Language of document : ECLI:EU:T:2022:84

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

23 ta’ Frar 2022 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kompetizzjoni – Swieq tas-servizzi internazzjonali ta’ distribuzzjoni espressa ta’ pakketti żgħar fiż-ŻEE – Konċentrazzjoni – Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern – Annullament tad-deċiżjoni permezz ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali – Drittijiet tad-difiża – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Rabta kawżali”

Fil-Kawża T‑834/17,

United Parcel Service, Inc., stabbilita f’Atlanta, Georgia (L-Istati Uniti), irrappreżentata minn A. Ryan, solicitor, F. Hoseinian, W. Knibbeler, A. Pliego Selie u F. Roscam Abbing, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan, P. Berghe, M. Farley u R. Leupold Henning, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament ġarrbet minħabba l-illegalità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 431, tat‑30 ta’ Jannar 2013, li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.6570 – UPS/TNT Express),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, R. da Silva Passos, I. Reine, L. Truchot u M. Sampol Pucurull (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Artemiou, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑28 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), ir-rikorrenti, United Parcel Service, Inc. (iktar ’il quddiem “UPS” jew ir-“rikorrenti”) u TNT Express NV (iktar ’il quddiem “TNT”) huma żewġ kumpanniji preżenti fis-swieq tas-servizzi internazzjonali ta’ distribuzzjoni espressa ta’ pakketti żgħar.

2        Fis‑26 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat avviż ta’ notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6570 – UPS/TNT Express) (ĠU 2012, C 186, p. 9), skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), kif implimentat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004, tal‑21 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88).

3        Fil‑11 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni informat lil UPS li hija kellha l-intenzjoni li tipprojbixxi l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ppjanata bejnha u TNT.

4        Fl‑14 ta’ Jannar 2013, UPS ippubblikat din l-informazzjoni permezz ta’ stqarrija għall-istampa.

5        Fit‑18 ta’ Jannar 2013, il-kumitat konsultattiv previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 139/2004 ħareġ opinjoni favorevoli dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni bejn UPS u TNT bħala inkompatibbli.

6        Fit‑30 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2013) 431, li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.6570 – UPS/TNT Express) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). Il-Kummissjoni qieset li l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni bejn UPS u TNT kienet tikkostitwixxi ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fis-swieq tas-servizzi inkwistjoni fi ħmistax-il Stat Membru, jiġifieri fil-Bulgarija, fir-Repubblika Ċeka, fid-Danimarka, fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fl-Ungerija, f’Malta, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Polonja, fir-Rumanija, fis-Slovenja, fis-Slovakkja, fil-Finlandja u fl-Isvezja.

7        Permezz ta’ stqarrija għall-istampa tal-istess jum, UPS ħabbret li hija kienet ser tirrinunzja għall-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ppjanata.

8        Fil‑5 ta’ April 2013, UPS adixxiet lill-Qorti Ġenerali b’rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, irreġistrat bin-numru T‑194/13, u b’talba għal proċedura mħaffa, li ġiet miċħuda mill-Qorti Ġenerali.

9        Fis‑7 ta’ April 2015, FedEx Corp. ħabbret offerta ta’ xiri ta’ TNT.

10      Fl‑4 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Każ M.7630 – FedEx/TNT Express) (ĠU 2015, C 220, p. 15), fir-rigward tal-operazzjoni li biha FedEx kellha takkwista lil TNT.

11      Fit‑8 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim ŻEE (Każ M.7630 – FedEx/TNT Express), li sommarju tagħha ġie ppublikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 450, p. 12), dwar l-operazzjoni bejn FedEx u TNT.

12      Permezz tas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża.

13      Fis‑16 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni appellat mis-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144), li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet permezz tas-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service (C‑265/17 P, EU:C:2019:23).

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Diċembru 2017, UPS ippreżentat dan ir-rikors.

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali tissospendi l-proċedura sakemm tingħata deċiżjoni dwar l-appell fil-Kawża C‑265/17 P jew, sussidjarjament, tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tiddetermina, l-ewwel, jekk il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 340 TFUE kinux issodisfatti, minbarra l-eżistenza ta’ dannu, u, għaldaqstant, it-tieni, jekk ebda kontribuzzjoni mill-partijiet kinitx neċessarja fuq l-ammont tad-dannu attwalment allegat.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Frar 2018, il-President tal-Awla ddeċieda li jissospendi l-proċedura sakemm tingħata d-deċiżjoni fil-Kawża C‑265/17 P. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Kummissjoni.

17      Il-Kummissjoni, permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Jannar 2019, talbet mill-ġdid l-adozzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex il-Qorti Ġenerali tiddetermina, preliminarjament, jekk il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni skont l-Artikolu 340 TFUE kinux issodisfatti, bl-esklużjoni ta’ kull kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ kwalunkwe dannu allegat minn UPS u, għaldaqstant, li tiddispensa lill-partijiet milli jittrattaw il-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-ammont tad-dannu attwalment allegat.

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Frar 2019, UPS opponiet din it-talba u l-Qorti Ġenerali ma laqgħetx it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Kummissjoni.

19      Peress li l-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali nbidlet, permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2019, il-President tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, assenja mill-ġdid il-kawża lil Imħallef Relatur ġdid, assenjat lis-Seba’ Awla.

20      Fuq proposta tas-Seba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem Kulleġġ Ġudikanti estiż.

21      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li wieġbu fit-terminu mogħti. Il-Qorti Ġenerali għamlet ukoll mistoqsija bil-miktub lill-partijiet, fejn stednithom iweġbuha waqt is-seduta.

22      UPS titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tagħtiha kumpens fl-ammont ta’ EUR 1 742 biljun, flimkien mal-interessi applikabbli;

–        tagħtiha kumpens għat-taxxi li sejrin jinġabru fuq il-kumpens mogħti, billi tieħu inkunsiderazzjoni r-rata ta’ taxxa applikabbli fid-data tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A.      Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti motivi, argumenti u provi

24      Il-Kummissjoni ssostni li n-noti ta’ UPS huma konfużi u ma huma konformi la mar-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura u lanqas ma’ dawk tal-Artikolu 85 ta’ dan ir-regolament u li ċerti argumenti u provi prodotti invokati insostenn tagħhom għandhom, konsegwentement, jiġu ddikjarati inammissibbli.

1.      Fuq in-natura konfuża tal-argumentazzjoni ta’ UPS

25      Il-Kummissjoni tallega li UPS żviluppat l-argument tagħha b’mod frammentat, mingħajr ma osservat id-dikjarazzjoni tal-motivi tar-rikors. Ir-rikors huwa bbażat fuq tliet motivi, li jikkorrispondu għal kull waħda mill-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Madankollu, UPS żviluppat diversi argumenti li jmorru lil hinn mill-motiv li miegħu huma marbuta fis-sustanza tagħhom. UPS b’hekk invokat, fl-istadju tar-rikors, argumenti marbuta mal-illegalità fil-partijiet iddedikati għar-rabta kawżali. Fl-istadju tar-replika, UPS ittrattat iż-żewġ partijiet, filwaqt li invokat fil-parti ddedikata għad-dannu, argumenti relatati maż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex tiġbor flimkien dawn l-argumenti, peress li, formalment, dawn ma jikkorrispondux għad-dikjarazzjoni tal-motiv li fil-kuntest tiegħu huma invokati.

26      F’dan il-każ, huwa minnu li UPS żviluppat fir-rikors parti mill-argumenti tagħha dwar l-illegalitajiet allegati fil-kuntest ta’ motivi relatati mal-kundizzjonijiet l-oħra għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, b’mod partikolari f’dak relatat mar-rabta kawżali. Għalkemm tali nuqqas ta’ koerenza jista’ jikkontribwixxi sabiex jirrendi r-rikors konfuż, dan ma jistax iwassal għall-inammissibbiltà tiegħu, anki parzjali, jekk il-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikunu bbażati t-talbiet ikunu esposti b’mod sommarju, ċar u preċiż, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, u b’hekk jippermetti lill-konvenut li jissalvagwardja d-drittijiet tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi l-kawża. Sabiex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, rikors li, bħal f’dan il-każ, jitressaq sabiex jinkiseb kumpens għal danni allegatament ikkawżati minn istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġu identifikati kemm l-aġir allegat mir-rikorrent fil-konfront ta’ dawn l-istituzzjonijiet kif ukoll ir-raġunijiet li abbażi tagħhom ir-rikorrent iqis li hemm rabta kawżali bejn din l-aġir u d-dannu allegatament subit minnu (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2005, FIAMM u FIAMM Technologies vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-‑69/00, EU:T:2005:449, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Issa, għalkemm l-organizzazzjoni ta’ ċerti argumenti ta’ liġi u ta’ fatt imressqa mir-rikorrenti ma hijiex ċara, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali, kif ukoll il-Kummissjoni, huma f’pożizzjoni li jidentifikaw il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huma bbażati t-talbiet tar-rikorrenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tinvoka ebda regola speċifika insostenn tad-dikjarazzjoni tagħha li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġbor flimkien skont is-sustanza tagħhom, l-argumenti mressqa formalment b’mod frammentat. Fi kwalunkwe każ, tali dikjarazzjoni hija diffiċilment konċiljabbli mal-fatt li, waqt l-eżami tal-motivi tar-rikors, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma hija obbligata, fir-raġunament tagħha, li ssegwi l-ordni li fih dawn il-motivi ġew esposti (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2010, Sviluppo Italia Basilicata vs Il-Kummissjoni, C‑414/08 P, EU:C:2010:165, punt 57). Il-Qorti Ġenerali tista’, filwaqt li żżomm mas-sustanza tal-argument, tikklassifikah mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 1998, Il-Parlament vs Gaspari, C‑316/97 P, EU:C:1998:558, punt 21, u tat‑28 ta’ Lulju 2011, Mediaset vs Il-Kummissjoni, C‑403/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:533, punti 92 u 93). Għaldaqstant, hija tista’ wkoll, filwaqt li żżomm mas-sustanza tal-argument, tipproċedi bl-eżami tiegħu skont ordni li hija differenti minn dak li fih ġie ppreżentat.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li parti mill-argument tar-rikorrenti jiġi miċħud għas-sempliċi raġuni li s-sustanza tiegħu ma tikkorrispondix eżattament mat-titolu tat-taqsima tan-nota li fiha huwa espost dan l-argument jikkostitwixxi formaliżmu eċċessiv, li jista’ jikkostitwixxi ostakolu għall-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

29      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni bbażata fuq in-natura konfuża tar-rikors hija infondata u għandha tiġi miċħuda.

2.      Fuq il-ksur tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura

30      Il-Kummissjoni ssostni li n-noti ta’ UPS ma humiex konformi mal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, u b’hekk iwasslu għall-inammissibbiltà ta’ ċerti argumenti u provi.

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, u tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati.

32      Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, din l-espożizzjoni sommarja tal-motivi tar-rikorrenti għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-qorti kompetenti tiddeċiedi fuq ir-rikors (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 41).

33      B’hekk, sabiex azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali tkun ammissibbli, huwa partikolarment neċessarju li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom din tkun ibbażata jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. Għalkemm huwa minnu li t-test tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi minn dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għall-assenza tal-elementi essenzjali tal-argumenti legali, li, skont id-dispożizzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 40).

34      Ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi li hija tista’ tqis li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 94, u tad‑9 ta’ Marzu 2015, Deutsche Börse vs Il-Kummissjoni, T‑175/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:148, punt 354). Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta argument jiġi invokat insostenn ta’ motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 41, u tas‑16 ta’ Settembru 2020, BP vs FRA, C‑669/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:713, punt 54).

a)      Fuq l-ammissibbiltà tal-argument ta’ UPS dwar il-ksur tad-drittijiet proċedurali

35      Il-Kummissjoni ssostni li l-argument li permezz tiegħu UPS tallega li d-drittijiet proċedurali tagħha ġew miksura minħabba li l-kriterji ta’ evalwazzjoni taż-żidiet fl-effiċjenza ma ġewx ikkomunikati lilha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża huwa inammissibbli. UPS illimitat ruħha, fil-punt 42 tar-rikors, li tinvoka kritiki ġenerali u astratti kontra d-deċiżjoni kontenzjuża u ċerti atti preċedenti għaliha. Minħabba li ma ġewx identifikati bi preċiżjoni s-siltiet kontenzjużi, dan l-argument ma huwiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

36      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li mill-qari tal-punt 42 tar-rikors jirriżulta li UPS tallega li l-Kummissjoni, essenzjalment, ma analizzatx serjament in-natura verifikabbli taż-żidiet fl-effiċjenza allegati, u lanqas ma stabbiliet minn qabel il-kriterji li abbażi tagħhom dawn iż-żidiet jiġu evalwati. UPS tinvoka għalhekk nuqqas fl-analiżi tal-Kummissjoni kif ukoll nuqqas ta’ informazzjoni dwar is-suġġett u l-livell ta’ prova meħtieġ. Għaldaqstant, ma jistax jiġi allegat li UPS naqset milli tidentifika bi preċiżjoni fir-rikors, fost l-atti adottati mill-Kummissjoni, l-elementi li fir-rigward tagħhom UPS tinvoka l-assenza tagħhom.

37      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dan il-punt 42 tar-rikors jirreferi għal ċerti siltiet tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tad-deċiżjoni kontenzjuża. UPS b’hekk iddeskriviet bi preċiżjoni l-elementi li hija tqis rilevanti sabiex tqabbilhom bejniethom u sabiex turi li kien biss fl-istadju tad-deċiżjoni kontenzjuża li l-Kummissjoni żvelat l-analiżi tagħha taż-żidiet fl-effiċjenza.

38      Minn dan isegwi li l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà invokati mill-Kummissjoni ma humiex fondati u għandhom, konsegwentement, jiġu miċħuda.

b)      Fuq l-ammissibbiltà tal-argument ta’ UPS dwar l-iżball ta’ evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet

1)      Fuq il-punti 34 sa 37 tar-rikors

39      Il-Kummissjoni ssostni li l-argument ta’ UPS dwar l-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet, espost fil-punti 34 sa 37 tar-rikors, huwa tant lakoniku li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura. Ir-rikors ma jesponix ir-raġunijiet li għalihom UPS tikkunsidra li l-mudell ekonometriku użat mill-Kummissjoni kien ivvizzjat.

40      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 34 sa 37 tar-rikors, UPS issostni li l-analiżi tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet hija affettwata minn żbalji serji. Mill-qari ta’ dawn il-punti u tar-rikors meħud fl-intier tiegħu, jidher ċar li UPS issostni li l-Kummissjoni tbegħdet b’mod sinjifikattiv mill-prattika ekonometrika kurrenti bl-użu, fl-istadju tal-istima, ta’ tip ta’ varjabbli ta’ konċentrazzjoni distint minn dak użat fl-istadju tal-previżjoni u tinvoka, bħala prova, ir-rapporti taż-żewġ esperti (l-Annessi A.8 u A.9 tar-rikors). Għalkemm il-punti 34 sa 37 tar-rikors huma redatti b’mod konċiż, huma jiġbru fil-qosor, f’termini ċari u preċiżi, is-sustanza tal-kritika ta’ natura teknika magħmula kontra għażliet metodoloġiċi adottati mill-Kummissjoni. Din l-espożizzjoni sommarja hija sostnuta mir-riferiment għar-rapporti ta’ dawn l-esperti (l-Annessi A.8 u A.9 tar-rikors), li jinkludu spjegazzjonijiet fid-dettall tal-iżbalji tekniċi hekk allegati.

41      Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-punti 34 sa 37 tar-rikors jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura. Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

2)      Fuq ir-riferiment għall-Anness A.12 tar-rikors

42      Il-Kummissjoni ssostni li UPS, fil-punt 34 tar-rikors, irreferiet għall-Anness A.12 tal-imsemmi rikors, li jikkonsisti f’nota prodotta fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144), mingħajr ma identifikat is-siltiet li hija kellha l-intenzjoni li tinvoka speċifikament. Konsegwentement, dan il-ksur tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura jwassal għall-inammissibbiltà ta’ dan id-dokument.

43      Madankollu, billi rreferiet, fil-punt 34 tar-rikors, għal dokument (l-Annessi A.12 tar-rikors) prodott fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T-194/13, EU:T:2017:144), UPS ma pprovatx tirrimedja xi nuqqas ta’ espożizzjoni li tinsab fil-punti 34 sa 37 tar-rikors permezz ta’ riferiment globali għall-qari ta’ dan id-dokument. Għall-kuntrarju, UPS b’hekk enfasizzat li l-kritiki tagħha kontra l-mudell ekonometriku użat kienu diġà tressqu fil-kuntest tal-imsemmija kawża. Fil-fatt, dan l-Anness A.12 huwa kkostitwit mill-osservazzjonijiet ta’ UPS, tat-8 ta’ Ġunju 2016, dwar it-tweġibiet tal-Kummissjoni tas‑26 ta’ April 2016 għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali f’din il-kawża. Fil-kuntest ta’ dawn l-osservazzjonijiet, UPS kienet fil-fatt iddikjarat l-użu fl-istadju tal-previżjoni ta’ mudell distint minn dak użat fl-istadju tal-istima. UPS sostniet li l-Kummissjoni kienet b’hekk aġixxiet b’mod mhux konvenzjonali u arbitrarju. Dan l-argument, li, kif jirriżulta mid-dokumenti prodotti f’din il-kawża, kien ġie żviluppat ukoll minn UPS fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service (C‑265/17 P, EU:C:2019:23), huwa, fis-sustanza tiegħu, identiku għal dak espost fil-punti 34 sa 37 tar-rikors.

44      Minn dawn l-elementi kuntestwali jirriżulta li UPS b’hekk irrepetiet l-ilmenti mqajma fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144), fir-rigward tal-validità tal-mudell ekonometriku użat insostenn tad-deċiżjoni kontenzjuża u li dawn l-elementi jinkludu espożizzjoni suffiċjentement ċara u preċiża tal-argument. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tallega li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tifhem il-kontenut, u lanqas li tipprepara d-difiża tagħha. L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

3)      Fuq ir-riferiment għall-Annessi A.8 u A.9 tar-rikors kif ukoll għall-Annessi C.1 u C.2 tar-replika

45      Il-Kummissjoni ssostni li UPS sempliċement irreferiet b’mod ġenerali għall-qari ta’ ċerti annessi minflok ma żviluppat l-argument tagħha b’mod ċar u preċiż fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. Bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tallega, fl-ewwel lok, li kkontestat, fil-punt 22 tar-risposta, l-ammissibbiltà tal-Annessi A.8 u A.9 tar-rikors. Ir-raġunijiet għalfejn UPS tqis li l-mudell ekonometriku adottat huwa żbaljat għandhom jidhru fir-rikors stess, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura. Issa, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fil-punt 36 tar-rikors huma insuffiċjenti f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni tqis li riferiment ġenerali għall-Annessi A.8 u A.9 tar-rikors ma jistax jirrimedja din il-lakuna billi jħalli f’idejha l-oneru li tobsor l-argumenti li UPS tixtieq tressaq. Il-Kummissjoni tindika li enfasizzat dan il-punt fil-kontroreplika. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li UPS ma setgħetx, fl-istadju tar-replika, tirrimedja dawn in-nuqqasijiet billi tidentifika b’iktar preċiżjoni s-siltiet rilevanti tal-Annessi A.8 u A.9 tar-rikors kif ukoll tal-Annessi C.1 u C.2 tar-replika.

46      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 24 sa 29 tar-risposta, il-Kummissjoni kkonfutat il-kontenut ta’ dawn ir-rapporti ta’ esperti b’mod iddettaljat. Dan juri li l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tiżgura d-difiża tal-interessi tagħha, u li barra minn hekk hija ma qisitx li kien neċessarju, fl-istadju tad-difiża, li min-naħa tagħha tipproduċi rapport ta’ espert wieħed jew iktar sabiex tikkontradixxi dawk ta’ UPS u sabiex b’hekk tiggwida lill-Qorti Ġenerali dwar l-aspetti tekniċi tal-mudell ekonometriku magħżul.

47      Il-Kummissjoni, fil-punti 25 sa 41 tal-kontroreplika, wieġbet estensivament għall-argumenti ta’ UPS imsemmija fil-punti 45 sa 49 tar-replika u sostnuti miż-żewġ rapporti ta’ dawn l-esperti (l-Annessi A.8 u A.9 tar-rikors) kif ukoll tal-opinjonijiet addizzjonali tagħhom (l-Annessi C.1 u C.2 tar-rikors). Fir-rigward tal-allegazzjoni tal-Kummissjoni li r-referenza għall-Annessi C.1 u C.2 tar-replika ma hijiex preċiża biżżejjed, din hija direttament kontradetta mill-fatt li l-Kummissjoni identifikat, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 32 tal-kontroreplika, is-siltiet ta’ dawn l-annessi speċifikament invokati minn UPS fir-replika. Sabiex tikkonfuta l-allegazzjonijiet dwar il-validità tal-mudell tagħha, il-Kummissjoni pproduċiet, fl-anness tal-kontroreplika, żewġ rapporti ta’ espert, (l-Annessi D.5 u D.6 tar-rikors), li l-ammissibbiltà tagħhom hija eżaminata iktar ’il quddiem fid-dawl tal-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tallega li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tipprepara d-difiża tagħha. Għaldaqstant, huwa mingħajr ma kisret l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura li UPS irreferiet, fin-noti tagħha, għall-Annessi A.8 u A.9 tar-rikors kif ukoll għall-Annessi C.1 u C.2 tar-replika sabiex issostni l-aspetti tekniċi tal-kritika tagħha indirizzata kontra l-mudell ekonometriku adottat mill-Kummissjoni. Peress li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni fuq dan il-punt ma hijiex fondata, din għandha tiġi miċħuda.

4)      Fuq il-punt 84 tar-rikors

49      Il-Kummissjoni ssostni li l-argument li permezz tiegħu UPS, fil-punt 84 tar-rikors, tikkritika l-użu tad-data ta’ kopertura tas-swieq ta’ FedEx tal-2012 minflok dawk relatati mas-sena 2015 huwa inammissibbli fid-dawl tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura. Hija ssostni li dan l-argument ma jinsabx fir-rikors, iżda fin-noti ppreżentati fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144), mingħajr ma tindika b’mod preċiż il-partijiet ta’ dawn in-noti li fuqhom UPS tipprova tibbaża ruħha.

50      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 84 tar-rikors, UPS akkużat b’mod ċar u preċiż lill-Kummissjoni li użat, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet, data dwar is-sitwazzjoni ta’ FedEx fl‑2012, u dan minkejja li kellha fil-pussess tagħha projezzjonijiet ta’ FedEx li jirrigwardaw is-sena 2015.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li UPS ipprovat tirrimedja nuqqas ta’ preċiżjoni tar-rikors permezz ta’ riferiment globali għan-noti ppreżentati fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144). Mhux biss l-argument ta’ UPS kien iddikjarat b’mod intelliġibbli, iżda kien magħruf ukoll mill-Kummissjoni wara l-proċedura fl-imsemmija kawża. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni stess għamlet riferiment għall-qari tan-noti tagħha f’din il-kawża, b’risposta għall-argumenti ta’ UPS. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tippretendi li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tipprepara d-difiża tagħha. Fid-dawl tal-identità tal-partijiet u tal-bażi legali, jiġifieri l-illegalitajiet li ġie allegat li twettqu mill-Kummissjoni, li jeżistu bejn ir-rikors għal annullament u din l-azzjoni għad-danni, hemm lok li tiġi aċċettata l-ammissibbiltà tar-riferimenti magħmula fl-argumenti tar-rikors, li huma stess huma ammissibbli, għall-espożizzjoni tal-motivi żviluppati insostenn tar-rikors għal annullament u prodotti fl-anness tar-rikors f’din il-kawża (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, T‑351/03, EU:T:2007:212, punt 96). L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni għandha għalhekk tiġi miċħuda.

c)      Fuq l-ammissibbiltà tal-argument ta’ UPS dwar l-iżball ta’ evalwazzjoni taż-żidiet fl-effiċjenza

1)      Fuq il-punt 46 tar-rikors

52      Il-Kummissjoni ssostni li huwa inammissibbli, peress li jmur kontra l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, l-argument li permezz tiegħu UPS, fil-punt 46 tar-rikors, tiddikjara, l-ewwel, li l-provi prodotti matul il-proċedura amministrattiva kienu jeskludu deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, it-tieni, li l-Kummissjoni aċċettat is-sinerġiji fil-prinċipju tagħhom u, it-tielet, li kieku l-Kummissjoni applikat għaż-żidiet fl-effiċjenza l-approċċ segwit sussegwentement waqt l-istħarriġ tal-konċentrazzjoni bejn FedEx u TNT, hija kellha taċċetta proporzjon ħafna iktar għoli tas-sinerġiji allegati. Il-Kummissjoni tqis li dawn l-allegazzjonijiet ma humiex issostanzjati biżżejjed u tenfasizza li diġà ċaħdithom fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144).

53      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li din il-kritika tal-Kummissjoni tirrigwarda iktar il-kwistjoni dwar jekk l-allegazzjonijiet ta’ UPS, fil-punt 46 tar-rikors u dwar l-analiżi taż-żidiet fl-effiċjenza, humiex suffiċjentement sostnuti sabiex iwasslu għall-konvinzjoni tal-Qorti Ġenerali milli dwar jekk ir-rikors fihx l-espożizzjoni sommarja tal-motivi meħtieġa mill-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

54      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-punt 46 tar-rikors huwa redatt f’termini ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors. Għalhekk, il-Kummissjoni wieġbet b’mod eżawrjenti għall-argumenti ta’ UPS fil-punti 55 sa 97 tar-risposta. Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni huwa infondat.

2)      Fuq ir-riferiment għall-Anness C.6 tar-replika

55      Il-Kummissjoni tallega li, fil-punt 82 tar-replika, UPS tirreferi għal estratti mill-formola ta’ notifika tal-konċentrazzjoni mehmuża mal-Anness C.6 tar-replika, mingħajr ma tidentifika preċiżament is-siltiet rilevanti ta’ dan l-anness li hija tinvoka. Tali riferiment imur kontra l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

56      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 41 sa 46 tar-rikors, UPS esponiet b’mod ċertament sommarju, iżda b’mod ċar u preċiż, l-argument li bih hija tilmenta li matul il-proċedura amministrattiva l-Kummissjoni ma żvelatx il-kriterji li din tal-aħħar kellha l-intenzjoni tapplika sabiex tevalwa ż-żidiet allegati fl-effiċjenza. B’mod partikolari, fil-punt 44 tar-rikors, UPS sostniet, minn naħa, li l-Kummissjoni, qabel ma adottat id-deċiżjoni tagħha, kienet obbligata li tesponi l-oġġezzjonijiet tagħha dwar in-natura verifikabbli taż-żidiet allegati fl-effiċjenza u li tagħti lill-partijiet li kkomunikaw konċentrazzjoni possibbiltà reali li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, UPS sostniet li l-proċess kien juri li hija kienet ipproduċiet provi tanġibbli li jirrigwardaw iż-żidiet fl-effiċjenza sa mill-komunikazzjoni permezz tal-formola CO. Barra minn hekk, fil-punt 82 tar-replika, UPS għamlet riferiment espress għat-taqsima rilevanti tal-formola CO u, b’mod partikolari, għall-punt 96 ta’ din tal-aħħar.

57      Din id-dikjarazzjoni tal-ilmenti ta’ UPS tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa mill-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tallega b’mod raġonevoli li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tipprepara d-difiża tagħha, bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk il-produzzjoni tal-Anness C.6 tar-replika fl-istadju tal-preżentata tagħha kinitx tardiva u, konsegwentement, inammissibbli, li ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem fid-dawl tal-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura.

58      Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

3)      Fuq ir-riferiment għall-Annessi C.7 u C.37 tar-replika

59      Il-Kummissjoni tallega li UPS, bi ksur tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, irreferiet, b’mod ġenerali, għad-dikjarazzjoni tagħha tal‑4 ta’ Lulju 2019 dwar is-sinerġiji (l-Anness C.7 tar-replika), fil-punti 90, 92 u 107 tar-replika, mingħajr ma ppreċiżat is-siltiet rilevanti li hija invokat. Hija ssostni l-istess argument kontra r-riferiment magħmul għall-punti 106 u 108 sa 110 tar-replika, b’mod allegatament mhux preċiż biżżejjed, għat-tieni rapport ta’ espert maħruġ minn FTI Consulting sabiex tevalwa tliet rapporti ta’ esperti prodotti mill-Kummissjoni bħala anness mad-difiża tagħha (iktar ’il quddiem it-“tieni rapport FTI”) (l-Anness C.37 tar-replika).

