Language of document : ECLI:EU:C:2017:441

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-8 ta’ Ġunju 2017 (1)

Kawżi Magħquda C593/15 P u C594/15 P

Ir-Repubblika Slovakka

vs

Il-Kummissjoni Ewropea


Kawża C599/15 P


Ir-Rumanija

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Responsabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri – Proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern – Telf ta’ dazji fuq l-importazzjoni ta’ Stat Membru minħabba Stat Membru ieħor – Talba mill-Kummissjoni lit-tieni Stat Membru biex dan jikkumpensa t-telf – Ittri mill-Kummissjoni – Natura kontestabbli”






I.      Introduzzjoni

1.        L-Istati Membri kif jistgħu jiksbu ċarezza legali dwar l-eżistenza ta’ obbligu ta’ ħlas fil-konfront tal-Unjoni Ewropea jekk il-Kummissjoni Ewropea ma jkollhiex is-setgħa li tadotta deċiżjoni għall-irkupru ta’ dan il-kreditu u sakemm din ma tagħtix bidu għal proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu?

2.        Din hija d-domanda fundamentali li dawn l-appelli jqajmu fi sfond li mill-bqija huwa pjuttost tekniku.

3.        Fil-każijiet ineżami huma kkonċernati, primarjament, dazji, jiġifieri riżorsi proprji tradizzjonali tal-Unjoni, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma setgħetx tiġbor minħabba problemi fl-awtoritajiet Slovakki u Rumeni. Peress li qieset li f’dawn iċ-ċirkustanzi r-Repubblika Slovakka jew ir-Rumanija kellhom ikunu responsabbli għat-telf sostnut, il-Kummissjoni ordnat lil dawn l-Istati Membri sabiex iħallsu l-ammonti inkwistjoni. Apparentement, kif ikkonfermat ukoll fis-seduta, il-Kummissjoni riedet tibgħat l-ewwel ittri fir-rigward ta’ eventwali proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sussegwenti. Madankollu, hija ma kitbitx dawn l-ittri fil-forma ta’ kuntatti inizjali tas-soltu, iżda bħala deċiżjonijiet legalment vinkolanti li fihom stabbiliet b’mod partikolari terminu separat għall-ħlas tal-ammonti inkwistjoni.

4.        Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma tatx iktar attenzjoni lil dan il-punt u ċaħdet kwalunkwe effett legali tal-ittri minħabba s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma hijiex awtorizzata tadotta deċiżjonijiet vinkolanti għall-irkupru ta’ riżorsi proprji mill-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, hija lanqas biss ma eżaminat il-kontenut tal-ittri u l-kwistjoni – li l-partijiet qajmu dubji dwarha – tal-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji tal-Unjoni.

5.        Prima facie din is-soluzzjoni jaf tidher prammatika.

6.        B’dan il-mod, f’dawn il-proċeduri l-Kummissjoni nnifisha tisħaq b’mod enfatiku li fil-qasam tar-riżorsi proprji hija effettivament ma għandhiex is-setgħa li tadotta deċiżjonijiet vinkolanti fil-konfront tal-Istati Membri għall-irkupru ta’ krediti. U anki lil hinn mill-qasam tar-riżorsi proprji, tal-inqas prima facie, ma jidher li hemm l-ebda bażi legali ġenerali li tippermetti lill-Kummissjoni tadotta deċiżjonijiet vinkolanti biex teżiġi li l-Istati Membri jħallsu djun pekunjarji.

7.        Dan ifisser li l-preżunzjoni ta’ effett legali, u għaldaqstant tan-natura kontestabbli tal-ittri tal-Kummissjoni, wisq probabbli tista’ twassal, l-iktar l-iktar, għall-annullament ta’ dawn l-ittri iżda mhux sabiex ikun hemm ċarezza legali dwar l-intitolamenti inkwistjoni. Għaldaqstant, l-ilment tal-Istati Membri kkonċernati f’dawn il-proċeduri, li l-Qorti Ġenerali kellha tiddikjara l-ittri kontenzjużi bħala kontestabbli diġà minħabba n-neċessità ta’ rimedju effettiv, huwa ineffettiv. Allura għalfejn għandha tiġi preżunta n-natura kontestabbli tal-ittri kontenzjużi jekk din lanqas biss tista’ twassal għal ċarezza legali?

8.        Minkejja dawn il-kunsiderazzjonijiet prammatiċi, jirriżulta li, abbażi tal-ġurisprudenza stabbilita dwar in-natura kontestabbli tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, is-soluzzjoni tal-Qorti Ġenerali hija żbaljata. Tabilħaqq, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tibbaża ruħha esklużivament fuq il-kriterju tal-assenza tas-setgħa ta’ deċiżjoni meta tiġi biex teżamina l-effetti legali ta’ dawn l-atti mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-kontenut tal-atti inkwistjoni. Tali soluzzjoni tidher iktar u iktar dubjuża meta biex jiġu eżaminati s-setgħat ta’ istituzzjoni tal-Unjoni din tibbaża ruħha – kif ġara hawnhekk – esklużivament fuq regoli li l-applikabbiltà tagħhom hija kkontestata, mingħajr ma effettivament tiġi eżaminata din l-applikabbiltà.

9.        Fil-fatt, tali approċċ iwassal biex att legali tal-Unjoni jiġi eskluż minn stħarriġ tal-legalità billi jiġi ssuġġettat għal eżami tal-ammissibbiltà manifestament immirat. Fil-kuntest tas-sensibbiltà prammatika kollha rigward l-effetti tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-bżonnijiet tal-effiċjenza fl-amministrazzjoni tal-Unjoni, dan ma huwiex aċċettabbli f’Unjoni tad-dritt, anki jekk ikun manifest għalkollox li l-eżami sostantiv ta’ att ma huwiex ser iġib miegħu ċarezza legali definittiva fuq il-mertu.

10.      Madankollu, din il-konstatazzjoni – jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tadotta s-soluzzjoni li qiegħda nipproponi hawnhekk – ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tirrikonoxxi li dawn l-appelli jiżvelaw lakuna fis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, li tikkonsisti fl-assenza ta’ azzjoni dikjaratorja ġenerali (2). Għaldaqstant, minħabba l-assenza ta’ setgħa ġenerali tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjonijiet għall-irkupru ta’ dejn pekunjarju mingħand l-Istati Membri, u għaldaqstant minħabba l-impossibbiltà li jiġi adottat att kontestabbli, f’każijiet bħal dawk ineżami, l-eżistenza ta’ intitolament għal ħlas tal-Unjoni tista’ tiġi riżolta biss fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Sakemm il-Kummissjoni ma tagħtix bidu għal tali proċedura, l-Istati Membri ma għandhomx possibbiltà li jiksbu kjarifika tas-sitwazzjoni legali, iżda għandhom iġorru riskju sostanzjali ta’ ħlas tal-interessi.

11.      Apparti mill-eżami tad-digrieti appellati tal-Qorti Ġenerali u tal-ittri kontenzjużi tal-Kummissjoni, dawn il-proċeduri jagħtu l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkontempla l-eliminazzjoni ta’ din il-lakuna fil-protezzjoni ġudizzjarja.

II.    Il-kuntest ġuridiku

12.      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom, tad-29 ta’ Settembru 2000, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej (3) ġiet issostitwita, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom, tas-7 ta’ Ġunju 2007, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (4), filwaqt li d-dispożizzjonijiet li huma ta’ rilevanza għall-kawżi ineżami ma nbidlux.

13.      Skont l-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni Nru 2000/597 kif ukoll l-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni Nru 2007/436, “id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni u dazji oħrajn stabbiliti jew li għandhom jiġu stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] fir-rigward tal-kummerċ ma’ pajjiżi mhux membri” b’mod partikolari jikkostitwixxu riżorsi proprji mdaħħla fil-baġit tal-Unjoni. Id-dazji huma indikati bħala “riżorsi proprji tradizzjonali”. Skont l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjonijiet Nri 2000/597 u 2007/436, l-Istati Membri għandhom iżommu 25 % minn dan id-dħul bħala spejjeż ta’ ġbir.

14.      L-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjonijiet Nri 2000/597 u 2007/436 jipprovdu li r-riżorsi proprji tal-Unjoni għandhom jinġabru mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali imposti permezz ta’ liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva, li fejn xieraq għandhom jiġu adattati għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u għandhom ikunu magħmula disponibbli għall-Kummissjoni.

15.      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplimenta d-deċiżjonijiet dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (5) l-ewwel ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2028/2004, tas-16 ta’ Novembru 2004 (6), u, sussegwentement, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 105/2009, tas-26 ta’ Jannar 2009 (7).

16.      Skont l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 1150/2000 fil-verżjonijiet suċċessivi tiegħu, l-intitolament tal-Unjoni għar-riżorsi proprji msemmija fid-Deċiżjonijiet Nri 2000/597 u 2007/436 għandu jkun stabbilit ladarba jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet doganali fir-rigward tad-dħul tal-intitolament fil-kontijiet u n-notifika lid-debitur. Id-data meta dan jiġi stabbilit għandha tkun id-data tad-dħul fil-kontijiet fis-sens tad-dispożizzjonijiet doganali.

17.      L-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1150/2000 jaqra kif ġej:

“3. (a) Intitolamenti stabbiliti bi qbil ma’ l-Artikolu 2 għandhom, bla ħsara għall-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, jiddaħlu fil-kontijiet mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xhar tax-xahar ta’ wara li matulu l-intitolament ikun stabbilit.

(b) Intitolamenti stabbiliti li ma jkunux imdaħħla fil-kontijiet msemmija fil-punt (a), għaliex ikunu għadhom ma ġewx irkuprati u l-ebda garanzija ma tkun ġiet ipprovduta għandhom jintwerew f’kontijiet separati matul il-perijodu preskritt fil-punt (a). Stati Membri jistgħu jadottaw din il-proċedura meta l-intitolamenti stabbiliti li dwarhom garanzija tkun ġiet ipprovduta jkunu ġew sfidatati [ikkontestati] u jistgħu, mat-twettieq tal-kwistjonijiet li jkunu qamu, jkunu suġġetti għal tibdil.”

18.      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1150/2000 jippreċiża:

“1. Skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10, kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsi tiegħu proprji fil-kont miftuħ f’isem il-Kummissjoni mat-Teżor tiegħu jew mal-korp li jkun ħatar.”

19.      L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1150/2000 jipprovdi dan li ġej:

“1. Wara t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ġbir […] id-dħul tar-riżorsi proprji […] għandu jsir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara d-19-il jum tat-tieni xahar ta’ wara x-xahar li fih l-intitolament ikun ġie stabbilit taħt l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

Madanakollu, għal intitolamenti murija f’kontijiet separati taħt l-Artikolu 6(3)(b) ta’ dan ir-Regolament, id-dħul għandu jsir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li fih l-intitolamenti jkunu rkuprati.”

