Language of document : ECLI:EU:T:2020:450

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

23 ta’ Settembru 2020 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea 7Seven – Assenza ta’ talba għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark – Kanċellazzjoni tat-trade mark fl-iskadenza tar-reġistrazzjoni – Artikolu 53 tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Applikazzjoni għal restitutio in integrum ippreżentata mill-persuna liċenzjata – Artikolu 104(1) tar-Regolament 2017/1001 – Dmir ta’ viġilanza”

Fil-Kawża T‑557/19,

Seven SpA, stabbilita f’Leinì (l-Italja), irrappreżentata minn L. Trevisan, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn H. O’Neill, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑4 ta’ Ġunju 2019 (Każ R 2076/2018‑5), dwar applikazzjoni għal restitutio in integrum fid-dritt li jintalab it-tiġdid tat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea 7Seven,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Spielmann, President, U. Öberg (Relatur) u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Awwissu 2019,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Novembru 2019,

wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit‑22 ta’ Lulju 1997, ir-rikorrenti, Seven SpA, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146) (issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat, huwa stess issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huwa s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 16, 18 u 25 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

4        Fit‑2 ta’ Mejju 2001, it-trade mark ġiet irreġistrata bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, bin-numru 591206, u din ir-reġistrazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 53/2001, tat‑18 ta’ Ġunju 2001.

5        Fid‑29 ta’ Settembru 2005, ir-rikorrenti ttrasferiet it-trade mark inkwistjoni lil Seven Licensing Company S.à r.l., għall-prodotti fil-klassi 25, u ngħatat liċenzja fuq l-imsemmija trade mark. Din il-liċenzja ma ġietx irreġistrata fir-reġistru tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea.

6        Wara sensiela ta’ trasferimenti, it-trade mark inkwistjoni ġiet attribwita fit‑30 ta’ April 2013, għall-prodotti fil-klassi 25, lil Seven7 Investment PTE Ltd (iktar ’il quddiem il-“proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni”). Hija ngħatat in-numru ta’ reġistrazzjoni ġdid 8252223, li ġie ppubblikat fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 83/2013, tat‑3 ta’ Mejju 2013.

7        Fis‑26 ta’ Diċembru 2016, konformement mal-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 53(2) tar-Regolament 2017/1001), l-EUIPO informa lill-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni li l-perijodu ta’ protezzjoni tal-imsemmija trade mark kien ser jintemm fit‑22 ta’ Lulju 2017 u li t-talba għat-tiġdid setgħet titressaq mit‑23 ta’ Jannar 2017 sal‑24 ta’ Lulju 2017. Barra minn hekk, l-EUIPO enfasizza li, fil-każ ta’ ħlas tat-tariffa addizzjonali għall-ħlas tardiv tat-tariffa għat-tiġdid, it-terminu jiġi estiż sat‑22 ta’ Jannar 2018.

8        Madankollu, il-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni ma talabx it-tiġdid tar-reġistrazzjoni tagħha.

9        Fit‑2 ta’ Frar 2018, l-EUIPO nnotifika lir-rappreżentant tal-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni bl-iskadenza tal-perijodu ta’ protezzjoni tagħha mit‑22 ta’ Lulju 2017.

10      Fil‑21 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal restitutio in integrum abbażi tal-Artikolu 104 tar-Regolament 2017/1001 u talbet li tingħata lura d-dritt tagħha li titlob it-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni għall-għoti lura tad-drittijiet tagħha”). Fl-applikazzjoni għall-għoti lura tad-drittijiet tagħha, ir-rikorrenti informat lill-EUIPO li hija kienet ingħatat liċenzja fuq l-imsemmija trade mark u li l-proprjetarju tagħha kien kiser l-obbligu kuntrattwali tiegħu li jinformaha bl-intenzjoni tiegħu li ma jġeddidx ir-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni, b’tali mod li hija ma kinitx f’pożizzjoni li twettaq hija stess it-tiġdid tagħha fiż-żmien dovut.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Awwissu 2018, id-dipartiment “Operazzjonijiet” tal-EUIPO ċaħad l-applikazzjoni tar-rikorrenti għall-għoti lura tad-drittijiet tagħha u kkonferma l-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni.