60      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-punti 90 sa 98 tar-replika fihom espożizzjoni ddettaljata u komprensiva tal-argumenti li permezz tagħhom UPS tikkonfuta l-ewwel rapport ta’ espert maħruġ minn Oxera sabiex jiġu evalwati s-sinerġiji li UPS kienet tispera li tikseb mill-akkwist ta’ TNT (iktar ’il quddiem l-“ewwel rapport Oxera”) (l-Anness B.7 tar-risposta) ippreżentat fid-dibattiti mill-Kummissjoni fl-istadju tar-risposta. Dan l-argument ta’ UPS huwa ssostanzjat u kkompletat fid-diversi dimensjonijiet tekniċi tiegħu mill-Anness C.7 tar-replika li fiha huma esposti l-metodi użati minn UPS sabiex jiġu evalwati ż-żidiet fl-effiċjenza. Kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, UPS ma evitatx l-obbligu tagħha li tesponi l-argumenti tagħha, b’mod sommarju, iżda ċar u preċiż, billi għamlet riferiment globali u impreċiż għall-Anness C.7 tar-replika jew billi ddevjat dak id-dokument mill-funzjoni purament probatorja u strumentali tiegħu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tallega li UPS kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

61      Fir-rigward tar-riferiment għat-tieni rapport FTI, (l-Anness C.37 tar-replika), għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-punti 108 sa 110 tar-replika jinkludu espożizzjoni fil-qosor, ċara u preċiża tal-argument li permezz tiegħu UPS tikkonfuta ż-żewġ rapporti ta’ esperti prodotti mill-Kummissjoni (l-ewwel rapport Oxera, fl-Anness B.7 tar-risposta, u l-ewwel rapport Schoutens, fl-Anness B.39 tal-imsemmija risposta). Għal raġunijiet analogi għal dawk li għadhom kif ġew esposti fir-rigward tar-riferiment għall-Anness C.7 tar-replika, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq ksur tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura ma hijiex fondata.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ilmenti tal-Kummissjoni bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura ma humiex fondati u għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda.

3.      Fuq il-ksur tal-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura

63      Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ diversi provi prodotti tardivament minn UPS, fatt li din tal-aħħar tikkontesta billi toġġezzjona min-naħa tagħha li ċerti provi prodotti tardivament fid-dibattiti mill-Kummissjoni huma inammissibbli.

64      Sabiex tingħata deċiżjoni dwar dawn l-ilmenti, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(f) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jinkludi l-provi u l-offerti ta’ prova, jekk ikun il-każ. Skont l-Artikolu 81(1) ta’ dawn ir-regoli, ir-risposta għandha tinkludi l-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll il-provi u l-offerti ta’ prova, jekk ikun il-każ.

65      L-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura jippreċiża li l-provi u l-offerti ta’ prova għandhom jiġu ppreżentati fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti. L-Artikolu 85(2) ta’ dawn l-istess regoli jżid li l-partijiet jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda insostenn tal-argumenti tagħhom anki fir-replika u fil-kontroreplika, bil-kundizzjoni li d-dewmien fil-produzzjoni tagħhom tkun iġġustifikata.

66      Minkejja li, skont ir-regola ta’ dekadenza prevista fl-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet għandhom jimmotivaw id-dewmien fil-produzzjoni tal-provi u l-offerti ta’ prova ġodda, il-qorti tal-Unjoni għandha s-setgħa tistħarreġ il-fondatezza tar-raġuni għad-dewmien fil-produzzjoni ta’ dawn il-provi u l-offerti ta’ prova u, skont il-każ, il-kontenut ta’ dawn tal-aħħar u għandha wkoll, jekk din il-preżentata tardiva ma tkunx iġġustifikata suffiċjentement sal-punt rikjest mil-liġi jew fondata, is-setgħa li tiċħadhom. Il-produzzjoni tardiva, minn parti, ta’ provi u l-offerti ta’ prova tista’, b’mod partikolari, tkun iġġustifikata mill-fatt li din il-parti seta’ ma kellhiex preċedentement il-provi inkwistjoni jew jekk il-produzzjoni tardiva tal-kontroparti tiġġustifika li l-proċess jiġi kkompletat, b’mod li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju (sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2020, BP vs FRA, C‑669/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:713, punt 41).

a)      Fuq l-ammissibbiltà tal-Annessi C.6, C.7 u C.37 tar-replika

67      Il-Kummissjoni tallega li UPS ipproduċiet l-Annessi C.6, C.7 u C.37 tar-replika bl-għan waħdieni li tirrimedja l-lakuni tar-rikors. Tali produzzjoni tardiva u mhux iġġustifikata għandha twassal għall-inammissibbiltà ta’ dawn l-annessi skont l-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura.

68      Madankollu, kif ġie kkonstatat preċedentement, mill-punt 82 tar-replika jirriżulta li l-Anness C.6 tar-replika ġie prodott sabiex jikkonfuta l-argument tal-Kummissjoni fil-punt 47 tar-risposta, li jiddikjara li UPS ma indirizzatx il-kwistjoni taż-żidiet fl-effiċjenza fil-formola CO. L-Anness C.7 tar-replika huwa intiż sabiex jikkonfuta l-ewwel rapport Oxera (l-Anness B.7 tar-risposta) prodott mill-Kummissjoni. It-tieni rapport FTI (l-Anness C.37 tar-replika) huwa intiż li jinvalida żewġ rapporti oħra tal-esperti prodotti mill-Kummissjoni (l-ewwel rapport Oxera, fl-Anness B.7 tar-risposta, u l-ewwel rapport Schoutens, fl-Anness B.39 tal-imsemmija risposta).

69      Issa, il-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-offerti ta’ prova prodotti wara prova kuntrarja mill-kontroparti fir-risposta ma humiex koperti mir-regola ta’ dekadenza, prevista fl-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 72, u d-digriet tal‑21 ta’ Mejju 2019, Le Pen vs Il-Parlament, C‑525/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:435, punt 48).

70      Konsegwentement, l-Annessi C.6, C.7 u C.37 ma jistgħux jitqiesu bħala inammissibbli skont l-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

b)      Fuq l-ammissibbiltà tar-rapporti tal-espert fl-ekonometrija prodotti mill-Kummissjoni

71      Bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, UPS tikkontesta l-ammissibbiltà taż-żewġ rapporti ta’ espert fl-ekonometrija prodotti mill-Kummissjoni fl-anness tal-kontroreplika (l-Annessi D.5 u D.6 tal-kontroreplika). UPS issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni pproduċiet dawn ir-rapporti tardivament u mingħajr ġustifikazzjoni.

72      Il-Kummissjoni ssostni li dawn iż-żewġ rapporti huma ammissibbli.

73      Madankollu, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 81(1) u l-Artikolu 85(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-motivi u l-argumenti kif ukoll il-provi u l-offerti ta’ prova għandhom, bħala prinċipju, jiġu fformulati fir-risposta, peress li l-konvenut għandu jimmotiva d-dewmien fil-produzzjoni ta’ provi u ta’ offerti ta’ prova ġodda, taħt piena li dawn jiġu miċħuda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2007, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, T‑310/06, EU:T:2007:343, punt 164 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      F’dan il-każ, il-Kummissjoni pproduċiet, fl-istadju tal-kontroreplika, iż-żewġ rapporti ta’ ekonomist, bid-data tas‑16 ta’ Ottubru 2019, jiġifieri wara l-preżentata tar-risposta. Il-Kummissjoni pproduċiet dawn ir-rapporti sabiex issostni r-risposta tagħha għal motivi u argumenti żviluppati, mhux fir-replika, iżda fir-rikors.

75      Fil-fatt, il-Kummissjoni, fil-punti 26 u 27 tal-kontroreplika, iddikjarat li hija kellha l-intenzjoni twieġeb għall-argument żviluppat minn UPS fil-punti 35 u 36 tar-rikors, li permezz tiegħu din tal-aħħar essenzjalment qajmet il-kwistjoni dwar jekk id-differenza fin-natura bejn il-varjabbli ta’ konċentrazzjoni użata fl-istadju tal-istima u dik użata fl-istadju tal-previżjoni kinitx aċċettabbli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-operazzjoni ppjanata. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni, essenzjalment, ressqet żewġ argumenti. L-ewwel wieħed, imsemmi fil-punti 28 sa 50 tal-kontroreplika, jikkonsisti fl-allegazzjoni li ebda wieħed mill-mudelli ekonometriċi suċċessivament proposti minn UPS matul il-proċedura amministrattiva ma kien aċċettabbli. Sabiex issostni dan l-argument, il-Kummissjoni pproduċiet l-ewwel rapport ta’ dan l-espert (l-Anness D.5 tal-kontroreplika). Permezz tat-tieni argument, espost fil-punti 39 sa 41 tal-kontroreplika, il-Kummissjoni tiddikjara li l-mudell li hija waslet li tadotta kien iġġustifikat u raġonevoli fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-operazzjoni ppjanata. Insostenn ta’ dan l-argument, il-Kummissjoni tinvoka t-tieni rapport ta’ dan l-espert (l-Anness D.6 tal-kontroreplika).

76      Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument tal-Kummissjoni ma huwiex differenti b’mod sinjifikattiv minn dak espost fil-punti 21 sa 31 tar-risposta.

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ammess li ż-żewġ rapporti tal-espert ingaġġat mill-Kummissjoni (l-Anness D.5 u D.6 tal-kontroreplika) ġew prodotti tardivament, mingħajr ma l-Kummissjoni tiġġustifika dan id-dewmien fil-kontroreplika. Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn ir-rapporti huma inammissibbli.

78      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ddikjarat li, għalkemm idealment dawn iż-żewġ rapporti kellhom jiġu ppreżentati fl-istadju tar-risposta, dawn kienu jikkostitwixxu biss konfutazzjoni tar-rapporti tal-esperti ta’ UPS (l-Anness A.8 u A.9 tal-kontroreplika), kif ukoll tal-opinjonijiet addizzjonali tagħhom (l-Annessi C.1 u C.2 tal-kontroreplika). Il-Kummissjoni żiedet li, peress li UPS setgħet tieħu pożizzjoni bil-miktub fuq l-ammissibbiltà kif ukoll fuq il-mertu tar-rapporti tal-espert tagħha, wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura meħuda mill-Qorti Ġenerali, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ dawn ir-rapporti ma tqumx iktar.

79      Madankollu, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, ir-rapporti ta’ esperti li hija pproduċiet ma humiex intiżi li jwieġbu b’mod speċifiku għaż-żewġ opinjonijiet addizzjonali ta’ esperti prodotti minn UPS fl-istadju tar-replika (Annessi C.1 u C.2 tar-replika). Barra minn hekk, il-fatt li l-Qorti Ġenerali, f’dan il-każ, stiednet lil UPS tieħu pożizzjoni bil-miktub dwar l-ammissibbiltà u s-sustanza tal-ewwel rapport tal-espert tal-Kummissjoni ma jfissirx li dan ir-rapport huwa ammissibbli. Fil-fatt, skont l-Artikolu 85(4) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa bla ħsara għad-deċiżjoni li għandha tingħata mill-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà tal-provi prodotti tardivament li l-partijiet l-oħra tqiegħdu f’pożizzjoni li jieħdu pożizzjoni dwarhom.

80      Peress li l-argument ta’ UPS huwa fondat, hemm lok li jiġu ddikjarati inammissibbli r-rapporti ppreżentati fid-dibattiti mill-Kummissjoni (l-Annessi D.5 u D.6 tal-kontroreplika) minħabba l-produzzjoni tardiva u inġustifikata tagħhom.

B.      Fuq il-mertu

1.      Fuq il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni

81      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

82      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea jippreżupponi li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri li d-dispożizzjoni legali miksura jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi u li l-ksur ikun suffiċjentement serju, li r-realtà tad-dannu tiġi stabbilita u, fl-aħħar nett, li teżisti rabta kawżali diretta bejn il-ksur tal-obbligu li għandu l-awtur tal-att u d-dannu subit mill-persuni leżi (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, L-Unjoni Ewropea vs Kendrion, C‑150/17 P, EU:C:2018:1014, punt 117; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punti 39 sa 42). In-natura kumulattiva ta’ dawn il-kundizzjonijiet timplika li, malli waħda minnhom ma tkunx issodisfatta, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma tistax tiġi stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punti 63 u 64, u tal‑15 ta’ Ġunju 2000, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑237/98 P, EU:C:2000:321, punt 54).

83      Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi huwa stabbilit meta dan jimplika ksur manifest u serju mill-istituzzjoni kkonċernata tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha, premess li l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma, b’mod partikolari, il-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tad-dispożizzjoni miksura, kif ukoll il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li r-regola miksura tħalli lill-istituzzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ April 2007, Holcim(Deutschland) vs Il-Kummissjoni, C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punt 50, u tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 30).

84      Ir-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni jirriżulta mill-ħtieġa ta’ bbilanċjar bejn, minn naħa, il-protezzjoni tal-individwi kontra l-aġir illegali tal-istituzzjonijiet u, min-naħa l-oħra, il-marġni ta’ manuvra li għandu jiġi rrikonoxxut lil dawn tal-aħħar sabiex ma jipparalizzawx l-azzjoni tagħhom (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 34).

85      Dan l-ibbilanċjar jirriżulta iktar u iktar importanti peress li l-Kummissjoni hija msejħa tiddefinixxi u timplimenta l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni u għandha għal dan il-għan setgħa diskrezzjonali (sentenza tat‑23 ta’ April 2009, AEPI vs Il-Kummissjoni, C‑425/07 P, EU:C:2009:253, punt 31).

86      Huwa minnu li l-faċilitazzjoni tal-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni permezz ta’ twessiegħ tal-kunċett ta’ ksur serju tad-dritt tal-Unjoni għal kull nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu legali, li, ikun kemm ikun ta’ dispjaċir, jista’ jiġi spjegat, b’mod partikolari mir-restrizzjonijiet oġġettivi imposti fuq il-Kummissjoni, ġġib magħha riskju li tikkomprometti, jew saħansitra tinibixxi, l-azzjoni ta’ din l-istituzzjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Madankollu, dritt għal kumpens għandu jkun miftuħ għal persuni li jkunu ġarrbu danni li jirriżultaw mill-aġir tal-Kummissjoni meta dan jirriżulta f’att li, mingħajr ġustifikazzjoni jew spjegazzjoni oġġettiva, ikun manifestament kuntrarju għad-dispożizzjoni legali u jippreġudika serjament l-interessi ta’ dawn il-persuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, T‑351/03, EU:T:2007:212, punti 123 u 124, u tad‑9 ta’ Settembru 2008, MyTravel vs Il-Kummissjoni, T‑212/03, EU:T:2008:315, punti 42 u 43).

87      Tali definizzjoni tal-limitu tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni hija ta’ natura li tipproteġi l-marġni ta’ manuvra u l-libertà ta’ evalwazzjoni li għandha tibbenefika minnhom il-Kummissjoni, kemm fid-deċiżjonijiet diskrezzjonali tagħha kif ukoll fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, mingħajr madankollu ma tħalli lil terzi jerfgħu l-oneru tal-konsegwenzi ta’ nuqqasijiet flagranti u mhux skużabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, T‑351/03, EU:T:2007:212, punt 125).

88      B’hekk, hija biss il-konstatazzjoni ta’ irregolarità li, f’ċirkustanzi analogi, ma kinitx titwettaq minn amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 43).

2.      Fuq l-illegalitajiet allegati

89      UPS issostni li d-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tagħha huma vvizzjati b’diversi illegalitajiet li jikkostitwixxu ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni kisret id-drittijiet proċedurali ta’ UPS, kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u wettqet żbalji dwar l-evalwazzjoni tal-mertu tal-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, l-ewwel, billi injorat il-metodi ekonometriċi konvenzjonali għall-analiżi tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet, it-tieni, billi eżaminat il-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn FedEx b’mod statiku u, it-tielet, billi evalwat b’mod inadegwat iż-żidiet fl-effiċjenza.

90      Għandhom jiġu eżaminati suċċessivament l-allegazzjonijiet dwar il-ksur tad-drittijiet proċedurali ta’ UPS, dwar il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u dwar il-validità tal-evalwazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża.

a)      Fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali ta’ UPS

91      Insostenn tal-illegalità dwar il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha, UPS tallega fil-konfront tal-Kummissjoni, l-ewwel, l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-mudell ekonometriku adottat, it-tieni, l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni taż-żidiet fl-effiċjenza u, it-tielet, l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ ċerti dokumenti kunfidenzjali ta’ FedEx.

1)      Fuq l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-mudell ekonometriku adottat

92      UPS issostni li l-Qorti Ġenerali, u sussegwentement il-Qorti tal-Ġustizzja, diġà ddeċidew li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha meta ma kkomunikatilhiex il-verżjoni finali tal-mudell ekonometriku li serva sabiex tanalizza l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet. Dan huwa ksur manifest u serju ta’ dispożizzjoni legali intiża sabiex tagħti drittijiet lill-individwi, li ma jistax jiġi ġġustifikat la minn limitazzjonijiet ratione temporis u lanqas mill-kumplessità tal-kawża.

93      Il-Kummissjoni ssostni li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ UPS ma jistax jiġi kklassifikat bħala ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl, minn naħa, tan-nuqqas ta’ ċarezza tad-dritt tal-Unjoni fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-obbligu impost fuqha li tikkomunika l-verżjoni finali tal-mudell ekonometriku u, min-naħa l-oħra, tal-eżistenza ta’ limitazzjonijiet ratione temporis fl-evalwazzjoni tal-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ppjanata.

94      Għandu jitfakkar li l-illegalità allegata minn UPS diġà ġiet definittivament stabbilita. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża fl-intier tagħha, minħabba li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ UPS billi ma kkomunikatilhiex il-verżjoni finali tal-mudell ekonometriku tagħha (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni, T‑194/13, EU:T:2017:144, punti 221 u 222). Din is-sentenza kisbet l-awtorità ta’ res judicata wara ċ-ċaħda tal-appell tal-Kummissjoni permezz tas-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service (C‑265/17 P, EU:C:2019:23).

95      Ma huwiex ikkontestat li l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, jaqa’ taħt il-kategorija ta’ dispożizzjonijiet legali intiżi sabiex jagħtu drittijiet lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Schneider Electric, C‑440/07 P, EU:C:2009:459, punt 162).

96      Għall-kuntrarju, il-partijiet ma jaqblux fuq il-punt dwar jekk il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ UPS huwiex suffiċjentement serju sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

97      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li huwa applikabbli meta l-amministrazzjoni tipproponi li tadotta, fil-konfront ta’ persuna, att li jikkawżalha preġudizzju (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 28).

98      Fir-rigward tal-proċeduri għall-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, dan il-prinċipju huwa stabbilit fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 139/2004 kif ukoll, b’mod iktar preċiż, fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 802/2004. Dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jeżiġu b’mod partikolari l-komunikazzjoni bil-miktub tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni lill-partijiet li kkomunikaw konċentrazzjoni, b’indikazzjoni lil dawn tal-aħħar tat-terminu li fih huma jistgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom bil-miktub (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 29).

99      Dawn id-dispożizzjonijiet huma kkompletati b’dawk dwar l-aċċess għall-fajl, li jikkostitwixxi l-korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Għalhekk, mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 139/2004 u mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 802/2004 jirriżulta li l-aċċess għall-fajl huwa miftuħ għall-partijiet direttament ikkonċernati, wara l-komunikazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bla ħsara, b’mod partikolari, għall-interess leġittimu tal-impriżi li s-sigrieti kummerċjali tagħhom ma jiġux żvelati, premess li dan l-aċċess għad-dokumenti la jestendi għall-informazzjoni kunfidenzjali u lanqas għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 30).

100    Sabiex jiġu analizzati b’mod prospettiv l-effetti ta’ konċentrazzjoni fuq il-fatturi li jiddeterminaw l-istat tal-kompetizzjoni fis-swieq effettwati, l-użu ta’ mudelli ekonometriċi jippermetti li tinftiehem aħjar l-operazzjoni ppjanata billi jiġu identifikati u, jekk ikun il-każ, ikkwantifikati ċerti effetti tagħha, u b’hekk jikkontribwixxi għall-kwalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Għalhekk huwa neċessarju li, meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq tali mudelli, il-partijiet li jkunu kkomunikaw konċentrazzjoni jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 33).

101    L-iżvelar ta’ dawn il-mudelli u tal-għażliet metodoloġiċi sottostanti t-tfassil tagħhom huwa iktar u iktar neċessarju peress li jikkontribwixxi sabiex jagħti lill-proċedura n-natura ekwa tagħha, konformement mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service, C-265/17 P, EU:C:2019:23, punt 34).

102    Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet jeħtieġ għalhekk li l-partijiet li jkunu kkomunikaw konċentrazzjoni jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu b’mod utli l-opinjoni tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-elementi kollha li fuqhom il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 31).

103    Il-Kummissjoni ma tistax timmodifika, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, is-sustanza ta’ mudell ekonometriku li fuq il-bażi tiegħu hija jkollha l-intenzjoni tibbaża l-oġġezzjonijiet tagħha mingħajr ma tgħarraf b’din il-modifika lill-impriżi kkonċernati u tippermettilhom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tkun tmur kontra l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 139/2004 li, minn naħa, jeżiġu li l-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq l-oġġezzjonijiet li dwarhom l-impriżi kkonċernati setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, jipprovdu għal dritt ta’ aċċess għall-fajl miftuħ mill-inqas għall-partijiet direttament ikkonċernati. Huwa wkoll eskluż li tali elementi jistgħu jiġu kklassifikati bħala dokumenti interni fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 802/2004 (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 37).

104    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kienet obbligata, qabel ma tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża, li tgħarraf lil UPS bil-modifiki li saru lill-mudell ekonometriku użat sabiex tevalwa l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet. Dan l-obbligu jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 139/2004, li jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tifformula b’mod suffiċjentement ċar u preċiż l-ilmenti tagħha sabiex tiżgura lill-parti li tkun ikkomunikat konċentrazzjoni, il-possibbiltà li tinstema’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fir-rigward ta’ dan il-punt, il-Kummissjoni kellha marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jekk mhux ineżistenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Schneider Electric, C‑440/07 P, EU:C:2009:459, punt 166). Dawn il-kunsiderazzjonijiet juru li, billi naqset milli tikkomunika l-mudell ekonometriku tagħha lil UPS, il-Kummissjoni kisret b’mod manifest u serju l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha.

105    Il-Kummissjoni tqis madankollu li dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża u tressaq, f’dan ir-rigward, żewġ argumenti.

106    L-ewwel argument jikkonsisti fuq l-allegazzjoni li, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-ġurisprudenza kienet għadha ma ġietx stabbilita b’mod ċar dwar l-obbligu li jiġu kkomunikati l-mudelli ekonometriċi.

107    Għandu jitfakkar li d-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni rilevanti fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ att sussegwentement ikkontestat sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-aġir tal-istituzzjoni kkonċernata sabiex jiġi ddeterminat jekk hija wettqitx ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni. Dawn il-parametri kollha jirrigwardaw id-data li fiha d-deċiżjoni jew l-aġir ikunu ġew adottati minn din l-istituzzjoni. Minn dan isegwi li l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni għandha neċessarjament tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom aġixxiet l-istituzzjoni f’din id-data speċifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punti 44 u 46).

108    Huwa minnu li s-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144), hija l-ewwel waħda li eżaminat il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx tibbaża ruħha fuq mudell ekonometriku mingħajr ma qabel tat lill-impriża li kkomunikat konċentrazzjoni l-possibbiltà li tinstema’ fuq modifiki magħmula għal dan il-mudell. Madankollu, il-ġurisprudenza dwar ir-rispett tal-prinċipju ta’ drittijiet tad-difiża u ta’ dritt għal smigħ diġà kienet abbundanti qabel ma ngħatat din is-sentenza. Għalhekk, f’kuntest leġiżlattiv u fattwali differenti minn dak ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali kienu diġà kkunsidraw, essenzjalment, li l-Kummissjoni, billi bbażat ruħha fuq rapport li hija kienet emendat fuq inizjattiva tagħha stess, mingħajr ma ħadet ħsieb li tinvestiga mal-impriża kkonċernata l-impatt possibbli tal-intervent unilaterali tagħha fuq l-affidabbiltà tal-informazzjoni li din tal-aħħar kienet ipprovditilha, kienet wettqet ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs Fresh Marine, C‑472/00 P, EU:C:2003:399, punt 30, u tal-24 ta’ Ottubru 2000, Fresh Marine vs Il-Kummissjoni, T‑178/98, EU:T:2000:240, punti 80 sa 82).

109    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat il-kliem li permezz tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni kontra l-motivi tas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144), li wasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża minħabba l-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ UPS. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fid-dawl tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, il-kwistjoni dwar jekk l-assenza ta’ komunikazzjoni lill-partijiet f’operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ta’ mudell ekonometriku kinitx tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tiddependix mill-klassifikazzjoni minn qabel ta’ dan il-mudell bħala att inkriminanti jew bħala att skaġunanti. Fid-dawl tal-importanza tad-disinni ekonometriċi għall-analiżi prospettiva tal-effetti ta’ konċentrazzjoni, iż-żieda tal-livell probatorju meħtieġ sabiex tiġi annullata deċiżjoni minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża li jwassal, bħal f’din il-kawża, għall-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ għażliet metodoloġiċi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ tekniki statistikali, li huma inerenti għal dawn il-mudelli, kif issostni essenzjalment il-Kummissjoni, tmur kontra l-għan li din tiġi mħeġġa turi trasparenza fit-tfassil ta’ mudelli ekonometriċi użati fi proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet u tikkomprometti l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju sussegwenti tad-deċiżjonijiet tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punti 54 u 55).

110    Għaldaqstant, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service (C‑265/17 P, EU:C:2019:23), ma tippermettix li jitqies li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, kienet teżisti inċertezza dwar l-interpretazzjoni kemm tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 139/2004, kif ukoll tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn ksur tad-drittijiet tad-difiża li jirriżultaw min-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ mudell ekonometriku bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża.

111    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tiġi miċħuda l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ UPS għandu jitqies li huwa skużabbli minħabba allegat nuqqas ta’ ċarezza tad-dritt tal-Unjoni fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

112    It-tieni argument tal-Kummissjoni jikkonsisti fl-allegazzjoni li, fid-dawl tal-limitazzjoni ratione temporis li biha hija kellha tevalwa fil-kumplessità kollha tagħha l-operazzjoni bejn UPS u TNT, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ UPS ma jistax jitqies li huwa ksur suffiċjentement serju. Skont il-Kummissjoni, dawn il-limitazzjonijiet ratione temporis ma jistgħux jiġu mminimizzati. Kien biss xahrejn qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża li l-Kummissjoni adottat emendi addizzjonali għall-mudell ekonometriku. Matul dawn ix-xahrejn, hija kellha tanalizza r-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (346 paġna), torganizza laqgħat ta’ informazzjoni, tikkomunika l-konklużjonijiet provviżorji tagħha lil UPS u tevalwa l-proposti ta’ impenji tagħha, tikkonsulta lill-Istati Membri u tirrediġi d-deċiżjoni kontenzjuża (450 paġna), u dan minkejja li UPS kienet ippreżentat l-analiżi tagħha tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet fi stadju tardiv tal-proċedura.

113    Ċertament, hija l-Kummissjoni li għandha tirrikonċilja r-rekwiżit ta’ ħeffa li jikkaratterizza l-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 139/2004 mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 38).

114    Madankollu, fir-rigward taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, diġà ġie deċiż li l-verżjoni finali tal-mudell ekonometriku kienet ġiet adottata fil‑21 ta’ Novembru 2012, jiġifieri iktar minn xahrejn qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Għalkemm mhux negliġibbli, dawn il-modifiki ma ġewx ikkomunikati lil UPS. Il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda informazzjoni dwar il-motivi konkreti li minħabba fihom kien prattikament impossibbli għaliha, f’dik id-data, li tikkonċedi lil UPS terminu qasir bil-għan li din tal-aħħar tifformula l-osservazzjonijiet dwar l-imsemmija emendi (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punti 41 u 42), filwaqt li l-komunikazzjoni tal-emenda magħmula għall-mudell ekonometriku ma kienet tinvolvi ebda diffikultà teknika jew amministrattiva u li għaldaqstant il-Kummissjoni kellha għalhekk żmien biżżejjed sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża wara li semgħet lil UPS.

115    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ limitazzjonijiet ratione temporis imressqa mill-Kummissjoni ma hijiex fondata.

116    Madankollu, il-Kummissjoni toġġezzjona li, fid-dawl tal-kuntest li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kontenzjuża, l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-aħħar emendi magħmula għall-mudell ekonometriku ma tippermettix li jiġi konkluż li jeżisti ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni. Hija ssostni li l-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet fid-deċiżjoni kontenzjuża kienet ir-riżultat ta’ proċess frekwenti ta’ djalogu ma’ UPS, li huwa ta’ natura li jnaqqas l-iżball imwettaq. Wara li kkunsidrat is-suġġerimenti ta’ UPS, il-Kummissjoni finalment iddeċidiet li tuża l-iktar mudell xieraq, għar-raġunijiet esposti fil-premessi 727 sa 740 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

117    Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-illegalità mwettqa mill-Kummissjoni tistax twassal għar-responsabbiltà tal-Unjoni, għandu jiġi enfasizzat, minbarra l-importanza partikolari li għandhom il-garanziji fundamentali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li l-bażijiet metodoloġiċi li fuqhom huma bbażati l-mudelli ekonometriċi użati għall-analiżi prospettiva ta’ konċentrazzjoni għandhom ikunu kemm jista’ jkun oġġettivi sabiex ma jippreġudikawx, f’sens jew ieħor, l-eżitu ta’ din l-analiżi. Għaldaqstant, dawn l-elementi jikkontribwixxu għall-imparzjalità u għall-kwalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, li fuqhom tiddependi, fl-aħħar mill-aħħar, il-fiduċja li l-pubbliku u l-impriżi jqiegħdu fil-leġittimità tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 53).

