Language of document : ECLI:EU:T:2016:248

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

27 ta’ April 2016 (*)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Żvilupp ta’ softwer u servizzi ta’ manutenzjoni — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent — Klassifikazzjoni ta’ offerenti fi proċedura ta’ kaskata –Raġunijiet għall-esklużjoni — Kunflitt ta’ interessi — Ugwaljanza fit-trattament — Dmir ta’ diliġenza — Kriterji ta’ għoti — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Telf ta’ opportunità”

Fil-Kawża T‑556/11,

European Dynamics Luxembourg SA, stabbilita f’Ettelbrück (il-Lussemburgu),

European Dynamics Belgium SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja),

inizjalment irrappreżentati minn N. Korogiannakis, M. Dermitzakis u N. Theologou, sussegwentement minn I. Ampazis u fl-aħħar net minn M. Sfyri avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), inizjalment irrappreżentat minn N. Bambara u M. Paolacci, sussegwentement minn M. Bambara, bħala aġenti, assistiti minn P. Wytinck u B. Hoorelbeke, avukati,

konvenut,

li għandha bħal suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EUIPO, ikkomunikata permezz tal-ittra tal-11 ta’ Awwissu 2011 u adottata fil‑kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/029/10, intitolata “Żvilupp ta’ softwer u servizzi ta’ manutenzjoni”, li tiċħad l-offerta ppreżentata minn European Dynamics Luxembourg u d-deċiżjonijiet l-oħra kollha konnessi tal-EUIPO adottati fil-kuntest tal-istess proċedura, inklużi dawk li jagħtu l-kuntratt lil offerenti oħra, u, min-naħa l-oħra, talba għall-kumpens.

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek, President, I. Labucka u V. Kreuschitz (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-10 ta’ Lulju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, European Dynamics Luxembourg SA, European Dynamics Belgium SA u Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, huma attivi fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika u tal-komunikazzjoni u jitfgħu offerti regolarment fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ sejħa għal offerti mibdija mill-istituzzjonijiet u organi differenti tal-Unjoni, fosthom l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).

2        Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt tal-15 ta’ Jannar 2011, l-UASI ppubblika fis-Suppliment għal Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2011/S 10-013995) sejħa għal offerti, taħt in-numru ta’ riferiment AO/029/10 intitolat “Żvilupp ta’ softwer u servizzi ta’ manutenzjoni”. Il-kuntratt li kien ser jingħata kien intiż sabiex jipprovdi lill-UASI servizzi informatiċi għal prototipi, l-analiżi, id-disinn, id-disinn grafiku, l-iżvilupp, l-ittestjar u l-installazzjoni ta’ sistemi ta’ informazzjoni, kif ukoll il-provvista ta’ dokumentazzjoni teknika, it-taħriġ fl-użu u l-manutenzjoni ta’ dawn is-sistemi.

3        Skont it-termini tal-punt II.1.4 tal-avviż ta’ kuntratt, il-kuntratt jirrigwarda l-għoti ta’ kuntratti-qafas ta’ tul massimu ta’ seba’ snin bi tliet fornituri ta’ servizzi informatiċi distinti. F’dan ir-rigward, il-punt 14.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (Anness I tal-fajl tas-sejħa għal offerti) jippreċiża li l-imsemmija kuntratti-qafas għandhom jiġu konklużi separatament u skont il-mekkaniżmu msejjaħ “kaskata” għal perijodu inizjali ta’ tliet snin, bl-għażla ta’ tiġdid annwali taċitu sa tul massimu ta’ erba’ snin. Dan il-mekkaniżmu jfisser li, jekk l-offerent ikklassifikat l-ewwel ma jkunx jista’ jipprovdi s-servizzi rikjesti, l-UASI jdur għat-tieni wieħed, u jibqa’ sejjer hekk (ara l-punt 14.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt).

4        Skont “Skont il-punt IV.2 tal-avviż tal-kuntratt, il-kuntratt għandu jingħata lill-offerta li tkun l-iktar vantaġġuża mil-lat ekonomiku, jiġifieri lill-offerta bl-aħjar relazzjoni bejn il-prezz u l-kwalità”.

[omissis]

12      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Awwissu 2011 (iktar ’il quddiem l-“ittra kontenzjuża”), l-EUIPO informa lill-ewwel rikorrenti bir-riżultat tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/029/10 u indikatilhom li ma aċċettatx l-offerta tal-ewwel rikorrenti peress li ma ġiex ipprovat li kienet l-iktar vantaġġuża ekonomikament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta”). Din l-ittra fiha wkoll tabella komparattiva li tispjega n-numru ta’ punti mogħtija għal din l-offerta, jiġifieri 84.72, u dak mogħti rispettivament għall-offerti tat-tliet offerenti li kisbu l-ogħla marka, jiġifieri “Informática El Corte Ingles – Altia” b’90.58 punt, “Everis-Unisys-Fujitsu” b’90.19 punt u l-“konsorzju Drasis” b’85.65 punt.

[omissis]

14      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Awwissu 2011, l-EUIPO bagħtet lill-ewwel rikorrenti silta mir-rapport ta’ evalwazzjoni li tinkludi l-evalwazzjoni kwalitattiva tal-offerta tagħhom skont tliet kriterji, jiġifieri l-kwalità tas-servizzi ta’ manutenzjoni tas-softwer, il-komponent kummerċjali, u l-kwalità tas-servizzi tal-klijent). Barra minn hekk, huwa bagħtilhom, minn naħa, l-ismijiet tal-offerenti magħżula jiġifieri Informática El Corte Ingles, SA – Altia Consultores, SA Temporary Association (iktar ’il quddiem “IECI”), li ġiet l-ewwel, Everis SLU, Unisys u Fujitsu Technology Solutions (iktar ’il quddiem il-“konsorzju Unisys” jew “Unisys”), li ġew it-tieni, kif ukoll Drasis [Siemens IT Solutions and Services SA (iktar ’il quddiem “Siemens SA”), Siemens IT Solutions and Services SL (iktar ’il quddiem “Siemens SL”), Intrasoft International SA u Indra Sistemas SA, iktar ’il quddiem il-“konsorzju Drasis” jew “Drasis”], li ġew it-tielet, min-naħa l-oħra, żewġ tabelli li juru l-marki li dawn l-offerenti u l-ewwel rikorrenti kisbu rispettivament għall-offerti tekniċi u finanzjarji tagħhom. Dawn huma ż-żewġ tabelli li ġejjin:

Tabella ta’ evalwazzjoni komparattiva tal-offerti tekniċi:

Kriterji kwalitattivi

IECI[...]

[Unisys]

Dras[i]s

European Dynamics

Kriterju kwalitattiv Nru 1

46.81

45.51

51.74

58.21

Kriterju kwalitattiv Nru 2

15.00

15.00

15.50

18.00

Kriterju kwalitattiv Nru 3

10.15

10.15

10.81

11.69

Total

71.96

70.66

78.05

87.90

Total minn 100

81.86

80.38

88.78

100.00

Tabella ta’ evalwazzjoni komparattiva tal-offerti skont in-natura ekonomika vantaġġuża tagħhom:

 

IECI[...]

[Unisys]

Dras[i]s

European Dynamics

Kriterji kwalitattivi (50 %)

81.86

80.38

88.78

100.00

Evalwazzjoni finanzjarja (50 %)

99.30

100.00

82.51

69.44

Total punti

90.58

90.19

85.65

84.72

[omissis]

18      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Settembru 2011 indirizzata lill-ewwel rikorrenti, l-EUIPO rrefera għall-motivazzjoni li tinsab fl-ittra kontenzjuża u fl-ittra tas-26 ta’ Awwissu 2011 li hija qieset suffiċjenti. Madankollu, huwa ddikjara li kien lest li jipprovdi dettalji addizzjonali dwar il-kriterji finanzjarji u bagħat tabella komparattiva li ġejja:

 

Kriterju Nru 1 (70)

Kriterju Nru 2 (30)

Punti totali (100)

Punti finanzjarji

IECI[...]

65.77

19.69

85.45

99.30

[Unisys]

70.00

16.06

86.06

100.00

Drasis[...]

53.47

17.54

71.01

82.52

European Dynamics

29.75

30.00

59.75

69.44

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

22      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Jannar 2003, l-EUIPO ssolleva l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, li permezz tagħha talab lill-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad it-talbiet ta’ annullament u kumpens bħala manifestament inammissibbli u tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż. Fl-osservazzjonijiet tagħhom, imressqa fis-26 ta’ April 2012, ir-rikorrenti talbu ċ-ċaħda ta’ din l-eċċezzjoni.

23      Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Settembru 2013, European Dynamics Luxembourg et vs EUIPO (T‑556/11, Ġabra, EU:T:2013:514), il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u ddeċidiet li tirriżerva l-ispejjeż. Peress li l-EUIPO rrinunzja li jappella kontra d-digriet, dan tal-aħħar sar res judicata.

24      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

25      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

[omissis]

28      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-10 ta’ Lulju 2015.

29      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti rrinunzjaw għat-talbiet għal kumpens tagħhom, minbarra għal dik dwar il-kumpens għat-telf tagħha ta’ opportunità, u ta’ dan ittieħdet nota fil-proċess verbal tas-seduta.

30      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta u d-deċiżjonijiet l-oħra kollha konnessi tal-EUIPO, inklużi dawk li jagħtu l-kuntratt inkwistjoni lill-offerenti kklassifikati l-ewwel, it-tieni u t-tielet fil-proċedura kaskata (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”);

–        tikkundanna lill-EUIPO għal kumpens sa EUR 6 750 000 għad-dannu mġarrab mir-rikorrenti b’riżultat tal-telf ta’ opportunità;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

31      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq it-talbiet għall-annullament

 Sunt tal-motivi

32      Insostenn tat-talba tagħhom għal annullament, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

33      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 100(2) Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju Ġenerali”), kif emendat bir Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tat-13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 390, p. 1), peress li l-informazzjoni u l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-EUIPO kienu insuffiċjenti sabiex jippermettu lir-rikorrenti li jifhmu r-raġunament li wasslu lill-awtorità kontraenti li tadotta deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta.

34      It-tieni motiv huwa bbażat fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, b’mod partikolari, rigward l-użu ta’ kriterji għal għoti ġodda jew mhux magħrufa, u kuntrarji għall-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u ma humiex iċċarati biżżejjed (l-ewwel parti), l-użu ta’ metodu ta’ evalwazzjoni finanzjarja żbaljata li wassal għal distorsjonijiet (it-tieni parti) u li ġew immanipulati mill-offerenti magħżula (it-tielet parti), kif ukoll it-tibdil; tas-suġġett tal-kuntratt (ir-raba’ parti).

35      It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, b’mod partikolari, fl-assenza ta’ esklużjoni tal-offerenti magħżula li huma f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess, tal-Artikolu 93(1), u tal-Artikoli 94 u 96 tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali, tal-Artikoli 133a u 134b tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145 iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Implementazzjoni”) u l-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba”.

36      Wara r-risposta tal-EUIPO għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u miżuri istruttorji tal-Qorti Ġenerali (ara l-punti 26 u 27 iktar 'il fuq), ir-rikorrenti invokaw motiv ġdid, ibbażat fuq il-fatt li l-EUIPO kiser l-ispeċifikazzjonijiet tal‑kuntratt billi aċċetta l-offerta finanzjarja ta’ IECI anki jekk fiha varjanti u firxa ta’ prezzijiet.

37      Il-Qorti Ġenerali tqis opportun li tevalwa, l-ewwel nett, it-tielet motiv, li huwa maqsum fi tliet partijiet, wara, it-tieni motiv, flimkien mal-motiv ġdid imsemmi fil-punt 36 iktar 'il fuq, u, fl-aħħar nett, l-ewwel motiv.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-Artikolu 93(1) u tal-Artikoli 94 u 96 tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali, tal-Artikoli 133a u tal-134b tar-Regoli ta’ Implementazzjoni u tal-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba”

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi f’dak li jirrigwarda l-konsorzju Drasis

38      Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jirrilevaw, essenzjalment, li t-tielet offerent magħżul fil-proċedura ta’ kaskata, jiġifieri l-konsorzju Drasis, jinkludi lill-kumpannija li żviluppat l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u, għaldaqstant, huwa f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi fis-sens tal-Artikolu 94(a) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali u tal-ġurisprudenza skont liema, b’mod partikolari, persuna li ħadet sehem f’ċerti xogħlijiet preparatorji ta’ kuntratt pubbliku inkwistjoni, tista’ tiġi vantaġġata fil-formulazzjoni tal-offerta tagħha minħabba l-informazzjoni rilevanti li hija setgħet tikseb waqt it-twettiq tal-imsemmija xogħlijiet. Il-kunflitt ta’ interessi serju li jikkaratterizza s-sitwazzjoni tat-tielet offerent magħżul hija għaldaqstant suffiċjenti sabiex teskludi l-offerta tiegħu mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

39      Ir-rikorrenti jippreċiżaw li, bir-rifjut li jiġi kkomunikat lilhom l-ismijiet tal-isħab jew subappaltaturi li jifformaw parti mill-konsorzji tal-offerenti magħżula, l-EUIPO mhux biss naqas mill-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni, iżda wkoll ipprova jevita li tiġi żvelata irregolarità kbira li tivvizzja l-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Barra dan, l-EUIPO ma eżaminax debitament l-oġġezzjonijiet li r-rikorrenti invokat f’dan ir-rigward, anki jekk diversi elementi oġġettivi u konkordanti kellhom debitament iwassluh sabiex juri attenzjoni partikolari. Fin-nuqqas li jinvestiga eventwalment jekk kienx hemm kollużjoni bejn l-EUIPO u l-kumpannija li stabbilixxiet l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, ma kellha ebda element li tippermettilha li teskludi b’ċertezza raġonevoli li din il-kumpannija setgħet tinfluwenza l-proċedura ta’ sejħa għal offerti. L-EUIPO kellu l-obbligu li jimponi s-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 96 tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali u fl-Artikoli 133a u 134b tar-Regoli ta’ Implementazzjoni. Anki jekk jitqies li l-kumitat ta’ evalwazzjoni ma kienx jaf bis-sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi waqt l-evalwazzjoni tal-offerti, li ma kienx il-każ, ir-rikorrenti kienu informaw lill-EUIPO qabel l-iffirmar tal-kuntratt. Fir-rigward tat-tielet offerent magħżul, ir-rikorrenti jikkontestaw li l-EUIPO eżamina s-sitwazzjoni tal-entitajiet ġuridiċi kkonċernati u wasal għal konklużjoni li ma seta’ jkun hemm ebda kunflitt ta’ interessi, peress li s-sempliċi dikjarazzjoni ta’ waħda minn dawn l-entitajiet ma hijiex suffiċjenti sabiex teskludi ksur tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali.

40      L-EUIPO jirribatti li l-punt 13.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt huwa konformi mal-ġurisprudenza skont liema, minn naħa, il-possibbiltà ta’ kunflitt ta’ interessi jista’ jseħħ meta offerent ikun ħa sehem fil-preparazzjoni tas-sejħa għal offerti u, min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, l-imsemmi offerent għandu jingħata l-possibbiltà li jipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tar-raġunijiet li għalihom din il-possibbiltà ta’ kunflitt ta’ interessi ma tagħtihx, fiċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ, vantaġġ kompetittiv indebitu. Fi kwalunkwe każ, il-kunflitt ta’ interessi għandu jkun reali u mhux ipotetiku u l-eżistenza tar-riskju li jseħħ għandha tiġi stabbilita wara eżami speċifiku tal-offerta u tas-sitwazzjoni tal-offerent. Kunflitt ta’ interessi potenzjali minħabba li subappaltatur ikun ipparteċipa fl-abbozzar tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma tistax tkun suffiċjenti biex teskludi dan l-offerent. F’dan il-każ, l-EUIPO ħa inkunsiderazzjoni l-kunflitt ta’ interessi allegat. Wara li kkonstatat li PricewaterhouseCoopers (PWC) Spain kienet subappaltatur tal-konsorzju Drasis, kien ikollu immedjatament talbet kjarifiki mingħand dan tal-aħħar. L-ewwel nett, b’risposta għal din it-talba, Drasis spjegat li PWC UK u PWC Belgium biss ipparteċipaw għar-redazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u li ma kienet teżisti l-ebda rabta strutturali bejniethom, minn naħa, u PWC Spain, min-naħa l-oħra. It-tieni nett, skont l-obbligi ta’ kunfidenzjalità li huma suġġetti għalihom PWC UK u PWC Belgium fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi mwettqa għall-EUIPO fid-dawl tar-redazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, dawn iż-żewġ kumpanniji ma pprovdew ebda informazzjoni rilevanti dwar dan is-suġġett, b’mod partikolari, dwar il-kumpanniji l-oħra tal-istess grupp. It-tielet nett, Drasis ippreċiżat li kienet ikkuntattjat lil PWC Spain biss sitt ijiem qabel id-data tal-iskadenza tat-tressiq tal-offerti u l-ittra tagħha tal-15 ta’ April 2011 tikkonferma l-fatt li din il-kumpannija ma pparteċipatx, la għar-redazzjoni, la għat-tarifikazzjoni, u lanqas għall-validazzjoni tal-offerta teknika mill-konsorzju. Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, l-EUIPO kellu mbagħad jivverifika jekk il-parteċipazzjoni ta’ PWC Spain fil-konsorzju Drasis setax jagħti lil dan tal-aħħar vantaġġ kompetittiv indebitu fir-rigward tal-offerenti l-oħra u ġie konkluż li dan ma kienx il-każ. Għalhekk, l-EUIPO jqis li aġixxa b’osservanza tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u tar-regoli applikabbli u li ġustament iddeċieda li, fiċ-ċirkustanzi konkreti ta’ dan il-każ, ma kellu l-ebda raġuni valida li jeskludi lill-konsorzju Drasis mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Fl-aħħar nett, skont il-kriterji tekniċi ta’ għoti, l-offerta tal-ewwel rikorrenti kisbet punti ogħla minn dik tal-konsorzju Drasis, u dan jipprova per se li dan ma bbenefika minn ebda vantaġġ indebitu.