20.      Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, kwalunkwe dewmien fid-dħul fil-kontijiet imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament għandu jagħti lok għall-ħlas tal-interessi min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat, bir-rata stabbilita fil-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 11.

21.      L-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament Nru 1150/2000 jaqra kif ġej:

“1. Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-ammont korrispondenti ta’ l-intitolament stabbilita permezz ta’ l-Artikolu 2 isir magħmul disponibbli lill-Kummissjoni kif speċifikat f’dan ir-Regolament.

2. L-Istati Membri għandhom jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għal drittijiet stabbiliti li jirriżultaw irrekuperabbli minħabba:

(a) raġunijiet ta’ force majeure; jew

(b) raġunijiet oħra li ma jistgħux jiġu attribwiti lilhom.

L-ammonti ta’ drittijiet [intitolamenti] stabbiliti għandhom jiġu dikjarati irrekuperabbli b’deċiżjoni ta’ l-awtorità amministrattiva kompetenti li ssib li ma jistgħux jiġu rkuprati.

L-ammonti ta’ drittijiet stabbiliti għandhom jiġu kkunsidrati bħala irrekuperabbli […]

L-ammonti dikjarati jew ikkunsidrati bħala irrekuperabbli għandhom jiġu mneħħija b’mod definittiv mill-kontijiet separati msemmija fl-Artikolu 6(3)(b). […]”

III. L-isfond tal-proċeduri tal-appell

22.      Fis-snin qabel l-2010, ġie ddikjarat it-tqegħid ta’ merkanzija differenti taħt il-proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern lill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi skont l-Artikoli 91 et seq tal-Kodiċi Doganali Komunitarju (8). Din il-proċedura tippermetti li tiġi ttrasportata merkanzija bejn żewġ postijiet li jinsabu fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma din tiġi suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni. Dan bil-kundizzjoni li l-merkanzija kkonċernata tiġi ppreżentata fid-destinazzjoni biex l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jikkontrollaw il-wasla tal-merkanzija fid-destinazzjoni (9). Jekk dan ma jsirx, il-merkanzija titqies bħala importata fl-Unjoni u jinħoloq dejn doganali fuq l-importazzjoni. Jekk ma jkunx ċar fejn u f’liema mument il-merkanzija kkonċernata tneħħiet mis-sorveljanza doganali, il-mument tat-tqegħid tal-merkanzija fil-proċedura ta’ tranżitu estern jitqies bħala l-mument meta jitnissel id-dejn doganali. Dan ifisser li l-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn il-merkanzija tqiegħdet taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern għandhom jiġbru d-dejn doganali u jħallsu r-riżorsi proprji korrispondenti lill-Kummissjoni.

23.      Fil-proċeduri inkwistjoni f’dawn il-kawżi, fejn il-postijiet tad-destinazzjoni tal-merkanzija kienu jinsabu fir-Repubblika Slovakka u fir-Rumanija, il-wasla tal-merkanzija kkonċernata ġiet tassew ikkonfermata mill-awtoritajiet Rumeni u Slovakki lill-awtoritajiet Ġermaniżi, hekk li dawn tal-aħħar temmew il-proċedura ta’ tranżitu u rrilaxxaw il-garanziji mogħtija mill-prinċipali. Madankollu, iktar tard ħareġ li l-merkanzija fil-verità qatt ma kienet waslet fil-postijiet tad-destinazzjoni tagħha u għalhekk il-proċeduri ta’ tranżitu kkonċernati kienu ġew iddikjarati bħala konklużi b’mod żbaljat. Fil-fatt, il-konferma elettronika fis-sistema doganali kompjuterizzata NCTS (10) dwar ir-regolarità tal-preżentazzjoni fid-dwana kienet saret bi żball u kienet attribwibbli għal intenzjonijiet frawdolenti min-naħa tal-awtoritajiet doganali Slovakki u Rumeni stess, jew inkella għal intenzjonijiet frawdolenti ta’ terzi u nuqqas ta’ miżuri ta’ sigurtà min-naħa ta’ dawn l-awtoritajiet.

24.      Peress li ma seta’ jiġi identifikat ebda aġir li jikkostitwixxi nuqqas min-naħa tal-prinċipali, id-dejn doganali li nħoloq inħafrilhom u ġie ddikjarat bħala irrekuperabbli. Għaldaqstant, l-obbligu tal-Ġermanja li tħallas l-ammonti korrispondenti lill-Kummissjoni spiċċa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li r-Repubblika Slovakka u r-Rumanija għandhom jikkumpensaw it-telf fil-baġit tal-Unjoni li rriżulta minħabba l-iżbalji mwettqa mill-awtoritajiet tagħhom.

A.      L-ittri kontenzjużi tal-Kummissjoni

25.      Għalhekk, fil-15 ta’ Lulju (11) kif ukoll fl-24 (12) u fid-19 ta’ Settembru 2014 (13), il-Kummissjoni bagħtet żewġ ittri lir-Repubblika Slovakka u ittra lir-Rumanija (iktar ’il quddiem l-“ittri kontenzjużi”), li fihom hija talbet lil dawn l-Istati Membri jħallsu l-ammonti li jikkorrispondu għad-dejn doganali li l-Ġermanja ma setgħetx tiġbor minħabba l-iżbalji mwettqa mill-awtoritajiet Slovakki u Rumeni.

26.      Fl-ittri kontenzjużi, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, iddeskriviet il-fatti inkwistjoni u spjegat li r-Repubblika Slovakka u r-Rumanija għandhom jassumu r-responsabbiltà għat-telf sostnut f’dan il-kuntest. Dan għaliex il-konferma żbaljata min-naħa tal-awtoritajiet Slovakki u Rumeni, li l-proċedura ta’ tranżitu ġiet konkluża, ipprekludiet lill-awtoritajiet Ġermaniżi milli jirkupraw dejn doganali li kien jikkostitwixxi riżorsi proprji tradizzjonali. Huwa minnu li r-Repubblika Slovakka u r-Rumanija ma kinux responsabbli għall-ġbir ta’ dawn id-dazji. Madankollu, Stat Membru xorta waħda għandu jassumi r-responsabbiltà għat-telf ta’ riżorsi proprji minħabba t-tort tal-awtoritajiet tiegħu. Dan jirriżulta mit-Trattat, mis-sistema tar-riżorsi proprji u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (14). F’dawn iċ-ċirkustanzi, rifjut min-naħa tar-Repubblika Slovakka u tar-Rumanija tat-talba li jagħmlu disponibbli r-riżorsi proprji inkwistjoni huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri u l-Unjoni kif ukoll mas-sistema tar-riżorsi proprji.

27.      Għaldaqstant, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Slovakki u Rumeni sabiex jagħmlu disponibbli l-ammonti inkwistjoni, bi tnaqqis ta’ 25 % għall-ġbir, sal-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara li ntbagħtu l-ittri kontenzjużi. Finalment, hija indikat li kull dewmien fil-ħlas ser iwassal għall-kalkolu ta’ interessi skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000.

B.      Id-digrieti appellati tal-Qorti Ġenerali

28.      B’rikorsi tat-22 ta’ Settembru kif ukoll tas-26 u tat-28 ta’ Novembru 2014, ir-Repubblika Slovakka u r-Rumanija talbu l-annullament tal-ittri kontenzjużi. Konsegwentement il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà (15) fiż-żewġ kawżi, fejn sostniet li dawn l-ittri ma jirrigwardawx atti kontestabbli fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. B’digrieti tal-14 ta’ Settembru 2015 (16) il-Qorti Ġenerali laqgħet dawn l-eċċezzjonijiet u ċaħdet ir-rikorsi bħala inammissibbli (17) mingħajr ma eżaminat il-fondatezza tagħhom (iktar ’il quddiem id-“digrieti appellati”).

29.      L-ewwel nett, abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji tal-Unjoni u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li għandhom ikunu l-Istati Membri stess li jiddeċiedu dwar jekk seħħx telf tar-riżorsi proprji tradizzjonali jew jekk jeżistix l-obbligu li dawn ir-riżorsi jkunu magħmula disponibbli lill-Unjoni. Min-naħa l-oħra, ma hijiex prevista deċiżjoni f’dan ir-rigward min-naħa tal-Kummissjoni jew proċedura għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikoli 258 sa 260 TFUE, id-determinazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi tal-Istati Membri u l-evalwazzjoni tal-aġir tagħhom jistgħu jirriżultaw biss minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (18).

30.      Konsegwentement, minħabba n-nuqqas ta’ setgħa tal-Kummissjoni li tadotta att legali li permezz tiegħu tobbliga Stat Membru jagħmel disponibbli riżorsi proprji, l-ittri kontenzjużi kellhom biss valur informattiv u setgħu jikkostitwixxu biss sempliċi talbiet. Għaldaqstant, dawn ma humiex atti kontestabbli fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (19).

31.      Għalhekk, lanqas l-informazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ammonti mitluba, dwar it-terminu għall-ħlas u dwar l-interessi moratorji ma setgħu jipproduċu effetti legali. Barra minn hekk, l-argumenti tal-partijiet li l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji kienet dubjuża huma irrilevanti peress li kienu jirreferu biss għal-legalità tal-ittri. U, finalment, għandhom jiġu miċħuda wkoll l-argumenti rigward in-neċessità ta’ protezzjoni ġudizzjarja minħabba l-inċertezza legali eżistenti u r-riskju kunsiderevoli tal-ħlas ta’ interessi. Dan peress li s-sempliċi neċessità ta’ protezzjoni ġudizzjarja ma tistax tirrendi att kontestabbli u l-Istati Membri setgħu jaffaċċjaw ir-riskju tal-interessi billi jipprovdu lill-Kummissjoni l-ammonti mitluba, bil-kundizzjoni li l-pożizzjoni ta’ din tal-aħħar tkun fondata (20).

IV.    Il-proċeduri tal-appell u t-talbiet tal-partijiet

32.      Permezz ta’ atti tat-13 ta’ Novembru 2015, ir-Repubblika Slovakka ppreżentat appelli kontra d-digrieti mogħtija fil-Kawżi T‑678/14 u T‑779/14 (Kawżi Magħquda C‑593/15 P u C‑594/15 P). Ir-Repubblika Slovakka titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla d-digrieti appellati fl-intier tagħhom, tiddeċiedi hija stess dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi u tirrinvija l-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi dwar il-mertu tar-rikorsi, jew, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li hija ma għandhiex biżżejjed informazzjoni sabiex tieħu deċiżjoni finali dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni, tirrinvija l-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi kemm fuq l-ammissibbiltà tar-rikorsi kif ukoll fuq il-mertu ta’ dawn ir-rikorsi u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. Ir-Rumanija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jsostnu t-talbiet tar-Repubblika Slovakka.

