għalfejn il-preżunzjoni inkwistjoni ma għandhiex tapplika għall-fatti tal-kawża preżenti. Għal darba oħra għandu jkun enfasizzat li l-preżunzjoni hija konfutabbli. Il-kumpannija parent li tkun il-kap tal-grupp għandha tingħata l-opportunità li tipprovdi prova sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni li hi teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-aġir tas-sussidjarji tagħha. Ċertament, fejn il-kumpannija parent li tkun il-kap tal-grupp tista’ turi li s-sussidjarja li kkommettiet il-ksur jew waħda mis-sussidjarji “f’livell intermedjarju” bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja li kkommettiet il-ksur tiddeċiedi fuq l-aġir tagħha fis-suq b’mod indipendenti, il‑katina ta’ responsabbiltà tinkiser u l-kumpannija parent li tkun il-kap tal-grupp ma tkunx tista’ tinżamm responsabbli għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

64.      Fl-opinjoni tiegħi, deċiżjoni mod ieħor tipperikola l-preżunzjoni konfutabbli u għaldaqstant il-funzjoni tagħha li tiżgura l-infurzar effettiv tad-dritt tal-kompetizzjoni minħabba li kumpanniji parent ikunu jistgħu jaħarbu mir‑responsabbiltà għall-ksur li jipparteċipaw fih is-sussidjarji tagħhom permezz ta’ ristrutturar korporattiv (42). Tali ristrutturar korporattiv strateġiku jista’ indirettament jillimita l-poter tal-Kummissjoni li timponi l-multi, u b’hekk potenzjalment inaqqas l-effett ta’ deterrent tal-multi (43).

65.      Għalhekk nikkunsidra li t-tieni aggravju tal-appellanti għandu jiġi miċħud.

V –    Spejjeż

66.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, fejn l‑appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja stess tagħti deċiżjoni finali fil‑kawża, hija għandha tiddeċiedi wkoll dwar l-ispejjeż.

67.      Skont l-Artikolu 69(2) ta’ dawn ir-Regoli li, skont l‑Artikolu 118 tagħhom, japplika għall-appelli, il‑parti li titlef il‑kawża għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(3) ta’ dawn ir-Regoli, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap wieħed jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

68.      F’dan il-każ, peress li l-appellanti u l-Kummissjoni kienu telliefa rispettivament, huwa xieraq li jkun deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-appell.

69.      Bil-kontra, peress li r-rikors għall-annullament ippreżentat mill-appellanti ġie miċħud, il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata għandu jiġi kkonfermat fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza.

VI – Konklużjoni

70.      Għalhekk nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Sitt Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2008, T‑85/06, General Química et vs Il‑Kummissjoni sa fejn din ikkonstatat li General Química hija responsabbli in solidum ma’ Repsol Química u Repsol YPF għall‑ksur li kkommettiet General Química;

–        tiċħad il-kumplament tal-appell;

–        tiċħad it-talba mressqa minn General Química, Repsol Química u Repsol YPF għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/902/KE, tal‑21 ta’ Diċembru 2005, dwar proċediment taħt l-Artikolu 81 [KE] u l‑Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Flexsys NV, Bayer AG, Crompton Manufacturing Company Inc. (li qabel kienet Uniroyal Chemical Company Inc.), Crompton Europe Ltd, Chemtura Corporation (li qabel kienet Crompton Corporation), General Química, Repsol Química u Repsol YPF (Każ COMP/F/C.38.443 – Prodotti kimiċi għall‑ipproċessar tal-lasktu);

–        tikkundanna lill-partijiet għall-ispejjeż tagħhom relatati mal-appell u lil General Química, Repsol Química u Repsol YPF għall-ispejjeż fl-ewwel istanza.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Il-prodotti kimiċi għall-ipproċessar tal-lasktu huma kimiċi sintetiċi jew organiċi li jtejbu l-produttività u l-kwalità tal-manifattura tal-lasktu. Is-settur tal-karozzi huwa l-ikbar settur li juża partijiet tal-lasktu, l-iktar fil-forma ta’ tajers. L-antidegradanti u l-aċċelleraturi huma l-iktar prodotti kimiċi importanti f’termini ta’ valur fuq is-suq, u jammontaw għal bejn wieħed u ieħor 85-90 % tal-prodotti kimiċi tal-lasktu kollha.


