Language of document : ECLI:EU:T:2022:67

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

9 ta’ Frar 2022 (*)

“Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq tas-servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ merkanzija – Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment – Artikolu 7 tar‑Regolament (KE) Nru 773/2004 – Terminu raġonevoli – Interess tal-Unjoni li jitkompla l-eżami ta’ lment – Determinazzjoni tal-awtorità li tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex teżamina lment – Kriterji – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati fir-rigward tal-osservanza tal-Istat tad‑dritt – Riskju ta’ ksur tad-drittijiet ta’ lanjant fil-każ ta’ ċaħda ta’ lment – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑791/19,

SpedPro S.A., stabbilita f’Varsavja (il-Polonja), irrappreżentata minn M. Kozak, avukat,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Szczodrowski, L. Wildpanner u P. van Nuffel, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

parti intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall‑annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 6099 final tat‑12 ta’ Awwissu 2019 (Każ AT.40459 – Spedizzjoni tal-merkanzija bil-ferrovija fil‑Polonja – PKP Cargo), li tiċħad l-ilment imressaq mir-rikorrenti dwar allegat ksur tal-Artikolu 102 TFUE fis-suq tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fil-Polonja,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, A. Kornezov (Relatur), E. Buttigieg, G. Hesse u D. Petrlík, Imħallfin,

Reġistratur: M. Zwozdziak‑Carbonne, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑17 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Sped‑Pro S.A., hija kumpannija stabbilita f’Varsavja (il-Polonja), li topera fis-settur tal-provvista ta’ servizzi ta’ spedizzjoni. Fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet, hija rrikorriet għas-servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ merkanzija pprovduti minn PKP Cargo S.A., kumpannija kkontrollata mill-Istat Pollakk.

2        Fl‑4 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrenti ressqet ilment kontra PKP Cargo quddiem il-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“ilment”), skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). Fl‑ilment, ir-rikorrenti allegat b’mod partikolari li PKP Cargo kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE fis-suq tas-servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ merkanzija fil-Polonja sa fejn hija, essenzjalment, irrifjutat li tikkonkludi magħha kuntratt ta’ kooperazzjoni pluriannwali skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Ir-rikorrenti ppreżentat ilment addizzjonali fl‑24 ta’ Awwissu 2017.

3        Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Settembru 2017 (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ gwida”), il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tiċħad l-ilment, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l‑Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).

4        Ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet u informazzjoni supplimentari fid‑19 ta’ Ottubru, fid‑19 ta’ Diċembru u fil‑21 ta’ Diċembru 2017 kif ukoll fit‑8 ta’ Jannar, fid‑29 ta’ Ġunju u fl‑4 ta’ Ottubru 2018. Barra minn hekk, saru żewġ laqgħat bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni fil‑5 ta’ Diċembru 2017 u fis‑26 ta’ April 2018.

5        Permezz tad-Deċiżjoni C(2019) 6099 final tat‑12 ta’ Awwissu 2019 (Każ‑AT.40459 – Spedizzjoni tal-merkanzija bil-ferrovija fil-Polonja – PKP Cargo) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 773/2004, għar-raġuni, essenzjalment, li l-Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów (il-President tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumaturi, il-Polonja, iktar ’il quddiem l-“awtorità tal-kompetizzjoni Pollakka”) kien fl-aħjar pożizzjoni sabiex jeżaminah.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

6        Permezz ta’ att ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

7        Fit‑30 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

8        Ir-replika u l-kontroreplika ġew iddepożitati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ April u fis‑26 ta’ Ġunju 2020 rispettivament.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Mejju 2020, il-President tal-Għaxar Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza lir-Repubblika tal-Polonja tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat nota ta’ intervent fit‑30 ta’ Awwissu 2020 u r-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar l-imsemmija nota fid‑29 ta’ Settembru 2020. Madankollu, fit‑8 ta’ Ottubru 2020, il-President tal-Għaxar Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li ma jinkludix dawn l-osservazzjonijiet fl-atti tal-proċess, minħabba li dawn kienu ġew ippreżentati wara l-iskadenza tat-terminu.

10      Fuq proposta tal-Għaxar Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

11      Minħabba l-impediment ta’ Membru tal-Għaxar Awla Estiża, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar lilu nnifsu, fl‑20 ta’ Lulju 2021, skont l-Artikolu 17(2) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jikkompleta l-Awla f’din il-kawża. Skont l-Artikolu 10(5) tal-imsemmi regolament, huwa ħa wkoll il-presidenza tal-awla f’dan il-każ.

12      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Ġenerali nstemgħu fis-seduta li nżammet tas‑17 ta’ Settembru 2021.

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

14      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

15      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni t-talbiet tal-Kummissjoni.

 Fid-dritt

16      Ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. L-ewwel wieħed jinqasam f’żewġ partijiet, ibbażati, essenzjalment, rispettivament, l-ewwel waħda, fuq ksur tad-dritt tar-rikorrenti li l-kawża tagħha tiġi ttrattata f’terminu raġonevoli u, it-tieni waħda, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-Istat tad-dritt fil-Polonja. It-tielet motiv jikkonċerna l-interess tal-Unjoni li jitkompla l-eżami tal-ilment.

17      Qabel kollox, għandha tiġi eżaminata l-ewwel parti tal-ewwel motiv, sussegwentement, it-tielet motiv u, fl-aħħar nett u flimkien, it-tieni motiv u t-tieni parti tal-ewwel motiv.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tad-dritt tar-rikorrenti li lkawża tagħha tiġi ttrattata f’terminu raġonevoli

18      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli sa fejn hija adottat id-deċiżjoni kkontestata kważi tliet snin wara l-introduzzjoni tal-ilment u kważi sentejn wara l-komunikazzjoni tal-ittra ta’ gwida lir-rikorrenti. B’dan il-mod, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 773/2004, moqrija flimkien mal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

19      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

20      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-osservanza ta’ terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati tal-Unjoni jiżguraw l-osservanza tiegħu (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, C‑452/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:829, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ta’ proċedura amministrattiva ġie kkonfermat mill-ġdid fl-Artikolu 41(1) tal-Karta, li jipprovdi li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, HIT Groep vs Il-Kummissjoni, T‑436/10, EU:T:2015:514, punt 239 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 773/2004, fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li fuq il-bażi tal-informazzjoni fil-pussess tagħha hemm raġunijiet insuffiċjenti biex taġixxi dwar ilment, hija għandha tgħarraf lil-lanjant bir-raġunijiet tagħha u tistabbilixxi terminu li fih il-lanjant jista’ jagħti l-opinjoni tiegħu bil-miktub. Skont l-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament, jekk il-lanjant jagħti l-opinjoni tiegħu fit-terminu stabbilit mill-Kummissjoni u jekk l-osservazzjonijiet bil-miktub ma jwasslux għal evalwazzjoni differenti tal-ilment, il-Kummissjoni għandha tiċħad l-ilment permezz ta’ deċiżjoni.

