Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Frar 2013 - Dennekamp vs Parlament

(Kawża T-115/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Gert-Jan Dennekamp (Giethoorn, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: O. Brouwer u T. Oeyen, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament tal-11 ta' Diċembru 2012 li tirrifjuta li jingħata aċċess għal (i) id-dokumenti kollha li juru liema Membri attwali tal-Parlament Ewropew (MP) huma membri tal-iskema ta' pensjoni addizzjonali (iktar 'il quddiem l-iskema ta' pensjoni), (ii) lista tal-ismijiet ta' MP li kienu membri tal-iskema ta' pensjoni wara Settembru 2005, u (iii) lista tal-ismijiet tal-membri attwali tal-iskema ta' pensjoni li l-Parlament iħallas għalihom kontribuzzjoni kull xahar. Din id-deċiżjoni ġiet ikkomunikata lir-rikorrent fit-12 ta' Diċembru 2012 permezz ta' ittra bir-referenza A(2012)13180; u

tikkundanna lill-Parlament ibati l-ispejjeż tar-rikorrent skont l-Artikolu 87 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, inklużi l-ispejjeż ta' kwalunkwe partijiet intervenjenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikoli 11 u 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; żball ta' liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 2 flimkien mal-Artikolu 8(b) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 , peress li d-deċiżjoni kkontestata tirrestrinġi b'mod eċċessiv l-portata tad-dritt li persuna tirċievi u tagħti informazzjoni li jinsab fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-"Karta"), u d-dritt ta' aċċess għal dokumenti uffiċjali li jinsab fl-Artikolu 42 tal-Karta, billi kisret l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, flimkien mal-Artikolu 8(b) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, peress illi

L-ewwel nett, il-Parlament żbalja meta kkunsidra li r-rikorrent ma kienx ipprovda raġunijiet speċifiċi u leġittimi li juru n-neċessità li d-data personali inkluża fid-dokumenti mitluba, tiġi ttrasferita;

It-tieni nett, il-Parlament żbalja meta kkunsidra li l-informazzjoni dwar sħubija fl-iskema ta' pensjoni taqa' taħt l-isfera privata tal-MP kkonċernati; u

It-tielet nett, il-Parlament wettaq żball ta' liġi meta kkunisdra li l-interess leġittimu tal-MP kkonċernati jipprevali fuq in-neċessità ta' trasferiment tad-data.

It-tieni motiv ibbażat fuq li l-Parlament, bħala riżultat tal-iżbalji ta' liġi tiegħu, ma wettaqx l-obbligu tiegħu li jagħti raġunijiet suffiċjenti u xierqa għad-deċiżjoni kkontestata, u b'hekk kiser l-obbligu li jagħti raġunijiet xierqa taħt l-Artikolu 296 TFEU.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)

2 - Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102).