41      Il-Qorti Ġenerali tirrileva li, fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta mill-EUIPO fir-risposta, f’dan il-każ, huwa stabbilit li, minn naħa, PWC UK u PWC Belgium, li huma kumpanniji kompletament ikkontrollati minn PWC International Ltd, ipparteċipaw għar-redazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u li, min-naħa l-oħra, PWC Spain, sussidjarja oħra ta’ PWC International, li tifforma parti mill-konsorzju Drasis, it-tielet offerent magħżul. Barra dan, minn żewġ ittri tal-15 ta’ April 2011 indirizzati mill-konsorzju Drasis u minn PWC Spain lill-EUIPO, li l-kontenut tagħhom ma huwiex bħala tali kkontestat mir-rikorrenti, jirriżulta li l-imsemmi konsorzju kien stieden lil PWC Spain sabiex jipparteċipa fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti bħala subappaltatur biss sitt ijiem qabel id-data ta’ skadenza tat-tressiq tal-offerti.

42      Għaldaqstant, l-ewwel nett, għandu jiġi evalwat, jekk PWC Spain u, għaldaqstant, il-konsorzju Drasis kienu f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi, fis-sens tal-Artikolu 94(a) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali kif ukoll it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-punt 13.1(g) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, tista’ tagħti lok għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti.

43      Kif jirriżulta minn qari flimkien tas-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom (C‑21/03 u C‑34/03, Ġabra, EU:C:2005:127, punti 26 sa 36), u tad-19 ta’ Mejju 2009, Assitur (C‑538/07, Ġabra, EU:C:2009:317, punti 21 sa 32), l-eżistenza ta’ rabtiet strutturali bejn iż-żewġ kumpanniji, fejn waħda minnhom ipparteċipat fir-redazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u l-oħra pparteċipat fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni, hija, bħala prinċipju, ta’ natura li toħloq dan il-kunflitt ta’ interessi. Min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza jidher iżgħar meta, bħal f’dan il-każ, fejn il-kumpanniji li kellhom ir-responsabbiltà tal-preparazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma kinux jifformaw parti huma nfushom mill-konsorzju offerent, iżda jkunu biss jifformaw parti mill-istess grupp ta’ impriżi li hija marbuta miegħu wkoll il-kumpannija membru tal-imsemmi konsorzju.

44      Fl-ipoteżi li tali sitwazzjoni tkun ta’ natura li toħloq kunflitt ta’ interessi, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-EUIPO vverifika u wera, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li dan il-kunflitt ta’ interessi ma jistax ikollu effett fuq l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti kif ukoll fuq ir-riżultat tiegħu.

45      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar is-sempliċi konstatazzjoni ta’ relazzjoni ta’ kontroll bejn PWC International u s-sussidjarji tagħha mhijiex biżżejjed sabiex il-kumitat għall-għoti tal-kuntratt jkun jista’ jeskludi awtomatikament lil dawn l-impriżi mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti, mingħajr ma jiġi vverifikat jekk tali relazzjoni kellhiex impatt konkret fuq l-imġiba rispettiva tagħhom fil-kuntest ta’ din il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Assitur, punt 43 iktar ’il fuq, EU:C:2009:317, punt 32). L-istess jgħodd, iktar u iktar, mill-konstatazzjoni tal-implementazzjoni ta’ ċerti xogħlijiet preparatorji minn kumpannija ta’ grupp ta’ impriżi, li fihom ipparteċipat kumpannija oħra, bħala membru ta’ konsorzju offerent, fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, din l-aħħar kumpannija għandha titqiegħed f’pożizzjoni li jippruvaw li din is-sitwazzjoni ma kellha ebda riskju kwalunkwe għall-kompetizzjoni bejn l-offerenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi Fabricom, punt 43 iktar ’il fuq, EU:C:2005:127, punti 33 sa 36, u tal-20 ta’ Marzu 2013, Nexans France vs Entreprise commune Fusion for Energy, T‑415/10, Ġabra, EU:T:2013:141, punt 116).

46      Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi għandu jwassal lill-awtorità kontraenti li teskludi l-offerent ikkonċernat, meta dan l-approċċ huwa l-unika miżura possibbli sabiex jiġi evitat ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza li huma imposti f’kull proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi Assitur, punt 43 iktar ’il fuq, EU:C:2009:317, punt 21, u tat-23 ta’ Diċembru 2009, Serrantoni u Consorzio stabile edili, C‑376/08, Ġabra, EU:C:2009:808, punt 31), jiġifieri meta ma tkunx teżisti miżura inqas ristrettiva sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-imsemmija prinċipji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nexans France vs Entreprise commune Fusion for Energy, punt 45 iktar ’il fuq, EU:T:2013:141, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu jiġi ppreċiżat li kunflitt jew konfużjoni ta’ interessi jikkostitwixxi, per se u oġġettivament, funzjonament ħażin gravi jew anomalija serja, mingħajr il-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni, kont għall-klassifikazzjoni tiegħu, l-intenzjonijiet tal-persuni kkonċernati u tal-fiduċji tajba jew ħżiena tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1999, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑277/97, Ġabra, EU:T:1999:124, punt 123; Nexans France vs Entreprise commune Fusion for Energy, punt 45 iktar ’il fuq, EU:T:2013:141, punt 115, u tal-11 ta’ Ġunju 2014, Communicaid Group vs Il-Kummissjoni, T‑4/13, EU:T:2014:437, punt 53).

47      Dwar dan is-suġġett, għandu jiġi rrilevat li, fil-11 ta’ April 2011, jiġifieri xahar wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tressiq u erba’ xhur qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-għoti, l-EUIPO kien talab espressament lill-konsorzju Drasis sabiex jiċċara s-sitwazzjoni tal-kumpanniji tal-grupp PWC sabiex jivverifika l-eżistenza eventwali ta’ kunflitt ta’ interessi, talba li għaliha l-imsemmi konsorzju u PWC Spain rrispondew permezz ta’ żewġ ittri essenzjalment identiċi fil-15 ta’ April 2011. Minn dawn l-ittri jirriżulta, b’mod partikolari, li l-konsorzju Drasis kien stieden lil PWC Spain sabiex tipparteċipa fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti bħala subappaltatur biss sitt ijiem qabel l-iskadenza tat-terminu tat-tressiq tal-offerti. Issa, għajr il-fatt li PWC UK, PWC Belgium u PWC Spain huma kumpanniji “assoċjati” li jappartjenu għall-istess grupp, ir-rikorrenti ma ressqu ebda raġuni li tista’ tikkontesta l-veraċità ta’ din id-dikjarazzjoni, li għaldaqstant l-awtorità kontraenti setgħet leġittimament tikkunsidra bħala indizju importanti fir-rigward tal-assenza ta’ influwenza ta’ kunflitt ta’ interessi potenzjali fuq il-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Fil-fatt, indipendentement mill-obbligi ta’ kunfidenzjalità — invokati mill-konsorzju Drasis, minn PWC Spain u, fl-aħħar nett, mill-EUIPO — li jipprojbixxu l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali bejn il-kumpanniji “assoċjati” tal-grupp PWC, jidher improbabbli li, fit-terminu qasir ta’ sitt ijiem, PWC Spain setgħet tiġbor, mingħand PWC UK u mingħand PWC Belgium, informazzjoni kunfidenzjali utli li fuqha hija bbażata l-formulazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u li, bis-saħħa tal-imsemmija informazzjoni, hija setgħet utilment temenda l-offerta tal-imsemmi konsorzju sabiex iżżid il-probabbiltà tagħha ta’ suċċess. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex iktar plawżibbli li, fil-mument tar-redazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, jiġifieri żmien twil qabel id-deċiżjoni ma seħħet id-deċiżjoni li PWC Spain tiddaħħal bħala membru tal-konsorzju Drasis, PWC UK u PWC Belgium setgħu jikkonċepixxu l-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni b’mod li jiffavorixxi l-imsemmi konsorzju fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

48      Barra minn hekk, mill-ewwel subparagrafu punt it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-punt 13.1(g) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jirriżulta li kunflitt ta’ interessi jingħad li teżisti meta, b’mod partikolari, “subappaltatur ta’ offerent prinċipali li jkun ipparteċipa fir-redazzjoni tal-[...] proċedura ta’ sejħa għal offerti ma jistax jipprova li l-offerta tiegħu ma tistax toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, jiġifieri li ma tistax tikkostitwixxi riskju għall-kompetizzjoni”. Issa, kif isostni l-EUIPO, fin-nuqqas ta’ indizji kuntrarji, il-fatt li l-offerta tal-konsorzju Drasis kisbet, għall-kwalità teknika tagħha, punti nettament inferjuri għal dawk mogħtija għall-offerta tal-ewwel rikorrenti, li kienet l-iktar li ġabet punti f’dan ir-rigward (ara l-punt 14 iktar 'il fuq), juri per se li r-rabtiet strutturali indiretti bejn PWC Spain, minn naħa, u PWC UK u PWC Belgium, min-naħa l-oħra, li speċifikament kellhom ir-responsabbiltà tar-redazzjoni tal-parti teknika tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, jew li l-aġir ta’ dawn il-kumpanniji ma kellux effett fuq il-kompetizzjoni bejn l-offerenti u, fuq kollox, għad-detriment tal-ewwel rikorrenti. Minn dan isegwi, Barra minn hekk, li f’dan il-każ, l-EUIPO wettaq eżami suffiċjenti tal-fatti rilevanti, li ppermettielu li jikkonkludi li l-eventwali kunflitt ta’ interessi ma kellux effett fuq l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u fuq l-eżitu tagħha.

49      Għalhekk, ir-rikorrenti ma pprovawx b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-eventwali kunflitt ta’ interessi li jirriżulta mir-rabtiet indiretti bejn PWC Spain, PWC UK u PWC Belgium seta’ jkollha influwenza fuq l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 iktar 'il fuq.

50      Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi stabbilit b’mod definittiv jekk, f’dan il-każ, kunflitt ta’ interessi fis-sens tal-Artikolu 94(a) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali u tal-punt it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-punt 13.1(g) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt fil-fatt teżisti.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi f’dak li jirrigwarda l-konsorzju Unisys

51      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dawl tal-punt 13.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, it-tieni offerent magħżul fil-proċedura ta’ kaskata, il-konsorzju Unisys, ma kellux jingħata l-kuntratt qafas, peress li kien l-ewwel kontraenti skont il-kuntratt qafas AO/021/10 għal “Provvista ta’ servizzi esterni li jikkonċernaw il-ġestjoni ta’ programmi u proġetti kif ukoll pariri tekniċi fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika”, għall-benefiċċju tal-EUIPO. Il-konsorzju Unisys b’hekk ikollu sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi projbit mill-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali u kellu debitament jiġi eskluż mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti anki qabel l-evalwazzjoni tal-offerta tiegħu. Fil-fatt, sakemm jinħeles mill-obbligi kuntrattwali tiegħu taħt il-kuntratt qafas AO/021/10, ma setax jingħata kuntratt taħt il-kuntratt qafas AO/029/10. Filwaqt li dan l-aħħar kuntratt qafas jirrigwarda d-disinn u l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet informatiċi tal-EUIPO, il-kuntratt qafas AO/021/10 jirrigwarda l-ġestjoni ta’ proġetti u ta’ pariri tekniċi li huma relatati u, għaldaqstant, dwar servizzi pprovduti mill-parti kontraenti għall-kuntratt qafas AO/029/10, dan joħloq kunflitt dirett bejn il-kompiti rispettivi li huma previsti fih. Fi kliem ieħor, il-kontraenti taħt il-kuntratt qafas AO/021/10 għandu jipparteċipa fir-redazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u jikkontrolla l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti ta’ implementazzjoni mill-kontraenti taħt il-kuntratt qafas AO/029/10. Fl-aħħar nett, l-EUIPO ma investigax debitament din l-eventwalità kunflitt ta’ interessi. Ir-rikorrenti jikkontestaw li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-offerta tal-ewwel rikorrenti għandha wkoll tiġi debitament miċħuda, peress li l-ebda kuntratt ma ngħatalu taħt il-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/029/10. Fil-każ fejn ir-rikorrenti ssir parti f’kuntratt f’dan il-kuntest, il-kunflitt ta’ interessi għandu jiġi eliminat qabel jiġi ffirmat.

52      L-ewwel nett, l-EUIPO jsostni li t-tieni parti hija jew inammissibbli, jew ineffettiva minħabba l-fatt li ma għandhiex interess. Peress li l-ewwel rikorrenti ġiet ikklassifikata fit-tielet post fil-proċedura ta’ kaskata fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/021/10 u peress li saret parti kontraenti taħt il-kuntratt qafas inkwistjoni, hija sabet ruħha fl-istess sitwazzjoni bħall-konsorzju Unisys. Jekk jiġi preżunt li din il-parti għandha tiġi milqugħa, jirriżulta, minn naħa, li l-ewwel rikorrenti kellha, hija wkoll, tiġi eskluża mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/029/10 u, min-naħa l-oħra, li r-rikors jitlef is-suġġett fl-intier tiegħu, kif ukoll, minħabba l-esklużjoni tiegħu, l-ewwel rikorrenti ma setgħetx tirbaħ il-kuntratt inkwistjoni.

53      It-tieni nett, l-EUIPO jikkontesta l-fondatezza tat-tieni parti. Fid-data ta’ skadenza għat-tressiq tal-offerti fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/029/10, jiġifieri l-11 ta’ Marzu 2011, il-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/021/10 kienet ilha għaddejja u l-ebda kuntratt kien għad ingħata fil-kuntest tagħha. Għaldaqstant, ma seta’ jittieħed ebda vantaġġ indebitu mill-informazzjoni miksuba fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti li jirriżultaw minn din l-aħħar proċedura. Barra dan, fil-fażi tal-għoti tal-kuntratt taħt il-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/029/10, li jikkostitwixxi l-uniku suġġett ta’ din il-kawża, diversi kunflitti ta’ interessi potenzjali li jistgħu jseħħu matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratti speċifiċi li jaqgħu taħt il-kuntratt qafas AO/021/10 jsiru irrilevanti. Għalhekk, fl-assenza ta’ kunflitt ta’ interessi potenzjali u, għaldaqstant, minħabba l-esklużjoni, ikun korrett li l-kumitat ta’ evalwazzjoni aċċetta l-offerti tal-ewwel rikorrenti u dik tal-konsorzju Unisys. Fl-aħħar nett, l-EUIPO jikkontesta li l-parti kontraenti taħt il-kuntratt qafas AO/021/10 suppost kellha tissorvelja x-xogħlijiet imwettqa skont il-kuntratti li jimplementaw il-kuntratt qafas AO/029/10.

54      Il-Qorti Ġenerali tfakkar li, f’dan il-każ, huwa stabbilit li t-tieni offerent magħżul, il-konsorzju Unisys, fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/029/10, hija wkoll l-ewwel offerent magħżul u l-parti kontraenti taħt il-kuntratt qafas AO/021/10, li jirrigwarda l-kuntratt intitolat “Provvista ta’ servizzi esterni marbuta mal-amministrazzjoni ta’ programmi u ta’ proġetti u ta’ pariri tekniċi fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informatika”. Skont dan l-aħħar kuntratt qafas, il-parti kontraenti għandha l-obbligu li tipprovdi, fir-rigward tal-EUIPO, servizzi esterni dwar il-ġestjoni ta’ programmi u ta’ proġetti fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni kif ukoll dik ta’ pariri tekniċi marbuta mat-tipi kollha ta’ sistemi informatiċi u fl-oqsma kollha tat-teknoloġija. Min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/029/10 li hija s-suġġett ta’ din il-kawża, tirrigwarda l-kuntratt intitolat “Żvilupp ta’ softwer u servizzi ta’ manutenzjoni”, inkwantu l-provvista, fir-rigward tal-EUIPO, ta’ servizzi informatiċi għall-prototipaġġ, l-analiżi, id-disinn, il-grafika, l-iżvilupp, l-ippruvar u l-installazzjoni ta’ sistemi informatiċi, kif ukoll li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-dokumentazzjoni teknika, il-formazzjoni u l-użu tal-manteniment ta’ dawn is-sistemi.