23      Għaldaqstant, lanjant għandu d-dritt li jirċievi deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tiegħu u l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tiddeċiedi dwaru f’terminu raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, BVGD vs Il-Kummissjoni, T‑104/07 u T‑339/08, mhux ippubblikati, EU:T:2013:366, punt 127).

24      Ċertament, fis-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il-Kummissjoni (C‑466/19 P, EU:C:2021:76), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-punt 32, li l-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli seta’ jiġġustifika biss l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur meħud fi tmiem proċedura amministrattiva bbażata fuq l-Artikolu 101 jew 102 TFUE, peress li kien ġie stabbilit li dan il-ksur kien ippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Madankollu, din l-affermazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinqara fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għal dik is-sentenza. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni kontenzjuża f’dik il-kawża kienet deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni adottata skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, bħala strument ta’ investigazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva pendenti. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, essenzjalment, fil-punt 33 tal-imsemmija sentenza, li l-argument ibbażat fuq in-natura eċċessiva tat-tul ta’ din il-proċedura amministrattiva kien rilevanti mhux fil-kuntest ta’ rikors li għandu bħala suġġett tali deċiżjoni, iżda fil-kuntest ta’ rikors li għandu bħala suġġett id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttemm din il-proċedura amministrattiva permezz tal-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE.

25      Issa, għalkemm huwa minnu li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad ilment ma hijiex “deċiżjoni li tikkonstata ksur”, hija madankollu ttemm il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, b’differenza mid-deċiżjoni kontenzjuża fil-kawża ċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, iċ-ċaħda tal-obbligu tal-Kummissjoni li tosserva l-prinċipju ta’ terminu raġonevoli fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-ilmenti li jitressqu quddiemha twassal, bi ksur tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, sabiex ixxejjen mill-kontenut essenzjali tiegħu d-dritt tal-lanjant li l-kawżi tiegħu jiġu ttrattati f’terminu raġonevoli, kif jeżiġi l-Artikolu 41(1) tal-Karta.

26      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, f’dan il-każ, għaddew madwar sentejn u disa’ xhur bejn il-preżentata tal-ilment u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

27      Minkejja li l-Kummissjoni tipprova tiġġustifika dan it-tul minħabba l-kumplessità tal-kwistjonijiet fattwali u legali inklużi fl-ilment u bil-fatt li r-rikorrenti ppreżentat ilment addizzjonali kif ukoll osservazzjonijiet u informazzjoni addizzjonali oħra, xorta jibqa’ l-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, li tinkludi biss 31 punt f’inqas minn 7 paġni, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tafferma, essenzjalment, li l-awtorità tal-kompetizzjoni Pollakka kienet f’pożizzjoni aħjar sabiex teżamina l-ilment. Issa, kif issostni r-rikorrenti, tali konklużjoni ma kinitx teħtieġ it-twettiq ta’ evalwazzjoni fattwali jew ġuridika kumplessa tal-prattiki antikompetittivi allegati fl-ilment.

28      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma osservatx l-impenn tagħha li tinforma lil-lanjant, f’terminu indikattiv ta’ erba’ xhur minn meta tirċievi l-ilment, dwar l-azzjoni li hija kienet tipproponi li tagħti lil dan tal-aħħar, skont il-punti 61 u 62, moqrija flimkien mal-punti 55 u 56 tal-abbozz ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-trattament mill-Kummissjoni tal-ilmenti mressqa taħt l-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU 2004, C 101, p. 65). Għalkemm dan huwa terminu indikattiv, kif jirriżulta mill-punt 61 tal-imsemmi abbozz ta’ komunikazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li għaddew madwar għaxar xhur bejn il-preżentata tal-ilment u l-komunikazzjoni lir-rikorrenti tal-ittra ta’ gwida, li jaqbeż sew dan it-terminu indikattiv.

29      Fi kwalunkwe każ, u mingħajr ma jkun hemm bżonn li tingħata deċiżjoni definittiva dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni kisritx l-obbligu tagħha li tittratta l-ilment f’terminu raġonevoli, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli jista’ jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni biss meta hija seta’ jkollha effett fuq l-eżitu tal-proċedura. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-imsemmi ksur ikun jista’ jippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punti 42 sa 52).

30      Din il-ġurisprudenza tapplika mutatis mutandis għad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ lment skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 773/2004, filwaqt li madankollu jiġi ppreċiżat li l-lanjant ma huwiex konvenut fil-kuntest ta’ tali proċedura. Minn dan isegwi li, fil-każ ta’ rikors kontra tali deċiżjoni, il-ksur ta’ dan il-prinċipju jista’ jwassal għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni biss meta r-rikorrent juri li l-iskadenza tat-terminu raġonevoli affettwat il-possibbiltà ta’ difiża tal-pożizzjoni tiegħu matul din il-proċedura. Dan ikun b’mod partikolari l-każ meta l-iskadenza tat-terminu raġonevoli kienet ipprekludietu milli jiġbor jew li jinvoka quddiem il-Kummissjoni punti ta’ fatt jew ta’ liġi relatati mal-prattiki antikompetittivi allegati jew mal-interess tal-Unjoni li tinvestiga l-każ.

31      Issa, ir-rikorrenti ma pprovdiet ebda element li jista’ juri li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta f’dan il-każ.

32      Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti sempliċement tafferma, essenzjalment, li t-tul tal-proċedura amministrattiva kien “kruċjali”, peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni għall-preżentata ta’ azzjoni għad-danni ma kienx ġie sospiż, u lanqas ma ġie interrott permezz tal-preżentata tal-ilment jew bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, skont l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea(ĠU 2014, L 349, p. 1).

33      Madankollu, il-possibbiltà għar-rikorrenti li tinvoka d-drittijiet tagħha skont l-Artikolu 102 TFUE bil-preżentata quddiem il-qrati nazzjonali ta’ azzjoni għad-danni jew ta’ kwalunkwe azzjoni oħra b’applikazzjoni diretta ta’ din id-dispożizzjoni b’osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et, C‑213/89, EU:C:1990:257, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑6 ta’ Ġunju 2013, Donau Chemie et, C‑536/11, EU:C:2013:366, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata) ma kienet bl-ebda mod tiddependi fuq l-eżitu tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni dwar l-ilment tagħha u, b’mod partikolari min-nuqqas ta’ ftuħ ta’ proċedura formali minnha. Konsegwentement, l-eventwali qbiż tat-terminu raġonevoli mill-Kummissjoni ma kellux effett fuq id-dritt tar-rikorrenti li tippreżenta tali azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni mingħajr stennija tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-ilment tagħha.

