Language of document : ECLI:EU:C:2011:21

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

20 ta’ Jannar 2011 (*)

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Settur tal-prodotti kimiċi għall-ipproċessar tal-lastku – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Grupp ta’ impriżi – Responsabbiltà in solidum ta’ kumpannija parent għall-ksur tar-regoli tal‑kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarji tagħha – Imputazzjoni ta’ responsabbiltà lill-kumpannija parent kap tal-grupp”

Fil-Kawża C‑90/09 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fis-27 ta’ Frar 2009,

General Química SA, stabbilita fi Alava (Spanja),

Repsol Química SA, stabbilita fi Madrid (Spanja),

Repsol YPF SA, stabbilita fi Madrid (Spanja),

irrappreżentati minn J. M. Jiménez‑Laiglesia Oñate, u J. Jiménez‑Laiglesia Oñate, avukati

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u E. Gippini Fournier, bħala aġenti, li għandhom domiċilju fil-Lussemburgu

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, J.‑J. Kasel, M. Ilešič, E. Levits u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ April 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħhom General Química SA (iktar ’il quddiem “GQ”), Repsol Química SA (iktar ’il quddiem “RQ” u Repsol YPF SA (iktar ’il quddiem “RYPF”) qegħdin jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li saret il-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Diċembru 2009) tat-18 ta’ Diċembru 2008, General Química et vs Il‑Kummissjoni, (T‑85/06, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħhom għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/902/KE, tal-21 ta’ Diċembru 2005, dwar il-proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Flexsys NV, Bayer AG, Crompton Manufacturing Company Inc. (ex Uniroyal Chemical Company Inc.), Crompton Europe Ltd, Chemtura Corporation (ex Crompton Corporation), General Química SA, Repsol Química SA u Repsol YPF SA (Kawża COMP/F/C.38.443) – Prodotti kimiċi għall-ipproċessar tal-lastku (ĠU 2006 L 353, p. 50, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), u imponiet fuq dawn il-kumpanniji, b’mod konġunt, multa għall-parteċipazzjoni tagħhom f’numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        GQ hija kumpannija Spanjola li tipproduċi ċerti tipi ta’ prodotti kimiċi għall-ipproċessar tal-lasktu. Hija sussidjarja 100 % ta’ RQ, liema kumpannija hija sussidjarja 100 % ta’ RYPF.

3        Fit-12 ta’ April 2005, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej informat lill-appellanti permezz ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet relattiva għal proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3).

4        Bid-deċiżjoni kkuntestata, il-Kummissjoni ddikjarat lil RQ u RYPF, imsejħa flimkien bħala “Repsol”, flimkien u in solidum responsabbli għall-ksur imwettaq minn GQ.

5        F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni esponiet fl-imsemmija deċiżjoni li kumpannija parent tista’ tiġi kkunsidrata a priori bħala responsabbli għall-aġir tas-sussidjarji tagħha li jkunu 100 % kkontrollati minnha, iżda li huwa possibbli li l-preżunzjoni tiġi invertita għal eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq tali sussidjarji.

6        Il-Kummissjoni ppreċiżat li tali inverżjoni ta’ preżunzjoni ma tistax tirriżulta mill-affermazzjoni li skontha l-kumpannija parent ma pparteċipatx direttament fil-ħsieb jew li ma kinitx infurmata bih, jew li ma nkoraġġietx lis-sussidjarji tagħha sabiex jadottaw komportament illeċitu. Il-Kummissjoni kkunsidrat bl-istess mod li l-fatt li RQ u RYPF ma assumewx ir-responsabbiltà għat-tmexxija fuq bażi regolari u lanqas amministrazzjoni operazzjonali ta’ GQ, ma kinitx biżżejjed biex din il-preżunzjoni tiġi invertita.

7        Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li, f’dan il-każ, anki jekk l-amministratur waħdieni ta’ GQ iddelega l-poteri tiegħu relattivi għat-tmexxija operazzjonali taghħa, huwa xorta jkun meqjus bħala “rabta” bejn GQ u RQ, għax bih, l-informazzjoni li tirrigwarda l-bejgħ, il-produzzjoni u r-riżultati finanzjarji ġew komunikati lill-kumpannija parent. Barra minn hekk, ir-riżultati finanzjarji ta’ GQ ġew konsolidati ma’ dawk ta’ “Repsol”, bil-konsegwenza li l-profitti jew it-telf ta’ GQ kienu riflessi fil-profitti u t-telf tal-grupp.

8        F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kkonstatat, fl-Artikolu 1(f) sa (h) tad-deċiżjoni kkontestata, li l-appellanti kienu pparteċipaw, bejn il-31 ta’ Ottubru 1999 sat-30 ta’ Ġunju 2000, f’numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma fir-rigward tal-iffissar tal-prezzijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali fuq ċerti prodotti kimiċi destinati għall-ipproċessar tal-lasktu, madwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, bi ksur tal-Artikolu 81 u l-Artikolu 53 tal-ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992.

9        Bħala konsegwenza, fl-Artikolu 2(d) tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni mmultat lil GQ, lil RQ u lil RYPF, in solidum, multa ta’ EUR 3.38 miljun.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

10      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali nhar it-8 ta’ Marzu 2006, l-appellanti introduċew appell abbażi tal-Artikolu 230 KE, fejn talbu l-annullament parzjali tad-deċiżjoni appellata.

11      Insostenn ta’ dan ir-rikors, huma invokaw tliet motivi. L-ewwel motiv kien jirrigwarda żball evidenti ta’ evalwazzjoni u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà in solidum tal-appellanti. It-tieni u t-tielet motiv, li ma humiex ulterjorment inkwistjoni għaliex ma humiex indikati fl-appell, kienu jirrigwardaw rispettivament diversi żbalji ta’ liġi li l-Kummissjoni allegatament għamlet meta kkalkulat il-multa, kif ukoll żball ta’ evalwazzjoni, in-nuqqas ta’ motivazzjoni u ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fl-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

12      Fir-rigward tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali qabelxejn fakkret fil-punt 58 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG Telefunken vs Il‑Kummissjoni (107/82, Ġabra p. 3151, punt 49), u tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni (C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punt 26), illi skontha, iċ-ċirkustanza fejn sussidjarja għandha personalità ġuridika distinta mhux biżżejjed sabiex teskludi l-possibilità li l-kumpannija parent tiġi miżmuma responsabbli għall-aġir tagħha, speċjalment jekk tali sussidjarja ma taġixxix b’mod awtonomu fis-suq, iżda tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija liha mill-kumpannija parent tagħha.

13      Barra minn hekk, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ partikolari fejn kumpannija parent tikkontrolla 100 % lis-sussidjarja tagħha u liema sussidjarja tkun aġixxiet b’mod offensiv, teżisti preżunzjoni konfutabbli li tgħid li dik il-kumpannija parent teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (b’referenza għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il‑Kummissjoni, T‑314/01, Ġabra p. II‑3085, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata), b’tali mod illi dawn iż-żewg kumpanniji jikkostitwixxu impriża waħda taħt l-Artikolu 81 KE (b’referenza għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “Tokai II”, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, punt 59). Għaldaqstant hija l-kumpannija parent li, quddiem il-qorti Komunitarja, tkun qiegħda tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponilha multa għall-aġir imwettaq mis-sussidjarja tagħha, li għandha tinverti din il-preżunzjoni billi tressaq provi li juru l-awtonomija ta’ din tal-aħħar, u għalhekk il-Qorti Ġenerali tirreferi f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, għas-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 29).

