Language of document : ECLI:EU:C:2017:800

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

25 ta’ Ottubru 2017 (*)

“Appell – Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Deċiżjoni 2007/436/KE – Responsabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri – Telf ta’ ċerti dazji fuq l-importazzjoni – Obbligu li jitħallas lill-Kummissjoni Ewropea l-ammont li jikkorrispondi għat-telf – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Ittra tal-Kummissjoni Ewropea – Kunċett ta’ ‘att li jista’ jiġi kkontestat’”

Fil-Kawżi magħquda C‑593/15 P u C‑594/15 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fit-13 ta’ Novembru 2015,

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn B. Ricziová, bħala aġent,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil u T. Müller, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u K. Stranz, bħala aġenti,

Ir-Rumanija, irrappreżentata minn R.‑H. Radu kif ukoll minn M. Chicu u A. Wellman, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

il-parti l-oħra fil-proċedura:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Caeiros, A. Tokár u G.-D. Balan kif ukoll minn Z. Malůšková, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, E. Juhász, K. Jürimäe (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Marzu 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli tagħha, ir-Repubblika Slovakka titlob l-annullament tad-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta’ Settembru 2015, Is-Slovakkja vs Il-Kummissjoni (T-678/14, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem l-“ewwel digriet appellat”, EU:T:2015:661), u Is-Slovakkja vs Il-Kummissjoni (T‑779/14, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem it-“tieni digriet appellat” EU:T:2015:655) (iktar ’il quddiem flimkien, id-“digrieti appellati”), li permezz tagħhom hija ċaħdet bħala inammissibbli r-rikorsi tagħha intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet tad-Direttorat Ġenerali tal-Baġit tal-Kummissjoni Ewropea allegatament inklużi fl-ittra BUDG/B/03MV D (2014) 2351197, tal-15 ta’ Lulju 2014 (iktar ’il quddiem l-“ewwel ittra kontenzjuża”), u fl-ittra BUDG/B/03MV D (2014) 3139078, tal-24 ta’ Settembru 2014 (iktar ’il quddiem it-“tieni ittra kontenzjuża”) (iktar ’il quddiem flimkien, l-“ittri kontenzjużi”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom, tas-7 ta’ Ġunju 2007, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2007, L 163, p. 17), tħassar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom, tad-29 ta’ Settembru 2000, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 200).

3        Skont l-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni 2000/597 u l-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2007/436, id-dħul li ġej, b’mod partikolari, mid-“dazji tat-Tariffa Doganali Komuni u dazji oħrajn stabbiliti jew li għandhom jiġu stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] fir-rigward tal-kummerċ ma’ pajjiżi mhux membri” (iktar ’il quddiem ir-“riżorsi proprji”) jikkostitwixxu riżorsi proprji mdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

4        Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436 (ĠU L 153M p. 162), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 105/2009, tas-26 ta’ Jannar 2009 (ĠU 2009, L 36, p. 1, iktar ‘il quddiem ir-“Regolament Nru 1150/2000”), intitolament tal-Unjoni fuq ir-riżorsi proprji għandu jkun stabbilit ladarba jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet doganali fir-rigward tad-dħul tal-intitolament fil-kontijiet u n-notifika lid-debitur.

5        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1150/2000 jipprovdi:

“Skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10, kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsi tiegħu proprji fil-kont miftuħ f’isem il-Kummissjoni mat-Teżor tiegħu jew mal-korp li jkun ħatar.”

6        Skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, ir-reġistrazzjoni tar-riżorsi proprji għandha ssir sa mhux iktar tard mill-ewwel jum ta’ xogħol ta’ wara d-19-il jum tat-tieni xahar ta’ wara dak li fih ikun ġie kkonstatat l-intitolament skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament.

7        Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, kwalunkwe dewmien fid-dħul fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament jagħti lok għall-ħlas, mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ interessi moratorji.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        Matul is-snin 2006 u 2007, xi kumpanniji, bħala responsabbli prinċipali, għamlu dikjarazzjonijiet doganali fil-Ġermanja sabiex merkanzija sejra lejn is-Slovakkja titqiegħed taħt il-proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern prevista fl-Artikoli 91 et seq tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).

9        Għal dawn l-operazzjonijiet ta’ tranżitu, l-awtoritajiet doganali Slovakki, fit-termini indikati u skont is-Sistema Kompjuterizzata l-Ġdida ta’ Tranżitu (NCTS), informaw lill-awtoritajiet Ġermaniżi dwar il-preżentazzjoni tal-merkanzija fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni kif ukoll dwar ir-riżultat tal-kontroll imwettaq. B’dan il-mod, twettqu l-operazzjonijiet inkwistjoni u l-garanzija finanzjarja pprovduta mill-prinċipali ġiet irrilaxxata.

10      Madankollu, investigazzjoni mwettqa fis-Slovakkja ppermettiet li jiġi kkonstatat li, fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni Slovakk, kienu ntemmu b’mod irregolari l-operazzjonijiet ta’ tranżitu wara dħul illegali fin-NCTS.