33.      Permezz ta’ att tas-16 ta’ Novembru 2015, ir-Rumanija ppreżentat appell kontra d-digriet mogħti fil-Kawża T‑784/14 (Kawża C‑599/15 P). Ir-Rumanija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiddikjara l-appell ammissibbli, tannulla d-digriet appellat fl-intier tiegħu, tiddeċiedi l-kawża mill-ġdid billi tilqa’ r-rikors għal annullament filwaqt li tannulla l-ittra kontenzjuża, jew inkella tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex f’sentenza ġdida din tilqa’ r-rikors għal annullament filwaqt li tannulla l-ittra kontenzjuża, kif ukoll tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. Ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka jsostnu t-talbiet tar-Rumanija.

34.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appelli u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

35.      Il-partijiet kollha ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll osservazzjonijiet orali fis-seduta komuni tat-23 ta’ Marzu 2017.

V.      Analiżi

A.      Fuq l-appelli

36.      Mill-argumenti tar-Repubblika Slovakka u tar-Rumanija, li jinqasmu f’żewġ aggravji differenti kull wieħed u li l-argumenti tagħhom jikkoinċidu parzjalment, jirriżulta li l-appellanti essenzjalment jilmentaw dwar żewġ żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali.

37.      Minn naħa waħda, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bbażat l-argument tagħha fuq id-dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji tal-Unjoni mingħajr ma eżaminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet kinux tassew applikabbli. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma spjegat għalfejn tali eżami seta’ ma jsirx, b’tali mod li d-digrieti appellati huma vvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

38.      Min-naħa l-oħra, l-eżami tan-natura kontestabbli tal-ittri kontenzjużi huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi peress li, waqt dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha biss fuq l-assenza ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjonijiet vinkolanti għall-irkupru ta’ riżorsi proprji. Billi għamlet dan, hija naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni li, skont il-ġurisprudenza, waqt l-eżami tan-natura kontestabbli ta’ atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni huwa determinanti b’mod partikolari wkoll il-kontenut ta’ dawn l-atti.

39.      L-argument tal-aħħar għandu jiġi diskuss l-ewwel hawn taħt.

1.      Fuq l-eżami mill-Qorti Ġenerali tan-natura kontestabbli tal-ittri kontenzjużi

40.      Skont l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors għal annullament isir kontra l-atti kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li huma maħsuba biex jipproduċu effetti legali, indipendentement mill-forma ta’ dawn l-atti (21). Għalhekk, sabiex jiġi kkonstatat jekk att jipproduċix effetti legali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari s-suġġett tiegħu, il-kontenut tiegħu u s-sustanza tiegħu, kif ukoll il-kuntest fattwali u ġuridiku li jinsab fih (22).

41.      Huwa minnu li s-setgħat tal-istituzzjoni awtriċi ta’ att huma kriterju li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-effetti legali vinkolanti u għalhekk tan-natura kontestabbli tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (23). Madankollu, hawnhekk huwa kkonċernat biss aspett wieħed fost diversi li, skont il-kliem tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jintuża “jekk ikun il-każ” għall-evalwazzjoni tal-effett legali vinkolanti ta’ att (24).

42.      Tabilħaqq, id-diversi aspetti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-eżami tal-effetti legali ta’ att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jikkostitwixxu ġabra ta’ kriterji komplementari li jissupplimentaw lil xulxin fil-kuntest ta’ kunsiderazzjoni globali u li ma jistgħux jiġu eżaminati separatament wieħed mill-ieħor. Huwa minnu li l-piż li jingħata lil kriterju individwali meta mqabbel ma’ oħrajn jista’ jvarja skont is-sitwazzjoni (25). Madankollu, l-imħallef tal-Unjoni ma jistax jieħu inkunsiderazzjoni wieħed biss minn dawn il-kriterji mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-oħrajn, jekk dawn ukoll ikunu ta’ rilevanza fil-każ inkwistjoni. Il-kriterji essenzjali tal-kontenut u tas-suġġett ta’ att ikkontestat b’mod partikolari ma jistgħux jiġu esklużi b’mod arbitrarju favur kriterju komplementari ieħor. Dan huwa iktar u iktar il-każ billi l-eżami tas-setgħat ta’ istituzzjoni huwa marbut mill-qrib mal-eżami tal-kontenut ta’ att (26).

43.      Fil-każ preżenti huwa minnu li fid-digrieti appellati l-Qorti Ġenerali għall-bidu elenkat, kull darba, xi estratti mill-ġurisprudenza dwar in-natura kontestabbli ta’ atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, waqt l-eżami sussegwenti li hija wettqet tal-ittri kontenzjużi, hija bl-ebda mod ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kontenut tagħhom, kif mitlub fil-ġurisprudenza.

44.      Għall-kuntrarju, mid-digrieti appellati jirriżulta b’mod evidenti li l-Qorti Ġenerali bbażat il-konklużjoni tagħha, li fiha tistabbilixxi li l-ittri kontenzjużi ma jipproduċux effetti legali, sempliċement fuq l-assenza ta’ setgħa tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjonijiet vinkolanti għall-irkupru ta’ riżorsi proprji fil-konfront tal-Istati Membri: fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji jirrikjedu li l-Istati Membri jiddeċiedu huma stess li jeżisti obbligu li dawn ir-riżorsi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Unjoni (27). Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet la jawtorizzaw lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjoni intiża għall-irkupru ta’ riżorsi proprji u lanqas jipprovdu proċedura għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni (28). Għall-kuntrarju, is-setgħa li tittieħed deċiżjoni dwar obbligu korrispondenti tal-Istati Membri hija rriżervata esklużivament għall-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax ittemm tilwima dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ riżorsi proprji billi tadotta hija stess deċiżjoni (29).

45.      Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tasal għall-konklużjoni li, minħabba l-assenza ta’ setgħa tal-Kummissjoni li, permezz ta’ deċiżjoni, tobbliga lil Stat Membru jagħmel disponibbli riżorsi proprji, l-ittri kontenzjużi jikkostitwixxu sempliċi espressjonijiet ta’ opinjoni mingħajr ebda effett legali (30).

46.      Ċertament, sabiex issostni din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment għal digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja li fihom din tal-aħħar ukoll ħadet inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjonijiet vinkolanti (31). Madankollu, dan kull darba seħħ fid-dawl ta’ eżami tal-kontenut tal-ittri kontenzjużi fil-kawżi inkwistjoni, li wkoll ma indikawx li hemm effetti legali (32). Min-naħa l-oħra, f’dawn il-kawżi, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kontenut tal-ittri kontenzjużi fl-analiżi tal-ittri li hija wettqet, għalkemm għall-bidu kienet semmietu fid-deskrizzjoni tal-fatti (33).

47.      Madankollu, kuntrarjament għall-kawżi li taw lok għad-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja li ġew iċċitati mill-Qorti Ġenerali, mill-kontenut tal-ittri kontenzjużi fil-każijiet ineżami pjuttost jista’ jiġi dedott li l-għan tal-ittri huwa li jipproduċu effetti legali.

48.      B’dan il-mod, kuntrarjament għall-fehma tal-Kummissjoni, fl-ittri kontenzjużi din ma ssemmiex biss l-obbligi li jirriżultaw direttament mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, l-opinjoni li Stat Membru għandu jassumi r-responsabbiltà għat-telf ta’ riżorsi proprji li seħħ fi Stat Membru ieħor b’tort tal-awtoritajiet tiegħu, anki jekk, oriġinarjament, dan ma kienx responsabbli għall-ġbir ta’ dawn il-fondi, ma tirriżultax direttament mid-dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji iżda minn interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li saret mill-Kummissjoni. U anki l-ammonti dovuti, li jikkorrispondu għad-dejn doganali li oriġinarjament kellu jinġabar mill-Ġermanja, x’aktarx ma kinux jistgħu jistabbilixxuhom l-awtoritajiet Slovakki u Rumeni mingħajr l-ittri tal-Kummissjoni, tal-inqas mhux mingħajr investigazzjonijiet.

49.      Huwa minnu li dan waħdu ma jagħti l-ebda effett legali lill-ittri kontenzjużi. Tabilħaqq, il-Kummissjoni setgħet tikkomunika l-opinjoni tagħha lill-Istati Membri kkonċernati, jiġifieri li dawn kellhom iħallsu l-ammonti inkwistjoni, anki b’mod mhux vinkolanti, sabiex tibda djalogu magħhom bl-għan ta’ eventwali proċedura ta’ ksur sussegwenti.

50.      Iżda għall-Kummissjoni ma kienx biżżejjed li tinforma b’mod mhux vinkolanti lir-Repubblika Slovakka u lir-Rumanija li fl-opinjoni tagħha dawn tal-aħħar kellhom jikkumpensaw it-telf ikkawżat minħabba żbalji tal-awtoritajiet tagħhom. Għall-kuntrarju, hija kkonstatat b’mod vinkolanti s-sitwazzjoni legali fil-konfront tal-Istati Membri inkwistjoni u imponiet ukoll terminu għall-ħlas ibbażat biss fuq l-ittri kontenzjużi u li ma jikkostitwixxi ebda riproduzzjoni pura ta’ konsegwenzi legali inevitabbli ta’ dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-Unjoni.

51.      Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li kienet issostni l-Kummissjoni inizjalment, it-terminu għall-ħlas stabbilit fl-ittri kontenzjużi, li mal-iskadenza tiegħu għandhom ikunu dovuti interessi moratorji, ma jirriżultax mir-Regolament Nru 1150/2000 dwar ir-riżorsi proprji. Huwa minnu li l-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament jipprovdi li ħlas tardiv jagħti lok għal ħlas ta’ interessi li r-rata tagħhom hija stabbilita fir-regolament. Madankollu, it-terminu għall-ħlas, li minnu l-Unjoni tkun intitolata għar-riżorsi u li mal-iskadenza tiegħu jkunu dovuti interessi moratorji, huwa differenti fir-regolament u fl-ittri kontenzjużi. L-Artikolu 10 tar-regolament jiddefinixxi d-data meta l-ammont jiġi akkreditat u għalhekk tal-maturità ta’ riżorsi proprji b’rabta mad-data tal-istabbiliment jew tal-irkupru tal-intitolamenti kkonċernati mill-Istati Membri (34). Min-naħa l-oħra, fl-ittri kontenzjużi l-Kummissjoni tiddefinixxi d-data tal-maturità tal-ammonti mitluba b’rabta mad-data meta ntbagħtu dawn l-ittri (35).

52.      Anki jekk wieħed jassumi l-applikabbiltà – li hawnhekk qed tiġi kkontestata – tar-Regolament Nru 1150/2000 dwar ir-riżorsi proprji, jew jekk wieħed iqis li l-imsemmi regolament japplika b’analoġija, it-terminu għall-ħlas stabbilit fl-ittri kontenzjużi ma jikkorrispondix għal dak stabbilit fir-regolament. U anki li kieku l-intitolamenti invokati mill-Kummissjoni kellhom jiġu kklassifikati bħala delittwali jew kważi delittwali, il-mument tal-maturità tagħhom skont l-ittri kontenzjużi ma jibdiex – kif normalment ikun il-każ – mill-avveniment dannuż, iżda minn mument futur stabbilit f’dawn l-ittri. Dawn huma indikazzjonijiet ċari li l-ittri kontenzjużi jipproduċu effetti legali.