14      Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni kienet invokat ċirkustanzi differenti milli ż-żamma ta’ 100 % tal-kapital tas-sussidjarja, dan sar biss għall-iskop sabiex tesponi t-totalità tal-elementi li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ir-raġunament tagħha fid-deċiżjoni attakkata fl-ambitu ta’ din il-kawża, u mhux sabiex tissuġġetta l-imsemmija preżunzjoni għall-eżistenza ta’ provi supplementari.

15      Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant ikkonkludiet, fil-punt 62 tas-sentenza kkontestata, li huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tagħti prova li t-totalità tal-kapital ta’ sussidjarja huma miżmuma mill-kumpannija parent tagħha sabiex b’hekk tiġi stabbilita l-preżunzjoni li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-imsemmija sussidjarja fis-suq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tkun tista’ tikkunsidra lill-kumpannija parent bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha fir-rigward ta’ ftehim illegali li fihom tali sussidjarja tkun ipparteċipat, anki jekk jirriżulta li l-kumpannija parent ma kinitx involuta direttament f’dawn il-ftehim, sakemm din tal-aħħar ma tippruvax li s-sussidjarja tagħha għandha aġir awtonomu fis-suq.

16      Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, li, f’dan il-każ, “il-Kummissjoni ma injoratx il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali meta rreferiet għaż-żamma ta’ 100 % tal-kapital ta’ GQ mill-kumpanniji parent tagħha […] sabiex iżżommhom responsabbli għall-aġir antikompetittiv ta’ din tal-aħħar” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

17      Il-Qorti Ġenerali osservat iktar tard, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, li RYPF u RQ ma ssottomettew l-ebda element relattiv għal rabtiet organizzazzjonali, ekonomiċi u ġuridiċi bejniethom u GQ sabiex juru l-awtonomija kummerċjali u operazzjonali ta’ din is-sussidjarja.

18      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali qalet, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, li l-elementi mressqa mill-Kummissjoni fil-punt 262 tal-motivazzjoni fid-deċizjoni kkontestata, saħqu favur l-eżistenza ta’ entità unika, u jiġifieri li l-amministratur waħdieni ta’ GQ aġixxa dejjem bħala “rabta” ma’ RQ, li RYPF ikkonsolidat il-kontijiet ta’ GQ u ta’ RQ fuq livell ta’ grupp, u finalment, li RQ u RYPF irrispondew bid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet b’mod konġunt.

19      Barra minn hekk, fil-punti 68 u 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-fatt li nhar it-22 ta’ Ottubru 2002 RQ ordnat lil GQ sabiex twaqqaf kull prattika li tista’ tikkostitwixxi ksur ta’ regolament tal-kompetizzjoni, wara spezzjoni li seħħet fl-istabbilimenti ta’ GQ nhar is-27 ta’ Settembru 2002, kienet tikkostitwixxi prova biżżejjed tal-influwenza determinanti eżerċitata minn RYPF u RQ dwar il-politika ta’ GQ, mhux biss fis-suq, iżda wkoll fir-rigward tal-aġir ta’ ksur li tikkostitwixxi s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.

20      Sussidjarjament, il-Qorti Ġenerali eżaminat fil-punti 71 sa 76 tas-sentenza appellata jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlitx xi żball ta’ evalwazzjoni li jirrigwarda l-elementi ta’ prova ppreżentati mill-appellanti jew jekk hi injorathomx bi żball, bil-mod kif ġej:

“71      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-fatt li l-attivitajiet tas-sussidjarja huma differenti, anki kompletament, mill-attivitajiet tal-grupp jew anki l-fatt li l-kumpannija parent ippruvat, mingħajr suċċess, terġa’ tbiegħ lis-sussidjarja, mhux biżżejjed biex jaqilbu l-preżunzjoni li RQ u RYPF huma responsabbli. Anki jekk gruppi ta’ impriżi u kumpanniji holding, frekwentement ikollhom attivitajiet ta’ negozju differenti u xi kultant ibiegħu xi ftit mis-sussidjarji tagħhom, huma xorta jitqiesu bħala li jikkostitwixxu impriża waħda għall-finijiet tal-Artikolu 81 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑330/01, Ġabra p. II‑3389, punti 78 u 82).

72      Barra minn dan, il-Kummissjoni, bi tweġiba għat-talba tad-dokumenti mressqa mir-rikorrenti, ipproduċiet lill-Qorti Ġenerali dokument li jinkludi l-minuti tal-bord tad-diretturi ta’ RQ mill-1998 sa 2000 u li jsemmi r-riżultati finanzjari ta’ GQ u riżoluzzjoni dwar il-bejgħ ta’ kumpannija ta’ GQ f’Silquímica SA u l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli ta’ GQ. Jekk il-bord tad-diretturi ta’ RQ għandu rwol sinjifikattiv f’diversi aspetti essenzjali fl-istrateġija ta’ GQ, bħal pereżempju, il-bejgħ ta’ proprjetà immobbli jew il-bejgħ ta’ kumpannija holding, u jirriserva l-poter ta’ deċiżjoni finali f’dan ir-rigward, jirriżulta li hu jeżerċita influwenza deċiżiva fuq l-aġir ta’ GQ.

73      Fir-rigward tal-argument dwar in-nuqqas ta’ sovrapożizzjoni fis-sħubija tal-organi tal-kumpanniji rikorrenti, għandu jingħad li mill-ittra tal-5 ta’ April 2004 mibgħuta minn GQ lill-Kummissjoni u prodotta mir-rikorrenti waqt il-proċedura prekontenzjuża jidher li [kunfidenzjali] kien kemm president tal-bord tad-diretturi ta’ GQ mill-1996 sal-2000 u anki membru fil-bord tad-diretturi ta’ RQ mill-1998 sal-1999. Barra minn dan, tajjeb li jissemma li, meta mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-smigħ, ir-rikorrenti rrikonoxxew, tal-inqas b’mod impliċitu, li kien hemm din is-sovrapożizzjoni.

74      Bl-istess mod, l-argumenti li jallegaw li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni, ma eżaminatx il-provi fattwali kollha li wrew li l-uffiċjali eżekuttivi ta’ GQ biss iddeċidew dwar il-politika kummerċjali tagħha u implementawha, mingħajr li RQ ma kinitx ġiet informata jew mitluba tawtorizza dan, ma jistgħux jintlaqgħu fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq. L-istess huwa minnu dwar l-argument li l-informazzjoni li ngħatat lil RQ minn GQ ma kinitx tikkonċerna l-politika kummerċjali imma r-riżultati finanzjarji tas-sussidjarja.