11      Permezz tal-ittri kontenzjużi, id-Direttur tad-Direttorat “Riżorsi proprji u programm finanzjarju” tad-Direttorat Ġenerali tal-baġit tal-Kummissjoni (iktar 'il quddiem id-“direttur”) fakkar li, bid-Deċiżjoni C (2011) 9750 finali, tal-5 ta’ Jannar 2012 (fajl REM 03/2010), il-Kummissjoni kienet, fuq talba tal-awtoritajiet Ġermaniżi, ikkonstatat il-fondatezza ta’ maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni skont l-Artikolu 239 tar-Regolament Nru 2913/92, fir-rigward ta’ kumpannija Ġermaniża li kienet ippreżentat, bħala responsabbli prinċipali, diversi dikjarazzjonijiet f’isem il-klijenti tagħha għat-trasport, matul is-snin 2006 u 2007, ta’ merkanzija taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern lejn is-Slovakkja. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni enfasizzat li l-għeluq irregolari tal-operazzjonijiet ta’ tranżitu kien jikkostitwixxi manuvra frawdolenti li seta’ jiġi raġonevolment spjegat biss bil-kompliċità attiva ta’ aġent tal-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni fis-Slovakkja jew minn organizzazzjoni ħażina ta’ dan l-uffiċċju li ppermettiet lil terz jaċċedi għan-NCTS.

12      Id-direttur indika wkoll, essenzjalment, li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu, għall-istess raġunijiet, taw maħfra tad-dazji f’każijiet oħra. Għalhekk, fl-ewwel ittra kontenzjuża, jissemma l-każ ta’ kumpannija oħra u, fit-tieni ittra kontenzjuża, jissemmew sitt każijiet oħra.

13      Fl-ittri kontenjużi, id-direttur spjega li, fl-opinjoni tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, ir-Repubblika Slovakka kienet ikkunsidrata finanzjarjament responsabbli sa fejn il-verifika tad-dokumenti ta’ tranżitu li ntbagħtu lura lill-uffiċċju Ġermaniż tat-tluq kienet ipprekludiet lill-awtoritajiet Ġermaniżi milli jiġbru jew jirkupraw dazji doganali, li jikkostitwixxu riżorsi proprji tradizzjonali. Huwa speċifika li, għalkemm ir-Repubblika Slovakka ma kinitx responsabbli għall-ġbir tad-dazji doganali sostnuti għall-importazzjoni fl-Unjoni, Stat Membru jibqa’ finanzjarjament responsabbli għat-telf ta’ riżorsi proprji jekk l-awtoritajiet tiegħu jew ir-rappreżentanti tagħhom ikunu wettqu żbalji jew ikunu aġixxew b’mod frawdolenti.

14      Id-direttur sussegwentement enfasizza li l-awtoritajiet Slovakki ma setgħux jiggarantixxu li d-dispożizzjonijiet doganali tal-Unjoni ġew applikati b’mod korrett. Din l-applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni rriżultat f’telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali sa fejn l-awtoritajiet Ġermaniżi ma setgħux jiġbru dazji doganali u jqiegħeduhom għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Minn dan id-direttur iddeduċa li r-Repubblika Slovakka kellha tikkumpensa l-baġit tal-Unjoni għat-telf ikkawżat b’dan il-mod. F’dan ir-rigward, huwa għamel riferiment, b’analoġija, għall-punt 44 tas-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C-334/08, EU:C:2010:414).

15      Id-direttur spjega, essenzjalment, li rifjut tar-Repubblika Slovakka li tagħmel disponibbli dawn ir-riżorsi proprji tradizzjonali jikser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri u fl-Unjoni u jostakola t-tħaddim tajjeb tas-sistema tar-riżorsi proprji.

16      Konsegwentement, huwa stieden lill-awtoritajiet Slovakki jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni żewġ ammonti grossi ta’ riżorsi proprji li jammontaw għal EUR 1 602 457.33 u għal EUR 1 453 723.12, rispettivament, li minnhom għandu jitnaqqas 25 % għall-ġbir, sa mhux iktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara li ntbagħtu l-ittri kontenzjużi. Huwa żied li kwalunkwe dewmien iwassal għall-ħlas ta’ interessi skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digrieti appellati

17      Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-22 ta’ Settembru u fis-26 ta’ Novembru 2014, rispettivament, ir-Repubblika Slovakka ressqet kawżi intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet allegatament inklużi fl-ittri kontenzjużi.

18      B’atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Diċembru 2014 u fit-12 ta’ Frar 2015, rispettivament, il-Kummissjoni qajmet xi eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991. Dawn l-eċċezzjonijiet kienu bbażati, fiż-żewġ kawżi, fuq l-assenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat b’rikors għal annullament u, fil-kawża T-678/14, fuq in-natura purament konfermattiva tal-ewwel ittra kontenzjuża.