118    Billi injorat b’dan il-mod restrizzjoni proċedurali madankollu intiża sabiex tiggarantixxi l-leġittimità tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni, kif ukoll in-natura ekwa tagħha, il-Kummissjoni qiegħdet ukoll lil UPS f’sitwazzjoni li ma kinitx tippermettilha tifhem parti mill-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża.

119    Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża ma huwiex suffiċjentement serju, minħabba li UPS kienet f’pożizzjoni li tifhem l-emendi magħmula fil-verżjoni finali tal-mudell ekonometriku minħabba d-diskussjonijiet li ppreċedew ir-redazzjoni tiegħu, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet b’mod definittiv li, jekk kienu jeżistu diversi somiljanzi bejn il-mudell ekonometriku finali u dawk diskussi preċedentement, l-emendi magħmula ma kinux negliġibbli u li, fl-ebda mument tal-proċedura amministrattiva, ma kien suġġett għal diskussjonijiet frekwenti, l-użu ta’ varjabbli differenti ta’ konċentrazzjoni fl-istadji differenti tal-analiżi (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni, T‑194/13, EU:T:2017:144, punti 204 sa 209).

120    Fil-fatt, kien biss fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144), li UPS setgħet issir taf, wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ April 2016, bil-modifiki li saru għall-mudell ekonometriku fil-verżjoni finali tiegħu.

121    Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża huwa mnaqqas miċ-ċirkustanza li r-redazzjoni tal-mudell ekonometriku kien preċedut minn diversi skambji ma’ UPS huwa infondat.

122    Peress li ma kisbitx il-komunikazzjoni tal-verżjoni finali tal-mudell ekonometriku, UPS b’hekk ġiet imċaħħda minn informazzjoni li, kieku ġiet trażmessa lilha fi żmien xieraq, setgħet tippermettilha li ssostni riżultati differenti tal-effetti tal-operazzjoni fuq il-prezzijiet, li setgħu jwasslu għal kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-portata tal-informazzjoni kwalitattiva meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni u, għaldaqstant, għal tnaqqis fin-numru ta’ Stati li jippreżentaw ostaklu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni, T‑194/13, EU:T:2017:144, punt 218). Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ UPS huwa manifest u serju.

123    Għalhekk, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ UPS jikkostitwixxi, min-naħa tal-Kummissjoni, ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

2)      Fuq l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni taż-żidiet fl-effiċjenza

124    Filwaqt li jaqblu li l-oneru tal-prova ta’ żidiet fl-effiċjenza jaqa’ fuq il-parti li tkun ikkomunikat konċentrazzjoni, UPS tqis li l-Kummissjoni hija obbligata li tiddefinixxi, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, il-limitu probatorju li hija teżiġi sabiex iż-żidiet allegati jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala verifikabbli fis-sens tal-Linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu ta’ l-għaqdiet orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-intrapriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 10, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”). Mingħajr l-iżvelar minn qabel ta’ dawn il-kriterji, il-Kummissjoni jkollha setgħa arbitrarja li tippermettilha taċċetta jew tiċħad iż-żidiet allegati fl-effiċjenza, filwaqt li l-parti li tkun ikkomunikat konċentrazzjoni jew il-qorti tal-Unjoni ma jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw l-ebda stħarriġ. Il-Kummissjoni setgħet tispjega fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew tal-espożizzjoni tal-fatti, li kkompletat din id-dikjarazzjoni, skont il-punt 111 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiċi għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE (ĠU 2011, C 308, p. 6), ir-raġunijiet li għalihom hija kellha l-intenzjoni taċċetta ċerti żidiet fl-effiċjenza u tiċħad oħrajn. Madankollu, skont UPS, hija ma għamlitx dan.

125    B’konformità ma’ dak li diġà ġie deċiż fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-mudell ekonometriku, UPS issostni li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni taż-żidiet fl-effiċjenza wassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Il-Kummissjoni hija obbligata li tesponi l-oġġezzjonijiet tagħha dwar in-natura verifikabbli taż-żidiet allegati fl-effiċjenza u li tagħti lill-partijiet li kkomunikaw konċentrazzjoni l-possibbiltà li jifformulaw osservazzjonijiet f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni kisret dan l-obbligu, u b’hekk qegħditha f’impossibbiltà li turi l-eżistenza ta’ żidiet fl-effiċjenza.

126    Barra minn hekk, minkejja li pproduċiet, mal-preżentata tal-formola ta’ komunikazzjoni, diversi provi taż-żidiet fl-effiċjenza, il-Kummissjoni sempliċement ċaħdithom bħala insuffiċjenti, mingħajr ma għamlet talba għal informazzjoni. Huwa biss fi tmiem il-proċedura amministrattiva li l-Kummissjoni pprovat tiftaħ djalogu limitat magħha fir-rigward taż-żidiet fl-effiċjenza. Madankollu, ma tantx huwa plawżibbli li l-Kummissjoni kellha ż-żmien li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi pprovduti fl-aħħar data minnha, fl‑20 ta’ Novembru 2012, fid-dawl tal-pożizzjoni li hija ħadet waqt il-laqgħa ta’ aġġornament tal-istess jum.

127    Fl-aħħar nett, huwa biss fl-istadju tal-proċedura kontenzjuża fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144), li UPS tqis li kienet f’pożizzjoni li tidħol f’dibattitu fuq il-mertu fir-rigward ta’ dan il-punt mal-Kummissjoni.

128    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

129    Għandu jitfakkar li, sabiex tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni għandha tipprova, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004, li l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni kkomunikata tostakola b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑342/07, EU:T:2010:280, punt 26).

130    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni mas-suq intern għandhom ikunu sostnuti minn elementi suffiċjentement sinjifikattivi u konkordanti. B’hekk, meta l-Kummissjoni tqis li operazzjoni ta’ konċentrazzjoni għandha tiġi pprojbita, hija għandha tipproduċi provi sodi insostenn ta’ tali konklużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 50, u tas‑6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il-Kummissjoni, T‑342/99, EU:T:2002:146, punt 63).

131    F’dan il-kuntest, il-kwalità tal-provi prodotti mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi n-neċessità ta’ deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern hija partikolarment importanti. Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni għandha tikkonforma ruħha ma’ rekwiżiti ta’ provi iktar għoljin fil-qasam ta’ deċiżjonijiet li jipprojbixxu konċentrazzjonijiet, milli fir-rigward ta’ deċiżjoni li tapprova tali konċentrazzjonijiet. Fil-fatt, il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 130 iktar ’il fuq tirrifletti sempliċement il-funzjoni essenzjali tal-prova, li hija li tikkonvinċi l-fondatezza ta’ teorija jew, bħal fil-qasam tal-kontroll tat-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni, li ssaħħaħ l-evalwazzjonijiet li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-kumplessità intrinsika ta’ teorija ta’ ostakolu għall-kompetizzjoni mressqa fir-rigward ta’ tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni kkomunikata tikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-plawżibbiltà tad-diversi konsegwenzi ta’ din l-operazzjoni, sabiex tiġi identifikata dik li hija l-iktar probabbli, iżda tali kumplessità, ma għandhiex, fiha nnifisha, influwenza fuq il-livell ta’ prova meħtieġ (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punti 50 u 51).

132    Ir-regolament Nru 139/2004 ma fih ebda dispożizzjoni dwar iż-żidiet fl-effiċjenza. Il-premessa 29 tagħha tindika madankollu dan li ġej:

“Sabiex ikun determinat l-impatt ta’ konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni fis-suq komuni, huwa xieraq li jkunu kunsidrati l-effiċjenzi sostanzjati u probabbli li jkunu imqajma mill-impriżi konċernati. Jista’ jkun li l-effiċjenzi li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni jpattu għall-effetti fuq il-kompetizzjoni, u b’mod partikolari, l-ħsara potenzali għall-konsumaturi, li jista’ jkollha din il-konċentrazzjoni. Jista’ jkun li minħabba f’hekk il-konċentrazzjoni ma tfixkilx b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari b’riżultat tal-ħolqien jew tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti. Il-Kummissjoni għandha tippubblika gwida dwar il-kundizzjonijiet li fuqhom hi tista’ tikkunsidra effiċjenzi meta tkun qiegħda tagħmel stima ta’ konċentrazzjoni.”

133    Il-linji gwida tal-Kummissjoni msemmija fil-premessa 29 tar-Regolament Nru 139/2004 huma ppreżentati fil-paragrafi 76 sa 88 tal-linji gwida.

134    Mill-paragrafi 76 u 77 tal-linji gwida jirriżulta li huwa possibbli li ż-żidiet fl-effiċjenza jikkumpensaw għall-effetti dannużi tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni tista’ b’hekk tiddeċiedi li ma hemmx lok li konċentrazzjoni tiġi ddikjarata inkompatibbli meta din l-istituzzjoni tkun f’pożizzjoni li tikkonkludi, abbażi ta’ provi suffiċjenti, li ż-żidiet fl-effiċjenza ġġenerati mill-operazzjoni jkunu kapaċi jżidu l-kapaċità u l-inċentivazzjoni tal-entità li tirriżulta mill-operazzjoni sabiex tadotta aġir favorevoli għall-kompetizzjoni għall-benefiċċju tal-konsumaturi.

135    Sabiex isir dan, mill-paragrafu 78 tal-linji gwida jirriżulta li tliet kundizzjonijiet kumulattivi għandhom jiġu ssodisfatti: dawn iż-żidiet għandhom, l-ewwel, ikunu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi, it-tieni, ikunu speċifiċi għall-konċentrazzjoni u, it-tielet, ikunu verifikabbli.

136    Il-kundizzjoni dwar in-natura verifikabbli taż-żidiet fl-effiċjenza hija s-suġġett tal-iżviluppi fil-paragrafi 86 sa 88 tal-linji gwida. Mill-paragrafu 86 ta’ dawn il-linji gwida jirriżulta li l-għan ta’ din il-kundizzjoni huwa li l-Kummissjoni tkun tista’ “tkun ċerta b’mod raġonevoli li l-effiċjenzi x’aktarx ħa jimmaterjalizzaw, u ħa jkunu biżżejjed sostanzjali biex jirribattu l-ħsara potenzali ta’ l-għaqda lill-konsumaturi”. L-imsemmi paragrafu jindika li l-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa aħjar l-argumenti bbażati fuq iż-żidiet fl-effiċjenza meta dawn l-argumenti jkunu preċiżi u konvinċenti. F’dan ir-rigward, dan jippreċiża li, sa fejn huwa possibbli, iż-żidiet fl-effiċjenza u l-benefiċċju riżultanti għall-konsumaturi għandhom jiġu “kkwantifikati” u li, “[m]eta d-data neċessarja mhix disponibbli biex ikun hemm analiżi kwantitattiva li hija preċiża, irid ikun possibbli li jkun previst impatt pożittiv fuq il-konsumaturi li huwa identifikabbli b’mod ċar u mhux b’mod marġinali”.

137    Fl-aħħar nett, il-kwistjoni tal-oneru tal-prova u d-deskrizzjoni tal-provi utli għall-evalwazzjoni taż-żidiet fl-effiċjenza huma s-suġġett tal-paragrafi 87 u 88 tal-Linji Gwida, li huma fformulati kif ġej:

“87. Ħafna mill-informazzjoni, li tħalli lill-Kummissjoni tagħmel stima jekk l-għaqda ħa ġġib magħha x-xorti ta’ effiċjenzi li jħalluha tneħħi l-għaqda, tkun biss fil-pusssess tal-partijiet magħquda. Huwa, għalhekk, obbligu fuq il-partijiet li ġew innotifikati biex jipprovdu fi żmien propizju l-informazzjoni rilevanti kollha li hija neċessarja biex juru li l-effiċjenzi li ġew pretiżi huma speċifiċi għall-għaqda u probabbilment li ħa jseħħu. Bl-istess mod, il-partijiet li ġew innotifikati għandhom juru sa liema punt l-effiċjenzi x’aktarx ħa jirribattu l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni li kieku jistgħu jirriżultaw mill-għaqda, u allura jkunu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi.

88. Evidenzi rilevanti għall-istima tal-pretensjonijiet tal-effiċjenzi jinkludu, b’mod partikolari, dokumenti interni li ġew użati mill-amministrazzjoni biex tiddeċiedi fuq l-għaqda, dikjarazzjonijiet mill-amministrazzjoni lis-sidien u lis-swieq finanzjarji dwar l-effiċjenzi li huma mistennija, eżempji storiċi ta’ effiċjenzi u l-benefiċċju tal-konsumatur, u studji ta’ esperti esterni fuq il-pożizzjoni qabel il-formazzjoni ta’ l-għaqda fuq it-tip u d-daqs tal-qligħ ta’ l-effiċjenzi, u sa liema limitu l-konsumaturi x’aktarx ħa jibbenefikaw.”

138    B’hekk jirriżulta b’mod ċar mil-linji gwida li hija l-parti li kkomunikat konċentrazzjoni li għandha tipproduċi provi preċiżi u konvinċenti li jippermettu, sa fejn ikun possibbli, li jiġu kkwantifikati ż-żidiet fl-effiċjenza invokati. Din is-sitwazzjoni hija differenti mill-oneru tal-prova tal-effetti prevedibbli ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, oneru li jaqa’ fuq il-Kummissjoni u li minnu jirriżulta li l-mudelli ekonometriċi użati għal dan il-għan jiġu kkomunikati lill-partijiet li kkomunikaw konċentrazzjoni, peress li jikkostitwixxu għodda ta’ għajnuna deċiżjonali (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 33).

139    Huwa minnu li dawn l-indikazzjonijiet mogħtija fil-linji gwida jesponu, f’termini ġenerali, li huma biss iż-żidiet fl-effiċjenza sostnuti minn provi li jippermettu oġġettivament li jiġu evalwati d-daqs u l-probabbiltà. Dawn il-linji gwida jipprovdu eżempji indikattivi ta’ informazzjoni rilevanti f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, id-dokumenti interni intiżi għall-impriżi kkonċernati. Madankollu, il-ġeneralità tal-formulazzjonijiet adottati fil-linji gwida hija komprensibbli, jekk mhux inevitabbli, minħabba l-eteroġeneità tas-sitwazzjonijiet individwali tal-impriżi, iż-żidiet fl-effiċjenza possibbli u l-karatteristiċi tas-swieq li fihom il-Kummissjoni jkollha twettaq il-kontroll tagħha meta tiġi kkomunikata lilha konċentrazzjoni. Għalhekk ma jistax ikun raġonevolment mistenni li l-Kummissjoni, permezz ta’ strument bħal-linji gwida, tiddefinixxi minn qabel, fil-fond u fid-dettall, il-kriterji kollha li abbażi tagħhom dawn iż-żidiet fl-effiċjenza jistgħu jitqiesu bħala verifikabbli.

140    Bl-istess mod, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 u tal-linji gwida ma timponi fuq il-Kummissjoni, meta l-partijiet li kkomunikaw konċentrazzjoni jressqu argumenti bbażati fuq żieda fl-effiċjenza, li tiddefinixxi minn qabel, b’mod astratt, il-kriterji speċifiċi li abbażi tagħhom hija għandha l-intenzjoni taċċetta li żieda fl-effiċjenza tista’ titqies bħala verifikabbli.

141    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li diġà ġie deċiż, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni antidumping, li l-istituzzjoni, meta tuża l-marġni ta’ diskrezzjoni li tagħtiha din il-leġiżlazzjoni mingħajr ma tispjega fid-dettall u minn qabel il-kriterji li hija għandha l-intenzjoni li tapplika f’kull sitwazzjoni konkreta, ma tiksirx il-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 1988, Brother Industries vs Il-Kunsill, 250/85, EU:C:1988:464, punt 29, u tas‑7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C‑69/89, EU:C:1991:186, punt 118). Din is-sitwazzjoni hija analoga għal dik ta’ dan il-każ, fejn ir-Regolament Nru 139/2004 jagħti lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa ż-żidiet fl-effiċjenza allegati mill-partijiet li kkomunikaw konċentrazzjoni mingħajr ma jimponilha li tiddefinixxi minn qabel u b’mod astratt il-kriterji rilevanti għal dan il-għan.

142    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ta’ UPS intiż sabiex juri li l-Kummissjoni kienet obbligata tikkomunikalha l-kriterji speċifiċi u l-limiti probatorji li hija kellha l-intenzjoni tapplika sabiex tiddetermina jekk kull waħda miż-żidiet fl-effiċjenza invokati kinitx verifikabbli huwa infondat fid-dritt.

143    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi miċħud, bħala infondat, l-argument li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet proċedurali ta’ UPS fl-analiżi taż-żidiet fl-effiċjenza minħabba li hija ma kkomunikatx il-kriterji ta’ evalwazzjoni ta’ dawn iż-żidiet.

3)      Fuq l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ ċerti dokumenti kunfidenzjali ta’ FedEx

144    UPS takkuża lill-Kummissjoni li ma tathiex aċċess għall-informazzjoni kollha pprovduta minn FedEx matul il-proċedura amministrattiva, jew tal-inqas li ma tatx tali aċċess lill-avukati tagħha, sabiex tippermettilhom jivverifikaw b’mod indipendenti l-kontenut tagħha. UPS tqis li ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tevalwa l-valur probatorju tal-informazzjoni pprovduta minn FedEx, minkejja li din influwenzat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tabbanduna, għal erbatax-il suq nazzjonali, l-ilmenti dwar l-eżistenza ta’ ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, filwaqt li żammithom għal ħmistax-il suq nazzjonali ieħor.

145    UPS tqis li dawn l-elementi marbuta ma’ FedEx setgħu wkoll kienu rilevanti fil-ħmistax-il suq ieħor li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni, b’mod żbaljat, żammet l-ilmenti tagħha ta’ ostaklu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. UPS issostni li s-suspetti tagħha huma msaħħa min-natura inċerta tal-ġustifikazzjonijiet suċċessivament invokati mill-Kummissjoni matul il-proċedura sabiex tikkontesta r-rilevanza tad-dokumenti interni ta’ FedEx.

146    La UPS u lanqas il-Qorti Ġenerali ma kienu f’pożizzjoni li jivverifikaw l-eżattezza tal-informazzjoni trażmessa minn FedEx. Kieku setgħet tkun taf b’dan, UPS tqis li hija setgħet tistabbilixxi li l-ħmistax-il suq nazzjonali li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm ostaklu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva ma setgħux jiġu ddifferenzjati mill-erbatax l-oħra. UPS tissuspetta li FedEx ipprovat tikkonvinċi lill-Kummissjoni sabiex tipprojbixxi l-proġett ta’ konċentrazzjoni bejnha u TNT billi mminimizzat il-proġetti ta’ espansjoni tagħha fl-Ewropa. UPS tinvoka ċerti kontradizzjonijiet bejn l-osservazzjonijiet ta’ FedEx matul il-proċedura amministrattiva u d-dikjarazzjonijiet pubbliċi tagħha lill-investituri.

147    UPS tispeċifika li l-argument tagħha ma jirrigwardax l-aċċess għad-dokumenti kunfidenzjali ta’ FedEx ikkunsidrati bħala atti inkriminanti, iżda l-kwistjoni dwar jekk hija setgħetx tiġi rrifjutata l-aċċess għad-dokumenti kunfidenzjali l-oħra ta’ FedEx, utli sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dawk użati kontriha. Hija tqis, f’dan ir-rigward, li ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi liema huma d-dokumenti utli għad-difiża tal-impriża li kkomunikat konċentrazzjoni.

148    Kien biss wara l-miżuri meħuda mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144), li hija setgħet tieħu konjizzjoni ta’ ċerta informazzjoni trażmessa minn FedEx lill-Kummissjoni. Il-ftit dokumenti hekk ikkonsultati minnha jikkontradixxu d-differenzazzjoni stabbilita mill-Kummissjoni bejn is-swieq nazzjonali skont jekk jippreżentawx, jew le, ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

149    UPS tallega li l-Kummissjoni ma tistax issostni li hija għandha tipprova li d-dokumenti li għalihom hija qatt ma kellha aċċess kellhom effett fuq id-deċiżjoni kontenzjuża, kif jirriżulta mill-punt 63 tas-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑109/10 P, EU:C:2011:686), u lanqas ma tista’ tinvoka s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni (T‑210/01, EU:T:2005:456), peress li din ma kinitx tikkonċerna l-aċċess għal dokumenti li jikkontradixxu l-valur inkriminanti tad-dikjarazzjonijiet ta’ terz.

150    Skont UPS, il-Kummissjoni kellha l-pussess tad-dokumenti ta’ FedEx ħames xhur qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din tal-aħħar ma tista’ tinvoka ebda restrizzjoni ratione temporis sabiex tiskuża l-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ UPS.

151    Huwa biss mill-mument li fih hija tkun kisbet l-aċċess għal dawn id-dokumenti li UPS tqis li hija ser tkun f’pożizzjoni li tesponi bi preċiżjoni x-xenarju kontrofattwali. Hija titlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ istruzzjoni, tipproduċi d-dokumenti interni kollha ta’ FedEx li hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha.

152    Il-Kummissjoni tiċħad kull ksur tad-drittijiet proċedurali ta’ UPS.

153    Għandu jiġi enfasizzat li UPS ma tallegax li l-Kummissjoni naqset milli tikkomunika d-dokumenti interni ta’ FedEx li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà tat-tranżazzjoni bejnha u TNT. UPS lanqas ma tikkontesta n-natura kunfidenzjali tad-dokumenti interni ta’ FedEx li għalihom hija talbet l-aċċess matul il-proċedura amministrattiva, jew li ġew ikkomunikati lilha f’verżjonijiet editjati jew imqassra. Għall-kuntrarju, UPS issostni li d-drittijiet tad-difiża tagħha nkisru sa fejn il-Kummissjoni ma ppermettitilhiex li tikkonsulta d-dokumenti interni kollha ta’ FedEx inklużi fil-fajl, fil-verżjonijiet kunfidenzjali tagħhom mhux editjati. Peress li qieset li dawn id-dokumenti kollha kienu potenzjalment dokumenti li jiskaġunaw, UPS issostni li l-Kummissjoni kellha, tal-inqas, tagħtiha aċċess “ristrett”, intiż sabiex jippermetti lill-konsulenti legali esterni tagħha jeżaminaw b’mod indipendenti l-valur probatorju tagħhom, filwaqt li tosserva l-kunfidenzjalità tagħhom.

154    Fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni hija obbligata tikkomunika lill-partijiet li kkomunikaw konċentrazzjoni l-elementi kollha li fuqhom hija għandha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jinstemgħu (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 31). Fil-fatt, qabel ma tadotta deċiżjoni bħad-deċiżjoni kontenzjuża, l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tagħti “lill-persuni, lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi konċernati l-opportunità, li jsemmgħu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet miġjuba kontrihom. Dan japplika f’kull stadju tal-proċedura sakemm issir konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ Konsulenza”. Skont l-Artikolu 18(3) ta’ dan ir-regolament, “[i]l-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet setgħu jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom” u “[i]drittijiet tad-difiża għandhom ikunu rispettati totalment waqt il-proċeduri”.

155    Fir-rigward tad-dokumenti minbarra dawk invokati insostenn tal-oġġezzjonijiet ikkomunikati mill-Kummissjoni, l-aċċess għall-fajl ma huwiex awtomatiku, iżda għandu jintalab. L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 802/2004 jipprevedi fil-fatt li, “[j]ekk hekk mitluba, il-Kummissjoni għandha tagħti aċċess lejn il-file tal-partijiet li lilhom tkun indirizzat stqarrija ta’ l-oġġezzjonijiet, għall-iskop li tiffaċilita li dawn ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tad-difiża” u li l-aċċess “għandu jkun mogħti wara n-notifika tal-istqarrija ta’ l-oġġezzjonijiet”. Dawn id-dispożizzjonijiet huma riflessi fil-punt 7 tan-Notifika tal-Kummissjoni dwar ir-regolamenti tal-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni f’każijiet skont l-Artikoli [101] u [102] tat-[TFUE], l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim taż-ŻEE u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU 2005, C 325, p. 7, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aċċess għall-fajl”), li jipprovdi li “l-aċċess [għall-fajl] jingħata fuq talba lill-persuni, impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, skont il-każ, li l-Kummissjoni tkun indirizzat l-oġġezzjonijiet tagħha lejhom”.

156    Din it-talba għal aċċess għall-fajl għandha tiġi ppreżentata lid-Direttorat Ġenerali (DĠ) għall-Kompetizzjoni qabel ma tkun, jekk ikun il-każ, indirizzata lill-uffiċjal tas-seduta. L-Artikolu 3(7) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat‑13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU 2011, L 275, p. 29), jipprevedi fil-fatt li kull kwistjoni li tikkonċerna l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati titqajjem inizjalment quddiem id-DĠ għall-Kompetizzjoni u, jekk ma tiġix riżolta, tista’ titressaq quddiem l-uffiċjal tas-seduta. L-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni 2011/695 jipprovdi f’dan ir-rigward li, meta parti li tkun eżerċitat id-dritt tagħha ta’ aċċess ikollha raġuni sabiex taħseb li l-Kummissjoni għandha dokumenti li ma tqegħdux għad-dispożizzjoni tagħha u li huma neċessarji għaliha sabiex teżerċita b’mod utli d-dritt għal smigħ tagħha, hija tista’ tibgħat lill-Uffiċjal tas-Seduta talba motivata għal aċċess għal dawn id-dokumenti. Dawn id-dispożizzjonijiet huma, essenzjalment, is-suġġett tal-punt47 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aċċess għall-fajl. Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-fajl, il-paragrafu 45 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aċċess għall-fajl jipprevedi li din tal-aħħar għandha tagħti lill-partijiet “lista enumerattiva tad-dokumenti li turi l-kontenut tal-fajl”.

157    Sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dritt ta’ aċċess fil-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, għandha tiġi ppreżentata fi żmien xieraq, talba għal aċċess għall-fajl. Kif tfakkar fil-paragrafu 28 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aċċess għall-fajl, minn qari flimkien tal-Artikolu 18(1) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004 u tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 802/2004 jirriżulta li l-partijiet li jkunu kkomunikaw konċentrazzjoni jkollhom aċċess għall-fajl fuq talba tagħhom f’kull fażi tal-proċedura wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni, sakemm jikkonsultaw il-kumitat konsultattiv. L-Artikolu 3(7) tad-Deċiżjoni 2011/695 jipprevedi, barra minn hekk, li t-talbiet relatati ma’ miżura li fir-rigward tagħhom huwa previst terminu għandhom jiġu ppreżentati, fi żmien xieraq, fit-terminu previst inizjalment. Minn dan isegwi li talba għal aċċess għall-fajl ippreżentata lid-DĠ għall-Kompetizzjoni jew lill-uffiċjal tas-seduta wara li l-kumitat konsultattiv ikun ta l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala tardiva.

158    F’dan il-każ, l-argument ta’ UPS huwa, parzjalment, wisq ġenerali sabiex jippermetti li jiġi konkluż li d-dokumenti mhux ikkomunikati kienu, minn tal-inqas, potenzjalment neċessarji għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Fil-fatt, UPS issostni li d-dokumenti interni kunfidenzjali kollha ta’ FedEx kellhom jiġu kkomunikati lilha, peress li dawn kienu jippermettulha tifhem fuq liema elementi l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha sabiex tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fuq ħmistax-il suq nazzjonali u teskludiha għal erbatax-il suq ieħor, mingħajr ma tagħti iktar dettalji.

159    Madankollu, UPS tinvoka b’mod iktar speċifiku żewġ gruppi ta’ dokumenti kunfidenzjali interni li FedEx bagħtet lill-Kummissjoni, wieħed qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tad‑19 ta’ Ottubru 2012 u l-ieħor wara din id-dikjarazzjoni. Skont UPS, dawn id-dokumenti jippermettu li jinftiehem għalfejn il-Kummissjoni abbandunat it-tħassib inizjalment espress fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ erbatax-il suq nazzjonali.

160    L-ewwel grupp huwa kkostitwit, skont UPS, minn 484 dokument interni ta’ FedEx li l-Kummissjoni kellha mill‑10 ta’ Awwissu 2012. It-tieni grupp jirrigwarda ċerti dokumenti li FedEx ippreżentat lill-Kummissjoni fid‑9 u fil‑15 ta’ Novembru 2012, dwar il-pjanijiet ta’ espansjoni tagħha, li l-avukati ta’ UPS jesponu li kellhom aċċess parzjali għalihom, wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ April 2016 fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144).

i)      Fuq l-aċċess għall484 dokument kunfidenzjali interni ta’ FedEx inklużi fil-proċess fl10 ta’ Awwissu 2012

161    UPS, fil-punt 52 tar-rikors, issostni li l-Kummissjoni, fil-pussess tal-maġġoranza tad-dokumenti interni ta’ FedEx mill‑10 ta’ Awwissu 2012, setgħet tagħtiha aċċess għall-provi li jiskaġunaw, l-iktar tard, fil-mument tal-espożizzjoni tal-fatti. Madankollu, hija naqset milli tagħmel dan, u b’hekk kisret b’mod manifest u serju d-drittijiet tad-difiża. Fl-istadju tar-replika, UPS talbet lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti interni kollha ta’ FedEx li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha. Mistoqsija bil-miktub dwar dan il-punt, UPS invokat 484 dokument interni ta’ FedEx dwar il-proġetti ta’ espansjoni ta’ din l-impriża.

