Language of document : ECLI:EU:T:2015:711

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

16 ta’ Settembru 2015 (*)

“REACH – Ħlasijiet dovuti għar-reġistrazzjoni ta’ sustanza – Tnaqqis mogħti lill-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju – Żball fid-dikjarazzjoni dwar id-daqs tal-impriża – Deċiżjoni li timponi spiża amministrattiv – Rakkomandazzjoni 2003/361/KE – Rikors manifestament infondat fid-dritt”

Fil-Kawża T‑89/13,

Calestep, SL, stabbilita f’Estepa (Spanja), irrappreżentata minn E. Cabezas Mateos, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn M. Heikkilä, A. Iber u C. Schultheiss, bħala aġenti, assistiti minn C. Garcia Molyneux, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni SME (2012) 4028 tal-ECHA, tal-21 ta’ Diċembru 2012, li tikkonstata li r-rikorrenti ma tissodisfax ir-rekwiżiti sabiex tibbenefika mit-tnaqqis fil-ħlasijiet previst għall-impriżi żgħar u li timponilha spejjeż amministrattivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse (Relatur) u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-29 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti, Calestep, SL, pproċediet għar-reġistrazzjoni ta’ żewġ sustanzi taħt ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1).

2        Waqt il-proċedura ta’ reġistrazzjoni, ir-rikorrenti indikat li hija kienet impriża “żgħira”, fis-sens tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE, tas-6 ta’ Mejju 2003, dwar id-definizzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, p. 36). Din id-dikjarazzjoni ppermettitilha tibbenefika minn tnaqqis fil-ħlas dovut għal kull talba għal reġistrazzjoni, previst fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1907/2006. Skont l-Artikolu 74(1) tal-istess regolament, l-imsemmi ħlas ġie ddefinit mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008, tas-16 ta’ April 2008, dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 107, p. 6). L-Anness I tar-Regolament Nru 340/2008 jinkludi l-ammonti tal-ħlasijiet dovuti għal talbiet għal reġistrazzjoni mressqa skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1907/2006, kif ukoll it-tnaqqis mogħti lill-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008, fejn persuna fiżika jew ġuridika li tiddikjara li hija intitolata għal tnaqqis jew għal tneħħija tal-obbligu ta’ ħlas ma tkunx tista’ turi li hija intitolata għal tali tnaqqis jew tneħħija tal-obbligu, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għandha timponi ħlas sħiħ jew spiża sħiħa kif ukoll spiża amministrattiva. F’dan ir-rigward, il-Bord ta’ Tmexxija tal-ECHA adotta, fit-12 ta’ Novembru 2010, id-Deċiżjoni MB/D/29/2010 dwar il-klassifikazzjoni tas-servizzi li fir-rigward tagħhom jinġabru l-ispejjeż (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni MB/D/29/2010”). Fl-Artikolu 2 u fit-Tabella 1 ta’ dik id-deċiżjoni, kif applikabbli fil-mument ta’ meta seħħu l-fatti, hemm indikat li l-ispiża amministrattiva msemmija fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008 kienet ta’ EUR 20 700 għal impriża kbira, ta’ EUR 14 500 għal impriża ta’ daqs medju, ta’ EUR 8 300 għal impriża żgħira u ta’ EUR 2 070 għal impriża mikro.

3        Fid-29 ta’ Novembru 2010, l-ECHA ħarġet żewġ fatturi (Nri 10024188 u 10024196), it-tnejn għall-ammont ta’ EUR 9 300. Dan l-ammont kien jikkorrispondi, skont l-Anness I tar-Regolament Nru 340/2008 kif applikabbli fil-mument ta’ meta seħħu l-fatti, għall-ħlas dovut minn impriża żgħira, fil-kuntest ta’ preżentazzjoni konġunta, għas-sustanzi fi kwantità ta’ iktar minn 1 000 tunnellata.

4        Fit-28 ta’ Frar 2011, ir-rikorrenti ġiet mistiedna mill-ECHA sabiex tipprovdi ċertu numru ta’ dokumenti sabiex tivverifika id-dikjarazzjoni li fiha hija kienet indikat li kienet impriża żgħira.