19      Ir-Repubblika Slovakka ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà.

20      B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 u fit-23 ta’ Jannar 2015, rispettivament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Rumanija talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Slovakka fil-Kawża T-678/14. B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ April u fl-4 ta’ Mejju 2015, rispettivament, dawn l-istess Stati Membri talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Slovakka fil-Kawża T-779/14.

21      Permezz tad-digrieti appellati, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

22      Sabiex tiġi evalwata n-natura kontestabbli tal-ittri kontenzjużi, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 27 sa 37 u 39 tal-ewwel digriet appellat kif ukoll fil-punti 26 sa 36 u 38 tat-tieni digriet appellat, it-tqassim tas-setgħat bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-qasam ta’ konstatazzjoni tar-riżorsi proprji skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2007/436 u tar-Regolament Nru 1150/2000. Hija kkonkludiet, fil-punt 41 tal-ewwel digriet appellat u fil-punt 40 tat-tieni digriet appellat, li, fin-nuqqas ta’ setgħa tal-Kummissjoni li tadotta att legali li bih tobbliga Stat Membru jagħmel disponibbli riżorsi proprji, l-ittri kontenzjużi kellhom jitqiesu biss li għandhom valur informattiv u li huma sempliċi talba indirizzata lir-Repubblika Slovakka.

23      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali speċifikat, fil-punti 42 sa 44 tal-ewwel digriet appellat u fil-punti 41 sa 43 tat-tieni digriet appellat, li opinjoni maħruġa mill-Kummissjoni, bħal dik li tinsab f’dawn l-ittri, ma torbotx lill-awtoritajiet nazzjonali u, fil-punti 45 sa 47 tal-ewwel digriet appellat u fil-punti 44 sa 46 tat-tieni digriet appellat, li hija ma għandhiex, l-istess bħal opinjoni motivata maħruġa fil-kuntest tal-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, titqies li hija att li jista’ jiġi kkontestat.

24      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti mressqa mir-Repubblika Slovakka. B’mod partikolari, fil-punti 54 u 55 tal-ewwel digriet appellat u fil-punti 53 u 54 tat-tieni digriet appellat, hija ċaħdet bħala ineffettivi l-argumenti bbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-leġiżlazzjoni rilevanti, li l-ittri kontenzjużi huma nieqsa minn bażi legali jew li l-ammonti msemmija fihom ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “riżorsi proprji”, minħabba li dawn l-argumenti kienu jirrigwardaw il-mertu tal-kontenut tal-imsemmija ittri. Fil-punti 56 sa 59 tal-ewwel digriet appellat u fil-punti 55 sa 58 tat-tieni digriet appellat, il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, irrispondiet għal argumenti bbażati fuq is-sistema sħiħa tar-rimedji ġudizzjarji, tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-urġenza tas-sitwazzjoni f’dan il-każ li tirriżulta b’mod partikolari mir-riskju tal-ħlas ta’ interessi moratorji sostanzjali.

25      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u ċaħdet ir-rikorsi tar-Repubblika Slovakka bħala inammissibbli, sa fejn dawn kienu intiżi kontra atti li ma setgħux jiġu kkontestati, mingħajr ma tat deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Rumanija.

 It-talbiet tal-partijiet fl-appell u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26      Permezz tal-appelli tagħha, ir-Repubblika Slovakka titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-digrieti appellati fl-intier tagħhom;

–        tagħti deċiżjoni hija stess fuq l-ammissibbiltà tar-rikorsi tagħha u tibgħat lura l-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tagħti deċiżjoni dwar il-mertu tar-rikorsi, jew, sussidjarjament, tibgħat lura l-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà u l-mertu tar-rikorsi, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appelli u

–        tikkundanna lir-Repubblika Slovakka għall-ispejjeż.

28      Fin-noti ta’ intervent tagħhom, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Rumanija jitolbu, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tilqa’ l-appelli.

29      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Jannar 2016, il-Kawżi C-593/15 P u C-594/15 P ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq l-appelli

30      Insostenn tal-appelli tagħha, ir-Repubblika Slovakka tqajjem żewġ aggravji li huma bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi u, it-tieni wieħed, invokat sussidjarjament, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

31      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Repubblika Slovakka takkuża lill-Qorti Ġenerali li wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tan-natura u tal-effetti tal-ittri kontenzjużi. Dan l-aggravju jinqasam fi tliet linji ta’ argumenti.

32      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Slovakka tallega, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata dwar in-natura tal-ammonti mitluba fl-ittri kontenzjużi bil-klassifikazzjoni tagħhom, tal-inqas impliċitament, bħala “riżorsi proprji” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2007/436. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat regolamenti u ġurisprudenza relatata mar-riżorsi proprji sabiex tagħti deċiżjoni dwar is-setgħat deċiżjonali tal-Kummissjoni. Sa fejn il-klassifikazzjoni ġuridika korretta ta’ dawn l-ammonti kienet rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikorsi, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, barra minn hekk, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, sempliċement tikkunsidra, fil-punti 54 u 55 tal-ewwel digriet appellat kif ukoll fil-punti 53 u 54 tat-tieni digriet appellat, li l-argumenti mressqa minnha f’dan ir-rigward kienu jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-mertu.

