Language of document : ECLI:EU:T:2016:248

Kawża T‑556/11

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

European Dynamics Luxembourg SA et

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Żvilupp ta’ softwer u servizzi ta’ manutenzjoni — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent — Klassifikazzjoni ta’ offerenti fi proċedura ta’ kaskata –Raġunijiet għall-esklużjoni — Kunflitt ta’ interessi — Ugwaljanza fit-trattament — Dmir ta’ diliġenza — Kriterji ta’ għoti — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Telf ta’ opportunità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-27 ta’ April 2016

1.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Għoti ta’ kuntratti – Esklużjoni ta’ offerenti f’sitazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi – Kunċett ta’ kunflitt ta’ interessi – Parteċipazzjoni għax-xogħlijiet preparatorji tal-kuntratt ta’ kumpannija membru ta’ konsorzju offerent – Inklużjoni – Kundizzjoni – Eżistenza ta’ riskju għall-kompetizzjoni bejn l-offerenti

[Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 94(a)]

2.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Għoti ta’ kuntratti – Esklużjoni ta’ offerenti f’sitazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi – Obbligi li għandha l-awtorità kontraenti

[Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 94(a)]

3.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Għoti ta’ kuntratti – Esklużjoni ta’ offerenti – Obbligu għall-offerenti magħżul li jippreżenta, qabel l-għoti tal-kuntratt, estratt riċenti tal-fedina kriminali tiegħu – Portata – Possibbiltà għall-awtorità kontraenti li tkun sodisfatta b’dikjarazzjoni magħmula quddiem nutar – Esklużjoni

[Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 93(1)(a), (b) u (e); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 134(3)]

4.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-kriterji ta’ għoti tekniċi ta’ kuntratt pubbliku u bbażat fuq argument li jirriferi għall-anness tar-rikors – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

[Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(c)]

5.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Għoti ta’ kuntratti – Kriterji ta’ għoti – Rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni – Eżami ex officio mill-qorti tal-Unjoni – Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 89(1))

6.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ offerta – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Eżami ex officio mill-qorti tal-Unjoni

(Artikolu 296 TFUE)

7.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Għoti ta’ kuntratti – Kriterji ta’ għoti – Enumerazzjoni a posteriori tas-subkriterji fir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-offerenti – Inammissibbiltà – Ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 89(1))

8.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Kontestazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet – Rikors ta’ offerent li jikkontesta, permezz ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità, il-metodu ta’ evalwazzjoni finanzjarja użata mill-awtorità kontraenti – Ammissibbiltà – Setgħa diskrezzjonali tal-awtorità kontraenti fir-rigward tal-għażla ta’ kriterji tal-għoti – Limiti

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002)

9.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li ma tintgħażilx offerta – Obbligu li jiġu kkomunikati, wara talba bil-miktub, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula kif ukoll isem l-offerent li ngħata l-kuntratt – Obbligu tal-għoti ta’ sunt iddettaljat tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kull dettall tal-offerta miċħuda skont l-evalwazzjoni tagħha jew analiżi komparattiva ddettaljata tal-offerta magħżula u tal-offerta tal-offerent mhux magħżul – Assenza

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 100(2))

10.    Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li ma tintgħażilx offerta –Użu, fil-kalkolu tal-punteġġ tal-offerenti, ta’ metodu li jippermetti tnaqqis ta’ punti għal ċerti subkriterji ta’ għoti u l-għoti tagħhom għall-offerti ta’ offerenti oħra – Assenza ta’ spjegazzjoni mill-awtorità kontraenti fir-irgward tal-korrelazzjoni bejn l-evalwazzjonijiet negattivi ta’ offerta u t-tnaqqis ta’ punti mwettqa – Inammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 100(2))

11.    Rikors għal annullament – Rikors intiża kontra deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li ma tintgħażilx offerta – Deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt strettament marbuta mad-deċiżjoni ta’ għoti tal-imsmemi kuntratt – Ċaħda tat-talba ta’ annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti li tirriżulta fiċ-ċaħda tat-talba ta’ annullament tad-deċiżjoni ta’ attribuzzjoni

12.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Applikazzjoni mutatis mutandis għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-fatt li aġir illegali min-naħa tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE ; Regolament tal-Kunisll Nru 207/2009, Artikolu 118(3))

13.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Rabta kawżali – Dannu li jirriżulta, għal offerent, fit-telf ta’ kuntratt fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti – Deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt ivvizzjata minn ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza u minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni – Eżistenza ta’ rabta kawżali