34      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li ċerti miżuri adottati mir-Repubblika tal-Polonja matul il-proċedura amministrattiva kienu kkontestaw l-osservanza tal-prinċipju tal-Istat tad-dritt f’dan l-Istat Membru. Madankollu, ir-rikorrenti ma tressaq ebda element li jista’ juri li d-deterjorament tal-Istat tad-dritt fil-Polonja pprekludieha milli tiġbor jew milli tinvoka quddiem il-Kummissjoni punti ta’ fatt jew ta’ liġi relatati mal-prattiki antikompetittivi allegati jew mal-interess tal-Unjoni li tinvestiga l-każ.

35      Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tielet motiv, dwar l-interess tal-Unjoni li jitkompla l-eżami tal-ilment

36      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 102 TFUE, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE, mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 773/2004 u mal-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003. B’mod partikolari, hija ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni li jitkompla l-eżami tal-ilment, li kellu bħala konsegwenza li l-Artikolu 102 TFUE jiġi mċaħħad minn kull effett utli.

37      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

38      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni, inkarigata skont l-Artikolu 105(1) TFUE bil-kompitu li tiżgura l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, hija mitluba tiddefinixxi u timplimenta l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u għal dan il-għan għandha setgħa diskrezzjonali fl-ipproċessar tal-ilmenti. Sabiex twettaq dan il-kompitu b’mod effettiv, hija għandha għalhekk id-dritt li tagħti livelli ta’ prijorità differenti lill-ilmenti li jitressqu quddiemha. B’dan il-mod, il-Kummissjoni tista’ mhux biss tiddeċiedi l-ordni li fih ser jiġu eżaminati l-ilmenti, iżda wkoll tiċħad ilment minħabba nuqqas ta’ interess suffiċjenti tal-Unjoni sabiex jitkompla l-eżami tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Agria Polska et vs Il‑Kummissjoni, T‑480/15, EU:T:2017:339, punti 34 u 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma hijiex mingħajr limiti. Fil-fatt, il-Kummissjoni hija obbligata teżamina bir-reqqa l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jitressqu quddiemha mil-lanjanti (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2014, Si.mobil vs Il-Kummissjoni, T‑201/11, EU:T:2014:1096, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tadotta regoli ta’ kondotta u tħabbar permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom li hija ser tapplikahom minn dak il-mument ’il quddiem għall-każijiet ikkonċernati minnhom, il-Kummissjoni tillimita lilha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, minħabba ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, H&R ChemPharm vs Il-Kummissjoni, C‑95/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:125, punt 57). F’dan il-każ, il-Kummissjoni llimitat lilha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fit-trattament tal-ilmenti permezz tal-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tagħha dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-network tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (ĠU 2004, C 101, p. 43), li fiha linji gwida li għandhom l-għan li jiċċaraw, b’mod partikolari, taħt liema kundizzjonijiet jista’ jiġi kkunsidrat li jew il-Kummissjoni, jew awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali waħda, jew diversi awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni huma f’pożizzjoni aħjar sabiex jeżaminaw ilment.

41      L-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ lment ma għandux iwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-interess tal-Unjoni ma’ dik tal-Kummissjoni, iżda għandu l-għan li jivverifika li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tkunx ibbażata fuq fatti materjalment ineżatti u li ma hija vvizzjata minn ebda żball ta’ liġi, u lanqas minn żball manifest ta’ evalwazzjoni jew minn użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2017, Topps Europe vs Il-Kummissjoni, T‑699/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:2, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment għar-raġuni, essenzjalment, li l-awtorità tal-kompetizzjoni Pollakka kienet f’pożizzjoni aħjar sabiex teżaminah, peress li, minn naħa, il-ksur allegat kien limitat, essenzjalment, għas-suq Pollakk u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija awtorità kienet kisbet għarfien iddettaljat tas-suq tas-servizzi ta’ trasport ferrovjarju tal-merkanzija fil-Polonja u tal-prattiki ta’ PKP Cargo, miksub wara diversi investigazzjonijiet imwettqa minnha u d-deċiżjonijiet adottati f’dan is-settur mill‑2004.

43      Ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tas-suq affettwat mill-prattiki antikompetittivi allegati u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll fatturi oħra li jistgħu juru l-eżistenza ta’ interess tal-Unjoni sabiex jitkompla l-eżami tal-ilment.

44      Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq affettwat mill-prattiki antikompetittivi allegati, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li r-rikorrenti ssostni li l-prattiki allegatament abbużivi ta’ PKP Cargo kellhom effetti lil hinn mis-suq nazzjonali, b’tali mod li l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni aħjar sabiex teżaminahom.

45      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta l-effetti tal-ksur allegat fi lment jinħassu, essenzjalment, biss fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u meta azzjonijiet relatati ma’ dan il-ksur jitressqu mil-lanjant quddiem qrati u awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni hija intitolata li tiċħad l-ilment għal nuqqas ta’ interess tal-Unjoni, sakemm madankollu ikunu jistgħu jiġu ssalvagwardati d-drittijiet tal-lanjant b’mod sodisfaċenti mill-istanzi nazzjonali, li jippreżupponi li dawn ikunu jistgħu jiġbru l-elementi fattwali sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prattiki inkwistjoni jikkostitwixxux ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2007, Au Lys de France vs Il-Kummissjoni, T‑458/04, mhux ippubblikata, EU:T:2007:195, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tad‑19 ta’ Marzu 2012, Associazione “Giùlemanidallajuve” vs Il-Kummissjoni, T‑273/09, EU:T:2012:129, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Il-punt 10 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-network tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jippreċiża li awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali unika hija ġeneralment f’pożizzjoni tajba sabiex tieħu ħsieb ftehimiet jew prattiki li jaffettwaw il-kompetizzjoni b’mod sostanzjali fit-territorju tagħha, filwaqt li, skont il-punt 14 tagħha, il-Kummissjoni hija f’pożizzjoni partikolarment tajba sabiex tittratta kawża b’mod partikolari meta ftehim wieħed jew prattika waħda, jew diversi ftehimiet jew prattiki, inklużi n-networks ta’ ftehimiet jew prattiki simili, ikollhom effetti fuq il-kompetizzjoni f’iktar minn tliet Stati Membri (swieq transkonfinali li jkopru iktar minn tliet Stati Membri jew diversi swieq nazzjonali).

