Language of document : ECLI:EU:T:2013:514

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Settembru 2013 (*)

“Rikors għal annullament u għad-danni — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà — Talba għal annullament — L-ewwel u l-ħames paragrafi tal-Artikolu 263 TFUE — Artikolu 122 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Assenza tan-natura prematura tar-rikors — Kwalità ta’ konvenut — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali — Talba għad-danni — Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali — Ammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑556/11,

European Dynamics il-Lussemburgu SA, stabbilita f’Ettelbrück (il-Lussemburgu),

European Dynamics Belgium SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja),

irrappreżentati minn N. Korogiannakis, M. Dermitzakis u N. Theologou, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)) (UASI), irrappreżentat minn N. Bambara u M. Paolacci, bħala aġenti, assistiti minn P. Wytinck, avukat,

konvenut,

li għandha bħal suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-UASI, adottata fil-kuntest tal-proċedura miftuħa ta’ sejħa għal offerti AO/029/10 intitolata “Żvilupp ta’ softwer u servizzi ta’ manutenzjoni” u kkomunikata lir-rikorrenti b’ittra tal-11 ta’ Awwissu 2011, li tagħti l-kuntratt inkwistjoni lil offerenti oħra u li tiċħad l-offerta tal-ewwel rikorrent, u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi (Relatur), President, S. Frimodt Nielsen u M. Kancheva, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-kuntest ġuridiku

A –  Dispożizzjonijiet ġenerali

1        Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea “tikkontrolla wkoll il-legalità ta’ l-atti ta’ korpi jew organi ta’ l-Unjoni maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi”.

2        Skont it-termini tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE “[a]tti li jistabbilixxu korpi u organi ta’ l-Unjoni jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet u arranġamenti partikolari dwar rikorsi mressqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti ta’ dawn il-korpi jew organi maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward tagħhom”.

3        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1) (iktar ʼil quddiem ir-“Regolament trade marks Nru 207/2009 “), li jistitwixxi l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), jipprovdi fl-Artikolu 122, taħt it-titolu “Kontroll dwar il-legalità” kif ġej:

“ 1.      Il-Kummissjoni għandha tikkontrolla l-legalità ta’ dawk l-atti tal-President ta’ l-U[ASI] li fir-rigward tagħhom il-liġi Komunitarja ma tipprovdix għal kontrolli dwar il-legalità minn ebda organu ieħor, kif ukoll ta’ dawk l-atti tal-Kumitat tal-Baġit relatati mal-U[ASI] skont l-Artikolu 138.

2.      Hija għandha tesiġi li kull att illegali kif msemmi fil-paragrafu 1 jiġi rranġat jew annullat.

3.      L-Istati Membri u kull persuna li tkun involuta direttament u individwalment konċernata jistgħu jirreferu lill-Kummissjoni kull att kif imsemmi fil-paragrafu 1, kemm jekk espressament jew taċitament, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżamina l-legalità ta’ dak l-att. Għandha ssir referenza lill-Kummisjoni fi żmien xahar wieħed mill-jum meta l-parti konċernata tkun saret taf għall-ewwel darba bl-att in kwistjoni. Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien tlett xhur. Jekk ma tittieħed ebda deċiżjoni f’dan il-perjodu, il-każ għandu jitqies li ġie rifjutat.”

4        Skont l-Artikolu 124 tar-Regolament trade mark Nru 207/2009, bit-titlu “Amministrazzjoni tal-uffiċċju”, b’mod partikolari,

“1.      L-[UASI] għandu jiġi amministrat mill-President.

2.      Għal dawn il-finijiet il-President għandu jkollu b’mod partikolari dawn il-funzjonijiet u poteri:

[…]

(ċ)      huwa għandu jħejji l-estimi tad-dħul u ta’ l-infiq ta’ l-U[ASI] u għandu jimplimenta l-budget;

[…]

(f)      huwa jista’ jiddelega l-poteri tiegħu.

3.      Il-President għandu jiġi mgħejun minn wieħed jew iżjed Viċi-Presidenti […]”

5        Skont l-Artikolu 143 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009, bit-titlu “Dispożizzjonijiet finanzjarji”:

“Il-Kumitat tal-Budget għandu, wara li jikkonsulta mal-Qorti ta’ l-Awdituri [...] mal-Kummissjoni, jadotta dispożizzjonijiet finanzjarji interni li jispeċifikaw, b’mod partikolari, il-proċedura ta’ kif għandu jiġi stabbilit u implimentat il-budget ta’ l-U[ASI]. Id-dispożizzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu ibbażati fuq ir-regolamenti finanzjarji adottati għall-organi oħrajn stabbiliti mill-Komunità, sa fejn dawn ikunu kumpatibbli mal-karatteristiċi partikolari ta’ l-U[ASI].”

6        L-Artikolu 185(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74; iktar ʼil quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), jipprovdi kif ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tadotta fil-qafas finanzjarju regolament [regolament finanzjarju qafas] għall-korpi stabbiliti mill-Komunitajiet u li jkollhom personalità legali [ġuridika] li attwalment jirċievu għotjiet imħallsa [sussidji addebitati lill-] mill- budget. Ir-regoli finanzjarji ta’ dawn il-korpi ma jistgħux imorru lil hinn mir-regolament kwardu apparti milli meta l-ħtiġiet speċifiċi operattivi tagħhom hekk jeħtieġu u bil-kunsens bil-quddiem tal-Kummissjoni”.

7        Skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2343/2002, tat-19 [23] ta’ Diċembru 2002, dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament finanzjarju ġenerali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 216), u li ġie emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 652/2008, tad-9 ta’ Lulju 2008 (ĠU L 181, p. 23), “[f]ir-rigward ta’ l-akkwisti [tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi], id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Finanzjarju ġenerali u tar-Regolament [...] Nru 2342/2002 għandhom japplikaw bil-kundizzjoni ta’ paragrafi 4 sa 7 ta’ dan l-Artikolu”.

B –  Ir-Regolament CB‑3‑09 tal-UASI

8        Skont l-ewwel pargrafu tal-Artikolu 33 tal-Kumitat tal-Baġit tal-UASI, tas-17 ta Lulju 2009, li jistabbilixxi r-regoli finanzjarji applikabbli għall-Uffiċċju, “[i] l-President tal-U[ASI] jeżerċita l-funzjonijiet ta’ uffiċjal” u “[j]implementa l-baġit fi dħul u f’infiq skont ir-regoli finanzjarji tal-U[ASI], fuq ir-responsabbiltà tagħha stess u fil-limiti tal-krediti allokati”.