12      Fit‑23 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti appellat quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001, kontra d-deċiżjoni tad-dipartiment “Operazzjonijiet” tal-EUIPO.

13      Fl‑4 ta’ April 2019, il-Bord tal-Appell bagħat komunikazzjoni lir-rikorrenti fejn indikalha li hija ma setgħetx tingħata lura d-dritt li titlob it-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni, peress li s-sitwazzjoni deskritta ma kinitx turi li hija kienet uriet il-viġilanza kollha meħtieġa miċ-ċirkustanzi.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Ġunju 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. L-ewwel nett, huwa fakkar li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 104 tar-Regolament 2017/1001 kellhom jiġu interpretati b’mod strett. Sussegwentement, wara li kkonstata li n-nuqqas ta’ tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni kien imputabbli lill-proprjetarju tagħha, il-Bord tal-Appell qies li r-rikorrenti ma setgħetx validament titlob it-tiġdid tar-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark mingħajr ma tikseb minn qabel l-awtorizzazzjoni espressa tal-proprjetarju tagħha. Madankollu, l-assenza ta’ tali awtorizzazzjoni ma pprekludietx it-terminu għat-tiġdid milli jiddekorri. Ir-rikorrenti setgħet tirrimedja n-nuqqas ta’ tiġdid min-naħa tal-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni biss billi turi li tali difett kien seħħ minkejja l-fatt li huwa kien wera l-viġilanza kollha meħtieġa. Il-Bord tal-Appell żied li, anki jekk jitqies li d-dritt għat-tiġdid tal-persuna liċenzjata kien jeżisti indipendentement mill-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni, f’tali każ hija l-persuna liċenzjata li kellha tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura t-tiġdid fil-ħin tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni. Barra minn hekk, huwa qies li r-rikorrenti ma kinitx uriet l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jiġġustifikaw li hija tingħata lura d-dritt li titlob it-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni. Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell ċaħad bħala ineffettiv l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-għoti lura tad-dritt li jintalab it-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni ma kien iwassal għal ebda ksur ta’ xi dritt jew ta’ xi aspettattiva ta’ terz.

 It-talbiet tal-partijiet

15      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tilqa’ l-applikazzjoni għal restitutio in integrum u t-talba għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni.

16      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

17      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikoli 53 u 104 tar-Regolament 2017/1001, moqrija flimkien mal-prinċipju ġenerali ta’ effettività, sa fejn il-Bord tal-Appell kiser id-dritt awtonomu rrikonoxxut lill-persuna liċenzjata li tressaq it-talba għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni u l-applikazzjoni għall-għoti lura tad-drittijiet tagħha; it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 104 tar-Regolament 2017/1001, sa fejn l-applikazzjoni għall-għoti lura tad-drittijiet tagħha u t-talba għal tiġdid ġew ippreżentati mir-rikorrenti fit-termini stabbiliti; it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 104 tar-Regolament 2017/1001, sa fejn ir-rikorrenti aġixxiet bil-viġilanza kollha meħtieġa miċ-ċirkustanzi; ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 104 tar-Regolament 2017/1001, sa fejn il-miżuri rrakkomandati mill-Bord tal-Appell ma żgurawx tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni fit-termini stabbiliti, u, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni mogħtija minn trade mark tal-Unjoni Ewropea, stabbilit fil-premessa 11 tar-Regolament 2017/1001.

18      Il-Qorti Ġenerali ser teżamina suċċessivament, qabelxejn, l-ewwel motiv, sussegwentement, it-tieni, it-tielet u r-raba’ motiv meħuda flimkien u, fl-aħħar nett, il-ħames motiv.

 Fuq id-dritt tar-rikorrenti li tippreżenta applikazzjoni għall-għoti lura tad-drittijiet tagħha u li titlob it-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni

19      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata sa fejn, kuntrarjament għall-Artikoli 53 u 104 tar-Regolament 2017/1001, il-Bord ta’ l-Appell evalwa t-talba għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni u l-applikazzjoni għall-għoti lura tad-drittijiet tagħha bħallikieku l-kwistjoni kienet tinvolvi l-għoti lura tad-drittijiet lill-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni, pjuttost milli lir-rikorrenti.