55      F’dan ir-rigward, l-EUIPO naqas milli jikkontesta l-argument tar-rikorrenti skont liema ma jirriżultax li l-konsorzju Unisys, fil-kwalità tiegħu tal-ewwel offerent magħżul u parti kontraenti taħt il-kuntratt qafas AO/021/10 kif ukoll ġestjonarju informatiku estern, kien mistenni, b’mod partikolari, li jissorvelja l-prestazzjonijiet tal-ewwel parti kontraenti tal-kuntratt qafas AO/029/10 u, għaldaqstant, jekk ikun il-każ, il-prestazzjonijiet tiegħu stess kieku kellu juża s-servizzi tiegħu bħala t-tieni parti kontraenti fil-proċedura ta’ kaskata. Madankollu, tali sitwazzjoni tista’ tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-raġuni ta’ esklużjoni msemmija fit-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-punt 13.1(g) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, skont liema “kunflitt ta’ interessi jeżisti, b’mod partikolari, meta offerent [...] ikun ikkonkluda kuntratt validu mal-EUIPO li s-suġġett tiegħu huwa l-eżekuzzjoni ta’ kompiti ta’ kontroll ta’ kwalità tas-softwer jew ta’ ġestjoni ta’ proġetti /programmi għall-iżvilupp ta’ softwer u ta’ servizzi ta’ manutenzjoni għandhom jiiġu implementati mill-offerent magħżul [...], fil-każ fejn dan l-offerent [...] ma jkunx f’qagħda li jipprova li l-offerta tiegħu ma toħloqx dan il-kunflitt ta’ interessi”. Fil-fatt, fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, jidher li din ir-raġuni ta’ esklużjoni ġiet speċifikament abbozzata mill-awtorità kontraenti bil-għan li jiġi evitat li l-offerent magħżul fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/021/10 jkun jista’ wkoll jipparteċipa fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/029/10.

56      Madankollu, mingħajr ħtieġa li tittieħed deċiżjoni fuq il-kwistjoni tal-ammissibbiltà jew n-natura effettiva ta’ din il-parti, għandu jiġi kkonstatat li din, fi kwalunkwe każ, mhux ser tirnexxi fuq il-mertu.

57      Kif ġustament isostni l-EUIPO, fil-mument tal-iskadenza tat-terminu tat-tressiq tal-offerta fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/029/10, jiġifieri l-11 ta’ Marzu 2011, il-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/021/10 kienet għadha għaddejja u l-ebda kuntratt ma kien għadu ma ngħata, u lanqas ġie ffirmat fil-kuntest tagħha. Għalhekk, peress li, f’dan l-istadju, ma kienx għadu jeżisti “kuntratt validu” bejn il-konsorzju Unisys u l-EUIPO skont l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-punt 13.1(g) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, din ir‑raġuni għal esklużjoni ma setgħetx tiġi applikata u, fi kwalunkwe każ, il-kunflitt ta’ interessi allegat kien għadu inċert u ipotetiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ April 2007, Deloitte Business Advisory vs Il-Kummissjoni, T‑195/05, Ġabra, EU:T:2007:107, punti 67 u 69). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar Barra dan, li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 iktar 'il fuq timponi li l-kunflitt ta’ interessi allegat kellu effett fuq l-iżvolġiment jew fuq ir-riżultat tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Madankollu, inkunsiderazzjoni tal-koinċidenza taż-żminijiet bejn iż-żewġ proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti, huwa impossibbli li jiġi konkluż li, f’dan il-każ, il-konsorzju Unisys seta’ ħa xi vantaġġ mill-pożizzjoni futura tiegħu tat-tieni offerent magħżul fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/021/10.

58      Barra minn hekk, bħall-EUIPO, għandu jiġi rrilevat li l-ilmenti essenzjali mressqa mir-rikorrenti jirrigwardaw sitwazzjonijiet potenzjali ta’ kunflitt ta’ interessi li jistgħu jseħħu biss matul l-implementazzjoni ta’ kuntratti speċifiċi li jingħataw abbażi tal-kuntratti qafas AO/021/10 u AO/029/10, jiġifieri fi stadju sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta li hija s-suġġett ta’ din il-kawża. Għal din ir-raġuni wkoll, huwa loġikament eskluż li dan il-kunflitt ta’ interessi seta’ kellu xi effett fuq l-iżvolġiment jew ir-riżultat tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/029/10, seta’ ħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-offerenti jew ta’ vantaġġ lill-konsorzju Unisys b’detriment tal-ewwel rikorrenti.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikorrenti ma għandhomx raġun li jallegaw li l-EUIPO ma investigax debitament l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi eventwali f’dak li jirrigwarda l-konsorzju Unisys. Lanqas ma jirriżulta li l-awtorità kontraenti, fi kwalunkwe każ, għandha d-dmir u l-possibbiltà li tinvestiga u li tipprevjeni li jseħħ dan il-kunflitt ta’ interessi matul l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti speċifiċi li jaqgħu taħt il-kuntratt qafas AO/029/10, fejn l-ewwel offerent magħżul huwa IECI u mhux konsorzju Unisys.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-parti għandha tinċaħad, fi kwalunkwe każ, bħala infondata.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-involviment tal-konsorzju Drasis f’attivitajiet illegali

61      Fil-kuntest tat-tielet parti, l-ewwel nett, ir-rikorrenti sostnew, essenzjalment, li “Siemens”, bħala membru tal-konsorzju Drasis, it-tielet offerent magħżul fil-proċedura ta’ kaskata, kellha tapplika għaliha r-raġuni għal esklużjoni prevista fl-Artikolu 93(1)(b) u (e) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali minħabba l-involviment tagħha li seħħet f’każijiet ta’ frodi, ta’ korruzzjoni u ta’ tixħim. “Siemens” ġiet akkużata mhux biss fil-Ġermanja, iżda wkoll irrikonoxxiet pubblikament li kienet ħatja ta’ dawn l-attivitajiet illegali bil-għan li tikseb kuntratti pubbliċi, b’mod partikolari, fl-Unjoni. Għalhekk, hija aċċettat li tħallas multi ta’ EUR 395 miljun lill-awtoritajiet Ġermaniżi u ta’ USD 800 miljun lill-awtoritajiet Amerikani bil-għan tagħlaq il-każ. Għaldaqstant, “Siemens” kienet debitament eskluża mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti skont l-Artikoli 93 u 94 tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali u tal-Artikoli 133a u 134b tar-Regoli ta’ Implementazzjoni. Ir-rikonoxximent minn “Siemens” tar-responsabbiltà tagħha, inkluż fil-kuntest ta’ ftehim bonarji, hija raġuni suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita irrevokabbilment il-ħtija tagħha, peress li deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mhux neċessarja sabiex tiġi imposta sanzjoni u sabiex tiġi adottata deċiżjoni ta’ esklużjoni fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti skont tal-Artikolu 93(1)(b) u (e) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, l-EUIPO naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li debitament jeżamina l-involviment ta’ “Siemens” f’dawn l-attivitajiet illegali u, għalhekk, kiser ukoll il-prinċipji ta’ trasparenza u ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti.

62      L-EUIPO rrisponda, essenzjalment, li ma kellu ebda raġuni li jeskludi l- konsorzju Drasis, peress li l-membri tiegħu — Siemens SA u Siemens SL — qatt ma ġew ikkundannati għal frodi jew korruzzjoni. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, Siemens SA ppreżentat dikjarazzjoni solenni li tikkonferma l-assenza ta’ xi sentenza jew xi proċeduri kriminali pendenti li jirrigwardaw l-akkużi ta’ frodi jew korruzzjoni. Din id-dikjarazzjoni kellha bħala għan li tissostitwixxi “estratt riċenti minn rekord ġudizzjarju” jew “ekwivalenti magħmul mill-awtoritajiet kompetenti”, li, skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u l-Artikolu 134(3), tar-Regoli ta’ Implementazzjoni, għandu jiġi ppreżentat biss mill-offerenti magħżul mill-inqas ħmistax-il jum qabel l-iffirmar tal-kuntratt. Barra dan, l-EUIPO ma kellu l-ebda raġuni li ma jaċċettax din id-dikjarazzjoni solenni, peress li, skont il-kundizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, din kienet rikjesta, b’mod partikolari, bħala prova suffiċjenti tal-fatt li l-offerent ma jaqax taħt ebda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni skont l-Artikolu 93 tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali. L-EUIPO jikkontesta wkoll li ma ħax inkunsiderazzjoni tal-akkużi inkwistjoni. B’risposta għal talba għal kjarifiki speċifiċi tal-EUIPO dwar dan is-suġġett, Siemens SA kkonfermat li dawn l-akkużi kienu totalment infondati u ppreżentat dokument uffiċjali tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti insostenn.

63      Fis-seduta, wara domanda orali tal-Qorti Ġenerali li kienet tirreferi għall-konsegwenzi li għandhom jinġibdu mis-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2013, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni (T‑474/10, EU:T:2013:528, punti 37 sa 57), ir-rikorrenti rrinunzjaw għall-argumenti tagħhom skont liema l-involviment eventwali ta’ Siemens AG (iktar ’il quddiem “Siemens AG”) f’attivitajiet illegali għandhom jiġu imputati lill-kumpanniji Siemens SA u Siemens SL, membri tal-konsorzju Drasis, biss minħabba l-fatt li dawn kienu inizjalment indirettament ikkontrollati minn Siemens AG qabel ma nxtraw, fl-1 ta’ Lulju 2011, minn Atos SA, minħabba l-fidi minn din tal-aħħar ta’ 100 % tal-ishma tal-kumpannija li tikkontrollahom direttament, Siemens IT Solutions and Services GmbH, kif jirriżulta mid-dokumenti prodotti mill-EUIPO sussegwentement għad-digriet istruttorju tas-27 ta’ Marzu 2015 (ara l-punt 26 iktar 'il fuq). Ittieħdet nota ta’ din ir-rinunzja fil-verbal tas-seduta.

64      Madankollu, b’mod partikolari, fid-dawl tar-rabtiet strutturali li kienu jeżistu ma’ Siemens AG qabel l-1 ta’ Lulju 2011, tqum il-kwistjoni ta’ jekk, f’dan il-każ, l-awtorità kontraenti vverifikatx, bid-diliġenza mitluba, jekk Siemens SA u Siemens SL u, għaldaqstant, jekk ir-raġunijiet għall-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 93(1)(b) u (e) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali, moqrija konġuntament mat-tieni u t-tielet subparagrafi tal-punt 13.1, tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt għandhomx japplikaw għall-konsorzju Drasis (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2005, AFCon Management Consultants et Il-Kummissjoni, T‑160/03, Ġabra, EU:T:2005:107, punti 79 u 90).

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 96(1) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali, huwa previst dan li ġej:

“Il-kandidati jew dawk li jitfgħu l-offerti għandhom jiġu esklużi mill-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ akkwist jekk:

[…]

(b)      ikunu nstabu ħatja ta’ offiża li tikkonċerna l-kondotta professjonali tagħhom b’sentenza ta’ forza ta’ res judicata;

(ċ)      ikunu ħatja ta’ kondotta professjonali ħażina serja pprovata bi kwalunkwe mezz li l-awtorità kontraenti tista’ tiġġustifika;

(d)      ma ssodisfawx l-obbligi relatati mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew mal-ħlas tat-taxxi skond id-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż fejn huma stabbiliti jew ma’ dawk tal-pajjiż ta’ l-awtorità kontraenti jew dawk tal-pajjiż fejn għandu jitwettaq il-kuntratt;

(e)      kienu suġġetti għal sentenza b’saħħa ta’ res judicata minħabba frodi, korruzzjoni, implikazzjoni f’xi organizzazzjoni kriminali jew xi attività oħra illegali ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet;

(f)      huma bħalissa soġġetti għal penalitajiet amministrattiva msemmija fl-Artikolu 96(1).”

66      Skont l-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali, huwa previst dan li ġej:

“Kuntratt m’għandux jiġi aġġudikat lil kandidati jew offerenti li, matul il-proċedura ta’ akkwist għal dak il-kuntratt:

[...]

(ċ)      isibu ruħhom f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni, imsemmija fl-Artikolu 93(1), għal din il-proċedura ta’ akkwist.”

67      Għandu jitfakkar Barra dan li, konformement mal-Artikolu 134(1) tar-Regoli ta’ Implementazzjoni u mat-tieni u t-tielet subparagrafi tal-punt 13.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (ara l-punt 16 iktar 'il fuq), Siemens SA ppreżentat, mat-tressiq tal-offerta tal-konsorzju Drasis, formularju msejjaħ “Anness 4” debitament iffirmat, datat u ċċertifikat minn nutar Belġjan, li kien fih dikjarazzjoni solenni tad-diriġenti tagħha li jikkonfermaw l-assenza ta’ xi raġuni għal esklużjoni f’dak li jirrigwarda fis-sens tal-Artikoli 93 u 94 tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali. Madankollu, l-EUIPO naqas milli jipproduċi, fil-mori tal-kawża, formularju analogu maħruġ minn Siemens SL.

68      Barra minn hekk, fid-dawl tal-allegazzjonijiet ta’ involviment ta’ Siemens AG u ta’ wħud mis-sussidjarji barranin tagħha fil-każijiet ta’ tixħim li kienu jwasslu għal deċiżjonijiet ċivili jew kriminali, fil-25 ta’ Lulju 2011, l-EUIPO indirizza talba għal kjarifiki lill-konsorzju Drasis, b’mod partikolari, fir-rigward tar-rabtiet li jeżistu bejn Siemens AG, minn naħa, u Siemens SA u Siemens SL, min-naħa l-oħra, u talbitu jipproduċi provi li juru li Siemens AG u l-membri tal-bord eżekuttiv tagħha ma humiex f’waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 93(1)(c) u (d) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali.

69      B’risposta għal din id-domanda, il-konsorzju Drasis, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Awwissu 2011, informa lill-EUIPO, b’mod partikolari, il-fidi minn Atos ta’ Siemens SA u ta’ Siemens SL (ara l-punt 63 iktar 'il fuq) u pproduċa ċertifikati li juru li Siemens AG ma kinitx f’waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti mill-Artikolu 93(1)(d) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali kif ukoll skambju preċedenti ta’ korrispondenza mal-Kummissjoni, li seħħ wara tħassib analogu espress minnha, li jikkonferma li l-imsemmi konsorzju ma jissodisfax ir-raġunijiet għall-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 93(1)(b)(c) jew (e), u fl-Artikolu 93(2)(a) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali jew fl-Artikolu 134(4) tar-Regoli ta’ Implementazzjoni.

70      Fl-aħħar nett, il-konsorzju Drasis ma ngħatax il-kuntratt inkwistjoni bħala t-tielet offerent magħżul skont il-proċedura ta’ kaskata u ffirma kuntratt qafas mal-EUIPO, dan ġie kkonfermat minnu waqt is-seduta.

71      Madankollu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 134(3) tar-Regoli ta’ Implementazzjoni, fi tmiem il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, jiġifieri qabel l-għoti tal-kuntratt, l-offerent magħżul huwa mistenni li jippreżenta “estratt riċenti minn rekord ġudizzjarju, jew fin-nuqqas ta’ dan, dokument ekwivalenti riċenti maħruġ mill-awtorità ġudizzjarja jew amminstrattiva fil-pajjiż ta’ l-oriġini jew tal-provenjenza” sabiex juri li l-ebda mir-raġunijiet għall-esklużjoni fis-sens tal-Artikolu 93(1)(a), (b) jew (e), tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali ma hija ssodisfatta. Barra dan, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 93(1)(d) tal-istess regolament, l-awtorità kontraenti taċċetta bħala prova suffiċjenti “ċertifikat riċenti maħruġ mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ikkonċernat”. Fl-aħħar nett, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 134(3) tar-Regoli ta’ Implementazzjoni, huwa biss “[m]eta d-dokument jew ċertifikat imsemmi fis-subparagrafu 1 [tal-imsemmi artikolu] ma jkunx inħareġ fil-pajjiż ikkonċernat u għall-każijiet l-oħra ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikoli 93 tar-Regolament Finanzjarju [Ġenerali], [li jkun] jista’ jsir ġurament minfloku jew, fin-nuqqas ta’ dak, dikjarazzjoni solenni mill-parti interessata quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, nutar jew entità professjonali ikkwalifikata fil-pajjiż ta’ l-oriġini jew provenjenza tal-parti interessata”.

72      Konformement ma’ dawn ir-rekwiżiti, ir-raba’ subparagrafu tal-punt 13.1, ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (ara l-punt 16 iktar 'il fuq) jipprevedi, b’mod partikolari, li “[s]kont il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, l-offerent li jingħata l-kuntratt għandu, b’mod mandatorju u sabiex jevita li jiġi eskluż mis-sejħa għal offerti, jipprova li huw ama jinsabx f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq”. Għall-finijiet tal-produzzjoni tal-provi mitluba, għandu terminu ta’ ħmistax il-jum ta’ xogħol qabel l-iffirmar tal-kuntratt. Fir-rigward tar-raġunijiet għall-esklużjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-punt 13.1, (a), (b) u (e) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, dawn il-provi jikkonsistu f’“silta/siltiet rilevanti mid-dokument ġudizzjarju jew, fin-nuqqas ta’ dan, dokumentazzjoni tal-istess tip maħruġa minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva” fil-pajjiż fejn l-offerent huwa stabbilit (l-ewwel parti tar-raba’ subparagrafu tal-punt 13.1, tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt). Fl-aħħar nett, hemm indikat li, fir-rigward tar-raġunijiet għall-esklużjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-punt 13.1(c), (f), (g) u (h) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, “l-Anness 4”, jiġifieri l-formularju li jesponi d-dikjarazzjoni solenni, “hija valida” (it-tielet parti tar-raba’ subparagrafu tal-punt 13.1, tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt).

