Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Ġunju 2011 - Italmobiliare vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-305/11)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Italmobiliare SpA (Milan, l-Italja) (rappreżentanti: M. Siragusa, F. Moretti, L. Nascimbene, G. Rizza u M. Piergiovanni, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla in toto jew parzjalment id-deċiżjoni kkontestata.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-ispejjeż u d-drittijiet.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv jibbaża ruħu fuq l-identifikazzjoni żbaljata tal-persuna li hija d-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, bi ksur tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 1/2003, peress li din tal-aħħar ġiet indirizzata lil Italmobiliare, li hija sempliċiment kumpannija holding, li ma kenitx detentriċi tal-kapital kollu, minflok lil Italcementi, li għandha r-rwol ta' holding operattiva fil-grupp ta' kummpanniji li qiegħda fih. Il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta' kontradittorju u l-prinċipju ta' aspettattivi leġittimi, sa fejn tidentifika lir-rikorrenti bħala destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, meta hija kienet kompletament estranja għall-investigazzjonijiet li saru s'issa. Ir-rikorrenti tinvoka, fl-aħħar nett, il-ksur tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, peress li Italmobiliare hija l-unika kumpannija li hija purament holding , involuta fil-kawża.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18 (1) tar-Regolament 1/2003 billi l-Kummissjoni bdiet investigazzjoni formali u adottat att vinkolanti mingħajr ma kellha s-setgħa tagħmel dan.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità. L-ewwel nett, il-mezzi użati ma humiex adattati biex jintlaħqu l-għanijiet imfittxa, billi l-Kummissjoni użat l-Artikolu 18 tar-Regolament 1/2003 fil-kuntest ta' stħarriġ mhux ibbażat fuq indizzji speċifiċi u b'għan indefinit, li ssib l-elementi ta' investigazzjoni li kellha tfittex permezz ta' inkjesta settorjali skont l-Artikolu 17 tar-Regolament 1/2003. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma bbilanċjatx adegwatament bejn l-interess li tinvestiga u d-dannu lill-individwi kkonċernati, peress li l-Kummissjoni imponiet indebitament oneri fuq r-rikorrenti għas-sejbien, l-ikkatalogar u t-trażmissjoni ta' informazzjoni, li kienu sproporzjonati u mhux raġonevoli.

Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE. Il-Kummissjoni naqset milli tiddikjara fl-att ikkontestat, ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-għażla li jintuża l-istrument legali partikolari tad-deċiżjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament 1/2003. L-att huwa wkoll ivvizzjat minħabba n-nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward tas-suġġett u l-portata tal-inkjesta u l-ħtieġa tal-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tal-investigazzjonijiet li għaddejja bħalissa. Il-ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni jikkostitwixxi ksur proċedurali sostanzjali, skont l-Artikolu 263 TFUE u ksur tad-drittijiet ta' difiża tar-rikorrent.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata billi kisret il-prinċipju ta' kontradizzjoni. It-terminu ta' ftit jiem mogħti mill-Kummissjoni biex tagħmel osservazzjonijiet dwar il-kwestjonarju anness mal-Komunikazzjoni tal-4 ta' Novembru kien manifestament mhux biżżejjed għall-eżerċizzju tad-dritt ta' smigħ. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni tal-4 ta' Novembru għandha kontenut sa ċertu punt differenti mid-deċiżjoni kkontestata: Il-Kummissjoni għalhekk ostakolat lill-kumpannija milli tasserixxi l-argumenti tagħha fir-rigward tal-mistoqsijiet varji li wara ġew inkorporati fl-att finali. Barra minn hekk, l-osservazzjonijiet ġew injorati mill-Kummissjoni taħt diversi aspetti. Il-kontradittorju hekk stabbilit ġie konsegwentement imxejjen, bi preġudizzju għall-possibbiltà ta' difiża u għall-pożizzjoni tar-rikorrenti fil-kawża..

Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, li jikkonsisti fi (i) nuqqas ta' koordinazzjoni bejn il-kwestjonarji differenti mibgħuta minn żmien għal żmien, suġġetti għal rinumerazzjoni, riformulazzjoni, adattamenti metodoloġiċi u estensjonijiet, (ii) li ttawwal il-proċess istruttorju, lil hinn mil-limiti ta' raġonevolezza, kif ukoll (iii) il-mod ta' kif ġiet ġestita l-kawża mill-Kummissjoni.

____________