53.      Dan ġie rrikonoxxut ukoll impliċitament mill-Kummissjoni, li meta ġiet mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta stqarret li anki jekk it-terminu għall-ħlas stabbilit fl-ittri kontenzjużi kien differenti minn dak li jinsab fir-Regolament Nru 1150/2000, dak tal-ewwel huwa f’kull każ l-iktar vantaġġuż għall-Istati Membri minn dak tal-aħħar, peress li jibda jiddekorri iktar tard. Madankollu, il-fatt li hija tat lill-Istati Membri terminu għall-ħlas iktar vantaġġuż minn dak stabbilit legalment ma huwiex argument kontra n-natura kostituttiva u mhux purament dikjaratorja tal-ittri kontenzjużi, iżda favuriha.

54.      F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn l-istabbiliment tat-terminu permezz tal-ittri kontenzjużi u dak li jsir permezz tal-hekk imsejħin “notes de débit” (36) li jintbagħtu fil-kuntest ta’ kuntratti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jikkostitwixxux, f’dan il-kuntest, atti kontestabbli fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (37). Huwa minnu li l-kwistjoni dwar kemm dawn in-“notes de débit” jipproduċu effetti legali awtonomi hija kkontestata (38). Madankollu, jidher li huwa relattivament ċar li, f’kull każ, l-istabbiliment tat-terminu għall-ħlas li jirriżulta minnhom ma jipproduċix effetti legali indipendenti mill-intitolamenti kuntrattwali jekk dan l-istabbiliment – kif huwa possibbli wkoll f’kuntratti bejn individwi – iservi biss biex tiġi ssodisfatta kundizzjoni kuntrattwali jew legali stabbilita b’mod ieħor biex isiru dovuti dawn l-intitolamenti kuntrattwali (39).

55.      Min-naħa l-oħra, fil-każ preżenti ma huwiex evidenti sa fejn l-istabbiliment ta’ terminu, li sar permezz tal-ittri kontenzjużi, jista’ jikkostitwixxi biss l-issodisfar ta’ kundizzjoni stabbilita b’mod ieħor sabiex isir dovut intitolament tal-Unjoni fil-konfront tar-Repubblika Slovakka u r-Rumanija. Dan peress li dan l-istabbiliment ta’ terminu la jikkorrispondi ma’ dak għal infurzar tal-intitolamenti ta’ riżorsi proprji (40), u lanqas ma jidher li l-intitolamenti delittwali jew kważi delittwali (41) jistgħu jsiru dovuti permezz ta’ tali stabbiliment ta’ terminu (u mhux permezz tal-avveniment dannuż).

56.      Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, mill-kontenut tal-ittri kontenzjużi wieħed jista’ jikkonkludi li dawn l-ittri jipproduċu effetti legali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkonċentrat ruħha esklużivament fuq l-assenza ta’ setgħa ta’ deċiżjoni tal-istituzzjoni kkonċernata u ma inkludietx il-kontenut tal-ittri kontenzjużi fl-eżami li hija wettqet tan-natura kontestabbli tagħhom.

57.      Minflok ma eżaminat il-kontenut tal-ittri kontenzjużi, sabiex wara dan l-eżami mbagħad tasal għall-konklużjonijiet tagħha rigward in-natura kontestabbli, il-Qorti Ġenerali pproċediet bil-kontra. B’dan il-mod, hija rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-kontenut tal-ittri u partikolarment l-istabbiliment ta’ terminu bil-ġustifikazzjoni li, peress li l-Kummissjoni ma għandhiex il-kompetenza li tieħu deċiżjoni dwar obbligu tal-Istati Membri inkwistjoni li jagħmlu disponibbli l-ammonti mitluba, din lanqas ma setgħet tkun kompetenti sabiex tistabbilixxi terminu għal dan l-għan. Peress li l-ittri kontenzjużi ma setgħux jipproduċu effetti legali fir-rigward tal-obbligu tal-Istati Membri li jagħmlu riżorsi disponibbli, dawn għaldaqstant a fortiori lanqas ma setgħu jipproduċu effetti legali fir-rigward tat-terminu għal tali tqegħid għad-dispożizzjoni (42).

58.      Bħalma jikkonstataw ġustament ir-Repubblika Slovakka u r-Rumanija, jekk jiġi aċċettat approċċ bħal dan ikun hemm il-konsegwenza li, f’każijiet bħal dawk ineżami, il-motiv tan-nuqqas ta’ kompetenza, imsemmi espressament fl-Artikolu 263 TFUE, titneħħilu kull rilevanza u l-atti kkonċernati ma jiġux suġġetti għal stħarriġ tal-legalità peress li biss l-assenza ta’ setgħa ta’ deċiżjoni tal-istituzzjoni awtriċi diġà twassal għall-inammissibbiltà. Għalhekk, l-eżistenza tal-motiv tan-nuqqas ta’ kompetenza tikkonferma a contrario li, f’każijiet fejn att li jkun ġie adottat minn istituzzjoni mingħajr setgħa ta’ deċiżjoni jipproduċi effetti legali, is-setgħa ta’ deċiżjoni ma tistax tkun kriterju essenzjali għall-eżami tan-natura kontestabbli tal-miżura inkwistjoni. Fil-fatt, kif tammetti l-Kummissjoni nnifisha, huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn deċiżjonijiet b’effett legali u atti mingħajr effetti legali anki fil-każ ta’ deċiżjonijiet li jiġu adottati minn istituzzjoni li ma jkollhiex kompetenza. Jekk l-assenza ta’ kompetenza fil-każ ta’ deċiżjoni b’effett legali awtomatikament tirrendiha mhux kontestabbli, dan ma jkunx kompatibbli mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ikun biss fil-każ ta’ atti ultra vires serji bħal tal-Kaptan ta’ Köpenick li l-protezzjoni ġudizzjarja tkun tista’ tiġi limitata għall-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ dawn l-atti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà. Iżda f’dawn il-proċeduri ninsabu ’l bogħod ħafna minn tali ċirkustanzi.

59.      F’dan il-każ, l-eżami msemmi hawn fuq wera li l-ittri kontenzjużi ma humiex atti mingħajr effetti legali iżda deċiżjonijiet li għandhom effetti legali u għaldaqstant miżuri li jistgħu jiġu kkontestati kif speċifikat fl-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk dawn il-miżuri ġewx adottati minn istituzzjoni li ma hijiex kompetenti tista’ tiġi stabbilita biss permezz ta’ stħarriġ tal-legalità tagħhom.

60.      B’konformità mal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, minħabba n-negliġenza tal-aspett essenzjali tal-kontenut tal-ittri kontenzjużi waqt l-eżami tal-effetti legali u għaldaqstant tan-natura kontestabbli ta’ dawn l-ittri, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Dan l-iżball ta’ liġi waħdu diġà jiġġustifika l-annullament tad-digrieti appellati, peress li fuqu hija bbażata l-preżunzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-ittri kontenzjużi ma jikkostitwixxux atti kontestabbli fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

2.      Fuq l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji

a)      Fuq l-assenza ta’ eżami tal-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji

61.      Permezz ta’ argumenti addizzjonali, ir-Repubblika Slovakka u r-Rumanija jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-effetti legali tal-ittri kontenzjużi abbażi tal-assenza ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjonijiet vinkolanti għall-irkupru ta’ riżorsi proprji, mingħajr ma eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar ir-riżorsi proprji kinux effettivament rilevanti. Bħala riżultat, b’dan l-argument l-Istati Membri inkwistjoni jikkritikaw il-fatt li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet separatament dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni u ma rabtithomx mad-deċiżjoni dwar il-fondatezza tar-rikorsi (43).

62.      Barra minn hekk, id-digrieti appellati huma vvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li l-Qorti Ġenerali ma indikatx għalfejn, fil-fehma tagħha, l-ammonti mitluba jikkostitwixxu riżorsi proprji u għalfejn id-dispożizzjonijiet rilevanti kienu applikabbli. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma tat raġuni għalfejn, fil-fehma tagħha, ma kienx neċessarju li d-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tintrabat ma’ dik dwar il-fondatezza.

63.      Anki dawn l-ilmenti tal-appellanti għandhom jintlaqgħu.

64.      Mill-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq dwar l-assenza ta’ eżami tal-kontenut tal-ittri kontenzjużi jirriżulta li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li dawn l-ittri ma jipproduċux effetti legali kienet ibbażata esklużivament fuq l-assenza ta’ setgħa tal-Kummissjoni li tiddeċiedi, permezz ta’ digriet, dwar obbligi tal-Istati Membri li jqiegħdu għad-dispożizzjoni riżorsi proprji.

65.      Minn naħa, kif jilmentaw ġustament l-appellanti, il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali għaldaqstant huma bbażati fuq il-premessa li l-ittri kontenzjużi kellhom jiġu evalwati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex tibbaża l-kunsiderazzjonijiet tagħha fuq premessa bħal din mingħajr ma teżamina, l-ewwel nett, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, li hija kkontestata mill-partijiet. Dan huwa iktar u iktar minnu fid-dawl tal-fatt li r-risposta għal din id-domanda la hija manifesta u lanqas ma tirriżulta b’mod evidenti mid-dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji tal-Unjoni.

66.      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-eżami tal-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji mhux biss kien ikun neċessarju sabiex tiġi vverifikata l-fondatezza tal-intitolamenti invokati fl-ittri kontenzjużi. Għall-kuntrarju, din il-kwistjoni saret rilevanti għall-verifika tan-natura kontestabbli tal-ittri kontenzjużi peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tibbaża ruħha għal dan l-għan fuq l-assenza ta’ kompetenza tal-Kummissjoni biex tadotta deċiżjonijiet dwar l-irkupru ta’ riżorsi proprji.

67.      Dan ifisser li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-evalwazzjoni tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà kienet tiddependi mill-evalwazzjoni tal-motivi invokati fl-ewwel istanza kontra l-ittri kontenzjużi. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha teżamina dawn l-eċċezzjonijiet flimkien mal-kwistjonijiet ta’ dritt sostantiv imqajmin bit-tilwim.

68.      Min-naħa l-oħra, anki l-motivazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali għad-digrieti appellati hija insuffiċjenti. L-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 36 flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jitlobx li l-Qorti Ġenerali tittratta b’mod eżawrjenti u individwali r-raġunamenti kollha artikolati mill-partijiet. Il-motivazzjoni tista’ għaldaqstant tkun ukoll impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lil dawk ikkonċernati jsiru jafu r-raġunijiet għalfejn ittieħdu l-miżuri inkwistjoni u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (44).

