Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2020 – Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja

(Kawża C-683/20)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Lindenthal, M. Noll-Ehlers, agenti)

Konvenut: Ir-Repubblika tas-Slovakkja

Talbiet

tikkonstata li r-Repubblika tas-Slovakkja kisret l-Artikolu 8(2), u l-Artikolu 10(2), moqrija flimkien mal-Anness VI tad-Direttiva 2002/49/KE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali, billi naqset milli tfassal pjanijiet ta’ azzjoni u tibgħat lill-Kummissjoni sunt tal-pjanijiet ta’ azzjoni għal 445 triq maġġuri;

tikkonstata li r-Repubblika tas-Slovakkja kisret l-Artikolu 8(2), u l-Artikolu 10(2), moqrija flimkien mal-Anness VI tad-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali, billi naqset milli tfassal pjanijiet ta’ azzjoni u tibgħat lill-Kummissjoni sunt tal-pjanijiet ta’ azzjoni għal 16-il linja ferrovjarja maġġuri; u

tikkundanna lir-Repubblika tas-Slovakkja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali, ir-Repubblika tas-Slovakkja kellha tiżgura t-tfassil ta’ pjanijiet ta’ azzjoni għat-toroq maġġuri (toroq b’iktar minn 3 miljun passaġġi ta’ vetturi fis-sena) u għal-linji ferrovjarji maġġuri (linji tal-ferrovija b’iktar minn 30 000 passaġġi ta’ ferroviji fis-sena) fit-territorju tagħha mhux iktar tard mit-18 ta’ Lulju 2013. Skont l-Artikolu 10(2), moqri flimkien mal-Anness VI ta’ din l-istess direttiva, ir-Repubblika tas-Slovakkja kellha tiżgura ruħha li s-sunti tal-pjanijiet ta’ azzjoni jintbagħtu lill-Kummissjoni mhux iktar tard mit-18 ta’ Jannar 2014.

Ir-Repubblika tas-Slovakkja naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 10(2), moqrija flimkien mal-Anness VI tad-Direttiva, f’dak li jirrigwarda 445 triq maġġuri u 16-il linja ferrovjarja maġġuri, li hija kellha tinnotifika minn qabel lill-Kummissjoni.

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 101.