20      Hija żżid li, skont il-prinċipju ta’ effettività ta’ dispożizzjonijiet legali, ir-regoli ġuridiċi kollha li jagħtu dritt lil ċittadin tal-Unjoni għandhom jiġu applikati b’mod li jintlaħaq, fl-aħħar mill-aħħar, l-għan tagħhom. Skont ir-rikorrenti, l-applikazzjoni intiża għall-għoti lura tad-drittijiet tagħha għandha l-għan li tiżgura li d-detentur ta’ dritt fuq trade mark tal-Unjoni ma jitlifx dan id-dritt fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu, bil-kundizzjoni li josserva ċerti termini u li jkun wera l-viġilanza kollha meħtieġa miċ-ċirkustanzi. Issa, billi impona fuq ir-rikorrenti l-obbligu li turi li l-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni kien aġixxa b’tali viġilanza u li kien ikun ammissibbli li tiġi ppreżentata tali applikazzjoni, il-Bord tal-Appell għamel dan id-dritt impossibbli li jiġi eżerċitat u kiser il-prinċipju ta’ effettività.

21      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

22      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament 2017/1001, “[i]r-reġistrazzjoni ta’ trademark tal-UE għandha tiġi mġedda fuq talba tal-proprjetarju tat-trademark tal-UE jew ta’ kull persuna espressament awtorizzata minnu, sakemm id-drittijiet ikunu tħallsu”.

23      L-Artikolu 104(1) tar-Regolament 2017/1001, min-naħa tiegħu, jipprevedi li “[l]-applikant jew il-proprjetarju ta’ trademark tal-UE jew kull parti oħra fi proċedimenti quddiem l-Uffiċċju, li ma jkunux f’pożizzjoni li ikunu konformi mat-terminu ta’ żmien fil-konfront tal-[EUIPO] minkejja li jkunu għamlu dak kollu meħtieġ miċ-ċirkustanzi, għandhom, wara li ssir applikazzjoni, jingħataw lura d-drittijiet tagħhom jekk l-ostaklu għall-konformita jkollha l-konsegwenza diretta, minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, li tikkawża t-telfien ta’ kull dritt jew mezz ta’ rimedju”.

24      Skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, tali applikazzjoni quddiem l-EUIPO tippreżupponi, l-ewwel nett, li l-applikant ikun parti fil-proċedimenti kkonċernati, it-tieni nett, li, minkejja li jkun wera l-viġilanza kollha meħtieġa miċ-ċirkustanzi, huwa ma kienx f’pożizzjoni li josserva terminu fir-rigward tal-EUIPO u, it-tielet nett, li dan l-ostakolu kellu bħala konsegwenza diretta t-telf ta’ dritt jew ta’ mezz ta’ rimedju (sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2009, Jurado Hermanos vs UASI (JURADO), T‑410/07, EU:T:2009:153, punt 15, u tal-5 ta’ April 2017, Renfe-Operadora vs EUIPO (AVE), T‑367/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:255, punt 24).

25      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, għandu jiġi osservat li, konformement mal-Artikolu 53(1) tar-Regolament 2017/1001, huwa biss il-proprjetarju tat-trade mark jew persuni awtorizzati espressament minnu li jistgħu jitqiesu li huma partijiet fil-proċedimenti ta’ tiġdid (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2009, JURADO, T‑410/07, EU:T:2009:153, punt 16).

26      Issa, ebda dispożizzjoni tar-Regolament 2017/1001 ma tipprekludi li “parti fil-proċedimenti ta’ tiġdid” tista’ titqies li hija “parti […] fi proċedimenti quddiem l-[EUIPO]”, fis-sens tal-Artikolu 104(1) tar-Regolament 2017/1001. Fil-fatt, l-użu tal-konġunzjoni “jew” fl-Artikolu 104(1) tar-Regolament 2017/1001 ifisser li l-applikazzjoni għall-għoti lura tad-drittijiet tagħha tista’ tibbenefika lil kull parti fi proċedimenti quddiem l-EUIPO, irrispettivament minn jekk hija tkunx jew le l-proprjetarja tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea rreġistrata inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, Thun vs EUIPO (Poisson), T‑604/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:42, punt 17).