9        L-Artikolu 34(1) tar-Regolament CB-3-09 jipprovdi, b’mod partikoalri, li “[i] l-President U[ASI] jista’ jiddelega l-poteri tiegħu sabiex jimplimenta l-baġit lil uffiċjali tal-U[ASI] suġġetti għar-regolamenti tal-persunal, fil-limiti stabbiliti mill-istrument tad-delega”.

10      L-Artikolu 74(1) tar-Regolament CB‑3‑09 jipprovdi :

“Fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Ġenerali u r-Regolament Nru 2342/2002 għandhom japplikaw, soġġett għall-paragrafi 4-7 ta’ dan l-artikolu”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

11      Ir-rikorrenti, European Dynamics Luxembourg SA, European Dynamics Belgium SA u Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, huma attivi fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika u tal-komunikazzjoni u jitfgħu offerti regolarment fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ sejħa għal offerti mibdija mill-istituzzjonijiet u organi differenti tal-Unjoni, fosthom l-UASI.

12      Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt tal-15 ta’ Jannar 2011, l-UASI ppubblika fis-Suppliment għal Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2011/S 10‑013995) sejħa għal offerti, taħt in-numru ta’ riferiment AO/029/10 intitolat “Żvilupp ta’ softwer u servizzi ta’ manutenzjoni”. Il-kuntratt li kien ser jingħata kien intiż sabiex jipprovdi lill-UASI servizzi informatiċi għal prototipi, l-analiżi, id-disinn, id-disinn grafiku, l-iżvilupp, l-ittestjar u l-istallazzjoni ta’ sistemi ta’ informazzjoni, kif ukoll il-provvista ta’ dokumentazzjoni teknika, it-taħriġ fl-użu u l-manutenzjoni ta’ dawn is-sistemi.

13      Skont it-termini tal-punt II.1.4 tal-avviż ta’ kuntratt, il-kuntratt jirrigwarda l-għoti ta’ kuntratti-qafas ta’ tul massimu ta’ seba’ snin bi tliet fornituri ta’ servizzi informatiċi distinti. F’dan ir-rigward, il-punt 14.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (Anness I tal-fajl tas-sejħa għal offerti) jippreċiża li l-imsemmija kuntratti-qafas għandhom jiġu konklużi separatament u skont il-mekkaniżmu msejjaħ “kaskata”. Dan il-mekkaniżmu jfisser li, jekk l-offerent ikklassifikat l-ewwel ma jkunx jista’ jipprovdi s-servizzi rikjesti, l-UASI jdur għat-tieni wieħed, u jibqa’ sejjer hekk.

14      Skont il-punt IV.2.1 tal-avviż ta’ kuntratt, il-kuntratt għandu jingħata lill-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Fil-punt VI.4.1, huwa previst li l-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ rikors huwa l-Kummissjoni Ewropea u dak responsabbli għall-proċeduri ta’ medjazzjoni huwa l-Ombudsman Ewropew. Il-punt VI.4.2 jindika li l-bażi legali għal kwalunkwe rikors huwa l-Artikolu 118 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1. p. 146) [li sar l-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009] u li tali riferiment lill-Kummissjoni għandu jsir f’terminu ta’ ħmistax-il jum mill-jum li fih il-persuna kkonċernata setgħet tkun taf l-ewwel darba bl-att inkwistjoni.

15      B’ittri tad-19 u tal-24 ta’ Jannar u tal-1 ta’ Frar 2011 indirizzata lill-UASI, ir-rikorrenti lmentaw minn ċerti irregolaritajiet marbuta mal-kundizzjonijiet u mal-modalitajiet tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/029/10. L-UASI wieġeb għal dan b’ittri tat-28 ta’ Jannar u tal-4 ta’ Frar 2011 fejn ċaħad l-allegazzjonijiet tagħhom u ġibed l-attenzjoni tagħhom għall-possibbiltà li jressqu lment lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009.

16      B’ittra tas-16 ta’ Frar 2011 indirizzata lill-UASI, ir-rikorrenti tennew il-kritika tagħhom dwar in-nuqqas ta’ ċarezza u l-ambigwità ta’ ċerti kriterji tekniċi stipulati fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u talbuh sabiex ibiddilhom.

17      B’ittra tal-4 ta’ Marzu 2011 ir-rikorrenti ressqu lment quddiem id-Direttorati-Ġenerali (DĠ) “Suq Intern” u “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni, fejn talbuhom sabiex jinvestiga l-aġir tal-UASI fil-kapaċità tiegħu ta’ awtorità kontraenti, b’mod partikolari rigward l-allegati irregolaritajiet marbuta mal-ġestjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/029/10 u mal-kuntratti-qafas ta’ manutenzjoni preċedenti li għandhom in-Numru 4020070018, li l-UASI kienet tat f’Mejju 2007, skont il-mekkaniżmu “kaskata”, lil tliet kumpaniji, inkluż it-tielet rikorrent.

18      B’ittri tat-8 u tad-9 ta’ Marzu 2011 mibgħuta lill-UASI, ir-rikorrenti mill-ġdid kkontestaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

19      Fil-11 ta Marzu 2011, l-ewwel rikorrent ippreżenta offerta b’risposta għall-avviż ta’ kuntratt tal-15 ta’ Jannar 2011.

20      B’ittra tat-30 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti, min-naħa waħda, li hija kkunsidrat li l-ilment ġie mressaq barra t-terminu u għalhekk ma setax jiġi eżaminat minnha u, min-naħa l-oħra, hija kienet ressqet ċerti allegazzjonijiet lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) peress li kienu jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu. B’ittra tat-13 ta’ Diċembru 2011, l-OLAF informa lill-UASI bil-fatt li għalaq il-każ sa fejn dan jikkonċerna avviż ieħor ta’ kuntratt oħra ppubblikat ukoll fis-suppliment għal Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2011/S 55‑089144).

21      B’ittra tal-31 ta’ Mejju 2011 indirizzata lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti kkontestaw iċ-ċaħda tal-ilment tagħhom bħala tardiv u mill-ġdid stiednu lill-Kummissjoni sabiex terġa’ teżaminah.

22      B’ittra tal-11 ta’ Awwissu 2011 (iktar ʼil quddiem l-“ittra kontenzjuża”), l-UASI informa lir-rikorrenti bir-riżultat tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti (iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni ta’ għoti”) u indikatilhom li ma aċċettatx l-offerta tal-ewwel rikorrenti peress li ma ġiex ippruvat li kienet l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Din l-ittra fiha wkoll tabella komparattiva li tispjega n-numru ta’ punti mogħtija għal din l-offerta u dak mogħti rispettivament għall-offerti tat-tliet offerenti li kisbu l-ogħla marka.