69.      Madankollu, id-digrieti appellati ma jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti. L-ewwel nett, mill-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma jistax jiġi dedott jekk din ikklassifikatx l-ammonti mitluba bħala riżorsi proprji u, jekk iva, għalfejn għamlet dan. It-tieni nett, ma huwiex ċar jekk, u għalfejn, il-Qorti Ġenerali assumietx li d-dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji japplikaw direttament, jew jekk qisitx biss li dawn id-dispożizzjonijiet kienu applikabbli b’analoġija. U, fl-aħħar nett, mill-qari tad-digrieti appellati ma jirriżultax għalfejn il-Qorti Ġenerali kienet tal-fehma li setgħet teżamina l-kawżi abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji, mingħajr ma teżamina l-argumenti tal-partijiet dwar in-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa impossibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ b’mod effettiv il-legalità tal-argument tal-Qorti Ġenerali.

b)      Punti speċifiċi fuq id-distinzjoni mill-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

70.      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali lanqas ma setgħet – kif issemma fis-seduta – tibbaża l-inammissibbiltà tar-rikorsi fl-ewwel istanza fuq eventwali kunsiderazzjonijiet “sistemiċi”, li jkunu bbażati fuq id-distinzjoni bejn it-tipi ta’ rikorsi jew in-neċessità li rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE u proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikoli 258 sa 260 TFUE jinżammu separati.

71.      L-ewwel nett, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-intitolamenti kontenzjużi hawnhekk jistgħu jiġu stabbiliti biss fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija min-naħa tagħha bbażata fuq l-assenza ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjonijiet għall-irkupru ta’ riżorsi proprji. Għalhekk, din il-konstatazzjoni wkoll hija bbażata fuq il-preżunzjoni mhux eżaminata u mhux immotivata biżżejjed li l-fatti ta’ dawn il-kawżi għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji.

72.      It-tieni nett, hawnhekk anki kunsiderazzjonijiet “sistemiċi” li huma ffokati fuq kunsiderazzjoni globali tas-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni ma jistgħux jibdlu l-fatt li l-ittri kontenzjużi jissodisfaw il-kundizzjonijiet li għalihom il-ġurisprudenza tissuġġetta l-produzzjoni ta’ effett legali ta’ atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u li għalhekk huma kontestabbli skont l-Artikolu 263 TFUE.

73.      U, it-tielet nett, eżami tal-ammissibbiltà bbażat fuq id-distinzjoni mill-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu xorta waħda ma jwassal imkien fil-kawżi ineżami (45). Dan minħabba li, jekk waqt stħarriġ tal-legalità tal-ittri kontenzjużi jirriżulta li l-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħa li tadotta deċiżjonijiet vinkolanti, il-Kummissjoni xorta waħda jkollha tirreferi għall-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sabiex tkun tista’ tinforza kwalunkwe obbligu tal-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, jekk stħarriġ tal-legalità tal-ittri kontenzjużi jwassal għall-konklużjoni li l-Kummissjoni kellha s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet vinkolanti, imbagħad rikors għal annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet għandu jkun possibbli diġà minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

3.      Konklużjoni intermedja

74.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-digrieti appellati huma bbażati fuq eżami żbaljat tal-ammissibbiltà tar-rikorsi fl-ewwel istanza. Għalhekk, id-digrieti appellati għandhom jiġu annullati.

B.      Fuq ir-rikorsi fl-ewwel istanza

75.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-kawża, jekk hija tkun fi stat li tiġi deċiża.

76.      Dan huwa l-każ hawnhekk.

77.      L-ewwel nett, it-tilwim legali huwa fi stat li jiġi deċiż fir-rigward tan-natura kontestabbli tal-ittri kontenzjużi u għalhekk fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikorsi fl-ewwel istanza.

78.      It-tieni nett, huwa minnu li l-fondatezza ta’ dawn ir-rikorsi ma ġietx eżaminata fl-ewwel istanza u li l-partijiet għadhom ma kellhomx l-opportunità li jiskambjaw l-argumenti kollha f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, il-kawżi għadhom ma humiex fi stat li jiġu deċiżi peress li huwa impossibbli, fl-istadju preżenti, li tittieħed deċiżjoni fuq il-mertu dwar id-drittijiet invokati fl-ittri kontenzjużi. Madankollu, fil-kuntest tal-eżami tal-ittri kontenzjużi jirriżulta li xorta waħda ma huwiex possibbli li tittieħed deċiżjoni dwar il-legalità tagħhom peress li ma humiex immotivati biżżejjed, kif jitlob it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Għaldaqstant, dawn għandhom fi kwalunkwe każ jiġu annullati, mingħajr ma hemm lok li jsir eżami tal-legalità fil-mertu tagħhom (46).

79.      It-tielet u l-aħħar nett, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-appellanti li skontu l-proċeduri preżenti jiżvelaw lakuna fil-protezzjoni ġudizzjarja fis-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni.

1.      Fuq l-ammissibbiltà tar-rikorsi fl-ewwel istanza

a)      Fuq l-effetti legali prodotti mill-ittri kontenzjużi

80.      Mill-eżami tal-appelli li għadni kemm wettaqt jirriżulta li minħabba l-konstatazzjoni legalment vinkolanti tal-obbligi konkreti tar-Repubblika Slovakka u tar-Rumanija u partikolarment minħabba l-istabbiliment ta’ terminu għall-ħlas li jirriżulta minnhom biss, dawn tal-aħħar jipproduċu effetti legali, u dan fil-fatt indipendentement mill-kwistjoni tal-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji (47). Għaldaqstant, jista’ jiġi kkonstatat li dawn l-ittri jikkostitwixxu deċiżjonijiet kontestabbli ta’ istituzzjoni tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi ċċarat jekk l-ammonti mitluba humiex riżorsi proprji u, jekk dan huwa l-każ, sa liema livell, japplikawx direttament jew b’analoġija d-dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji tal-Unjoni.

81.      Barra minn hekk, il-partijiet ippreżentaw osservazzjonijiet dwar il-kwistjoni tal-kontenut tal-ittri kontenzjużi u b’mod partikolari dwar l-evalwazzjoni tat-terminu għall-ħlas stabbilit f’dawn l-ittri – l-ewwel bil-miktub u mbagħad fil-kuntest tas-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (48). Għalhekk, id-dritt tal-partijiet għal smigħ ġie rrispettat u l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq dan il-punt.

82.      Finalment, matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma tressaq ebda argument ġdid li jista’ jqajjem dubji fuq l-effetti legali u għalhekk fuq in-natura kontestabbli tal-ittri kontenzjużi. Fil-fatt, il-Kummissjoni b’mod partikolari sempliċiment tenniet li hija ma kellha l-ebda kompetenza biex tirkupra l-ammonti mitluba.

83.      Jekk l-istqarrija magħmula mill-Kummissjoni waqt is-seduta, li tgħid li abbażi tal-ittri kontenzjużi ma setgħetx tittieħed deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-intitolamenti kkontestati, peress li dan jeħtieġ diskussjoni ulterjuri bejn il-partijiet, għandha tinftiehem fis-sens li l-Kummissjoni tixtieq tikklassifika l-ittri kontenzjużi bħala miżuri intermedji u għalhekk tiċħad in-natura kontestabbli tagħhom, tali argument ma jistax ikollu l-effett mixtieq.

84.      Fil-fatt, huwa minnu li miżuri intermedji intiżi sabiex titħejja deċiżjoni finali u li jesprimu opinjoni provviżorja tal-istituzzjoni awtriċi, fil-prinċipju ma jistgħux ikunu suġġetti għal rikors għal annullament (49). Madankollu, fil-kawżi ineżami ma jeżistux indikazzjonijiet li l-ittri kontenzjużi jesprimu opinjoni provviżorja tal-Kummissjoni, speċjalment fid-dawl tal-fatti li dawn jistabbilixxu l-ammonti mitluba u anki t-terminu għall-ħlas b’mod definittiv. Barra minn hekk, ma huwiex evidenti li l-ittri huma parti minn proċedura li ser tiġi konkluża b’deċiżjonijiet finali ġodda min-naħa tal-Kummissjoni.

b)      Fuq l-argument li l-ittra kontenzjuża fil-Kawża T678/14 hija att konfermattiv

85.      Fir-rigward tal-ittra kontenzjuża, li kronoloġikament kienet l-ewwel waħda indirizzata lir-Repubblika Slovakka fil-15 ta’ Lulju 2014 (50), il-Kummissjoni, fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li qajmet fil-Kawża T‑678/14, sostniet li din kienet tikkostitwixxi biss att konfermattiv. Dan peress li din l-ittra kienet biss ittra sussegwenti għall-ewwel ittra mibgħuta fit-18 ta’ Marzu 2014 (51), li għaliha l-awtoritajiet Slovakki kienu rrispondew b’ittra tas-16 ta’ Mejju 2014 (52).

86.      Din l-oġġezzjoni, madankollu, ma tistax tipprekludi n-natura kontestabbli tal-ittra tal-15 ta’ Lulju 2014.

87.      B’dan il-mod, huwa minnu li att purament konfermattiv ma jistax jiġi kkontestat b’rikors għal annullament. Madankollu, att legali jikkonferma att legali ieħor diġà eżistenti biss jekk dan ma jkun jinkludi l-ebda element ġdid meta mqabbel mal-att eżistenti (53).

88.      Dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-ittra tal-15 ta’ Lulju 2014 meta mqabbla mal-ittra tat-18 ta’ Marzu 2014. Tabilħaqq, kif ir-Repubblika Slovakka tispjega ġustament fl-osservazzjoni tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni fil-Kawża T‑678/14, l-ittra tal-15 ta’ Lulju 2014 tistabbilixxi terminu għall-ħlas differenti minn dak stabbilit fl-ittra tat-18 ta’ Marzu 2014 (54). U kif diġà ġie spjegat iktar ’il fuq, l-istabbiliment ta’ terminu għall-ħlas indipendenti bbażat biss fuq l-ittri kontenzjużi huwa proprju element ċentrali li jipproduċi l-effetti legali ta’ dawn l-ittri (55). Għaldaqstant, l-ittra tal-15 ta’ Lulju 2014 ma hijiex att konfermattiv tal-ittra tat-18 ta’ Marzu 2014.

c)      Konklużjoni intermedja

89.      Fl-aħħar mill-aħħar, ir-rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE huwa kontra t-tliet ittri kontenzjużi kollha kemm huma. Għalhekk, it-tliet rikorsi fl-ewwel istanza huma kollha ammissibbli.

2.      Fuq il-fondatezza tar-rikorsi fl-ewwel istanza

a)      Fuq il-motivazzjoni tal-ittri kontenzjużi

90.      Kemm fil-kuntest tal-proċeduri fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest tal-proċeduri tal-appell kien hemm diskussjonijiet fit-tul dwar jekk l-ittri kontenzjużi jistgħux jipproduċu effetti legali fid-dawl tal-(assenza ta’) kompetenza tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjonijiet għall-irkupru tal-krediti mitluba.