27      Madankollu, minn dawn id-dispożizzjonijiet bl-ebda mod ma jirriżulta li r-rikorrenti hija, bħala proprjetarja ta’ liċenzja fuq it-trade mark inkwistjoni, assimilata ġuridikament mal-proprjetarju tagħha għal dak li jirrigwarda t-tiġdid tar-reġistrazzjoni tagħha, iżda għall-kuntrarju li, bħal kull persuna oħra, hija għandha tkun awtorizzata espressament mill-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni, sabiex tkun tista’ tressaq talba għal tiġdid, u għandha tipprova l-eżistenza ta’ tali awtorizzazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2009, JURADO, T‑410/07, EU:T:2009:153, punt 21).

28      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li r-rikorrenti, fis‑17 ta’ Lulju 2018, kisbet awtorizzazzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni li tippermettilha tippreżenta applikazzjoni abbażi tal-Artikolu 104 tar-Regolament 2017/1001 bil-għan li tingħata lura d-dritt li titlob it-tiġdid tar-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark. Madankollu, għandu jiġi osservat li din l-awtorizzazzjoni seħħet wara l-iskadenza tat-terminu sabiex jintalab dan it-tiġdid, previst skont l-Artikolu 53(3) tar-Regolament 2017/1001, u kważi sena wara l-iskadenza tar-reġistrazzjoni effettiva tat-trade mark, fit‑22 ta’ Lulju 2017.

29      L-Artikolu 53(3) tar-Regolament 2017/1001, jipprevedi dan li ġej:

“It-talba għat-tiġdid għandha tintbagħat f’perijodu ta’ sitt xhur qabel l-iskadenza tar-reġistrazzjoni. It-tariffa bażika għat-tiġdid, u fejn xieraq, tariffa ta’ klassi waħda jew aktar għal kull klassi ta’ oġġetti u servizzi li jaqbżu l-ewwel waħda għandhom ukoll jitħallsu f’dan il-perijodu. Jekk dan ma jsirx, it-talba tista’ tintbagħat u t-tariffi jitħallsu fi żmien perijodu ulterjuri ta’ sitt xhur wara l-iskadenza tar-reġistrazzjoni, dment li titħallas tariffa addizzjonali għall-pagament tardiv tat-tariffa għat-tiġdid jew għas-sottomissjoni tardiva tat-talba għat-tiġdid fi żmien dan il-perijodu ulterjuri.”

30      Kif sostna ġustament il-Bord tal-Appell, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, it-terminu sabiex jintalab it-tiġdid tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark jiddekorri indipendentement minn eventwali awtorizzazzjoni espressa li l-proprjetarju tat-trade mark jagħti lill-persuna liċenzjata.

31      Il-proċedura ta’ tiġdid għalhekk tintemm mal-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 53(3) tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, sabiex titqies bħala parti f’dawn il-proċedimenti skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament 2017/1001, ir-rikorrenti kellha tikseb l-awtorizzazzjoni espressa tal-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni sabiex tkun tista’ titlob it-tiġdid tar-reġistrazzjoni tagħha f’data li tiġi qabel l-iskadenza tat-terminu previst.

32      Sa fejn ir-rikorrenti rċeviet awtorizzazzjoni espressa biss wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, hija la ma tista’ titqies bħala parti fil-proċedimenti ta’ tiġdid, skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament 2017/1001, u lanqas bħala “parti […] fi proċedimenti quddiem l-[EUIPO]” fis-sens tal-Artikolu 104(1) tal-imsemmi regolament. Għalhekk, ir-rikorrenti ma setgħetx tippreżenta applikazzjoni għall-għoti lura tad-drittijiet tagħha bħala persuna liċenzjata li tilfet dritt, u konsegwentement, f’dan il-każ, għandha titqies li aġixxiet quddiem l-EUIPO unikament f’isem u għan-nom tal-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni, b’tali mod li l-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 104(1) tar-Regolament 2017/1001 għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dan tal-aħħar. Għaldaqstant, kif sostna ġustament il-Bord tal-Appell, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti setgħet tirrimedja n-nuqqas ta’ tiġdid min-naħa tal-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni biss bil-kundizzjoni li hija setgħet turi li tali nuqqas kien seħħ minkejja l-fatt li huwa kien wera l-viġilanza kollha meħtieġa.