73      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja l-obbligi msemmija fil-punti 71 u 72 iktar 'il fuq u saħansitra wara domanda orali magħmula espliċitament mill-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward fis-seduta, l-EUIPO la kkonferma li talab il-produzzjoni ta’ silta reċenti tad-dokument ġudizzjarju mingħand il-konsorzju Drasis u tal-membri tiegħu, inklużi ta’ Siemens SA u ta’ Siemens SL, u lanqas ma sostna li tali dokument ma setax jinħareġ fil-pajjiżi fejn dawn l-aħħar żewġ kumpanniji kienu stabbiliti, jiġifieri l-Belġju u Spanja. Madankollu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 134(3) tar-Regoli ta’ Implementazzjoni, dawn il-provi ma setgħux jiġu ssostitwiti minn dikjarazzjoni ġuramentata jew solenni magħmula, b’mod partikolari, quddiem nutar tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ provenjenza. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni solenni ta’ Siemens SA, imressqa konġuntament mal-offerta tal-konsorzju Drasis, ġiet iċċertifikata minn nutar Belġjan, u l-EUIPO naqas milli jipproduċi, fil-mori tal-kawża, dikjarazzjoni analoga, jekk ikun il-każ, awtentikata minn nutar Spanjol, ta’ Siemens SL.

74      Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, skont it-tielet parti tar-raba’ subparagrafu tal-punt 13.1, tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, din id-dikjarazzjoni solenni setgħet tiġi aċċettata biss mill-awtorità kontraenti sabiex tiġi pprovata l-assenza ta’ raġunijiet oħra għall-esklużjoni, jiġifieri dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-punt 13.1(c), (f), (g) u (h) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li jikkorrispondu għal dawk previsti fl-Artikolu 93(1) (c) u (f), kif ukoll dawk fl-Artikolu 94(a) u (b) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali, iżda mhux sabiex tiġi pprovata l-assenza tar-raġuni għal esklużjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-punt 13.1(e) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, moqri konġuntament mal-Artikolu 93(1(e) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali.

75      Barra minn hekk, mill-ittra tal-EUIPO tal-25 ta’ Lulju 2011, prodotta wara d-digriet istruttorju tas-27 ta’ Marzu 2015 (ara l-punt 26 iktar 'il fuq), jirriżulta li l-awtorità kontraenti ma talbitx lill-konsorzju Drasis sabiex jipproduċi provi speċifiċi fir-rigward tal-assenza ta’ raġuni għal esklużjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 93(1)(d) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali f’dak li jirrigwarda Siemens SA u Siemens SL.

76      Għalhekk, għall-finijiet tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, l-EUIPO ma setax jikkuntenta ruħu bid-dikjarazzjoni solenni ta’ Siemens SA bħala prova tal-assenza ta’ raġuni għal esklużjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-konsorzju Drasis, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-punt 13.1(e) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u tal-Artikolu 93(1)(e) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali. Din il-prova kienet saħansitra inqas xierqa sabiex turi l-assenza ta’ din ir-raġuni għal esklużjoni f’dak li jirrigwarda lil Siemens SL, li għaliha l-EUIPO la talab u lanqas ipproduċa prova rilevanti. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, l-ewwel sentenza tar-raba’ subparagrafu tal-punt 13.1, tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tistabbilixxi obbligu espliċitu f’dan ir-rigward, li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu għandu jwassal għall-esklużjoni tal-offerent ikkonċernat (“b’mod mandatorju u sabiex jevita li jiġi eskluż mis-sejħa għal offerti”), u li, min-naħa l-oħra, skont l-ewwel u t-tielet partijiet tar-raba’ subparagrafu tal-punt 13.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, id-dokumenti tal-provi “għandhom jirreferu għal entitajiet li għandhom personalità ġuridika u/jew għal persuni fiżiċi”, jiġifieri għall-kumpanniji kollha membri tal-konsorzju inkwistjoni, fosthom Siemens SL.

77      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-EUIPO manifestament naqas mid-dmir tiegħu ta’ diliġenza meta kien jaf, b’mod partikolari, bl-eżistenza ta’ raġuni għal esklużjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-punt 13.1(e) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u fl-Artikolu 93(1)(e) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali. B’dan il-fatt huwa kiser dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti li konformement mal-obbligu ta’ esklużjoni previst fir-raba’ subparagrafu tal-punt 13.1, tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, kienu jeżiġu l-esklużjoni ta’ Siemens SA u Siemens SL u, għaldaqstant, tal-konsorzju Drasis mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Madankollu, f’dan il-każ, inkunsiderazzjoni tal-allegazzjonijiet li jirrigwardaw l-attivitajiet illegali li fihom kienu involuti Siemens AG — il-kumpannija li kellha l-kontroll ta’ Siemens SA u Siemens SL qabel l-1 ta’ Lulju 2011 — u diversi mis-sussidjarji barranin tagħha, peress li tali investigazzjoni diliġenti u applikazzjoni metikoluża tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq kienu iktar u iktar neċessarji.

78      Konsegwentement, minħabba din ir-raġuni biss it-tielet parti għandha tintlaqa’ u għandha tiġi annullata d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

 Osservazzjoni preliminari

79      Ir-rikorrenti jsostnu li, minkejja n-nuqqas ta’ osservanza mill-EUIPO tal-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni, l-informazzjoni vaga pprovduta minnu turi diversi żbalji ta’ evalwazzjoni tal-offerta tal-ewwel rikorrenti li l-korrezzjoni tagħha twassal għal klassifikazzjoni differenti tal-offerenti.

80      Dan il-motiv huwa maqsum f’erba’ partijiet, li l-ewwel parti tiegħu hija, huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu żviluppat fl-Anness A.14 tar-rikors, li wassal lill-EUIPO sabiex jikkontesta l-ammissibbiltà tiegħu.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv

 – Fuq is-suġġett tal-ewwel parti u fuq l-ammissibbiltà tal-Anness A.14 tar-rikors

81      Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jinvokaw fuq kollox jinvokaw żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li twettqu fl-evalwazzjoni tal-offerti fir-rigward tal-kriterji tal-kwalità teknika Nru 1 sa 3. Fil-fatt, peress li l- offerenti magħżula ngħataw punti li jilħqu eżatt il-limitu minimu, l-inqas żball kellu jkollu l-effett immedjat ta’ espulsjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jirriteraw it-talba tagħhom sabiex il-Qorti Ġenerali tordna l-produzzjoni tal-verżjoni sħiħa tar-rapport ta’ evalwazzjoni sabiex tkun tista’ twettaq l-istħarriġ ġudizzjarju meħtieġ. Barra dan, huma jikkuntentaw ruħhom b’espożizzjoni sommarja fir-rikors u jirreferu għal analiżi iktar iddettaljata ta’ dawn l-iżbalji li jidhru fl-Anness A.14 tar-rikors. Billi l-EUIPO ma kkomunikax provi suffiċjentement motivati, l-ewwel parti tat-tieni motiv kienu motivati fuq argument sintetiku preċiż kemm jista’ jkun, li fiha jsir riferiment għall-erba’ partijiet tal-Anness A.14 tar-rikors, li fihom jingħataw indikazzjonijiet tekniċi iktar iddettaljati li tagħhom il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni.

82      Skont l-EUIPO, essenzjalment, skont tal-l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, l-ewwel parti, li hija biss sommarjament u vagament ippreżentata fuq żewġ paġni u nofs fir-rikors u esposta b’mod ddettaljat f’48 paġna fl-Anness A.14 tar-rikors, li tirrigwarda ta’ mill-inqas erbatax-il eżempju ta’ allegati żbalji manifesti, għandha tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba li hija nieqsa miċ-ċarezza u mill-preċiżjoni, peress li dan l-approċċ għandu “biss l-għan li jevita l-limitu ta’ paġni stabbilit mir-Regoli tal-Proċedura”. Mill-inqas l-Anness A.14 tar-rikors għandu jiġi eskluż.

83      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal‑Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati. Ir-rekwiżit tal-“espożizzjoni fil-qosor tal-motivi” jfisser li r-rikors għandu jespliċita l-kontenut tal-motiv li fuqu l-azzjoni hija bbażata. B’hekk, sabiex rikors quddiem il-Qorti Ġenerali tkun ammissibbli, huwa partikolarment neċessarju li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom din tkun ibbażata jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. Jekk hu minnu li l-korp tiegħu jista’ jkun issostanzjat u kkompletat, fuq punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet partikolari minn dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki dawk annessi mar-rikors, ma jistgħux jindirizzaw l-assenza tal-elementi essenzjali tal-argumentazzjoni fil-liġi, li, skont id-dispożizzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors. Fil-fatt, sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, is-sunt tar-raġunijiet tar-rikorrent għandhom ikunu suffiċjentement ċari u preċiżi sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u l-qorti kompetenti tkun tista’ tagħti deċiżjoni fuq ir-rikors B’hekk, ma huwiex id-dmir tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li fuqhom hija tista’ tikkunsidra li huwa bbażat ir-rikors, peress li l-funzjoni tal-annessi hija waħda purament probatorja u strumentali (ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, Ġabra, EU:C:2014:2201, punti 38 sa 41 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑591/08, EU:T:2012:522, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-punti 66 u 67 tar-rikors jindikaw b’mod ċar li dan il-motiv u, b’mod partikolari, l-ewwel parti tiegħu huma bbażati fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jirrigwardaw kriterji u subkriterji differenti ta’ għoti li huma espliċitament imsemmija mir-rikorrenti.

85      It-tieni nett, inkunsiderazzjoni tan-natura teknika tal-kriterji u tas-subkriterji ta’ għoti inkwistjoni, il-kwistjoni ta’ jekk l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt, li fuqhom id-diversi lmenti, b’mod partikolari, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv huma bbażati, jirriżultaw, mill-inqas fil-qosor u b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u komprensiv, mit-test tar-rikors huwa nnifsu jista’ jiġi deċiż biss fil-kuntest ta’ eżami tal-fondatezza ta’ kull wieħed minn dawn l-ilmenti. Fil-fatt, huwa biss eżami li jista’ jiddetermina jekk xi wieħed mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati fl-Anness A.14 tar-rikors jillimitaw ruħhom li jsostnu u jikkompletaw il-parti ċentrali tar-rikors fuq punti speċifiċi, b’mod partikolari, b’riferimenti għal partijiet determinati tal-imsemmi anness, jew, fir-rigward ta’ wħud minn dawn l-ilmenti, huwa riferiment globali għall-espożizzjoni li tissemma f’dan l-anness, li ma tistax tindirizza l-assenza tal-elementi essenzjali tal-argument fil-fatt u fid-dritt li għandhom jiġu inklużi fir-rikors innifsu.

86      It-tielet nett, ser jiddependi wkoll fuq evalwazzjoni tal-mertu tal-kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt imqajma minn kull wieħed mill-ilmenti rilevanti l-kwistjoni ta’ jekk is-sunt ta’ dan il-motiv fir-rikors kienx suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-EUIPO li jipprepara d-difiża tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi.

87      Għalhekk, għandu jiġi rriżervat l-eżami ta’ ammissibbiltà tal-kunsiderazzjonijiet esposti fl-Anness A.14 tar-rikors u titwettaq l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-ilmenti differenti mqajma fil-kuntest ta’ din il-parti, ibbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterji tekniċi ta’ għoti, huwa mifhum li din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata, prinċipalment, fuq l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt esposti fir-rikors stess.

88      Konsegwentement, sa fejn l-EUIPO jitlob li dan il-motiv, mill-inqas l-ewwel parti tiegħu, tiġi ddikjarata inammissibbli u li jiġi eskluż l-Anness A.14 tar-rikors fl-intier tiegħu, id-deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-EUIPO għandha tiġi rriżervata.

 – Fuq l-ewwel ilment, li jirrigwarda l-kriterju Nru 1 subkriterju 1.1, punt 1.1.2.4, tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

[omissis]

 – Fuq it-tieni lment, li jirrigwarda l-kriterju Nru 1, subkriterju Nru 1.1, punt 1.1.3.5, tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

98      Il-kwistjoni mqajma taħt il-kriterju Nru 1, subkriterju Nru 1.1, punt 1.1.3.5, tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt intiż li jippermetti lill-awtorità kontraenti li tkun taf li ser ikunu “miżuri ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati” mill-offerent meta huwa jkun temm b’suċċess il-fażi inizjali tal-kuntratt, il-fażi msejħa “in”, li tirrigwarda “sistema informatika partikolari”.

[omissis]

100    Ir-rikorrenti, minn naħa, jikkontestaw il-fatt li l-imsemmija offerta ma tiħux inkunsiderazzjoni kull darba l-kumplessità tas-sistema kkonċernata u, min-naħa l-oħra, jiddikjaraw li huwa ggarantit li l-proċessi ta’ tranżizzjoni jirrigwardaw il-partijiet kollha, inkluż l-EUIPO u l-parti kontraenti, u hija bbażata fuq lista ta’ kontroll konkret, li l-verifika tagħha tippermetti li jitwettaq proċess konkret b’kunsens. L-EUIPO jirrispondi essenzjalment li r-rapport ta’ evalwazzjoni kkritika ġustament li l-fatt li ċerti kriterji huma neqsin fl-offerta tal-ewwel rikorrenti, bħalma hija l-kumplessità tas-sistema u n-natura kritika tagħha għall-kriterji proposti, u l-fatt li ż-żewġ fornituri għandhom jilħqu ftehim li jirrigwarda t-tmiem tat-tranżizzjoni. Barra dan, jekk l-imsemmi offerenti kienet tipprevedi l-preparazzjoni ta’ lista ta’ kontroll tal-kwalità, hija ma semmietx li din kellha titwettaq bi ftehim. Għaldaqstant, l-EUIPO ġustament kien kkunsidra li ftehim, jiġifieri kunsens, bejn il-fornitur attwali u l-kontraent il-ġdid kien meħtieġ sabiex tiġi kkunsidrata t-tranżizzjoni fil-bidu tal-kuntratt bħala mitmuma u li din l-offerta ma kinitx ipproponietu. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jikkontestaw, minn naħa, in-neċessità li seħħ tali ftehim “legali” bejn dawn iż-żewġ fornituri, li kull wieħed minnhom kellu bis relazzjonijiet kuntrattwali mal-EUIPO, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-argument imqajjem a posteriori fir-rigward tal-“kritiċità”, li, skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u fid-dawl tan-natura tassew ‘kritika” tal-assjem tal-applikazzjonijiet tal-EUIPO, kien element standard li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ ta’ trasferiment.

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-kwistjoni mqajma fil-kuntest ta’ dan kriterju ta’ għoti huwa partikolarment vag peress li hija tirreferi, b’mod ġenerali, għal “miżuri ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati”. Minn dan jirriżulta li r-rekwiżiti ddettaljati fir-rigward tal-preżentazzjoni ta’ ċerti “kriterji”, li, skont il-kritika esposta fir-rapport ta’ evalwazzjoni, kienu nieqsa fl-offerta tal-ewwel rikorrenti ma kellhomx bażi suffiċjentement ċara, preċiża u univoka fil-kliem tal-imsemmi kriterju tal-għoti sabiex jippermettu lill-offerenti kollha raġonevolment informati u normalment diliġenti kollha li jifhmu l-portata eżatta u li jinterpretawhom bl-istess mod u li jqiegħdu lill-awtorità kontraenti f’qagħda li tapplika b’mod oġġettiv u uniformi billi tivverifika jekk l-offerti tagħhom jikkorrispondux għall-imsemmija rekwiżiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Frar 2011, Il-Kummissjoni vs Ċipru, C‑251/09, EU:C:2011:84, punti 39 u 40, u tal-25 ta’ Ottubru 2012, Astrim u Elyo Italia vs Il-Kummissjoni, T‑216/09, EU:T:2012:574, punti 35 sa 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jikkontestawx espressament u direttament in-nuqqas ta’ preċiżjoni u n-nuqqas ta’ ċarezza ta’ dan il-kriterju tal-għoti. Madankollu, il-Qorti Ġenerali, li ma hijiex awtorizzata li tqajjem ex officio l-legalità bħala tali tal-imsemmi kriterju, għandha tillimita l-istħarriġ tagħha għall-argumenti espliċiti mressqa mir-rikorrenti. Dawn jinkludu, essenzjalment, minn naħa, l-allegat rekwiżit li ntlaħaq ftehim bejn il-fornitur attwali u l-kontraent il-ġdid u, min-naħa l-oħra, il-fatt li tal-ommissjoni ta’ teħid inkunsiderazzjoni, suffiċjenti, tal-kumplessità u tan-natura kritika tas-sistema.