75      Fir-rigward tar-relazzjoni bejn GQ u Repsol Italia, fid-deċiżjoni [kkontestata], irid jingħad li l-Kummissjoni hija korretta li taqleb l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-allegat kunflitt ta’ interessi bejn GQ u l-kumpanniji parent tagħha billi tgħid li RYPF tikkonsolida l-kontijiet tal-grupp, li hu magħmul minn numru ta’ sussidjarji li jinkludi lil GQ u lil Repsol Italia. Barra minn dan, il-Kummissjoni hija wkoll korretta meta tgħid li r-relazzjoni hija biex issaħħaħ il-preżunzjoni li hemm impriża waħda.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jiġi konkluż, kif għamlet il-Kummissjoni fil-premessa 264 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma rnexxilhomx jaqilbu l-preżunzjoni li l-kumpanniji parent huma responsabbli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

21      Finalment, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-ebda argument mressaq b’mod sussidjarju mill-kumpanniji appellanti ma’ kien ta’ natura li jista’ jinvalida d-deċiżjoni kkontestata.

22      B’mod partikolari, fil-punti 78 sa 83 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, kif jista’ jiġi dedott mill-ġurisprudenza relattiva għas-suġġett, il-preżunzjoni tar-responsabbiltà li toħroġ miż-żamma tal-kapital tapplika mhux biss f’każijiet fejn hemm relazzjoni diretta bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, imma anki f’każijiet bħall-kawża preżenti, fejn ir-relazzjoni hija indiretta, minħabba sussidjarja intermedjarja.

23      Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-ewwel motiv imressaq insostenn għar-rikors għal annullament.

24      Billi ddeċidiet li l-motivi l-oħra lanqas ma huma fondati, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 157 tas-sentenza appellata, ċaħdet ir-rikors fit-totalità tiegħu.

 It-talbiet tal-partijiet

25      Fl-appell, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata fil-parti fejn tiċħad il-motiv tal-annullament relatat ma’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u n-nuqqas ta’ motivazzjoni biex l-appellanti jinstabu responsabbli in solidum;

–        tannulla l-Artikolu 1(g) u (h) u l-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata peress li dawn jiddikjaraw li RYPF u RQ huma responsabbli b’mod konġunt u in solidum għall-ksur li GQ wettqet tal-Artikolu 81(1) KE u, sussidjarjament, peress li d-deċiżjoni kkontestata hi kontra RYPF, u

–        fiż-żewġ każijiet li huma, li tnaqqas il-multa b’mod xieraq.

26      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

27      L-appellanti invokaw żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħhom, dwar żbalji ta’ liġi relattivi għall-imputazzjoni ta’ RQ u ta’ RYPF rispettivament tar-responsabbiltà għall-ksur tal-Artikolu 81(1) KE li wettqet GQ.

 Fuq l-ewwel aggravju, dwar żbalji ta’ liġi relattivi għall-imputazzjoni ta’ RQ tar-responsabbiltà għall-ksur tal-Artikolu 81(1) KE li wettqet GQ

28      L-ewwel aggravju mqajjem mill-appellanti jinqasam essenzjalment fi tliet partijiet.

Fuq l-ewwel parti, dwar il-fatt li l-Qorti Ġenerali applikat bi żball il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti li kumpannija parent għandha fuq sussidjarja kkontrollata minnha 100 %

–       L-argumenti tal-partijiet

29      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, b’mod żbaljat, li, sabiex iżżomm lil kumpannija parent responsabbli għall-aġir ta’ ksur ta’ sussidjarja li tagħha hija żżomm 100 % tal-kapital, il-Kummissjoni setgħet iżżomm ma’ kriterju li ma għandu l-ebda rabta mal-ksur li sar minn tali sussidjarja.

30      Huwa minnu li, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237), tikkonferma l-leġittimità tal-applikazzjoni ta’ preżunzjoni f’dak ir-rigward. Minkejja dan, il-Kummissjoni tkun xorta waħda obbligata tippreżenta provi supplementari biex il-kumpannija parent tkun miżmuma responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha.

31      Għaldaqstant, kif joħroġ ċar mis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2005, Daimler Chrysler vs Il‑Kummissjoni (T‑325/01, Ġabra p. II‑3319, punt 218, u tas-26 ta’ April 2007, Bolloré vs Il‑Kummissjoni (T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947, punt 132), u sa ċertu punt, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tiġi meħlusa milli tivverifika, fi kwalunkwe każ, jekk il-kumpannija parent eżerċitatx poter effettiv ta’ tmexxija ta’ sussidjarja tagħha u jekk din applikatx l-istruzzjonijiet riċevuti.

32      Skont il-Kummissjoni, din it-teżi tmur kontra l-ġurisprudenza stabbilita. Fil-fatt, fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq AEG Telefunken vs Il‑Kummissjoni, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni u Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-eżistenza ta’ preżunzjoni, li skontha, sussidjarja li tkun ikkontrollata 100 % mill-kumpannija parent tagħha ssegwi politika abbozzata mill-istess organi statutorji li jistabbilixxu l-politika ta’ din tal-aħħar. Dan jippermetti li l-kumpannija parent tinżamm responsabbli ta’ ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha stess anki fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet li juru l-involviment tal-imsemmija kumpannija parent fil-fatti li jikkostitwixxu l-ksur li jkun seħħ.

33      Kuntrarjament għal dak allegat mill-appellanti, ir-rikors għal tali preżunzjoni ma jipprevedix inverżjoni tal-preżunzjoni, iżda jiswa biss sabiex jiġi stabbilit il-livell ta’ prova rikjest sabiex kumpannija parent tkun tistà tiġi miżmuma responsabbli għal attivitajiet kollużivi li huma attribwiti lis-sussidjarja tagħha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

34      Għandu qabelxejn jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ impriża jirrappreżenta kwalunkwe entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatut ġuridiku ta’ dik l-entità u l-mod ta’ kif tiġi finanzjata (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 112; tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra p. I‑289, punt 107, u tal-11 ta’ Lulju 2006, FENIN vs Il‑Kummissjoni, C‑205/03 P, Ġabra p. I‑6295, punt 25).

35      Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C‑217/05, Ġabra p. I‑11987, punt 40; Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, punt 55, u dik tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni C‑407/08 P li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 64).

36      Fejn tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, tirrispondi għal tali ksur (sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummisjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Fir-rigward tal-kwistjoni relattiva għal f’liema ċirkustanzi persuna ġuridika li ma wettqitx hija stess xi ksur tista’ xorta waħda tiġi mmultata, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li kumpannija parent tista’ tiġi miżmuma responsabbli għall-aġir ta’ sussidjarja tagħha, b’mod partikolari meta, għalkemm għandha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment hija tapplika l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija parent tagħha, b’mod partikolari fir-rigward ta’ rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet (sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummisjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u b’hekk jiffurmaw impriża waħda għall-finijiet tal-Artikolu 81 KE, u għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li fiha timponi multi lill-kumpannija parent mingħajr ma jkollha għalfejn tistabbilixxi l-implikazzjoni personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

39      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja, u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni juris tantum li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu tas-sussidjarja huwa miżmum kollu kemm hu mill-kumpannija parent sabiex tippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tqis lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta lis-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tinverti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, punt 29, u Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 61).