162    Il-Kummissjoni twieġeb, essenzjalment, li d-deċiżjoni kontenzjuża ma hija bbażata fuq ebda dokument ta’ FedEx li għalih UPS ma kellhiex aċċess u li, għall-bqija, UPS ma talbitx, matul il-proċedura amministrattiva, l-aċċess għall‑484 dokument inkwistjoni.

163    Għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet jaqblu li FedEx bagħtet l‑484 dokument inkwistjoni fl‑10 ta’ Awwissu 2012, b’risposta għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2012. UPS ma tallegax li dawn id-dokumenti ma jidhrux fil-lista enumerattiva tad-dokumenti li jifformaw il-fajl. Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 49 tal-Anness A.14 tar-rikors, UPS tindika li waslet sabiex tidentifika l-eżistenza ta’ dawn id-dokumenti billi kkonsultat l-ittra, mhux kunfidenzjali, tal-pariri ta’ FedEx tal‑10 ta’ Awwissu 2012 li jakkumpanjaw it-trażmissjoni tad-dokumenti inkwistjoni (dokument bir-referenza ID 6459). Għalkemm matul is-seduta ma ppreċiżatx f’liema data hija setgħet issir taf bl-eżistenza ta’ dawn id-dokumenti, UPS iddikjarat li kienet talbet l-aċċess għalihom matul il-proċedura amministrattiva u li kienet ressqet it-talba tagħha quddiem l-uffiċjal tas-seduta għal dan il-għan fit‑30 ta’ Ottubru 2012.

164    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal aċċess għall-fajl li UPS bagħtet fil‑25 ta’ Ottubru 2012 lid-DĠ għall-Kompetizzjoni ma tinkludi ebda riferiment għal dawn id-dokumenti. Fit-talba tagħha, UPS talbet l-aċċess għall-1 122 dokument li joriġinaw minn terzi u li ma ġewx żvelati, mingħajr ġustifikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, mis‑7 299 dokument li jinsabu fl-indiċi tal-fajl amministrattiv.

165    Il-Kummissjoni wieġbet lil UPS, permezz ta’ posta elettronika tal‑25 ta’ Ottubru 2012, li, fuq id-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl u li għalihom hija kellha dritt ta’ aċċess wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, 323 dokument biss kienu inaċċessibbli minħabba sigrieti tan-negozju u 1 177 dokumenti oħra kienu aċċessibbli f’verżjoni mhux kunfidenzjali.

166    Għandu jiġi kkonstatat li, fit-talba tagħha lill-uffiċjal tas-seduta tat‑30 ta’ Ottubru 2012, minbarra t-talbiet għal aċċess li jirrigwardaw ċerti dokumenti speċifiċi, identifikati permezz tar-referenza tagħhom jew, għall-inqas, identifikabbli, UPS sempliċement invokat, f’termini ġenerali, id-dritt tagħha li tieħu konjizzjoni, “direttament jew permezz tal-konsulenti legali tagħha, ta’ kull dokument li potenzjalment jiskaġuna li jinsab fil-fajl tal-Kummissjoni, b’mod partikolari d-data interna dwar l-istrateġija ta’ FedEx”.

167    Issa, mhux biss UPS ma għandhiex tali dritt ta’ aċċess illimitat u assolut għall-informazzjoni kunfidenzjali li tinsab fil-fajl, iżda hija ma setgħetx raġonevolment tistenna li l-uffiċjal tas-seduta jinterpreta din it-talba vaga u astratta bħala li tirrigwarda speċifikament l‑484 dokument mehmuża minn FedEx mar-risposta tagħha tal‑10 ta’ Awwissu 2012 għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni.

168    UPS ma pprovatx li, matul il-proċedura amministrattiva, talbet l-aċċess għall-484 dokument inkwistjoni, la fit-talba għal aċċess indirizzata lill-Kummissjoni fis‑26 ta’ Novembru 2012 u lanqas f’dik tal‑4 ta’ Jannar 2013, b’risposta għall-espożizzjoni tal-fatti.

169    Minn dawn l-elementi jirriżulta li, peress li ma wrietx li hija ppreżentat talba għal dan il-għan, UPS ma eżerċitatx id-dritt tagħha ta’ aċċess għall‑484 dokument li FedEx bagħtet lill-Kummissjoni fl‑10 ta’ Awwissu 2012 u li ġew inklużi fil-fajl, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(7) tad-Deċiżjoni 2011/695.

170    Issa, il-Qorti Ġenerali diġà ċaħdet, fil-kuntest ta’ proċeduri għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, motiv ta’ annullament ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, minħabba li l-parti li invokatu ma kinitx għamlet użu minn dan id-dritt matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2014, SP vs Il-Kummissjoni, T‑472/09 u T‑55/10, EU:T:2014:1040, punt 294). Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li parti li ssir taf matul il-proċedura amministrattiva li l-Kummissjoni għandha dokumenti li jistgħu jkunu utli għad-difiża tagħha hija obbligata tippreżenta lill-istituzzjoni talba espressa għal aċċess għal dawn id-dokumenti. L-ommissjoni li taġixxi b’dan il-mod matul il-proċedura amministrattiva għandha effett ta’ dekadenza fuq dan il-punt f’dak li jirrigwarda r-rikors għal annullament li eventwalment jiġi ppreżentat kontra d-deċiżjoni definittiva (sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, EU:T:2000:77, punt 383, u tas‑26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il-Kummissjoni, T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02, T‑136/02, EU:T:2007:115, punti 49 u 59).

171    Dawn is-soluzzjonijiet jistgħu jiġu trasposti għal rikors intiż għall-kumpens għad-dannu li jirriżulta minn allegat ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl fi proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Parti li tkun ikkomunikat konċentrazzjoni li tonqos milli tressaq quddiem id-DĠ għall-Kompetizzjoni, imbagħad, fil-każ ta’ ċaħda tat-talba tagħha, l-uffiċjal tas-seduta b’talba għal aċċess għall-fajl ma tistax tallega ulterjorment li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-ksib ta’ kumpens għal dannu li allegatament jirriżulta mill-ksur tad-dritt ta’ aċċess, meta hija ma eżerċitatx dan id-dritt fi żmien xieraq u fil-forom preskritti.

172    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument ta’ UPS ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-484 dokument kunfidenzjali interni ta’ FedEx trażmessi lill-Kummissjoni fl‑10 ta’ Awwissu 2012.

ii)    Fuq l-aċċess għad-dokumenti trażmessi minn FedEx fid9 u fil15 ta’ Novembru 2012

173    Jeħtieġ jiġi mfakkar li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tad‑19 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni kkunsidrat (ara, b’mod partikolari, it-Taqsimiet 7.1.3.2 u 7.1.3.7 tal-imsemmija komunikazzjoni) li waħda mir-raġunijiet għalfejn FedEx ma kinitx kompetitriċi b’saħħitha biżżejjed sabiex toħloq kontrobilanċ għall-effetti tal-operazzjoni bejn UPS u TNT kienet tirrigwarda l-kopertura dgħajfa tan-network tagħha meta mqabbla ma’ dawk tal-kompetituri tagħha. Il-Kummissjoni rrilevat ukoll, fit-Taqsima 7.1.3.8 ta’ din il-komunikazzjoni, li l-akkwisti reċenti u l-pjanijiet ta’ espansjoni ta’ FedEx ma kinux jippermettu lil din tal-aħħar li tnaqqas id-diskrepanza li kienet tisseparaha mill-kompetituri tagħha fil-futur qrib. Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni kkonkludiet, fit-Taqsima 7.1.3.9 tal-imsemmija komunikazzjoni, li l-pożizzjoni ta’ FedEx kienet dgħajfa wisq sabiex timponi restrizzjoni kompetittiva sinjifikattiva li tippermetti li jiġu kkumpensati l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni tal-operazzjoni ppjanata.

174    Mill-elementi tal-proċess jirriżulta li, permezz ta’ posta elettronika tas‑26 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni bagħtet lil FedEx talba għal informazzjoni addizzjonali dwar l-infrastrutturi ta’ din l-impriża. Din it-talba, intiża b’mod partikolari sabiex tiggwida lill-Kummissjoni fuq il-pjanijiet ta’ espansjoni ta’ FedEx, kienet intiża b’mod iktar preċiż sabiex tikseb għal kull pajjiż taż-ŻEE:

–        mappa li tindika l-post tal-infrastrutturi użati minn FedEx għall-kunsinna ta’ pakketti żgħar, kif ukoll dawk li l-użu tagħhom kien previst qabel l-aħħar tas-sena 2015;

–        il-lista tas-subkuntratturi użati għat-teħid u l-kunsinna ta’ pakketti żgħar (pick up and delivery, iktar ’il quddiem il-“PUD”), kif ukoll ta’ dawk li FedEx kellha l-intenzjoni li timpjega qabel tmiem is-sena 2015, billi tindika għal kull wieħed minnhom il-post u ż-żona tal-operat tagħha. Din l-informazzjoni kellha tiġi pprovduta fil-forma ta’ tabella, organizzata skont taqsimiet li jippermettu l-identifikazzjoni u l-lokalizzazzjoni ta’ kull impriża u li tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-pożizzjoni tagħha u l-piż tagħha fin-network ta’ FedEx (bl-ajru, bl-art, jew lokali), billi tindika b’mod partikolari l-kapaċità tagħha ta’ proċessar fl-2011, iż-żona tal-operat tagħha, in-numru ta’ toroq servuti, il-movimenti ta’ kuljum tat-trakkijiet u d-daqs tal-flotta ta’ vetturi ta’ kunsinna. Il-Kummissjoni talbet ukoll lil FedEx tippreċiża d-data prevista għall-bidu tat-tranżazzjonijiet ippjanati minn installazzjonijiet li kienu għadhom mhux operazzjonali.

175    Din it-talba kellha bħala għan li tikkompleta l-informazzjoni li abbażi tagħha kienet ibbażata l-analiżi provviżorja tal-Kummissjoni magħmula fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar il-pożizzjoni kompetittiva ta’ FedEx fis-suq tal-kunsinni espressi fi ħdan iż-ŻEE.

176    Bħala risposta, FedEx bagħtet lill-Kummissjoni l-mapep u t-tabelli mitluba fid‑9 ta’ Novembru 2012. Fil‑15 ta’ Novembru 2012, FedEx ipproduċiet verżjoni riveduta ta’ dawn id-dokumenti.

177    Huwa paċifiku li l-Kummissjoni ma bagħtitx dawn id-dokumenti lil UPS matul il-proċedura amministrattiva. Kien biss fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144), li UPS setgħet finalment issir taf b’dawn id-dokumenti, fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tagħhom, wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ April 2016.

178    Fid-dawl ta’ dan, waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li kull ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ UPS f’dan ir-rigward seta’ jiġi eskluż, peress li din tal-aħħar ma ħaditx azzjoni quddiem l-uffiċjal tas-seduta sabiex tikkontesta r-rifjut tad-DĠ għall-Kompetizzjoni. Il-Kummissjoni enfasizzat li billi dak ir-rifjut seħħ fil‑11 ta’ Jannar 2013, UPS kien għad għandha l-possibbiltà li tidħol f’kuntatt mal-uffiċjal tas-seduta sat‑18 ta’ Jannar 2013, id-data tal-laqgħa tal-kumitat konsultattiv, ħaġa li UPS naqset milli tagħmel.

179    Huwa minnu li UPS eżerċitat id-dritt tagħha ta’ aċċess għall-fajl, peress li fil‑4 ta’ Jannar 2013 hija ressqet quddiem id-DĠ għall-Kompetizzjoni talba għal aċċess limitat fis-sala tal-informazzjoni fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-fatti, din it-talba kienet tirrigwarda b’mod partikolari r-risposti għat-talbiet għal informazzjoni bir-referenzi Q30 u Q31.

180    Madankollu, mill-proċess jirriżulta li UPS ma ressqitx quddiem l-uffiċjal tas-seduta r-rifjut tad-DĠ għall-Kompetizzjoni tal‑11 ta’ Jannar 2013, u dan minkejja li UPS kellha terminu li l-iskadenza tiegħu kienet iffissata, skont l-Artikolu 18(1) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004 u l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 802/2004, fid-data tal-laqgħa tal-kumitat konsultattiv, jiġifieri, f’dan il-każ, fit‑18 ta’ Jannar 2013. Barra minn hekk, UPS ma sostnietx li dawn ir-regoli kienu vvizzjati minn xi illegalità.

181    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, peress li ma ressqitx quddiem l-uffiċjal tas-seduta talba għal aċċess għall-fajl, UPS ma tistax tallega ulterjorment li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tikseb kumpens għal dannu li allegatament jirriżulta mill-ksur ta’ dan id-dritt li hija ma eżerċitatx fil-ħin u fil-forom preskritti.

182    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument ta’ UPS ibbażat fuq ksur tad-dritt tagħha ta’ aċċess għar-risposti ta’ FedEx tad‑9 u tal‑15 ta’ Novembru 2012 ma huwiex fondat.

183    Barra minn hekk, peress li UPS ma ressqitx talba minn qabel quddiem id-DĠ għall-Kompetizzjoni jew, fil-każ ta’ ċaħda, quddiem l-uffiċjal tas-seduta, talba għal aċċess għall‑484 dokument kunfidenzjali interni ta’ FedEx trażmessi lill-Kummissjoni fl‑10 ta’ Awwissu 2012 u talba għal aċċess għar-risposti ta’ FedEx tad‑9 u tal‑15 ta’ Novembru 2012, ma huwiex neċessarju li tintlaqa’ t-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ta’ UPS dwar il-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti.

b)      Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

184    UPS issostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni kontenzjuża f’dak li jirrigwarda l-livell ta’ prova meħtieġ sabiex issir distinzjoni, abbażi tal-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet, ta’ żidiet fl-effiċjenza u fil-kompetittività ta’ FedEx, bejn il-ħmistax-il suq nazzjonali li jippreżentaw ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva u l-erbatax-il suq nazzjonali l-oħra. Konsegwentement, la hija u lanqas il-Qorti Ġenerali ma kienu f’pożizzjoni li jivverifikaw b’liema mod il-Kummissjoni, billi bbażat ruħha fuq dawn it-tliet elementi, kienet għamlet distinzjoni bejn dawn is-swieq kif ukoll li jevalwaw l-fondatezza tal-konklużjonijiet dwar il-prossimità tal-kompetizzjoni. UPS issostni li, għalkemm motivazzjoni insuffiċjenti ma twassalx waħedha għal danni, tali insuffiċjenza tenfasizza f’dan il-każ il-ksur serju mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt.

185    Il-Kummissjoni toġġezzjona li insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ma hijiex ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

186    Għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-illegalità allegata tistax tagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tkun tista’ tifhem il-portata tal-ksur invokat. Fil-fatt, hija r-rikorrenti li għandha tidentifika l-aġir ikkritikat, taħt piena ta’ inammissibbiltà. Issa, l-argument ta’ UPS li jinsab fil-punt 73 tar-rikors ma jippermettix li jiġi ddeterminat kif il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni allegat jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-ilment huwa inammissibbli.

187    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-argument ta’ UPS dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni li jinsab fil-punt 73 tar-rikors fil-verità jikkoinċidi ma’ dak żviluppat sabiex tintwera l-illegalità tal-assenza ta’ komunikazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni taż-żieda fl-effiċjenza, tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet u tal-kontrapiż kompetittiv li jista’ jiġi eżerċitat minn FedEx. UPS issostni li l-evalwazzjoni tal-operazzjoni bejnha u TNT hija affettwata minn żbalji fl-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet u ż-żieda fl-effiċjenza, minn differenza fit-trattament meta mqabbla mal-operazzjoni bejn FedEx u TNT kif ukoll minn żbalji ta’ evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ FedEx. B’hekk, UPS tinvoka l-eżistenza ta’ ksur wieħed jew iktar suffiċjentement serju sa fejn, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fis-swieq tas-servizzi inkwistjoni fi ħmistax-il Stat Membru.

188    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, peress li din il-kwistjoni taqa’ taħt il-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom tkun ibbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi ma jkunux sostnuti jew ikunu vvizzjati bi żbalji, tali difetti jivvizzjaw il-legalità fuq il-mertu tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 181).

189    Il-ksur tal-formalità sostanzjali dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-Unjoni ma jistax iwassal għal dannu materjali distint minn dak li jirriżulta mill-assenza ta’ bażi tal-att inkwistjoni. Motivazzjoni insuffiċjenti eventwali ta’ att li jistabbilixxi miżura restrittiva ma hijiex, fiha nnifisha, ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il-Kunsill, C‑76/01 P, EU:C:2003:511, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 103).

190    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti ta’ UPS ibbażati fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandhom jiġu miċħuda u għandhom jiġu eżaminati l-argumenti ta’ din tal-aħħar ibbażati fuq żbalji ta’ evalwazzjoni tal-operazzjoni ppjanata.

c)      Fuq l-iżbalji ta’ evalwazzjoni tal-operazzjoni ppjanata

191    UPS issostni li l-evalwazzjoni tal-operazzjoni bejnha u TNT hija vvizzjata minn żbalji fl-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet u ż-żidiet fl-effiċjenza, minn differenza fit-trattament meta mqabbla mal-operazzjoni bejn FedEx u TNT kif ukoll minn żbalji ta’ evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ FedEx, li, individwalment jew flimkien, huma ta’ natura li jistabbilixxu r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

1)      Fuq l-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet

192    UPS tinvoka żewġ tipi ta’ żbalji li jaffettwaw il-mudell użat mill-Kummissjoni. Dawn huma, minn naħa, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerta data ta’ FedEx u, min-naħa l-oħra, żbalji fil-ħolqien tal-mudell ekonometriku tal-Kummissjoni.

i)      Fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerta data ta’ FedEx

193    Skont UPS, il-Kummissjoni eskludiet ċerta data ta’ FedEx li hija utli għall-immudellar tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet. Filwaqt li l-għan tal-analiżi tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet kien li jiġi previst l-effett fuq il-prezzijiet għas-sena 2015, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-data ta’ FedEx għas-sena 2012. Madankollu, hija kellha informazzjoni dwar il-proġetti ta’ FedEx sas-sena 2015, iżda ma ħadithomx inkunsiderazzjoni. Mingħajr dan l-iżball manifest, il-mudell ma kien jindika kważi l-ebda żieda fil-prezzijiet fi tlettax minn ħmistax-il Stat li fihom il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm ostaklu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Kieku l-Kummissjoni kienet użat l-informazzjoni li kellha, hija kienet tkun tista’ tikkonstata li kien impossibbli li tipprevedi b’mod affidabbli żidiet fil-prezzijiet u li deċiżjoni negattiva kienet infondata.

194    Għandu jiġi kkonstatat li, sabiex tiġi stmata r-relazzjoni bejn il-livell ta’ konċentrazzjoni u l-prezzijiet osservati, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-data disponibbli fil-mument tal-iżvilupp tal-mudell, jiġifieri fl-2012. Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-varjabbli ta’ konċentrazzjoni, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni r-rata ta’ kopertura tan-networks rispettivi tal-kompetituri hekk kif setgħet tiġi osservata f’dak iż-żmien sabiex tingħata stampa vera u ġusta. L-inklużjoni f’din id-data ta’ elementi prospettivi, li min-natura tagħhom huma purament ipotetiċi, bħall-projezzjonijiet magħmula minn FedEx dwar l-espansjoni tan-network tagħha wara kważi tliet snin, kienet tintroduċi livell addizzjonali ta’ inċertezza diffiċilment kompatibbli mal-għan li jintlaħaq mudell affidabbli. Madankollu, dan ma jfissirx li din id-data ma kinitx rilevanti għall-finijiet tal-analiżi tal-operazzjoni ppjanata, peress li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-analiżi ġenerali jew “kwalitattiva” tagħha, eżaminat il-kapaċità ta’ FedEx li teżerċita fil-futur kontropiż kompetittiv fir-rigward tal-entità li tirriżulta mill-operazzjoni ppjanata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ta’ UPS ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-mudell ekonometriku, tal-projezzjonijiet ta’ FedEx fir-rigward tal-espansjoni tan-network tagħha sal-2015 għandu jiġi miċħud.

ii)    Fuq l-iżbalji fil-ħolqien tal-mudell ekonometriku tal-Kummissjoni

195    UPS issostni li l-Kummissjoni kisret il-limiti li huma imposti fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha billi użat mudell li jiddevja b’mod sinjifikattiv mill-prattika komuni fl-ekonometrija, li tikkonsisti fl-użu tal-istess mudell fiż-żewġ stadji tal-analiżi. Il-Kummissjoni użat fl-istadju tal-previżjoni mudell distint minn dak użat fl-istadju tal-istima.

196    UPS tallega, essenzjalment, li l-Kummissjoni, billi użat varjabbli ta’ konċentrazzjoni diskrettizzat – jiġifieri rrappreżentata fil-forma ta’ ħaġa sħiħa – fl-istadju tal-istima, iżda kontinwa – irrappreżentata taħt forma deċimali – fl-istadju tal-previżjoni, wettqet żball manifest u serju li jaffettwa l-affidabbiltà tal-mudell ikkunsidrat fl-intier tiegħu. Sabiex tipprevedi l-effetti tal-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq mudell li jmur kontra l-prattika f’dan il-qasam u nieqsa minn bażi empirika. L-ebda amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti ma kienet, f’ċirkustanzi simili, tipprevedi l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet billi tibbaża ruħha fuq tali mudell.

197    UPS tinvoka insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha żewġ rapporti ta’ esperti fl-ekonometrija, professuri tal-ekonomija fl-Istati Uniti, rispettivament, fl-Università ta’ Chicago u fil-Massachussetts Institute of Technology. Dawn ir-rapporti, datati, rispettivament, 30 ta’ Novembru 2017 u l‑1 ta’ Diċembru 2017, ġew ippreparati inizjalment, fuq talba ta’ UPS, sabiex jassistu lil din tal-aħħar fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service (C‑265/17 P, EU:C:2019:23) u sussegwentement ġew annessi mar-rikors f’din il-proċedura (l-Anness A.8 u A.9 tar-rikors). UPS ippreżentat, fl-istadju tar-replika, żewġ opinjonijiet addizzjonali ta’ dawn l-esperti (l-Anness C.1 u C.2 tar-replika).

198    Skont dawn l-esperti, il-mudell użat mill-Kummissjoni huwa kontrointuwittiv, mhux konvenzjonali u arbitrarju. Fil-fatt, miż-żewġ rapporti jirriżulta li l-metodoloġija normalment segwita għall-mudelli intiżi sabiex jikkwantifikaw l-effetti prevedibbli ta’ konċentrazzjoni fuq il-livell tal-prezzijiet tikkonsisti fl-użu tal-istess mudell f’kull wieħed miż-żewġ stadji u mhux mudell differenti f’kull wieħed minn dawn l-istadji.

199    Iż-żewġ rapporti jikkritikaw ukoll il-fatt li l-mudell ta’ previżjoni użat mill-Kummissjoni ma ġiex ittestjat, fatt li jikkostitwixxi tluq mill-metodi li normalment jintużaw għall-iżvilupp ta’ mudelli ekonometriċi.

200    Sabiex tikkonfuta dawn l-elementi, il-Kummissjoni ma ppreżentatx fid-dibattiti rapporti ammissibbli ta’ esperti. Madankollu hija ssostni li l-kwistjoni dwar jekk il-mudell huwiex konformi mal-prattika ekonometrika ordinarja ma hijiex rilevanti għall-finijiet ta’ dan ir-rikors. Hija rilevanti biss il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-kombinament ta’ varjabbli ta’ konċentrazzjoni ddiskretizzat fl-istadju tal-istima u ta’ varjabbli ta’ konċentrazzjoni kontinwa fl-istadju tal-previżjoni jikkostitwixxix ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi ddeterminat jekk dan il-kombinament huwiex aċċettabbli, mhux fid-dawl tal-prattika ordinarjament segwita għall-mudelli ekonometriċi, iżda fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-konċentrazzjoni eżaminata. Filwaqt li tammetti li wettqet irregolarità proċedurali meta ma kkomunikatx il-mudell ekonometriku finali lil UPS, il-Kummissjoni ssostni li l-analiżi tagħha tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet ma hijiex ivvizzjata minn żball materjali serju u li l-użu ta’ tipi differenti ta’ varjabbli fiż-żewġ stadji tal-analiżi ma huwiex suffiċjentement serju sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni.

201    Qabelxejn, fir-rigward tal-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha ċerta flessibbiltà fl-għażla tal-istrumenti ekonometriċi għad-dispożizzjoni tagħha, kif ukoll fl-għażla tal-angoli ta’ approċċ adatti għall-istudju ta’ fenomenu, sakemm dawn l-għażliet ma jkunux manifestament kuntrarji għar-regoli aċċettati tad-dixxiplina ekonomika u jiġu implimentati b’mod konsistenti (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2008, MyTravel vs Il-Kummissjoni, T‑212/03, EU:T:2008:315, punt 83).

202    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-definizzjoni tal-mudell ekonometriku maħsub sabiex jipprevedi l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-livell tal-prezzijiet kif ukoll il-kontroll tad-data mdaħħla fih u d-diversi stadji u testijiet li huma neċessarji għall-iżvilupp tiegħu huma bbażati fuq għażliet li jirrigwardaw elementi kemm tekniċi kif ukoll kumplessi, għażla li taqa’ taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni.

203    Minn dan isegwi li l-argument ta’ UPS dwar il-konformità tal-mudell mal-prassi ordinarjament segwita f’dan il-qasam huwa element rilevanti sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ ksur serju tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, kull ksur tar-regoli aċċettati tad-dixxiplina ekonomika ma huwiex, fih innifsu, suffiċjenti, sabiex jiġi konkluż li teżisti irregolarità suffiċjentement serja li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

204    Sussegwentement, il-partijiet jaqblu li jirrikonoxxu li l-mudell ekonometriku użat mill-Kummissjoni f’dan il-każ huwa intiż, abbażi tad-data osservata fis-suq rilevanti dwar il-konċentrazzjoni u l-livell tal-prezzijiet, sabiex jistabbilixxi, fl-ewwel stadju msejjaħ tal-“istima”, funzjoni li tispjega r-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ varjabbli. Huwa għalhekk possibbli, fit-tieni stadju, imsejjaħ ta’ “previżjoni”, li jiġi ddeterminat l-effett ta’ varjazzjoni partikolari tal-livell ta’ konċentrazzjoni fuq il-livell tal-prezzijiet, peress li dan l-effett ma huwiex kostanti, iżda jista’ jvarja skont il-livell ta’ konċentrazzjoni inizjali.

205    Il-Kummissjoni ssostni li l-approċċ segwit fil-kuntest tal-mudell ekonometriku tagħha kien iġġustifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi u tal-karatteristiċi tal-operazzjoni bejn UPS u TNT. Fir-rigward tal-istadju tal-istima, hija tispjega li kkunsidrat li l-użu ta’ varjabbli ta’ konċentrazzjoni kompla jqajjem diffikultajiet ekonometriċi. Sabiex issolvihom fil-limitazzjonijiet ta’ żmien imposti fuqha, il-Kummissjoni kkunsidrat li kellha tiġi applikata varjabbli ta’ konċentrazzjoni diskretizzat fl-istadju tal-istima, sabiex jiġi evitat li jintlaħaq żball materjali.

206    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li UPS ma tikkontestax l-użu tal-varjabbli ta’ konċentrazzjoni diskretizzat użat mill-Kummissjoni fl-istadju tal-istima.

207    Fir-rigward tal-istadju tal-previżjoni, il-Kummissjoni ssostni li din ma setgħetx tirrikorri għall-varjabbli diskretizzat użat fl-istadju tal-istima. Bi tliet intervalli ta’ konċentrazzjoni, tali varjabbli diskretizzat kien iwassal sabiex ma jkun hemm ebda effett fuq il-prezzijiet meta l-varjazzjoni fil-livell ta’ konċentrazzjoni tkun baqgħet f’intervall partikolari. Tali riżultat ma jkunx realistiku u jmur kontra l-osservazzjonijiet magħmula fl-istadju tal-istima. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tispjega li hija qieset li hija ma kellhiex għażla oħra, sabiex tevita żball materjali, ħlief li tmur lura għal varjabbli kontinwu fl-istadju tal-previżjoni, minkejja l-fatt li hija kienet użat varjabbli ta’ konċentrazzjoni diskretizzat fl-istadju tal-istima. Skont il-Kummissjoni, din is-soluzzjoni kienet xierqa u raġonevoli. Għalhekk ma hemm l-ebda żball sostanzjali, u lanqas, a fortiori, żball serju, u dan indipendentement mill-punt dwar jekk dan il-metodu kienx konformi mal-prattika ekonometrika.

208    Il-Kummissjoni ssostni għalhekk li l-affermazzjoni ta’ wieħed mill-esperti ta’ UPS li hija bidlet il-koeffiċjenti tal-mudell bejn l-istima u l-previżjoni hija falza. Il-Kummissjoni ssostni li użat il-koeffiċjenti maħruġa mill-istima u, fl-istadju tal-previżjoni, ipproċediet bl-interpolazzjoni tagħhom. Din hija ipoteżi miżjuda fl-istadju tal-previżjoni. Din l-ipoteżi ta’ interpolazzjoni lineari f’biċċiet kienet intiża sabiex tikkompleta l-mudell ta’ stima sabiex jinkiseb mudell ta’ previżjoni. Il-mudell lineari segmentat użat fl-istadju tal-previżjoni huwa forma ta’ funzjoni mhux lineari.

