Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria (l-Ungerija) fil-25 ta’ Marzu 2021 – FAWKES Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-187/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Kúria

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: FAWKES Kft.

Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Domandi preliminari

L-Artikolu 30(2)(a) u (b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li huma biss il-valuri li jinsabu fid-database maħluqa permezz tal-operazzjonijiet ta’ sdoganament tal-awtorità doganali tal-Istat Membru li jistgħu u li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala valuri doganali?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali skont l-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali, għandhom jiġu kkuntattjati l-awtoritajiet doganali ta’ Stati Membri oħra sabiex jinkiseb il-valur doganali ta’ merkanzija simili li tkun tinsab fid-databases tagħhom u/jew huwa neċessarju li tiġi kkonsultata database Komunitarja sabiex jintużaw il-valuri doganali li jinsabu fiha?

L-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-valuri ta’ tranżazzjoni tal-operazzjonijiet tal-persuna stess li titlob l-isdoganament ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-valur doganali, anki jekk dawn ma jkunu ġew ikkontestati la mill-awtorità doganali nazzjonali u lanqas mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stati Membri oħra?

Ir-rekwiżit imsemmi fil-frażi “fi jew kważi fl-istess żmien”, kif previst fl-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali, jista’ jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li l-perijodu ta’ riferiment jista’ jiġi limitat għal perijodu ta’ +/( 45 jum qabel u wara l-isdoganament?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307.