41      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li argumentaw l-appellanti, il-Qorti Ġenerali osservat korrettament fil-punt 60 tas-sentenza appellata, li, anki jekk huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja evokat fil-punti 28 u 29 tas-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ċirkustanzi oħra minbarra ż-żamma ta’ 100 % tal-kapital mill-kumpannija parent, bħan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza li l-kumpannija parent teżerċita fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li tali ċirkustanzi l-Qorti tal-Ġustizzja osservathom biss bl-għan li tesponi l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti Ġenerali kienet ibbażat ir-raġunament tagħha f’din il-kawża, u mhux sabiex tissuġġetta l-implementazzjoni tal-preżunzjoni msemmija iktar ’il fuq għall-produzzjoni ta’ provi supplementari fir-rigward tal-fatt li l-kumpannija parent effettivaent eżerċitat influwenza fuq is-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

42      Minn dawn il-kunsiderazzjonjiet kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 59 sa 63 tas-sentenza appellata, li, ġaladarba kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha, teżisti preżunzjoni juris tantum li tgħid li din il-kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

43      Għaldaqstant, hemm lok fejn l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tista’ tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, li tallega żbalji fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq l-aġir ta’ sussidjarja kkontrollata 100 %.

L-argumenti tal-partijiet

44      L-appellanti jesponu, fl-ewwel lok, li, anki jekk il-Kummissjoni setgħet tassumi l-eżerċizzju effettiv tal-kumpannija parent bħala wieħed ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha li tagħha hija għandha ż-żamma ta’ 100 % tal-kapital, il-Qorti Ġenerali tkun xorta waħda għamlet żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna r-regoli applikabbli fil-qasam tal-prova, billi llimitat b’mod eċċessiv il-possibiltà li tinverti tali preżunzjoni, u billi ntroduċiet mekkaniżmu ta’ responsabbiltà awtomatika li tmur kontra l-prinċipju ta’ responsabbiltà personali.

45      Fit-tieni lok, dwar l-evalwazzjoni tal-elementi ta’ prova ppreżentati sabiex jinvertu l-imsemmija preżunzjoni, l-appellanti jallegaw li l-elementi analizzati mill-Qorti Ġenerali fil-punt 66 tas-sentenza appellata ma jwasslux għall-konklużjoni li teżisti entità ekonomika waħda.

46      Fit-tielet lok, huma jsostnu li, fil-punti 68 u 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-kommunikazzjoni li permezz tagħha, wara l-ispezzjoni li saret mill-Kummissjoni, RQ ordnat lill-kumpanniji kollha fi ħdan il-grupp tagħha, fosthom GQ, sabiex iwaqqfu kull prattika li tista’ tikkostitwixxi ksur, għar-raġuni li din il-kommunikazzjoni ma stabbilietx li RQ kienet taf bl-aġir attribiwit lil GQ.

47      Fir-raba’ lok, l-istess punti tas-sentenza appellata jistgħu wkoll ikunu vizzjati bi żball ta’ kwalifikazzjoni ġuridika u ta’ motivazzjoni, dan sakemm l-imsemmija kommunikazzjoni ma kinitx biżżejjed sabiex turi l-eżistenza ta’ unità ekonomika waħda bejn RQ u GQ.

48      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, fir-rigward tal-inverżjoni mill-kumpannija parent, tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ipprovdiet numru ta’ indikazzjonijiet li jikkonfermaw il-leġittimità tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex wieħed jiddeċiedi jekk sussidjarja għandhiex aġir awtonomu fis-suq, hemm bżonn illi jiġu eżaminati l-elementi kollha relattivi għar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi, li jgħaqqdu din is-sussidjarja mal-kumpannija parent.

49      Issa, skont il-Kummissjoni, l-appellanti naqsu milli juru li l-Qorti Ġenerali għamlet xi żbalji fl-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

50      Fir-rigward tal-ewwel ilment dwar żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta naqqset il-possibiltajiet għall-kumpannija parent li tinverti l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ sussidjarja tagħha li tagħha hija għandha ż-żamma ta’ 100 % tal-kapital, għandu jissemma’ li, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, tali qorti ġustament ikkonstatat li hija l-kumpannija parent li għandha tissottometti għall-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali kwalunkwe element relattiv għar-rabtiet organizzazzjonali, ekonomiċi u ġuridiċi bejn l-istess kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha b’mod li juru li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda.

51      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja joħroġ li, sabiex tiġi invertita l-preżunzjoni li skontha, kumpannija parent li żżomm 100 % tal-kapital soċjali tas-sussidjarja tagħha teżerċita influwenza determinanti fuqha, hija l-kumpannija parent li għandha tissottometti għall-evalwazzjoni tal-qorti tal-Unjoni l-elementi kollha relattivi għar-rabtiet organizzazzjonali, ekonomiċi u ġuridiċi bejn il-kumpannija nnifisha u s-sussidjarja tagħha, b’mod li turi li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

52      Tajjeb li jiġi ppreċiżat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, minħabba n-natura konfutabbli tagħha, din il-preżunzjoni tista’ tiġi invertita fi kwalunkwe tali każ matul ir-rikors għall-elementi kollha msemmija mill-Qorti Ġenerali, ma twassalx għal attribuzzjoni awtomatika ta’ responsabbiltà lill-kumpannija parent li żżomm il-kapital soċjali kollu tas-sussidjarja tagħha, u dan imur kontra l-prinċipju tar-responsabbiltà personali li fuqha hija bbażata l-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

53      B’konsegwenza ta’ dan, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

54      Fir-rigward tat-tieni u t-tielet ilment, dwar żball li għamlet il-Qorti Ġenerali fis-sens li l-elementi analizzati fil-punt 66 tas-sentenza appellata ma jwasslux għall-konklużjoni li teżisti entità ekonomika waħda, u ta’ żnaturar fil-punti 68 u 69 tal-imsemmija sentenza, tal-ordni komunikata minn RQ lil GQ, fis-sens li din tal-aħħar ma tistabbilixxix li RQ kienet taf bl-aġir attribwit lil GQ, għandu jiġi osservat li dawn jirriżultaw minn interpretazzjoni żbaljata tas-siltiet rilevanti tal-imsemmija sentenza.

55      Fil-fatt, minn naħa, kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma kkonkludietx, meta kkunsidrat l-elementi analizzati fil-punt 66 tas-sentenza appellata, li hemm l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda. Hija llimitat ruħha li tikkonstata li dawn l-elementi, li diġà kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-punt 262 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, jiġbdu jikkorroboraw l-eżistenza ta’ entità waħda u, għaldaqstant, ma jippermettux li l-preżunzjoni kontra RQ tiġi invertita.

56      Min-naħa l-oħra, fil-punti 68 u 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ddeduċietx mill-ordni kkomunikata lil GQ minn RQ li din tal-aħħar kienet taf b’mod ċert bl-aġir ta’ ksur attribwit lill-GQ, iżda kkunsidrat li d-dikjarazzjoni tal-appellanti, li tikkonferma l-komunikazzjoni tal-imsemmi ordni lil GQ, kienet biżżejjed sabiex waħedha tagħti prova li RQ teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika ta’ GQ.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni u t-tielet ilment għandhom ukoll jiġu miċħuda bħala li ma humiex fondati.