47      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-prattiki allegatament abbużivi kkontestati huma imputabbli lil impriża stabbilita fil-Polonja, jiġifieri PKP Cargo, u jippreġudikaw impriża oħra stabbilita wkoll fil-Polonja, jiġifieri r-rikorrenti. Barra minn hekk, fl-ilment tagħha, ir-rikorrenti affermat li, għalkemm l-effetti tal-imsemmija prattiki jinħassu f’diversi Stati Membri, PKP Cargo kellha pożizzjoni dominanti “fis-suq Pollakk” u li, bħala prinċipju, l-abbuż minn pożizzjoni dominanti li bih PKP Cargo kienet akkużata kien seħħ “fis-suq Pollakk”. Barra minn hekk, l-ishma tas-suq miżmuma minn PKP Cargo, kif ippreżentati fl-ilment, kienu jikkonċernaw biss is-suq Pollakk, peress li r-rikorrenti ma allegatx, u wisq inqas uriet, li PKP Cargo kellha pożizzjoni dominanti fi swieq ġeografiċi oħra. Bl-istess mod, fl-ittra tagħha tal‑4 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti tenniet lill-Kummissjoni t-talba tagħha sabiex tinfetaħ investigazzjoni kontra PKP Cargo għall-eżami tal-preżunt abbuż minn pożizzjoni dominanti tagħha “fis-suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fil-Polonja”.

48      Il-fatt, invokat mir-rikorrenti, li s-suq tas-servizzi ta’ trasport ferrovjarju tal-merkanzija fil-Polonja kien miftuħ għall-kompetizzjoni tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra ma jistax jikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-prattiki allegatament abbużivi ta’ PKP Cargo setgħu jaffettwaw ukoll swieq ġeografiċi oħra, l-ebda informazzjoni inkluża fl-atti tal-proċess ma kienet turi, la espliċitament u lanqas impliċitament, li PKP Cargo kellha pożizzjoni dominanti f’tali swieq. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li PKP Cargo kienet topera u kellha sussidjarji f’diversi Stati Membri lanqas ma jfisser li din l-impriża jew waħda mis-sussidjarji tagħha kellhom pożizzjoni dominanti fi swieq ġeografiċi oħra.

49      It-tieni, il-fatt, invokat mir-rikorrenti, li l-ksur allegat seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, huwa irrilevanti. Fil-fatt, l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri huwa kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, u mhux għad-determinazzjoni tal-awtorità fl-aħjar pożizzjoni sabiex teżamina lment.

50      It-tielet, l-argument tar-rikorrenti li, fil-paragrafu 25(iv) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li s-suq rilevanti ta’ servizzi kien is-“suq ferrovjarju”, meta kien is-“suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija”, lanqas ma jista’ jintlaqa’. Fil-fatt, il-punt msemmi iktar ’il fuq għandu jinqara fid-dawl tal-punti 3, 21 u 26 tal-istess deċiżjoni, li minnhom jirriżulta li s-suq rilevanti ta’ servizzi kien is-suq tas-servizzi ta’ trasport ferrovjarju tal-merkanzija. Għalhekk, ir-riferiment għas-“suq ferrovjarju”, li jinsab fil-punt 25 (iv) tad-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxi, l-iktar l-iktar, impreċiżjoni li ma għandha ebda effett fuq il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet leġittimament tqis li l-prattiki allegatament abbużivi ta’ PKP Cargo kienu jikkonċernaw prinċipalment is-suq tas-servizzi ta’ trasport ferrovjarju tal-merkanzija fil-Polonja.

52      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-awtorità tal-kompetizzjoni Pollakka kienet kisbet għarfien iddettaljat tas-suq tas-servizzi ta’ trasport ferrovjarju tal-merkanzija fil-Polonja u tal-prattiki ta’ PKP Cargo, wara diversi investigazzjonijiet imwettqa minnha u tad-deċiżjonijiet adottati f’dan is-settur mill‑2004.

53      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-prattiki allegati kienu jikkonċernaw prinċipalment is-suq tas-servizzi ta’ trasport ferrovjarju tal-merkanzija fil-Polonja, li l-awtorità tal-kompetizzjoni Pollakka kienet kisbet għarfien ddettaljat tas-settur, u li, abbażi ta’ dawn il-fatturi, din l-awtorità kienet f’pożizzjoni aħjar sabiex teżamina l-ilment.

54      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll kriterji oħra għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni li teżamina l-każ.

55      L-ewwel, hija tirreferi għall-ġurisprudenza li tipprovdi li, meta l-Kummissjoni teżamina l-interess tal-Unjoni li tinvestiga l-kawża, hija għandha, minn naħa, tevalwa s-serjetà tal-allegat ksur tal-kompetizzjoni u l-persistenza tal-effett tiegħu, billi tieħu inkunsiderazzjoni t-tul u l-importanza tal-ksur allegat kif ukoll l-effett tiegħu fuq is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fl-Unjoni (sentenza tat‑23 ta’ April 2009, AEPI vs Il-Kummissjoni, C‑425/07 P, EU:C:2009:253, punt 53), u, min-naħa l-oħra, għandha tibbilanċja l-importanza tal-ksur allegat għall-funzjonament tas-suq intern, il-probabbiltà li tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza tiegħu u l-portata tal-miżuri ta’ investigazzjoni neċessarji (sentenza tat‑18 ta’ Settembru 1992, Automec vs Il-Kummissjoni, T‑24/90, EU:T:1992:97, punt 86). Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni naqset milli teżamina u tibbilanċja dawn il-kriterji kollha, li, fil-fehma tagħha, huwa ġuridikament żbaljat u kuntrarju għall-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni.

56      Huwa minnu, kif tosserva r-rikorrenti, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni llimitat l-evalwazzjoni tagħha tal-interess tal-Unjoni għall-kriterji msemmija fil-punt 42 iktar ’il fuq, mingħajr ma eżaminat b’mod espliċitu s-serjetà jew l-importanza tal-ksur allegat, il-persistenza tal-effetti tiegħu, il-probabbiltà li tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza tiegħu u l-portata tal-miżuri ta’ investigazzjoni neċessarji.