23      B’ittra tat-12 ta’ Awwissu 2011, ir-rikorrenti talbu lill-UASI li jibagħtilhom, l-ewwel nett, il-kompożizzjoni eżatta tal-konsorzju ta’ offerenti aċċettati kif ukoll l-ismijiet ta’ jew l-imsieħba jew tas-subkuntratturi potenzjali tal-imsemmija offerenti u l-perċentwali tal-kuntratt li ġie fdat lilhom, it-tieni nett, il-marki mogħtija għall-offerta tagħhom u għall-offerti tal-offerenti magħżula għal kull wieħed mill-kriterji ta’ għoti tekniku, akkumpanjati minn analiżi komparattiva ddettaljata tal-punti pożittivi u dawk negattivi ta’ dawn l-offerti għal kull sottokriterju, kif ukoll spjegazzjoni tal-vantaġġi relatati u tas-servizzi addizzjonali jew tal-aħjar kwalità proposti mill-offerenti magħżula fir-rigward tal-offerta tar-rikorrenti, it-tielet nett, kopja ddettaljata tar-rapport ta’ evalwazzjoni, ir-raba’ nett, l-offerti finanzjarji tal-offerenti magħżula, meta mqabbla mal-offerta tar-rikorrenti, u l-ħames nett, l-ismijiet tal-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni sabiex jivverifikaw l-eżistenza ta’ kunflitt potenzjal ta’ interessi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti allegaw l-eżistenza ta’ konflitti ta’ interess fir-rigward ta’ tnejn mit-tliet offerenti magħżula kif ukoll ċerti irregolaritajiet fl-applikazzjoni mill-UASI tal-kriterji finanzjarji għall-evalwazzjoni tal-offerti finanzjarji. Huma finalment talbu lill-UASI sabiex ma jikkonkludix kuntratt mal-offerenti magħżula sakemm huma jkunu rċevew u eżaminaw ir-risposti tal-UASI.

24      B’ittra tas-26 ta’ Awwissu 2011, l-UASI bagħtet lir-rikorrenti silta mir-rapport ta’ evalwazzjoni li tinkludi l-evalwazzjoni kwalitattiva tal-offerta tagħhom skont tliet kriterji, jiġifieri l-kwalità tas-servizzi ta’ manutenzjoni tas-softwer, il-komponent kummerċjali, u l-kwalità tas-servizzi tal-klijent). Barra minn hekk, huwa bagħtilhom, minn naħa, l-ismijiet tal-offerenti magħżula u, min-naħa l-oħra, żewġ tabelli li juru l-marki li dawn l-offerenti u l-ewwel rikorrenti kisbu rispettivament għall-offerti tekniċi u finanzjarji tagħhom.

25      B’ittra tad-29 ta’ Awwissu 2011 indirizzata lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti lmentaw li l-Kummissjoni kienet għadha ma investigatx l-elementi miġjuba għall-attenzjoni tagħha fl-ittri tagħhom tal-4 ta’ Marzu u tal-31 ta’ Mejju 2011. Barra minn hekk, huma kkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni ta’ għoti fir-rigward ta’ “irregolaritajiet ġodda” li seħħew matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/029/10. B’hekk, l-offerenti magħżula t-tieni u t-tielet kellhom jiġu esklużi mill-proċedura ta’ sejħa għall-offerti minħabba, minn naħa, l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interess u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-konsorzju tat-tielet offerent kien jinkludi operatur li kien responsabbli sabiex jipprepara l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Ir-rikorrenti b’hekk stiednu lill-Kummissjoni sabiex teżamina “l-proċedura ta’ evalwazzjoni mmexxija mill-UASI dwar is-sejħa għal offerti AO/029/10 u tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżguraw li tkun konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni Ewropea”.

26      B’ittra tat-2 ta’ Settembru 2011 indirizzata lill-UASI, ir-rikorrenti lmentaw dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar ir-riżultati tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ żvelar ta’ partijiet mir-rapport ta’ evalwazzjoni li jirrigwardaw l-offerti tal-offerenti magħżula kif ukoll il-kompożizzjoni eżatta ta’ dawn l-offerenti. Barra minn hekk, huma sostnew li hemm manipulazzjoni tal-“formula ta’ evalwazzjoni finanzjarja” li l-UASI użat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-offerti finanzjarji u tennew l-allegazzjonijiet invokati fl-imsemmija ittri preċedenti tagħhom.

27      B’ittra tal-15 ta’ Settembru 2011 indirizzata lir-rikorrenti, l-UASI rrefera għall-motivazzjoni li tinsab fl-ittra kontenzjuża u fl-ittra tas-26 ta’ Awwissu 2011 li hija qieset suffiċjenti. Madankollu, huwa ddikjara li kien lest li jipprovdi dettalji addizzjonali dwar il-kriterji finanzjarji u bagħat tabella komparattiva. Rigward il-“formula ta’ evalwazzjoni finanzjarja” użata minnu, l-UASI indika lir-rikorrenti li din il-formula kienet ibbażata fuq ipoteżi ta’ xogħol, li l-fatturi li għandhom jingħataw piż jiddependu fuq is-sitwazzjoni eżistenti fi ħdan l-UASI matul l-iżvilupp tal-kriterji tal-għoti tas-sejħa għal offerti.

28      B’ittra tas-16 ta’ Settembru 2011 indirizzata lill-UASI, ir-rikorrenti tennew il-kritika tagħhom, ikkontestaw l-ispjegazzjoni mogħtija dwar l-użu tal-“formula ta’ evalwazzjoni finanzjarja” fuq il-bażi ta’ ipoteżi ta’ xogħol, ikkontestaw ir-riżultati tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/029/10 u stiednu lill-UASI jirrikunsidra l-pożizzjoni tiegħu.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

29      Ir-rikorrenti fetħet din il-kawża b’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Ottubru 2011.

30      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ għoti, kif ikkomunikata mill-ittra kontenzjuża, sa fejn hija tiċħad l-offerta tal-ewwel rikorrenti;

–        tannulla d-deċiżjonijiet l-oħra kollha relatati konnessi tal-UASI, inklużi dawk li jattribwixxu l-kuntratt inkwistjoni lill-offerenti klassifikati rispettivament l-ewwel u t-tielet fil-mekkaniżmu “kaskata”;

–        tikkundanna lill-UASI għal kumpens sa EUR 67 500 000 għad-dannu kkawżat lir-rikorrenti mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni;

–        tikkundanna lill-UASI għal kumpens sa EUR 6 750 000 għad-dannu mġarrab mir-rikorrenti b’riżultat tal-telf ta’ opportunità u l-effett ħażin għar-reputazzjoni u għall-kredibbiltà;

–        tordna lill-UASI tħallas l-ispejjeż tal-kawża.