58      Bis-saħħa tar-raba’ ilment, l-appellanti jallegaw essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kellha nuqqas ta’ motivazzjoni, fis-sens li hija allegatament ma ndikatx biżżejjed ir-raġunijiet li fuqhom, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, hija kkunsidrat l-imsemmija dikjarazzjoni tal-appellanti fir-rigward tal-ordni komunikata lil GQ minn RQ kienet biżżejjed, hija waħedha, biex tagħti prova li RQ teżerċita influwenza effettiva fuq il-politika ta’ GQ.

59      Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li tippermetti lill-interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħudha u lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara s-sentenza tat-2 ta’ April 2009, France Telecom vs Il‑Kummissjoni C‑202/07P, Ġabra p. I‑2369, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tikkunsidra, fil-punt 69 tas-sentenza, li l-kommunikazzjoni li biha, wara l-ispezzjoni li saret fl-istabbilimenti ta’ GQ fis-27 ta’ Settembru 2002, RQ ordnat lil GQ sabiex twaqqas kwalunkwe prattika li setgħet tikkostitwixxi ksur ta’ regoli tal-kompetizzjoni, hija biżżejjed sabiex tagħti prova li RQ teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika ta’ GQ, u dan mhux biss fis-suq, iżda wkoll fl-aġir ta’ ksur, li huwa s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni kkontestata.

61      B’hekk, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha għal affermazzjoni sempliċi ta’ prinċipju, mingħajr ma qagħdet tiċċara u teħles minn kull ekwivoku, il-motivi li wassluha għal tali konklużjoni.

62      Minn dan jirriżulta li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn difett ta’ motivazzjoni peress li l-Qorti Ġenerali ma esponietx ir-raġunijiet li fuqhom ibbażat l-imsemmija deċiżjoni.

63      Bħala konsegwenza, dan l-ilment huwa fondat, filwaqt li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda fir-rigward tal-kumplament.

Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju, dwar żbalji ta’ liġi u ta’ motivazzjoni fl-eżaminazzjoni tal-elementi mressqa mill-appellanti bl-għan li jinvertu l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti ta’ RQ fuq l-aġir ta’ GQ.

–       L-argumenti tal-partijiet

64      L-appellanti jressqu sussidjarjament diversi lmenti kontra l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 71 sa 75 tas-sentenza appellata.

65      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat, fil-punt 71 tal-imsemmija sentenza, il-fatt li GQ twettaq attivitajiet differenti minn dawk ta’ RQ, apparti l-fatt li, b’mod żbaljat, ma tat l-ebda importanza lit-tentattivi diversi li RQ għamlet sabiex iċċedi lil GQ lil terzi bejn l-1993 u l-2004. Fil-fatt, tali elementi kieku kienu jikkostitwixxu prova ċara tan-nuqqas ta’ interess li RQ għandha lejn l-attivitajiet ta’ GQ.

66      Fit-tieni lok, kuntrarjament għall-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jidhru fil-punt 72 tas-sentenza appellata, il-fatt li l-minuti tal-laqgħat tal-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ RQ ma għamlu qatt referenza għal GQ ħlief għal żewġ okkażjonijiet fuq perijodu ta’ tmien snin li ddekorrew bejn l-1998 u l-2005, juru n-nuqqas totali ta’ interess ta’ RQ lejn l-attivitajiet ta’ GQ.

67      Fit-tielet lok, skont l-appellanti, l-eżistenza ta’ koinċidenza tal-organi amministrattivi ta’ RQ u GQ, osservata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 73 tas-sentenza appellata, tikkonċerna biss persuna waħda u għaldaqstant din il-koinċidenza kienet biss ta’ natura purament marġinali.

68      Fir-raba’ lok, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali allegatament ċaħdet mingħajr ma analizzat minn naħa, l-elementi li juru li d-diriġenti ta’ GQ biss kienu jiddeterminaw u jimplementaw il-politika kummmerċjali ta’ din il-kumpannija u, min-naħa l-oħra, l-allegazzjonijiet li skonthom l-informazzjoni mogħtija lil RQ minn GQ kienet tikkonċerna biss ir-riżultati finanzjarji ta’ din tal-aħħar.

69      Fil-ħames lok, f’dak li jikkonċerna l-konnessjoni bejn GQ u l-kumpannija Repsol Italia, il-Qorti Ġenerali allegatament żbaljat meta kkunsidrat, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li l-konsolidazzjoni tal-kontijiet magħmula minn RYPF fir-rigward tal-grupp kollu qablet mal-argument tal-Kummissjoni, filwaqt li r-relazzjoni ta’ aġenzija mhux esklużiva li teżisti bejn GQ u din il-kumpannija tagħti prova tal-awtonomija kummerċjali ta’ GQ.

70      Il-Kummissjoni tirribatti li l-appellanti ma wrewx l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali tant li tinverti l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha, ċirkustanzi li l-Qorti Ġenerali, bi żball, naqset milli tanalizza jew żnaturat. L-argumenti mressqa mill-appellanti f’dan ir-rigward għandhom karattru ġenerali ħafna u infondati.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 225 KE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-osservazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita, skont l-Artikolu 225 KE, stħarriġ fuq l-applikazzjoni tal-liġi għal dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il‑Kummissjoni, C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 51, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑266/06 P, punt 72, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il‑Kunsill, C‑535/06 P, Ġabra p. I‑7051, punt 31).

72      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompetenza li tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, li teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali tkun qieset insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu legalment, u ladarba l-prinċipji ġenerali tad-dritt u r-regoli ta’ proċedura applikabbli fil-qasam tal-oneru u produzzjoni tal-provi jkunu ġew imħarsa, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tevalwa l-valur li għandu jiġi attribwit lill-elementi mressqa quddiemha. Tali evalwazzjoni ma tikkostitwix, b’riżerva għall-każ fejn ikun hemm żnaturar ta’ dawn l-elementi, punt ta’ liġi, suġġett bħala tali, għall-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza General Motors vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52; sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra p. I‑8831, punt 83; u s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, Angelidis vs Il‑Parlament, C‑103/07 P, punt 46).

73      F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda l-ilmenti dwar l-iżnaturar preżunt, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, dwar l-eżerċizzju min-naħa ta’ GQ anki qabel ma hija bdiet tifforma parti mill-grupp RQ, ta’ attivitajiet differenti minn ta’ din u dwar it-tentattivi ta’ RQ sabiex tbiegħ lil GQ bejn l-1993 u l-2004 minn naħa, u l-preżunti żbalji ta’ evalwazzjoni ġuridika tal-fatti analizzati fil-punti 72, 73 u 75 ta’ tali sentenza, u min-naħa l-oħra hemm lok biex jiġi kkonstatat li l-appellanti, b’dawn l-ilmenti, jitolbu biss li jitfgħu lura fil-kawża l-evalwazzjoni tal-elementi ta’ prova magħmula mill-Qorti Ġenerali, billi jikkontestaw il-valur li l-Qorti Ġenerali tat lil dawn l-elementi fl-analiżi tagħha.

74      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellanti ma jallegaw realment la li kien hemm żnaturar tal-fatti li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha biex waslet għall-osservazzjonijiet tagħha u lanqas żball ta’ kwalifikazzjoni ġuridika tagħhom, allura, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 71 u 72 tas-sentenza preżenti, dawn l-ilmenti għandhom jitwarrbu u jiġu meqjusa bħala mhux milqugħa.