57      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, peress li l-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni ppreżentat minn ilment tiddependi miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, la għandu jiġi limitat in-numru ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni li għalihom tista’ tirreferi l-Kummissjoni u lanqas, għall-kuntrarju, ma għandu jiġi impost fuqha l-użu esklużiv ta’ ċerti kriterji. Fid-dawl tal-fatt li, f’qasam bħal dak tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-kuntest fattwali u legali jista’ jvarja b’mod kunsiderevoli minn kawża għal oħra, huwa possibbli li jiġu applikati kriterji li sa dak il-mument ma kinux previsti jew li tingħata prijorità lil kriterju wieħed sabiex jiġi evalwat dan l-interess tal-Unjoni (ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2013, EFIM vs Il-Kummissjoni, C‑56/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:575, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Settembru 2018, Agria Polska et vs Il-Kummissjoni, C‑373/17 P, EU:C:2018:756, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża li t-tagħlim li jirriżulta minn din il-ġurisprudenza ma jistax jiġi kkontestat mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 55 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C‑449/98 P, EU:C:2001:275, punti 44, 46 u 47, u tal‑20 ta’ Settembru 2018, Agria Polska et vs Il-Kummissjoni, C‑373/17 P, EU:C:2018:756, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Fil-fatt, jista’ jagħti l-każ li, indipendentement mis-serjetà jew mill-importanza tal-ksur allegat, mill-persistenza tal-effetti tiegħu, mill-probabbiltà li tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza tiegħu jew inkella mill-portata tal-miżuri ta’ investigazzjoni neċessarji, l-interess tal-Unjoni ma jimponix fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tinvestiga lment jekk awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tkun tinsab, b’mod partikolari minħabba l-prossimità tagħha fir-rigward tal-provi rilevanti, tal-portata tas-swieq affettwati mill-prattiki allegati jew anki tal-għarfien miksub fil-passat f’dak li jikkonċerna dawn is-swieq u dan il-prattiki, f’pożizzjoni aħjar mill-Kummissjoni li tinvestiga l-imsemmi ksur allegat.

60      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżamina u tibbilanċja l-kriterji kollha msemmija fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 55 iktar ’il fuq.

61      It-tieni, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-ilment iqajjem kwistjoni ta’ liġi ġdida, li għadha ma ġietx deċiża fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, jiġifieri jekk ir-rifjut li jingħata aċċess għal infrastruttura essenzjali (essential facility), taħt kundizzjonijiet mhux diskriminatorji, iġġustifikat mill-eżistenza ta’ dejn mhux imħallas, li l-eżistenza tiegħu hija madankollu kkontestata mill-impriża li titlob aċċess għall-imsemmija infrastruttura, jikkostitwixxix abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-punt 15 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-network tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni hija partikolarment f’pożizzjoni tajba sabiex tittratta kawża jekk l-interess tal-Unjoni jeżiġi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni min-naħa tagħha sabiex tiżviluppa l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni meta tqum problema ta’ kompetizzjoni ġdida jew sabiex tiġi żgurata applikazzjoni effettiva tar-regoli.

63      Madankollu, anki jekk jitqies li l-kwistjoni mqajma fil-punt 61 iktar’il fuq kienet tikkostitwixxi problema ġdida ta’ kompetizzjoni importanti għall-iżvilupp tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-punt 15 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-network tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, dan madankollu ma jfissirx li l-Kummissjoni kienet awtomatikament obbligata li teżamina l-ilment. Fil-fatt, il-kwistjoni “ġdida” mqajma mir-rikorrenti kienet, essenzjalment, dik dwar jekk il-prattiki allegatament abbużivi ta’ PKP Cargo setgħux jiġu kkunsidrati li huma oġġettivament iġġustifikati. Tali eżami jimplika mhux biss li jiġi vverifikat jekk PKP Cargo kellhiex pożizzjoni dominanti fis-suq rilevanti, iżda wkoll ir-realtà, ikkontestata, tad-dejn inkwistjoni, kif ukoll l-effetti possibbli ta’ esklużjoni tal-imsemmija prattiki. Issa, ir-rikorrenti ma wrietx li l‑Kummissjoni kienet f’pożizzjoni aħjar sabiex twettaq tali eżami, minkejja l-fatt li l-imsemmija prattiki kienu jikkonċernaw prinċipalment is-suq Pollakk u li l-awtorità Pollakka diġà kellha għarfien iddettaljat tas-settur.

64      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrietx li, f’dan il-każ, il-kriterju dwar l-eżistenza ta’ problema ġdida ta’ kompetizzjoni importanti għall-iżvilupp tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni kellu jipprevali fuq il-kriterji msemmija fil-punt 42 iktar ’il fuq.

65      Fir-raba’ lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha tivverifika jekk PKP Cargo kinitx tapplika sistema ta’ tnaqqis diskriminatorju u jekk PKP Cargo kellhiex dejn fil-konfront tagħha li jista’ jiġġustifika r-rifjut tagħha li tikkonkludi kuntratt magħha. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma ċaħditx l-ilment minħabba li l-elementi għad-dispożizzjoni tagħha ma kinux jippermettu li jiġi konkluż li l-prattiki allegati kienu jmorru kontra l-Artikolu 102 TFUE, iżda li l-awtorità Pollakka tal-kompetizzjoni kienet f’pożizzjoni aħjar sabiex teżaminahom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tieħu pożizzjoni fuq dawn il-kwistjonijiet.

66      Fil-ħames lok, il-fatt, imqajjem mir-rikorrenti, li l-awtorità tal-kompetizzjoni Pollakka rrifjutat, permezz ta’ ittri tal‑21 ta’ Awwissu u tas‑7 ta’ Ottubru 2019, li tilqa’ l-ilment, huwa irrilevanti, peress li dan ir-rifjut seħħ biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il-Kummissjoni, C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 82).

67      Fis-sitt lok, il-fatt, mhux ikkontestat, li, skont id-dritt Pollakk, id-deċiżjonijiet tal-awtorità tal-kompetizzjoni Pollakka li tiċħad ilment ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju ma huwiex ta’ natura li jimponi fuq il-Kummissjoni obbligu li teżamina l-ilment. Fil-fatt, huma l-Istati Membri, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li għandhom jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża l-osservanza tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni u mhux il-Kummissjoni li għandhom jikkumpensaw, permezz tal-ftuħ ta’ investigazzjoni, l-eventwali insuffiċjenzi tal-protezzjoni ġudizzjarja fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tiftaħ quddiem il-qrati nazzjonali kawżi għal kumpens għad-danni allegatament mġarrba minħabba l-aġir li huwa s-suġġett tal-ilment sabiex tikseb l-osservanza tal-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Agria Polska et vs Il-Kummissjoni, C‑373/17 P, EU:C:2018:756, punti 83 u 87).

68      Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti tallega wkoll ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li hija ma qajmet ebda argument awtonomu bbażat fuq ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

69      Minn dan isegwi li t-tielet motiv għandu jinċaħad bħala infondat.

70      Sussegwentement, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni motiv u tat-tieni parti tal-ewwel motiv, dwar l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi u ġġeneralizzati tal-Istat tad-dritt fil-Polonja u intiżi sabiex juru li kien jeżisti riskju reali li d-drittijiet tagħha bħala lanjanti ma humiex protetti b’mod sodisfaċenti fil-livell nazzjonali.