91.      Fil-fatt, fl-ittri kontenzjużi nnifishom il-Kummissjoni ma indikat l-ebda bażi legali li tagħtiha s-setgħa tadotta deċiżjonijiet li jeżiġu li l-Istati Membri jħallsu l-ammonti mitluba. F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn il-bażi ta’ awtorizzazzjoni għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet vinkolanti li l-iskop tagħhom huwa l-irkupru tal-ammonti u l-bażi tat-talba sabiex l-Istati Membri kkonċernati jiġu obbligati jagħmlu dawn l-ammonti disponibbli. Dan għaliex fl-ittri kontenzjużi l-Kummissjoni effettivament irreferiet għal din tal-aħħar meta sostniet li l-obbligu tar-Repubblika Slovakka u tar-Rumanija li jikkumpensaw it-telf inkors fil-baġit tal-Unjoni minħabba l-iżbalji tal-awtoritajiet tagħhom jirriżulta mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u min-neċessità li jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni.

92.      Il-fatt li, min-naħa l-oħra, hija nieqsa l-indikazzjoni ta’ bażi għall-awtorizzazzjoni għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet għall-irkupru tal-ammonti mitluba, jaf jagħmel sens inizjalment mill-perspettiva tal-argument tal-Kummissjoni. Dan għaliex din xorta waħda hija tal-fehma li l-ittri kontenzjużi ma jistgħux jipproduċu effetti legali minħabba l-assenza ta’ kompetenza li tadotta deċiżjonijiet vinkolanti. Madankollu, kif diġà sostnejt iktar ’il fuq, din il-perspettiva ma hijiex iġġustifikata peress li, minħabba l-kontenut tagħhom, l-ittri kontenzjużi tassew jipproduċu effetti legali.

93.      Jekk din kinitx l-intenzjoni oriġinali jew jekk, b’mod partikolari, il-formulazzjoni tal-istabbiliment tat-terminu fl-ittri kontenzjużi – kif affermat il-Kummissjoni fis-seduta – hijiex dovuta għal żball, jista’ jibqa’ bla risposta hawnhekk. Huwa minnu li waqt l-evalwazzjoni tal-effetti legali tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni wieħed għandu jieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-intenzjoni tal-awtur tagħhom (56). Madankollu, tali intenzjoni għandha tirriżulta mill-miżura kkonċernata stess u ma tistax tiġi spjegata biss fil-proċedura ġudizzjarja sussegwenti. Iżda fil-kawżi ineżami ma jistax jiġi dedott mill-ittri kontenzjużi li dawn huma talbiet mhux vinkolanti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet. Għall-kuntrarju, l-ittri jipproduċu effetti legali mhux l-inqas permezz tal-istabbiliment ta’ terminu għall-ħlas vinkolanti. Għaldaqstant, huma kkonċernati deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni kellha tindika l-bażi legali li tagħtiha s-setgħa titlob il-ħlas tal-ammonti mitluba b’mod vinkolanti.

94.      Fil-fatt, l-ommissjoni ta’ riferiment għal bażi legali tista’ tkun żball mhux sinjifikattiv biss jekk il-bażi legali ta’ att tkun tista’ tiġi ddeterminata abbażi ta’ elementi oħrajn tal-imsemmi att, b’mod ċar u mingħajr diffikultajiet. Madankollu, riferiment espliċitu bħal dan ikun meħtieġ meta fin-nuqqas tiegħu l-partijiet ikkonċernati u l-Qorti tal-Ġustizzja jitħallew fl-inċertezza fir-rigward tal-bażi legali preċiża (57). Proprju dan huwa l-każ hawnhekk: kif jixhdu d-diskussjonijiet intensivi bejn il-partijiet fir-rigward tal-kompetenza tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjonijiet għall-irkupru tal-ammonti mitluba, fil-fatt ma jirriżultax b’mod ċar minn partijiet tal-ittri kontenzjużi fuq liema bażi ta’ kompetenza bbażat ruħha l-Kummissjoni meta talbet lill-partijiet iħallsu dawn l-ammonti fil-kuntest ta’ deċiżjoni vinkolanti.

95.      Jekk l-istabbiliment definittiv ta’ obbligu ta’ ħlas u l-indikazzjoni ta’ terminu għall-pagament vinkolanti fl-ittri kontenzjużi verament huma dovuti għal żball min-naħa tal-Kummissjoni, minħabba li din fil-verità riedet tibgħat biss opinjonijiet mhux vinkolanti, dan ifisser ukoll li l-motivazzjoni insuffiċjenti ta’ dawn l-ittri wkoll hija responsabbli għal dan l-iżball. Tabilħaqq, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE jservi wkoll sabiex l-awtorità amministrattiva tikkontrolla lilha nnifisha u għaldaqstant sabiex l-istituzzjoni awtriċi tivverifika bir-reqqa l-prerekwiżiti għall-adozzjoni ta’ miżura (58). Għalhekk, li kieku l-Kummissjoni osservat dan l-obbligu suffiċjentement, din kienet tirrealizza, sa mill-abbozzar tal-ittri kontenzjużi, li hija kellha tindika bażi legali għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet vinkolanti jew kien ikollha toqgħod lura mill-istabbiliment ta’ obbligu vinkolanti ta’ ħlas flimkien ma’ terminu għall-ħlas.

96.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-ittri kontenzjużi huma vvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni li jagħmilha impossibbli li tiġi eżaminata l-legalità tagħhom fil-mertu u li jitlob l-annullament tagħhom. Fir-rikorsi fl-ewwel istanza diġà ġie invokat ilment dwar motivazzjoni insuffiċjenti tal-ittri kontenzjużi u l-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, xorta waħda tista’ tikkonstata nuqqas ta’ motivazzjoni ex officio (59), bil-kundizzjoni li jiġi osservat il-prinċipju ta’ kontradittorju (60). F’dan ir-rigward, il-partijiet, minkejja l-assenza ta’ eżami tal-fondatezza tar-rikorsi fl-ewwel istanza, kellhom biżżejjed opportunitajiet sabiex jesprimu ruħhom dwar il-motivazzjoni tal-ittri kontenzjużi, b’mod partikolari fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, dawn l-ittri għandhom jiġu annullati minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni.

b)      Fuq il-legalità tal-ittri kontenzjużi

97.      Jekk, għall-kuntrarju tal-opinjoni rrappreżentata hawnhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tal-fehma li l-ittri kontenzjużi huma mmotivati biżżejjed u għalhekk għandhom jiġu eżaminati rigward il-mertu tagħhom, din ikollha tirrinvija l-kawżi lill-Qorti Ġenerali sabiex tittieħed deċiżjoni.

98.      Fil-fatt, huwa minnu li taħt ċerti kundizzjonijiet ikun possibbli li tittieħed deċiżjoni fuq il-mertu ta’ rikors minkejja li l-proċedura fl-ewwel istanza kienet limitata għal eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà milqugħa mill-Qorti Ġenerali. Dan jista’ jkun il-każ, minn naħa, meta l-annullament tas-sentenza jew tad-digriet appellati neċessarjament ikun jimplika soluzzjoni speċifika rigward il-mertu tar-rikors inkwistjoni jew, min-naħa l-oħra, meta l-eżami tal-mertu tar-rikors għal annullament jistrieħ fuq argumenti skambjati mill-partijiet fil-kuntest tal-appell wara raġunament tal-Qorti Ġenerali (61).

99.      Iżda dawn il-kundizzjonijiet ma humiex preżenti hawnhekk. Fil-fatt, minn naħa, l-annullament tad-digrieti appellati huwa bbażat esklużivament fuq eżami żbaljat tal-ammissibbiltà min-naħa tal-Qorti Ġenerali, hekk li ma huwiex neċessarjament marbut ma’ soluzzjoni speċifika dwar il-mertu tar-rikorsi fl-ewwel istanza, li partikolarment jikkontestaw l-eżistenza tal-intitolamenti invokati fl-ittri kontenzjużi. Barra minn hekk, l-annullament tad-digrieti appellati lanqas ma huwa marbut ma’ deċiżjoni fuq il-mertu tal-kompetenza tal-Kummissjoni li tadotta d-deċiżjonijiet kontenzjużi. Fil-fatt, qed jiġi kkonstatat biss li fl-eżami tal-effetti legali tagħhom il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni biss in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u ma setgħetx tibbaża ruħha fuq dispożizzjonijiet li l-applikabbiltà tagħhom kienet ikkontestata. Min-naħa l-oħra, għadha miftuħa l-kwistjoni dwar liema dispożizzjonijiet kienu rilevanti u jekk il-Kummissjoni kellhiex is-setgħa tadotta d-deċiżjonijiet kontenzjużi abbażi tagħhom.

100. Min-naħa l-oħra, eżami tal-mertu tar-rikorsi fl-ewwel istanza fil-kuntest tal-proċeduri ineżami lanqas ma jkun ibbażat fuq argumenti li ġew skambjati bejn il-partijiet. Dan għaliex la l-iskambji bil-miktub u lanqas dawk orali ma ttrattaw suffiċjentement il-kwistjonijiet tal-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji tal-Unjoni u tal-fondatezza tal-intitolamenti invokati fl-ittri kontenzjużi.

3.      Fuq il-problema tal-assenza ta’ protezzjoni ġudizzjarja f’sitwazzjonijiet bħal dawk ta’ dawn il-kawżi

101. L-eżami li sar tal-appelli u tar-rikorsi fl-ewwel istanza juri l-problema li diġà ġiet deskritta fil-bidu: huwa minnu li d-digrieti appellati tal-Qorti Ġenerali għandhom jiġu annullati u r-rikorsi fl-ewwel istanza għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli. Madankollu, dan ma jwassalx għall-kjarifika mitluba b’mod enfatiku mill-Istati Membri kkonċernati tal-kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri għandhomx jagħmlu tajjeb għat-telf tar-riżorsi proprji f’sitwazzjonijiet bħal dawn jew le.

102. Dan ma huwiex dovut biss għall-fatt li l-ittri kontenzjużi għandhom jiġu annullati diġà minħabba n-nuqqas ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, b’dan il-mod il-ballun ser jitqassam lura lill-Kummissjoni li issa teoretikament għandha l-possibbiltà teżamina jekk teżistix bażi legali li tagħtiha s-setgħa tinforza, permezz ta’ deċiżjonijiet vinkolanti, l-obbligu tal-Istati Membri sabiex jikkumpensaw it-telf tar-riżorsi proprji. Jekk din issib tali bażi legali, hija tkun tista’ tadotta mill-ġdid id-deċiżjonijiet annullati, din id-darba b’motivazzjoni suffiċjenti.