75      F’dak li mbagħad jirrigwarda l-ilment li permezz tiegħu l-appellanti qegħdin ifittxu li juru l-mod insuffiċjenti, jew aħjar, il-mod kontradittorju tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali u l-iżball ta’ liġi li hi allegatament għamlet fil-parti tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata relattiva għaċ-ċaħda tal-elementi ta’ prova sottomessi mill-appellanti sabiex juru l-awtonomija kummerċjali u operazzjonali ta’ GQ fir-rigward ta’ RQ, għandu jiġi osservat li, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx fil-fond dawn l-elementi ta’ prova, iżda hija ċaħdet l-argumenti tagħhom billi għamlet sempliċiment referenza għall-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fis-sentenza appellata.

76      Madanakollu xorta għandu jiġi kkonstatat li, billi huma ’l bogħod milli jagħtu elementi li jwasslu għall-esklużjoni ta’ tali argumenti mingħajr ma ssir analiżi speċifika tagħhom, il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 58 u 60 tal-imsemmija sentenza appellata, fil-verità obbligat lill-Qorti Ġenerali kif osservat hija stess fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, sabiex tevalwa l-elementi kollha relattivi għar-rabtiet organizzazzjonali, ekonomiċi u ġuridiċi bejn RQ u GQ li jwasslu sabiex jiġi stabbilit li din tal-aħħar taġixxi b’mod awtonomu mill-kumannija parent tagħha u li għaldaqstant, iż-żewġ kumpanniji ma jiffurmawx entità ekonomika waħda.

77      Tali verifika kienet iktar u iktar neċessarja peress li l-awtonomija ta’ GQ fl-implementazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha tifforma parti, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, min-numru ta’ elementi rilevanti li jippermettu lill-appellanti sabiex jinvertu l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti ta’ RQ fuq l-aġir ta’ GQ, elementi li n-natura tagħhom u l-importanza tagħhom jistgħu ivarjaw skont il-karatteristiċi ta’ kull waħda minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 73 u 74).

78      Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant kienet marbuta li tikkunsidra u teżamina b’mod konkret l-elementi li ġew imressqa mill-appellanti bl-għan li juru l-awtonomija ta’ GQ fl-implementazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha, u dan sabiex tivverifika jekk il-Kummissjoni għamlitx żball ta’ evalwazzjoni peress li hi kienet ikkunsidrat dawn il-provi bħala li ma jurux, f’dan il-każ, li tali sussidjarja ma tiffurmax entità ekonomika waħda flimkien ma’ RQ.

79      Minn dak li ntqal jirriżulta li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta qalet fil-punt 74 tas-sentenza appellata, li l-argumenti mressqa bl-iskop li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ tali awtonomija ma setgħux jilħqu dan l-għan “fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata”, mingħajr ma jsir eżami konkret tal-elementi mressqa mill-appellanti.

80      Għalhekk hemm lok fejn l-ilment preżenti jintlaqa’, bit-tielet parti tal-ewwel aggravju tiġi miċħuda fir-rigward tal-kumplament.

 Fuq it-tieni aggravju, fir-rigward ta’ żball ta’ liġi li jikkonċerna l-fatt li RYPF ġiet miżmuma responsabbli għall-ksur li GQ wettqet tal-Artikolu 81(1) KE

–       L-argumenti tal-partijiet

81      Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti sostnew li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta estendiet b’mod awtomatiku r-responsabbiltà tas-sussidjara li wettqet il-ksur għal fuq il-kumpannija li tmexxi l-grupp li minnu l-imsemmija sussidjarja tifforma parti.

82      Meta ddeċidiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali żammet lil RYPF responsabbli tal-inkapaċità ta’ RQ li tirribatti r-responsabbiltà tagħha kwantu għall-aġir ta’ GQ. Dan jirriżulta f’sitwazzjoni fejn ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn sussidjarja jkun attribwit b’mod sistematiku lill-kumpannija parent li tmexxi l-grupp li minnu l-imsemmija sussidjarja tifforma parti, u dan mingħajr ma jikkunsidra ċ-ċirkustanzi partikulari ta’ kull każ, speċjalment fir-rigward tal-ammont ta’ kumpanniji intermedjarji, in-natura jew l-attivitajiet tagħhom, u anki r-rabtiet ġuridiċi u ekonomiċi ta’ bejniethom.

83      Skont il-Kummissjoni, il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti Ġenerali tikkonferma li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza fuq sussidjarja taqa’ fuq il-kumpannija parent li tmexxi grupp ta’ kumpanniji, anki jekk il-kontroll fuq tali sussidjarja huwa wieħed “mill-bogħod” u “mhux dirett”.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

84      Ir-risposta għall-aggravju preżenti titlob li jiġi determinat jekk, u eventwalment taħt liema kundizzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ tattribwixxi lil kumpannija li tmexxi grupp ta’ kumpanniji (iktar ’il quddiem “kumpannija holding”), f’dan il-każ RYPF, responsabbiltà in solidum għall-ksur ta’ regoli dwar il-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea li jkun ġie mwettaq minn kumpannija, f’dan il-każ, GQ, li l-kapital ta’ din il-kumpannija jkun miżmum minn kumpannija intermedjarja li tifforma parti mill-istess grupp, f’dan il-każ RQ, li hija stess hija kkontrollata 100 % mill-kumpannija holding.

85      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, b’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punti 34 sa 38 tas-sentenza preżenti, il-Kummissjoni tista’, f’ċertu każijiet, tiddeċiedi li timponi multa għal ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea fuq kumpannija mingħajr ma jkollha għalfejn toqgħod tistabbilixxi l-influwenza diretta tagħha f’dan il-ksur, b’mod partikolari fejn is-sussidjarja, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent tagħha.

86      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma jistax jiġi eskluż li kumpannija holding tista’ tiġi miżmuma responsabbli in solidum għal ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mwettaq minn sussidjarja fil-grupp tagħha li ma żżomx il-kapital soċjali tagħha b’mod dirett, u dan jekk kemm-il darba kumpannija holding teżerċita influwenza determinanti fuq l-imsemmija sussidjarja, anki jekk tali influwenza tkun teżisti b’mod indirett permezz ta’ kumpannija intermedjarja. Dan huwa b’mod partikolari f’każ fejn is-sussidjarja ma tiddeterminax l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu mill-kumpannija intermedjarja, u l-intermedjarja stess ma tiddeterminax l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent.

87      Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, kemm il-kumpannija holding, il-kumpannija intermedjarja u kif ukoll l-aħħar sussidjarja jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u għaldaqstant, jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea.

88      Jirriżulta li, kif stqarr l-Avukat Ġenerali fil-punti 62 u 63 fil-konklużjonijiet tiegħu, fil-każ partikolari fejn 100 % tal-kapital ta’ kumpannija intermedjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent, li min-naħa tagħha din il-kumpannija intermedjarja żżomm il-kapital kollu ta’ sussidjarja fil-grupp tagħha u li tali sussidjarja tkun wettqet ksur ta’ regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, allura teżisti l-preżunzjoni konfutabbli li din il-kumpannija holding teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-aġir tal-kumpannija intermedjarja, u b’mod indirett permezz ta’ din tal-aħħar, teżerċita l-istess influwenza fuq l-imsemmija sussidjarja.