31      Insostenn tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jressqu tliet motivi, parzjalment maqsuma f’diversi partijiet. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur mill-UASI tal-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni taħt l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali peress li ta lir-rikorrenti informazzjoni u spjegazzjonijiet insuffiċjenti dwar il-motivazzjoni li wasslet lill-awtorità kontraenti li tadotta d-deċiżjoni ta’ għoti. It-tieni motiv huwa bbażat fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, b’mod partikolari, rigward l-użu ta’ kriterji għal għoti ġodda jew mhux magħrufa, u kuntrarji għall-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u ma humiex iċċarati biżżejjed (l-ewwel parti), l-użu ta’ formula ta’ evalwazzjoni finanzjarja żbaljata li wassal għal distorsjonijiet (it-tieni parti) u li ġew immanipulati mill-offerenti magħżula (it-tielet parti), kif ukoll it-tibdil; tas-suġġett tal-kuntratt (ir-raba’ parti). It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, speċjalment fin-nuqqas ta’ esklużjoni tal-offerenti magħżula li huma f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess, tal-Artikolu 93(1)(f), tal-Artikoli 94 u 96 tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali, tal-Artikoli 133a u 134b tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145). u l-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba”.

32      Permezz ta’ att separat irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-31 ta’ Jannar 2012, l-UASI qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali kontra t-talbiet għal annullament u għad-danni. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din l-eċċezzjoni fis-26 ta’ April 2012.

33      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talbiet għal annullament u għad-danni bħala manifestament inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

34      Fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti jtennu kapijiet tat-talbiet tagħhom imressqa fir-rikors u jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u teżamina l-mertu tal-kawża.

 Id-dritt

A –  Osservazzjonijiet preliminari

35      Skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk waħda mill-partijiet tagħmel talba f’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, il-proċedura titkompla oralment, sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiħux deċiżjoni kuntrarja.

36      Skont l-Artikolu 114(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jew tirrinvija d-deċiżjoni tagħha għas-sentenza finali. F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tqis li hemm biżżejjed informazzjoni mid-dokumenti fil-proċess sabiex tiddeċiedi dwar din l-eċċezzjoni. Għaldaqstant, għal dan il-għan, ma hemmx lok li tinfetaħ il-proċedura orali.

B –  Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament

1.     L-argumenti tal-partijiet

37      Fil-kuntest tal-eċċezzjoni tagħha ta’ inammissibbiltà, l-UASI jressaq tliet motivi ta’ inammissibbiltà ta’ talbiet għal annullament. L-ewwel nett, ir-rikors ġudizzjarju ġie ppreżentat b’mod prematur. Skont l-UASI, il-bidu tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 122(3) tar-Regolament trade marks Nru 207/2009 huwa stadju obbligatorju qabel ma tiġi adita l-qorti tal-Unjoni. Peress li, f’din il-kawża, dan ir-rikors ġie ppreżentat qabel it-tmiem tat-terminu speċifikat f’dan l-artikolu, huwa prematur u għalhekk inammissibbli. L-istess japplika jekk l-istħarriġ amministrattiv mill-Kummissjoni kellu jiġi kkunsidrat fakultattiv, peress li, f’din il-kawża, ir-rikorrenti fil-fatt ressqu lment skont l-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009. It-tieni nett, sussidjarjament, l-UASI jqis li ma għandux il-locus standi bħala konvenut, peress li, wara l-għeluq tal-proċedura amministrattiva skont l-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009, ir-rikors kellu jkun ippreżentat kontra l-Kummissjoni. It-tielet nett, b’mod iktar sussidjarju, l-UASI jsostni li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors. Anki jekk jitqies li l-istħarriġ li kellu jsir mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009 huwa biss volontarju, l-ilment u r-rikors li jsiru lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ġenerali għandhom ikunu bbażati fuq l-istess fatti u jsegwu l-istess għanijiet, hekk li l-ilment, li kien imressaq qabel, jipprevali fuq ir-rikors ġudizzjarju. B’hekk, dan tal-aħħar għandu jiġi ddikjarat inammissibbli ratione temporis.

38      Preliminarjament, l-UASI jsostni li l-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Skont id-dispożizzjonijiet baġitarji rilevanti, id-deċiżjoni ta’ għoti kkontestat huwa att tal-President tal-UASI. F’din il-kawża, dan tal-aħħar iddelega s-setgħa amministrattiva tiegħu lill-Viċi President tal-UASI, C. Archambeau, li ffirma d-deċiżjoni ta’ għoti. Barra minn hekk, ir-riferiment fil-punt VI.4.1 tal-avviż ta’ kuntratt għall-Artikolu 118 tar-Regolament Nru 40/94 għandha jinftiehem bħala riferiment għall-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009.

39      Rigward l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà, ibbażat fuq in-natura prematura tat-talbiet għal annullament, l-UASI, l-ewwel nett, isostni li l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 122(3) tar-Regolament Nru 207/2009, hija kundizzjoni obbligatorja minn qabel għall-preżentata ta’ rikors ġudizzjarju. B’hekk, sabiex ikun ammissibbli, dan ir-rikors għandu jiġi ppreżentat wara t-tmiem ta’ din il-proċedura amministrattiva. L-UASI, it-tieni nett, isostni li, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-proċedura amministrattiva skont l-Artikolu 122 tar-Regolament Nru 207/2009 hija fakultattiva, ir-rikors ġudizzjarju madankollu huwa prematur minħabba li r-rikorrenti deliberatament bdew il-proċedura amministrattiva taħt din id-dispożizzjoni.

40      L-UASI jfakkar li, fid-29 ta’ Awwissu 2011, ir-rikorrenti ressqu quddiem il-Kummissjoni lment kontra d-deċiżjoni ta’ għoti meħuda fi tmiem il-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/029/10 u li, skont l-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009, il-Kummissjoni setgħet tadotta deċiżjoni f’dan ir-rigward sad-29 ta’ Novembru 2011. Skont l-Artikolu 122(3) tal-istess regolament, l-assenza ta’ deċiżjoni formali tal-Kummissjoni kienet tfisser deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-ilment (digrieti tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2009, infeurope vs Il-Kummissjoni, T‑176/08 u T‑188/08, mhux ippubblikati fil-Ġabra, rispettivament, punti 38 u 39, 34 u 35), hekk li t-terminu ta’ rikors, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda impliċita tal-ilment kien beda jiddekorri fid-29 ta’ Novembru 2011.

41      L-UASI jqis li l-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat ukoll fid-dawl tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jipprovdi deroga għall-organi tal-Unjoni fir-rigward tal-istħarriġ dirett tal-legalità tal-atti tagħhom mill-qorti tal-Unjoni. Skont l-UASI, fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet speċifiċi fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom jinftiehmu bħala li huma intiżi għal proċeduri ta’ stħarriġ tal-legalità li huma vinkolanti jew fakultattivi fir-rigward tal-istadji tagħhom previsti sabiex isir rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni. Meta dawn il-kundizzjonijiet speċifiċi, bħal dawk previsti mill-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009 huma obbligatorji, huma għandhom neċessarjament ikunu osservati mir-rikorrenti qabel ma tippreżenta tali rikors.