103. Madankollu, fid-dawl tal-argument tal-Kummissjoni kif ukoll tal-fatt li għall-inqas fl-istadju preżenti ma jidher li hemm l-ebda bażi ta’ awtorizzazzjoni, jidher li huwa iktar probabbli li, anki fil-każ tal-eżami mill-ġdid, il-Kummissjoni mill-ġdid terġa’ tasal għall-konklużjoni li hija ma għandhiex il-kompetenza li tobbliga lill-Istati Membri, permezz ta’ deċiżjoni, sabiex josservaw obbligi ta’ ħlas bħal dawk ikkontestati f’dawn iż-żewġ kawżi. Tabilħaqq, minħabba l-assenza ta’ bażi ġenerali ta’ awtorizzazzjoni għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet fil-konfront tal-Istati Membri u minħabba l-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi skont l-Artikoli 4 u 5 TUE, il-Kummissjoni, jekk ma jkollhiex kompetenza speċjali għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet, għandha tirrikorri għall-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE sabiex tinforza obbligi eżistenti taħt id-dritt tal-Unjoni fil-konfront tal-Istati Membri.

104. Madankollu, din hija proprju l-problema li għaliha l-Istati Membri kkonċernati hawnhekk qegħdin jitolbu soluzzjoni b’urġenza: fil-fatt, sakemm il-Kummissjoni ma tibdiex proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-Istati Membri ma għandhom l-ebda possibbiltà li jiksbu ċarezza legali dwar l-obbligi tagħhom, iżda jridu jġorru riskju sinjifikattiv ta’ interessi.

105. Kif l-Istati Membri kkonċernati spjegaw ukoll, parzjalment fuq il-bażi ta’ esperjenzi passati, lanqas il-possibbiltà li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni riżorsi b’mod provviżorju u taħt il-kundizzjoni tal-fondatezza tat-talba ma hija adattata sabiex tirrimedja din il-problema. Huwa minnu li dan l-approċċ jipprevjeni ħlasijiet ta’ interessi sussegwenti jekk jirriżulta li t-talbiet tal-Kummissjoni huma ġġustifikati. Madankollu, anki wara li jkunu għamlu r-riżorsi fid-dispożizzjoni provviżorja tal-Kummissjoni, l-Istati Membri xorta ma għandhom l-ebda possibbiltà jiksbu eżami dwar il-fondatezza tat-talbiet. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma jkun fadlilha l-ebda inċentiv sabiex tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

106. Huwa minnu li waqt is-seduta l-Kummissjoni nnifisha indikat li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, f’sitwazzjoni bħal din hija jaf ikollha tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sabiex tikkjarifika s-sitwazzjoni legali. Madankollu, din l-opinjoni ma għandha l-ebda bażi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li sa issa tħalli fid-diskrezzjoni tal-Kummissjoni biex tiddeċiedi jekk tibdiex jew tkomplix proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

107. B’din il-problema quddiemha, il-Kummissjoni sostniet li din tista’ tissolva billi l-Istati Membri sempliċement ireġġgħu lura r-riżorsi magħmula disponibbli b’mod kundizzjonali, jekk wara ċertu żmien il-Kummissjoni tkun għadha ma introduċietx proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Madankollu, skont l-indikazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tali treġġiegħ lura jkun suġġett għall-kunsens tal-Kummissjoni. Jekk dan ikun minnu, ir-rifjut ta’ tali kunsens mill-Kummissjoni jista’ jiġi interpretat bħala att li kontrih jista’ jiġi ppreżentat rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, u dan jista’ jwassal sabiex jiġi ċċarat l-intitolament fil-mertu. Għall-kuntrarju tal-preżunzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, anki rifjut pur u sempliċi min-naħa tal-Kummissjoni li tirrimborsa l-ammonti mħallsa b’mod kundizzjonali x’aktarx ikun ukoll jikkostitwixxi att kontestabbli skont l-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, huwa diffiċli li tali rifjut jiġi miċħud effetti legali konkreti (62).

108. U, fl-aħħar nett, ikun konċepibbli wkoll li l-Istati Membri, wara li jkunu għamlu disponibbli riżorsi lill-Kummissjoni b’mod kundizzjonali, jiksbu kjarifika dwar il-kwistjoni tal-intitolament sostantiv tal-Kummissjoni għal dawn ir-riżorsi fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens għad-danni skont l-Artikolu 268 TFUE. Fil-fatt, minħabba t-tqegħid għal disponibbiltà tar-riżorsi, l-Istati Membri jkunu qegħdin isostnu telf fil-likwidità li jistgħu jinvokaw fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens għad-danni. Barra minn hekk, jidher ukoll possibbli li l-Istati Membri jinvokaw dritt li jirriżulta minn arrikiment indebitu li jista’ jsir taħt l-Artikolu 268 u l-Artikolu 340(2) TFUE (63). Madankollu, sabiex tingħata deċiżjoni dwar tali dritt għall-kumpens għad-danni jew dritt li jirriżulta minn arrikkiment indebitu, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett ikollha teżamina jekk il-Kummissjoni kinitx intitolata għar-riżorsi magħmula disponibbli jew jekk l-Istati Membri kinux obbligati jħallsu dawn ir-riżorsi fil-baġit tal-Unjoni. Għaldaqstant, ir-rikors għal kumpens għad-danni, permezz tal-funzjoni dikjaratorja tiegħu, jista’ jgħin lill-Istati Membri jiksbu protezzjoni ġudizzjarja effettiva sabiex jiġu ċċarati l-obbligi ta’ ħlas tagħhom fil-konfront tal-Kummissjoni (64).

109. Huwa minnu li fil-kuntest tas-soluzzjonijiet iddelineati fl-aħħar żewġ punti, il-Qorti Ġenerali jkollha tiddeċiedi dwar obbligi tal-Istati Membri li wkoll jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Minkejja dan, id-deċiżjonijiet li jkollha tieħu l-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ dawn is-soluzzjonijiet ma jkunux f’kunflitt mal-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar tali proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (65). Tabilħaqq, sakemm ma tkun pendenti ebda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tal-obbligi ta’ ħlas rispettivi, lanqas ma jkun hemm ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tista’ tiġi ppreġudikata.

C.      Sommarju

110. Peress li kemm l-appelli kif ukoll ir-rikorsi fl-ewwel istanza huma fondati, kemm id-digrieti appellati tal-Qorti Ġenerali kif ukoll l-ittri kontenzjużi tal-Kummissjoni għandhom jiġu annullati.

VI.    Spejjeż

111. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-imsemmija qorti taqta’ l-kawża b’mod definittiv hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

112. L-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, jipprevedi li l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

113. Peress li fil-kawżi ineżami l-Kummissjoni tilfet fiż-żewġ istanzi, din għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi skont it-talbiet tal-appellanti.

114. Skont l-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li l-partijiet intervenjenti fl-ewwel istanza għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom meta dawn ikunu pparteċipaw fil-proċedura tal-appell. Għaldaqstant, l-Istati Membri li intervjenew insostenn tal-appellanti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom marbuta mal-proċedura tal-appell. L-istess konstatazzjoni tirriżulta mill-Artikolu 140(1) flimkien mal-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura għall-ispejjeż ta’ dawn l-Istati Membri li qamu fl-ewwel istanza.

115. Għaldaqstant, fil-kawżi ineżami, ir-Repubblika Slovakka u r-Rumanija, sa fejn dawn intervjenew insostenn waħda tal-oħra fil-proċeduri differenti, kif ukoll ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka, għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom fiż-żewġ istanzi.

VII. Konklużjoni

116. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej fil-Kawżi Magħquda C‑593/15 P u C‑594/15 P:

1)      Id-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2015 fil-kawżi Is-Slovakkja vs Il-Kummissjoni (T‑678/14, EU:T:2015:661, u T‑779/14, EU:T:2015:655) huma annullati.

2)      Id-deċiżjonijiet inklużi fl-ittri tal-Kummissjoni Ewropea tal-15 ta’ Lulju 2014 (BUDG/B/3/MV D[2014] 2351197) u tal-24 ta’ Settembru 2014 (BUDG/B/3/MV D[2014] 3139078) huma annullati.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha u għal dawk tar-Repubblika Slovakka fiż-żewġ istanzi.

4)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Rumanija huma kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom fiż-żewġ istanzi.

117. Barra minn hekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej fil-Kawża C‑599/15 P:

1)      Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2015 fil-kawża Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni (T‑784/14, EU:T:2015:659) huwa annullat.

2)      Id-deċiżjoni inkluża fl-ittra tal-Kummissjoni Ewropea tad-19 ta’ Settembru 2014 (BUDG/B/3/MV D[2014] 3079038) hija annullata.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha u għal dawk tar-Rumanija fiż-żewġ istanzi.

4)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika Ċeka huma kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom fiż-żewġ istanzi.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Ara, rigward l-azzjoni dikjaratorja fil-kuntest tal-Artikolu 272 TFUE, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Planet vs Il-Kummissjoni (C‑564/13 P, EU:C:2014:2352, punti 18 et seq), kif ukoll is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Planet vs Il-Kummissjoni (C‑564/13 P, EU:C:2015:124, punt 26).


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 200.


4      ĠU 2007, L 163, p. 17.


5      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169.


6      ĠU 2006, L 153M, p. 162.


7      ĠU 2009, L 36, p. 1.


8      Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).


9      Skont l-Artikolu 4(19) tar-Regolament Nru 2913/92, il-preżentazzjoni fid-dwana “tfisser in-notifika lill-awtoritajiet doganali, bil-mod stipulat, tal-wasla ta’ merkanzija fl-uffiċċju doganali jew f’kull post ieħor indikat jew approvat mill-awtoritajiet doganali”.


10      New Computerized Transit System.


11      Nru BUDG/B/3/MV D(2014) 2351197, Anness Nru 2 tal-appell fil-Kawża C‑593/15 P.


12      Nru BUDG/B/3/MV D(2014) 3139078, Anness Nru 2 tal-appell fil-Kawża C‑594/15 P.


13      Nru BUDG/B/3/MV D(2014) 3079038, Anness Nru 1 tar-rikors fil-proċedura fl-ewwel istanza fil-Kawża C‑599/15 P.


14      B’mod partikolari mill-punt 44 tas-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010 fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑334/08, EU:C:2010:414).


15      Skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.


16      Digrieti Is-Slovakkja vs Il-Kummissjoni (T‑678/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:661), Is-Slovakkja vs Il-Kummissjoni (T‑779/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:655), u Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni (T‑784/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:659).


17      Skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Marzu 2015 li sadanittant daħlu fis-seħħ.


18      Digriet appellat fil-Kawża T‑678/14, punti 27 sa 40 u 43 sa 46; id-digriet appellat fil-Kawża T‑779/14, punti 26 sa 39 u 42 sa 45, kif ukoll id-digriet appellat fil-Kawża T‑784/14, punti 23 sa 36 u 39 sa 42.


19      Digriet appellat fil-Kawża T‑678/14, punti 41, 42, 47 u 48; id-digriet appellat fil-Kawża T‑779/14, punti 40, 41, 46 u 47, kif ukoll id-digriet appellat fil-Kawża T‑784/14, punti 37, 38, 43 u 44.


