Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Ottubru 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika ta’ Ċipru

(Kawża C-617/23)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: D. Triantafyllou u L. Armati)

Konvenuta: Ir-Repubblika ta’ Ċipru

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li r-Repubblika ta’ Ċipru naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2005/36/KE 1 u l-Artikolu 49 TFUE, meta adottat leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli ma’

l-Artikolu 1, l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2005/36/KE, kif ukoll mal-Artikolu 49 TFUE, sa fejn l-Artikolu 7(2), (4), (5) u (7), l-Artikolu 7A(5), (6), (7) u (9) u l-Artikolu 25(1D) tal-Liġi ETEK (il-Kamra Tekniko-Xjentifika ta’ Ċipru), kif riveduta, jeskludu mill-ambitu ta’ applikazzjoni tagħhom il-professjonisti li għandhom kwalifiki personali sħaħ (iżda li ma kinux legalment stabbiliti fil-mument tal-preżentazzjoni tat-talba), billi jimponu r-rekwiżit tal-eżerċizzju attiv tal-professjoni u tal-istabbiliment legali fl-Istat Membru ta’ oriġini bħala kundizzjoni għall-aċċess u l-eżerċizzju tal-professjonijiet fis-settur tax-xjenzi tal-inġenjerija f’Ċipru,

l-Artikolu 21 u l-Artikolu 46(1) u (4) tad-Direttiva 2005/36/KE, sa fejn l-Artikolu 7(4) tal-Liġi ETEK, kif riveduta, timponi rekwiżiti addizzjonali ta’ prattika professjonali jew ta’ esperjenza professjonali f’każijiet li jaqgħu taħt ir-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki personali,

il-Kapitolu I tat-Titolu III tad-Direttiva 2005/36/KE, sa fejn ma pprovdiex għall-applikazzjoni tas-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent tal-professjoni ta’ arkitett skont l-Artikolu 7 tal-Liġi ETEK kif riveduta,

tikkundanna lir-Repubblika ta’ Ċipru għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni Ewropea ssostni li l-leġiżlazzjoni Ċirpiotta:

- tipprekludi r-rikonoxximent tal-kwalifiki personali ta’ arkitett u ta’ inġinier ċivili lil dawk li ma jeżerċitawx diġà il-professjoni fi Stat Membru ieħor fejn huma diġà stabbiliti,

- timponi rekwiżiti addizzjonali għall-aċċess għall-professjoni ta’ arkitett, minbarra dawk previsti mid-direttiva,

- ma tiggarantixxix l-applikazzjoni sussidjarja awtomatika tas-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent, li huwa suġġett għad-diskrezzjoni assoluta tal-awtorità kompetenti.

____________

1 Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (GU 2005, L 255, p. 22).