42      Skont l-UASI, il-proċedura amministrattiva skont l-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009 hija vinkolanti, hekk li l-ebda proċeduri legali ma jistgħu jinbdew sakemm din l-ewwel proċedura tkun pendenti. Din in-natura vinkolanti hija ġġustifikata mill-prinċipji ta’ ekonomija proċedurali u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jirrikjedu l-intervent “b’saħħtu” tal-Kummissjoni f’terminu qasir, mingħajr spejjeż għall-partijiet. Il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, minn naħa, li l-istħarriġ amministrattiv tal-Kummissjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jikkostitwixxi rekwiżit minn qabel għall-preżentata ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara d-digrieti infeurope vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ʼil fuq, rispettivament, punti 38 u 34, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha) u, min-naħa l-oħra, li din id-dispożizzjoni stabbilixxiet mekkaniżmu għall-istħarriġ tal-legalità ta’ atti tal-President tal-UASI, b’mod partikolari fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li fir-rigward tagħhom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdix għal stħarriġ tal-legalità minn xi korp ieħor (ara d-digrieti infeurope vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ʼil fuq, rispettivament, punti 37 u 32, u l-ġurisprudenza ċċitata). L-UASI jippreċiża, essenzjalment, li huwa irrilevanti li din il-ġurisprudenza tmur lura għaż-żmien meta l-Artikolu 230 KE kien għadu fis-seħħ li ma kien jagħmel ebda riferiment speċifiku għar-rikorsi għal annullament ta’ deċiżjonijiet ta’ organi, li l-ammissibbiltà tagħhom kienet preċiżament irrikonoxxuta mill-ġurisprudenza, kif ikkodifikata bl-Artikolu 263 TFUE.

43      L-UASI jikkonkludi mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li r-rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE huwa inammissibbli, peress li jimplika evitar tal-kundizzjonijiet speċifiċi u vinkolanti stipulati fl-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009, li kienu speċifikament imsemmija fil-punt VI.4.2 tal-avviż tal-kuntratt li r-rikorrenti kienu għamlu użu minnu meta ressqu l-ilment tagħhom fid-29 ta’ Awwissu 2011. L-UASI jenfasizza li, fil-fatt, dan ir-rikors kien ippreżentat fil-21 ta’ Ottubru 2011, jiġifieri qabel it-tmiem tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, li seta jdum sad-29 ta’ Novembru 2011.

44      Skont l-UASI, anki jekk il-proċedura amministrattiva skont l-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009 kellha titqies fakultattiva, li ma huwiex il-każ, it-talbiet għal annullament huma madankollu inammissibbli, peress li tressqu b’mod prematur. Fil-fatt, f’din il-kawża, din l-allegata natura fakultattiva hija nieqsa minn rilevanza peress li r-rikorrenti deliberatament għażlu li jużaw dan ir-rimedju u, barra minn hekk, ma stennewx id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttemm din il-proċedura amministrattiva qabel ma ppreżentaw ir-rikors ġudizzjarju tagħhom. Għaldaqstant, it-talbiet għal annullament huma inammissibbli irrispettivament min-natura vinkolanti jew fakultattiva tal-istħarriġ amministrattiv tal-Kummissjoni, minħabba li, fiż-żewġ każijiet, ir-rikors ġie ppreżentat qabel it-tmiem tal-proċedura amministrattiva prevista għal dan il-għan.

45      Fir-rigward tat-tieni motiv ta’ inammissibbiltà, ibbażat fuq nuqqas ta’ locus standi tal-UASI, huwa jfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali (ara d-digrieti infeurope vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ʼil fuq, rispettivament, punti 39 u 35, u l-ġurisprudenza ċċitata), ir-rikorrenti kellhom jippreżentaw rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-ilment tal-Kummissjoni, u mhux kontra d-deċiżjoni ta’ għoti tal-UASI, hekk li t-talbiet għal annullament għandhom fi kwalunkwe każ jiġu ddikjarati inammissibbli.

46      Fir-rigward tat-tielet motiv ta’ inammissibbiltà, ibbażat fuq nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, l-UASI jirrileva, essenzjalment, li l-istħarriġ tal-legalità tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009, huwa bbażat fuq l-istess fatti bħal dawk li huma s-suġġett tal-proċedura ġudizzjarja quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 263 TFUE u jkun isegwi l-istess għanijiet bħal din il-proċedura ġudizzjarja. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma fassalx il-proċeduri amministrattivi skont l-Artikolu 122 tal-istess regolamenti bħala li joffri lill-individwi rimedju alternattiv għal dak quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex jipproteġu l-interessi tagħhom (ara d-digrieti infeurope vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ʼil fuq, rispettivament, punti 38 u 34, u l-ġurisprudenza ċċitata)

47      L-UASI jikkonkludi li, anki kieku l-proċedura prevista fl-Artikolu 122 tar-Regolament Nru 207/2009 ma kellhiex natura vinkolanti, l-imsemmija proċedura “tissostitwixxi” dik quddiem il-qorti tal-Unjoni. Fil-fatt, kuntrarjament għall-proċedura quddiem l-Ombudsman, rikorrent jibqa’ liberu li jagħżel, fost iż-żewġ rimedji disponibbli, liema wieħed jista’ jservi l-iktar l-interessi tiegħu. Madankollu, meta tittieħed deċiżjoni fit-tmiem wieħed minn dawn iż-żewġ rimedji, it-tieni wieħed ikun eskluż. Skont l-UASI, peress li, f’dan il-kawża, ir-rikorrenti ressqu lment quddiem il-Kummissjoni taħt l-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009 qabel ma ppreżentaw rikors taħt l-Artikolu 263 TFUE, dan l-aħħar rimedju ma għadux iktar disponibbli u hemm lok li jiġi ddikjarat inammissibbli peress li l-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti ratione temporis sabiex jieħu konjizzjoni tiegħu.

48      Ir-rikorrenti jitolbu li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Huma jikkontestaw, minn naħa, l-applikabbiltà tal-Artikolu 122 tar-Regolament Nru 207/2009 fil-każ inkwistjoni, u min-naħa l-oħra, in-natura prematura tar-rikors tagħhom, in-natura vinkolanti ta’ proċedura minn qabel quddiem il-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ locus standi tal-UASI kif ukoll in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali.

2.     Fuq il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi diretti kontra l-atti tal-UASI

49      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li teżamina, l-ewwel nett, it-tielet motiv ta’ inammissibbiltà, jiġifieri l-kwistjoni dwar jekk – irrispettivament mill-portata tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009 – il-qorti tal-Unjoni għandhiex ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ rikorsi diretti kontra l-atti tal-UASI.