5        Fil-21 ta’ Diċembru 2012 wara skambju ta’ dokumenti u ta’ posta elettronika, l-ECHA bagħtet lir-rikorrenti d-deċiżjoni SME (2012) 4028 li tikkonstata li r-rikorrenti ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti sabiex tibbenefika mit-tnaqqis fil-ħlasijiet previst għall-impriżi żgħar u li timponilha spejjeż amministrattivi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestataˮ). F’din id-deċiżjoni l-ECHA informat lir-rikorrenti li hija kellha tiġi kkunsidrata bħala impriża ta’ daqs medju u li kienet ser tibgħatilha fattura li tkopri d-differenza bejn il-ħlasijiet magħmula inizjalment u l-ħlasijiet finalment dovuti u fattura ta’ EUR 14 500 għall-ħlas tal-ispiża amministrattiva korrispondenti.

6        Konformement mad-deċiżjoni kkontestata, l-ECHA bagħtet lir-rikorrenti, fit-23 ta’ Jannar u fit-8 ta’ Frar 2013, tliet fatturi b’ammonti rispettivi ta’ EUR 6 975, EUR 6 975 u ta’ EUR 14 500.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

7        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti bdiet din l-azzjoni.

8        Fid-19 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji intiża sabiex tissospendi l-eżekuzzjoni tal-ħlas tal-fatturi tat-23 ta’ Jannar u tat-8 ta’ Frar 2013.

9        Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Marzu 2013, Calestep vs ECHA (T‑89/13 R, EU:T:2013:123), il-qorti għal miżuri provviżorji ċaħdet din it-talba u rriżervat l-ispejjeż.

10      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, f’liema Awla din il-kawża ġiet għalhekk assenjata fis-27 ta’ Settembru 2013.

11      Fid-9 ta’ Jannar 2015, bħala parti mill-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, il-partijiet ġew mistiedna sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-rilevanza possibbli tas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Spraylat vs ECHA (T‑177/12, Ġabra, EU:T:2014:849), fuq il-kawża preżenti u sabiex iwieġbu għal mistoqsija. Il-partijiet għamlu dan fil-limitu ta’ żmien mogħti lilhom.

12      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż.

13      L-ECHA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors u tilqa’ l-validità legali tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

14      Skont l-Artikolu 126 tar-Regolamenti tal-Proċedura tagħha, meta rikors ikun manifestament infondat fid-dritt, il-Qorti Ġenerali tista’, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, fi kwalunkwe ħin tagħżel li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

15      F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tqis li mill-atti tal-proċess hija għandha informazzjoni biżżejjed u tiddeċiedi li ma hemmx lok li titkompla l-proċedura.

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

16      Preliminarjament, u minkejja li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex ikkontestata mill-partijiet, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha biex tisma’ dan ir-rikors għall-annullament. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li peress li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku, hija tista’ tiġi eżaminata ex officio minnha (ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, GEF vs Il-Kummissjoni, T‑29/02, Ġabra, EU:T:2005:99, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17      L-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi li “[t]ista’ tinġieb azzjoni quddiem il-Qorti [Ġenerali] jew il-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu [263 TFUE], li tikkontesta deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Appell jew, f’każijiet fejn ma jkunx hemm dritt ta’ appell quddiem il-Bord, mi[nn deċiżjoni tal-ECHA]”.

18      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 91(1) tar-Regolament 1907/2006 jipprevedi li “[j]ista’ jitressaq appell mid-deċiżjonijiet tal-[ECHA] li jittieħdu skont l-Artikoli 9 u 20, l-Artikolu 27(6), l-Artikolu 30(2), u (3) u l-Artikolu 51” quddiem il-qorti tal-appell.

19      Issa, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx meħuda skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 91(1) tar-Regolament 1907/2006, iżda skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament 340/2008 u l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni MB/D/29/2010. Għandu wkoll jiġi enfasizzat li la r-Regolament 340/2008 u lanqas id-Deċiżjoni MB/D/29/2010 ma ġew adottati skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 91(1) tar-Regolament Nru 1907/2006.

20      Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9, 27, 30 u 51 tar-Regolament Nru 1907/2006 koperti bl-Artikolu 91(1) tal-istess regolament, jikkonċernaw deċiżjonijiet li ma għandhom ebda konnessjoni mal-ħlas li għandu jitħallas mill-kumpanniji li qed jirrappurtaw.