103    Fir-rigward tal-ewwel argument, fid-dawl tar-riferiment vag u ġenerali fl-imsemmi kriterju tal-għoti għal “miżuri ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati”, ir-rikorrenti jsostnu madankollu li ġustament l-awtorità kontraenti ma kellhiex dritt li tibbaża ruħha fuq allegat rekwiżit speċifiku li jipprevedi t-trasferiment ta’ “ftehim bejn iż-żewġ fornituri li jirrigwarda t-tmiem tat-tranżizzjoni”. Barra dan, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi evalwata n-natura legali jew mhux legali tal-ftehim allegatament meħtieġ u mhux iddefinit fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, għandu jitfakkar li l-ewwel rikorrenti kkunsidrat fl-ewwel offerta tagħha “li kooperazzjoni mingħajr xkiel mal-[EUIPO] u mal-kontraenti preċedenti tista’ tiffaċilita konsiderevolment it-trasferiment tal-konoxxenza” u li, “[minħabba din ir-raġuni, hija ppruvat tqiegħed għad-dispożizzjoni kull strument neċessarju sabiex tiffaċilita kooperazzjoni siewja mal-[EUIPO] u l-kontraenti preċedenti”.

104    Fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni, il-kritika tal-kumitat ta’ evalwazzjoni skont liema l-offerta tal-ewwel rikorrenti ma tipprevedix “ftehim bejn iż-żewġ fornituri fir-rigward tat-tmiem tat-tranżizzjoni” hija kemm formalista kif ukoll eċċessiva, peress li l-ewwel rikorrenti kienet ipproponiet li jsir dak kollu neċessarju sabiex jiġi stabbilit, matul il-fażi ta’ tranżizzjoni, kooperazzjoni mal-kontraenti l-ġdid sabiex jippermetti t-trasferiment tal-konoxxenza, dan huwa konsistenti ferm mal-għan tal-allegat “ftehim” impost a posteriori mill-awtorità kontraenti. L-EUIPO ma jistax jikkonfuta din il-konklużjoni permezz tal-argument tiegħu mressaq matul is-seduta skont liema, fuq dan il-punt, l-offerta tal-ewwel rikorrenti tillimita ruħha biss li tiddeskrivi proċess u mhux ir-riżultat tiegħu, dak li kien madankollu mitlub speċifikament mill-kliem “jkun temm b’suċċess il-fażi inizjali tal-kuntratt” peress li tali rekwiżit, fuq kollox l-obbligu ta’ riżultat li jsir “ftehim”, ma jirriżultax biċ-ċarezza mitluba mid-domanda inkwistjoni. Għandu jiġi ppreċiżat li l-imsemmi rekwiżit ma jirriżultax mill-ewwel subparagrafu tal-punt 2.2.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li l-EUIPO invoka biss waqt is-seduta u fil-kuntest tal-ħames ilment (ara l-punt 135 iktar ’il quddiem), peress li din id-dispożizzjoni tindika b’mod ċar li huwa l-EUIPO u mhux il-kontraenti l-ġdid li għandu jipproduċi ftehim speċifiku li jeżiġi minn dan il-kontraenti li jimplementa proċess ta’ trasferiment tal-konoxxenza bejn dan tal-aħħar, minn naħa, u l-kontraenti preċedenti u l-EUIPO, min-naħa l-oħra, sabiex jassumi r-responsabbiltà tal-manutenzjoni tas-sistemi informatiċi tal-EUIPO. Għaldaqstant, bil-kritika tal-offerta tal-ewwel rikorrenti fuq dan il-punt, l-EUIPO wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

[omissis]

108    Minn dan isegwi li t-tieni argument ma jistax jirnexxi u li, f’dan ir-rigward, ma hemmx ħtieġa li tittieħed deċiżjoni fuq l-għan tal-inammissibbiltà invokata bħala difiża mill-EUIPO f’dan ir-rigward f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari r-riferiment għall-kunsiderazzjonijiet imsemmija fl-Anness A.14 tar-rikors.

109    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni lment għandu jintlaqa’ parzjalment u miċħud parzjalment.

 – Fuq it-tielet ilment, li jirrigwarda l-kriterju Nru 1, subkriterju Nru 1.1, punt 1.1.3.10, tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

110    Il-kwistjoni mqajma taħt il-kriterju Nru 1 subkriterju Nru 1.1 punt 1.1.3.10 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt huwa intiż li jippermetti lill-awtorità kontraenti li tkun taf liema ser ikunu l-“aspetti ewlenin l-oħra” li l-offerent jikkunsidra bħala essenzjali matul il-fażi ta’ tranżizzjoni fil-bidu tal-kuntratt, il-fażi msejħa “in”, li tirrigwarda “sistema informatika partikolari”.

111    Fuq dan il-punt, l-estratt rilevanti tar-rapport ta’ evalwazzjoni ddikjara dan li ġej fir-rigward tal-kwalità teknika tal-offerta tal-ewwel rikorrenti:

“Mill-perspettiva formali, ir-risposta hija twila wisq. Parti kbira minnha hija repitizzjoni ta’ risposti għal domandi preċedenti ([li] għalhekk, jonqsu milli jkopru l-‘aspetti ewlenin l-oħra’). Aspetti importanti huma neqsin: in-natura modulari tal-proċess (l-applikazzjonijiet żgħar ma jeħtieġux proċess sħiħ ta’ tranżizzjoni fil‑bidu tal-kuntratt), il-kontroll ta’ żviluppi li jkunu għaddejjin u implementazzjonijiet matul il-fażijiet ta’ tranżizzjoni kif ukoll limitazzjonijiet ġeografiċi.”

112    Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-EUIPO li kkritika, b’mod żbaljat, it-tul kif ukoll in-natura repetittiva u lakonika tar-risposta pprovduta fl-offerta tal-ewwel rikorrenti, li tkopri kemm in-natura modulabbli tal-proċess tal-limitazzjonijiet ġeografiċi. Barra dan, għal dak li jsostni l-EUIPO fil-mori tal-kawża, l-imsemmija offerta tipproponi metodoloġija li tikkorrispondi għad-definizzjoni bl-istess adattabbiltà — u mhux għal xi mudell “daqs wieħed” — billi hija intiża li tieħu inkunsiderazzjoni f’kull każ ċirkustanzi speċifiċi u għalhekk f’kull każ aġġustati għall-bżonnijiet ta’ kull kompitu.

113    L-EUIPO jirrispondi, essenzjalment, li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jipprevedu li l-offerti għandhom ikunu ċari, konċiżi u speċifiċi għad-domanda magħmula. Issa, b’mod partikolari, l-introduzzjoni tar-risposta mogħtija għad-domanda 1.1.3.10 tillimita ruħha li tirriproduċi l-introduzzjoni tar-risposta għad-domanda 1.1.3.3. Barra dan, ir-rikorrenti ma pprovawx li l-offerta tal-ewwel rikorrenti ħadet inkunsiderazzjoni l-modularità tal-proġett jew tal-limitazzjonijiet ġeografiċi. Konformement mal-kritika tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, l-imsemmija offerta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ software differenti fi ħdan l-EUIPO, kif ġie espost fid-dokumenti mehmuża mal-Anness II tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Barra minn hekk, bħal fil-fażi ta’ tranżizzjoni fi tmiem il-kuntratt, l-imsemmija offerta ma tindirizzax ir-riskji marbuta mal-limitazzjonijiet ġeografiċi li jippreżentaw irwieħhom matul il-fażi ta’ tranżizzjoni fil-bidu tal-kuntratt.

114    Bħall-kriterju Nru 1, subkriterju Nru 1.1, punt 1.1.3.5 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (ara l-punt 101 iktar 'il fuq), dan il-kriterju jbati, ċertament, minn nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni peress li jagħmel riferiment essenzjalment għad-domanda ġenerali ta’ liema huma l-“aspetti ewlenin l-oħra” meqjusa essenzjali għall-offerenti matul il-fażi ta’ tranżizzjoni fil-bidu tal-kuntratt. Madankollu, jekk ir-rikorrenti jikkontestaw, fil-kuntest tal-espożizzjoni tagħhom fl-Anness A.14 tar-rikors, l-assenza ta’ preċiżjoni ta’ dan il-kriterju, li l-EUIPO lanqas ma kkjarifika minkejja domandi espliċiti magħmula matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, huma naqsu milli jressqu tali argument fir-rikors bħala tali. Għalhekk, fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 83 iktar 'il fuq, din il-kontestazzjoni li ma hemm ebda traċċa tagħha fit-test tar-rikors għandha titqies inammissibbli skont l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, konformement mal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata bħala difiża l-EUIPO f’dan ir-rigward.

115    Fir-rigward tal-ewwel argument, imqajjem b’mod ammissibbli fir-rikors stess, skont liema l-awtorità kontraenti rrilevat b’mod żbaljat it-tul kif ukoll in-natura repetittiva tar-risposta pprovduta fl-offerta tal-ewwel rikorrenti, l-EUIPO ppreċiża waqt is-seduta li din il-konstatazzjoni “mill-perspettiva formali” timplika evalwazzjoni negattiva li tindika li r-risposta pprovduta ma kinitx suffiċjentement konċiża, ċara u speċifika fir-rigward tad-domanda magħmula. Issa, din il-preċiżazzjoni, li ġiet ipprovduta biss fil-mori tal-kawża ma tistax tbiddel il-portata tal-kritika purament formali, esposta fir-rapport ta’ evalwazzjoni, fir-rigward tat-tul u tan-natura repetittiva tar-risposta pprovduta mill-ewwel rikorrenti. Bl-istess mod, ma jirriżulta la mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u lanqas mill-motivi tar-rapport ta’ evalwazzjoni sa fejn tali evalwazzjoni tista’ tkun iġġustifikata, peress li l-parti introduttiva tal-Anness 17 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, kuntrarjament, tesponi li t-tul tar-risposti għal kull domanda individwali għandha tkun bejn paġna u żewġ paġni, il-limitu formali li r-risposta tal-ewwel rikorrenti osservat f’dan il-każ. Għalhekk, l-ewwel argument għandu jintlaqa’ u l-għan ta’ inammissibbiltà invokat bħala difiża mill-EUIPO f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

116    Fir-rigward tat-tieni argument, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li dan huwa żviluppat, b’mod li jinftiehem, esklużivament fl-Anness A.14 tar-rikors, b’tali mod li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 83 iktar 'il fuq, dan l-argument għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. Barra minn hekk, anki meta jitqiesu l-argumenti esposti fl-imsemmi Anness, dawn ma humiex suffiċjenti sabiex fuqhom tiġi bbażata l-kritika magħmula lill-EUIPO li wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fuq il-punti inkwistjoni.

[omissis]

121    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li mingħajr ma wettaq żball manifest li l-EUIPO kkunsidra li l-offerta tal-ewwel rikorrenti ma tkoprix in-“natura modulata tal-proċess”, il-“kontroll tal-iżviluppi li jkunu għaddejjin”, l-“implementazzjonijiet matul il-fażijiet ta’ tranżizzjoni” kif ukoll il-“limitazzjonijiet ġeografiċi” bħala “aspetti ewlenin l-oħra” fis-sens tal-kriterju Nru 1, subkriterju Nru 1.1 punt 1.1.3.10 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

122    Konsegwentement, it-tielet ilment għandu jintlaqa’ parzjalment — u l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata bħala difiża mill-EUIPO f’dan ir-rigward tiġi miċħuda — u jiġi parzjalment miċħud.

 – Fuq ir-raba’ lment, li jirrigwarda l-kriterju Nru 1, subkriterju Nru 1.1, punt 1.1.4.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

[omissis]

 – Fuq il-ħames ilment, li jirrigwarda l-kriterju Nru 1, subkriterju Nru 1.1, punt 1.1.4.4 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

[omissis]

 – Fuq is-sitt ilment, li jirrigwarda l-kriterju Nru 1, subkriterju Nru 1.1, punt 1.1.4.5, tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

140    Id-domanda magħmula taħt il-kriterju Nru 1, subkriterju Nru 1.1, punt 1.1.4.5, tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt hija intiża sabiex tippermetti lill-awtorità kontraenti li jkunu jafu liema huma l-“miżuri ewlenin li jippermettu li jiġi konkluż li l-fażi ta’ tranżizzjoni fi tmiem il-kuntratt [fażi msejjħa ‘out’] li tirrigwarda sistema informatika partikolari intemmet b’suċċess”.

141    F’dan ir-rigward, l-estratt rilevanti tar-rapport ta’ evalwazzjoni rrilevali dan li ġej fir-rigward tal-kwalità teknika tal-offerta tal-ewwel rikorrenti:

“Ir-risposta hija twila wisq. Huwa biss l-aħħar 25 % tagħha li hija marbuta mad-domanda. Ir-risposta ma tistabbilixxix lista ta’ kriterji li jippermettu l-evalwazzjoni tan-natura sħiħa tat-tranżizzjoni fi tmiem il-kuntratt. Il-kriterji importanti huma nieqsa: il-kompiti ppjanifikati huma magħluqa, ir-riskji huma magħluqa, il-fornitur tat-tranżizzjoni fil-bidu tal-kuntratt ivvalida t-tranżizzjoni.”

142    Ir-rikorrenti jikkontestaw essenzjalment il-fatt li r-risposta fl-imsemmija offerta hija twila wisq, li hija ma telenkax il-kriterji li jippermettu li tiġi evalwata n-natura sħiħa tat-tranżizzjoni fi tmiem il-kuntratt u tal-kriterji importanti kienu nieqsa. Skont l-EUIPO, essenzjalment, l-offerta tal-ewwel rikorrenti naqset milli telenka l-kriterji li jippermettu l-evalwazzjoni tat-twettiq tat-tranżizzjoni fi tmiem il-kuntratt, peress li l-offerenti għandhom l-obbligu li jipprovdu “miżuri ewlenin”, valuri u ċifri konkreti insostenn sabiex ikun jista’ jiġi vverifikat jekk din il-fażi ta’ tranżizzjoni tkunx ġiet eżegwita sew. Fil-fatt, l-offerta tal-ewwel rikorrenti tista’ tiġi deskritta biss bħala proċess li jippermetti li jinkisbu dawn iċ-ċifri.

143    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk, bħall-kriterji tal-għoti preċedenti, il-kriterju tal-għoti inkwistjoni huwa nieqes miċ-ċarezza u mill-preċiżjoni peress li jillimita ruħu li jagħmel riferiment, b’mod ġenerali, għal “miżuri ewlenin”, la fir-rikors u lanqas fl-Anness A.14 dan l-aspett ma kien is-suġġett ta’ kontestazzjoni espressa u sseparata tar-rikorrenti, b’tali mod li ma tkunx tista’ titqajjem ex officio mill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, għandu jiġi eżerċitat kontroll limitat għat-tiftix ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-dawl ta’ kull wieħed minn dawn l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

144    L-ewwel nett, fir-rigward tal-kritika tat-tul eċċessiv tar-risposta tal-ewwel rikorrenti, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat, konformement għal dak li ġie espost fil-kuntest tat-tielet ilment, li l-Anness 17 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jindikaw b’mod ċar li t-tul tar-risposti għal kull domanda individwali għandha tkun minn paġna waħda sa tnejn u li l-imsemmija risposta ma taqbiżx dan il-limitu. Bħal ma ġie kkonstatat fil-punt 115 iktar 'il fuq, għalhekk għandu jiġi konkluż li din l-evalwazzjoni hija vvizzjata bi żball manifest u li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokat bħala difiża mill-EUIPO f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

145    It-tieni nett, la r-rapport ta’ evalwazzjoni u lanqas l-EUIPO, anki wara domanda orali mill-Qorti Ġenerali fis-seduta, ma spjegaw, b’mod suffiċjenti fid-dritt, ir-raġunijiet li għalihom l-awtorità kontraenti qieset li huma biss 25 % tat-test tar-risposta tal-ewwel rikorrenti kienu rilevanti fir-rigward tad-domanda magħmula. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-aħħar parti tal-imsemmija domanda, li tikkorrispondi għal madwar kwart tat-test, hija preċeduta b’titolu “3. Evalwazzjoni tan-natura effikaċi u sħiħa tat-tranżizzjoni fi tmiem il-kuntratt” ma jiġġustifikax, per se, li għandu jiġi kkunsidrat li l-partijiet l-oħra tar-risposta, esposti taħt it-titoli “2. Miżuri ta’ kwalità intiżi li jiżguraw is-suċċess tat-tranżizzjoni fi tmiem il-kuntratt għas-sistema” u “2.1 Miżuri ewlenin ta’ kwalità”, ma humiex rilevanti għal dan l-għan. F’dak li jirrigwarda l-motivi mressqa insostenn tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta li jipprekludu kemm ir-rikorrenti kif ukoll lill-Qorti Ġenerali li jiddeċiedu l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-awtorità kontraenti f’dan ir-rigward, din l-evalwazzjoni hija vvizzjata minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni li l-Qorti Ġenerali għandha tqajjem ex officio bħala motiv ta’ ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2009, VIP Car Solutions vs Il-Parlament, T‑89/07, Ġabra, EU:T:2009:163, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li l-EUIPO ma jistax iktar jikkumpensa fil-mori tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑9/10, EU:T:2013:88, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

[omissis]

148    Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi parzjalment miċħud u parzjalment milqugħ, filwaqt li jiġi kkonstatat żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tat-tul tal-offerta tal-ewwel rikorrenti.