209    Għandu jiġi osservat li, permezz ta’ dawn l-argumenti, il-Kummissjoni tispjega r-raġunijiet li wassluha sabiex timmodifika l-mudell tal-istima sabiex tipprevedi l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li żiedet mal-mudell użat għall-istima diversi karatteristiċi sabiex tkun tista’ tagħmel previżjonijiet bl-użu ta’ varjabbli ta’ konċentrazzjoni kontinwu. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miftiehem, skont id-dikjarazzjonijiet tal-esperti ta’ UPS, li l-istima u l-previżjoni huma bbażati fuq mudelli li ma humiex identiċi.

210    Il-Kummissjoni lanqas ma tikkontesta l-esperti ta’ UPS meta jaffermaw li hija ma segwietx il-prattika ekonometrika ordinarja, li madankollu hija l-bażi tar-regoli tal-aħjar prattiki li l-Kummissjoni stess iddefinixxiet.

211    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ffissat il-linja ta’ kondotta li hija kellha l-intenzjoni ssegwi għall-produzzjoni ta’ provi u għall-ġbir ta’ data ekonomika billi ppubblikat dokument SEC (2011) 1216 final, tas‑17 ta’ Ottubru 2011, intitolat “Best practices for the submisssion of economic evidence and data collection in cases concerning the application of Articles 101 and 102 TFEU and in merger cases” (L-Aħjar prattiċi għall-produzzjoni ta’ provi ekonomiċi u l-ġbir ta’ data fil-kawżi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE) (iktar ’il quddiem l-“aħjar prattiċi”), li jakkumpanja l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiċi għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE (ĠU 2011, C 308, p. 6). Diġà ġie deċiż li, permezz ta’ tali komunikazzjonijiet, il-Kummissjoni tillimita lilha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, minħabba ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħat-trattament ugwali jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 211, u tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Expedia, C‑226/11, EU:C:2012:795, punt 28).

212    L-aħjar prattiki huma intiżi li jirregolaw l-analiżi ekonomika sabiex il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni jkunu jistgħu jevalwaw ir-rilevanza u l-importanza tagħhom. Dawn huma applikabbli b’mod partikolari għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, fir-rigward kemm tal-partijiet fil-proċedura kif ukoll tal-Kummissjoni (paragrafi 2 u 6 tal-aħjar prattiċi). Skont il-paragrafu 15 tal-aħjar prattiċi, analiżi ekonomika jew ekonometrika li ma tissodisfax strettament l-istandards stabbiliti f’dawn l-aħjar prattiċi, normalment tibbenefika biss minn valur probatorju inqas u tista’ ma tittiħidx inkunsiderazzjoni.

213    Fost il-mezzi previsti mill-aħjar prattiċi sabiex jiġi żgurat l-użu effettiv ta’ provi affidabbli u rilevanti, hemm prinċipalment l-osservanza tat-tekniki standard li jipprevalu fil-qasam tal-analiżi ekonomika jew ekonometrika (paragrafi 2 u 3 tal-aħjar prattiċi). Minbarra l-kwalità tad-data (paragrafi 20 u 33 tal-aħjar prattiċi), l-aħjar prattiċi jirreferu għalhekk għall-ħtieġa li jiġu kkunsidrati biss ipoteżijiet ittestjati u koerenti fir-rigward tal-karatteristiċi tas-suq eżaminat, li tiġi vverifikata l-kwalità tad-data u tal-metodi empiriċi u li jiġu eżaminati l-alternattivi prevedibbli kif ukoll ir-robustezza tar-riżultati miksuba (paragrafi 3, 10, 13, 15, 24 u 26 tal-aħjar prattiċi). Ir-riferimenti multipli għar-robustezza tar-riżultati u għas-sensittività tat-tibdil tad-data jew għall-għażla ta’ metodu empiriku u l-ipoteżijiet preċiżi ta’ mmudellar (paragrafi 15, 32, 40 u 41 kif ukoll Taqsimiet C u E tal-Anness 1 tal-aħjar prattiċi), juru l-importanza li l-Kummissjoni tagħti lil dan il-kunċett. B’mod partikolari, it-Taqsima E tal-Anness 1 tal-aħjar prattiċi tipprevedi li kull studju empiriku għandu jkun akkumpanjat minn analiżi fil-fond tar-robustezza u li mudell ekonomiku għandu, b’mod ġenerali, ikun akkumpanjat minn analiżi tas-sensittività marbuta mal-varjabbli prinċipali, sa fejn huwa biss il-valur plawżibbli u mhux il-valur eżatt ta’ kull varjabbli li jista’ jiġi ddeterminat.

214    L-aħjar prattiċi jagħtu wkoll importanza partikolari lit-trasparenza (ara l-paragrafi 6, 10, 15, 24, 26, 28, 29 u 43 kif ukoll it-Taqsimiet C u D tal-Anness 1 tal-aħjar prattiċi), ikkunsidrata bħala fattur ta’ responsabbiltà u ta’ kredibbiltà (paragrafi 6 u 43 tal-aħjar prattiċi). Huma jispeċifikaw ukoll li l-għażliet metodoloġiċi għandhom jiġu spjegati u mmotivati sabiex juru espliċitament il-vantaġġi u l-inkonvenjenzi tagħhom (paragrafi 24, 26, 28 tal-aħjar prattiċi), iżda wkoll il-limiti tagħhom (paragrafu 43 tal-aħjar prattiċi). L-użu ta’ tekniki statistiċi li ma jsegwux metodi ġeneralment aċċettati għandu jkun iġġustifikat b’mod dettaljat (paragrafu 29 tal-aħjar prattiċi).

215    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma osservatx ir-regoli tagħha tal-aħjar prattiċi, peress li hija bbażat ruħha fuq metodu mhux konvenzjonali, ibbażat fuq suppożizzjonijiet mhux ittestjati u mhux ivverifikati, mingħajr ma eżaminat ir-robustezza tar-riżultati tagħha u s-sensittività tal-mudell, u lanqas ma żvelat lill-partijiet dawn l-għażliet u l-motivi li jistgħu jiġġustifikawhom. Għandu jiġi rrilevat il-kuntrast bejn, minn naħa, l-importanza li l-aħjar prattiċi jagħtu lit-trasparenza u, min-naħa l-oħra, il-mod kif, f’dan il-każ, il-Kummissjoni emendat unilateralment il-mudell fl-istadju tal-previżjoni, mingħajr ma żvelat lill-partijiet in-natura ta’ dawn l-emendi. Dan il-ksur tal-prinċipji li jirriżultaw mill-aħjar prattiċi huwa barra minn hekk ikkorroborat mill-argument tal-Kummissjoni f’din il-proċedura, meta din tirrikonoxxi li, kieku UPS setgħet tieħu konjizzjoni tal-mudell irrevedut, diskussjonijiet sussegwenti kienu probabbilment jirrigwardaw il-problemi marbuta ma’ dawn l-emendi.

216    Minkejja dawn l-elementi, il-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża hija bbażata parzjalment fuq il-mudell ekonometriku ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li teżisti illegalità ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Il-Kummissjoni ġustament tenfasizza li l-mudell ekonometriku huwa biss wieħed mill-elementi meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-operazzjoni ppjanata. Hija utli kemm hi utli sabiex tirfina l-komprensjoni tal-funzjonament tas-swieq affettwati mill-konċentrazzjoni ppjanata, analiżi kwantitattiva bbażata fuq mudell ekonometriku, min-natura tagħha stess, ġeneralment ma tistax tikkostitwixxi l-unika prova insostenn ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà. Fil-fatt, kull mudell huwa bbażat fuq simplifikazzjonijiet tar-realtà, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni fil-paragrafu 12 tal-aħjar prattiċi. Din il-limitazzjoni inerenti għat-teknika ta’ mmudellar timplika li l-istudji ekonometriċi jingħataw valur probatorju li ma jistax jiġi assimilat mal-prova materjali ta’ fatt.

217    F’dan il-każ, sabiex tikkonkludi li kien hemm ostaklu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fi ħmistax-il suq nazzjonali fuq il-bażi ta’ effetti mhux koordinati, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, ibbażat ruħha, minn naħa, fuq analiżi ġenerali tal-karatteristiċi tas-suq inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, fuq analiżi kwantitattiva, li tippermetti li tiġi pperċepita l-portata tal-effetti prevedibbli tal-konċentrazzjoni fuq il-livell tal-prezzijiet, wara li inkludiet f’din l-analiżi ż-żieda fl-effiċjenza allegata.

218    Skont il-paragrafu 24 tal-linji gwida, il-kontroll tal-eżistenza ta’ effetti mhux koordinati fuq suq oligopolistiku jeħtieġ, essenzjalment, li jiġu vverifikati, minn naħa, l-effetti diretti tal-konċentrazzjoni fuq l-inċentivi tal-partijiet għall-amalgamazzjoni sabiex iżidu l-prezzijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-effetti li l-konċentrazzjoni tista’ toħloq fuq l-inċentivi tal-membri l-oħra tal-oligopolija li jirreaġixxu għall-konċentrazzjoni billi jżidu l-prezzijiet tagħhom.

219    Il-Kummissjoni enfasizzat l-istruttura oligopolistika tas-suq rilevanti, li fih DHL, UPS, TNT u FedEx għandhom flimkien bejn 90 % u 95 % tal-azzjonijiet (premessa 509 tad-deċiżjoni kontenzjuża). DHL kienet l-ikbar kompetitriċi f’termini ta’ partijiet mis-suq, ta’ kopertura ġeografika kif ukoll minħabba l-iżvilupp u d-densità tan-network tagħha fi ħdan iż-ŻEE. TNT u UPS kienu kompetituri qrib ta’ DHL (premessi 626 sa 630 tad-deċiżjoni kontenzjuża). Għall-kuntrarju, minħabba networks ħafna iktar limitati, FedEx kienet wisq imbiegħda sabiex tikkompeti kompletament ma’ DHL kif ukoll ma’ UPS u TNT (premessi 511 sa 625; 631 sa 635 u 702 sa 711 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

220    Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-konċentrazzjoni kienet ser tnaqqas in-numru ta’ fornituri minn erba’ għal tlieta (premessi 712 sa 714 tad-deċiżjoni kontenzjuża) u, f’ċerti swieq nazzjonali, minn tlieta għal tnejn, fid-dawl tal-pożizzjoni dgħajfa ta’ FedEx (premessi 715 sa 720 tad-deċiżjoni kontenzjuża). Dan huwa l-każ, fost il-ħmistax-il suq nazzjonali li jikkostitwixxu ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva, tal-Istati Membri li ġejjin: ir-Repubblika Ċeka (il-premessa 1061 tad-deċiżjoni kontenzjuża); id-Danimarka (il-premessa 1135 tad-deċiżjoni kontenzjuża); l-Estonja (il-premessa 1186 tad-deċiżjoni kontenzjuża); il-Latvja (il-premessa 1359 tad-deċiżjoni kontenzjuża); il-Litwanja (il-premessa 1411 tad-deċiżjoni kontenzjuża); Malta (il-premessa 1430 tad-deċiżjoni kontenzjuża); il-Polonja (il-premessa 1627 tad-deċiżjoni kontenzjuża); is-Slovenja (il-premessa 1788 tad-deċiżjoni kontenzjuża), is-Slovakkja (il-premessa 1734 tad-deċiżjoni kontenzjuża); il-Finlandja (il-premessa 1226 tad-deċiżjoni kontenzjuża) u l-Isvezja (il-premessa 1839 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

221    F’erba’ swieq nazzjonali li jikkostitwixxu ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva (ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Litwanja u il-Pajjiżi l-Baxxi), l-entità fformata minn UPS u TNT issir il-mexxej tas-suq b’parti mis-suq ta’ iktar minn 50 % (premessi 1048 sa 1049, 1121, 1393 sa 1394 u 1502 sa 1503 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

222    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li s-suq rilevanti kien ikkaratterizzat mill-eżistenza ta’ ostakoli għoljin għad-dħul u għall-espansjoni. Minħabba n-neċessità li tinbena infrastruttura fiż-ŻEE kollha u li jkun hemm ċentri tal-issortjar u ta’ networks informatiċi, ta’ ġbir u ta’ kunsinna kif ukoll ta’ trasport bl-ajru u bl-art, peress li dawn l-ostakoli huma kumulattivi, is-suq ma kellu ebda kompetitur kbir ġdid matul l-aħħar 20 sena. Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni qieset li la l-proġetti ta’ espansjoni ta’ FedEx u lanqas dawk tal-operaturi l-oħra ma jippermettu li jinħoloq kontrobilanċ għal kwalunkwe strateġija antikompetittiva implimentata mill-partijiet fil-konċentrazzjoni (premessi 741 sa 788 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

223    Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li l-klijenti ma kellhomx setgħa ta’ xiri kumpensatriċi suffiċjenti sabiex jiġġieldu żieda fil-prezzijiet fis-suq wara l-konċentrazzjoni (premessi 791 sa 799 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

224    Dawn l-elementi li jaqgħu taħt l-evalwazzjoni ġenerali tal-konċentrazzjoni huma marbuta, prinċipalment, mal-istruttura tas-suq u ma humiex ikkontestati minn UPS. Dawn jippermettu li tiġi rrelativizzata l-importanza tal-iżviluppi ddedikati, fil-premessi 721 sa 740 tad-deċiżjoni kontenzjuża, għall-kwantifikazzjoni tal-effetti prevedibbli tal-konċentrazzjoni fuq il-livell tal-prezzijiet.

225    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li ċerti limiti tal-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet dehru fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ ċerti swieq nazzjonali. Pereżempju, il-Kummissjoni rrilevat li l-mudell ma kien jippermetti la li jinftiehmu l-karatteristiċi speċifiċi tas-suq Olandiż, u lanqas dawk tas-suq Svediż (premessi 1545 u 1844 sa 1845 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

226    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-affermazzjoni ta’ UPS li, fl-assenza tal-irregolaritajiet li jaffettwaw l-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet, l-ebda awtorità tal-kompetizzjoni ma opponiet l-operazzjoni ppjanata, hija bbażata fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kontenzjuża. Kuntrarjament għal dak li tallega UPS, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni użat mudell ivvizzjat b’irregolaritajiet ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li dawn l-irregolaritajiet huma suffiċjentement serji sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

227    Jeħtieġ ukoll li wieħed iżomm f’moħħu l-utilità tal-mudelli ekonometriċi, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kontroll ta’ konċentrazzjoni li tista’ tagħti lok għal effetti mhux koordinati fuq suq oligopolistiku. Il-Kummissjoni għandu jkollha marġni ta’ manuvra sabiex ma tipparalizzax l-azzjoni tagħha jew tipprekludi l-użu tagħha ta’ tali strumenti kwantitattivi li, minħabba r-rigorożità u l-oġġettività tagħhom, jikkontribwixxu għall-kwalità tal-analiżi ekonomika.

228    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha u wara li ġew ibbilanċjati l-interessi preżenti, għandu jiġi konkluż li l-irregolaritajiet allegati minn UPS fir-rigward tal-mudell ekonometriku tal-Kummissjoni ma humiex suffiċjentement serji sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-argument ta’ UPS għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq iż-żidiet fl-effiċjenza

i)      Osservazzjonijiet preliminari

229    UPS issostni li l-analiżi taż-żidiet fl-effiċjenza fid-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata minn illegalità li tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju. Ebda awtorità tal-kompetizzjoni normalment prudenti u diliġenti ma kienet tikkonkludi li n-natura u l-kwantità tal-provi prodotti matul il-proċedura amministrattiva ma kinux jippermettu li jiġi kkunsidrat, b’mod raġonevoli, li l-konkretizzazzjoni ta’ dawn iż-żidiet kienet razzjonali, fis-sens tal-paragrafu 86 tal-linji gwida.

230    UPS issostni li, kieku l-Kummissjoni aċċettat anki frazzjoni biss taż-żidiet fl-effiċjenza allegati minbarra EUR 65 miljun ta’ sinerġiji fir-rigward tat-trasport bl-ajru u tas-servizzi ta’ groundhandling fl-Ewropa, hija ma kinitx tkun tista’ tipprojbixxi l-operazzjoni, minkejja l-analiżi żbaljata tagħha u mhux konvenzjonali tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet. Kieku l-Kummissjoni kienet evalwat it-tranżazzjoni bejnha u TNT bl-istess metodoloġija bħal dik użata fil-kawża li tirrigwarda l-operazzjoni bejn FedEx u TNT, hija kien ikollha taċċetta proporzjon ikbar tas-sinerġiji allegati.

231    UPS tikkontesta li l-oneru tal-prova fil-qasam taż-żidiet fl-effiċjenza jaqa’ kompletament fuq il-parti li kkomunikat konċentrazzjoni. Hija tqis li tali interpretazzjoni tippermetti lill-Kummissjoni li tiċħad kull sinerġija allegata mingħajr ma tagħti spjegazzjonijiet.

232    Kif diġà ġie espost matul l-eżami tal-ilmenti dwar l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni taż-żidiet fl-effiċjenza, hija l-parti li tkun ikkomunikat konċentrazzjoni li għandha tipproduċi provi preċiżi u konvinċenti li jippermettu, sa fejn huwa possibbli, li jiġu kkwantifikati ż-żidiet fl-effiċjenza mistennija, minkejja l-obbligu tal-Kummissjoni li tinvestiga b’reqqa u imparzjalità l-provi kollha rilevanti u li timmotiva l-evalwazzjoni tagħha b’mod suffiċjenti. Għaldaqstant, l-argument ta’ UPS ibbażat fuq ksur tar-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova ma huwiex fondat.

ii)    Fuq l-evalwazzjoni taż-żidiet fl-effiċjenza allegati minn UPS

233    UPS issostni li, kieku hija setgħet tieħu konjizzjoni tal-kriterji li abbażi tagħhom il-maġġoranza tas-sinerġiji li hija xtaqet tikseb mill-operazzjoni bejnha u TNT ġew miċħuda bħala mhux verifikabbli mill-Kummissjoni, hija kienet tkun f’pożizzjoni li tikkonvinċi lil din tal-aħħar dwar l-eżistenza ta’ dawn iż-żidiet.

234    Madankollu, dan l-argument diġà ġie miċħud wara l-eżami tal-ilmenti dwar l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni taż-żidiet fl-effiċjenza.

235    UPS iżżid li dawn is-sinerġiji kienu jikkostitwixxu r-raġuni għall-pjan ta’ akkwist tagħha ta’ TNT. Minħabba l-komplementarjetà tan-networks ta’ dawn l-impriżi, UPS issostni li hija kienet f’pożizzjoni li tnaqqas l-ispejjeż tagħha u li tikkompeti b’mod iktar effikaċi ma’ DHL, ir-rivali prinċipali tagħha fis-suq Ewropew. Matul in-negozjati tagħhom, il-Bord tad-Diretturi tagħha kif ukoll dak ta’ TNT ipprevedew, abbażi ta’ analiżi ta’ esperti, bi prudenza u skont il-leġiżlazzjoni Olandiża applikabbli, sinerġiji ta’ bejn EUR 400 u EUR 550 miljun fis-sena (peress li l-medjan kien ta’ EUR 503 miljun fis-sena), stima riflessa fil-prezz tal-offerta pubblika ta’ xiri ta’ EUR 9.50 għal kull azzjoni.

236    UPS issostni li ssottomettiet dawn il-previżjonijiet lill-Kummissjoni, sabiex din tal-aħħar tikkunsidrahom fl-evalwazzjoni tagħha tal-operazzjoni ppjanata, skont l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004 u l-paragrafi 76 et seq tal-linji gwida. Madankollu, il-Kummissjoni aċċettat li tieħu inkunsiderazzjoni biss is-sinerġiji marbuta man-network tal-ajru Ewropew u mal-groundhandling matul l-ewwel tliet snin wara l-konklużjoni tal-operazzjoni, għal ammont ta’ EUR 65 miljun fis-sena.

237    UPS issostni li, billi ċaħdet b’dan il-mod il-bilanċ ta’ EUR 438 miljun ta’ sinerġiji annwali minħabba li ma setgħux jiġu vverifikati, il-Kummissjoni wettqet żball serju ta’ evalwazzjoni.

238    UPS tallega li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sinerġiji segwenti, li huma eżaminati f’iktar dettall iktar ’il quddiem:

–        network tal-ajru u groundhandling fl-Ewropa (ir-raba’ sena): EUR 43 miljun;

–        spejjeż amministrattivi: EUR 210 miljun;

–        trasport bl-ajru transatlantiku: EUR 25 miljun;

–        trasport bl-ajru għan-nom ta’ terzi: EUR 33 miljun;

–        trasport bit-triq ta’ linji fin-network bejn ajruporti ċentrali u linji ta’ kontribuzzjoni: EUR 22 miljun;

–        installazzjonijiet: EUR 17-il miljun;

–        network fil-qasam ta’ PUD (iktar ’il quddiem in-“network PUD”): EUR 40 miljun;

–        provvista ta’ servizzi esterni: EUR 48 miljun.

239    UPS tqis li, anki jekk parti żgħira biss miż-żidiet fl-effiċjenza miċħuda tkun ġiet aċċettata bħala verifikabbli, huwa ċar li ma kienx ikun hemm l-iċken bażi sabiex tiġi adottata deċiżjoni ta’ projbizzjoni.

–       Fuq in-network tal-ajru u groundhandling fl-Ewropa (ir-raba’ sena)

240    UPS tikkritika lill-Kummissjoni talli ċaħdet, fil-premessa 905 tad-deċiżjoni kontenzjuża, is-sinerġiji marbuta man-network tal-ajru u mal-groundhandling lil hinn mit-tliet snin wara l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni bejnha u TNT, minħabba li tali perjodu ta’ żmien kien jimplika inċertezza ikbar u benefiċċji inqas malajr għall-konsumaturi. Din l-evalwazzjoni hija manifestament żbaljata u kontradittorja, peress li, fil-premessa 902 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li s-sinerġiji huma l-istess matul ir-raba’ sena, li tirrifletti l-implimentazzjoni gradwali tal-integrazzjoni.

241    Sabiex tingħata risposta għal dan l-argument, għandu jitfakkar li t-teħid inkunsiderazzjoni tas-sinerġiji allegati jikkonsisti, mid-definizzjoni tiegħu stess, fl-evalwazzjoni tal-valur preżenti ta’ flussi futuri, fil-forma ta’ profitti jew ta’ ffrankar, evalwazzjoni li neċessarjament tiddependi fuq il-perjodu ta’ żmien kif ukoll fuq il-probabbiltà ta’ twettiq ta’ dawn il-profitti jew iffrankar. Huwa b’dan il-mod li l-paragrafi 83 u 87 tal-linji gwida jenfasizzaw li, b’mod ġenerali, iktar ma ż-żidiet fl-effiċjenza previsti jitbiegħdu fiż-żmien, inqas il-Kummissjoni tkun tista’ tagħtihom piż jew tikkunsidrahom bħala probabbli. Fil-premessi 905 u 906 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni għażlet li tillimita, fil-prinċipju għall-ewwel tliet snin, it-teħid inkunsiderazzjoni taż-żieda fl-effiċjenza mistennija. Għall-kuntrarju, għall-evalwazzjoni ġenerali tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li tieħu inkunsiderazzjoni l-projezzjonijiet relatati mar-raba’ sena, filwaqt li jitnaqqas il-piż li kellu jingħatalhom fid-dawl tal-inċertezzi u tal-kumplessità tal-integrazzjoni tan-networks tal-ajru u tas-servizzi ta’ groundhandling.

242    L-argument ta’ UPS jikkonsisti essenzjalment fl-affermazzjoni li l-kredibbiltà tal-projezzjonijiet tagħha ta’ żidiet fl-effiċjenza futuri hija ikbar minn dik li l-Kummissjoni effettivament irrikonoxxiet. Madankollu, fid-dawl tan-natura inċerta ta’ dawn iż-żidiet u tal-perijodu ta’ żmien invokat minn UPS, ebda wieħed mill-argumenti tagħha ma jippermetti li jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

–       Fuq l-ispejjeż amministrattivi

243    Skont UPS, is-sinerġiji amministrattivi jirriżultaw mill-amalgamazzjoni tas-sede prinċipali u tal-funzjonijiet ġenerali ċentrali fl-Ewropa tagħha u ta’ TNT. Iż-żidiet fl-effiċjenza mistennija kellhom jilħqu s-somma ta’ EUR 210 miljun fuq medda ta’ erba’ snin permezz ta’ tnaqqis fil-persunal ikkombinat ta’ 11 % għall-funzjonijiet ta’ ġestjoni u ta’ 12 % għall-funzjonijiet amministrattivi, peress li dawn l-għanijiet kienu inqas mill-esperjenza miksuba minnha.

244    Fil-premessa 891 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni warrbet dan l-iffrankar, peress li dan kien jirrigwarda spejjeż fissi li ma jistgħux jiġu mgħoddija fuq il-konsumaturi. UPS tqis li dan ir-raġunament huwa żbaljat u kontradittorju. Filwaqt li l-Kummissjoni użat rata ta’ riperkussjoni taż-żidiet fl-effiċjenza ta’ 67 % fuq l-ispejjeż medji totali (spejjeż varjabbli u spejjeż fissi), hija kellha tapplika din ir-rata għall-ispejjeż amministrattivi u tikkunsidra li 67 % tal-iffrankar miksub fuq dawn jiġu mgħoddija fuq il-konsumaturi, filwaqt li l-kumplament jiġi assorbit minnha. B’mod kuntrarju, jekk il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tirrifjuta, skont il-premessa 891 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tapplika din ir-rata għall-ispejjeż fissi, hija kellha għalhekk, b’koerenza, tapplika rata ta’ riperkussjoni ogħla fuq l-ispejjeż varjabbli. Għalhekk, dan kien iwassal għal żidiet ikbar fl-effiċjenza għaliha u għal tnaqqis fin-numru ta’ swieq potenzjalment affettwati minn ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

245    Madankollu, għandu jitfakkar li, fil-premessa 891 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni essenzjalment irrikonoxxiet li, minn perspettiva ta’ kontabbiltà, l-ispejjeż amministrattivi setgħu jinqasmu bejn id-diversi servizzi u swieq nazzjonali skont il-volumi ta’ pakketti proċessati. Madankollu, minn perspettiva ekonomika, dan il-mod ta’ tqassim ma jippermettix li jiġi ddeterminat il-mod kif dawn l-ispejjeż fissi jikkontribwixxu għad-determinazzjoni tal-prezz ta’ kull kuntratt addizzjonali. Peress li qieset bħala inċerta t-tweġiba għall-kwistjoni dwar sa fejn l-iffrankar tal-ispejjeż amministrattivi seta’ jinfluwenza l-prezzijiet tal-prodotti rilevanti sabiex tkun iġġustifikata t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni, fil-premessa 892 tad-deċiżjoni kontenzjuża, qieset li dan l-iffrankar, kif ippreżentat minn UPS, ma setax jiġi vverifikat u ma setax, konsegwentement, jittieħed inkunsiderazzjoni. Minn din il-premessa tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta wkoll li l-kunsiderazzjonijiet dwar ir-riperkussjoni fuq il-konsumaturi tal-iffrankar marbut mal-ispejjeż amministrattivi kienu ppreżentati biss b’mod sussidjarju, fil-każ li dan l-iffrankar ikun jista’ jiġi vverifikat.

246    Min-natura tagħhom, is-sinerġiji marbuta mat-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi wara l-amalgamazzjoni jikkonkretizzaw ruħhom fi tnaqqis tal-ispejjeż fissi tal-impriża. Issa, kif ġie enfasizzat fil-paragrafu 80 tal-linji gwida, it-titjib fil-profitabbiltà li jwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż varjabbli jew marġinali jista’ jkun iktar rilevanti għall-evalwazzjoni taż-żidiet fl-effiċjenza mit-tnaqqis fl-ispejjeż fissi, għaliex bħala prinċipju huwa iktar probabbli li dan iwassal għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-konsum. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta ċaħdet is-sinerġiji assoċjati mat-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi minħabba li dawn ma kinux rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni taż-żidiet fl-effiċjenza. Peress li l-kritiki ta’ UPS dwar ir-riperkussjoni fuq il-konsumaturi ta’ dan l-iffrankar kienu diretti kontra evalwazzjonijiet sussidjarji, dawn huma irrilevanti u għandhom jiġu miċħuda.

247    Minn dan isegwi li ebda element invokat minn UPS, fir-rigward taż-żidiet fl-effiċjenza marbuta mat-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi, ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

–       Fuq it-trasport bl-ajru transatlantiku

248    UPS tikkritika l-evalwazzjoni li biha l-Kummissjoni, fil-premessi 882 u 883 tad-deċiżjoni kontenzjuża, eskludiet l-iffrankar stmat ta’ EUR 25 miljun fir-rigward tat-trasport bl-ajru transatlantiku, minħabba li din l-istima ma kinitx ivverifikata. UPS tfakkar li hija kellha l-intenzjoni li tħassar l-unika rotta transatlantika ta’ TNT bejn Liège (il-Belġju) u New York (l-Istati Uniti), sa fejn hija kellha kapaċità suffiċjenti sabiex tassorbi 75 % tal-volum ta’ din il-linja. Il-Kummissjoni ċaħdet il-kalkoli li kienu wasslu għal stima ta’ EUR 25 miljun, minħabba li kienu bbażati fuq l-ipoteżi li TNT kienet topera Boeing 767, filwaqt li fir-realtà hija kienet topera Boeing 777. Issa, peress li l-ispejjeż ta’ dan tal-aħħar huma ogħla minn dawk tal-ajruplan l-ieħor, l-iffrankar miksub kien ikun biss ikbar.