33      Fi kwalunkwe każ, il-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 28 sa 34 tal-ewwel digriet appellat u fil-punti 27 sa 33 tat-tieni digriet appellat, ma hijiex rilevanti f’dan il-każ peress li din issemmi l-obbligi tal-Istati Membri fil-qasam ta’ riżorsi proprji fir-relazzjonijiet bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru responsabbli li jagħmel disponibbli tali riżorsi. Fil-fatt, dawn il-kawżi jinvolvu relazzjoni tripartitika bejn il-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bħala Stat Membru responsabbli li jagħmel disponibbli riżorsi proprji, kif ukoll ir-Repubblika Slovakka, li ma kinitx responsabbli li tagħmel disponibbli l-imsemmija riżorsi.

34      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent, ir-Repubblika Slovakka terġa’ tenfasizza l-inċertezza legali u r-riskju ta’ konsegwenzi finanzjarji serji li jirriżultaw mill-inċertezza fir-rigward tal-bażi legali tal-allegat obbligu li l-ammonti mitluba jitqiegħdu għad-dispożizzjoni. Hija tikkontesta l-eżistenza stess ta’ tali obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni. Peress li, permezz tal-ittri kontenzjużi, il-Kummissjoni stabbilixxiet obbligu u konsegwenzi mhux previsti minn dan id-dritt, dawn l-ittri jipproduċu b’mod ċar effetti legali ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tagħha. Fi kwalunkwe każ, ikun utli li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-problemi marbuta mal-imsemmija bażi legali f’dawn il-kawżi.

35      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Slovakka ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta stabbilixxiet, essenzjalment, fil-punt 41 tal-ewwel digriet appellat u fil-punt 40 tat-tieni digriet appellat, il-kriterju tas-setgħa tal-awtur tal-att ikkontestat bħala kundizzjoni essenzjali tal-eżistenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 55 tas-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, L-Ungerija vs Il‑Kummissjoni (C-31/13 P, EU:C:2014:70), li l-effetti ta’ att għandhom jiġu evalwati wkoll fid-dawl tas-setgħat tal-istituzzjoni awtriċi. Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-assenza ta’ setgħa għandha bħala konsegwenza inevitabbli li att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni ma jista’ fl-ebda każ jikkostitwixxi att li jipproduċi effetti legali vinkolanti li jista’ jiġi kkontestat b’rikors għal annullament taħt l-Artikolu 263 TFUE. Tali approċċ iċaħħad il-motiv ta’ illegalità bbażat fuq l-inkompetenza tal-awtur tal-att minn kull rilevanza.

36      Fit-tielet lok, ir-Repubblika Slovakka tqis li, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż mill-Qorti Ġenerali fil-punt 59 tal-ewwel digriet appellat u fil-punt 58 tat-tieni digriet appellat, il-possibbiltà li hija tagħmel ħlas kundizzjonali ma tista’ la tikkumpensa għan-nuqqas tal-protezzjoni ġudizzjarja u tal-aċċess għal qorti u lanqas għall-urġenza tas-sitwazzjoni f’każ bħal dak f’dawn il-kawżi. Fil-fatt, l-inammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali għandha effetti negattivi inaċċettabbli għas-sitwazzjoni tagħha, peress li hija tkun tista’ tikkontesta t-talbiet tal-Kummissjoni biss fl-eventwalità ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u jkollha għalhekk tiffaċċja r-riskju li tħallas interessi moratorji għolja. Issa, l-għażla li tagħmel ħlas kundizzjonali, li ma hija prevista minn ebda att legali tal-Unjoni u li l-irkupru tiegħu ma huwiex iggarantit mill-ġurisprudenza, ma tagħtiha l-ebda garanzija ta’ aċċess għal qorti.

37      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti kollha u tqis li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

38      Fl-ewwel lok, din l-istituzzjoni ssostni li l-argumenti dwar in-natura tal-ammonti mitluba, il-ħlas tagħhom mir-Repubblika Slovakka kif ukoll l-eżistenza ta’ obbligu fuq dan l-Istat Membru li jagħmilhom għad-dispożizzjoni jaqgħu taħt l-evalwazzjoni tal-mertu tar-rikorsi u mhux tal-ammissibbiltà tagħhom. Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ammissibilità, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-kontenut tal-ittri kontenzjużi skont il-ġurisprudenza u ddeċidiet b’mod korrett li, fid-dawl tal-imsemmi kontenut, dawn l-ittri jinkludu biss talba għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji, fatt li ma ġie kkontestat la mir-Repubblika Slovakka u lanqas mill-Istati Membri intervenjenti. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament evalwat ir-rikorsi fid-dawl tad-dispożizzjonijiet u tal-ġurisprudenza relatati mar-riżorsi proprji.