[it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340, TFUE ; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea , Artikolu 47 ; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 93(1)(e)]

14.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Dannu – Evalwazzjoni – Nuqqas ta’ elementi li jippermettu lill-qorti tal-Unjoni tiddeċiedi fil-kuntest tas-sentenza li tikkonstata l-eżistenza ta’ illegalitajiet imwettqa mill-Unjoni – Rinviju lejn fażi ulterjuri tal-proċedura għad-determinazzjoni tal-kumpens

(Artikolu 340 TFUE)

1.      Fil-qasam tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-eżistenza ta’ rabtiet strutturali bejn iż-żewġ kumpanniji, fejn waħda minnhom ipparteċipat fir-redazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u l-oħra pparteċipat fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni, hija, bħala prinċipju, ta’ natura li toħloq kunflitt ta’ interessi, fis-sens tal-Artikolu 94(a) tar-Regolament Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej. Min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi jidher inqas kbir meta l-kumpannija jew kumpanniji responsabbli għall-preparazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet ma jkunux jifformaw parti mill-konsorzju offerent, iżda jkunu biss membri tal-istess grupp ta’ impriżi li magħhom tkun konnessa wkoll il-kumpannija membru tal-imsemmi konsorzju.

F’dan ir-rigward, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ relazzjoni ta’ kontroll bejn kumpannija parent u s-sussidjarji tagħha mhijiex biżżejjed sabiex l-awtorità kontraenti tkun tista’ teskludi awtomatikament lil dawn l-impriżi mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti, mingħajr ma jiġi vverifikat jekk tali relazzjoni kellhiex impatt konkret fuq l-imġiba rispettiva tagħhom fil-kuntest ta’ din il-proċedura. L-istess jgħodd, iktar u iktar, mill-konstatazzjoni tal-implementazzjoni ta’ ċerti xogħlijiet preparatorji minn kumpannija ta’ grupp ta’ impriżi, li fihom ipparteċipat kumpannija oħra, bħala membru ta’ konsorzju offerent, fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, din l-aħħar kumpannija għandha titqiegħed f’pożizzjoni li jippruvaw li din is-sitwazzjoni ma kellha ebda riskju kwalunkwe għall-kompetizzjoni bejn l-offerenti.

Barra minn hekk, sakemm il-proċedura ta’ sejħa ta’ offerti tkun għadha għaddejja u sakemm ebda kuntratt ma jkun ingħata u lanqas ġie ffirmat fil-kuntest tagħha, il-kunflitt ta’ interessi allegat bħala raġuni għal esklużjoni ma jistax jiġi applikat, peress li dan il-kunflitt kien għadu inċert u ipotetiku. Madankollu, sabiex offerent jkun f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi, il-kunflitt allegat għandu jkun influwenza l-iżvilupp jew ir-riżultat tal-proċedura tas-sejħa għal offerti.

(ara l-punti 43, 45, 57)

2.      Fil-qasam tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi għandu jwassal lill-awtorità kontraenti li teskludi l-offerent ikkonċernat, meta dan l-approċċ huwa l-unika miżura possibbli sabiex jiġi evitat ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza li huma imposti f’kull proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, jiġifieri meta ma tkunx teżisti miżura inqas ristrettiva sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-imsemmija prinċipji. Kunflitt ta’ interessi jikkostitwixxi, per se u oġġettivament, funzjonament ħażin gravi jew anomalija serja, mingħajr il-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-klassifikazzjoni tiegħu, l-intenzjonijiet tal-persuni kkonċernati u tal-fiduċja tajba jew ħżiena tagħhom.

(ara l-punt 46)