 Fuq it-tieni motiv u t-tieni parti tal-ewwel motiv, dwar il-prinċipju tal-Istat taddritt fil-Polonja

71      Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 2 TUE, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni aħjar sabiex teżamina l-ilment, fid-dawl tan-nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati tal-Istat tad-dritt fil-Polonja u, b’mod partikolari, tan-nuqqas ta’ indipendenza tal-awtorità tal-kompetizzjoni Pollakka u tal-qrati nazzjonali kompetenti fil-qasam.

72      B’mod partikolari, ir-rikorrenti tressaq diversi elementi li jistgħu juru, fil-fehma tagħha, li, minn naħa, l-awtorità tal-kompetizzjoni Pollakka kienet suġġetta għall-poter eżekuttiv u li, min-naħa l-oħra, il-qrati nazzjonali msejħa sabiex jistħarrġu l-legalità tad-deċiżjonijiet tagħha, jiġifieri s-Sąd Ochrony Konkurencji i Konsumentów – XVII Wydział Sądu Okręgowego w Warszawie (il-Qorti tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumaturi, XVII Sezzjoni tal-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) u l-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), ma kellhomx il-garanziji ta’ indipendenza kollha, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, hija tipproduċi diversi indizji speċifiċi dwar iċ-ċirkustanzi tal-każ, in-natura tal-ksur allegat u l-kuntest fattwali tagħha, li jistgħu juru, fil-fehma tagħha, li jeżistu motivi serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li hija kienet qiegħda tgħaddi minn riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet tagħha li kieku l-kawża tagħha kellha tiġi eżaminata mill-qrati nazzjonali. Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi u milli timmotiva d-deċiżjoni kkontestata b’mod suffiċjenti fid-dritt f’dan ir-rigward.

73      Il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

74      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni vverifikat jekk nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati tal-Istat tad-dritt fil-Polonja jipprekludux li hija tiċħad l-ilment minħabba li l-awtorità tal-kompetizzjoni Pollakka kienet f’pożizzjoni aħjar sabiex teżaminah, billi tapplika b’analoġija s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586).

75      Madankollu, ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-applikazzjoni b’analoġija ta’ din il-ġurisprudenza għall-każ inkwistjoni, minħabba b’mod partikolari li din tirrigwarda l-kooperazzjoni bejn qrati nazzjonali f’materji kriminali, u, b’mod iktar partikolari, l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u mhux id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ lment fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jirrileva li s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586), kienet tikkonċerna l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll ir-riskju ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti, kif stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, filwaqt li dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għall-awtoritajiet amministrattivi bħall-awtorità tal-kompetizzjoni Pollakka.

76      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk il-Kummissjoni setgħetx ġustament tapplika b’analoġija t-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586), f’dan il-każ.

77      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, meta persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew kienet tinvoka, sabiex topponi l-kunsinna tagħha lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew, tal-inqas, iġġeneralizzati li, fil-fehma tagħha, setgħu jaffettwaw l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja fl-Istat Membru emittenti u b’hekk tippreġudika l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tevalwa l-eżistenza ta’ riskju reali li l-persuna kkonċernata ssofri ksur ta’ dan id-dritt fundamentali, meta hija għandha tiddeċiedi dwar il-kunsinna tagħha lill-awtoritajiet tal-imsemmi Stat (ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Sabiex tagħmel dan, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha twettaq analiżi f’żewġ stadji.

79      Fl-ewwel lok, hija għandha, abbażi ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati dwar il-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja fl-Istat Membru emittenti, tevalwa l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, marbut ma’ nuqqas ta’ indipendenza tal-qrati tal-imsemmi Stat Membru, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati f’dan l-aħħar Stat (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkonstata li l-kundizzjonijiet marbuta ma’ dan l-ewwel stadju ta’ analiżi huma ssodisfatti, hija għandha, sussegwentement, tevalwa, b’mod konkret u preċiż, jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, jeżistux raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li, wara l-kunsinna tagħha lill-Istat Membru emittenti, il-persuna mfittxija ser tkun esposta għal dan ir-riskju (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, f’ċerti ċirkustanzi limitati, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tirrifjuta awtomatikament li teżegwixxi kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn dan l-Istat Membru, mingħajr it-twettiq ta’ ebda evalwazzjoni konkreta tar-riskju reali tal-persuna kkonċernata li l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq ikun affettwat (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 72).

82      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 81 iktar ’il fuq setgħetx tapplika f’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta din id-deċiżjoni ġiet adottata, jiġifieri fit‑12 ta’ Awwissu 2019 (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 iktar ’il fuq). Għalhekk, anki jekk jitqies li avvenimenti li seħħew wara din id-data jippermettu li jiġi evitat it-tieni stadju tal-analiżi b’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi rrilevat li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha ma kinux issodisfatti.

83      Madankollu, għandu jiġi rrikonoxxut, bl-istess mod bħar-Repubblika tal-Polonja, li jeżistu, ċertament, differenzi evidenti bejn il-fatti li fuqhom hija bbażata s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586), u dawk li jikkostitwixxu l-bażi ta’ din il-kawża. Madankollu, diversi kunsiderazzjonijiet ta’ prinċipju jiġġustifikaw l-applikazzjoni b’analoġija tat-tagħlim li jirriżulta mill-imsemmija sentenza għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni fl-aħjar pożizzjoni sabiex teżamina lment li jallega ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

84      Fil-fatt, l-ewwel, għandu jitfakkar li l-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, il-valuri komuni msemmija fl-Artikolu 2 TUE timplika u tiġġustifika l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u, b’mod partikolari, il-qrati tagħhom fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, fosthom dak tal-Istat tad-dritt, u, għalhekk, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni li jimplimentahom (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑619/18, EU:C:2019:531, punti 42 u 43).

85      Din il-premessa fundamentali tapplika wkoll għar-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-qrati nazzjonali fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Fil-fatt, kemm ir-regoli dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586) (ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 35 u 36, u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet tad-detenzjoni fl-Ungerija) C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 104), kif ukoll dawk dwar in-network Ewropew tal-kompetizzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, inkwistjoni f’din il-kawża (ara b’mod partikolari l-premessi 15, 21 u 28, l-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll il-punt 2 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-network tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni), jistabbilixxu sistema ta’ kooperazzjoni stretta bejn l‑awtoritajiet kompetenti bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, ta’ fiduċja reċiproka u ta’ kooperazzjoni leali.

86      Fil-fatt, skont l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għandhom kompetenzi paralleli għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, filwaqt li l-istruttura tar-Regolament Nru 1/2003 hija bbażata fuq kooperazzjoni stretta bejniethom (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2013, Vivendi vs Il-Kummissjoni, T‑432/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:538, punt 26). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 35(1) tal-istess regolament, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, fl-interess ġenerali, filwaqt li huwa ppreċiżat li jista’ jkun hemm qrati fost l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni indikati mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2010, VEBIC, C‑439/08, EU:C:2010:739, punti 56 u 62). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi iktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (ĠU 2019, L 11, p. 3), l-imsemmija awtoritajiet għandhom jingħataw garanziji ta’ indipendenza u imparzjalità. Għalkemm, ċertament, it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva kien għadu ma skadiex meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, xorta jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri għandhom jastjenu milli jadottaw, matul dan it-terminu, dispożizzjonijiet ta’ natura li jikkompromettu serjament ir-riżultat previst minnha (ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 45, u tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pizzo, C‑27/15, EU:C:2016:404, punt 32).