3 – Dwar evalwazzjoni żbaljata u nuqqas ta’ motivazzjoni dwar responsabbiltà konġunta u separata ta’ GQ, RQ u RYPF.


4 – Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni (48/69, Ġabra p. 619, punti 133 u 134).


5 – Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG Telefunken vs Il-Kummissjoni (107/82, Ġabra p. 3151, punt 50).


6 – Għaldaqstant issegwi ġurisprudenza reċenti tal-Qorti Ġenerali li terġa’ tinterpreta s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni (C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925) bħas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (T‑112/05, Ġabra p. II‑5049, punti 60 u 61) u tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni (T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punt 57).


7 –      Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il‑Kummissjoni (T‑325/01, Ġabra p. II‑3319, punt 218) u tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il‑Kummissjoni (T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947, punt 132).


8 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.


9 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.


10 – C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237.


11 – Ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 58 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata. Fil-fatt, għandu jinkixef il-velu korporattiv sabiex tkun żvelata l-entità ekonomika jew l-impriża responsabbli għall-ksur.


12 – Ara l-punt 60 ta’ din is-sentenza (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10). Fl-opinjoni tiegħi, il-preżunzjoni inkwistjoni għandha l-mertu li hi ċara u għaldaqstant tiffaċilita ċ-ċertezza legali. Ara f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 71. Kumpanniji parent huma għaldaqstant avżati dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom f’ċerti ċirkustanzi għall-azzjonijiet tas-sussidjarji tagħhom u jistgħu mbagħad jieħdu miżuri adattati, li minħabba l-100 % tal-ishma tagħhom f’dawk is-sussidjarji għandhom il-poter li jiħduhom, sabiex jiżguraw konformità ta’ dawn tal-aħħar mad-dritt tal-kompetizzjoni.


13 – Ara s-sentenza C‑97/08 P, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 61. Meta titqajjem il-preżunzjoni inkwistjoni, nikkunsidra li l-oneru tal-prova imur fuq il-kumpannija parent jekk din tkun tixtieq tikkonfuta dik il-preżunzjoni u hija responsabbiltà tagħha li tipprovdi prova li turi li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod indipendenti fuq is-suq. Nagħmel nota li minix konsapevoli tal-ebda każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali li fih il-preżunzjoni inkwistjoni kienet konfutata.


14 – Ara l-punt 62 tas-sentenza appellata.


15 – Ara l-konkluzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 90 u 91.


16 – Ara b’mod partikolari l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1) kif adottata, fit-12 ta’ Diċembru 2007, fi Strasbourg (ĠU C 303, p. 1), intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”), intitolat “Dritt għal smigħ xieraq”. F’dan ir-rigward nagħmel analoġija mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat regoli tad-dritt nazzjonali li awtomatikament eskludew ċerti parteċipanti minn kuntratti pubbliċi bħala kontra d-dritt tal-UE. Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom (C‑21/03 u C‑34/03, Ġabra p. I‑1559, punti 33 u 35); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki (C‑213/07, Ġabra p. I‑9999, punti 63 sa 69); tad-19 ta’ Mejju 2009, Assitur (C‑538/07, Ġabra p. I‑4219, punti 29 sa 33); u tat-23 ta’ Diċembru 2009, Serrantoni u Consorzio stabile edili (C‑376/08, Ġabra p. I-12169, punti 40 sa 46).


17 – Ara l-punt 74 (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10). Għalhekk, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tal-appellanti fil-punt 27 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ma humiex meħtieġa jindikaw b’mod astratt x’tip ta’ prova għandha tiġi prodotta sabiex tinqabel il-preżunzjoni.


