Language of document : ECLI:EU:T:2013:224

Kawża T‑304/11

Alumina d.o.o.

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ trab zeolit A li joriġina mill-Bosnja-Ħerzegovina — Valur normali — Natura rappreżentattiva tal-bejgħ domestiku — Marġni ta’ qligħ — Tranżazzjonijiet kummerċjali normali”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-30 ta’ April 2013

1.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping — Determinazzjoni tal-valur normali — Valur maħdum — Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni — Prezz applikat fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali — Livell ta’ rappreżentattività tal-bejgħ fis-suq intern — Interazzjoni bejn dawn iż-żewġ fatturi

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 2(2), (3) u (6))

2.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping — Determinazzjoni tal-valur normali — Valur maħdum — Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni — Prezz applikat fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali — Bejgħ imwettaq f’dawn it-tranżazzjonijiet – Kunċett

(Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi doganali u l-kummerċ, “Ftehim antidumping tal-1994”, Artikolu 2.1; Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 2(1), (3), (4) u (6))

3.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping — Determinazzjoni tal-valur normali — Valur maħdum — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ primjum ta’ riskju li jżid il-prezz ta’ bejgħ imwettaq minn klijent partikolari — Alterazzjoni artifiċjali tal-prezz tal-bejgħ — Assenza ta’ aġġustament — Invalidità tal-kalkolu tal-valur normali kif ukoll il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2, Artikoli 2(2), (3), (6) u 10(k))

1.      Fil-prinċipju, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur normali ta’ prodott, il-kwistjoni ta’ rappreżentattività ta’ bejgħ domestiku fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 1225/2009, li jistabbilixxi kriterju kwalitattiv, hija distinta minn dik dwar jekk dan il-bejgħ twettaqx fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali fis-sens tal-Artikolu 2(3) u (6) tal-imsemmi regolament, li jistabbilixxi kriterju kwalitattiv marbut man-natura ta’ bejgħ meqjus fih innifsu. Madankollu, sa fejn il-volum ta’ bejgħ domestiku jikkostitwixxi fattur li jista’ jaffettwa l-formazzjoni tal-prezzijiet, b’tali mod li ż-żewġ kriterji jistgħu jinteraġixxu meta, pereżempju, is-suq intern ikun tant limitat li l-prezzijiet ma jirriżultawx mill-offerta u mid-domanda. Madankollu, din il-possibbiltà ta’ interazzjoni ma tfissirx li, meta l-livell ta’ rappreżentattività ta’ 5 % ma jintlaħaqx, il-bejgħ domestiku ma jitqiesx bħala li twettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali. Fil-fatt, ma jistax assolutament jiġi eskluż li, minkejja l-volum baxx ta’ bejgħ domestiku, dan ma twettaqx fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali, jekk huwa jirrifletti madankollu aġir normali tal-operaturi involuti.

(ara l-punti 24, 25)

2.      Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur normali ta’ prodott, il-kunċett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali normali huwa intiż li jeskludi s-sitwazzjonijiet li fihom il-bejgħ fis-suq intern jiġi konkluż, b’mod partikolari f’kundizzjonijiet meta prodott jinbiegħ bi prezz inqas mill-ispejjeż ta’ produzzjoni jew f’dawk meta tranżazzjonijiet iseħħu bejn imsieħba li huma assoċjati jew li kkonkludew arranġament ta’ tpaċija. Kif jirriżulta mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(1) u mill-Artikolu 2(4) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 1225/2009, dawn iċ-ċirkustanzi jikkostitwixxu eżempji ta’ bejgħ li jista’ jitqies li ma twettaqx fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali.

F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ bejgħ imwettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali għandu portata oġġettiva u jista’ jiġi invokat mhux biss mill-istituzzjonijiet sabiex jinnewtralizzaw prattiki li jistgħu jaħbu d-dumping jew id-daqs tiegħu, iżda wkoll mill-operaturi mmirati meta jkun hemm ċirkustanzi li jaffettwaw in-natura normali tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni.

Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu li jeskludu mill-kalkolu tal-valur normali l-bejgħ mhux imwettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali, kemm jekk il-prezz ta’ bejgħ ikun iktar jew inqas mill-prezz li jintuża f’tali tranżazzjonijiet, irrispettivament mir-raġuni għaliex it-tranżazzjoni ma seħħitx fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali u irrispettivament mir-rilevanza ta’ din l-esklużjoni fuq il-konklużjoni li tirrigwarda l-eżistenza ta’ dumping jew id-daqs tiegħu, skont dak li ġie kkonstatat mill-Korp ta’ Appell tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward tal-Artikolu 2.1 tal-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi doganali u l-kummerċ tal-1994.

(ara l-punti 27-30)

3.      Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur normali ta’ prodott, primjum ta’ riskju li jżid il-prezz ta’ bejgħ lil klijent domestiku partikolari jikkostitwixxi korrispettiv tar-riskju li l-fornitur jieħu meta jbigħ prodotti lil dan il-klijent u billi jagħtih terminu għall-ħlas. Għalhekk, dan il-primjum ma jirrappreżentax parti mill-valur tal-prodott mibjugħ u lanqas huwa marbut mal-karatteristiċi tiegħu, iżda l-eżistenza tiegħu u d-daqs tiegħu hija dovuta għall-identità tal-klijent u għall-evalwazzjoni li jagħmel il-fornitur tiegħu tal-kapaċità finanzjarja tiegħu. Għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali primjum fil-kuntest tal-kostruzzjoni tal-valur normali għandu l-effett li jinkludi fil-kalkolu fattur li ma huwiex intiż li jistabbilixxi l-prezz li bih il-prodott ser jinbiegħ fil-pajjiż ta’ oriġini, iżda jikkonċerna esklużivament il-kapaċità finanzjarja tax-xerrej domestiku partikolari.

Għalhekk, l-inklużjoni ta’ tali primjum ta’ riskju fil-kalkolu tal-marġni ta’ qligħ stabbilit għall-finijiet tal-kostruzzjoni tal-valur normali jieħu inkunsiderazzjoni element li ma jirriflettix parti mill-valur tal-prodott mibjugħ, li għalhekk iżid artifiċjalment ir-riżultat tal-kalkolu tal-valur normali, b’tali mod li dan ir-riżultat ma jirriflettix ukoll bl-iktar mod preċiż possibbli, suġġett għall-applikazzjoni ulterjuri ta’ aġġustament xieraq skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 1225/2009, il-prezz ta’ bejgħ ta’ prodott, kif ikun jekk il-prodott inkwistjoni inbiegħ fil-pajjiż ta’ oriġini fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali. Id-difett marbut mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-primjum ta’ riskju jaffettwa l-validità tal-kalkolu tal-valur normali stabbilit għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping u għaldaqstant iseħħ qabel il-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ tali prattika, b’tali mod li huwa ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping.

(ara l-punti 36, 38, 39)