87      Barra minn hekk, l-Artikolu 101(1) u l-Artikolu 102 TFUE jipproduċu effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħolqu, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża, drittijiet li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu. Il-kompetenza sabiex jiġu applikati l-imsemmija dispożizzjonijiet taqa’ kemm fuq il-Kummissjoni kif ukoll fuq il-qrati nazzjonali. Din l-attribuzzjoni ta’ kompetenza hija kkaratterizzata mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali (sentenza tat‑18 ta’ Settembru 1992, Automec vs Il-Kummissjoni, T‑24/90, EU:T:1992:97, punt 90). Dan huwa kkonfermat mill-punt 15 tan-Notifika tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati tal-Istati Membri tal-UE fl-applikazzjoni tal-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU 2016, C 127, p. 13, rettifika fil-ĠU 2017, C 230, p. 56) li jipprevedi li l-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali huma suġġetti għal dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali.

88      Minn dan isegwi li, bħall-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, il-kooperazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u l-qrati nazzjonali hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ rikonoxximent reċiproku, ta’ fiduċja reċiproka u ta’ kooperazzjoni leali, li jimponu fuq kull waħda minn dawn l-awtoritajiet u qrati li jikkunsidraw, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-awtoritajiet u l-qrati l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt.

89      It-tieni, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 iktar ’il fuq jirriżulta li, meta l-effetti tal-ksur allegat fi lment jinħassu, essenzjalment, biss fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u meta kawżi relatati ma’ dan il-ksur ikunu tressqu mil-lanjant quddiem qrati jew awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha d-dritt tiċħad l-ilment minħabba nuqqas ta’ interess tal-Unjoni, bil-kundizzjoni madankollu li d-drittijiet tal-lanjant ikunu jistgħu jiġu ssalvagwardati b’mod sodisfaċenti mill-istanzi nazzjonali.

90      Il-ġurisprudenza għalhekk diġà timponi fuq il-Kummissjoni, qabel ma tiċħad ilment minħabba nuqqas ta’ interess tal-Unjoni, l-obbligu li tiżgura li l-istanzi nazzjonali jkunu f’pożizzjoni li jissalvagwardjaw b’mod sodisfaċenti d-drittijiet tal-lanjant. Din il-ġurisprudenza, sa fejn tirreferi, b’mod wiesa’, għall-“istanzi nazzjonali”, tkopri kemm l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kif ukoll il-qrati nazzjonali kompetenti f’dan il-qasam. Issa, li kieku kienu jeżistu, fl-Istat Membru kkonċernat, nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati ta’ natura li jikkompromettu l-indipendenza ta’ dawn l-istanzi, kif ukoll motivi serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li, jekk il-Kummissjoni tiċħad l-ilment u jekk dan jitressaq quddiem l-imsemmija istanzi, il-lanjant ikun f’riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet tiegħu, allura l-imsemmija awtoritajiet nazzjonali ma jkunux f’pożizzjoni li jipproteġu b’mod sodisfaċenti d-drittijiet tal-lanjant fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 45 iktar ’il fuq.

91      It-tielet, id-dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti ggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandu importanza daqstant partikolari għall-applikazzjoni effikaċi tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Fil-fatt, il-qrati nazzjonali huma msejħa, minn naħa, jistħarrġu l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali u, min-naħa l-oħra, japplikaw direttament l-Artikoli 101 u 102 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat f’dan ir-rigward li huma l-Istati Membri, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li għandhom jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża l-osservanza tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, inkluż fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 67 iktar ’il fuq).

92      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-osservanza tar-rekwiżiti tal-Istat tad-dritt hija fattur rilevanti li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni fl-aħjar pożizzjoni sabiex teżamina lment u li, għal dan il-għan, il-Kummissjoni setgħet, f’dan il-każ, tapplika b’analoġija s-sentenza tal25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586).

93      Fit-tieni lok, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni llimitat ruħha, essenzjalment, tindika li l-kundizzjonijiet dwar it-tieni stadju tal-analiżi identifikata fis-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586), ma kinux issodisfatti f’dan il-każ, filwaqt li evitat li tieħu pożizzjoni dwar il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet dwar l-ewwel stadju tal-analiżi identifikati f’din il-istess sentenza kinux issodisfatti.

94      Issa, sa fejn dawn iż-żewġ stadji tal-analiżi huma kumulattivi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li llimitat ruħha, fl-interess tal-ekonomija tal-ġudizzju, għall-eżami ta’ dan it-tieni stadju.

95      Għaldaqstant, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti intiżi li juru, b’mod ġenerali, l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati fil-Polonja ta’ natura li jikkompromettu l-indipendenza tal-awtorità tal-kompetizzjoni Pollakka u tal-qrati nazzjonali kompetenti fil-qasam huma ineffettivi.

96      Fit-tielet lok, għandhom jiġu eżaminati l-motivi esposti fid-deċiżjoni kkontestata li għalihom il-Kummissjoni qieset li l-kundizzjonijiet marbuta mat-tieni stadju tal-analiżi ma kinux issodisfatti f’dan il-każ.

97      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dan it-tieni stadju tal-analiżi, hija qabel kollox il-persuna kkonċernata, f’dan il-każ ir-rikorrenti, li għandha tipproduċi indizji tal-eżistenza ta’ motivi serji u pprovati li jwasslu sabiex wieħed jemmen li kien hemm riskju reali għaliha ta’ ksur tad-drittijiet tagħha jekk il-kawża tagħha kellha tiġi eżaminata mill-qrati nazzjonali. Sussegwentement, hija l-Kummissjoni, fid-dawl tat-tħassib speċifiku espress mir-rikorrenti u tal-informazzjoni eventwalment ipprovduta minnha, li għandha tevalwa, b’mod konkret u preċiż, jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, kinux jeżistu tali motivi, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tal-imsemmija parti, tan-natura tal-ksur allegat u tal-kuntest fattwali (ara, f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 60, 68 u 75).