21      L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1907/2006, min-naħa tiegħu, ikopri d-“[d]mirijiet tal-[ECHA]”. Il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu jipprevedi li “[j]ista’ jitressaq appell, skond l-Artikoli [91, 92 u 93], mid-deċiżjonijiet ta’ l-Aġenzija taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu” tar-Regolament Nru 1907/2006. Il-paragrafu 2 huwa dwar il-kontroll imwettaq mill-ECHA tal-“kompletezza” ta’ kull reġistrazzjoni, inkluż il-ħlas għar-reġistrazzjoni. Madankollu għandu jiġi rrilevat li dan il-kontroll “ma għandux jinkludi valutazzjoni tal-kwalità jew adegwatezza ta’ kwalunkwe data jew ġustifikazzjoni mogħtija”. Barra minn hekk, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedi li jekk ir-reġistrazzjoni “ma tkunx kompleta” u li r-reġistrant “jonqos li jlesti r-reġistrazzjoni fit-terminu perentorju stabbilit”, l-ECHA “tiċħad ir-reġistrazzjoni”. Issa, f’dan il-każ, minbarra l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, hija ma pproċedietx għaċ-ċaħda tar-reġistrazzjoni tas-sustanzi inkwistjoni.

22      Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni li tisma’ din l-azzjoni.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

23      L-ECHA tinnota li r-rikors u t-talba għal miżuri provviżorji, jindikaw bħala dettalji tar-rappreżentant tar-rikorrenti, l-uffiċċju rreġistrat ta’ dan tal-aħħar kif ukoll indirizz elettroniku ta’ impriża li tappartjeni għal grupp ta’ impriżi li jinkludi lir-rikorrenti. Din is-sitwazzjoni tqajjem dubji fir-rigward tal-indipendenza tar-rappreżentant tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Id-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti fir-replika ma jneħħux id-dubji f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, ir-rappreżentant tar-rikorrenti jista’ fil-fatt ikun irreġistrat bħala avukat indipendenti, u fl-istess ħin, iżomm relazzjoni ta’ ħidma ma’ persuna li timpjega.

24      Fir-replika, ir-rikorrenti tindika li r-rappreżentant tagħha kien irreġistrat mal-Kamra tal-Avukati f’Sevilja (Spanja) mill-1975 u jaħdem biss f’isem il-klijenti li huwa stess jagħżel, u li jirċievu fattura li tapplika r-rata tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) korrispondenti. Fi kliem ieħor, l-ebda subordinazzjoni salarjali ma tgħaqqad lill-avukat tar-rikorrenti ma’ din tal-aħħar. L-għażla, fir-rikors, li jindika l-indirizz u l-indirizz elettroniku tar-rikorrenti kienet saret biss biex jiffaċilitaw il-komunikazzjoni, iżda ma jirrigwardaw l-ebda subordinazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinkludi mar-replika diversi dokumenti dwar l-attività tar-rappreżentant tagħha.

25      Skont l-ewwel, it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li japplika għall-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 53 tal-imsemmi Statut:

“L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jkunu rappreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn aġent maħtur għal kull każ; l-aġent jista’ jkun assistit minn konsulent jew minn avukat.

[...]

Partijiet oħra għandhom ikunu rappreżentati minn avukat.

Avukat biss, li jkun awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jista’ jirrappreżenta jew jassisti parti quddiem il-Qorti.”

26      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk, jipprovdi dan li ġej:

“Każ jista’ jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ rikors bil-miktub indirizzat lir-Reġistratur. Fir-rikors għandu jkun hemm l-isem u l-indirizz tar-rikorrent u l-kwalità tal-firmatarju [...]”

27      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991:

“L-oriġinali ta’ l-atti tal-proċedura kollha għandhom jiġu ffirmati mill-aġent jew mill-avukat tal-parti”.

28      Skont ġurisprudenza stabbilita, jidher mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, b’mod partikolari l-użu tat-terminu “rappreżentati” fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, sabiex tressaq rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, “parti” fis-sens ta’ dan l-Artikolu, ma hijiex permessa taġixxi hija nnifisha, iżda għandha tuża s-servizzi ta’ terz li għandu jkun awtorizzat jipprattika quddiem il-qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [digrieti tal-5 ta’ Diċembru 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑174/96 P, Ġabra, EU:C:1996:473, punt 11; tat-8 ta’ Diċembru 1999, Euro-Lex vs UASI (EU-LEX), T‑79/99, Ġabra, EU:T:1999:312, punt 27, u tad-19 ta’ Novembru 2009, EREF vs Il‑Kummissjoni, T‑40/08, EU:T:2009:455, punt 25].