39      F’dan ir-rigward, minn naħa, ma huwiex ikkontestat li l-ammonti inkwistjoni jikkostitwixxu dazji doganali u, għaldaqstant, riżorsi proprji tradizzjonali. Min-naħa l-oħra, billi wettqet analiżi tal-imsemmija dispożizzjonijiet fl-istadju tal-ammissibbiltà, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma tat deċiżjoni dwar obbligu tar-Repubblika Slovakka li tagħmel disponibbli l-ammonti inkwistjoni. Issa, mill-istess dispożizzjonijiet kollha, kif interpretati mill-ġurisprudenza, kif ukoll mir-regoli li jirregolaw il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda kompetenza sabiex tiddetermina b’mod vinkolanti l-ammont tar-riżorsi proprji, tistabbilixxi t-terminu għall-ħlas tagħhom, u tieħu deċiżjoni dwar interessi moratorji.

40      Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li, anki jekk l-ittri kontenzjużi jitqiesu li mhux intiżi għall-ħlas ta’ riżorsi proprji, dawn l-ittri ma jistgħux jipproduċu effetti legali vinkolanti. Fil-fatt, ma ġiet stabbilita l-ebda bażi legali għall-adozzjoni ta’ tali att legali vinkolanti.

41      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li eżami tal-portata tas-setgħat tagħha jidħol f’dawn il-kawżi f’eżami kumpless intiż li jiġi ddeterminat jekk l-ittri kontenzjużi jistgħux jiġu kkontestati, fid-dawl tan-natura tagħhom, tal-kuntest tal-adozzjoni tagħhom, u tas-setgħat tal-awtur tagħhom. Fl-opinjoni tagħha, għandha ssir distinzjoni, minn naħa, bejn l-atti li jipproduċu effetti legali u li ttieħdu minn istituzzjoni inkompetenti, u, min-naħa l-oħra, l-atti li ma jipproduċux tali effetti u li ma jistgħux għalhekk ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament.

42      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tqis li mill-karatteristiċi tas-sistema tar-riżorsi proprji jirriżulta inevitabbilment li din ma għandhiex il-kompetenza sabiex tadotta deċiżjonijiet vinkolanti f’dan il-qasam. L-assenza ta’ tali kompetenza ma tistax għalhekk tiġi assimilata ma’ ċaħda tad-dritt tar-Repubblika Slovakka għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. L-istess japplika għall-obbligu ta’ dan l-Istat Membru tal-ħlas ta’ interessi moratorji, li jirriżulta direttament mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000. Barra minn hekk, il-ħlas kundizzjonali ma huwiex intiż li jiggarantixxi d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iżda li jtaffi piż finanzjarju potenzjali li l-ħlas ta’ interessi moratorji jista’ jirrappreżenta għal Stat Membru. Minbarra dan, ir-riskju ta’ interessi moratorji huwa marbut man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li r-riżorsi proprji jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha, u mhux mal-ittri kontenzjużi li fihom talba f’dan is-sens.

43      L-assenza ta’ kompetenza li tadotta deċiżjonijiet vinkolanti fil-qasam ta’ riżorsi proprji hija kkonfermata barra minn hekk miċ-ċaħda, mill-Kunsill, ta’ proposta ta’ emenda tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1150/2000, li kienet tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li teżamina l-każ u tadotta deċiżjoni debitament motivata meta l-ammont tad-dazju kkonstatat ikun ogħla minn EUR 50 000.

44      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li rikors għal annullament jista’ jiġi ppreżentat biss jekk it-tilwima tkun tirrigwarda l-validità ta’ att li jipproduċi effetti legali. Għall-kuntrarju, jekk is-suġġett tat-tilwima jkun l-eżistenza ta’ obbligu ta’ Stat Membru li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, l-uniku rimedju disponibbli huwa r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, it-trattati ma jipprevedu l-ebda proċedura miftuħa għal Stat Membru sabiex jiġi ddeterminat jekk huwa stess issodisfax l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni.

45      Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Rumanija huma tal-opinjoni li l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

46      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li jitqiesu li huma “atti li jistgħu jiġu kkontestati” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, il-miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li jkunu intiżi li jipproduċu xi effetti legali vinkolanti (sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, C‑31/13 P, EU:C:2014:70, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Sabiex jiġi ddeterminat jekk att ikkontestat jipproduċix tali effetti, għandu jsir riferiment għas-sustanza tiegħu (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2000, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑147/96, EU:C:2000:335, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn l-effetti għandhom jiġu evalwati skont kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-att, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar, kif ukoll tas-setgħat tal-istituzzjoni awtriċi (sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, C‑31/13 P, EU:C:2014:70, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Permezz tad-digrieti appellati, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni mingħajr ma daħlet fil-mertu tal-kawża. Kif ġie indikat fil-punti 22 u 23 ta’ din is-sentenza, wara eżami tat-tqassim tas-setgħat bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-qasam tal-konstatazzjoni tar-riżorsi proprji skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2007/436 u tar-Regolament Nru 1150/2000, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 41 tal-ewwel digriet appellat u fil-punt 40 tat-tieni digriet appellat, li, fin-nuqqas ta’ setgħa tal-Kummissjoni li tadotta att legali li permezz tiegħu tobbliga Stat Membru jagħmel disponibbli riżorsi proprji, l-ittri kontenzjużi kellhom jitqiesu li għandhom valur informattiv u li huma sempliċi talba indirizzata lir-Repubblika Slovakka.