3.      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 134(3) tar-Regolament Nru 2342/2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1605/2002, fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, fi tmiem il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, jiġifieri qabel l-għoti tal-kuntratt, l-offerent magħżul huwa mistenni li jippreżenta estratt riċenti minn rekord ġudizzjarju, jew fin-nuqqas ta’ dan, dokument ekwivalenti riċenti maħruġ mill-awtorità ġudizzjarja jew amminstrattiva fil-pajjiż ta’ l-oriġini jew tal-provenjenza sabiex juri li l-ebda mir-raġunijiet għall-esklużjoni fis-sens tal-Artikolu 93(1)(a), (b) jew (e), tar-Regolament Nru 1605/2002 ma hija ssodisfatta.. dawn il-provi ma jistgħux jiġu ssostitwiti minn dikjarazzjoni ġuramentata jew solenni, magħmula, b’mod partikolari quddiem nutar fil-pajjiż tal-oriġini jew ta’ provenjenza.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta l-awtorità kontraenti tikkuntenta ruħha b’dikjarazzjoni solenni bħala prova tal-assenza ta’ raġuni għal esklużjoni msemmija fl-Artikolu 93(1)(e) tar-Regolament Nru 1605/2002 u li l-ispeċifiċikazzjonijiet jistabilixxu obbligu espliċitu li jiġu prodotti provi speċifiċi f’dan ir-rigward, li li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu għandu jwassal għall-esklużjoni tal-offerent ikkonċernat, l-imsemmija awtorità kontraenti tonqos manifestament għad-dmir tagħha ta’ diliġenza meta kienet taf, b’mod partikolari, bl-eżistenza ta’ raġuni għal esklużjoni prevista fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u fl-Artikolu 93(1)(e) tal-imsemmi regolament. B’dan il-fatt huwa kiser dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti li konformement mal-obbligu ta’ esklużjoni previst fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, kienu jeżiġu l-esklużjoni offerent ikkonċernat.

(ara l-punti  71, 76, 77)

4.      Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-1991, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa. B’hekk, sabiex azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali tkun ammissibbli, huwa partikolarment neċessarju li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom din tkun ibbażata jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. F’dan ir-rigward, fil-konfront ta’ motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jirrigwardaw kriterji u subkriterji differenti ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, għalhekk dawk li jirrigwardaw in-natura teknika, il-kwistjoni ta’ jekk l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt, li fuqhom id-diversi lmenti huma bbażati, jirriżultaw, mill-inqas fil-qosor u b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u komprensiv, mit-test tar-rikors innifsu, jista’ jiġi deċiż biss fil-kuntest ta’ eżami tal-fondatezza ta’ kull wieħed minn dawn l-ilmenti. Fil-fatt, fil-każ ta’ motiv ibbażat fuq argument li jirreferi għal anness tar-rikors, huwa biss tali eżami li jista’ jiddetermina jekk il-kunsiderazzjonijiet żviluppati fl-anness tar-rikors jillimitaw ruħhom li jsostnu u jikkompletaw il-parti ċentrali tar-rikors fuq punti speċifiċi, b’mod partikolari, b’riferimenti għal partijiet determinati tal-imsemmi anness, jew, fir-rigward ta’ wħud minn dawn l-ilmenti, huwa riferiment globali għall-espożizzjoni li tissemma f’dan l-anness, li ma tistax tindirizza l-assenza tal-elementi essenzjali tal-argument fil-fatt u fid-dritt li għandhom jiġu inklużi fir-rikors innifsu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minflok jiġi ddikjarat tali motiv bħala inammissbbli, għandu jiġi rriżervat l-eżami ta’ ammissibbiltà tal-kunsiderazzjonijiet esposti f’anness tar-rikors u titwettaq l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-ilmenti differenti mqajma fil-kuntest ta’ din il-parti, ibbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterji tekniċi ta’ għoti, huwa mifhum li din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata, prinċipalment, fuq l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt esposti fir-rikors stess.

(ara l-punti 83-88)

5.      Il-kliem ta’ kriterju ta’ għoti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għandu jkun suffiċjentement ċar, preċiż u uninvoka sabiex jippermettu lill-offerenti raġonevolment informati u normalment diliġenti kollha li jifhmu l-portata eżatta u li jinterpretawhom bl-istess mod u li jqiegħdu lill-awtorità kontraenti f’qagħda li tapplika b’mod oġġettiv u uniformi billi tivverifika jekk l-offerti tagħhom jikkorrispondux għall-imsemmija rekwiżiti.

Madankollu, meta jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal- awtorità kontraenti sabiex tiġi miċħuda l-offerta ta’ offerent, dan tal-aħħar ma jikkontestax espressament u direttament in-nuqqas ta’ preċiżjoni u n-nuqqas ta’ ċarezza ta’ dan il-kriterju tal-għoti, il-qorti tal-Unjoni, ma hijiex awtorizzata li tqajjem ex officio l-legalità bħala tali tal-imsemmi kriterju, għandha tillimita l-istħarriġ tagħha għall-argumenti espliċiti mressqa mill-imsemmi offerent.