29      Din il-ħtieġa li jintuża terz tikkorrispondi għall-kunċett tar-rwol tal-avukat li huwa meqjus bħala kollaboratur tal-ġustizzja u huwa mitlub jipprovdi, b’indipendenza sħiħa u fl-aħjar interess ta’ din tal-aħħar, l-assistenza legali li l-klijent jeħtieġ. Dan il-kunċett jissodisfa t-tradizzjonijiet legali komuni għall-Istati Membri u jinsab ukoll fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, kif jirriżulta, preċiżament, mill-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (digrieti EU-LEX, punt 28 iktar ’il fuq, EU:T:1999:312, punt 28, u EREF vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:T:2009:455, punt 26).

30      F’dan il-każ, għalkemm huwa veru li r-riferiment għall-uffiċċju rreġistrat tar-rikorrenti u għall-indirizz elettroniku ta’ impriża li tappartjeni għall-istess grupp tar-rikorrenti bħala d-dettalji tal-avukat tar-rikorrenti jista’ a priori jixħet dubji dwar l-indipendenza ta’ dan tal-aħħar, dawn id-dubji huma eliminati mid-dokumenti ppreżentati fid-dibattiti u mill-ispjegazzjonijiet mogħtija fir-replika.

31      Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mid-dokumenti annessi mar-replika li, fl-ewwel lok, l-avukat tar-rikorrenti huwa rreġistrat mal-Kamra tal-Avukati f’Sevilja, mill-1975, bħala avukat “por cuenta propria” (għall-kont tiegħu stess) li jiddistingwih minn avukati “por cuenta ajena (f’isem terz); fit-tieni lok, l-avukat tar-rikorrenti għandu indirizz u numri tat-telefon u tal-faks tiegħu stess; fit-tielet lok, l-avukat tar-rikorrenti jiddikjara, f’ismu stess, impjegat fil-kategorija ta’ “Awżiljarju amministrattiv”; fir-raba’ lok, id-dikjarazzjonijiet fiskali tat-taxxa fuq id-dħul u fuq il-VAT juru li l-avukat tar-rikorrenti ddikjara attivitajiet li ma humiex relatati mar-rikorrenti bħala avukat. Barra minn hekk, ir-rikorrenti espressament indikat fir-replika, li ma hemm l-ebda rabta ta’ subordinazzjoni salarjali li torbotha mal-avukat tagħha.

32      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-rikors preżenti għandu jiġi ddikjarat bħala ammissibbli.

 Fuq il-mertu

33      Ir-rikors preżenti jistrieħ fuq motiv wieħed ibbażat, essenzjalment fuq żball ta’ klassifikazzjoni tar-rikorrenti bħala impriża “ta’ daqs medju”.

34      B’mod iktar speċifiku, b’riferiment għall-Artikolu 2(2) tal-anness tar-Rakkomandazzjoni Nru 2003/361, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm il-grupp li għalih tappartjeni attwalment jimpjega iktar minn 50 ruħ, il-kundizzjonijiet l-oħra relatati mad-dħul mill-bejgħ annwali jew mat-total tal-bilanċ annwali ma humiex issodisfatti. Ir-rikorrenti għandha għalhekk tiġi kklassifikata bħala impriża “żgħira” u mhux “ta’ daqs medju”.

35      L-ECHA tikkontesta din l-interpretazzjoni. L-Artikolu 2(2) tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 ma jħalli l-ebda dubju li impriża tista’ titqies bħala impriża żgħira biss jekk hija tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li huma li jkollha inqas minn 50 impjegat u li tikseb dħul mill-bejgħ annwali jew bilanċ annwali ta’ inqas minn EUR 10 miljuni. Dan jirriżulta mill-kontenut letterali tal-imsemmi artikolu, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Unjoni.

36      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti qed tikkontesta biss l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, skont liema il-kundizzjoni relatata man-numru ta’ impjegati tal-impriża hija kundizzjoni kumulattiva sabiex impriża tikklassifika bħala “żgħira”.