 – Fuq is-seba’ lment, li jirrigwarda l-kriterju Nru 1, subkriterju Nru 1.3, punt 1.3.1.12, tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

[omissis]

 – Fuq it-tmien ilment, li jirrigwarda l-kriterju Nru 1, subkriterju Nru 1.4, punt 1.4.2.4 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

[omissis]

 – Fuq id-disa’ lment, li jirrigwarda l-kriterju Nru 1, subkriterju Nru 1.4, punt 1.4.4.10, tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

[omissis]

 – Fuq l-għaxar ilment, li jirrigwarda l-kriterju Nru 1, subkriterju Nru 1.4, punt 1.4.4.12 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

[omissis]

 – Fuq il-ħdax-il ilment, li jirrigwarda l-kriterju Nru 1, subkriterji Nru 1.5 u Nru 1.6 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

[omissis]

 – Fuq it-tnax-il ilment li jirrigwarda l-kriterju Nru 2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

[omissis]

 – Fuq it-tlettax-il ilment, li jirrigwarda l-kriterju Nru 3, subkriterju Nru 3.1, punt 3.1.1.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

189    Skont id-domanda magħmula taħt il-kriterju Nru 3, subkriterju Nru 3.1, punt 3.1.1.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-offerenti ġew mistiedna jiddeskrivu l-punti prinċipali tas-sistema ta’ ġestjoni tal-klijenti tagħhom.

190    Fuq dan il-punt, l-estratt rilevanti tar-rapport ta’ evalwazzjoni rrileva b’mod partikolari dan li ġej fir-rigward tal-kwalità teknika tal-offerta tal-ewwel rikorrenti fir-rigward tal-kriterju Nru 3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, b’mod ġenerali, u tal-punt 3.1.1.2 b’mod partikolari:

“Bmod ġenerali, ir-risposti ta’ European Dynamics huma f’konformità tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Xi wħud mill-punti dgħajjfa ġew identifikati fil-kuntest tal-punti li ġejjin:

3.1.1.2: L-organizzazzjoni proposta ma tirrigwardax speċifikament il-livelli tattiċi jew operazzjonali. Ma ġiex iddefinit b’mod ċar pjan ta’ kommunikazzjoni. Ma ssegwix il-metodu standard ta’ governanza.”

191    Skont ir-rikorrenti, f’dan il-kuntest, l-awtorità kontraenti bbażat ruħha fuq subkriterji tal-għoti ġodda mhux previsti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Huma jikkontestaw il-fatt li l-offerta tal-ewwel rikorrenti ma indirizzatx speċifikament il-livelli tattiċi u operattivi. L-offerta kellha tiddeskrivi wkoll sistema ta’ komunikazzjoni effikaċi fil-kuntest tal-ġestjoni tal-klijenti, filwaqt li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jeżiġu biss metodoloġija ġenerali ta’ ġestjoni tal-klijenti u mhux “pjan ta’ kommunikazzjoni”. Barra dan, l-EUIPO la wera li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jeżiġu “metodu ta’ governanza standard”, allegatament mhux applikati mill-ewwel rikorrenti, la speċifika l-kontenut tagħha, u lanqas spjega sa fejn l-offerta tagħha ma kinitx konformi ma dan ir-rekwiżit il-ġdid.

192    L-EUIPO jirrispondi li l-osservazzjoni bbażata fuq l-assenza ta’ metodu ta’ governanza standard ma kellhiex l-għan li tiddikjara li l-offerta tal-ewwel rikorrenti kellha tuża dan il-metodu, iżda li ċerti aspetti essenzjali ta’ din il-metodoloġija attwalment implementata mill-EUIPO “ma kinux ittrattati, peress li l-offerta setgħet kienet iktar speċifika”. Għalhekk, ir-rikorrenti ddikjaraw li ddiskutew il-“livelli tattiċi u operazzjonali” fit-“Taqsima 6” filwaqt li dan id-dokument ma jeżistix. Eżempju ieħor tal-inkonsistenza tar-risposta tal-ewwel rikorrenti kien dak dwar l-“organizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-fornitur u l-klijent”, li fiha hija ddikjarat li ħatret amministratur tal-kont sabiex jiġu indirizzati t-talbiet tal-klijent u ġew elenkati serje ta’ attivitajiet li għandhom jiġu fdati lil dan l-amministratur għal dan il-għan, fosthom l-“organizzazzjoni ta’ laqgħat” jew il-fatt tal-“iżgurar tal-osservanza tar-rekwiżiti fil-qasam tal-livell ta’ servizz”. Barra minn hekk, filwaqt li l-ewwel rikorrenti ddikjarat hija stess li l-komunikazzjoni kienet kruċjali għall-finijiet ta’ relazzjoni tajba mal-klijenti, hija naqset li tressaq pjan ta’ komunikazzjoni, fatt li għaldaqstant ġie rrilevat ġustament mill-kumitat ta’ evalwazzjoni.

193    Għandu jiġi kkonstatat li dan il-kriterju tal-għoti, skont liema l-offerenti huma mistiedna jiddeskrivu l-“punti prinċipali” tas-sistema ta’ ġestjoni tal-klijenti tagħhom, hija partikolarment vaga u għaldaqstant mhux adattata sabiex tippermetti lill-offerenti raġonevolment informati u normalment diliġenti li jinterpretawha bl-istess mod u lill-awtorità kontraenti li twettaq evalwazzjoni komparattiva oġġettiva u trasparenti tad-diversi offerti mressqa (ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 101 iktar 'il fuq). Bħal ma jsostnu r-rikorrenti, minn dan isegwi li s-subkriterji elenkati a posteriori fir-rapport ta’ evalwazzjoni, jiġifieri l-livelli tattiċi jew operazzjonali, id-definizzjoni ta’ pjan ta’ komunikazzjoni u l-metodu ta’ governanza standard, ma għandhomx bażi suffiċjentement ċara, preċiża u univoka fil-kliem tal-imsemmi kriterju tal-għoti. Madankollu, tali approċċ huwa manifestament kuntrarju għall-ġurisprudenza stabbilita li ddeċidiet li, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza, hu importanti li l-elementi kollha kkunsidrati mill-awtorità kontraenti tal-offerta ekonomikament l-iktar vantaġġuża u, jekk possibbli, l-importanza relatata tagħhom ikunu magħrufa mill-offerenti potenzjali fil-mument tal-preparazzjoni tal-offerti tagħhom, u li għaldaqstant, awtorità kontraenti ma tistax tapplika, għall-kriterji tal-għoti, subkriterji kuntratti li ma jkunux ġew ikkomunikati lill-offerenti preċedentement (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2008, Lianakis et, C‑532/06, Ġabra, EU:C:2008:40, punti 36 sa 38, u tal-21 ta’ Lulju 2011, Evropaïki Dynamiki vs EMSA, C‑252/10 P, EU:C:2011:512, punti 30 u 31). Għalhekk, l-argument żviluppat dwar dan is-suġġett mill-EUIPO fil-mori tal-kawża, li huwa intiż li jinterpreta l-kriterju tal-għoti inkwistjoni kif ukoll li jiġġustifika ex post l-evalwazzjoni esposta fir-rapport ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-tifsira għalhekk attribwita lill-imsemmi kriterju, ma jistax jiġi aċċettat u għandu għaldaqstant jiġi miċħud. Minn dan isegwi li l-awtorità kontraenti ma għandhiex dritt li tibbaża l-evalwazzjoni negattiva esposta fir-rapport ta’ evalwazzjoni fuq il-kriterju tal-għoti inkwistjoni.

194    Anki għal dawn i-raġunijiet biss, għandha tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u li jintlaqa’ dan l-ilment, li huwa espost b’mod suffiċjentement iddettaljat fit-test tar-rikors stess. Minn dan isegwi barra minn hekk li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata bħala difiża mill-EUIPO f’dan ir-rigward f’dak li tirrigwarda b’mod partikolari r-riferiment għall‑kunsiderazzjonijiet imsemmija fl-Anness A.14 tar-rikors għandu jiġi miċħud u li ma hemmx ħtieġa ta’ evalwazzjoni ta’ jekk l-offerta tal-ewwel rikorrenti tkoprix jew le l-aspetti allegatament nieqsa, bħall-eżistenza ta’ pjan ta’ komunikazzjoni.

 – Fuq l-erbatax-il ilment, li jirrigwarda l-kriterju Nru 3, subkriterju Nru 3.1, punt 3.1.2.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

[omissis]

 – Fuq il-ħmistax-il ilment, li jirrigwarda l-kriterju Nru 3, subkriterju Nru 3.1, punt 3.1.4.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

[omissis]

 Fuq it-tieni u r-raba’ partijiet tat-tieni motiv, ibbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li twettqu fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kwalità finanzjarja tal-offerta tal-ewwel rikorrenti, fuq ksur tal-kriterju tal-offerta ekonomikament iktar vantaġġuża u fuq emenda tas-suġġett tal-kuntratt

 – Tfakkira tal-kontenut rilevanti tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

[omissis]

 – Tfakkira tal-argumenti tal-partijiet

[omissis]

 – Evalwazzjoni ta’ dan il-każ

215    Minn naħa, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li offerent huwa ammissibbli tikkontesta inċidentalment il-legalità tal-metodu użat matul l-evalwazzjoni finanzjarja stabbilita fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u użat mill-awtorità kontraenti matul l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs BEI, T‑461/08, Ġabra, EU:T:2011:494, punt 74). Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-legalità sostantiva tal-għażla tal-metodu ta’ evalwazzjoni kkontestata, għandu jitfakkar li l-awtorità kontraenti għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-għażla, il-kontenut u l-implementazzjoni tal-kriterji tal-għoti rilevanti marbuta mal-kuntratt inkwistjoni, inklużi dawk intiżi li jiddeterminaw l-offerta ekonomikament l-iktar vantaġġuża, dawn il-kriterji għandhom jikkorrispondu għan-natura, għall-għan u għall-ispeċifikazzjonijiet tal-imsemmi kuntratt u jservu bl-aħjar mod il-bżonnijiet intiżi u l-għanijiet mixtieqa mill-awtorità kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Evropaïki Dynamiki vs BEI, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2011:494, punti 137 u 192).

[omissis]

223    Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li r-rikorrenti ma pprovatx la l-illegalità tal-metodu ta’ evalwazzjoni finanzjarja prevista fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, u lanqas l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni marbuta mal-applikazzjoni tal-imsemmi metodu.

224    Konsegwentement, it-tieni sar-raba’ partijiet għandhom jiġu miċħuda bħala infondati, mingħajr ma jkun hemm ħtieġa li jittieħdu miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrenti.

 Konklużjoni intermedjarja

225    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li t-tieni motiv għandu jiġu milqugħ parzjalment u miċħud parzjalment.

226    Għandu jiġi enfasizzat li, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat, f’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni jew ta’ insuffiċjenzi ta’ motivazzjoni li jivvizzjaw il-legalità tal-evalwazzjoni tal-offerta tal-ewwel rikorrenti, dawn l-illegalitajiet waħidhom jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta.

227    Fil-fatt, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mit-tabella komparattiva tal-offerti tekniċi esposti fil-punt 14 iktar 'il fuq, l-offerta teknika tal-ewwel rikorrenti kisbet, skont il-kriterji kwalitattivi Nri 1 sa 3, wara kunsiderazzjoni tal-punti netti mogħtija, il-punteġġ massimu ta’ 100 punti grossi, filwaqt li l-offerti tat-tielet offerenti magħżula kisbu biss numru nettament inferjuri ta’ punti netti u grossi, xi wħud minnhom eżatt taħt il-limitu ta’ esklużjoni ta’ 45, 15 u 10 punti rispettivament, għall-kriterji kwalitattivi Nri 1 sa 3. Għalhekk, is-87.90 punti netti mogħtija għall-offerta tal-ewwel rikorrenti żdiedu għal 100 punti grossi, filwaqt li l-71.96 punti netti mogħtija lill-offerta ta’ IECI żdiedu għal 81.86 punti grossi, li s-70.66 punti netti mogħtija lill-offerta ta’ Unisys żdiedu għal 80.38 punti grossi u li t-78.05 punti netti mogħtija lill-offerta ta’ Drasis żdiedu għal 88.78 punti grossi.

228    Kif ikkonferma l-EUIPO b’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, iż-żieda ta’ punti fil-każ tat-tliet offerenti magħżula kienet dovuta għall-applikazzjoni tar-regola tat-tlieta u kienet proporzjonata għal dik applikata għall-offerta tal-ewwel rikorrenti, billi dawn jikkostitwixxu l-valur ta’ riferiment man-numru l-iktar għoli ta’ punti. Bil-maqlub, jekk, wara li tiġi deċiża din is-sentenza, evalwazzjoni ġdida tal-offerta teknika tal-ewwel rikorrenti, mhux ivvizzjata mill-illegalitajiet ikkonstatati, iwasslu lill-awtorità kontraenti tagħti vantaġġ ta’ punti taħt il-kriterji kwalitattivi Nri 1 sa 3, minn dan isegwi li, b’applikazzjoni tar-regola ta’ tlieta, iż-żieda korrispondenti ta’ punti favur l-imsejħa offerta, li l-evalwazzjoni tagħhom tikkostitwixxi l-valur ta’ riferiment għandha neċessarjament bħala effett li tnaqqas proporzjonalment il-punti grossi mogħtija lill-offerenti magħżula, fatt li jista’ jkollu effett fuq il-klassifikazzjoni finali tagħhom fil-proċedura ta’ kaskata. Barra minn hekk, dan ir-riżultat għandu neċessarjament effett fuq l-evalwazzjoni, abbażi tal-valuri grossi hekk ikkalkolati, tal-assjem tal-offerti sabiex tiġi ddeterminata l-offerta li għandha natura ekonomikament vantaġġuża skont it-tabella msemmija fil-punt 14 iktar 'il fuq.

229    Minn dan għandu jiġi konkluż li l-illegalitajiet ikkonstatati fil-kuntest tat-tieni motiv setgħu jipproduċu effetti fuq ir-riżultat tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, li tagħhom l-EUIPO għandu jieħu inkunsiderazzjoni skont tal-ewwel subparagrafu tal-tal-Artikolu 266 TFUE (ara wkoll punt 276 iktar ’il quddiem).

 Fuq il-motiv il-ġdid, ibbażat fuq ksur tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt billi l-EUIPO aċċetta l-offerta finanzjarja ta’ IECI

[omissis]

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

238    Ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali u tal-Artikolu 149(2) tar-Regoli ta’ Implementazzjoni, billi l-EUIPO naqas milli jipprovdilhom motivazzjoni suffiċjenti, b’mod partikolari kopja integrali tar-rapport ta’ evalwazzjoni, sabiex ikunu jistgħu jifhmu, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni komparattiva tal-vantaġġi dwar id-diversi offerti u jiddeċiedu li jippreżentaw rikors u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Għal dan il-għan, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali li tikkundanna lill-EUIPO sabiex tipproduċi l-verżjonijiet sħaħ tar-rapport ta’ evalwazzjoni u tal-offerti tat-tlett offerenti magħżula kif ukoll il-verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti. F’dan il-kuntest, huma jikkontestaw, b’mod partikolari, li l-evalwazzjoni mogħtija lill-ewwel rikorrenti skont il-kwalità teknika tal-offerta tagħha kienet 100 %, peress li din l-evalwazzjoni kienet ta’ 58.21 għall-kriterju Nru 1, ta’ 18.00 għall-kriterju Nru 2 u ta’ 11.69 għall-kriterju Nru 3, jew total ta’ 87.90 %. Anki kieku ġie kkunsidrat li l-imsemmija rikorrenti ngħatat il-punteġġ massimu fuq il-livell tekniku, kien ikun neċessarju li jiġi ġġustifikat fid-dettall x’inhuma l-vantaġġi marbuta magħhom li kellhom l-offerti tal-offerenti magħżula fir-rigward tad-diversi kriterji u subkriterji rilevanti, bil-għan li l-offerent li ma ntgħażilx ikun jista’ jifhem l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti u jeżerċita d-dritt tiegħu għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

239    L-EUIPO jirrispondi, essenzjalment, peress li ssodisfa l-obbligu ta’ tiegħu ta’ motivazzjoni, b’mod partikolari, billi kkomunika r-riżultati tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti permezz tal-ittra kkontestata u rrisponda għat-talbiet ta’ spjegazzjonijiet tar-rikorrenti permezz tal-ittri tas-26 ta’ Awwissu u tal-15 ta’ Settembru 2011. L-estratt tar-rapport ta’ evalwazzjoni mehmuż mal-ittra tas-26 ta’ Awwissu 2011 ma għandha l-ebda osservazzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni fuq l-offerti tal-offerenti magħżula għas-sempliċi raġuni li ma kien hemm ebda vantaġġi relatati li kellhom jiġu kkomunikati fir-rigward tal-kwalità teknika tagħhom u li dik tal-ewwel rikorrenti kisbet il-punteġġ massimu ta’ 100 fuq 100 punti għall-assjem kollu tal-kriterji tekniċi ta’ għoti u l-aħjar evalwazzjoni għal kull kriterju tal-għoti tekniku kkunsidrat separatament. Bl-istess mod, l‑informazzjoni pprovduta fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kriterji finanzjarji kienu jkunu suffiċjenti u kienu b’mod partikolari jippermettu lill-ewwel rikorrenti li jikkalkola, abbażi tal-punti li ngħataw lill-offerta finanzjarja tagħha u ta’ dawk mogħtija lill-offerenti magħżula, l-offerti finanzjarji ta’ dawn tal-aħħar.