33      L-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 32 iktar ’il fuq hija l-iktar waħda li tissodisfa l-prinċipju ta’ effettività u r-rekwiżit ta’ ċertezza legali. Hija tiggarantixxi determinazzjoni ċara u osservanza rigoruża tal-bidu tad-dekorrenza u tat-tmiem tat-termini msemmija fl-Artikoli 53 u 104 tar-Regolament 2017/1001.

34      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-applikazzjoni stretta tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tat-termini proċedurali tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u n-neċessità li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Jista’ jkun hemm deroga għal dan biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna. Kemm jekk tali ċirkustanzi jkunu deskritti bħala każ fortuwitu jew bħala forza maġġuri jew ukoll bħala żball skużabbli, huma għandhom, fi kwalunkwe każ, element suġġettiv li jinvolvi l-obbligu, mill-persuna kkonċernata ta’ bona fide, li turi li dejjem użat il-viġilanza u d-diliġenza rikjesti minn operatur normalment avżat sabiex tissorvelja l-iżvolġiment tal-proċedura u tosserva t‑termini previsti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2014, Melt Water vs UASI (NUEVA), T‑61/13, EU:T:2014:265, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 104(1) tar-Regolament Nru 2017/1001 għandhom għalhekk jiġu interpretati b’mod strett. Fil-fatt, l‑osservanza tat-termini hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku u r-restitutio in integrum ta’ reġistrazzjoni wara l-kanċellazzjoni tagħha tista’ taffettwa ċ‑ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2012, Video Research USA vs UASI (VR), T‑267/11, EU:T:2012:446, punt 35).

36      Għalhekk, il-proprjetarju ta’ trade mark li jkun naqas milli jġedded ir-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark fit-terminu stabbilit ma jistax jevita l-konsegwenzi tan-negliġenza tiegħu stess billi jawtorizza lil terz jippreżenta applikazzjoni sabiex jingħata lura d-dritt tiegħu li jitlob it-tiġdid tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu.

37      Persuna liċenzjata ma tistax, min-naħa tagħha, titlob li tingħata lura d-drittijiet tagħha għas-sempliċi raġuni li l-proprjetarju tat-trade mark wera inerzja u ma osservax it-terminu sabiex jitlob it-tiġdid tar-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark u, min-naħa l-oħra, titħalla tmur kontra r-rieda tal-proprjetarju ta’ trade mark li jkun iddeċieda konxjament li ma jġeddidx ir-reġistrazzjoni tiegħu.

38      Konsegwentement, il-Bord tal-Appell qies ġustament li kellha tiġi vverifikata l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 104(1) tar-Regolament 2017/1001 fir-rigward tal-proprjetarju tat-trade mark, b’tali mod li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ viġilanza meħtieġ miċ-ċirkustanzi u tat-termini previsti fl-Artikolu 104 tar-Regolament 2017/1001

39      Qabelxejn, ir-rikorrenti ssostni li hija osservat it-termini previsti fl-Artikolu 104 tar-Regolament 2017/1001. Hija ssostni li dan l-artikolu jistabbilixxi żewġ termini. L-ewwel wieħed huwa terminu assolut ta’ sena, li jibda jiddekorri mill-iskadenza tat-terminu mhux osservat, jiġifieri fit‑22 ta’ Lulju 2017. It-tieni wieħed huwa terminu relattiv ta’ xahrejn, li jibda jiddekorri mit-tneħħija tal-ostakolu għan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-ostakolu tneħħa mill-mument li fih hija rċeviet l-awtorizzazzjoni espressa sabiex taġixxi mill-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni, jiġifieri fis‑17 ta’ Lulju 2018. Peress li l-applikazzjoni għall-għoti lura tad-drittijiet tagħha ġiet ippreżentata fil‑21 ta’ Lulju 2018, iż-żewġ termini ġew osservati.

40      Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell applika b’mod żbaljat kriterju ta’ natura assoluta billi eżiġa li hija turi li ħadet il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura tiġdid fil-ħin. Issa, ir-rikorrenti kellha tieħu biss il-miżuri xierqa għal dan il-każ u li kienu meħtieġa miċ-ċirkustanzi. F’dan il-każ, il-kuntratt li jorbotha mal-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni kien suġġett għad-dritt Taljan, li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali ta’ aspettattivi ġusti u leġittimi u ta’ bona fide fl-eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell kellu jqis li, peress li ma setgħetx tipprevedi li l-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni ma kienx ser jissodisfa l-obbligi kuntrattwali tiegħu, hija kienet aġixxiet bil-viġilanza kollha meħtieġa miċ-ċirkustanzi.