(ara l-punti 101, 102)

6.      Il-motivi mressqa insostenn tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta li jipprekludu kemm dan tal-aħħar kif ukoll lill-qorti tal-Unjoni li jiddeċiedu l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-awtorità kontraenti f’dan ir-rigward, din l-evalwazzjoni hija vvizzjata minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni li l-qorti tal-Unjoni għandha tqajjem ex officio bħala motiv ta’ ordni pubbliku, u li l-awtorità kontraenti ma tistax tirrimedja fil-mori tal-kawża.

(ara l-punt 145)

7.      Fil-qasam tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-elenkara posteriori mill-awtorità kontraenti ta’ subkriterji ta’ għoti fir-rapport ta’ evalwazzjoni li timplika l-evalwazzjoni kwalittativa tal-offerti tal-offerenti hija manifestament kuntrarja għall-ġurisprudenza stabbilita li tistabilixxi li, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza ta’ trattament u ta’ trasparenza, huwa importanti li l-elementi kollha meħuda inkwunsiderazzjoni mill-awtorità kontraenti sabiex tidentifika l-offerta ekonomikament l-iktar vantaġġjuża u jekk ikun possibbli l-importanza relativa tagħhom tkun magħrufa mill-offerenti potenzjali fil-mument tal-preparazzjoni tal-offerti tagħhom u li, għaldaqstant, awtorità kontraenti ma tistax tapplika, għall-kriterji ta’ għoti, subkriterji li ma tkunx għarrfet bihom minn qabel lill-offerenti.

(ara l-punt 193)

8.      Fil-qasam tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, offerent huwa ammissibbli tikkontesta inċidentalment il-legalità tal-metodu użat matul l-evalwazzjoni finanzjarja stabbilita fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u użata mill-awtorità kontraenti matul l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti. Fir-rigward tal-legalità sostantiva tal-għażla tal-metodu ta’ evalwazzjoni kkontestata, għandu jitfakkar li l-awtorità kontraenti għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-għażla, il-kontenut u l-implementazzjoni tal-kriterji tal-għoti rilevanti marbuta mal-kuntratt inkwistjoni, inklużi dawk intiżi li jiddeterminaw l-offerta ekonomikament l-iktar vantaġġuża, dawn il-kriterji għandhom jikkorrispondu għan-natura, għall-għan u għall-ispeċifikazzjonijiet tal-imsemmi kuntratt u jservu bl-aħjar mod il-bżonnijiet intiżi u l-għanijiet mixtieqa mill-awtorità kontraenti.

(ara l-punt 215)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 240, 241, 244, 245, 257)

10.    Jekk, bħala prinċipju, l-awtorità kontraenti għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-għażla ta’ kriterji tal-għoti ġerarkiċi u ta’ punti li għandhom jingħataw lill-kriterji u subkriterji differenti u ma għandhiex obbligu li tipprovdi lill-offerent eskluż sunt iddettaljat tal-mod li bih kull dettall tal-offerta tiegħu ttieħdet inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha, jibqa’ l-fatt li, fil-każ fejn l-awtorità kontraenti twettaq tali għażla, il-qorti tal-Unjoni għandu jkun f’qagħda li jivverifika, abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-għoti, il-piż rispettiv tal-kriterji u subkriterji tekniċi ta’ għoti fl evalwazzjoni, jiġifieri fil-kalkolu ta’ punteġġ totali, kif ukoll in-numru minimu u massimu ta’ punti għal kull wieħed minn dawn il-kriterji jew subkriterji. Barra minn hekk, meta l-awtorità kontraenti torbot evalwazzjonijiet speċifiċi b’mod li bih l-offerta inkwistjoni tissodisfa jew ma tissodisfax dawn il-kriterji u subkriterji differenti, li huma manifestament rilevanti għall-evalwazzjoni globali tal-imsemmija offerta, id-dmir ta’ motivazzjoni tinkludi neċessarjament il-ħtieġa li jiġi spjegat il-mod li bih, b’mod partikolari, l-evalwazzjonijiet negattivi taw lok għat-tnaqqis ta’ punti.