249    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessi 881 sa 883 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ma ċaħditx l-eżistenza tal-allegata żidiet fl-effiċjenza. Hija qieset li dawn iż-żidiet ma kinux verifikabbli, peress li UPS kienet ibbażat il-kalkoli tagħha fuq is-sitwazzjoni tan-network tat-TNT fl‑2007, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li sussegwentement TNT kienet użat ajruplani ta’ kapaċità ikbar.

250    Sabiex turi n-natura żbaljata ta’ din l-evalwazzjoni, UPS ipproduċiet insostenn tar-rikors numru ta’ kalkoli intiżi sabiex isostnu l-portata taż-żidiet li hija kienet qegħda tistenna mis-sinerġiji miksuba mis-servizzi ta’ trasport bl-ajru transatlantiku. Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-elementi ma ġewx ippreżentati lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, minkejja l-fatt li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fil-punt 725 tagħha, ġibdet l-attenzjoni ta’ UPS dwar in-natura diffiċilment verifikabbli tal-istimi tagħha ta’ żidiet fl-effiċjenza. UPS b’hekk tipproduċi diversi folji ta’ kalkolu dwar l-użu tal-kapaċità tagħha ta’ trasport bl-ajru transatlantiku fl‑2012 (l-Anness A.35 tar-rikors), li, skont l-ammissjoni stess ta’ UPS, ma ġewx prodotti matul il-proċedura amministrattiva. Madankollu, kienet UPS li kellha tipproduċi l-prova, matul il-proċedura amministrattiva, mhux biss tal-eżistenza taż-żidiet fl-effiċjenza li hija allegat li l-eżistenza tagħhom, iżda wkoll elementi verifikabbli li fuq il-bażi tagħhom hija kienet qed tibbaża ruħha sabiex tikkwantifikahom. L-argument ta’ UPS dwar is-servizzi tal-ajru transatlantiċi huwa infondat u għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-trasport għan-nom ta’ terzi

251    UPS stenniet li tikseb iffrankar billi tittrasporta bl-ajruplani tagħha stess, il-pakketti li TNT kienet tibgħat fuq titjiriet kummerċjali operati minn terzi. Fil-premessa 889 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni eskludiet dan l-iffrankar, minħabba li UPS ma kinitx uriet li setgħet tassorbi l-volum ta’ TNT fl-ajruplani tagħha stess. UPS tikkritika lill-Kummissjoni talli ma qajmitx din il-kwistjoni matul il-proċedura amministrattiva meta hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi kollha sabiex tirrispondi b’mod konvinċenti.

252    Kuntrarjament għal dak li tallega UPS, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tistedinha tipproduċi l-provi li jippermettu li jiġu ssostanzjati ż-żidiet fl-effiċjenza allegati.  Hija UPS li kellha tipproduċi l-prova, mhux biss tal-eżistenza taż-żidiet fl-effiċjenza li hija allegat li jeżistu, iżda wkoll elementi verifikabbli li abbażi tagħhom hija kienet qegħda tibbaża ruħha sabiex tikkwantifikahom. L-argument ta’ UPS ma huwiex fondat u għalhekk għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-trasport bit-triq ta’ linji fin-network

253    Skont UPS, l-akkwist ippjanat kien jippermettilha tirrazzjonalizza n-network tagħha tat-trasport bit-triq ta’ linji fi ħdan iż-ŻEE billi jgħaqqdu ma’ dak ta’ TNT, permezz tal-mudell loġistiku tagħha “hub feeder network optimisation model” (mudell ta’ ottimizzazzjoni tan-network ta’ ċentru ta’ ġbir, iktar ’il quddiem il-“mudell HFNO”) applikat għad-data ta’ tliet swieq (il-Ġermanja, l-Italja u r-Renju Unit), li jikkostitwixxu kampjun tajjeb tan-networks tad-diversi swieq Ewropej. Fil-premessi 866 u 867 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni eskludiet dan l-iffrankar, minħabba li l-ġustifikazzjonijiet ipprovduti kienu parzjali u ftit li xejn affidabbli. UPS tikkontesta din l-evalwazzjoni. Hija ssostni li l-istimi tan-network uniku futur tagħha kienu solidi, prudenti u affidabbli. UPS tispjega li rnexxielha tistma, b’marġni ta’ prudenza, sinerġiji tal-ispejjeż ta’ madwar 15 %. Anki jekk hija kellha tbiddilhom fid-dawl tad-data pprovduta minn TNT, UPS tqis madankollu li d-differenzi hekk osservati ma humiex sinjifikattivi u huma spjegati minn diverġenzi metodoloġiċi bejnha u TNT.

254    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet. Hija ssostni b’mod partikolari li UPS tiddikjara, iżda ma turix li s-swieq tal-Ġermanja, tal-Italja u tar-Renju Unit jikkostitwixxu “kampjun tajjeb”, fl-assenza ta’ kwalunkwe prova li tippermetti li tiġi vverifikata l-veraċità ta’ din l-affermazzjoni.

255    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-premessi 865 u 866 tad-deċiżjoni kontenzjuża, iż-żieda fl-effiċjenza allegata ġiet ikkalkulata minn UPS permezz tal-mudell HFNO tagħha, abbażi tad-data dwar tliet swieq nazzjonali. UPS ikkunsidrat li dawn ir-riżultati setgħu jiġu estiżi għas-swieq l-oħra kollha, mingħajr ma tagħti raġuni għal dan. Għalhekk, il-Kummissjoni invokat, essenzjalment, l-assenza ta’ prova tar-rappreżentattività tal-kampjun użat minn UPS.

256    Madankollu jidher li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, UPS ipprovdiet dokument (l-Anness 4.8 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet) li jispjega r-raġunijiet li wasslu għall-għażla tat-tliet swieq nazzjonali li jiffurmaw il-kampjun. Fil-fatt, minn dan id-dokument jirriżulta li dawn is-swieq juru tliet każijiet li jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet bejn il-volumi ta’ UPS u dawk ta’ TNT, jiġifieri volumi superjuri (il-Ġermanja), inferjuri (l-Italja) u ugwali (ir-Renju Unit). Dawn it-tliet swieq sussegwentement ġew immudellati bħala li jikkostitwixxu network uniku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tallega li UPS naqset, matul il-proċedura amministrattiva, milli tipprovdi spjegazzjonijiet dwar il-metodoloġija segwita sabiex jintgħażel kampjun tat-tliet swieq li hija kienet tqis rappreżentattivi.

257    Minbarra dan l-iżball, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 867 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni stiednet lil UPS tippreċiża l-kalkoli tagħha bbażati fuq dan il-kampjun billi tieħu inkunsiderazzjoni d-data ta’ TNT. Fi tmiem dan l-eżerċizzju, irriżulta li, għal ċerti swieq nazzjonali, ir-riżultati miksuba b’dan il-mod jvarjaw b’mod sinjifikattiv mill-istimi inizjali ta’ UPS. Minħabba dawn id-differenzi, il-Kummissjoni qieset li l-kwantifikazzjoni taż-żieda fl-effiċjenza mistennija kienet inċerta.

258    Għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza ta’ dawn id-differenzi, ikklassifikati bħala “kbar”, hija ta’ natura li tqajjem dubji dwar il-validità tal-istima taż-żidiet fl-effiċjenza allegati minn UPS mill-mudell HFNO tagħha. Għalkemm UPS tikkontesta l-kobor ta’ dawn id-differenzi, hija madankollu ma żviluppatx argumenti speċifiċi f’dan ir-rigward, u lanqas ma ressqet ċifri li jippermettu li tiġi kkontestata l-fondatezza tal-konstatazzjoni magħmula fil-premessa 867 tad-deċiżjoni kontenzjuża. UPS, filwaqt li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ tali differenzi, sostniet li dawn ma kinux dovuti għal differenzi sostanzjali bejn id-data stmata u d-data reali, iżda pjuttost l-għażla ta’ bażi differenti li fuqha TNT qassmet l-ispejjeż tagħha.

259    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkunsidrat li UPS ma rnexxilhiex turi li l-Kummissjoni wettqet ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, meta hija ddeċidiet li l-istima taż-żidiet fl-effiċjenza marbuta man-network tat-toroq ta’ rotot fin-network kienet wisq inċerta sabiex tkun tista’ titqies li ġiet ivverifikata. Għaldaqstant, l-argument ta’ UPS għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-installazzjonijiet

260    UPS tikkritika lill-Kummissjoni talli warrbet, fil-premessa 863 tad-deċiżjoni kontenzjuża, bħala mhux ivverifikat, l-iffrankar ippjanat marbut mar-razzjonalizzazzjoni tal-installazzjonijiet li saru superfluwi minħabba l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ppjanata, minħabba li d-data pprovduta kienet tkopri ftit pajjiżi. UPS issostni li din l-evalwazzjoni hija żbaljata: hija tiddikjara li bagħtet lill-Kummissjoni kalkoli ddettaljati għal 112 mill‑118-il installazzjoni li hija kellha l-intenzjoni tagħlaq.

261    Għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 862 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni esponiet li UPS kienet ikkalkolat l-iffrankar mistenni mir-razzjonalizzazzjoni tal-installazzjonijiet tagħha abbażi ta’ stima tal-ispiża annwali għal kull installazzjoni mmultiplikata bin-numru totali ta’ installazzjonijiet intiżi li jingħalqu. Iċ-ċifra hekk miksuba ġiet sussegwentement immultiplikata bil-valur annwali medju tal-ispejjeż tal-funzjonament ta’ installazzjoni, evalwat għal EUR 330 000. Ir-riżultat ta’ din l-operazzjoni (EUR 18-il miljun) ġie sussegwentement aġġustat u mnaqqas għal EUR 17-il miljun.

262    Fil-premessi 863 u 864 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkunsidrat li dan il-metodu ma kienx preċiż f’żewġ aspetti. L-ewwel, dan il-metodu kien ibbażat fuq id-data marbuta ma’ numru żgħir jew ma’ grupp ta’ pajjiżi minkejja l-fatt li l-iffrankar mistenni kien speċifiku għal kull pajjiż. It-tieni, dan il-metodu kien ibbażat fuq il-premessa li l-ispejjeż kollha assoċjati ma’ sit iddestinat għall-għeluq jikkostitwixxu ffrankar. Issa, peress li l-volumi ttrattati minn dawn l-installazzjonijiet kellhom jiġu ttrasferiti lejn installazzjonijiet oħra, kellu jiġi kkalkolat l-iffrankar nett billi jiġu pparagunati l-ispejjeż ta’ proċessar qabel l-amalgamazzjoni mal-ispejjeż addizzjonali wara l-amalgamazzjoni.

263    Din it-tieni oġġezzjoni tal-Kummissjoni tammonta, essenzjalment, għal kritika fil-konfront ta’ UPS li ma għamlitx distinzjoni suffiċjenti fl-evalwazzjoni tagħha tal-iffrankar ippjanat bejn dak relatat mal-ispejjeż fissi u dak relatat mal-ispejjeż varjabbli. Issa, kif tfakkar preċedentement fir-rigward taż-żidiet fl-effiċjenza relatati mas-sinerġiji tal-ispejjeż amministrattivi, it-titjib fil-profittabbiltà li jwasslu għal tnaqqis fl-ispejjeż varjabbli jew marġinali jista’ jkun iktar rilevanti għall-evalwazzjoni taż-żidiet fl-effiċjenza milli għat-tnaqqis tal-ispejjeż fissi.

264    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-argument ta’ UPS jevita din il-kwistjoni u jikkonċentra esklużivament fuq l-ewwel problema mqajma mill-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-argument ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, meta qieset li l-istima tal-iffrankar marbut mal-għeluq ta’ installazzjonijiet superfluwi ma setgħetx tiġi kkunsidrata minħabba n-nuqqas ta’ affidabbiltà tagħha.

–       Fuq in-network PUD

265    UPS tikkritika lill-Kummissjoni talli ċaħdet, fil-premessi 853 u 854 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-kwantifikazzjoni tas-sinerġiji mistennija mir-razzjonalizzazzjoni tan-network PUD, minħabba li l-kalkoli tagħha ma setgħux jiġu vverifikati.

266    UPS issostni, l-ewwel, li l-Kummissjoni ma kkontestatx l-eżistenza ta’ dawn is-sinerġiji, iżda biss l-evalwazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni naqset milli tesponi l-kriterju li abbażi tiegħu hija kienet lesta taċċetta tali kalkoli u li tagħmlilha mistoqsijiet.

267    Madankollu, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tistieden lil UPS sabiex tipproduċi l-provi li jippermettu li tiġi ssostanzjata l-allegata żieda fl-effiċjenza.  Hija UPS li kellha tipproduċi l-prova, mhux biss tal-eżistenza taż-żidiet fl-effiċjenza li hija allegat li jeżistu, iżda wkoll elementi verifikabbli li abbażi tagħhom hija kienet qegħda tibbaża ruħha sabiex tikkwantifikahom. Dan l-ewwel argument ta’ UPS għandu għalhekk jiġi miċħud.

268    It-tieni, fir-rigward tal-argument ta’ UPS li l-ġustifikazzjonijiet invokati mill-Kummissjoni insostenn taċ-ċaħda taż-żidiet fl-effiċjenza qatt ma ġew ikkomunikati lilha matul il-proċedura amministrattiva, għandu jitfakkar li dan diġà ġie miċħud wara l-analiżi tal-ilmenti dwar l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni taż-żidiet fl-effiċjenza.

269    It-tielet, UPS issostni li r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni eskludiet it-teħid inkunsiderazzjoni taż-żidiet fl-effiċjenza marbuta man-network PUD huma manifestament żbaljati.

270    Għandu jitfakkar li, fil-premessi 851 u 852 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ żidiet fl-effiċjenza li jirriżultaw mis-sinerġiji marbuta mal-għaqda tan-networks PUD. Madankollu, fil-premessi 853 u 854 tal-istess deċiżjoni, hija ċaħdet l-evalwazzjoni tal-ammont tagħhom minn UPS, minħabba n-nuqqas ta’ affidabbiltà tagħhom. Il-Kummissjoni enfasizzat b’mod iktar speċifiku r-rappreżentattività dgħajfa u l-anzjanità tad-data pprovduta minn UPS.

271    Fir-rigward tar-rappreżentattività tad-data, mill-premessa 824 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li UPS ibbażat ruħha fuq stima tal-iffrankar tax-xufiera mwettqa f’kull suq nazzjonali (EUR 45 miljun), aġġustata ’l isfel sabiex tasal għal stima ta’ EUR 40 miljun. Madankollu, il-Kummissjoni rrilevat li dan il-kalkolu kien ibbażat fuq informazzjoni ddettaljata biss fir-rigward tas-suq Ġermaniż, Franċiż, tal-Benelux (li jiġbor fih il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi) kif ukoll dak tal-Irlanda u r-Renju Unit. Il-kumplament tas-suq kien maqsum f’żewġ gruppi, jiġifieri dak tal-“Ewropa tal-Lvant” u dak tal-“bqija tal-Ewropa”, li fir-rigward tagħhom UPS wettqet stima tat-tnaqqis medju tax-xufiera, mingħajr ma pprovdiet spjegazzjoni dwar dan is-suġġett. Peress li l-iffrankar marbut man-network PUD kien marbut mill-qrib mal-kundizzjonijiet ta’ kull suq, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 853 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li UPS kellha tibbaża ruħha fuq id-data ta’ kull suq minflok tapplika stima għal grupp ta’ pajjiżi. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li l-istima tas-sinerġiji relatati man-network PUD ma kinitx affidabbli għal dawn iż-żewġ gruppi.

272    F’dan ir-rigward, UPS tosserva li l-pajjiżi li jaqgħu taħt il-kategoriji “Ewropa tal-Lvant” u “l-bqija tal-Ewropa” jirrappreżentaw biss 9 mill‑40 miljun iffrankar previst, peress li l-pajjiżi l-oħra kienu mqassma bejn erba’ gruppi skont il-karatteristiċi tan-networks tagħhom (jiġifieri n-numru ta’ sewwieqa u n-numru ta’ waqfiet f’kull mil).

273    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li UPS ma tikkontestax l-oġġezzjoni prinċipali tal-Kummissjoni dwar l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data speċifika għal kull suq, minkejja d-differenzi fl-ispejjeż eżistenti bejn dawn is-swieq. Issa, l-evalwazzjoni taż-żidiet fl-effiċjenza allegati għandha l-għan li tivverifika, fis-swieq li jagħtu lok għal ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, jekk dawn iż-żidiet humiex ta’ natura li jikkumpensaw għall-effetti antikompetittivi li l-konċentrazzjoni tista’ toħloq. Meta, bħal f’dan il-każ, dawn l-effetti antikompetittivi jkunu jinsabu fit-territorju ta’ ċerti Stati Membri, huwa neċessarju li jiġi vverifikat, f’kull wieħed minn dawn is-swieq nazzjonali, jekk il-qligħ allegat jirriżultax f’vantaġġ nett għall-konsumaturi.

274    Għaldaqstant, fl-assenza ta’ indikazzjoni kuntrarja prodotta minn UPS, għandu jiġi miftiehem li l-approċċ segwit minn UPS, li jikkonsisti fl-għoti ta’ preferenza tal-applikazzjoni għal grupp ta’ pajjiżi ta’ rata unika dderivata minn mudell ikkostitwit minn erba’ gruppi ta’ swieq nazzjonali, jidher inqas preċiż u inqas affidabbli minn dak fejn wieħed jibbaża ruħu fuq id-data ta’ kull suq sabiex wieħed għal stima medja applikabbli għal kulħadd.

275    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-ħmistax-il suq nazzjonali li jikkostitwixxu ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, huma biss il-Pajjiżi l-Baxxi li ma jaqgħu la fil-kategorija tal-“Ewropa tal-Lvant” u lanqas fil-kategorija tal-“bqija tal-Ewropa”. Issa, kif UPS ammettiet hija stess, il-valur totali taż-żidiet fl-effiċjenza marbuta man-network PUD kien jilħaq biss EUR 9 miljun għal dawn iż-żewġ gruppi ta’ swieq nazzjonali. Għaldaqstant, ftit huwa probabbli li s-suq tal-Pajjiżi l-Baxxi jista’, waħdu, jirrappreżenta ffrankar li jiġġustifika li s-sinerġiji jiġu evalwati sal-ammont ta’ EUR 40 miljun allegati minn UPS. Minn dan isegwi li ż-żidiet fl-effiċjenza rilevanti sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni tas-swieq nazzjonali li fihom il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm ostaklu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva huma probabbilment kunsiderevolment inqas mill-allegat żidiet ta’ 40 miljun. L-argument ta’ UPS għalhekk ma jippermettix li tiġi kkontestata l-validità tal-evalwazzjoni, imsemmija fil-premessa 855 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li d-data dwar is-swieq minbarra l-Ġermanja, Franza, l-Irlanda u r-Renju Unit ma tippermettix li tiġi stabbilita n-natura verifikabbli taż-żidiet fl-effiċjenza stmati għas-swieq l-oħra.

276    Fir-rigward tal-anzjanità tad-data, mill-premessa 854 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-Kummissjoni rrilevat li UPS kienet ibbażat ruħha fuq mudell imfassal fl‑2007 abbażi tad-data tal‑2002, sabiex tevalwa ż-żidiet li jirriżultaw mill-ottimizzazzjoni tan-network PUD fil-kuntest ta’ diskussjonijiet li kienu diġà jirrigwardaw il-possibbiltà tal-akkwist ta’ TNT.

277    Sabiex dawn ir-riżultati jiġu attwalizzati skont is-sitwazzjoni fl‑2011, UPS naqqset dawn l-istimi fi proporzjonijiet li jvarjaw minn suq għall-ieħor, mingħajr ma spjegat il-metodu applikat b’mod ieħor għajr billi kklassifikatha bħala “konservattiv”.

278    UPS issostni li l-kalkoli tagħha kienu ddettaljati, affidabbli u kienu jieħdu inkunsiderazzjoni r-rati ta’ tkabbir tagħha bejn l‑2007 u l‑2011, kif ukoll il-varjazzjonijiet fid-densità tan-network PUD.

279    Madankollu, iż-żewġ dokumenti invokati minn UPS insostenn ta’ dawn l-allegazzjonijiet (l-annessi A.38.1 u A.38.2 tar-rikors) jikkonfermaw id-deskrizzjoni tal-metodoloġija magħmula fil-premessa 854 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Dawn id-dokumenti ma jinkludux indikazzjonijiet preċiżi dwar il-mod kif ir-riżultati tal-istudju mwettaq fl‑2007 ġew aġġornati fl‑2011. Huma sempliċement isostnu li, peress li l-bażijiet ta’ din l-analiżi kienu b’saħħithom, UPS kienet ħadet id-deċiżjoni li sempliċement taġġusta ’l isfel u b’mod sinjifikattiv dawn l-istimi inizjali ta’ ffrankar tal-ispejjeż sabiex tirrifletti l-inċertezzi li jirriżultaw mit-tibdil fil-kundizzjonijiet tas-suq.

280    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li UPS ma rnexxilhiex turi li l-Kummissjoni wettqet fuq dan il-punt ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

–       Fuq il-fornituri ta’ servizzi esterni

281    Fil-premessi 857 sa 861 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni indikat li l-istima minn UPS taż-żidiet fl-effiċjenza marbuta mar-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż fil-qasam tal-PUD suġġetta għas-subappalt hija iktar inċerta minn dik taż-żidiet fl-effiċjenza miksuba min-network PUD tagħha, sa fejn din l-istima hija bbażata fuq ipoteżijiet ferm issimplifikati iktar milli fuq data speċifika għal kull suq nazzjonali. Il-Kummissjoni b’hekk irrilevat li UPS ma tat l-ebda spjegazzjoni insostenn tat-tnaqqis allegat ta’ 6 %, peress li kulma għamlet din tal-aħħar kien li sostniet li din ir-rata kienet tirrifletti l-volumi magħquda ogħla kif ukoll il-benefiċċji li kienu jirriżultaw għall-issortjar. Barra minn hekk, il-konsulenti impjegati minn UPS urew li d-data dwar il-volumi ta’ TNT kienet differenti minn dik użata sabiex jiġu kkalkolati ż-żidiet fl-effiċjenza, mingħajr madankollu ma UPS ipprovat tuża din id-data sabiex tasal għal miżura iktar realistika ta’ żieda fl-effiċjenza. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tivverifika l-ordni ta’ kobor taż-żidiet fl-effiċjenza marbuta mal-fornituri ta’ servizzi esterni u ċaħdet, bħala mhux verifikabbli, iż-żidiet allegati minn UPS.

282    UPS tallega li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-projezzjonijiet tagħha ma kinux ibbażati fuq analiżi ddettaljata skont il-pajjiż, iżda fuq rata medja ta’ 6 % u ma kinux jidhru wisq affidabbli. UPS tqis li din l-analiżi hija manifestament żbaljata.

283    UPS issostni, l-ewwel, li l-użu ta’ rata medja għall-pajjiżi kollha huwa konformi mal-approċċ deskritt preċedentement fir-rigward tan-network PUD għall-pajjiżi li jaqgħu taħt il-kategorija tal-“bqija tal-Ewropa”.

284    Għandu jitfakkar li, skont il-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova taż-żidiet fl-effiċjenza, hija UPS li għandha tiġġustifika l-applikazzjoni tar-rata ta’ 6 % għas-swieq nazzjonali kollha, b’mod partikolari minħabba differenzi fl-ispejjeż eżistenti bejn dawn is-swieq. Għandu jiġi kkunsidrat, bħalma ġie espost preċedentement fir-rigward tan-network PUD, li l-użu ta’ rata ta’ ffrankar medja applikabbli għal grupp ta’ pajjiżi, mingħajr ġustifikazzjonijiet partikolari, jidher inqas preċiż u inqas affidabbli minn dak li jikkonsisti fil-kalkolu ta’ stima medja applikabbli għal kulħadd abbażi tad-data ta’ kull suq. Minn dan isegwi li l-argument ta’ UPS ma żvela ebda element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-motivi esposti mill-Kummissjoni fil-premessa 858 tad-deċiżjoni kontenzjuża huma żbaljati.

285    It-tieni, UPS tilmenta dwar inkoerenza metodoloġika. Il-Kummissjoni aċċettat l-użu ta’ rati medji għall-istess grupp ta’ pajjiżi, fir-rigward tan-network tal-ajru u tal-groundhandling fl-Ewropa (ir-raba’ sena), iżda ċaħditu, fir-rigward tal-ġbir u tal-kunsinna minn fornituri ta’ servizzi esterni.

286    Madankollu, kif ġie rrilevat preċedentement fir-rigward taż-żidiet fl-effiċjenza marbuta mal-ispejjeż fil-qasam tal-PUD, mill-premessi 824, 853 u 858 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li dawn l-ispejjeż huma marbuta mill-qrib mal-kundizzjonijiet lokali prevalenti f’kull suq nazzjonali. Il-Kummissjoni tosserva li din is-sitwazzjoni la hija komparabbli ma’ dik tan-network tal-ajru Ewropew, u lanqas ma’ dik tas-servizzi ta’ groundhandling, mingħajr ma UPS ma kkonfutat dan il-punt. Fid-dawl ta’ dawn il-ġustifikazzjonijiet, għandu jiġi ammess li, minħabba dawn id-differenzi, l-argument ta’ UPS ma jippermettix li tiġi żvelata l-eżistenza ta’ inkoerenza metodoloġika li tista’ tikkostitwixxi żball ta’ evalwazzjoni ta’ natura manifesta u serja.

287    It-tielet, UPS tispjega r-raġunijiet li għalihom, wara l-użu tad-data ta’ TNT, ir-riżultati li jirriżultaw mill-mudell tagħha ma nbidlux b’mod sinjifikattiv. L-emenda prinċipali li saret kienet tikkonċerna l-kriterju ta’ tqassim tas-sinerġiji mingħajr ma tinbidel l-evalwazzjoni globali tal-ammont tagħha.

288    Madankollu, dan l-argument ma jippermettix li jiġu kkontestati l-elementi msemmija fil-premessi 859 u 860 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li minnhom jirriżulta li, minkejja data dwar il-volumi attwali ta’ TNT li hija ferm differenti minn dawk meqjusa inizjalment minn UPS u, konsegwentement, reviżjoni sinjifikattiva tal-iffrankar inizjalment ippjanat, b’mod partikolari għas-swieq tal-Ġermanja u tal-Irlanda u tar-Renju Unit, UPS ma fittxitx tevalwa b’mod iktar preċiż iż-żidiet mistennija għal kull wieħed mis-swieq nazzjonali rilevanti.

289    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jiġi konkluż li UPS ma rnexxilhiex turi l-eżistenza ta’ żbalji fl-evalwazzjoni tan-natura verifikabbli taż-żidiet fl-effiċjenza allegati li jistgħu jistabbilixxu r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

3)      Fuq id-differenza fit-trattament fir-rigward tal-operazzjoni bejn FedEx u TNT

290    UPS tilmenta dwar differenza fit-trattament bejn il-konċentrazzjoni bejnha u TNT u dik bejn FedEx u TNT. Filwaqt li, fi tmiem xogħol ta’ stima rigoruż, hija ħabbret pubblikament li hija kienet qegħda tistenna li tikseb EUR 503 miljun ta’ sinerġiji mill-akkwist ta’ TNT sa mill-ewwel sena, FedEx ma żvelat l-ebda stima għall-pubbliku min-naħa tagħha. Il-Kummissjoni kienet madankollu aċċettat is-sinerġiji mressqa minn FedEx, wara li għamlitilha mistoqsijiet, abbażi tax-xogħlijiet ta’ konsulenti ingaġġati għall-proċedura ta’ kontroll ta’ din il-konċentrazzjoni u li qatt ma ġew żvelati pubblikament, fatt li ma jistax jiġi spjegat għal impriża kkwotata fil-Borża.

291    F’dan ir-rigward, UPS tallega li l-Kummissjoni evalwat is-sinerġiji abbażi ta’ kriterju ħafna iktar strett minn dak li hija użat għall-konċentrazzjoni bejn FedEx u TNT. Li kieku l-Kummissjoni kienet ittrattat lil UPS bl-istess mod bħal FedEx, hija kellha taċċetta ż-żidiet fl-effiċjenza allegati kollha. Fil-kuntest tal-operazzjoni bejn FedEx u TNT, il-Kummissjoni aċċettat numru kbir ta’ sinerġiji li madankollu ma kinux sostnuti minn provi b’daqstant saħħa probatorja bħal dawk invokati minnha. FedEx irrifjutat li tippubblika kwalunkwe kwantifikazzjoni tas-sinerġiji potenzjali sa mill-offerta ta’ xiri tagħha u qatt ma ppreżentat dokumenti interni f’dan ir-rigward.