50      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif introdott mit-Trattat ta’ Lisbona u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009, tistipula dispożizzjoni ġdida ta’ dritt primarju, li biha l-qorti tal-Unjoni “tikkontrolla wkoll il-legalità ta’ l-atti ta’ korpi jew organi ta’ l-Unjoni maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi”. Din id-dispożizzjoni hija maħsuba sabiex timla lakuna importanti fit-test tal-verżjoni preċedenti ta’ dan l-artikolu, jiġifieri l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 230KE u, għaldaqstant, fis-sistema kkodifikata tar-rimedji tat-Trattat, billi minbarra l-atti tal-istituzzjonijiet tagħha fis-sens tal-Artikolu 13 TUE, huma espressamment suġġetti għal rimedju quddiem il-qorti tal-Unjoni l-atti ġuridikament vinkolanti tal-organi jew tal-korpi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 Ottubru 2008, Sogelma vs AER, T‑411/06, Ġabra p. II‑2771, punti 33 et seq, b’mod partikolari l-punt 36, li tirreferi għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, 294/83, Ġabra p. 1339).

51      Għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 115(1) tar-Regolament trade marks Nru 207/2009, l-UASI jikkostitwixxi organu tal-Unjoni fis-sens tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

52      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikorsi kontra atti tal-UASI, inkluż dawk tal-president tagħha rigward kuntratti pubbliċi, li huma intiżi sabiex jipproduċu effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ terzi.

3.     Fuq il-portata tal-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009

53      It-tieni nett, għandu jiġi evalwat jekk u, jekk ikun il-każ, sa fejn, din il-ġurisdizzjoni hija limitata jew affettwata bl-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009.

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, taħt it-titlu “Kontroll dwar il-legalità”, l-Artikolu 122(1) tal-istess regolament jipprevedi li, “[i]l-Kummissjoni għandha tikkontrolla l-legalità ta’ dawk l-atti tal-President ta’ l-U[ASI] li fir-rigward tagħhom il-liġi Komunitarja ma tipprovdix għal kontrolli dwar il-legalità minn ebda organu ieħor […]”. B’hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huwa espressament kkundizzjonat mill-assenza ta’ stħarriġ tal-legalità tal-atti tal-President tal-UASI minn korp ieħor. Issa, il-Qorti Ġenerali, bħala korp ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat UE, tikkostitwixxi tali “organu ieħor”, sa fejn hija teżerċita dan l-istħarriġ tal-legalità skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

55      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jallega l-UASI, din il-kawża ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009 u li, għaldaqstant, b’mod partikolari, it-tieni sentenza tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu li skontha “[g]ħandha ssir referenza lill-Kummisjoni fi żmien xahar wieħed mill-jum meta l-parti konċernata tkun saret taf għall-ewwel darba bl-att in kwistjoni” ma hijiex applikabbli. Għaldaqstant, l-UASI ma jistax isostni li jew ir-rinviju lill-Kummissjoni ta’ lment kontra att tal-President tal-UASI, jew it-tmiem ta’ proċedura amministrattivi għal dan il-għan, jew eventwali deċiżjoni espressa jew impliċita tal-Kummissjoni dwar dan l-ilment jikkostitwixxu, fi kwalunkwe forma li jkunu, kundizzjonijiet minn qabel vinkolanti, jew ukoll ta’ ammissibbiltà, ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra tali att, skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

56      Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata minn interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009. Fil-fatt, meta t-test tar-regoli tal-liġi primarja li jirregolaw is-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja tat-Trattat għadu jbati mil-lakuna msemmija fil-punt 50 hawn fuq, ir-rikonoxximent tal-Kummissjoni ta’ kompitu ta’ stħarriġ tal-legalità, bħal dak previst taħt l-Artikolu 122 tal-istess regolament, jissodisfa n-neċessità pperċepita mil-leġiżlatur tal-Unjoni li titieħed deċiżjoni tal-Kummissjoni sabiex l-atti adottati mill-korpi jew organi tal-Unjoni, għall-inqas indirettament, ikunu suġġetti għal rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni. B’hekk, il-formulazzjoni “l-atti [...] li fir-rigward tagħhom il-liġi Komunitarja ma tipprovdix għal kontrolli dwar il-legalità minn ebda organu ieħor” tikkonferma li l-Kummissjoni ngħatat setgħa ta’ stħarriġ residwali u sussidjarju sabiex jiġi żgurat l-aċċess għall-qorti tal-Unjoni, għall-inqas permezz ta’ deċiżjoni espliċita jew impliċita tal-Kummissjoni fis-sens tat-tielet u raba’ subparagrafi tal-Artikolu 122(3) tar-Regolament trade marks Nru 207/2009. Madankollu, sa l-iktar tard mid-dħul tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dan l-għan tilef l-iskop tiegħu u ma jistax jiġġustifika natura allegatament vinkolanti tal-proċedura skont l-Artikolu 122 tal-imsemmi regolament bħala pass li jrid isir qabel ma tkun adita l-qorti tal-Unjoni.

57      Madankollu, insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, l-UASI jsostni li, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat ukoll fid-dawl tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li skontu “[a]tti li jistabbilixxu korpi u organi ta’ l-Unjoni jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet u arranġamenti partikolari dwar rikorsi mressqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti ta’ dawn il-korpi jew organi maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward tagħhom”.

58      Issa, għandu jitfakkar li, għar-raġunijiet esposti fil-punt 55 hawn fuq, f’din il-kawża, l-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009 ma huwiex applikabbli, hekk li l-kriterji previsti fih ma humiex ikkwalifikati bħala “kondizzjonijiet u arranġamenti partikolari” fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