Fil-fatt, l-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit, hija speċjalment meħtieġa it-tnaqqis eventwali ta’ punti netti għal ċerti subkriterji jew subpunti għandu bħala konsegwenza awtomatika, skont il-formula ta’ kalkolu applikata mill-awtorità kontraenti, li jiżdied in-numru ta’ punti grossi li jingħataw lill-offerti tal-offerenti magħżula skont il-kwalità teknika tagħhom. Fi kliem ieħor, l-ewwel rikorrenti għandu interess li jkun jaf it-tnaqqis ta’ punti mwettaq għal wieħed mis-subkriterji u subpunti li fir-rigward tagħhom ir-rapport ta ’ evalwazzjoni fih evalwazzjoni negattiva sabiex ikun jista’ jiġi sostnut li, fid-dawl tan-natura manifestament żbaljata tal-imsemmija evalwazzjoni, dan it-tnaqqis — jimplika żieda korrispondenti ta’ punti favur offerenti oħra — mhux iġġustifikat.

F’dan ir-rigward, anki jekk l-offerta ta’ offerent tikseb, skont il-kwalità teknika tagħha, in-numru massimu ta’ punti grossi, hija tippreżerva, fir-rigward tal-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva msemmi fl-Artikolu 47 Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li miegħu r-rabta intrinsika mal-obbligu ta’ motivazzjoni, interess sabiex tkun taf il-portata li fiha l-evalwazzjonijiet negattivi mressqa mill-awtorità kontraenti swewlu tnaqqis ta’ punti netti li l-portata u l-ġustifikazzjoni tagħhom setgħu jkunu deċiżivi fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-evalwazzjoni kemm individwali kif ukoll komparattiva tal-offerti

(ara l-punti 250, 251, 253)

11.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 261)

12.    Ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illegali tal-organi tagħha hija suġġetta għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ilmentat, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat. Dawn il-prinċipju japplikaw mutatis mutandis għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, minħabba l-fatt li aġir illegali u d-dannu kkawżat minn wieħed mill-organi tagħha, bħal ma huwa l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, li dan tal-aħħar għandu jikkumpensa skont tal-Artikolu 118(3) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja.

(ara l-punt 264)

13.    Fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fil-qasam tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-illegalità mwettqa u d-dannu allegatament subit, meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta tar-rikorrent hija vvizzjata minn diversi insuffiċjenzi ta’ motivazzjoni, din l-illegalità ma tistax bħala tali tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni, b’mod partikolari peress li hija ma għandhiex natura li turi li, fl-assenza tagħha, il-kuntratt seta’, jew anki kellu, jingħata lir-rikorrenti.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rabta kawżali bejn l-illegalitajiet, bħalma huma l-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti u l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u t-telf ta’ opportunità li jiġi konkluż il-kuntratt, l-istituzzjoni kkonċernata ma tistax sempliċement tallega li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha bħala awtorità kontraenti, hija ma kinitx obbligata li tiffirma l-kuntratt-qafas mar-rikorrenti. Fil-fatt, meta l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti, konġuntament ma dak tal-Artikolu 93(1)(e) tar- Regolament Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej u l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-awtorità kontraenti fil-kuntest tal-evalwazzjoni individwali tal-offerta tar- rikorrenti affettwaw neċessarjament l-opportunità ta’ din tal-aħħar li tikklassifika ruħha f’post aħjar fil-proċedura ta’ kaskata u li ssir, minn tal-inqas, it-tielet offerent magħżul, minn dan jirriżulta li, anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-awtorità kontraenti li tirrigwarda l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, it-telf ta’ opportunità subit f’dan il-każ mill-ewwel rikorrenti jikkostitwixxi dannu reali u ċert.

Barra minn hekk, f’sitwazzjoni li fiha, fi tmiem il-proċedura kontenzjuża quddiem il-qorti tal-Unjoni, kien jeżisti riskju kbir li l-kuntratt inkwistjoni jkun diġà eżegwit, l-assenza stess ta’ rikonoxximent mill-qorti tal-Unjoni tat-telf ta’ tali opportunità u tan-neċessità li jingħata kumpens f’dan ir-rigward imur kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, l-annullament retroattiv ta’ deċiżjoni tal-għoti ma jipprovdi l-ebda vantaġġ lill-offerenti eskluż, b’tali mod li t-telf tal-opportunità jippreżenta ruħu bħala irrimedjabbli. Barra minn hekk, minħabba l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-proċeduri għal miżuri provviżorji quddiem il-President tal-Qorti Ġenerali, l-offerent li l-offerta tiegħu tkun ġiet evalwata u eskluża illegalment rarament ikun fil-prattika, f’pożizzjoni li jikseb sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni.

(ara l-punti 265, 266, 268-271)

14.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 273, 282)