89      Għaldaqstant, f’din is-sitwazzjoni speċifika, il-Kummissjoni għandha l-jedd li tobbliga lill-kumpannija holding sabiex tħallas il-multa imposta fuq is-sussidjarja, sakemm din il-kumpannija holding ma tinvertix din il-preżunzjoni billi turi li kemm il-kumpannija intermedjarja u anki dik sussidjarja jiddeterminaw b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, punt 29, u Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 61).

90      Minn dak imsemmi iktar ’il fuq jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li l-preżunzjoni tar-responsabbiltà determinata mill-fatt li kumpannija tkun iżżomm il-kapital kollu ta’ kumpannija oħra, tapplika mhux biss fil-każ meta tkun teżisti relazzjoni diretta bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, iżda tapplika ukoll fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, din ir-relazzjoni hija indiretta meta tikkunsidra l-involviment ta’ kumpannija oħra. Għaldaqstant, huwa ġust li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 64 u 80 tal-imsemmija sentenza, li l-appellanti jistgħu jiġu meqjusa mill-Kummissjoni bħala responsabbli in solidum, b’mod partikolari minħabba l-parteċipazzjoni totali ta’ RQ f’GQ, u l-parteċipazzjoni totali ta’ RYPF f’RQ.

91      B’hekk, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

92      Minn dak imsemmi iktar ’il fuq jirriżulta li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata fil-parti ta’ fejn hija tiċħad ir-rikors tal-appellanti għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sal-punt li, minn naħa, il-Qorti Ġenerali ma esponietx ir-raġunijiet milqugħa insostenn tal-konlużjoni li skonthom, il-komunikazzjoni ta’ RQ ordnat lil GQ sabiex twaqqaf kwalunkwe prattika li tista’ tikkostitwixxi ksur ta’ regolament tal-kompetizzjoni hija prova biżżejjed li RQ teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika ta’ GQ mhux biss fis-suq, iżda wkoll fir-rigward tal-imġiba ta’ ksur li tikkostitwixxi s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, u fejn min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina b’mod konkret l-elementi ppreżentati mill-appellanti bl-għan li juru l-awtonomija ta’ GQ waqt l-evalwazzjoni u l-implementazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha.

93      Il-kumplament tal-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

94      B’konformità mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kawża ladarba l-istat tal-atti jippermetti li dan iseħħ. Dan huwa l-każ fil-kawża preżenti.

 L-argumenti tal-partijiet

95      Fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu li, wara l-ispezzjoni li saret fis-27 ta’ Settembru 2002 fl-istabbilimenti ta’ GQ, fit-22 ta’ Ottubru 2002, RQ ordnat lill-kumpanniji kollha fil-grupp tagħha, u għaldaqstant anki lil GQ, sabiex iwaqqfu kwalunkwe prattika li tista’ tikkostitwixxi ksur tar-regolamenti tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

96      Dan il-fatt juri li RQ u RYPF ma pparteċipawx fl-aġir ta’ ksur attribwiti lil GQ, ma kellhom kuntatt ma’ ebda impriża involuta fl-akkordju inkwistjoni, ma pparteċipaw la fl-ippjanar tad-deċiżjoni tagħha u lanqas fl-implementazzjoni, ma kinux infurmati minn impriżi oħra dwar il-fatti inkwistjoni, u fl-aħħar nett, ma kinux infurmati minn GQ dwar l-aġir tagħha.

97      Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li waqt il-proċedura prekontenzjuża, RYPF u GQ pprovdew lill-Kummissjoni b’sett ta’ dokumenti bl-għan li jinvertu l-preżunzjoni tar-responsabbiltà li kienet taqa’ fuqhom fir-rigward ta’ tali aġir, u li jagħtu prova tal-awtonomija kummerċjali u operazzjonali ta’ GQ. Dawn l-elementi ta’ prova ġew evalwati b’mod żbaljat, jew injorati, mill-Kummissjoni.

98      B’mod partikolari, il-Kummissjoni għamlet żball evidenti ta’ evalwazzjoni tal-provi materjali tal-fatt li juri li GQ kellha awtonomija totali sabiex topera fis-suq, li d-diriġenti ta’ din il-kumpannija għandhom delega totali u prokura sabiex jeżerċitaw il-kompetenzi kollha relatati mad-direzzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ amministrazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tinnota ukoll li l-informazzjoni mogħtija minn GQ lil RQ kienet limitata għar-rendikont tar-riżultati fir-rigward ta’ baġits u pjanijiet strateġiċi jew kummerċjali stabbiliti mid-diriġenti ta’ GQ.

99      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti naqsu milli jinvertu l-preżunzjoni tar-responsabbiltà ta’ RQ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

100    Sabiex jiġu eżaminati l-oġġezzjonijiet preżenti, irid jiġi determinat jekk il-Kummissjoni żbaljatx fl-evalwazzjoni peress li minn naħa, l-ordni lil GQ minn RQ turi li din tal-aħħar la kienet taf bil-ksur inkwistjoni, la pparteċipat f’dan il-ksur, u lanqas ma nkoraġġiet lis-sussidjarja tagħha sabiex twettaq tali ksur, u min-naħa l-oħra, li l-elementi ta’ prova ppreżentati relattivi għall-awtonomija tad-diriġenti ta’ GQ fl-ippjanar u l-implementazzjoni tal-politika kummerċjali ta’ din il-kumpannija juru li hi tistabbilixxi b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq.

101    F’dan ir-rigward, f’dak li għandu x’jaqsam fl-ewwel lok, mal-ordni mogħtija lil GQ minn RQ, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mid-dokumentazzjoni, din l-ordni kienet ta’ natura ġenerali u destinata mhux esklużivament għal GQ, iżda għall-kumpanniji kollha li jiffurmaw parti mill-grupp, u li tali ordni ġiet mogħtija sentejn u nofs wara li GQ waqfet mill-aġir antikompetittiv li allegatament wettqet.

102    Ċertament, tali elementi jikkorroboraw favur nuqqas ta’ għarfien tal-ksur attribwit lil GQ, ta’ parteċipazzjoni f’dan il-ksur u anki tal-inkoraġġiment sabiex twettaq tali ksur. Madankollu, kuntrarjament għal dak imressaq mill-appellanti, dak li jippermetti lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ timponi multa fuq l-imsemmija kumpannija parent ma huwiex il-fatt li l-kumpannija parent inkoraġġiet lis-sussidjarja tagħha sabiex twettaq ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, u lanqas ma hi xi involviment dirett minn din tal-ewwel f’tali ksur imwettaq minn din tat-tieni, iżda huwa l-fatt li ż-żewġ kumpanniji jikkostitwixxu unità ekonomika waħda u għalhekk jiffurmaw impriża waħda abbażi tal-Artikolu 81 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 59 u 77).