20      Digriet appellat fil-Kawża T‑678/14, punti 50 sa 59; id-digriet appellat fil-Kawża T‑779/14, punti 49 sa 58, kif ukoll id-digriet appellat fil-Kawża T‑784/14, punti 46 sa 56.


21      Ġurisprudenza stabbilita sa mis-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264, punt 9).


22      Digriet tat-13 ta’ Ġunju 1991, Sunzest vs Il-Kummissjoni (C‑50/90, EU:C:1991:253, punt 12), kif ukoll is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni (C‑68/94 u C‑30/95, EU:C:1998:148, punt 63), u tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni (C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 58); ara wkoll id-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Marzu 2012, Octapharma Pharmazeutika vs EMA (T‑573/10, mhux ippubblikat, EU:T:2012:114, punt 30).


23      Ara, pereżempju, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 1980, Sucrimex u Westzucker vs Il-Kummissjoni (133/79, EU:C:1980:104, punt 16); id-digrieti tas-17 ta’ Mejju 1989, L-Italja vs Il-Kummissjoni (151/88, EU:C:1989:201, punt 22), tat-13 ta’ Ġunju 1991, Sunzest vs Il-Kummissjoni (C‑50/90, EU:C:1991:253, punt 13), u tas-27 ta’ Jannar 1993, Miethke vs Il-Parlament (C‑25/92, EU:C:1993:32, punti 15 u 16), kif ukoll is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑301/03, EU:C:2005:727, punt 28); ara wkoll id-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Frar 2010, Il-Kummissjoni vs CdT (T‑456/07, EU:T:2010:39, punti 59 et seq), u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2011, L-Italja vs Il-KESE (T‑117/08, EU:T:2011:131, punt 32). Rigward l-attribuzzjoni ta’ att, ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 2010, Agapiou Joséphidès vs Il-Kummissjoni u EACEA (T‑439/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:442, punti 34 et seq).


24      Ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni (C‑31/13 P, EU:C:2014:70, punt 55): “l-effetti legali vinkolanti ta’ att għandhom jiġu evalwati skont kriterji oġġettivi bħall-kontenut ta’ dan l-att, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar, kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni awtriċi” (enfasi miżjuda minni).


25      Għal teħid inkunsiderazzjoni determinanti tal-kompetenza tal-istituzzjoni inkwistjoni b’rabta mas-suġġett tal-att ikkontestat ara, pereżempju, id-digriet tas-27 ta’ Jannar 1993, Miethke vs Il-Parlament (C‑25/92, EU:C:1993:32, punti 13 et seq); għal teħid inkunsiderazzjoni tas-setgħat ta’ deċiżjoni wara l-eżami ta’ kriterji varji oħrajn ara, pereżempju, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑301/03, EU:C:2005:727, punti 19 et seq).


26      Ara, pereżempju, id-digriet tas-17 ta’ Mejju 1989, L-Italja vs Il-Kummissjoni (151/88, EU:C:1989:201, punti 22 u 23); ara wkoll, b’mod ċar, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2011, L-Italja vs Il-KESE (T‑117/08, EU:T:2011:131, punt 32).


27      Ara d-digriet appellat fil-Kawża T‑678/14, punti 27 sa 34 u 43; id-digriet appellat fil-Kawża T‑779/14, punti 26 sa 33 u 42, kif ukoll id-digriet appellat fil-Kawża T‑784/14, punti 23 sa 30 u 39.


28      Ara d-digriet appellat fil-Kawża T‑678/14, punti 35 sa 37 u 43; id-digriet appellat fil-Kawża T‑779/14, punti 34 sa 36 u 42, kif ukoll id-digriet appellat fil-Kawża T‑784/14, punti 31 sa 33 u 39.


29      Ara d-digriet appellat fil-Kawża T‑678/14, punti 38 sa 40, 45 sa 47; id-digriet appellat fil-Kawża T‑779/14, punti 37 sa 39, 44 sa 46, kif ukoll id-digriet appellat fil-Kawża T‑784/14, punti 34 sa 36, 41 sa 43.


30      Ara d-digriet appellat fil-Kawża T‑678/14, punti 41, 42 u 48; id-digriet appellat fil-Kawża T‑779/14, punti 40, 41 u 47, kif ukoll id-digriet appellat fil-Kawża T‑784/14, punti 37, 38 u 44.


31      Ara d-digrieti tas-17 ta’ Mejju 1989, L-Italja vs Il-Kummissjoni (151/88, EU:C:1989:201, punt 22), u tat-13 ta’ Ġunju 1991, Sunzest vs Il-Kummissjoni (C‑50/90, EU:C:1991:253, punt 13).


32      Ara d-digrieti tas-17 ta’ Mejju 1989, L-Italja vs Il-Kummissjoni (151/88, EU:C:1989:201, punti 22 u 23), u tat-13 ta’ Ġunju 1991, Sunzest vs Il-Kummissjoni (C‑50/90, EU:C:1991:253, punti 5 u 13).


33      Ara b’mod partikolari d-digriet appellat fil-Kawża T‑678/14, punt 10; id-digriet appellat fil-Kawża T‑779/14, punt 10, kif ukoll id-digriet appellat fil-Kawża T‑784/14, punt 7.


34      Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1150/2000, ir-riżorsi proprji għandhom jiġu akkreditati mhux iktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara d-19-il jum tat-tieni xahar li jsegwi x-xahar li fih ikun ġie stabbilit l-intitolament skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, jiġifieri wara d-dħul fil-kontijiet għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet doganali, jew, għall-intitolamenti murija f’kontijiet separati taħt l-Artikolu 6(3)(b) tal-imsemmi regolament, mhux iktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara d-19-il jum tat-tieni xahar li jsegwi x-xahar li fih l-ammonti korrispondenti għall-intitolamenti ġew irkuprati; ara d-dispożizzjonijiet korrispondenti fil-punti 16, 17 u 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35      L-ittri kontenzjużi jiddefinixxu l-mument tal-maturità għall-ammonti mitluba bħala l-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara li jkunu ntbagħtu l-ittri.


36      Għal finijiet ta’ fehim aħjar, intuża t-terminu bil-Franċiż: it-talbiet għall-ħlas tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li bil-Franċiż jgħidulhom “notes de débit”, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bil-Malti ħafna drabi huma deskritti bħala “noti ta’ debitu” (ara pereżempju s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni, C‑506/13 P, EU:C:2015:562); ara wkoll l-Artikoli 80(3), 83(3), 88(1) u 93(1) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1).


37      Ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni (C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punti 23 sa 25), kif ukoll id-digriet tad-29 ta’ Settembru 2016, Investigación y Desarrollo en Soluciones y Servicios IT vs Il-Kummissjoni (C‑102/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:737, punti 53 sa 61).


38      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni (C‑506/13 P, EU:C:2015:110, punti 46 et seq).


39      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni (C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punti 45 et seq), kif ukoll il-konkluzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni (C‑506/13 P, EU:C:2015:110, punti 105, 106 kif ukoll 112 sa 115).


40      Ara l-punti 51 u 52 iktar ’il fuq.


41      Ara l-punt 52 iktar ’il fuq.


42      Ara d-digriet appellat fil-Kawża T‑678/14, punti 50 sa 53, id-digriet appellat fil-Kawża T‑779/14, punti 49 sa 52, kif ukoll id-digriet appellat fil-Kawża T‑784/14, punti 46 sa 49.


43      Ir-Rumanija tibbaża l-argument tagħha f’dan ir-rigward espressament fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà [Artikolu 130(7) u (8) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Marzu 2015]. Bl-argument tagħha, ir-Repubblika Slovakka wkoll tilmenta li l-Qorti Ġenerali kellha torbot l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mad-deċiżjoni dwar il-mertu għaliex ma setgħetx tikkwalifika l-ammonti mitluba “mill-bidu nett” (“d’emblée”) bħala riżorsi proprji mingħajr ma teżamina l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet rilevanti (ara l-punti 19 u 23 tal-appell fil-Kawża C‑593/15 P).


44      Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1998, Il-Kunsill vs De Nil u Impens (C‑259/96 P, EU:C:1998:224, punti 32 u 33), tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 82), kif ukoll tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs McBride et (C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punt 61).


45      Ara, għal eżami tal-ammissibbiltà bbażat fuq ir-relazzjoni bejn tipi ta’ rikorsi differenti f’sitwazzjoni differenti, li ma tistax tiġi trasposta għal din il-kawża, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni (C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 19).


46      Barra minn hekk, minkejja li, formalment, fir-rikorsi tagħha, hija titlob biss li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi hija nnifisha fuq l-ammissibbiltà tar-rikorsi fl-ewwel istanza u li tirrinvija l-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-fondatezza ta’ dawn ir-rikorsi, ir-Repubblika Slovakka lanqas ma indikat raġunijiet fis-sens tal-Artikolu 170(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalfejn it-tilwima ma hijiex fi stat li tiġi deċiża fir-rigward tal-kwistjoni ta’ motivazzjoni insuffiċjenti tal-ittri kontenzjużi.


47      Ara l-punti preċedenti 50 sa 56.


48      Ara wkoll il-punt 53 iktar ’il fuq.


49      Ara s-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punti 50 sa 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


50      Nru BUDG/B/3/MV D(2014) 2351197; Anness Nru 2 tal-appell fil-Kawża C‑593/15 P.


51      Nru BUDG/B/3/MV D(2014) 777983; Anness Nru 20 tar-rikors fil-Kawża T‑678/14.


52      Nru 1400100/1/230330/2014; Anness Nru 21 tar-rikors fil-Kawża T‑678/14.


53      Sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep (C‑224/12 P, EU:C:2014:213, punt 69, u l-ġurisprudenza ċċitata).


54      Peress li ż-żewġ ittri jiddefinixxu t-terminu għall-ħlas bħala l-ewwel jum tax-xogħol li jsegwi d-19-il jum tat-tieni xahar wara li jkunu ntbagħtu, dawn konsegwentement jistabbilixxu terminu differenti.


55      Ara l-punti preċedenti 50 sa 56.


56      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Le Pen vs Il-Parlament (C‑208/03 P, EU:C:2005:429, punt 46).


57      Ara s-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (45/86, EU:C:1987:163, punt 9), tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 56), u tal-1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill (C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 66).


58      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:32, punti 29 u 30), u LS Customs Services (C‑46/16, EU:C:2017:247, punti 82 u 83).


59      Ara s-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67), u tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 34).


60      Ara s-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 54), u tat-3 ta’ Diċembru 2015, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑280/14 P, EU:C:2015:792, punt 24).


61      Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2009, Eżami mill-ġdid M vs EMEA (C‑197/09 RX‑II, EU:C:2009:804, punt 30).


62      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 1982, Deutschland u Bundesanstalt für Arbeit vs Il-Kummissjoni (44/81, EU:C:1982:197, punt 6).


63      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punti 44 sa 50).


64      Ara, rigward kunsiderazzjoni simili, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 58).


65      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑292/11 P, EU:C:2014:3, punt 54).