98      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ipproduċiet, matul il-proċedura amministrattiva, sensiela ta’ indizji konkreti u informazzjoni speċifika li jistgħu, fil-fehma tagħha, juru, meħuda flimkien, li kienu jeżistu motivi serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li kien hemm riskju reali għaliha ta’ ksur tad-drittijiet tagħha li kieku l-kawża tagħha kellha tiġi eżaminata mill-qrati nazzjonali. Issa, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni baqgħet ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn l-indizji u l-informazzjoni u ma mmotivatx id-deċiżjoni kkontestata b’mod suffiċjenti fid-dritt f’dan ir-rigward.

99      B’mod partikolari, l-ewwel, ir-rikorrenti ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li PKP Cargo kienet impriża kkontrollata mill-Istat u li, minħabba r-rabtiet stretti bejnha u l-Gvern, l-awtorità tal-kompetizzjoni Pollakka setgħet tkun klementi, jew saħansitra ppreġudikata fil-konfront ta’ din l-impriża. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, minn naħa, il-President tal-awtorità tal-kompetizzjoni Pollakka jiddependi kompletament fuq is-setgħa eżekuttiva, għaliex jinħatar u jitneħħa mill-Prim Ministru, mingħajr ma l-liġi tippreċiża t-tul tal-mandat tiegħu u r-raġunijiet għar-revoka tiegħu. Il-fatt li l-Prim Ministru rrevoka l-president ta’ din l-awtorità diversi drabi sa mill‑2014 juri din id-dipendenza. Min-naħa l-oħra, PKP S.A., li hija l-kumpannija omm ta’ PKP Cargo, tifforma parti mill-membri tal-Fondazzjoni nazzjonali Pollakka, assoċjazzjoni maħluqa u ffinanzjata, dejjem skont ir-rikorrenti, mill-ikbar kumpanniji pubbliċi tal-Polonja, li għandha l-għan li tiddefendi u tippromwovi, permezz ta’ kampanji ta’ media, ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja fil-Polonja.

100    It-tieni, ir-rikorrenti tirreferi diversi drabi għall-fatt li, f’April 2007, il-Prosekutur Ġenerali f’dak iż-żmien, Z. Ziobro, kien oppona d-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni Pollakka tas‑17 ta’ Ġunju 2004 fil-kawża DOK 50/04, li permezz tagħha din l-awtorità kkonstatat abbuż minn pożizzjoni dominanti ta’ PKP Cargo u ssanzjonat lil din tal-aħħar f’dan ir-rigward. Skont ir-rikorrenti, dan il-fatt juri “r-rieda politika li tiġi protetta waħda mill-kumpanniji prinċipali tat-Teżor Pubbliku” u seta’ jikkontesta l-indipendenza tal-awtorità tal-kompetizzjoni Pollakka, peress li din tal-aħħar “[kellha] pożizzjoni ħafna iktar dgħajfa” minn dik tal-Prosekutur Ġenerali.

101    It-tielet, skont ir-rikorrenti, il-politika klementi tal-awtorità tal-kompetizzjoni Pollakka fir-rigward ta’ PKP Cargo tintwera’ mill-fatt, minn naħa, li s-sanzjonijiet imposti fuqha fil-passat kienu dgħajfa, mhux dissważivi u ineffikaċi, kif jixhed il-fatt li, minkejja fihom, PKP Cargo tkompli bil-prattiki antikompetittivi tagħha, u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija awtorità rrifjutat li tieħu l-ebda miżura fil-konfront ta’ PKP Cargo mill‑2015, għalkemm ir-rikorrenti ppreżentat quddiemha diversi drabi lmenti f’dan ir-rigward. Dan l-aħħar fatt juri bidla fil-politika tal-imsemmija awtorità fil-konfront ta’ PKP Cargo mill‑2015, li hija spjegata min-nuqqas ta’ indipendenza tagħha.

102    Ir-raba’, ir-rikorrenti rrilevat, essenzjalment, li l-qrati nazzjonali kompetenti fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni ma kinux f’pożizzjoni li jirrimedjaw in-nuqqasijiet tal-awtorità tal-kompetizzjoni Pollakka minħabba n-nuqqas ta’ indipendenza tagħhom.

103    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni llimitat ruħha, fil-punt 25(v), li tafferma li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti dwar it-tieni stadju tal-analiżi, imfakkra fil-punt 80 iktar ’il fuq, kienu jinkludu “esklużivament allegazzjonijiet mhux issostanzjati” u li l-fatt li l-President tal-awtorità tal-kompetizzjoni Pollakka jinħatar mill-Prim Ministru ma kienx jippreġudika l-indipendenza tad-deċiżjonijiet tagħha fir-rigward ta’ PKP Cargo. L-ebda silta oħra mid-deċiżjoni kkontestata ma turi xi evalwazzjoni sostanzjali tas-sensiela ta’ indizji prodotti mir-rikorrenti għal dan il-għan, u lanqas, barra minn hekk, ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn l-indizji kollha kienu “esklużivament” “mhux issostanzjati”.

104    Għalhekk, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni eżaminat b’mod konkret u preċiż l-indizji differenti ppreżentati mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva. Issa, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 97 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kellha tevalwa, b’mod konkret u preċiż, fid-dawl tat-tħassib speċifiku espress mir-rikorrenti u tal-informazzjoni eventwalment ipprovduta minnha, jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, kinux jeżistu motivi serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li kien hemm riskju serju li r-rikorrenti ssofri ksur tad-drittijiet tagħha jekk il-kawża tagħha kellha tiġi eżaminata mill-qrati nazzjonali.

105    Il-motivazzjoni sommarja tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt ma tippermetti la lir-rikorrenti tifhem ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni skartat l-indizji konkreti prodotti minnha u li jirrigwardaw it-tieni stadju tal-analiżi mfakkar fil-punt 80 iktar ’il fuq, u lanqas lill-Qorti Ġenerali teżerċita stħarriġ effettiv tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni u tevalwa jekk kinux jeżistu motivi serji u pprovati li wieħed jemmen li kien hemm riskju serju li r-rikorrenti ssofri ksur tad-drittijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Contact Software vs Il-Kummissjoni, T‑751/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:602, punti 39 u 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Għaldaqstant, hemm lok li jintlaqa’ t-tieni motiv kif ukoll it-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors u, konsegwentement, li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti insostenn tat-tieni parti tal-ewwel motiv.

 Fuq l-ispejjeż

107    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha, kif ukoll għal dawk sostnuti mir-rikorrenti, kif mitlub minn din tal-aħħar.

108    Ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2019) 6099 final tat12 ta’ Awwissu 2019 (Każ AT.40459 – Spedizzjoni tal-merkanzija bil-ferrovija fil-Polonja – PKP Cargo), hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha, kif ukoll għal dawk sostnuti minn SpedPro S.A.

3)      Ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Van der Woude

Kornezov

Buttigieg

Hesse

 

      Petrlík

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid‑9 ta’ Frar 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.