59      Fi kwalunkwe każ, il-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 ma huwiex tali li jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, kif stabbilit fit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara l-punti 49 u 52 iktar ʼil fuq). Fil-fatt, kwalunkwe interpretazzjoni kuntrarja għandha mnejn iddgħajjef is-separazzjoni ċara bejn, minn naħa, is-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi u, min-naħa l-oħra, is-setgħa ġudizzjarja, li hija l-bażi tal-Artikoli 13 TEU sa 19 TUE, kif ukoll id-dmir li għandha biss il-qorti tal-Unjoni li tiżgura “li d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati” kif rikjest mit-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) TUE. Dan huwa iktar u iktar il-każ mill-formulazzjoni tal-Artikolu 122(2) tar-Regolament Nru 207/2009 trade marks, li skontu l-Kummissjoni “għandha tesiġi li kull att illegali kif msemmi fil-paragrafu 1 jiġi rranġat jew annullat” jippresupponi min-naħa ta’ din l-istituzzjoni konstatazzjoni ta’ illegalità u għaldaqstant, deċiżjoni ġenwina ta’ legalità fuq l-atti tal-President tal-UASI bħal dik ta’ qorti. Bl-istess mod, is-silta tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu li bih “[L]-Istati Membri u kull persuna li tkun involuta direttament u individwalment konċernata jistgħu jirreferu lill-Kummissjoni kull att [...] sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżamina l-legalità ta’ dak l-att” juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien ried jagħti lill-Kummissjoni setgħa ta’ stħarriġ li hija simili għall-funzjoni tal-qorti taħt it-tieni u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 230 KE. Issa, anki jekk, mill-perspettiva tal-imsemmi leġiżlatur, fid-data tal-adozzjoni tal-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009, tali setgħa ta’ stħarriġ vestit fil-Kummissjoni setgħet kienet maħsuba sabiex timla lakuna eventwali fis-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja tat-Trattat, l-imsemmija setgħa, fi kwalunkwe każ, tilfet l-iskop tagħha bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara l-punt 56 iktar ʼil fuq).

60      Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ħames subparagrafu tal-Artikolu 263TFUE ma huwiex intiż għal każ bħal dak previst mill-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009, li jagħti setgħa ta’ stħarriġ tal-legalità ta’ korp jew organu tal-Unjoni lil istituzzjoni esterna. Għall-kuntrarju, il-kriterji “kondizzjonijiet u arranġamenti partikolari” fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom jiġu interpretati bħala li jirreferu għall-istabbiliment mill-imsemmi korp jew organu ta’ kundizzjonijiet u arranġamenti purament interni, qabel ma jsir rikors ġudizzjarju, li jirregolaw, b’mod partikolari, it-tħaddim ta’ mekkaniżmu ta’ awtosorveljanza jew l-iżvolġiment ta’ proċedura ta’ soluzzjoni bonarja sabiex tiġi ppreparata jew evitata kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni. B’hekk, fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi, l-Artikoli 33 u 34 tad-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2007/497/KE, tat-3 ta Lulju 2007, tistabbilixxi r-Regoli dwar l-Akkwisti [għoti ta’ kuntratti] (ĠU L 184, p. 34), jipprevedu rimedju domestiku minn qabel quddiem Korp ta’ Reviżjoni ta’ Għoti ta’ Kuntratti (Procurement Review Body), filwaqt li jirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni esklużiva u awtonoma tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawżi bejn il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u offerent.

61      Fl-aħħar nett, sa fejn l-UASI jinvoka, insostenn tal-eċċezzjoni tiegħu, id-digrieti infeurope vs Il-Kummissjoni (punt 40 iktar ʼil fuq, rispettivament, punti 37 u 38 u 33 u 34), li ddeċidew, essenzjalment, li l-previżjoni mill-Artikolu 118(3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 122(3) tar-Regolament trade marks Nru 207/2009), ta’ terminu sabiex jitressaq quddiem il-Kummissjoni rikors amministrattiv kienet tirrifletti n-natura obbligatorja ta’ tali proċedura amministrattiva, qabel ma jkun ippreżentat rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni taħt l-Artikolu 230 KE, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din il-ġurisprudenza preċedenti saret obsoleta mad-dħul fis-seħħ tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara l-punti 49 sa 52 iktar ʼil fuq).

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu wkoll jiġi miċħud l-argument prinċipali tal-UASI li skontu li ssir il-proċedura amministrattivi taħt l-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009 tikkostitwixxi kundizzjoni minn qabel vinkolanti għall-preżentata ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u , għaldaqstant, kundizzjoni ta’ ammissibbiltà tal-imsemmi rikors.

4.     Fuq ir-rilevanza tal-fatt li r-rikorrenti bdew il-proċedura taħt l-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009

63      L-UASI jsostni, essenzjalment, li, peress li r-rikorrenti, intenzjonalment, bdew il-proċedura amministrattiva skont l-Artikolu 122 tar-Regolament Nru 207/2009 meta ssuġġettaw, bl-ittra tagħhom tad-29 ta’ Awwissu 2011, ilment lill-Kummissjoni, huma kellhom jistennew ir-riżultat ta’ din il-proċedura qabel ma jippreżentaw rikors ġudizzjarju, li, barra minn hekk, kellu jsir kontra d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti jikkontestaw li ppreżentaw tali lment skont l-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009.

64      F’dan il-każ, ma huwiex meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk l-ittra tar-rikorrenti tad-29 ta’ Awwissu 2011 tikkostitwixxix ilment fis-sens tal-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009. Anki jekk jitqies li dan huwa l-każ, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 49 sa 62 iktar ʼil fuq li l-bidu ta’ proċedura ta’ lment lill-Kummissjoni ma għandux ikollu l-effett li jimpedixxi lir-rikorrenti milli jippreżentaw, fit-termini previsti mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263, rikors d-deċiżjoni ta’ għoti, kif ikkomunikat mill-ittra kontenzjuża. Fil-fatt, apparti milli jinvoka l-formulazzjoni tal-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009, li huwa inapplikabbli f’din il-kawża (ara l-punt 55 hawn fuq) u l-ġurisprudenza obsoleta li ġejja mid-digrieti infeurope vs Il-Kummissjoni (punt 40 iktar ʼil fuq), l-UASI ma jibbaża ruħu fuq ebda bażi ġuridika għal tali limitazzjoni tad-dritt tar-rikorrenti għal rimedju ġudizzjarju effettiv fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010 C 83, p. 389). Għall-kuntrarju, minħabba l-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 49 sa 62 hawn fuq, ir-rikorrenti jkunu esposti għal riskju sinjifikattiv li jkunu esklużi milli jagħmlu tali rikors kontra din id-deċiżjoni tal-UASI jekk ikunu limitati li jressqu l-kontestazzjoni tagħhom quddiem il-Kummissjoni.

65      Konsegwentement, is-sempliċi fatt li r-rikorrenti ppruvaw jenfasizzaw, fl-ittra tagħhom tad-29 ta’ Awwissu 2011, li ssir l-investigazzjoni mill-Kummissjoni tal-ilment tagħhom tal-4 ta’ Marzu 2011, ma jistax ikollu l-effett li jrendi inammissibbli t-talbiet ta’ annullament li jkunu ressqu quddiem il-Qorti Ġenerali skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE.

