Language of document : ECLI:EU:T:2013:514

Kawża T‑556/11

European Dynamics Luxembourg SA et

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern
(Trade marks u Disinni) (UASI)

“Rikors għal annullament u għad-danni — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà — Talba għal annullament — L-ewwel u l-ħames paragrafi tal-Artikolu 263 TFUE — Artikolu 122 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Assenza tan-natura prematura tar-rikors — Kwalità ta’ konvenut — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali — Talba għad-danni — Artikolu 44(1)(c) tar‑Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali — Ammissibbiltà”

Sommarju — Digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla)
tat-12 ta’ Settembru 2013

1.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Applikabbiltà għall-atti adottati mill-aġenziji stabbiliti abbażi tad-dritt derivat li jipproduċu effetti ġuridiċi fil-konfront ta’ terzi — Atti tal-President tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern

(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 268 TFUE)

2.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Applikabbiltà għall-atti adottati mill-aġenziji stabbiliti abbażi tad-dritt derivat li jipproduċu effetti ġuridiċi fil-konfront ta’ terzi — Atti tal-President tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern — Kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 122 tar-Regolament Nru 207/2009

(Artikolu 19(1) Trattat UE; l-ewwel u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 122)

3.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Talba għall-kumpens għad-danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(c))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 50-52)

2.      L-Artikolu 122(1) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja jipprevedi li, “[i]l-Kummissjoni għandha tikkontrolla l-legalità ta’ dawk l-atti tal-President tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) li fir-rigward tagħhom il-liġi Komunitarja ma tipprovdix għal kontrolli dwar il-legalità minn ebda organu ieħor […]”. B’hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huwa espressament kkundizzjonat mill-assenza ta’ stħarriġ tal-legalità tal-atti tal-President tal-UASI minn korp ieħor. Issa, il-Qorti Ġenerali, bħala korp ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat UE, tikkostitwixxi tali “organu ieħor”, sa fejn hija teżerċita dan l-istħarriġ tal-legalità skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Minn dan isegwi li att tal-President tal-Uffiċċju ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 122 tar-Regolament Nru 207/2009 u li, għaldaqstant, b’mod partikolari, it-tieni sentenza tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu li skontha “[g]ħandha ssir referenza lill-Kummisjoni fi żmien xahar wieħed mill-jum meta l-parti konċernata tkun saret taf għall-ewwel darba bl-att in kwistjoni” ma hijiex applikabbli. Għaldaqstant, l-Uffiċċju ma jistax isostni li jew ir-rinviju lill-Kummissjoni ta’ lment kontra att tal-President tal-Uffiċċju, jew it-tmiem ta’ proċedura amministrattivi għal dan il-għan, jew eventwali deċiżjoni espressa jew impliċita tal-Kummissjoni dwar dan l-ilment jikkostitwixxu, fi kwalunkwe forma li jkunu, kundizzjonijiet minn qabel vinkolanti, jew ukoll ta’ ammissibbiltà, ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra tali att, skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata minn interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 122 tar-Regolament trade marks Nru 207/2009. Fil-fatt, meta l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 230 li jirregola s-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja tat-Trattat għadu jbati minn lakuna dwar l-atti ta’ korpi u organi tal-Unjoni, ir-rikonoxximent tal-Kummissjoni ta’ kompitu ta’ stħarriġ tal-legalità, bħal dak previst taħt l-Artikolu 122 tal-istess regolament, jissodisfa n-neċessità pperċepita mil-leġiżlatur tal-Unjoni li tittieħed deċiżjoni tal-Kummissjoni sabiex l-atti adottati mill-korpi jew mill-organi korpi tal-Unjoni, għall-inqas indirettament, ikunu suġġetti għal rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni. B’hekk, il-formulazzjoni “l-atti [...] li fir-rigward tagħhom il-liġi Komunitarja ma tipprovdix għal kontrolli dwar il-legalità minn ebda organu ieħor” tikkonferma li l-Kummissjoni ngħatat setgħa ta’ stħarriġ residwali u sussidjarju sabiex jiġi żgurat l-aċċess għall-qorti tal-Unjoni, għall-inqas permezz ta’ deċiżjoni espliċita jew impliċita tal-Kummissjoni fis-sens tat-tielet u raba’ subparagrafi tal-Artikolu 122(3) TFUE tar-Regolament trade marks Nru 207/2009. Madankollu, sa l-iktar tard mid-dħul tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dan l-għan tilef l-iskop tiegħu u ma jistax jiġġustifika natura allegatament vinkolanti tal-proċedura skont l-Artikolu 122 tal-imsemmi regolament bħala pass li jrid isir qabel ma tkun adita l-qorti tal-Unjoni.

(ara l-punti 54-56)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 71)