Language of document :

Digriet tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Diċembru 2023 – Fugro vs Il-Kunsill

(Kawża T-143/23) 1

(“Rikors għal annullament – Fiskalità – Ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa – Direttiva (UE) 2022/2523 – Livell minimu ta’ impożizzjoni globali għall-gruppi ta’ impriżi multinazzjonali u għall-gruppi nazzjonali ta’ skala kbira fl-Unjoni – Esklużjoni tal-introjtu mit-tbaħħir internazzjonali – Kontestazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-esklużjoni – Nuqqas ta’ inċidenza individwali – Inammissibbiltà”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Fugro NV (Leidschendam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentant: C. Docclo, avukata)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: K. Pavlaki, E. d’Ursel u G. Rugge, aġenti)

Suġġett

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/2523 tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar l-iżgurar ta’ livell minimu globali ta’ tassazzjoni għal gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali u gruppi domestiċi fuq skala kbira fl-Unjoni (ĠU 2022, L 328, p. 1).

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Kummissjoni Ewropea, ta’ Koninklijke Boskalis BV u Boskalis Offshore Transport Services NV, ta’ Heerema Offshore Energy Solutions BV, ta’ Van Oord NV u Vox Amalia SL kif ukoll ta’ Koninklijke Vereniging van Nederlandse Reders.

Fugro NV hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħha, għal dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni ta’ dawk marbuta mat-talbiet għal intervent.

Fugro, il-Kunsill u l-partijiet li ressqu talba għal intervent msemmija fil-punt 2 ta’ dan id-dispożittiv għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mat-talbiet għal intervent.

____________

1     ĠU C 164, 8.5.2023, rettifika fil-ĠU 2023, L 13, p. 9.