18 – Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tistabbilixxi l-fatti jew, mingħajr eċċezzjoni, sabiex teżamina l-provi li l‑Qorti Ġenerali qieset insostenn ta’ dawk il-fatti. Sakemm dawn il-provi jinkisbu legalment, u sakemm il-prinċipji ġenerali ta’ dritt u r-regoli ta’ proċedura applikabbli fil-qasam tal-provi u tal-evalwazzjoni tal-provi jiġu mħarsa, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti li tevalwa l-valur li għandu jiġi attribwit lill-provi li tressqu quddiemha. Għaldaqstant, ħlief fil-każ ta’ żnaturazzjoni tal-provi, l-evalwazzjoni tagħha għaldaqstant ma tikkostitwixxix punt ta’ liġi suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fejn appellant jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, huwa jrid jindika preċiżament il-provi li ġew żnaturati u juri l-iżbalji tal-evalwazzjoni li wasslu għall-iżnaturament. Tali interpretazzjoni ħażina teżisti meta, mingħajr ma jsir riferiment għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher li hi manifestament żbaljata. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni (C‑413/08 P, Ġabra p. I-5361, punti 15 sa 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19 – Ara l-punti 58 sa 63 tas-sentenza appellata.


20 – Ara l-punti 72 sa 74 tas-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10).


21 – Ara b’analoġija, is-sentenzi Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 29, u Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 50.


22 – GQ bbażat ruħha biss fuq ir-referenza għar-riżultati finanzjarji tagħha fil-minuti inkwistjoni sabiex turi li l-maniġers tagħha jistabbilixxu u jwettqu l-pjanijiet strateġiċi u kummerċjali tagħha u jipprovdu biss informazzjoni ġenerali lil RQ. Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq prova prodotta mill-Kummissjoni fil-kontroreplika tagħha dwar referenzi fil-minuti rigward il-bejgħ tal-ishma ta’ GQ f’Silquímica u l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lil GQ u għaldaqstant ikkunsidrat li l-prova prodotta mill-Kummissjoni tissostanzja dak li sabet hi fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ influwenza deċiżiva.


23 – L-appellanti, fil-motivi mressqa fl-ewwel istanza jallegaw li fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni huma pproduċew provi dettaljati li juru li l-amministraturi ta’ GQ aġixxew formalment u materjalment bħala diretturi ta’ dik il-kumpannija u indipendentement iddeċiedew fuq il-politika kummerċjali ta’ GQ. Dawn l-allegazzjonijiet saru sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni inkwistjoni. F’dan ir-rigward, fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni l-appellanti rreferew għal numru ta’ kuntratti konklużi u ffirmati mid-diretturi ta’ GQ jew mill-maniġers tal-fabbrika ta’ GQ għall-provvista ta’ materja prima, ħażna ta’ prodotti, kooperazzjoni u assistenza teknika fil-manifattura ta’ prodotti u ftehim kollettiv bejn il-ħaddiema u t-tmexxija. L-appellanti wkoll allegaw fl-ewwel istanza, sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni inkwistjoni, li d-diretturi ta’ GQ stabbilixxew baġit annwali għal dik il-kumpannija u taw biss informazzjoni ġenerali dwar l-istat ta’ tmexxija ta’ RQ.


24 – F’dan ir-rigward, ninnota li l-Qorti Ġenerali fil-punt 74 tas-sentenza appellata tagħmel biss referenza għall-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq. Għaldaqstant jien, għall-finijiet ta’ kompletezza, se neżamina l-ġurisprudenza kollha ċċitata mill-Qorti Ġenerali qabel il-punt 74 tas-sentenza appellata, jiġifieri s-sentenzi AEG Telefunken vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 49; Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 26; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il-Kummissjoni (T‑314/01, Ġabra p. II‑3085, punt 136); tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni (T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 59); tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni (T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 290); u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla Oyj et vs Il-Kummissjoni (C‑294/98 P, Ġabra p. I‑10065, punt 28).


25 – Sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 63 sa 65.


26 – Ara l-punt 74 tas-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.