37      F’dan ir-rigward, kemm ir-Regolament Nru 1907/2006, fl-Artikolu 3 tiegħu, kif ukoll ir-Regolament Nru 340/2008 fil-premessa 9 u fl-Artikolu 2 tiegħu, jirreferu għar-Rakkomandazzjoni Nru 2003/361 għad-definizzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 340/20088 jipprevedi li impriża żgħira hija “intrapriża żgħira fi ħdan it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni 2003/361”.

38      Ir-Rakkomandazzjoni 2003/361 fiha anness, li l-Titolu 1 tiegħu jikkonċerna “id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju adottata mill-Kummissjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Artikolu 2 tal-imsemmi titolu huwa intitolat “L-għadd tal-persunal u l-limiti finanzjarji li jiddeterminaw il-kategoriji ta’ impriżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

39      L-Artikolu 2(2) tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 tipprevedi li “impriża żgħira hija ddefinita bħala impriża li tħaddem inqas minn 50 persuna u li d-dħul mill-bejgħ annwali tagħha u/jew it-total tal-bilanċ annwali tagħha ma jeċċedix EUR 10 miljuni”.

40      Jirriżulta minn qari letterali ta’ din id-dispożizzjoni li l-kriterji dwar l-għadd tal-persunal tal-impriża (iktar ’il quddiem il-“kriterju tal-għadd tal-persunal”), minn naħa, u dwar il-limiti finanzjarji (iktar ’il quddiem il-“kriterju finanzjarju”), min-naħa l-oħra, huma kriterji kumulattivi fil-kuntest tal-Artikolu 2(2) tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Dan huwa ċar mill-użu tal-konġunzjoni “u” li jimmarka n-natura kumulattiva tal-kriterji, kuntrarjament għall-użu tal-konġunzjoni “jew” li jindika alternattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C‑219/95 P, Ġabra, EU:C:1997:375, punti 13 sa 15, u tal-24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, T‑111/08, Ġabra, EU:T:2012:260, punt 139).

41      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-kriterju tal-għadd tal-persunal huwa kriterju determinanti biex jiġi deċiż jekk impriża hijiex mikro, żgħira jew ta’ daqs medju skont ir-Rakkomandazzjoni 2003/361. Għalhekk, kif tirrileva ġustament l-ECHA fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, skont il-premessa 4 tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, “il-kriterju [tal-għadd tal-persunal] jibqa’ ċertament wieħed mill-iktar importanti, u għandu jiġi osservat bħala kriterju ewlieni, iżda l-introduzzjoni ta’ kriterju finanzjarju huwa madankollu indispensabbli sabiex nifhmu l-importanza vera ta’ impriża, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-Istati Membri, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) huma ħielsa skont l-Artikolu 2 tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, li jistabbilixxu limiti iktar baxxi jew saħansitra li ma jżommux il-kriterju finanzjarju għall-implementazzjoni ta’ ċerti politiki tagħhom, il-kriterju tal-għadd tal-persunal għandu dejjem jinżamm.

42      Finalment, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tar-Rakkomandazzjoni Nru 96/280/KE tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ April 1996, dwar id-definizzjoni ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 107, p. 4) li ġiet issostitwita bir-Rakkomandazzjoni 2003/361, li essenzjalment tippreżenta b’mod simili l-kriterju tal-għadd ta’ persunal u l-kriterju finanzjarju, il-ġurisprudenza ddeċidiet li l-imsemmija kriterji huma kumulattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il-Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra, EU:T:2004:220, punti 285 u 286).

43      Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tar-rikorrenti intiża li tikkunsidra, essenzjalment, li impriża li timpjega iktar minn 50 ruħ, bħal f’dan il-każ, tista’ tikklassifika bħala impriża żgħira skont ir-Rakkomandazzjoni 2003/361 hija manifestament żbaljata.

44      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi miċħud l-uniku motiv imqajjem mir-rikorrenti u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu bħala manifestament infondat fid-dritt.

 Fuq l-ispejjeż

45      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, inklużi dawk relattivi għall-proċedura għal miżuri provviżorji, skont it-talbiet tal-ECHA.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Calestep, SL għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

Magħmul fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Settembru 2015.

E. Coulon

 

       S. Frimodt Nielsen

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.