49      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali speċifikat li opinjoni tal-Kummissjoni, bħal dik li tinsab f’dawn l-ittri, ma torbotx lill-awtoritajiet nazzjonali u li li hija ma għandhiex, l-istess bħal opinjoni motivata maħruġa fil-kuntest tal-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, titqies li hija att li jista’ jiġi kkontestat.

50      Minn naħa, jidher, ċertament, li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, ibbażat l-evalwazzjoni tagħha tan-natura kontestabbli tal-ittri kontenzjużi fuq eżami tas-setgħat tal-Kummissjoni fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2007/436 u tar-Regolament Nru 1150/2000. B’dan il-mod, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Slovakka, hija madankollu la wettqet evalwazzjoni tan-natura tal-fondi mitluba u lanqas ma kklassifikat dawn il-fondi bħala “riżorsi proprji”.

51      Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali sempliċement spjegat, fid-digrieti appellati, b’mod astratt, l-obbligi u s-setgħat rispettivi tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni fil-qasam tar-riżorsi proprji tal-Unjoni. Issa, peress li, kif jirriżulta mill-punti 4 sa 10 tal-ewwel digriet appellat u mill-punti 4 sa 10 tat-tieni digriet appellat, il-Kummissjoni kienet ħarġet l-ittri kontenzjużi f’dan il-qasam, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tevalwa l-imsemmija obbligi u setgħat fid-dawl tal-leġiżlazzjoni dwar riżorsi proprji, unikament għall-finijiet tal-eżami tan-natura kontestabbli tal-imsemmija ittri u bla ħsara għall-kwistjoni, fuq il-mertu, tal-applikabbiltà tagħha għall-fatti tal-każ u tal-klassifikazzjoni tal-ammonti inkwistjoni.

52      Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet, fil-punt 55 tal-ewwel digriet appellat u fil-punt 54 tat-tieni digriet appellat, bħala li kienu ineffettivi l-argumenti mressqa mir-Repubblika Slovakka u bbażati fuq il-mertu tal-kontenut tal-ittri kontenzjużi.

53      Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju, għandu jiġi osservat li, bħalma ġustament issostni r-Repubblika Slovakka, il-Qorti Ġenerali sempliċement eżaminat is-setgħat tal-awtur tal-att, mingħajr ma wettqet analiżi tal-kontenut stess tal-ittri kontenzjużi, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 47 ta’ din is-sentenza.

54      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

55      Madankollu, għandu jitfakkar li, jekk mill-motivi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jirriżulta ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat fuq motivi oħra ta’ dritt, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u jkun hemm lok li ssir sostituzzjoni tal-motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 150, kif ukoll tal-5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni et vs Versalis et, C-93/13 P u C-123/13 P, EU:C:2015:150, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Dan huwa l-każ f’din il-kawża.

57      Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza, minn analiżi tal-kontenut tal-ittri kontenzjużi, fid-dawl tal-kuntest tal-ħruġ tagħhom kif ukoll tas-setgħat tal-Kummissjoni, jirriżulta, fil-fatt, li dawn l-ittri ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “atti li jistgħu jiġu kkontestati.”

58      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kontenut tal-imsemmija ittri, għandu jiġi rrilevat li, wara tfakkira tal-fatti inkwistjoni, id-direttur spjega permezz tagħhom l-opinjoni ta’ dan id-Direttorat li r-Repubblika Slovakka kienet ikkunsidrata bħala responsabbli għat-telf ta’ riżorsi proprji kkawżati fil-Ġermanja. Huwa qies li r-Repubblika Slovakka kellha tikkumpensa dan it-telf u li, fil-każ ta’ rifjut li tqiegħed għad-dispożizzjoni l-ammonti inkwistjoni, din tal-aħħar tkun qed tikser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u tipperikola t-tħaddim tajjeb tas-sistema tar-riżorsi proprji. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, huwa talabha tqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu l-ammonti ekwivalenti għat-telf inkwistjoni u speċifika li n-nuqqas ta’ ħlas fit-terminu stabbilit permezz ta’ dawn l-istess ittri jagħti lok għall-ħlas ta’ interessi moratorji skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000.

59      Minn din it-tfakkira jirriżulta li, permezz tal-ittri kontenzjużi, il-Kummissjoni, essenzjalment, esponiet lir-Repubblika Slovakka l-opinjoni tagħha dwar il-konsegwenzi legali tat-telf ta’ riżorsi proprji kkawżati fil-Ġermanja u l-obbligi li, fl-opinjoni tagħha, jirriżultaw għar-Repubblika Slovakka. Fid-dawl ta’ din l-opinjoni, hija talbet lil dan l-Istat Membru jagħmel disponibbli l-ammonti inkwistjoni.