103    Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, is-sempliċi ċirkustanza li RQ, minn naħa ma kinitx taf bil-ksur ħlief wara l-ispezzjoni tas-27 ta’ Settembru 2002 fl-istabbilimenti ta’ GQ u min-naħa l-oħra, ma pparteċipatx b’mod dirett f’dan il-ksur u lanqas ma nkoraġġiet sabiex jitwettaq dan il-ksur, ma huwiex biżżejjed biex juri li ż-żewġ kumpanniji ma jiffurmawx unità ekonomika waħda. Tali ċirkustanza għaldaqstant mhux biżżejjed biex tinverti l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti minn RQ fuq l-aġir ta’ GQ.

104    F’dak li għandu x’jaqsam, fit-tieni lok, mal-argumenti relattivi għall-awtonomija preżunta tad-diriġenti ta’ GQ fl-ippjanar u l-implementazzjoni tal-politika kummerċjali ta’ din il-kumpannija, hemm lok fejn jiġi osservat li l-elementi mressqa mill-appellanti f’dan ir-rigward ma jurux li GQ tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq u, għaldaqstant, li hi ma tiffurmax entità ekonomika waħda flimkien ma’ RQ. Fil-fatt, jekk huwa minnu li xi dokumenti ppreżentati mill-appellanti juru kompetenzi numerużi tal-immaniġġjar, direzzjoni u amministrazzjoni ta’ GQ li huma suġġetti għal delega favur tad-diriġenti tagħha, elementi oħra mid-dokumentazzjoni juru l-eżistenza ta’ indħil sinjifikattiv ta’ RQ fuq diversi aspetti mill-istrateġija u l-politika kummerċjali ta’ GQ.

105    F’dan ir-rigward, jaqbel li qabelxejn wieħed jirreferi, għad-dikjarazzjoni tas-segretarju tal-kunsill tal-amministrazzjoni ta’ RQ tas-7 ta’ Ġunju 2005, li tinkludi estratti ta’ għadd ta’ minuti tal-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ din il-kumpannija li ddekorrew bejn l-1998 u l-2005. Minn dan id-dokument jirriżulta li l-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ RQ intervjena b’mod sinjifikattiv, bejn l-1998 u l-2000 fuq ċerti aspetti essenzjali tal-politika ta’ GQ, b’mod partikolari bl-għan li jawtorizzaw, fis-17 ta’ April 1998, il-bejgħ tal-parteċipazzjoni ta’ GQ fil-kumpannija Silquímica SA u, fit-28 ta’ Jannar 1999, il-bejgħ ta’ beni immobbli ta’ GQ.

106     Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, hekk kif osservat il-Kummissjoni fil-punt 262 tal-motivazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma effettivament ġiet ikkontestata mill-appellanti, l-amministratur waħdieni ta’ GQ appuntat minn RQ jikkostitwixxi, mill-aġir kostanti tiegħu, rabta bejn iż-żewg kumpanniji, li permezz tiegħu, informazzjoni li tirrigwarda l-bejgħ, il-produzzjoni u r-riżultati finanzjarji kienet tgħaddi għand RQ.

107    Fl-aħħar nett, fir-rigward għal darb’oħra tal-iskambju bejn id-diriġenti ta’ GQ u dawk ta’ RQ, il-fatt, kif ikkonfermat mill-appellanti stess, li jagħtu informazzjoni fuq l-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ pjanijiet strateġiċi u kummerċjali tikkostitwixxi indikazzjoni supplementari tal-eżistenza ta’ kontroll li RQ għandu fuq id-deċiżjonijiet meħuda u implementati mid-diriġenti ta’ GQ.

108    F’dan il-kuntest, ma għandha l-ebda rilevanza, iċ-ċirkustanza li xi informazzjoni li tikkonċerna r-riżultati finanzjarji fir-rigward ta’ baġits annwali ta’ GQ, inkwantu kull kumpannija parent għandha l-obbligu li tikkonsolida l-kontijiet fuq livell tal-grupp tagħha.

109    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jista’ jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma għamlitx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-elementi ppreżentati mill-appellanti, minn naħa, il-fatt li RQ ma kinitx taf bil-ksur inkwistjoni u lanqas ma pparteċipat f’dan il-ksur, u lanqas ma inkoraġġiet lis-sussidjarja tagħha sabiex tagħmel dan il-ksur, u, min-naħa l-oħra, il-mod ta’ kif tiġi ppjanata u implementata l-politika kummerċjali ta’ GQ, meta jiġu meħuda inkunsiderazzjoni mal-elementi l-oħra relattivi fid-dokumentazzjoni, ma jurux li hija tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq u ma jippermettux għalhekk, li tiġi invertita l-preżunzjoni li skontha, RQ eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ GQ.

110    B’konsegwenza ta’ dan, hemm lok fejn l-ilmenti mressqa mill-appellanti insostenn tar-rikors għal annullament jiġu miċħuda.

111    Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

112    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122, tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

113    Skont l-Artikolu 69(2) tal-imsemmija regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell taħt l-Artikolu 118 ta’ dan tal-aħħar, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(3) tal-istess regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

114    F’dan il-kuntest, peress li l-appellanti ngħataw raġun dwar l-essenza fil-kuntest tal-appell, iżda tilfu fit-talbiet tagħhom fil-kuntest tar-rikors għal annullament, hemm lok sabiex jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha relattivi għal din l-istanza, u li l-appellanti jbatu l-ispejjeż kollha relattivi għall-proċedura fil-Prim’Istanza.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-18 ta’ Diċembru 2008, General Química vs Il‑Kummissjoni (T‑85/06), hija annullata f’dak li jirrigwarda ċ-ċaħda tar-rikors ta’ General Química SA, Repsol Química SA u Repsol YPF SA għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/902/KE, tal-21 ta’ Diċembru 2005, dwar il-proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Flexsys NV, Bayer AG, Crompton Manufacturing Company Inc. (ex Uniroyal Chemical Company Inc.), Crompton Europe Ltd, Chemtura Corporation (ex Crompton Corporation.), General Química SA, Repsol Química SA u Repsol YPF SA (Kawża COMP/F/C.38.443 – Prodotti kimiċi għall-ipproċessar tal-lastku), inkwantu, minn naħa, il-Qorti Ġenerali ma esponietx ir-raġunijiet milqugħa insostenn tal-konklużjoni li skontha, il-komunikazzjoni fejn Repsol Química SA ordnat lil General Química SA sabiex twaqqaf kwalunkwe prattika li setgħet tikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni kienet biżżejjed, hi waħedha, sabiex turi li Repsol Química SA teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika ta’ General Química SA mhux biss fis-suq, iżda wkoll f’dak li kellu x’jaqsam mal-aġir ta’ ksur, liema aġir kien is-suġġett tad-deċiżjoni 2006/902, u fejn, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina b’mod konkret l-elementi ppreżentati minn General Química SA, Repsol Química SA u Repsol YPF SA bl-għan li turi l-awtonomija ta’ General Química SA fl-ippjanar u l-implementazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha.

2)      Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

3)      Ir-rikors ippreżentat minn General Química SA, Repsol Química SA u Repsol YPF SA quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej huwa miċħud.

4)      Kull parti tbati l-ispejjeż tagħha kollha relatati ma’ din l-istanza, u General Química SA, Repsol Química SA, kif ukoll Repsol YPF SA huma kkundannati għall-ispejjeż kollha relatati mal-proċedura tal-Prim’Istanza.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.