Language of document : ECLI:EU:T:2014:21

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

13 ta’ Jannar 2014

Kawżi magħquda T‑116/13 P u T‑117/13 P

Georgio Lebedef

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Evalwazzjoni –Rapport tal-iżvilupp tal-karriera –Proċedura ta’ evalwazzjoni 2008 u 2009 – Eżenzjoni għal nofs il-ħin għal finijiet ta’ rappreżentazzjoni sindakali – Rapport ta’ evalwazzjoni li jkopri l-funzjonijiet eżerċitati fis-servizz ta’ assenjazzjoni – Nomina sindakali – Ċaħda ta’ rikors fl-ewwel istanza bħala manifestament infondat – Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett :      Appelli mid-digrieti tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2012, Lebedef vs Il-Kummissjoni (F‑70/11 u F‑109/11), u intiżi għall-annullament ta’ dawn id-digrieti.

Dispożittiv :      L-appelli huma miċħuda. Giorgio Lebedef għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Appell – Aggravji – Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u tal-argumenti mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Assenza ta’ identifikazzjoni tal-iżball ta’ liġi invokat – Inammissibbiltà

(Artikolu 257 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 138(1))

2.      Appell – Aggravji – Aggravju intiż għar-rettifika tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Nuqqas ta’ kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 139(1); Regoli tal-Proċedura għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 84(1))

1.      Appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li qed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba.

Ma jweġibx għal dan ir-rekwiżit l-aggravju li, mingħajr ma jinkludi argument intiż speċifikament sabiex jidentifika l-iżball li bih hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata, huwa limitat sabiex jirriproduċi l-argumenti diġà ppreżentati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Fil-fatt, tali aggravju jikkostitwixxi, fil-verità, talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid ta’ motiv ippreżentat quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali.

(ara l-punti 23 u 89)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 9 ta’ Ġunju 2011, Evropaïki Dynamiki vs BĊE, C‑401/09 P, Ġabra p. I‑4911, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali: 16 ta’ Diċembru 2010, Lebedef vs Il-Kummissjoni, T‑52/10 P,, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      L-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jirrigwarda r-rettifika tal-iżbalji tal-pinna fil-kalkolu jew minħabba ineżattezzi ovvji, ma huwiex applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija esklużivament regolata mir-Regoli tal-Proċedura tagħha stess. Appellant għaldaqstant ma jistax jirrimedja għan-nuqqas ta’ aġir tiegħu li jaġixxi taħt l-imsemmi artikolu billi jitlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkoreġi jew tirrettifika żbalji tal-pinna jew ineżattezzi evidenti li jinsabu fid-deċiżjonijiet appellati tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punti 44 u 45)