60      Issa, għandu jiġi kkunsidrat li la l-għoti ta’ sempliċi opinjoni legali, u lanqas sempliċi talba ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ammonti inkwistjoni ma jistgħu jipproduċu effetti legali.

61      Is-sempliċi fatt li l-ittri kontenzjużi jistabbilixxu terminu għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dawn l-ammonti filwaqt li jindikaw li dewmien jista’ jagħti lok għal interessi moratorji, fid-dawl tal-kontenut globali ta’ dawn l-ittri, la jippermetti li jitqies li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni, minflok tesprimi l-opinjoni tagħha, tadotta atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti u lanqas, għaldaqstant, li tagħti lill-imsemmija ittri n-natura ta’ atti li jistgħu jiġu kkontestati.

62      It-tieni nett, fir-rigward tal-kuntest, għandu jiġi speċifikat li, matul is-seduta, il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt la mir-Repubblika Slovakka u lanqas mill-Istati Membri intervenjenti, osservat li ittri bħalma huma l-ittri kontenzjużi jikkostitwixxu prassi normali ta’ din l-istituzzjoni intiża għall-bidu ta’ diskussjonijiet informali fuq l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru, li jistgħu jiġu segwiti mill-ftuħ tal-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Dan il-kuntest huwa rifless fl-ittri kontenzjużi li jindikaw b’mod ċar ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Slovakka setgħet ma osservatx xi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, mir-rikorsi ppreżentati minn din tal-aħħar quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta mingħajr dubju li dan il-kuntest kien magħruf minnha u li l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għal kuntatti informali ġie mifhum sew.

63      Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni sabiex tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, opinjoni motivata ma tistax tipproduċi effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-191/95, EU:C:1998:441, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan japplika a fortiori għal ittri li, bħalma huma l-ittri kontenzjużi, jistgħu jitqiesu li huma sempliċi kuntatt informali qabel il-ftuħ tal-fażi prekontenzjuża ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

64      It-tielet nett, fir-rigward tas-setgħat tal-Kummissjoni, ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet li, fi kwalunkwe każ, din l-istituzzjoni ma għandha l-ebda kompetenza sabiex tadotta atti vinkolanti li jobbligaw lil Stat Membru jagħmel disponibbli somom bħal dawk inkwistjoni f’dawn il-kawżi. Fil-fatt, minn naħa, anki jekk, bħalma tosserva r-Repubblika Slovakka, dawn l-ammonti ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “riżorsi proprji”, il-Kummissjoni indikat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li ma setgħet tiġi ddeterminata l-ebda bażi legali għall-adozzjoni ta’ att vinkolanti. Min-naħa l-oħra, anki jekk l-imsemmija ammonti għandhom jiġu kklassifikati bħala “riżorsi proprji” kuntrarjament għall-argumenti tar-Repubblika Slovakka, għandu jiġi osservat li l-argument tal-Kummissjoni li hija ma għandha l-ebda setgħa deċiżjonali kemm taħt id-Deċiżjoni 2007/436 u lanqas taħt ir-Regolament Nru 1150/2000 ma ġiex kontradett minn dan l-Istat Membru.

65      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-ittri kontenzjużi ma jikkostitwixxux “atti li jistgħu jiġu kkontestati” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni, tal-mertu, dwar l-applikabbiltà tad-Deċiżjoni 2007/436 u tar-Regolament Nru 1150/2000 u l-klassifikazzjoni legali tal-ammonti mitluba.

66      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti li r-Repubblika Slovakka tislet mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, mill-prolongazzjoni inutli tat-tilwima tagħha mal-Kummissjoni u mir-riskju ta’ interessi moratorji. Fil-fatt, għalkemm il-kundizzjoni dwar l-effetti legali vinkolanti għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huwa biżżejjed li jitfakkar li dan id-dritt ma huwiex intiż li jibdel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni, kif jirriżulta wkoll mill-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 47, li skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) ta’ din il-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tagħha (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 97, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “att li jista’ jiġi kkontestat” fid-dawl tal-imsemmi Artikolu 47 ma tistax twassal biex twarrab din il-kundizzjoni mingħajr ma wieħed jeċċedi l-kompetenzi attribwiti mit-Trattat lill-qrati tal-Unjoni [ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 81, kif ukoll id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2012, Sepracor Pharmaceuticals (Ireland) vs Il-Kummissjoni, C‑477/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:292, punt 54].

