Language of document : ECLI:EU:C:2014:283

Kawża C‑209/13

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji — Awtorizzazzjoni ta’ kooperazzjoni rinforzata skont l-Artikolu 329(1) TFUE — Deċiżjoni 2013/52/UE — Rikors għal annullament għal ksur tal-Artikoli 327 TFUE u 332 TFUE kif ukoll tad-dritt internazzjonali konswetudinarju”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-30 ta’ April 2014

1.        Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Formulazzjoni mhux ekwivoka tat-talbiet tar-rikorrent

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 120(c))

2.        Unjoni Ewropea — Kooperazzjoni rinforzata — Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ kooperazzjoni rinforzata — Rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Artikolu 20 TUE; Artikoli 326 TFUE sa 334 TFUE)

3.        Unjoni Ewropea — Kooperazzjoni rinforzata — Stabbiliment ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji –Deċiżjoni 2013/52 — Assenza ta’ dispożizzjonijiet f’din id-deċiżjoni dwar il-prinċipji ta’ tassazzjoni u l-ispejjeż relatati ma’ din il-kooperazzjoni — Effett ta’ din id-deċiżjoni fuq l-Istati Membri mhux parteċipanti li ma jistax tiġi eżaminat fl-assenza tal-istabbiliment tal-prinċipji ta’ tassazzjoni fir-rigward ta’ dik it-taxxa

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/52)

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 30-32)

2.        Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Kunsill li għandha bħala suġġett l-awtorizzazzjoni ta’ kooperazzjoni rinforzata abbażi tal-Artikolu 329 TFUE, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwarda l-kwistjoni jekk din id-deċiżjoni hijiex valida inkwantu tali fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet, li jinsabu fl-Artikolu 20 TUE kif ukoll fl-Artikoli 326 TFUE sa 334 TFUE, li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta’ mertu u ta’ proċedura dwar l-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni.

Dan l-istħarriġ ma jistax jiġi konfuż ma’ dak li jista’ jiġi eżerċitat, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament sussegwenti, fir-rigward ta’ att adottat fir-rigward tal-implementazzjoni tal-kooperazzjoni rinforzata awtorizzata.

(ara l-punti 33, 34)

3.        Id-Deċiżjoni 2013/52, li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, hija intiża sabiex tawtorizza ħdax-il Stat Membru li jistabbilixxu bejniethom kooperazzjoni rinforzata għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (iktar ’il quddiem it-TTF) fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.

F’dan ir-rigward, minn naħa, il-prinċipji ta’ tassazzjoni (“prinċipju tal-kontroparti” u “prinċipju tal-ħruġ”) ma huma bl-ebda mod elementi li jikkostitwixxu din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda dispożizzjoni relatata mal-kwistjoni tal-infiq marbut mal-implementazzjoni tal-kooperazzjoni rinforzata li hija tawtorizza.

Barra minn hekk, u indipendentement mill-kwistjoni jekk il-kunċett ta’ “[n]efqa li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa” fis-sens tal-Artikolu 332 TFUE, ikoprix jew le l-ispejjeż ta’ assistenza reċiproka u ta’ kooperazzjoni amministrattiva, il-kwistjoni tal-effett eventwali tat-TTF futura fuq l-ispejjeż amministrattivi tal-Istati Membri mhux parteċipanti ma tistax tiġi eżaminata sakemm il-prinċipji ta’ tassazzjoni fir-rigward ta’ dik it-taxxa ma jkunux ġew definittivament stabbiliti fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-kooperazzjoni rinforzata awtorizzata minn din id-deċiżjoni.

(ara l-punti 36-38)