41      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 104 tar-Regolament 2017/1001, sa fejn il-miżuri rrakkomandati minnu sabiex jiġi żgurat tiġdid fil-ħin tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni ma kinux ikunu effikaċi u kienu jkunu irrilevanti għal dak li jirrigwarda l-istħarriġ tal-osservanza tal-obbligu ta’ viġilanza mir-rikorrenti.

42      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

43      Il-Qorti Ġenerali tosserva li mill-eżami tal-ewwel motiv jirriżulta li, f’dan il-każ, l-ammissjoni tal-applikazzjoni għall-għoti lura tad-drittijiet tagħha hija suġġetta għall-osservanza, mill-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni, tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 104 tar-Regolament 2017/1001.

44      F’dan ir-rigward, qabelxejn, ir-rikorrenti ma tat l-ebda spjegazzjoni dwar l-inerzja tal-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni fir-rigward tat-tiġdid tar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark, b’tali mod li xejn ma jindika li dan tal-aħħar wera l-viġilanza kollha meħtieġa miċ-ċirkustanzi, fis-sens tal-Artikolu 104(1) tar-Regolament 2017/1001.

45      Sussegwentement, skont l-Artikolu 104(2) tar-Regolament Nru 2017/1001, l-applikazzjoni għall-għoti lura tad-drittijiet tagħha għandha titressaq bil-miktub f’terminu ta’ xahrejn mit-tneħħija tal-ostakolu.

46      Issa, skont l-Artikolu 104(5) tar-Regolament 2017/1001, l-Artikolu 104 ma huwiex applikabbli għat-termini previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Għalhekk, jekk it-terminu ta’ xahrejn, li huwa wieħed mill-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tal-applikazzjoni, ma jkunx ġie osservat, ma hemmx iktar possibbiltà li tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-għoti lura tad-drittijiet tagħha, anki jekk jiġi ġġustifikat l-imsemmi nuqqas ta’ osservanza (sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2009, Evets vs UASI (DANELECTRO u QWIK TUNE), T‑20/08 u T‑21/08, EU:T:2009:356, punt 24).

47      L-argument tar-rikorrenti li jgħid li t-terminu ta’ xahrejn seta’ jibda jiddekorri biss mid-data li fiha hija kienet irċeviet l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni, jiġifieri mis‑17 ta’ Lulju 2018, b’tali mod li l-applikazzjoni ġiet ippreżentata fit-termini stabbiliti, ma jistax jintlaqa’.

48      Fil-fatt, is-sempliċi fatt li jiġi rrikonoxxut li r-rikorrenti ma setgħetx validament titlob it-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni espressa tal-proprjetarju tagħha ma jwassalx għar-rikonoxximent li l-assenza ta’ tali awtorizzazzjoni hija ostakolu fis-sens tal-Artikolu 104(1) tar-Regolament 2017/1001.

49      Barra minn hekk, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni kien ħatar rappreżentant, li ġie informat bl-iskadenza tar-reġistrazzjoni effettiva tal-imsemmija trade mark fit‑22 ta’ Lulju 2017, fl-assenza ta’ tiġdid. Issa, mill-proċess ma jirriżultax li l-imsemmi proprjetarju sostna li kien hemm xi ostakolu li jikkonċernah.

50      Fl-aħħar nett, il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti setgħetx jew le tafda lill-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni sabiex josserva l-obbligu tiegħu li jeżegwixxi l-obbligi kuntrattwali tiegħu hija rilevanti biss mill-perspettiva tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom u tal-istabbiliment tar-responsabbiltà għad-danni eventwalment subiti mir-rikorrenti, iżda ma tistax taffettwa s-sitwazzjoni legali tagħha fir-rigward tal-EUIPO.

51      Konsegwentement, l-applikazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti ma kinitx ammissibbli, peress li ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 104(1) u (2) tar-Regolament 2017/1001.