67      Għaldaqstant, id-dispożittiv tad-digrieti appellati, sa fejn jiċħad ir-rikorsi ppreżentati mir-Repubblika Slovakka bħala inammissibbli, huwa fondat, b’tali mod li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

68      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, invokat sussidjarjament, ir-Repubblika Slovakka ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

69      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma mmotivat il-konklużjoni li l-ammonti mitluba kienu jikkostitwixxu riżorsi proprji. L-espożizzjoni tal-motivi insostenn ta’ din il-konklużjoni kienet iktar importanti f’dawn il-kawżi peress li, minn naħa, din il-konklużjoni tikkostitwixxi l-premessa tal-evalwazzjoni, barra minn hekk żbaljata, tal-ammissibbiltà tar-rikorsi mill-Qorti Ġenerali u li, min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni tal-imsemmija ammonti bħala “riżorsi proprji” kienet ikkontestata minnha fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali kellha tindika r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikabbiltà, li hija kienet ukoll ikkontestat quddiemha, tal-ġurisprudenza relatata mal-obbligi tal-Istati Membri fil-qasam ta’ riżorsi proprji fir-relazzjonijiet bilaterali ghal relazzjoni tripartitika bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ.

70      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali naqset milli tagħti motivazzjoni għall-konklużjoni tagħha li l-kunċett tal-ħlas kundizzjonali jista’ jsolvi l-problema kumplessa ta’ aċċess għal qorti u tal-urġenza tas-sitwazzjoni f’dawn il-kawżi.

71      Fit-tielet lok, ir-Repubblika Slovakka tosserva li l-motivazzjoni tad-digrieti appellati hija kważi identika għal dik ta’ diversi digrieti mogħtija mill-Qorti Ġenerali fl-istess jum, anki jekk f’ċirkustanzi fattwali differenti. Hija tirreferi b’mod partikolari għad-digriet tal-14 ta’ Settembru 2015, Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni (T-585/14, EU:T:2015:662), li, fl-opinjoni tagħha, kien jikkonċerna każ ta’ telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali minħabba l-għoti ta’ ċertifikat ta’ importazzjoni għaz-zokkor u kien jinvolvi, b’differenza għal dawn il-kawżi, relazzjoni bilaterali bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni.

72      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti kollha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

73      Għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li huwa applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut u skont l-Artikolu 117 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tagħha, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il-Kummissjoni, C-288/11 P, EU:C:2012:821, punt 83 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

74      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma jimponix l-obbligu li din tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha artikolati mill-partijiet fit-tilwima. Huwa biżżejjed li l-motivazzjoni tkun tippermetti li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw ir-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma tkunx laqgħet l-argumenti tagħhom u li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, id-digriet tat-12 ta’ Lulju 2016, Pérez Gutiérrez vs Il-Kummissjoni, C‑604/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:545, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali esponiet b’mod ċar, fid-digrieti appellati, ir-raġunijiet għalfejn waslet għall-konklużjoni li l-ittri kontenzjużi ma setgħux jiġu kkontestati b’rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE. Mill-eżami tal-ewwel aggravju invokat mir-Repubblika Slovakka jirriżulta li permezz tal-motivi ta’ dawn id-digrieti dan l-Istat Membru seta’ jifhem ir-raġunament li wassal għall-konstatazzjoni ta’ inammissibbiltà u li jikkontesta l-fondatezza tagħhom u li dawn il-motivi ppermettew lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha.

76      Minn dan isegwi li d-digrieti appellati ma humiex ivvizzjati minn ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

77      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti mressqa mir-Repubblika Slovakka.

78      L-ewwel nett, sa fejn dan l-Istat Membru jsostni li l-Qorti Ġenerali kellha tesponi r-raġunijiet għalfejn hija qieset li setgħet tapplika d-Deċiżjoni 2007/436 u r-Regolament Nru 1150/2000 sabiex twettaq evalwazzjoni tan-natura kontestabbli tal-ittri kontenzjużi, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali rrispondiet għall-argumenti mressqa quddiemha u bbażati fuq l-inapplikabbiltà ta’ dawn it-testi billi qieset li dawn l-argumenti kienu jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-mertu tar-rikors.

79      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni nett, huwa wkoll irrilevanti l-fatt, jekk jiġi preżunt li seħħ, li l-motivazzjoni tad-digrieti appellati hija kważi identika għal dik ta’ digrieti mogħtija f’kawżi oħra li jirrigwardaw ipoteżi fattwali oħrajn.

80      It-tielet nett, filwaqt li ġustament fakkret, li, għalkemm il-kundizzjoni dwar l-effetti legali vinkolanti għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tali interpretazzjoni ma tistax twassal sabiex twarrab din il-kundizzjoni mingħajr ma wieħed jeċċedi l-kompetenzi attribwiti mit-Trattat lill-qrati tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali rrispondiet b’mod suffiċjenti skont il-liġi għall-argumenti tar-Repubblika Slovakka bbażati fuq allegat nuqqas tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fid-dawl tal-allegata urġenza tas-sitwazzjoni.

81      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, li l-appelli għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

 Fuq l-ispejjeż

82      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

83      Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Slovakka tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tilfet fir-rigward tal-aggravji tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

84      L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli wkoll għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

85      Għaldaqstant, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Rumanija għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appelli huma miċħuda.

2)      Ir-Repubblika Slovakka għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Rumanija għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.