5.     Konsegwenzi għall-evalwazzjoni tal-motivi ta’ inammissibbiltà invokati

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 49-62 iktar ʼil fuq, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikors tar-rikorrenti, sa fejn għandu talbiet għal annullament, la kien prematur u lanqas inammissibbli u hemm lok li jiġi miċħud l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà. L-istess jgħodd għat-tieni u t-tielet motivi ta’ inammissibbiltà, peress li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali kemm fuq il-mertu kif ukoll ratione temporis tirriżulta direttament mit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u mhux, b’mod indirett biss, mill-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009, li, minħabba l-inapplikabbiltà tiegħu, ma jistax jillimita din il-ġurisdizzjoni. Jirriżulta wkoll li, f’din il-kawża, l-UASI għandu l-kwalità ta’ konvenut f’din il-kawża u li l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament ma tiddependix fuq rikors amministrattiv minn qabel quddiem il-Kummissjoni skont l-Artikolu 122 tal-istess regolament.

67      Konsegwentement, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà sa fejn hija diretta kontra t-talbiet għal annullament.

C –  Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għad-danni

68      L-UASI jikkunsidra li, minħabba l-inammissibbiltà tat-talbiet għal annullament, it-talbiet għal danni għandhom ukoll jiġu ddikjarati inammissibbli. Sussidjarjament, l-UASI jitlob li dawn l-aħħar talbiet jkunu ddikjarati inammissibbli jew manifestament nieqsa minn kull bażi fid-dritt, skont l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura, għal ksur tar-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(c) tal-istess regoli. Fil-fatt, meta naqas li jiddeskrivi, mill-inqas fil-qosor, il-motivi jew l-elementi ta’ dritt li fuqhom huma bbażati t-talbiet għal kumpens, ir-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżit li li skontu għandu jindika n-natura u l-entità tad-dannu bi preċiżjoni suffiċjenti. B’mod partikolari, fil-kuntest tar-rikors, ir-rikorrenti ma ppreżentaw l-ebda element ta’ prova tal-aġir illegali u ma jispjegawx bi preċiżjoni suffiċjenti r-rabta bejn dan l-aġir u d-dannu allegat mġarrab.

69      Ir-rikorrenti jikkontestaw li t-talbiet tagħhom għal kumpens huma inammissibbli.

70      L-ewwel nett, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 49 sa 68 iktar ʼil fuq, l-argument prinċipali tal-UASI li skontu l-ammissibbiltà tat-talbiet għad-danni jirriżultaw immedjatament minn dawk tat-talbiet għal annullament, għandu jiġi miċħud.

71      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument sussidjarju, ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jitfakkar li, skont ewwel paragrafu tal-Artikolu 21, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53, tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jkollu l-indikazzjoni tas-suġġett tal-kawża u sommarju tar-raġunijiet invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar ir-rikors, jekk hemm bżonn, mingħajr informazzjoni addizzjonali. Bil-għan li jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jeħtieġ, sabiex rikors jitqies bħala ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun fondat joħorġu, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test stess tar-rikors. B’mod iktar speċifiku, sabiex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, rikors għal kumpens għal danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni għandu jikkontjeni l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrenti tallega fil-konfront tal-istituzzjoni, ir-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li hija tallega li sofriet, kif ukoll in-natura u l-kobor ta’ dan id-dannu (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il-Parlament u l-Kunsill, T‑16/04, Ġabra p. II‑211, punt 132, u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Issa, f’din il-kawża, l-UASI ma jistax isostni li r-rikorrenti ma osservawx dawn ir-rekwiżiti ta’ forma fir-rikors tagħhom, peress li dan ir-rikors għandu elementi biżżejjed sabiex jista’ jiġi identifikat l-aġir allegatament illegali attribwit lill-UASI, ir-raġunijiet għaliex ir-rikorrenti jqisu li hemm rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-danni li huma jallegaw li sofrew kif ukoll in-natura u l-kobor ta’ dawn id-danni. Fil-fatt, mingħajr il-ħtieġa li tippreġudika l-evalwazzjoni tal-mertu tat-talbiet għal danni, ir-rikorrenti jispjegaw dawn l-elementi differenti fit-tul, fil-punti 126 sa 155 tar-rikors tagħhom, taħt titolu separat, intitolat “Danni” , ibbażati fuq il-motivi ta’ illegalità żviluppati insostenn tat-talbiet tagħhom għal annullament (punti 126, 133 sa 136 u 140), billi jispjegaw l-eżistenza ta’ rabta kawżali (punt 137) u jippreċiżaw in-natura u l-kobor tal-allegat dannu li jirriżulta minn aġir illegali (punti 139 u 141 sa 148 dwar it-telf tal-kuntratt, u punti 150 sa 155). Għalhekk, f’din il-kawża, kuntrarjament għal dak li jsostni l-UASI, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tfittex u tidentifika, fost id-diversi ilmenti insostenn tat-talbiet għal annullament, dak jew dawk li r-rikorrenti beħsiebhom jikkunsidraw bħala li jikkostitwixxu l-bażi għat-talbiet għad-danni, jew li tispekula jew tivverifika l-eżistenza ta’ eventwali rabta kawżali bejn l-aġir imsemmi minn dan jew dawn l-ilmenti u l-allegati danni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Jannar 2012, Ben Ali vs Il-Kunsill, T‑301/11, punti 72 et seq), li jista’ jiġġustifika rifjut tal-imsemmija talbiet għad-danni bħala inammissibbli skont l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura.

73      Fit-tielet lok, f’din il-kawża, l-UASI ma speċifikax ir-raġunijiet għaliex tqis li t-talbiet għad-danni huma manifestament nieqsa minn kull bażi fid-dritt, skont l-Artikolu 111 tar-Regoli ta’ Proċedura, hekk li dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud. Fi kwalunkwe każ, fl-assenza ta’ difiża tal-UASI, f’dan ir-rigward, inkluż fir-rigward tal-aġir allegatament illegali tal-UASI, f’dan l-istadju, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiddetermina b’mod definittiv il-mertu tal-motivi differenti ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti (ara l-punt 31 iktar ʼil fuq).

74      Għaldaqstant, il-motivi ta’ inammissibbiltà invokati mill-UASI kontra t-talbiet għad-danni għandhom jiġu miċħuda fit-totalità tagħhom.

75      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-talbiet għal annullament u għad-danni huma ammissibbli u li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-UASI għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

76      L-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

tordna:

1)      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà hija miċħuda.

2)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Il-Lussemburgu, it-12 ta’ Settembru 2013.

E. Coulon

 

       J. Azizi

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

A –  Dispożizzjonijiet ġenerali

B –  Ir-Regolament CB‑3‑09 tal-UASI

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Osservazzjonijiet preliminari

B –  Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Fuq il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi diretti kontra l-atti tal-UASI

3.  Fuq il-portata tal-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009

4.  Fuq ir-rilevanza tal-fatt li r-rikorrenti bdew il-proċedura taħt l-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009

5.  Konsegwenzi għall-evalwazzjoni tal-motivi ta’ inammissibbiltà invokati

C –  Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għad-danni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.