Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Hamburg (il-Ġermanja) fit-22 ta’ Jannar 2021 – flightright GmbH vs Ryanair DAC, li kienet Ryanair Ltd

(Kawża C-37/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Amtsgericht Hamburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: flightright GmbH

Konvenut: Ryanair DAC, li kienet Ryanair Ltd

Domandi preliminari

Awtorizzazzjoni ta’ tluq tardiva mill-ġestjonarju tat-traffiku tal-ajru tikkostitwixxi per se ċirkustanza straordinarja fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 1 jew din għandha tingħata risposta fin-negattiv peress li d-dewmien fl-awtorizzazzjonijiet ta’ tluq mill-ġestjonarju tat-traffiku tal-ajru, l-hekk imsejjaħ dewmien ta’ slot tat-tluq, ma huwiex avveniment li, fit-trasport tal-ajru, huwa “barra min-normal”, iżda avveniment li jagħmel parti mill-iżvolġiment abitwali u prevedibbli u mill-kuntest ġenerali tat-trasport tal-ajru internazzjonali peress li huwa inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tal-kumpanniji tal-ajru?

Għandu jitqies li l-hekk imsejjaħ dewmien ta’ slot tat-tluq mill-ġestjonarju tat-traffiku tal-ajru fit-trasport tal-ajru internazzjonali jikkostitwixxi ċirkustanza barra min-normal fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jew pjuttost effett sekondarju ordinarju, abitwali, li huwa prevedibbli fit-trasport tal-ajru jew, f’każ ta’ tilwima, għandha tiġi prodotta prova f’dan ir-rigward permezz ta’ rapporti perizji, fejn tali prova tiġi prodotta biss jekk id-dewmien ta’ slot tat-tluq iseħħ estremament rarament fit-trasport tal-ajru internazzjonali u mhux regolarment?

Id-dewmien ta’ slots mill-ġestjonarju tat-traffiku tal-ajru jista’ jiġi kkwalifikat bħala ċirkustanza straordinarja fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 biss jekk ikun ibbażat fuq ċirkustanza li tista’ tiġi kkwalifikata bħala ċirkustanza straordinarja fis-sens tal-Artikolu 5(3), pereżempju fil-każ ta’ aċċident jew ta’ theddida terroristika, iżda mhux fil-każ ta’ kundizzjonijiet meteoroloġiċi li huma komuni għall-ħin u l-post tal-avveniment, li jaffettwaw temporanjament it-traffiku tal-ajru?

Kundizzjonijiet meteoroloġiċi sfavorevoli bħala raġuni għal dewmien ta’ slot ta’ tluq, jikkostitwixxu ċirkustanza straordinarja fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, b’mod partikolari, jekk tali kundizzjonijiet meteoroloġiċi fihom innifishom ikunu jikkostitwixxu ċirkustanza straordinarja, jiġifieri, jekk il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi fil-post ikkonċernat u fil-ħin ikkonċernat, ikunu “barra min-normal” u ma jkunux fihom innifishom “kundizzjonijiet meteoroloġiċi abitwali u prevedibbli” fil-post ikkonċernat u fil-ħin ikkonċernat, iżda jkunu “jiddevjaw minnhom”?

Kundizzjonijiet meteoroloġiċi sfavorevoli li ma jkunux barra min-normal f’post ikkonċernat u f’ħin ikkonċernat, u li ma jiddevjawx mill-kundizzjonijiet meteoroloġiċi abitwali u prevedibbli f’post ikkonċernat u f’ħin ikkonċernat huma avvenimenti inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tal-kumpanniji tal-ajru fil-kuntest normali tat-trasport tal-ajru fis-sens tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.