240    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta, bħal f’dan il-każ l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni fil-kapaċità tagħhom ta’ awtoritajiet kontraenti, għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar u iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti timmotiva b’mod suffiċjenti d-deċiżjonijiet tagħha. Fil-fatt, huwa biss b’dan il-mod li l-qorti tal-Unjoni tista’ tivverifika jekk l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ġewx issodisfatti (sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra, EU:C:1991:438, punt 14; VIP Car Solutions vs Il-Parlament, punt 145 iktar ’il fuq, EU:T:2009:163, punt 61, u tat-12 ta’ Diċembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs EFSA, T‑457/07, EU:T:2012:671, punt 42).

241    Skont l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, l-awtur ta’ att għandu jkun juri b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tiegħu b’mod li jkun, minn naħa, jippermetti lill-persuni kkonċernati li jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda bil-għan li jsostnu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, jippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet (ara s-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar ’il fuq, EU:T:2013:88, punti 25 u 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità sostanzjali tal-att kontenzjuż (ara s-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑17/09, EU:T:2012:243, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

242    Fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament ġenerali kif ukoll l-Artikolu 149(3) tar-Regoli ta’ Implementazzjoni jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li fihom l-awtorità kontraenti tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fir-rigward tal-offerenti.

243    Għalhekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali, “[l]-awtorità tal-kuntratti [awtorità kontraenti] għandha tinnotifika lill-kandidati jew lill-appaltaturi [offerenti] kollha li l-applikazzjonijiet jew l-offerti tagħhom huma miċħuda bil-bażi li fuqhom tkun ittieħdet id-deċiżjoni, u lill-appaltaturi kollha li l-offerti tagħhom huma ammissibbli u li jagħmlu talba bil-miktub, bil-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati ta’ l-appaltatur b’suċċess [offerent magħżul] u l-isem ta’ l-appaltatur li lilu jingħata il-kuntratt”.

244    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, ma jistax jiġi rikjest mill-awtorità kontraenti li din tittrażmetti lill-offerent li l-offerta tiegħu ma tkunx intgħażlet, minn naħa, minbarra l-motivi taċ-ċaħda ta’ din tal-aħħar, sinteżi ddettaljat tal-mod kif kull dettall tal-offerta tiegħu ttieħed inkunsiderazzjoni abbażi tal-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-karatteristiċi u tal-vantaġġi marbuta mal-offerta magħżula, analiżi komparattiva fid-dettall ta’ din tal-aħħar u tal-offerta tal-offerent eskluż. Bl-istess mod, l-awtorità kontraenti ma hijiex obbligata li tipprovdi lil offerent eskluż, fuq talba bil-miktub ta’ dan tal-aħħar, kopja sħiħa tar-rapport ta’ evalwazzjoni (digrieti tal-20 ta’ Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑561/10 P, EU:C:2011:598, punt 27; tad-29 ta’ Novembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑235/11 P, EU:C:2011:791, punti 50 u 51, u s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑629/11 P, EU:C:2012:617, punti 21 sa 23). Il-Qorti tal-Unjoni għandha tivverifika madankollu jekk il-metodu applikat mill-awtorità kontraenti għall-evalwazzjoni teknika tal-offerti huwiex iddikjarat b’mod ċar fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, inklużi l-kriterji differenti tal-għoti, il-piż rispettiv tagħhom fl-evalwazzjoni, jiġifieri fil-kalkolu tal-punteġġ totali, kif ukoll in-numru minimu u massimu ta’ punti għal kull kriterju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, EU:C:2012:617, punt 29).

245    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 244 iktar 'il fuq, bħala prinċipju, l-awtorità kontraenti ma hijiex obbligata li tagħti lill-offerent eskluż aċċess għall-verżjoni sħiħa tal-offerta tal-kontraent li jkun ingħata l-kuntratt inkwistjoni, u lanqas għal dik tar-rapport ta’ evalwazzjoni. Barra dan, fid-dawl tal-atti tal-partijiet, tal-atti inseriti fil-proċess u tar-riżultati tas-seduta, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li hija suffiċjentement informata sabiex tagħti deċiżjoni fuq il-kawża odjerna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra, EU:T:2006:350, punt 80), b’tali mod li ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal miżuri istruttorji tar-rikorrenti, li tagħha, barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali hija l-unika li tista’ tiddeċiedi jekk hux neċessarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P u C‑137/07 P, Ġabra, EU:C:2009:576, punt 319, u d-digriet tal-10 ta’ Ġunju 2010, Thomson Sales Europe vs Il-Kummissjoni, C‑498/09 P, EU:C:2010:338, punt 138). Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi speċifikat li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, parzjalment, laqgħet it-talbiet tar-rikorrenti sa fejn hija ordnat lill-EUIPO, permezz tad-digriet istruttorju tagħha tas-27 ta’ Marzu 2015 (ara l-punt 26 iktar 'il fuq), sabiex huwa jipproduċi d-dokumenti li jesponu l-kalkoli u l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti finanzjarji tal-offerenti magħżula u tal-ewwel rikorrenti, ħaġa li l-EUIPO wettaq.

246    Sussegwentement, fir-rigward tal-motivi invokati a posteriori mill-EUIPO, jiġifieri fl-ittri tiegħu tas-26 ta’ Awwissu u tal-15 ta’ Settembru 2011, li ġew sussegwentement għall-ittra kkontestata, ma huwiex ikkontestat li l-imsemmija ittri jikkostitwixxu bħala tali elementi addizzjonali ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-għoti, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali kif ukoll tal-Artikolu 149(3) tar-Regoli ta’ Implementazzjoni, li l-Qorti Ġenerali hija ammessa li tieħu inkunsiderazzjoni.

247    Għalhekk għad irid jiġi ddeterminat jekk u sa liema punt dawn l-ittri huma vvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni, preċiżament minħabba li ma ppremettewx lir-rikorrenti li jagħrfu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata bil-għan li jsostnu d-drittijiet tagħhom u li l-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità fuq il-mertu.

248    F’dan ir-rigward, għandu jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-evalwazzjoni individwali tal-offerta tal-ewwel rikorrenti kif ukoll tal-evalwazzjoni komparattiva ta’ din l-offerta mal-offerti tal-offerenti magħżula.

249    L-ewwel nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni individwali tal-kwalità teknika tal-offerta tal-ewwel rikorrenti, jirriżulta mit-tabella ta’ evalwazzjoni li tidher fl-ittra tas-26 ta’ Awwissu 2011 (ara l-punt 14 iktar 'il fuq) li l-awtorità kontraenti llimitat ruħha biss li tikkomunika s-somma ta’ punti netti mogħtija lill-imsejħa offerta għal kull wieħed mit-tliet kriterji kwalitattivi separatament, mingħajr ma jindika n-numru ddettaljat ta’ punti netti mogħtija għas-subkriterji u sub-punti differenti esposti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u trattati f’din l-offerta, u li għalihom ir-rapport ta’ evalwazzjoni jinkludi evalwazzjonijiet negattivi jew, bil-maqlub, mingħajr ma ġie spjegat jekk u sa fejn dawn l-evalwazzjonijiet wasslu lill-awtorità kontraenti li tiddeduċi punti jew frazzjonijiet ta’ punti netti għad-detriment tal-ewwel rikorrenti. Barra minn hekk, din l-assenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-korrelazzjoni bejn l-evalwazzjonijiet negattivi fformulati fir-rapport ta’ evalwazzjoni, minn naħa, u tal-punti netti mogħtija jew mhux mogħtija skont is-subkriterji u subpunti differenti, min-naħa l-oħra, hija riflessa fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Fil-fatt, din tal-aħħar ma tipprevedix tali korrelazzjoni speċifika, iżda tillimita ruħha li tindika f’tabella separata, l-evalwazzjoni ta’ 65 % għall-kriterju kwalitattiv Nru 1, b’differenzzazzjoni ta’ 10 % rispettivament għas-subkriterji Nri 1.1 sa 1.5, ta’ 20 % għall-kriterju kwalitattiv Nru 2 u ta’ 15 % għall-kriterju kwalitattiv Nru 3.

250    Jekk, bħala prinċipju, l-awtorità kontraenti għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-għażla ta’ kriterji tal-għoti ġerarkiċi u ta’ punti li għandhom jingħataw lill-kriterji u subkriterji differenti u ma għandhiex obbligu li tipprovdi lill-offerent eskluż sunt iddettaljat tal-mod li bih kull dettall tal-offerta tiegħu ttieħdet inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha, jibqa’ l-fatt li, fil-każ fejn l-awtorità kontraenti twettaq tali għażla, il-qorti tal-Unjoni għandu jkun f’qagħda li jivverifika, abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-għoti, il-piż rispettiv tal-kriterji u subkriterji tekniċi ta’ għoti fl‑evalwazzjoni, jiġifieri fil-kalkolu ta’ punteġġ totali, kif ukoll in-numru minimu u massimu ta’ punti għal kull wieħed minn dawn il-kriterji jew subkriterji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 244 iktar ’il fuq, EU:C:2012:617, punti 21 u 29). Barra minn hekk, meta l-awtorità kontraenti torbot evalwazzjonijiet speċifiċi b’mod li bih l-offerta inkwistjoni tissodisfa jew ma tissodisfax dawn il-kriterji u subkriterji differenti, li huma manifestament rilevanti għall-evalwazzjoni globali tal-imsemmija offerta, id-dmir ta’ motivazzjoni tinkludi neċessarjament il-ħtieġa li jiġi spjegat il-mod li bih, b’mod partikolari, l-evalwazzjonijiet negattivi taw lok għat-tnaqqis ta’ punti.

251    Fil-fatt, f’każ bħal dak ineżami, b’osservanza ta’ dan ir-rekwiżit, huwa speċjalment meħtieġ li, kif ġie espost fil-punti 227 u 228 iktar 'il fuq, it-tnaqqis eventwali ta’ punti netti għal ċerti subkriterji jew subpunti għandu bħala konsegwenza awtomatika, skont il-metodu ta’ kalkolu applikat mill-awtorità kontraenti, li jiżdied in-numru ta’ punti grossi li jingħataw lill-offerti tal-offerenti magħżula skont il-kwalità teknika tagħhom. Fi kliem ieħor, l-ewwel rikorrenti għandu interess li jkun jaf it-tnaqqis ta’ punti mwettaq għal wieħed mis-subkriterji u subpunti li fir-rigward tagħhom ir-rapport ta’ evalwazzjoni fih evalwazzjoni negattiva sabiex ikun jista’ jiġi sostnut li, fid-dawl tan-natura manifestament żbaljata tal-imsemmija evalwazzjoni, dan it-tnaqqis — jimplika żieda korrispondenti ta’ punti favur offerenti oħra — mhux iġġustifikat.

252    F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li, b’risposta għal domanda orali tal-Qorti Ġenerali magħmula waqt is-seduta, l-EUIPO ma nnegax li ta punti skont is-subkriterji jew subpunti differenti, iżda li llimita ruħu li jiddikjara li l-ewwel rikorrenti ma kellux id-dritt li jkun jaf il-mod ta’ kalkolu u tad-differenzjar iddettaljat tal-imsemmija punti, peress li l-komunikazzjoni tal-evalwazzjoni globali definittiva għal kull wieħed mit-tliet kriterji tekniċi jew kwalitattivi kienet suffiċjenti. Fil-fatt, minn qari konġunt tat-tabelli msemmija fil-punti 14 u 249 iktar 'il fuq jirriżulta li l-offerta tal-ewwel rikorrenti tnaqqsulu 6.79 punti netti taħt il-kriterju kwalitattiv Nru 1 (65 – 58.21 = 6.79), 2 punti netti taħt il-kriterju kwalitattiv Nru 2 (20 – 18 = 2) kif ukoll 3.31 punti netti taħt il-kriterju kwalitattiv Nru 3 (15 – 11.69 =3.31), jiġifieri inkluż it-tnaqqis ta’ frazzjonijiet ta’ punti li fihom żewġ ċifri wara l-punt. Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-offerti fir-rigward ta’ dawn il-kriterji kwalitattivi differenti, il-kumitat ta’ evalwazzjoni applika metodu matematiku jew, minn tal-inqas, ta’ frazzjonijiet ta’ punti għal subkriterju jew subpunt. Madankollu, kemm għar-rikorrenti kif ukoll għall-Qorti Ġenerali, huwa impossibbli li jinftiehem il-kalkolu jew l-iddifferenzjar speċifiku tal-punti mnaqqsa għal kull subkriterju, jew għal kull wieħed mis-subpunti, b’mod partikolari, taħt il-kriterju kwalitattiv Nru 1, li fir-rigward tagħhom ir-rapport ta’ evalwazzjoni esprimiet ġudizzji negattivi speċifiċi fir-rigward tal-offerta tal-ewwel rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex iktar possibbli li jiġi vverifikat jekk u sa fejn dan it-tnaqqis jikkorrispondi effettivament għall-imsemmija evalwazzjonijiet u, għaldaqstant, jekk dawn huma jew ma humiex iġġustifikati jew, għall-inqas, suffiċjentement plawżibbli.

253    Minn dan jirriżulta li, anki jekk l-offerta tal-ewwel rikorrenti finalment kisbet, skont il-kwalità teknika tagħha, in-numru massimu ta’ 100 punti grossi, fir-rigward tal-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva msemmi fl-Artikolu 47 Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li miegħu r-rabta intrinsika mal-obbligu ta’ motivazzjoni ġiet enfasizzata mill-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, Ġabra, EU:C:2013:518, punti 116 sa 119), hija tippreżerva interess sabiex tkun taf il-portata li fiha l-evalwazzjonijiet negattivi mressqa mill-awtorità kontraenti swewlu tnaqqis ta’ punti netti li l-portata u l-ġustifikazzjoni tagħhom setgħu jkunu deċiżivi fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-evalwazzjoni kemm individwali kif ukoll komparattiva tal-offerti (ara l-punti 227 u 228 iktar 'il fuq).

254    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta hija insuffiċjentement motivata f’dak li jirrigwarda l-korrelazzjoni bejn l-evalwazzjonijiet negattivi speċifiċi msemmijin fir-rapport ta’ evalwazzjoni, minn naħa, u t-tnaqqis ta’ punti netti mwettaq mill-awtorità kontraenti, min-naħa l-oħra.

255    Din l-insuffiċjenza fil-motivazzjoni tiżdied mal-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni speċifika kkonstata fil-punti 145 u 148 iktar 'il fuq li jirrigwarda l-kriterju Nru 1, subkriterju Nru 1.1, punt 1.1.4.5, tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

256    Barra dan, sa fejn ir-rikorrenti jikkritikaw lill-EUIPO għal insuffiċjenza ta’ motivazzjoni li tivvizzja l-evalwazzjoni tal-offerta tal-ewwel rikorrenti fir-rigward tal-kriterju Nru 1, subkriterji Nri 1.5 u 1.6, tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (ara l-punti 178 u 179 iktar 'il fuq), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, din il-kritika tingħaqad mal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 249 sa 253 iktar 'il fuq, skont liema l-awtorità kontraenti naqset milli tispjega sa fejn l-evalwazzjoni mressqa fir-rapport ta’ evalwazzjoni, barra minn hekk pjuttost newtrali f’dan ir-rigward, seta’ jagħti lok għal tnaqqis ta’ punti netti għad-detriment tal-offerta tal-ewwel rikorrenti. Fil-fatt, jekk ma jistax jiġi eskluż li l-ebda tnaqqis ma jkun twettaq, la r-rikorrenti u lanqas il-Qorti Ġenerali ma huma f’qagħda li jivverifikaw jekk dan kienx il-każ.

257    It-tieni nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni komparattiva tal-kwalità teknika tal-offerta tal-ewwel rikorrenti ma’ dik tal-offerti tal-offerenti magħżula, għandu jitfakkar li l-fatt li ngħataw lill-offerta tal-ewwel rikorrenti n-numru massimu ta’ 100 punti grossi ma huwiex suffiċjenti fih innifsu sabiex jiġi kkunsidrat li l-awtorità kontraenti ma hijiex obbligata tispeċifika l-punti li hija tat lill-imsemmija offerta skont il-subkriterji u s-subpunti tal-għoti, peress li l-kontestazzjoni ta’ din l-evalwazzjoni tippermetti lir-rikorrenti li jikkontestaw ukoll il-livell ta’ punti grossi mogħtija lill-offerti tal-offerenti magħżula (ara l-punt 228 iktar 'il fuq). Barra dan, din il-konstatazzjoni tingħaqad mal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 249 sa 253 iktar 'il fuq u ma tistax tkun il-bażi insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 244 iktar 'il fuq, ma huwiex neċessarju li l‑awtorità kontraenti tikkomunika lill-offerent eskluż l-evalwazzjoni ddettaljata tal-kwalità teknika tal-offerti tal-offerenti magħżula, jew il-verżjoni sħiħa tar-rapport ta’ evalwazzjoni.