27 – Fl-opinjoni tiegħi, it-tali prova fiha nfisha ma hijiex determinanti għax, jiddependi mill-każ speċifiku, tista’ jew ma tistax, tikkonfuta l-preżunzjoni inkwistjoni. Kif irrimarkat l-Avukat Ġenerali Kokott fil-punti 89 u 90 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10), filwaqt li struzzjonijiet speċifiċi, linji gwida jew drittijiet ta’ tmexxija konġunta f’termini ta’ prezzijiet, produzzjoni u attivitajiet jew aspetti essenzjali simili għall-aġir tas-suq huma partikolarment indikazzjoni ċara tal-eżistenza tal-influwenza deċiżiva tal-kumpannija parent fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha, l-awtonomija tas-sussidjarja ma tistax tiġi implikata fin-nuqqas tagħhom.


28 – Dawn il-provi huma rilevanti fid-dawl ta’ dak li sabet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 74 tas-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10), minħabba li l-provi rilevanti kollha li jirrelataw mar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u legali li jorbtu lis-sussidjarja mal-kumpannija parent huma rilevanti sabiex jaċċertaw jekk sussidjarja tiddeterminax l-aġir tagħha fuq is-suq b’mod indipendenti.


29 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24.


30 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Ġabra p. II‑3389.


31 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.


32 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24.


33 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30.


34 – Iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.


35 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.


36 – Sentenza C‑97/08 P Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 54 sa 57.


37 – Ara s-sentenza AEG Telefunken vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 49. Ara b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C‑280/06, Ġabra p. I‑10893, punti 40 et seq.


38 – Ara l-punt 59.


39 – Barra minn dan, skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), il-Kummissjoni tista’ permezz ta’ deċiżjoni timponi multi fuq impriżi li intenzjonalment jew b’negliġenza jiksru l-Artikolu 101 TFUE jew l-Artikolu 102 TFUE. Għal kull impriża parteċipanti fil-ksur, il-multa ma għandhiex taqbeż l-10 % tal-fatturat totali tas-sena kummerċjali ta’ qabel. Għaldaqstant l-identifikazzjoni tal-impriża jista’ jkollha impatt fuq il-livell ta’ dik il-multa. Barra minn dan, il-multi imposti jistgħu jiżdiedu skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 fejn hemm ċirkustanzi aggravanti bħal pereżempju impriża li tirrepeti l-istess ksur jew wieħed simili wara li l-Kummissjoni jew awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tkun sabet li l-impriża kisret l-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE. Ara s-sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331. Ara wkoll il-punt 28 tal-Linji Gwida dwar il-metodu ta’ kif jiġu stabbiliti l-multi skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006 C 210, p. 2). F’ċerti ċirkustanzi l-multa imposta fuq impriża tista’ tkun miżjuda kunsiderevolment minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq iktar qabel minn sussidjarja fi grupp.


40 – Iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.


41 – U RQ.


42 – Filwaqt li f’xi każijiet, jista’ jkun possibbli li jiġu identifikati u mwarrba b’mod relattivament faċli arranġamenti pretesti maħsuba sabiex jevitaw l-applikazzjoni tal-preżunzjoni, nikkunsidra li fil-maġġoranza tal-każijiet dik il-possibbiltà ma tkunx possibbli, partikolarment fejn sussidjarja kkontrollata 100 % hija iżjed minn kumpannija holding, u għaldaqstant il-preżunzjoni u l‑vantaġġi tagħha jinġiebu fix-xejn.


43 – L-obbjettiv deterrent tal-multi imposti għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE u l-ħtieġa li jkun żgurat li dan l-obbjettiv ma jkunx ipperikolat jew imfixkel minn ristrutturar ta’ impriżi kien reċentement enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’ETI et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37; tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punti 22 sa 29); u tat-18 ta’ Diċembru 2008, Coop de France bétail et viande et vs Il‑Kummissjoni (C‑101/07 P u C‑110/07 P, Ġabra p. I‑10193, punti 96 sa 98).