292    Fid-deċiżjoni dwar l-operazzjoni bejn FedEx u TNT, il-Kummissjoni aċċettat sinerġiji dwar it-trasport bl-ajru transatlantiku abbażi tal-kapaċitajiet ta’ trasport tax-xerrej, mingħajr ma talbet kalkoli ddettaljati. Fl-assenza ta’ iktar informazzjoni fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni dwar l-operazzjoni bejn FedEx u TNT, UPS tissuġġerixxi lill-Qorti Ġenerali li tikseb din l-informazzjoni permezz ta’ miżura istruttorja.

293    Fir-rigward tan-network PUD, UPS tosserva li, fil-kawża li tirrigwarda l-operazzjoni bejn FedEx u TNT, il-Kummissjoni aċċettat li tieħu inkunsiderazzjoni dan it-tip ta’ sinerġiji minkejja l-produzzjoni ta’ provi inqas dettaljati minn dawk prodotti minnha.

294    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha tanalizza kull konċentrazzjoni fid-dawl tal-karatteristiċi tagħha stess u ta’ dawk tas-suq rilevanti. Fil-fatt, konċentrazzjoni għandha tiġi evalwata individwalment u fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali u legali applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2018, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, T‑712/16, EU:T:2018:269, punt 131). Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni fuq il-bażi ta’ notifika u ta’ fajl għal din l-operazzjoni, ir-rikorrent ma għandux id-dritt li jikkontesta l-konstatazzjonijiet tagħha peress li dawn ikunu differenti minn dawk li saru preċedentement f’kawża oħra, abbażi ta’ notifika u ta’ fajl differenti, anki jekk is-swieq inkwistjoni fiż-żewġ każijiet ikunu simili, jew saħansitra identiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, EU:T:2005:456, punt 118, u tat‑13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 142).

295    F’dan il-każ, għalkemm jirrigwardaw l-istess suq, l-operazzjonijiet bejn UPS u TNT u FedEx u TNT, ikkomunikati madwar tliet snin minn xulxin, ma jinvolvux l-istess partijiet. Issa, min-natura tagħhom, iż-żidiet fl-effiċjenza huma direttament marbuta mal-karatteristiċi individwali tal-partijiet tal-konċentrazzjoni.

296    Minħabba, b’mod partikolari, il-karatteristiċi ta’ FedEx kif ukoll il-prossimità kompetittiva bejn UPS u TNT, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-operazzjoni bejn FedEx u TNT ma kinitx tagħti lok għal ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. L-entità li tirriżulta minn din l-amalgamazzjoni tibqa’ kkonfrontata b’żewġ rivali b’saħħithom, DHL u UPS (premessi 444 sa 446 u 630 sa 689 tad-deċiżjoni dwar l-operazzjoni bejn FedEx u TNT), filwaqt li FedEx u TNT, għalkemm kompetituri, joffru sa ċertu punt servizzi komplementari u ma humiex kompetituri qrib xulxin. FedEx hija speċjalizzata fir-rotot bejn iż-ŻEE u l-bqija tad-dinja, filwaqt li l-offerta ta’ TNT hija ffokata fuq ir-rotot internazzjonali ġewwa ż-ŻEE (premessi 590, 591 u 687 sa 689 tad-deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni bejn FedEx u TNT), mingħajr ma TNT tista’, barra minn hekk, titqies li hija kompetitur li jista’ jkollu pożizzjoni kompetittiva partikolari ta’ “individwalista” jew sors importanti ta’ espansjoni fis-suq (premessi 650, 692 sa 714 tad-deċiżjoni dwar l-operazzjoni bejn FedEx u TNT). L-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet ma wrietx impatt statistikament sinjifikattiv fuq il-prezzijiet u, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tindika li ż-żidiet fl-effiċjenza mistennija jikkumpensaw dan l-impatt (premessi 468 sa 497, 515 sa 588 u 771 sa 805 tad-deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni bejn FedEx u TNT).

297    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-konċentrazzjonijiet bejn UPS u TNT u bejn FedEx u TNT huma differenti b’mod sinjifikattiv fuq diversi punti, b’mod partikolari fuq il-fatt li FedEx u TNT ma kinux kompetituri qrib xulxin, punt rilevanti għall-eżami tas-sinerġiji li jirriżultaw mill-għaqda ta’ dawn l-impriżi u li ma huwiex ikkontenstat minn UPS.

298    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tissostanzjax l-argument tagħha li l-provi li hija ppreżentat lill-Kummissjoni fir-rigward tas-sinerġiji mistennija ġew evalwati fid-dawl ta’ standard ta’ prova differenti minn dak applikat fil-kuntest tal-konċentrazzjoni bejn FedEx u TNT. B’mod partikolari, hija ma turix li l-provi li hija pproduċiet fir-rigward tat-trasport bl-ajru transatlantiku u tan-network PUD kellhom saħħa probatorja u rilevanza simili għal dawk li kienu ġew aċċettati fil-kuntest ta’ din il-konċentrazzjoni, b’mod li l-Kummissjoni kienet ittrattat provi identiċi jew simili b’mod differenti.

299    Fl-assenza ta’ kull indizju li jista’ jiżvela inugwaljanza fit-trattament, allegazzjoni jew prova relatata ma’ motiv ieħor ta’ illegalità, il-konstatazzjoni ta’ differenzi fl-evalwazzjoni taż-żidiet fl-effiċjenza bejn id-deċiżjoni dwar l-operazzjoni bejn FedEx u TNT u d-deċiżjoni kontenzjuża ma tippermettix li jiġi konkluż li teżisti l-inugwaljanza li UPS tallega li kienet is-suġġett tagħha. Għaldaqstant, l-argument ta’ UPS dwar dan il-punt għandu jiġi miċħud, mingħajr ma huwa neċessarju li jintlaqgħu t-talbiet ta’ UPS sabiex tiġi ordnata miżura struttorja.

4)      Fuq is-sitwazzjoni ta’ FedEx

i)      Fuq il-prossimità kompetittiva ta’ FedEx u ta’ UPS

300    UPS issostni li l-Kummissjoni, meta kkonkludiet fid-deċiżjoni kontenzjuża li, kuntrarjament għal FedEx, UPS, TNT u DHL kienu kompetituri qrib xulxin, wettqet ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni. Din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq l-ipoteżi li DHL tadatta għaż-żidiet fil-prezzijiet li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni bejn UPS u TNT iżda li FedEx ma tkunx f’pożizzjoni li tirribattihom. Issa, il-Kummissjoni ma kellha, fl-opinjoni ta’ UPS, ebda bażi li tippermetti li jiġi konkluż li kien hemm żieda fil-prezzijiet li tirriżulta mill-konċentrazzjoni bejn UPS u TNT. Għall-kuntrarju, l-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet u l-analiżi taż-żidiet fl-effiċjenza wrew li l-konċentrazzjoni kienet tkun favorevoli għall-kompetizzjoni.

301    UPS tfakkar li argumentat f’dan is-sens fil-kuntest tat-tielet motiv tar-rikors tagħha fil-Kawża T‑194/13 u wriet in-nuqqas ta’ rigorożità li bih il-Kummissjoni analizzat ir-risposti għall-kwestjonarju tas-suq, b’mod partikolari fir-rigward tas-suq Ċek, Bulgaru, Daniż u Malti. Ir-rifjut tal-Kummissjoni li tispjega kif ir-risposti għall-kwestjonarju għal dawn l-Istati Membri jiġġustifikaw il-konstatazzjoni ta’ ostaklu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva jagħmilha impossibbli li jinftiehem il-livell ta’ prova meħtieġ sabiex wieħed jasal għal tali konstatazzjoni. UPS tipproduċi, fl-istadju tar-replika, rendikont tar-risposti tal-klijenti l-kbar u żgħar għall-istudju tas-suq tal-fażi II għas-suq Bulgaru, Ċek, Daniż u Malti, li jikkonferma li ma kienx raġonevoli li jiġi konkluż li FedEx ma kinitx kompetitur qrib ta’ UPS.

302    UPS tilmenta li l-Kummissjoni kkunsidrat li TNT kienet kompetitur qrib ta’ UPS, iżda li FedEx ma kinitx. Anki fis-suq Ċek, li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni qieset l-analiżi tagħha partikolarment b’saħħitha, ir-risposti għall-kwestjonarju jindikaw b’mod inekwivoku li ma kien hemm ebda prova li hija u TNT kienu f’kompetizzjoni mill-qrib. Għall-kuntrarju, ir-risposti jindikaw li l-impriżi kienu jipprevedu li hija, TNT, FedEx u DHL bħala li huma perfettament sostitwibbli, minħabba ċerti karatteristiċi tas-servizzi offruti, jew minħabba li l-iktar kompetituri mill-qrib tagħha jew dawk ta’ TNT ma jipprovdux servizzi li għandhom dawn il-karatteristiċi. L-istess japplika fir-rigward tas-suq Bulgaru, Daniż u Malti.

303    Għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, wara li waslet għall-konklużjoni li s-suq intra-ŻEE tal-kunsinna espressa ta’ pakketti żgħar kien iddominat minn erba’ integraturi, jiġifieri DHL, UPS, TNT u FedEx (il-premessa 510 tad-deċiżjoni kontenzjuża), il-Kummissjoni kkunsidrat li, fost dawn l-impriżi, FedEx kienet kompetitur ħafna iktar dgħajjef u mbiegħed minn UPS, TNT u DHL. Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ FedEx fis-suq intra-ŻEE (il-premessi 513 sa 517 tad-deċiżjoni kontenzjuża), il-kopertura tagħha tas-suq taż-ŻEE tal-kunsinna espressa ta’ pakketti żgħar (il-premessi 518 sa 527 tad-deċiżjoni kontenzjuża) u d-dgħufija tan-network tagħha fiż-ŻEE meta mqabbel ma’ dawk tat-tliet integraturi l-oħra (premessi 528 sa 533 tad-deċiżjoni kontenzjuża). Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li, peress li FedEx topera fuq skala iktar ridotta, hija kellha spejjeż ta’ ġbir u ta’ kunsinna nettament ogħla minn dawk tal-kompetituri tagħha, fatt li jillimita l-kapaċità tagħha li teżerċita pressjoni kompetittiva fis-suq, u dan minkejja l-adozzjoni, fl‑2011, ta’ pjan ta’ espansjoni organika li jestendi sal‑2017 (il-premessi 534 sa 546 u 599 sa 625 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

304    Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat il-preżenza dgħajfa ta’ FedEx fis-swieq interni kif ukoll fil-qasam tal-kunsinna ddifferita (il-premessi 547 sa 552 tad-deċiżjoni kontenzjuża), peress li l-preżenza tagħha kienet nettament iktar b’saħħitha fis-settur tas-servizzi lejn pajjiżi barra miż-ŻEE (il-premessi 553 sa 564 tad-deċiżjoni kontenzjuża). Dawn l-elementi ġew ikkonfermati mill-investigazzjoni tas-suq, li turi li l-klijenti jipperċepixxu lil FedEx bħala iktar dgħajfa mill-integraturi l-oħra fis-suq tas-servizzi ta’ kunsinna espressa ġewwa ż-ŻEE (il-premessi 565 sa 576 u 590 sa 598 tad-deċiżjoni kontenzjuża) kif ukoll mid-dikjarazzjonijiet tal-kompetituri tagħha (il-premessi 578 sa 589 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

305    B’kuntrast mas-sitwazzjoni ta’ FedEx, id-deċiżjoni kontenzjuża turi li UPS u TNT huma kompetituri qrib xulxin (il-premessi 631 sa 702 tad-deċiżjoni kontenzjuża). Sabiex issostni din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat ir-risposti tal-klijenti fl-investigazzjoni tas-suq (il-premessi 636 sa 652 tad-deċiżjoni kontenzjuża) kif ukoll ix-xebh bejn DHL, UPS u TNT f’termini ta’ offerti ta’ servizzi u ta’ kopertura (il-premessi 653 sa 659 tad-deċiżjoni kontenzjuża). Skont dan l-aħħar kriterju, FedEx hija l-iktar dgħajfa minn dawn l-erba’ impriżi f’wieħed u għoxrin suq taż-ŻEE u, fi sbatax minn dawn is-swieq, id-diskrepanza bejn FedEx u l-eqreb kompetitur tagħha hija ta’ mill-inqas 20 punti perċentwali (il-premessa 654 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

306    Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll ix-xebh bejn UPS u TNT f’termini ta’ offerti ta’ servizzi ta’ kunsinna filgħodu (il-premessi 660 sa 665 tad-deċiżjoni kontenzjuża) kif ukoll il-karatteristiċi kwalitattivi tas-servizzi offruti (il-premessa 666 tad-deċiżjoni kontenzjuża). Fir-rigward tal-proċeduri tas-swieq, il-Kummissjoni enfasizzat li DHL, UPS u TNT kienu kompetituri qrib xulxin, filwaqt li s-sitwazzjoni ta’ FedEx kienet iktar imbiegħda (il-premessi 667 sa 684 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

307    Il-Kummissjoni rrifjutat il-konklużjonijiet misluta minn analiżi minn TNT tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-ex klijenti tagħha fir-rigward tal-punt dwar liema kienu l-impriżi li joffru servizzi kompetituri, billi qieset li din l-investigazzjoni ta’ opinjoni kienet ta’ utilità limitata, minħabba limitazzjonijiet inerenti għall-metodoloġija użata (il-premessi 685 sa 701 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

308    Fil-premessi 705 sa 707 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ċaħdet l-osservazzjonijiet b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li permezz tagħhom UPS sostniet li l-analiżi tal-prossimità tal-kompetizzjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-influwenza tad-differenzazzjoni tas-servizzi fuq ir-rappreżentattività tal-partijiet mis-suq bħala indikatur tal-prossimità kompetittiva, kif ukoll il-proporzjonijiet ta’ diverżjoni tal-kompetituri u l-assenza ta’ kwantifikazzjoni tan-numru ta’ klijenti li għalihom DHL ma kinitx soluzzjoni ta’ sostituzzjoni vijabbli għad-detriment tagħha stess u ta’ TNT.

309    Fl-aħħar nett, fil-premessi 708 sa 711 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni rrifjutat ċerti argumenti addizzjonali mressqa minn UPS b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar l-analiżi tal-prossimità tal-kompetizzjoni. UPS sostniet fil-fatt li ma kinitx kompetitur qrib ta’ TNT, peress li ż-żewġ impriżi kellhom profili fundamentalment differenti. Hija allegat li l-Kummissjoni segwiet approċċ binarju (“in” jew “out”) u li ffokat biss fuq is-segment ta’ distanza twila tas-suq.

310    UPS tikkritika l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fuq ir-risposti għall-kwestjonarji dwar is-suq Bulgaru, Ċek, Daniż u Malti. Madankollu, anki jekk dawn l-iżbalji huma stabbiliti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, abbażi tal-elementi kollha tad-deċiżjoni kontenzjuża li għadhom kif tfakkru, li l-kwestjonarji tas-suq jikkostitwixxu biss wieħed mill-elementi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni. Issa, għalkemm l-istħarriġ ta’ dan it-tip jippermetti li tiġi identifikata l-perċezzjoni li għandhom il-konsumaturi jew il-produtturi tal-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom u li jiġbru data f’dan ir-rigward, l-utilità tagħhom tinsab fil-fatt li dawn jippermettu li jiġu kkompletati u mtejba l-komprensjoni ta’ elementi oġġettivi bħalma huma l-partijiet, id-densità tan-networks jew l-istruttura tal-offerta, mingħajr madankollu ma jissostitwixxu dawn l-elementi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li jista’ jiġi stabbilit żball ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tat-tweġibiet għall-kwestjonarji li jikkonċernaw dawn l-erba’ swieq, tali żball fi kwalunkwe każ ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-elementi l-oħra li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kkonkludiet li FedEx ma kinitx kompetitur qrib ta’ UPS, TNT u ta’ DHL, elementi li barra minn hekk UPS ma kkontestatx.

311    L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa minn UPS fil-kuntest ta’ dan ir-rikors ma jippermetti għalhekk li tiġi invalidata l-validità tal-evalwazzjoni tal-prossimità kompetittiva ta’ FedEx.

ii)    Fuq il-proġetti ta’ espansjoni ta’ FedEx

312    UPS tikkontesta l-motivi li permezz tagħhom il-Kummissjoni qieset li ma tantx kien probabbli li FedEx tiżviluppa fl-Ewropa b’mod li tikkumpensa għall-effetti tal-konċentrazzjoni bejnha u TNT li joħolqu ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fi ħmistax-il Stat Membru. UPS tesponi f’iktar dettall l-argumenti tagħha dwar kull wieħed mis-sitt punti msemmija iktar ’il quddiem fuq ir-rwol ta’ FedEx.

–       Fuq il-progress ta’ FedEx fl-Ewropa

313    Fil-fehma ta’ UPS, kien żbaljat għall-Kummissjoni li tafferma, fil-premessa 611 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-proġetti ta’ espansjoni ta’ FedEx fl-Ewropa kienu qed jonqsu. Din l-evalwazzjoni hija direttament kontradetta mid-dikjarazzjonijiet tad-diretturi ta’ FedEx tad‑19 ta’ Ġunju 2012 u tad‑9 u tal‑10 ta’ Ottubru 2012, li skonthom FedEx stenniet li tikseb kważi 75 % mill-350 miljun dollaru Amerikan (USD) profitti supplimentari mill-attivitajiet internazzjonali tagħha sa mit-tmiem tas-sena finanzjarja 2015. UPS tinsisti fuq il-fatt li għandha tingħata importanza partikolari lil tali dikjarazzjonijiet pubbliċi minħabba l-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti applikabbli għat-titoli trasferibbli.

314    Huwa minnu li d-dikjarazzjonijiet tad-diretturi tal-impriżi intiżi għall-investituri jistgħu jikkostitwixxu indizji rilevanti għall-evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġett ta’ konċentrazzjoni. Madankollu, il-fatt li dawn id-dikjarazzjonijiet jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar it-titoli li hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tiżgura l-eżattezza tagħhom, jekk ikun il-każ taħt piena ta’ sanzjonijiet, ma jfissirx madankollu li l-Kummissjoni hija obbligata, minħabba din il-leġiżlazzjoni, tippreżumi l-eżattezza jew il-kredibbiltà ta’ tali dikjarazzjonijiet. Bħal kull element ieħor rilevanti, hija fil-fatt il-Kummissjoni li għandha tipproċedi bid-diliġenza kollha meħtieġa sabiex teżamina r-rilevanza, iżda wkoll il-kredibbiltà u l-verifikabbiltà ta’ tali dikjarazzjonijiet għall-finijiet tal-proċedura ta’ kontroll.

315    Issa, f’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni kisbet konjizzjoni tal-kummenti tad-diretturi ta’ FedEx li, fl-indirizz tagħhom lill-investituri, kienu ddeskrivew il-progress u l-projezzjonijiet dwar il-pjanijiet ta’ espansjoni f’termini iktar ottimisti minn dawk użati sa dak iż-żmien fil-kuntest tal-proċedura dwar l-amalgamazzjoni bejn UPS u TNT. Fid-dawl ta’ dan in-nuqqas ta’ qbil allegat minn UPS, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mingħand FedEx, b’mod partikolari dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ Ottubru 2012 (dokumenti bir-referenzi ID 7399 u 7400), talba li din tal-aħħar ikkonformat ruħha magħha (dokument bir-referenza ID 7418). Il-Kummissjoni tat lil UPS aċċess limitat għal din it-tweġiba kunfidenzjali matul il-proċedura ta’ sala ta’ informazzjoni li saret fis‑26 u fid‑29 ta’ Ottubru 2012.

316    Il-Kummissjoni segwiet l-investigazzjonijiet tagħha billi talbet lil FedEx, fis‑16 ta’ Novembru 2012, informazzjoni addizzjonali (talba bir-referenza Q30) dwar l-emendi magħmula għall-proġetti ta’ espansjoni kif ukoll l-aħħar rapport dwar l-istat ta’ progress ta’ dawn il-proġetti ppreżentati lid-direzzjoni. Fir-risposta tagħha tad‑19 ta’ Novembru 2012, FedEx ikkonfermat li l-għanijiet inizjali tagħha ma kinux ser jintlaħqu, minħabba, minn naħa, il-fatt li huma kienu bbażati fuq ipoteżijiet li kienu eżaġeratament ottimistiċi u, min-naħa l-oħra, minħabba deterjorament tar-riżultati tagħha u tal-kundizzjonijiet ekonomiċi.

317    Għandu jiġi kkonstatat li minn din ir-risposta jirriżulta li FedEx irrevediet ’l isfel l-għanijiet tagħha ta’ partijiet mis-suq u ta’ dħul mill-bejgħ għas-suq tas-servizzi intra-ŻEE. Minn dan isegwi li d-dikjarazzjonijiet imputati lil FedEx fil-premessa 611 tad-deċiżjoni kontenzjuża jikkorrispondu eżattament għad-dikjarazzjonijiet li jinsabu fir-risposta ta’ FedEx tad‑19 ta’ Novembru 2012, li għaliha UPS kellha aċċess, taħt forma mhux kunfidenzjali, fl-istadju tal-espożizzjoni tal-fatti.

318    Għandu jiġi rrilevat ukoll li d-dikjarazzjonijiet tad-diretturi ta’ FedEx invokati minn UPS ma kinux jirrigwardaw is-suq rilevanti, iżda l-attivitajiet kollha ta’ FedEx bl-eċċezzjoni tal-Istati Uniti. Kuntrarjament għal dak li tallega UPS, dawn id-dikjarazzjonijiet provduti mid-diretturi ta’ FedEx fil-kuntest tal-laqgħat perjodiċi tagħhom mal-investituri ma jikkontradixxux, u lanqas ma jikkontestaw il-valur probatorju tal-provi miġbura mill-Kummissjoni u li juru d-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom FedEx fl-implimentazzjoni tal-pjan tagħha ta’ espansjoni organika.

319    Għaldaqstant, l-argument ta’ UPS ma huwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

–       Fuq id-diskrepanza fl-ispejjeż bejn FedEx u l-kompetituri tagħha

320    UPS tallega li l-Kummissjoni li kkunsidrat, fil-premessa 545 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-ispejjeż ta’ ġbir u ta’ kunsinna ta’ FedEx kienu jipprekluduha, fuq perijodu medju, milli tkun kompetittiva meta mqabbla magħha. Din tal-aħħar issostni li:

–        il-Kummissjoni sempliċement segwiet id-dikjarazzjonijiet ta’ FedEx mingħajr ma eżaminat il-provi sottostanti;

–        peress li l-ispejjeż ta’ ġbir u ta’ kunsinna jirrappreżentaw biss parti mill-ispejjeż rilevanti ġewwa ż-ŻEE, ma kien hemm l-ebda raġuni loġika li dawn jiġu eżaminati separatament, minkejja li l-ispejjeż tat-trasport bl-ajru ta’ FedEx, pereżempju, huma probabbilment eqreb lejn tagħha;

–        id-diskrepanza fl-ispejjeż invokata mill-Kummissjoni hija kontradetta mill-eżistenza ta’ erbatax-il suq nazzjonali mingħajr ostaklu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

321    Madankollu, għandu jitfakkar li, fil-premessa 545 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li FedEx, fil-kuntest tal-pjan tagħha ta’ espansjoni organika tal-2011, bdiet tinvesti f’infrastrutturi ġodda bħal ċentri tal-għażla, sabiex iżżid il-kapaċità totali tagħha u sabiex tasal għal kopertura ġeografika u densità tan-network li tippermettilha tnaqqas l-ispejjeż tagħha. Minkejja dawn l-investimenti, mir-risposta ta’ FedEx tad‑19 ta’ Novembru 2012 jirriżulta li din kienet qed tistenna li l-ispejjeż ta’ ġbir u ta’ kunsinna tagħha jibqgħu ferm ogħla minn dawk tal-kompetituri tagħha.

322    Kuntrarjament għal dak li ssostni UPS, mid-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-analiżi tal-Kummissjoni hija bbażata fuq sensiela ta’ elementi li jippermettu li tiġi kkorroborata d-differenza fl-ispejjeż ta’ proċessar għal kull unità bejn FedEx u l-kompetituri tagħha li jista’ naturalment ikun miġjub mid-dgħufija relattiva tal-kopertura u d-densità tan-network tagħha. Il-Kummissjoni b’hekk ibbażat ruħha fuq dokumenti interni ta’ FedEx ipprovduti bħala anness mar-risposta tagħha tad‑19 ta’ Novembru 2012. Kif jirriżulta mill-premessi 535 u 536 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll fuq databases interni dwar l-offerti kummerċjali maħruġa minn FedEx kif ukoll fuq is-sejħiet għal offerti li hija rrispondiet għalihom, peress li dawn id-databases jippermettu li tiġi evalwata l-kompetittività tal-prezzijiet ta’ FedEx meta mqabbla ma’ dawk tal-kompetituri tagħha.

323    Fid-dawl tad-differenzi oġġettivi ta’ natura u ta’ funzjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ networks, ma jidhirx illoġiku għall-Kummissjoni li ffokat b’dan il-mod fuq in-network PUD iktar milli fuq in-network tal-ajru sabiex turi d-differenzi fil-kompetittività bejn FedEx u l-kompetituri tagħha. Barra minn hekk, il-fatt li UPS tenfasizza li l-ispejjeż tagħha tat-trasport bl-ajru huma probabbilment qrib dawk ta’ FedEx jikkorrobora din l-analiżi.

324    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni tad-diskrepanza fl-ispejjeż bejn FedEx u l-kompetituri tagħha tikkostitwixxi biss wieħed mill-fatturi li jippermettu li tiġi evalwata l-kapaċità u l-inċentivi ta’ din l-impriża li twieġeb għal żieda fil-prezz mill-entità li tirriżulta mill-għaqda bejn UPS u TNT. Din id-diskrepanza ma hijiex kawża diretta tal-konstatazzjoni ta’ ostakolu sinjifikattiv, iżda indikazzjoni li tippermetti li jiġi evalwat għaliex ma tantx kien probabbli li FedEx tiżviluppa fl-Ewropa b’mod li tikkumpensa għall-effetti tal-konċentrazzjoni bejn UPS u TNT f’perijodu qasir. Għaldaqstant, l-argument ta’ UPS li jsostni li l-analiżi tal-ispejjeż ta’ ġbir u ta’ kunsinna ta’ FedEx huwa kontradett mill-eżistenza ta’ erbatax-il suq nazzjonali mingħajr ostaklu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva huwa għalhekk ibbażat fuq premessa żbaljata.

325    Għaldaqstant, l-argument ta’ UPS għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tkabbir previst fil-volum ta’ FedEx

326    UPS tallega li l-Kummissjoni llimitat ruħha, fil-premessa 614 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li twarrab il-previżjonijiet ta’ tkabbir ta’ FedEx, minħabba li kien diffiċli li jiġi previst b’ċertezza jekk l-istrateġija ta’ żvilupp ta’ din tal-aħħar kinitx ser tirnexxi, mingħajr ma analizzat fil-fond il-possibbiltajiet ta’ suċċess ta’ din l-istrateġija.

327    Madankollu, dan l-argument ta’ UPS huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kontenzjuża. Kif ġie espost preċedentement fir-rigward tal-progress ta’ FedEx fl-Ewropa u tad-diskrepanza fl-ispejjeż bejn FedEx u l-kompetituri tagħha, il-Kummissjoni wettqet analiżi fid-dettall tal-effetti probabbli tal-eżekuzzjoni tal-pjan ta’ espansjoni ta’ FedEx kif ukoll tal-inċentivi ta’ FedEx sabiex tkompli, jew saħansitra tħaffef, il-pjanijiet ta’ espansjoni tagħha wara l-konċentrazzjoni bejn UPS u TNT, abbażi tad-dokumenti ta’ FedEx li għalihom UPS seta’ jkollha aċċess jew li għalihom effettivament kellha aċċess matul il-proċedura amministrattiva, anki jekk din kienet f’forma limitata.

328    Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-pajjiżi mhux immirati minn FedEx fl-ewwel fażi tal-proġetti tagħha ta’ espansjoni

329    UPS tikkritika lill-Kummissjoni talli kkonstatat, fil-premessa 613 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li FedEx kienet iddeċidiet li ma tinkludix fl-ewwel fażi ta’ espansjoni tagħha ċerti pajjiżi (bħall-Bulgarija, pereżempju), fin-nuqqas ta’ infrastrutturi suffiċjentement żviluppati. Fl-assenza ta’ kwalunkwe prova verifikabbli u peress li ma ppermettietx lil UPS tesprimi ruħha matul il-proċedura amministrattiva dwar din l-“ewwel fażi”, din l-analiżi ma kellhiex tiġi inkluża fid-deċiżjoni kontenzjuża.

330    Permezz ta’ dan l-argument, UPS tillimita ruħha li tikkritika l-punti ta’ fatt imsemmija fil-punt 613 tad-deċiżjoni kontenzjuża, minħabba li din hija bbażata fuq provi li hija tallega li ma kellhiex aċċess sħiħ għalihom. Madankollu, dawn l-elementi dwar id-diversi fażijiet tal-pjan ta’ espansjoni ta’ FedEx ġew ikkomunikati lil UPS fl-espożizzjoni tal-fatti kif ukoll fil-forma ta’ tabelli annessi miegħu. Huwa minnu li l-parti l-kbira taċ-ċifri tneħħiet minħabba n-natura kunfidenzjali tagħhom. Madankollu, uħud minnhom ġew issostitwiti b’indikazzjonijiet fil-forma ta’ firxa ta’ valuri li jippermettu għalhekk li jkun hemm ordni ta’ kobor. L-espożizzjoni tal-fatti indikat ukoll li FedEx ma kellha l-ebda pjan ta’ ftuħ ta’ ċentri ġodda ta’ għażla fil-Bulgarija fis-sentejn li ġejjin, u lanqas ta’ żieda fil-kapaċità ta’ proċessar tagħha.