258    It-tielet nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti finanzjarji, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, ir-rikorrenti ma kinux f’qagħda li jispeċifikaw il-kontestazzjoni tagħhom fuq il-mertu wara l-produzzjoni mill-EUIPO tad-dokument li jesponi l-imsemmija evalwazzjoni komparattiva (ara l-punt 219 iktar 'il fuq). Minn dan isegwi li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta dwar dan is-suġġett ma pprekluda la lir-rikorrenti li jadixxi lill-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt u lanqas lil din tal-aħħar li jeżerċita l-istħarriġ tiegħu tal-legalità.

259    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta hija vvizzjata minn diversi insuffiċjenzi ta’ motivazzjoni taħt l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali, moqri konġuntament mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, u li għandha tiġi annullata għal din ir-raġuni wkoll.

 Konklużjoni fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati

260    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, minħabba l-illegalitajiet sostanzjali u proċedurali kkonstatati fil-kuntest tal-ewwel u t-tielet motivi, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta għandha tiġi annullata fl-intier tagħha.

261    Barra minn hekk, fid-dawl tar-rabtiet indissoċjabbli li jeżistu bejn id-deċiżjonijiet ikkontestati, jiġifieri bejn id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta u d-deċiżjonijiet l-oħra konnessi, fosthom dawk li jattribwixxu l-kuntratt u li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni tal-offerenti magħżula fl-ewwel sat-tielet post skont il-proċedura ta’ kaskata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2003, Strabag Benelux vs Il-Kunsill, T‑183/00, Ġabra, EU:T:2003:36, punt 28), għandhom jiġu annullati wkoll l-imsemmija deċiżjonijiet konformement mal-konklużjonijiet tar-rikorrenti (ara l-punt 30 iktar 'il fuq).

2.     Fuq it-talba għal kumpens

[omissis]

264    Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illegali tal-korpi tagħha hija suġġetta għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li huma akkużati bih l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (ara s-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, EU:T:2013:528, punt 215 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn il-prinċipju japplikaw rwieħhom mutatis mutandis għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, minħabba l-fatt li aġir illegali u d-dannu kkawżat minn wieħed mill-organi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 1992, SGEEM u Etroy vs BEI, C‑370/89, Ġabra, EU:C:1992:482, punti 15 u 16, u tal-10 ta’ April 2002, Lamberts vs L-Ombudsman, T‑209/00, Ġabra, EU:T:2002:94, punt 49), bħall-EUIPO, li dan tal-aħħar għandu jikkumpensa skont tal-Artikolu 118(3) tar-Regolament Nru 207/2009.

265    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-talba għall-kumpens hija bbażata fuq l-istess illegalitajiet bħal dawk invokati insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta u li din tal-aħħar hija vvizzjata minn diversi illegalitajiet sostanzjali, fosthom ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti (ara l-punt 77 iktar 'il fuq) u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni (ara l-punti 104, 115 u 134, 138 144, 158, 166, 186, 194 u 207 iktar 'il fuq), kif ukoll fuq diversi insuffiċjenzi ta’ motivazzjoni (ara l-punti 145 u 254 sa 256 iktar 'il fuq).

266    Madankollu, fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-imsemmija illegalitajiet sostanzjali u proċedurali u d-dannu allegatament subit, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ma tistax bħala tali tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni, b’mod partikolari peress li hija ma għandhiex natura li turi li, fl-assenza tagħha, il-kuntratt seta’, jew anki kellu, jingħata lir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2011, Alfastar Benelux vs Il-Kunsill, T‑57/09, EU:T:2011:609, punt 49; tas-17 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑447/10, EU:T:2012:553, punt 123, u tal-14 ta’ Jannar 2015, Veloss International u Attimedia vs Il-Parlament, T‑667/11, EU:T:2015:5, punt 72).

267    Għaldaqstant, f’dan il-każ, ma huwiex possibbli li tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn in-nuqqasijiet ta’ motivazzjoni kkonstatati u d-danni invokati mir-rikorrenti.

268    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rabta kawżali bejn l-illegalitajiet sostanzjali kkonstatati, jiġifieri l-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti u l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, min-naħa, u t-telf ta’ opportunità, min-naħa l-oħra, l-EUIPO ma jistax sempliċement jallega li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu bħala awtorità kontraenti, huwa ma kienx obbligat li jiffirma l-kuntratt-qafas mar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Evropaïki Dynamiki vs BEI, punt 215 iktar ’il fuq, EU:T:2011:494, punt 211).

269    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti, konġuntament ma dak tal-Artikolu 93(1)(e) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali u tal-ewwel subparagrafu punt 13.1(e) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, u tal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-awtorità kontraenti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-offerta tal-ewwel rikorrenti affettwaw neċessarjament l-opportunità ta’ din tal-aħħar li tikklassifika ruħha f’post aħjar fil-proċedura ta’ kaskata u li ssir, minn tal-inqas, it-tielet offerent magħżul, b’mod partikolari jekk il-konsorzju Drasis kellu jiġi eskluż mill‑proċedura ta’ sejħa għal offerti għar-raġunijiet esposti fil-punti 64 sa 78 iktar 'il fuq.

270    Barra minn hekk, minn dan jirriżulta li, anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-awtorità kontraenti li tirrigwarda l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, it-telf ta’ opportunità subit f’dan il-każ mill-ewwel rikorrenti jikkostitwixxi dannu reali u ċert fis-sens tal-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il-Kummissjoni, C‑243/05 P, Ġabra, EU:C:2006:708, punti 26 sa 42, u Evropaïki Dynamiki vs BEI, punt 215 iktar ’il fuq, EU:T:2011:494, punti 66 u 67; konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Giordano vs Il-Kummissjoni, C‑611/12 P, Ġabra, EU:C:2014:195, punt 61). Fil-fatt, f’dan il-każ, il-fatt li l-ewwel rikorrenti kisbet il-punteġġ l-iktar għoli taħt il-kwalità teknika tal-offerta tiegħu u li kklassifikat ruħha fir-raba’ post trendi l-ipoteżi skont liema l-awtorità kontraenti setgħet twasslet li ma tagħtihx il-kuntratt inkwistjoni u li tipproponilu li jiffirma kuntratt qafas mal-EUIPO.

271    Barra minn hekk, kif isostnu ġustament ir-rikorrenti, f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, li fiha, fi tmiem il-proċedura kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali, kien jeżisti riskju kbir li l-kuntratt inkwistjoni jkun diġà eżegwit kompletament, l-assenza stess ta’ rikonoxximent mill-qorti tal-Unjoni tat-telf ta’ tali opportunità u tan-neċessità li jingħata kumpens f’dan ir-rigward imur kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, l-annullament retroattiv ta’ deċiżjoni tal-għoti ma jipprovdi l-ebda vantaġġ lill-offerenti eskluż, b’tali mod li t-telf tal-opportunità jippreżenta ruħu bħala irrimedjabbli. Barra minn hekk, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, minħabba kundizzjonijiet li jirregolaw il-proċeduri għal miżuri provviżorji quddiem il-President tal-Qorti Ġenerali, l-offerent li l-offerta tiegħu tkun ġiet evalwata u eskluża illegalment rarament ikun fil-prattika, f’pożizzjoni li jikseb sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni [ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat-23 ta’ April 2015, Il-Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, C‑35/15 P(R), Ġabra, EU:C:2015:275, u tal-4 ta’ Frar 2014, Serco Belgium et vs Il-Kummissjoni, T‑644/13 R, Ġabra, EU:T:2014:57, punti 18 et seq].

272    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tqis li, f’dan il-każ, l-ewwel rikorrenti għandi tiġi neċessarjament ikkumpensata għal telf ta’ opportunità, sa fejn d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta, anki fil-każ tal-annullament tagħha b’effett retroattiv, fil-prattika, naqqas definittivament għal xejn il-possibbiltà, għaliha li tingħata l-kuntratt inkwistjoni bħala kontraenti skont il-proċedura ta’ kaskata u, għaldaqstant, l-opportunità tagħha li teżegwixxi kuntratti speċifiċi fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ kuntratt qafas.

273    Madankollu, fir-rigward tal-portata tal-kumpens għad-danni marbuta mat-telf ta’ opportunità, stmati mir-rikorrenti li jammontaw għal EUR 6 750 000, il-Qorti Ġenerali ma tinsabx f’pożizzjoni, f’dan l-istadju tal-proċedura, fid-dawl tal‑elementi tal-proċess, li tiddeċiedi definittivament fuq l-ammont tal-kumpens li l-Unjoni għandha tagħti lill-ewwel rikorrenti. Peress li l-kwistjoni tal-evalwazzjoni tad-dannu għadha ma tistax tiġi deċiża u għal kunsiderazzjonijiet marbuta mal-ekonomija tal-ġudizzju, għandha tingħata deċiżjoni, inizjalment, permezz ta’ sentenza interlokutorja, dwar ir-responsabbiltà tal-Unjoni. Id-determinazzjoni tal-ammonti tal-kumpens li jirriżultaw mill-illegalitajiet imwettqa mill-EUIPO huwa rriżervat għal fażi ulterjuri, jew bi ftehim komuni tal-partijiet, jew inkella mill-Qorti Ġenerali f’każ ta’ nuqqas ta’ tali ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, ATC et vs Il-Kummissjoni, T‑333/10, Ġabra, EU:T:2013:451, punt 199 u l-ġurisprudenza ċċitata).

274    Madankollu, għal dan l-għan, f’dan il-każ, kemm il-partijiet kif ukoll il-Qorti Ġenerali huma mfakkra li jieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti li ġejjin.

275    L-ewwel nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-valur stmat tal-kuntratt inkwistjoni, kif iddikjarat fl-avviż tal-kuntratt u fil-punt 16 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, huwa ta’ EUR 135 000 000 taxxi esklużi għall-perijodu massimu ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt qafas ta’ seba’ snin u li, għaldaqstant, il-valur tal-kisba tal-kuntratt qafas għall-perijodu inizjali ta’ tliet snin huwa mill-inqas ta’ EUR 57 857 143.

276    It-tieni nett, għandu jiġi ddeterminat li r-rata ta’ probabbiltà li tirnexxi l-offerta tal-ewwel rikorrenti, jiġifieri l-opportunità li tiġi kklassifikata, minn tal-inqas, fit-tielet post skont il-proċedura ta’ kaskata, fl-assenza ta’ illegalitajiet sostanzjali differenti mwettqa mill-EUIPO matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-obbligu eventwali tal-awtorità kontraenti li jiġi eskluż il-konsorzju Drasis bħala t-tielet offerent magħżul. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-offerta teknika tal-ewwel rikorrenti ġabet il-punteġġ l-iktar għoli, iżda l-offerta finanzjarja ġiet ikklassifikata biss fir-raba’ post (ara t-tabelli esposti fil-punt 14 iktar 'il fuq) u li, skont il-metodu tal-kalkolu espost fil-punt 13.5 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-evalwazzjoni tal-imsemmija offerti għall-finijiet tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni kien ta’ 50/50. Fuq kollox, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni ġdida tal-kwalità teknika tal-offerta tal-ewwel rikorrenti fl-assenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni kkonstata, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni kkonstatati, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni tal-fatt li, skont il-metodu ta’ kalkolu applikat mill-awtorità kontraenti, iż-żieda eventwali ta’ punti favur l-imsemmija offerta, li l-evalwazzjoni tagħha tikkostitwixxi evalwazzjoni tal-valur ta’ riferiment, għandha neċessarjament l-effett li tnaqqas proporzjonalment il-punti grossi mogħtija lill-offerenti magħżula, dan jista’ jkollu effett fuq il-klassifikazzjoni tagħhom fil-proċedura ta’ kaskata kif ukoll fuq l-evalwazzjoni komparattiva, abbażi tal-valuri grossi hekk ikkalkolati, tal-offerti kollha sabiex tiġi ddeterminata l-offerta li għandha natura ekonomikament l-iktar vantaġġuża skont it-tabella msemmija fil-punt 14 iktar 'il fuq (ara l-punt 228 iktar 'il fuq).

277    It-tielet nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kuntratt qafas ġie mogħti u ffirmat għal perijodu inizjali ta’ tliet snin biss, u li ma teżisti ebda ċertezza li huwa ser jiġġedded mill-EUIPO għall-erba’ snin sussegwenti (ara l-punt 14.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt), li l-ewwel kontraenti ma għandux id-dritt esklużiv li jipprovdi s-servizzi msemmija mill-kuntratt qafas u li l-EUIPO ma huwiex suġġett għal obbligu ta’ xiri, iżda li rabat lilu nnifsu, b’mod ġuridikament vinkolanti, biss għall-istipulazzjoni ta’ ftehim speċifiċi u mill-ħruġ ta’ ordnijiet (ara l-punti 14.4 u 14.5 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u punti 1.1.3 sa 1.1.5 tal-mudell ta’ kuntratt qafas. F’dan il-kuntest, għandu tiġi evalwata wkoll il-probabbiltà li l-ewwel kontraenti setgħet tissodisfa r-rekwiżiti tal-ordnijiet differenti maħruġa mill-awtorità kontraenti kemm matul l-ewwel tliet snin ta’ implementazzjoni tal-kuntratt qafas kif ukoll matul is-snin konsekuttivi fl-ipoteżi tat-tiġdid tiegħu (ara l-punti 1.4.1 sa 1.4.4 tal-mudell ta’ kuntratt qafas). Minn dan isegwi, li hemm in-neċessità li tiġi aġġustata r-rata ta’ probabbiltà ta’ suċċess skont l-assenza ta’ ċertezza ta’ tiġdid tal-kuntratt-qafas u tal-inkapaċità eventwali tal-imsemmi kontraenti sabiex jeżegwixxi l-imsemmija ordnijiet.

278    Ir-raba’ nett, għandhom jiġu ddeterminati d-danni li jistgħu jiġu rriżarċiti filwaqt li jittieħed kont tal-benefiċċju nett li seta’ jinkiseb mill-ewwel rikorrenti matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt-qafas. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikorrenti sostnew, matul is-sena 2006, fil-kuntest ta’ proġetti kummerċjali, l-ewwel rikorrenti kien kiseb benefiċċju gross ta’ 10.33.

279    Il-ħames nett, għandhom jiġu dedotti l-benefiċċji miksuba b’mod ieħor mill-ewwel rikorrenti minħabba n-nuqqas tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni bil-għan jiġi evitat kumpens żejjed.

280    Is-sitt nett, bil-għan li jiġi ddeterminat l-ammont totali li jista’ jiġi rriżarċit abbażi tat-telf tal-opportunità, għandu jiġi mmultiplikat il-benefiċċju nett stabbilit mar-rata ta’ probabbiltà ta’ suċċess.

281    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tintlaqa’ t-talba għad-danni tar-rikorrenti bħala kumpens għat-telf ta’ opportunità.

282    Fir-rigward tal-ammont ta’ kumpens abbażi tat-telf ta’ opportunità, jeħtieġ lil-partijiet jiġu mistiedna, b’riżerva għal deċiżjoni sussegwenti tal-Qorti Ġenerali, li jilħqu ftehim fuq l-ammont fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u li jittrażmettulha, f’terminu ta’ tliet xhur dekorribbli mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, l-ammont pagabbli, stabbilit bi ftehim komuni, jew, fin-nuqqas, li jwasslulha, fl-istess terminu, il-kwantifikazzjoni tad-dannu tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ATC et vs Il-Kummissjoni, punt 273 iktar ’il fuq, EU:T:2013:451, punt 201).

 Fuq l-ispejjeż

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), ikkomunikata permezz tal-ittra 11 ta’ Awwissu 2011, adottata fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/029/10, intitolata “Żvilupp ta’ softwer u servizzi ta’ manutenzjoni”, li tiċħad l-offerta ppreżentata minn European Dynamics Luxembourg SA u d-deċiżjonijiet l-oħra relatati tal-EUIPO, adottati fil-kuntest tal-istess proċedura, fosthom dawk li jagħtu l-kuntratt lil tliet offerenti oħra, bħala offerenti magħżula tal-ewwel sat-tielet postijiet skont il-proċedura ta’ kaskata, huma annullati.

2)      L-EUIPO għandu jikkumpensa d-dannu subit minn European Dynamics Luxembourg għal telf ta’ opportunità li tingħata l-kuntratt qafas bħala, minn tal-inqas, it-tielet kontraenti skont il-proċedura ta’ kaskata.

3)      Il-partijiet għandhom jittrażmettu lill-Qorti Ġenerali, f’terminu ta’ tliet xhur dekorribbli mid-data tal-għoti tas-sentenza, l-ammont pagabbli tal-kumpens, stabbilit bi ftehim komuni.

4)      Fin-nuqqas ta’ ftehim, il-partijiet għandhom jibagħtu lill-Qorti Ġenerali, fl-istess terminu, it-talbiet tagħhom espressi f’ċifri.

5)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Prek

Labucka

Kreuschitz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ April 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.