52      Għaldaqstant, it-tieni, it-tielet u r-raba’ motiv għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma l-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrenti f’dan ir-rigward jistgħu jikkontestaw tali konklużjoni.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni mogħtija minn trade mark tal-Unjoni Ewropea

53      Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata għandha l-effett li tesponi lill-pubbliku għal probabbiltà ta’ konfużjoni kkawżata minn reġistrazzjonijiet futuri ta’ sinjali simili għat-trade mark li r-reġistrazzjoni tagħha ntemmet, b’tali mod li hija tikser il-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni mogħtija minn trade mark tal-Unjoni Ewropea, stabbilit fil-premessa 11 tar-Regolament 2017/1001, li jgħid li l-għan tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark huwa, b’mod partikolari, li tiggarantixxi t-trademark bħala indikazzjoni ta’ oriġini.

54      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

55      Għandu jitfakkar li, skont il-premessa 11 tar-Regolament 2017/1001, huwa previst dan li ġej:

“Il-protezzjoni mogħtija minn trademark tal-UE, li l-funzjoni tagħha huwa partikolarment li tiggarantixxi t-trademark bħala indikazzjoni ta’ oriġini, jenħtieġ li tkun assoluta f’każ ta’ identiċità bejn il-marka u s-sinjal u l-prodotti jew is-servizzi. Jenħtieġ li din il-protezzjoni tapplika wkoll f’każijiet ta’ xebħ bejn il-marka u s-sinjal u l-prodotti jew is-servizzi. Il-kunċett ta’ xebħ jenħtieġ li jingħata interpretazzjoni marbuta mal-possibiltà ta’ konfużjoni. Il-possibbiltà ta’ konfużjoni, li l-apprezzament tagħha tiddependi fuq ħafna elementi u, b’mod partikolari, fuq l-għarfien tat-trademark fuq is-suq, l-assoċjazzjoni li tista’ ssir bejn is-sinjal użat jew dak registrat, il-livell ta’ xebħ bejn it-trademark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi identifikati, jenħtieġ li tikkostitwixxi l-kundizzjoni speċifika għal tali protezzjoni.”

56      Għalkemm l-għan tal-premessa 11 tar-Regolament 2017/1001 huwa li lill-konsumatur jew lill-utent finali tiġi żgurata l-identità ta’ oriġini tal-prodott jew tas-servizz indikat mit-trade mark, billi tippermettilu jiddistingwi mingħajr il-possibbiltà ta’ konfużjoni dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li jkollhom provenjenza oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys, C‑307/10, EU:C:2012:361, punt 36), hija ma għandhiex, kuntrarjament għal dak li jidher li timplika r-rikorrenti, l-għan li tiggarantixxi b’mod indefinit ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea meta din tkun intemmet minħabba n-nuqqas ta’ tiġdid tar-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark.

57      Fil-fatt, meta trade mark tiskadi u r-reġistrazzjoni tagħha ma tiġix imġedda, hija taqa’, bħala prinċipju, fid-dominju pubbliku, li jiffavorixxi l-kompetizzjoni u jinkoraġġixxi l-progress. Konsegwentement, u skont il-prinċipju ta’ disponibbiltà, għandhom jitqiegħdu fid-dominju pubbliku t-trade marks li bażikament ma jintużawx jew li ma għadhomx jintużaw, sabiex entitajiet kummerċjali oħra jkunu jistgħu jirreġistrawhom u jieħdu effettivament minnhom il-benefiċċji ekonomiċi kollha.

58      F’dan il-każ, l-iskadenza tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni toriġina min-nuqqas ta’ tiġdid fil-ħin ta’ din ir-reġistrazzjoni. Kif isostni ġustament l-EUIPO, il-fatt li l-imsemmija trade mark ma tistax iktar isservi bħala bażi għal azzjoni ġudizzjarja kontra trade marks oħra sussegwenti huwa konsegwenza ta’ din l-iskadenza u mhux ksur tal-prinċipju ġenerali tal-protezzjoni mogħtija minn trade mark tal-Unjoni Ewropea.

59      Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud, kif ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

60      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

61      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Seven SpA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Spielmann

Öberg

Spineanu-Matei

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑23 ta’ Settembru 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.