331    Il-Kummissjoni żiedet li l-pjanijiet ta’ FedEx issa kienu mnaqqsa meta mqabbla mal-pjanijiet oriġinali u pprovdiet indikazzjonijiet f’ċifri f’dan ir-rigward. Għalkemm ipprovduta fil-forma ta’ firxiet, din id-data hija preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lil UPS tifhem il-portata tagħha. Għall-bqija, l-argument ta’ UPS ma huwa ssostanzjat minn ebda punt ta’ liġi jew ta’ fatt li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet ksur suffiċjentement serju li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ta’ UPS għandu jiġi miċħud.

–       Fuq id-destinazzjonijiet koperti minn FedEx

332    UPS tikkontesta l-evalwazzjoni li biha l-Kummissjoni, fil-premessa 1008 tad-deċiżjoni kontenzjuża, qieset li, minħabba n-numru żgħir ta’ destinazzjonijiet koperti minn FedEx, din tal-aħħar ma setgħetx teżerċita pressjoni kompetittiva sinjifikattiva fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni bejn UPS u TNT. Din l-evalwazzjoni hija żbaljata. Il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-pjanijiet ta’ FedEx, li kellha l-intenzjoni li tkopri, sa mill‑2015, iktar indirizzi kummerċjali fiż-ŻEE minn dawn koperti minn UPS.

333    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-argument ta’ UPS jillimita ruħu li jikkritika l-eżistenza ta’ żball ta’ evalwazzjoni li jaffettwa “b’mod partikolari” l-premessa 1008 tad-deċiżjoni kontenzjuża mingħajr madankollu ma jindika liema premessi oħra huma wkoll ivvizzjati minħabba dan l-iżball. Apparti dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni, UPS ma tressaq ebda punt ta’ fatt jew ta’ liġi intiż sabiex juri li l-premessa 1008 tad-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata bi żball li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet ksur suffiċjentement serju li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-analiżi skont il-pajjiż

334    UPS tqis li l-analiżi skont il-pajjiż magħmul mill-Kummissjoni, fit-Taqsima 7.11 tad-deċiżjoni kontenzjuża, ma tippermettix li jiġi konkluż li hemm assenza ta’ pressjoni kompetittiva effikaċji minn FedEx f’pajjiż partikolari. Il-Kummissjoni llimitat ruħha għal xi osservazzjonijiet insuffiċjentement motivati minħabba n-natura vaga jew superfiċjali tagħhom u, fi kwalunkwe każ, żbaljata. Bħala eżempju, UPS tinvoka l-analiżi tal-Isvezja, li għaliha l-evalwazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża hija kontradetta mill-fatt li, skont il-projezzjonijiet kollha disponibbli dak iż-żmien, FedEx kellha l-intenzjoni li tilħaq, fl‑2015, rata ta’ kopertura u sehem tas-suq ikbar jew ugwali għal dak ta’ TNT.

335    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tallega UPS, it-Taqsima 7.11 tad-deċiżjoni kontenzjuża tinkludi analiżi ddettaljata u komprensiva tal-elementi rilevanti kollha li abbażi tagħhom il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li kien hemm ostaklu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. L-eżempju tal-projezzjonijiet imressqa minn FedEx fir-rigward tas-suq Svediż, li UPS tinvoka, ma jistax, fi kwalunkwe każ, jinvalida l-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fuq pluralità ta’ swieq nazzjonali fir-rigward tad-dgħufija relattiva għall-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn FedEx meta mqabbla ma’ DHL u ma’ entità kkostitwita minn UPS u minn TNT. L-argument ta’ UPS huwa limitat għal kritika vaga u ġenerali ta’ din l-analiżi. Fl-assenza ta’ kwalunkwe punt ta’ fatt jew ta’ liġi li jippermetti li jitqies li din l-analiżi hija vvizzjata b’mod li jista’ jitqies li l-Kummissjoni wettqet ksur suffiċjentement serju li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

d)      Fuq il-konklużjonijiet dwar l-illegalitajiet allegati

336    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fost l-illegalitajiet allegati kollha, hija biss dik dwar l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-mudell ekonometriku li hija suffiċjentement serja sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

3.      Fuq ir-rabta kawżali 

337    UPS issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma setgħetx tipprojbixxi l-operazzjoni ppjanata. Wara x-xiri ta’ TNT minn FedEx, UPS tallega li hija ma setgħetx iktar tikkomunika din l-operazzjoni. Għall-finijiet ta’ dan ir-rikors, hija għandha tipprova li l-fajl amministrattiv ma kienx jippermetti lill-Kummissjoni tiddikjara inkompatibbli l-operazzjoni bejnha u TNT. Li jiġi meħtieġ li hija turi li l-Kummissjoni kienet tkun adottat deċiżjoni ta’ kompatibbiltà, iwassal sabiex jiġi impost fuqha l-oneru ta’ prova impossibbli.

338    UPS tqis li għandha dritt għall-kumpens għad-dannu kollu subit minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Dan il-kumpens ikopri l-ispejjeż li hija ma kinitx tħallas li kieku din id-deċiżjoni ma kinitx ġiet adottata kif ukoll il-lucrum cessans li jirriżulta minnha u li hija tqis l-ammont tiegħu għal EUR 1 638 miljun, wara t-taxxa, li jikkorrispondi għall-valur nett tas-sinerġiji tal-operazzjoni ppjanata.

339    UPS issostni li hija kienet kuntrattwalment obbligata tikkumpensa lil TNT abbażi ta’ klawżola ta’ terminazzjoni, kurrenti fil-kummerċ. UPS tfakkar li l-offerta ta’ xiri tagħha ma setgħetx tiġi implimentata, peress li l-kundizzjoni sospensiva marbuta mal-awtorizzazzjoni ta’ din il-konċentrazzjoni mill-Kummissjoni ma kinitx issodisfatta. Konsegwentement, hija kellha tħallas lil TNT kumpens għall-ksur ta’ EUR 200 miljun, għal spiża netta, wara t-taxxa, ta’ EUR 131 miljun. Barra minn hekk, mill-valur tad-dannu allegat għandu jitnaqqas EUR 29 miljun bħala spejjeż ta’ tranżazzjoni evitati.

340    UPS tallega li sostniet EUR 3 708 813.61 bħala spejjeż legali għall-intervent tagħha fil-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni bejn FedEx u TNT, jiġifieri telf wara t-taxxa ta’ EUR 2.4 miljun.

341    Għandu jitfakkar li l-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali stabbilita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE tirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u d-dannu, rabta li huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tagħha, b’tali mod li l-aġir ikkritikat għandu jkun il-kawża determinanti tad-dannu (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, L-Unjoni Ewropea vs Kendrion, C‑150/17 P, EU:C:2018:1014, punt 52).

342    F’dan il-każ, UPS tallega tliet danni distinti li hija titlob kumpens għalihom minħabba l-impossibbiltà li timplimenta l-operazzjoni ppjanata, jiġifieri, l-ewwel, l-ispejjeż marbuta mal-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura ta’ kontroll tal-operazzjoni bejn FedEx u TNT, it-tieni, il-ħlas lil TNT ta’ kumpens kuntrattwali għal terminazzjoni u, it-tielet, il-lucrum cessans subit. UPS issostni, essenzjalment, li l-illegalitajiet li hija allegat li jeżistu jikkostitwixxu l-kawża diretta ta’ dawn it-tliet danni.

343    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-parteċipazzjoni ta’ UPS fil-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni bejn FedEx u TNT, din tirriżulta manifestament mill-għażla libera tagħha. Din ma hijiex konsegwenza diretta tad-deċiżjoni kontenzjuża, u, inqas u inqas, tal-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha. Għaldaqstant, la l-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha u lanqas il-ksur l-ieħor li hija tallega ma jistgħu jitqiesu li huma l-kawża determinanti tad-dannu mġarrab mill-ispejjeż sostnuti matul il-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura li tikkonċerna l-operazzjoni bejn FedEx u TNT. Għaldaqstant, it-talba għal kumpens għal dan id-dannu għandha tiġi miċħuda.

344    Sussegwentement, fir-rigward tal-kumpens ta’ terminazzjoni, huwa paċifiku li l-ħlas ta’ din l-allowance joriġina minn obbligu kuntrattwali li jirriżulta mit-termini tal-ftehim ta’ amalgamazzjoni bejn UPS u TNT tad‑19 ta’ Marzu 2012 (l-Anness C. 3 tar-replika).

345    Fil-fatt jidher li dan il-ftehim kien jipprevedi (klawżola li tinsab fil-punt 4.3(b) tal-ftehim) li l-offerta pubblika ta’ xiri ta’ UPS fuq it-titoli ta’ TNT kienet konkluża taħt il-kundizzjoni sospensiva ta’ deċiżjoni pożittiva tal-Kummissjoni. Jekk din il-kundizzjoni ma kinitx issodisfatta, UPS kellha r-responsabbiltà li tħabbar dan. In-nuqqas ta’ twettiq ta’ din il-kundizzjoni sospensiva kienet tikkostitwixxi wkoll kawża ta’ xoljiment tal-ftehim ta’ amalgamazzjoni (klawżola li tinsab fil-punt 15.1(c) tal-ftehim), li tippermetti lil TNT tikseb, fuq l-ewwel talba, il-ħlas minn UPS ta’ kumpens ta’ terminazzjoni ta’ EUR 200 miljun (klawżola li tinsab fil-punt 16 tal-ftehim) wara li tkun ikkomunikat lil din tal-aħħar ix-xoljiment ta’ dan il-ftehim.

346    Dan l-impenn kuntrattwali jirriżulta mir-rieda tal-partijiet li jaqsmu bejniethom, skont l-evalwazzjoni ħielsa tagħhom, ir-riskju li l-operazzjoni ppjanata ma tiksibx l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, riskju li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li kien inerenti f’kull proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Schneider Electric, C‑440/07 P, EU:C:2009:459, punt 203).

347    Issa, diġà ġie deċiż li l-konsegwenzi dannużi ta’ impenji kuntrattwali liberament ikkonsentiti mid-destinatarju ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni ma jistgħux jikkostitwixxu l-kawża determinanti tad-dannu mġarrab minħabba illegalitajiet li jivvizzjaw din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Schneider Electric, C‑440/07 P, EU:C:2009:459, punt 205).

348    Bl-istess mod, meta deċiżjoni li timponi l-ħlas ta’ multa tkun akkumpanjata mill-possibbiltà li tiġi kkostitwita garanzija intiża sabiex tiggarantixxi dan il-ħlas u l-interessi moratorji, fl-istennija tal-eżitu tar-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni, id-dannu li jikkonsisti fl-ispejjeż ta’ garanzija ma jirriżultax mill-imsemmija deċiżjoni, iżda mill-għażla tal-persuna kkonċernata stess li tikkostitwixxi garanzija minflok li teżegwixxi immedjatament l-obbligu ta’ rimbors. F’dawn ir-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li ma kienet teżisti ebda rabta kawżali diretta bejn l-aġir li l-Kummissjoni ġiet ikkritikata bih u d-dannu allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2013, Inalca u Cremonini vs Il-Kummissjoni C‑460/09 P, EU:C:2013:111, punti 118 u 120; tal-21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, T‑28/03, EU:T:2005:139, punt 123, u d-digriet tat‑12 ta’ Diċembru 2007, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑113/04, mhux ippubblikat, EU:T:2007:377, punt 38).

349    Din is-soluzzjoni hija applikabbli meta, f’ċirkustanzi analogi, id-dannu allegat jirriżulta mhux mill-kostituzzjoni, iżda miż-żamma ta’ garanzija bankarja, peress li tali dannu jirriżulta mill-għażla tal-impriża li ma titterminax din il-garanzija minkejja l-konsegwenzi finanzjarji li dan jimplika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, L-Unjoni Ewropea vs Kendrion, C‑150/17 P, EU:C:2018:1014, punt 59).

350    Peress li l-ħlas minn UPS ta’ kumpens għal terminazzjoni ta’ EUR 200 miljun favur TNT jirriżulta direttament mill-ftehim bejn dawn iż-żewġ impriżi, ma huwiex stabbilit li l-ksur tad-drittijiet proċedurali ta’ UPS jew il-ksur l-ieħor allegat minn din tal-aħħar huma l-kawża determinanti. Għaldaqstant, it-talba għal kumpens għal dan id-dannu għandha tiġi miċħuda.

351    Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dannu marbut mal-lucrum cessans subit minħabba l-impossibbiltà li tiġi implimentata l-operazzjoni ppjanata, wara mistoqsijiet bil-miktub u orali tal-Qorti Ġenerali, UPS tispeċifika li dan id-dannu jikkorrispondi għall-valur nett tas-sinerġiji li hija kienet qegħda tistenna li twettaq permezz ta’ din l-operazzjoni jew, tal-inqas, għat-telf ta’ opportunità li twettaq tali sinerġiji.

352    Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tal-argument ibbażat fuq it-telf ta’ opportunità u ssostni li r-rikors ma kienx ibbażat fuq tali allegazzjoni, iżda fuq iċ-ċertezza li ġie miċħud il-profitt li kellu jirriżulta mis-sinerġiji mistennija.

353    Kif jirriżulta mir-rikors, ir-rikorrenti ssostni li, fl-assenza ta’ wieħed jew iktar mill-ksur allegat, hija kienet tkun akkwistat lil TNT u kienet tkun ikkonkretizzat il-vantaġġi li jirriżultaw mill-operazzjoni. Hija tinvoka, għalhekk, dannu li jikkorrispondi għal ammont ta’ EUR 1 638 miljun, “li jirrifletti l-valur nett wara t-taxxa tas-sinerġiji ta’ spejjeż mitlufa wara l-projbizzjoni tal-operazzjoni”. It-talba għad-danni tar-rikorrenti hija għalhekk ibbażata fuq il-konvinzjoni li l-illegalitajiet li bihom hija vvizzjata d-deċiżjoni kontenzjuża pprekludewha milli takkwista lil TNT fil-kuntest tal-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni inkwistjoni. Tali talba għandha tiġi interpretata bħala li għandha bħala għan mhux il-kumpens ta’ telf ta’ opportunità li tikkonkludi l-imsemmija operazzjoni, iżda l-kumpens għat-telf ċert ta’ sinerġiji tal-ispejjeż. Dan ma huwiex ikkontestat mill-fatt li, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti indikat li t-talba għad-danni kienet tinkludi, b’ċertu mod, telf ta’ opportunità. Fil-fatt, dan il-kap ġdid tad-dannu ġie ppreżentat tardivament u huwa, konsegwentement, inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs BEI, T‑461/08, EU:T:2011:494, punt 210).

354    Fir-rigward tad-dannu materjali marbut mal-lucrum cessans li UPS titlob li tiġi kkumpensata għalih, il-kwistjoni determinanti hija dik dwar jekk il-ksur tad-drittijiet proċedurali ta’ UPS jikkostitwixxix il-kawża ta’ dan id-dannu.

355    Issa, ma jistax jiġi preżunt li, fl-assenza tal-ksur tad-drittijiet proċedurali ta’ UPS, l-operazzjoni tal-konċentrazzjoni kienet tiġi ddikjarata kompatibbli. Fil-fatt, l-analiżi tar-rabta kawżali ma tistax titlaq mill-premessa żbaljata li abbażi tagħha, fl-assenza ta’ att illegali, l-istituzzjoni tkun naqset milli taġixxi jew kienet tadotta att kuntrarju, li min-naħa tagħha tista’ tkun ukoll aġir illegali, iżda għandha tagħmel paragun bejn is-sitwazzjoni kkawżata, għall-parti terza kkonċernata, mill-azzjoni żbaljata u s-sitwazzjoni li kienet tirriżulta għaliha kieku aġir tal-istituzzjoni osservat ir-regola ta’ dritt (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, T‑351/03, EU:T:2007:212, punt 264).

356    Għalhekk, il-fatt li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-mudell ekonometriku wassal għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża ma jfissirx li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-Kummissjoni kienet tkun obbligata tiddikjara l-operazzjoni bejn UPS u TNT kompatibbli mas-suq intern.

357    F’każ ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża li jaffettwa deċiżjoni li tiddikjara għaqda ta’ impriża inkompatibbli mas-suq intern, jeħtieġ mhux li jiġi sostnut li, fl-assenza ta’ dan il-ksur, l-operazzjoni kkomunikata kienet tiġi ddikjarata kompatibbli b’mod espliċitu jew impliċitu, iżda għandhom jiġu evalwati l-effetti li d-difett identifikat seta’ kellu fuq is-sens tad-deċiżjoni. Għaldaqstant hemm lok, sabiex tittieħed deċiżjoni fuq l-eżistenza ta’ rabta kawżali suffiċjenti bejn in-nuqqas identifikat u d-dannu allegat, li jiġi evalwat l-impatt tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża fuq it-tkomplija tal-proċedura ta’ kontroll tal-operazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, T‑351/03, EU:T:2007:212, punti 266 u 268).

358    F’dan il-każ, għalkemm l-iżbalji ta’ disinn allegati fir-rigward tal-mudell ekonometriku magħżul setgħu jikkontribwixxu sabiex idgħajfu l-valur probatorju tiegħu, ir-rikorrenti la wriet u lanqas ipproduċiet l-elementi li jippermettu lill-Qorti Ġenerali tikkonkludi, biċ-ċertezza meħtieġa, li dawn l-iżbalji kienu suffiċjenti sabiex jinvalidaw l-analiżi ekonomika kollha tal-operazzjoni bejn UPS u TNT u l-konstatazzjoni ta’ ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 216 sa 226 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tawtorizzax il-konċentrazzjoni ppjanata hija bbażata fuq l-analiżi ekonomika ta’ diversi elementi, u mhux biss fuq dik magħmula abbażi tal-mudell ekonometriku użat. Għalhekk ma jistax jiġi konkluż li dan il-ksur tad-drittijiet tad-difiża kellu impatt deċiżiv fuq l-eżitu tal-proċedura ta’ kontroll tal-operazzjoni ppjanata.

359    Minbarra l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitfakkar li deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà tibqa’ fi kwalunkwe każ suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Schneider Electric, C‑440/07 P, EU:C:2009:459, punt 203).

360    L-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi, fil-każ ta’ annullament ġudizzjarju ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, li din tal-aħħar teżamina mill-ġdid il-konċentrazzjoni bil-għan li tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament. B’hekk, dan il-mekkaniżmu jiggarantixxi lill-impriża li kkomunikat konċentrazzjoni li tikseb, b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja, evalwazzjoni ġdida tal-konċentrazzjoni kkomunikata, peress li din il-konċentrazzjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi implimentata mingħajr l-istħarriġ minn qabel tal-Kummissjoni.

361    Jekk l-impriża li tkun ikkomunikat konċentrazzjoni tirrinunzja għall-konċentrazzjoni mingħajr ma tistenna deċiżjoni ġdida tal-Kummissjoni fi tmiem il-proċedura ta’ tkomplija, din ir-rinunzja hija l-kawża diretta tal-abbandun tal-operazzjoni u tal-konsegwenzi materjali li jistgħu jirriżultaw minnha. Din kienet is-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Schneider Electric (C‑440/07 P, EU:C:2009:459). F’din il-kawża, l-impriża li kkomunikat konċentrazzjoni ppreferiet, wara li kisbet l-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, tabbanduna l-konċentrazzjoni ppjanata, qabel it-tmiem tal-proċedura ta’ tkomplija. B’hekk ġie deċiż li l-kawża diretta tad-dannu invokat marbut mat-telf li jirriżulta mit-trasferiment subit wara l-annullament ta’ deċiżjoni negattiva u ta’ deċiżjoni ta’ separazzjoni kienet id-deċiżjoni tal-impriża li kkomunikat konċentrazzjoni li tħalli t-trasferiment inkwistjoni jsir effettiv minħabba l-biża’ li ma tiksibx, fil-kuntest tat-tkomplija tal-proċedura, deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Schneider Electric, C‑440/07 P, EU:C:2009:459, punti 202 sa 205).

362    F’dan il-każ, skont l-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni kellha, wara l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, tkompli l-proċedura ta’ kontroll tal-operazzjoni bejn UPS u TNT u, b’eżekuzzjoni tas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144), tikkomunika lil UPS il-mudell ekonometriku li hija kellha l-intenzjoni tuża sabiex tikkwantifika l-effett prevedibbli tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet. Kien ikun ukoll neċessarju li l-Kummissjoni tibqa’ kompetenti sabiex tikkontrolla l-operazzjoni kkomunikata. Fil-fatt, fl-assenza ta’ konċentrazzjoni, hija ma għandhiex il-kompetenza sabiex tadotta deċiżjoni skont ir-Regolament Nru 139/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni, T‑310/00, EU:T:2004:275, punt 96).

363    Issa, il-ftehim ta’ amalgamazzjoni kien jimponi fuq UPS mhux biss li tħabbar deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni li tostakola t-twettiq tal-kundizzjoni sospensiva li għaliha kienet suġġetta l-offerta ta’ xiri, iżda, barra minn hekk, dan il-ftehim (il-klawżola li tinsab fil-punt 2.10.b tal-ftehim) kienet tipprevedi f’tali ipoteżi li UPS setgħet, skont id-diskrezzjoni tagħha biss u bla ħsara għall-ftehim tal-awtorità Olandiża tas-swieq finanzjarji, testendi l-offerta inizjali tagħha għal perijodu wieħed jew iktar ta’ tul li l-partijiet kienu jqisu raġonevolment neċessarju sabiex il-kundizzjoni sospensiva ta’ dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà mill-Kummissjoni tkun issodisfatta. Il-ftehim ta’ amalgamazzjoni b’hekk ta lil UPS il-possibbiltà li tipproroga l-offerta tagħha fir-rigward ta’ TNT fl-eventwalità ta’ dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà, u dan għad-diskrezzjoni tagħha biss.

364    UPS ħabbret, permezz ta’ stqarrija għall-istampa tal‑14 ta’ Jannar 2013, li kienet ġiet informata mill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tipprojbixxi l-operazzjoni ppjanata. Fl-istqarrija tal-stampa tagħha, UPS irrapportat id-dikjarazzjonijiet tad-direttur prinċipali tagħha, li jindikaw b’mod inekwivoku li hija kienet ħadet id-deċiżjoni li tabbanduna l-operazzjoni ppjanata. Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, UPS, permezz tat-tieni stqarrija għall-istampa tat‑30 ta’ Jannar 2013, ħabbret, minn naħa, l-irtirar tal-offerta tagħha fir-rigward ta’ TNT u, min-naħa l-oħra, li ż-żewġ impriżi kienu ddeċidew li jtemmu l-ftehim ta’ amalgamazzjoni tagħhom.

365    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li UPS irrinunzjat li takkwista lil TNT mill‑14 ta’ Jannar 2013, jiġifieri iktar minn sentejn qabel ma FedEx ħabbret l-offerta tagħha ta’ xiri ta’ TNT. Il-fatti juru wkoll li UPS qatt ma marret lura fuq din ir-rinunzja. UPS ma ppreżentatx offerta ġdida fir-rigward ta’ TNT wara d-deċiżjoni kontenzjuża, u lanqas ma rreaġixxiet għal dik ta’ FedEx permezz tat-tnedija ta’ offerta kompetitriċi. Għalhekk, anki jekk jitqies li l-irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża setgħet ikkawżat lucrum cessans lil UPS, il-fatt li din l-impriża rrinunzjat għall-operazzjoni ppjanata sa minn meta tħabbret id-deċiżjoni kontenzjuża kellu l-effett li jikser kwalunkwe rabta kawżali diretta bejn din l-irregolarità u d-dannu allegat.

366    UPS issostni madankollu li, meta l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża, kien tard wisq sabiex tniedi offerta ġdida, peress li FedEx kienet fil-frattemp akkwistat lil TNT. Hija tqis li l-proċedura ġudizzjarja ma hijiex adattata għall-eżami tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-kontroll ta’ konċentrazzjoni.

367    Madankollu, il-fatt li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża seħħ wara l-akkwist ta’ TNT minn FedEx ma għandu ebda effett fuq l-allegata rabta kawżali bejn l-illegalità proċedurali kkonstatata u d-dannu allegat. Minbarra l-fatt li UPS abbandunat il-pjan tagħha ta’ akkwist ta’ TNT iktar minn sentejn qabel ma FedEx ħabbret l-offerta tagħha fir-rigward ta’ TNT u, fl-ebda mument, ma ppreżentat offerta kompetitriċi, għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tan-natura awtonoma tal-azzjoni għad-danni, UPS bl-ebda mod ma kienet obbligata tippreżenta rikors għal annullament minn qabel.

368    Barra minn hekk, matul is-seduta, UPS sostniet li kien impossibbli għaliha li tkompli bl-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ma’ TNT wara r-rifjut tal-Kummissjoni, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni Olandiża fil-qasam tal-offerti pubbliċi ta’ xiri. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-argument ta’ UPS dwar dan il-punt ma huwiex sostnut, peress li UPS ma pprovdiet ebda test ta’ liġi nazzjonali insostenn tagħha, u għalhekk ma tippermettix li jiġi konkluż li kien hemm restrizzjoni, indipendenti mir-rieda tagħha, li tabbanduna l-konċentrazzjoni ma’ TNT.

369    Fir-rigward tal-kritika magħmula minn UPS kontra s-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni b’mod ġenerali u l-effettività tar-rimedji ġudizzjarji fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet b’mod partikolari, din ma hija bbażata fuq ebda argument legali. Sa fejn din il-kritika tista’ tinftiehem bħala li hija intiża li tikkontesta l-legalità tas-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbilita mit-Trattat FUE, minħabba li ma tippermettix li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-fatt li r-rikorrenti ma tkunx f’pożizzjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ aġir illegali min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ta’ allegat dannu u ta’ rabta kawżali bejn tali aġir u tali dannu ma jfissirx li hija ġiet imċaħħda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 84).

370    Barra minn hekk, huma biss l-Istati Membri li għandhom jirriformaw is-sistema tar-rimedji ġudizzjarji stabbilita mit-Trattat, peress li tali setgħa tmur lil hinn mill-kompetenzi mogħtija mit-Trattat lill-qrati tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punti 44 u 45, u d-digriet tal‑24 ta’ Novembru 2016, Petraitis vs Il-Kummissjoni, C‑137/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:904, punt 24).

371    Minn dawn l-elementi jirriżulta li ma huwiex stabbilit li l-ksur tad-drittijiet proċedurali ta’ UPS jew il-ksur l-ieħor allegat minn din tal-aħħar huma l-kawża determinanti tal-allegat lucrum cessans tagħha. Għaldaqstant, it-talba għal kumpens għal dan id-dannu għandha tiġi miċħuda.

372    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

IV.    Fuq l-ispejjeż

373    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 135(2) tal-istess regoli, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, parzjalment jew kompletament għall-ispejjeż, jekk dan jidher li jkun iġġustifikat minħabba l-aġir tagħha, inkluż qabel ma tkun tressqet il-kawża, b’mod partikolari jekk tkun ikkawżat lill-parti l-oħra spejjeż li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li huma fiergħa jew vessatorji.

374    Skont il-ġurisprudenza, hemm lok li jiġi applikat l-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura meta istituzzjoni jew organu tal-Unjoni jkun iffavorixxa, bl-aġir tiegħu, il-ħolqien tat-tilwima (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2015, European Dynamics Luxembourg et vs Il-Kummissjoni, T‑536/11, EU:T:2015:476, punt 391 (mhux ippubblikata), u tat‑23 ta’ April 2018, CRM vs Il-Kummissjoni, T‑43/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:208, punt 105). F’dan il-każ, billi naqset milli tikkomunika l-verżjoni finali tal-mudell ekonometriku adottat insostenn tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qiegħdet lil UPS f’sitwazzjoni li ma kinitx tippermettilha tifhem il-metodoloġija li fuqha hija bbażat ruħha sabiex tikkwantifika l-effetti prevedibbli tal-konċentrazzjoni ppjanata fuq il-livell tal-prezzijiet. Wara li kisbet l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, UPS ippreżentat dan ir-rikors sabiex tikseb kumpens għad-dannu li hija tqis li ġarrbet. UPS, minkejja li tilfet, madankollu rnexxielha turi li l-Kummissjoni wettqet ksur suffiċjentement serju tad-drittijiet proċedurali tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok, skont l-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal terz mill-ispejjeż sostnuti minn UPS u li UPS tiġi kkundannata għal żewġ terzi tal-ispejjeż tagħha.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha, kif ukoll għal terz mill-ispejjeż sostnuti minn United Parcel Service, Inc.

3)      United Parcel Service hija kkundannata għal żewġ terzi mill-ispejjeż rispettivi tagħha.

Papasavvas

da Silva Passos

Reine

Truchot

 

      Sampol Pucurull

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Frar 2022.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.