Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Diċembru 2023 – BEI vs Is-Sirja

(Kawża T-457/22) 1

(“Klawżola ta’ arbitraġġ – Ftehim ta’ self li jirrigwarda d-disinn, il-kostruzzjoni, it-tagħmir u l-ikkummissjonar ta’ ċerti sptarijiet f’pajjiż terz – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt – Rimbors tas-somom antiċipati – Interessi moratorji – Proċedura fil-kontumaċja”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Il-Bank Ewropew tal-Investiment (rappreżentanti: T. Gilliams, R. Stuart u F. Oxangoiti Briones, aġenti, assistiti minn D. Arts u E. Paredis, avukati)

Konvenut: Ir-Repubblika Għarbija Sirjana

Suġġett

Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jitlob li r-Repubblika Għarbija Sirjana tiġi kkundannata tħallas lill-Unjoni Ewropea, li huwa jirrappreżenta, is-somom ta’ EUR 50 880 189.61 u ta’ 2 897 002.31 dollaru Amerikan (USD), flimkien mal-interessi, skont il-Ftehim ta’ self Nru 21595 li jirrigwarda d-disinn, il-kostruzzjoni, it-tagħmir u l-ikkummissjonar ta’ ċerti sptarijiet fis-Sirja, u sabiex tħallsu s-somom ta’ EUR 11 416.23 u ta’ USD 760.94, li ma kinux is-suġġett ta’ sejħa għal garanzija, li jirrappreżentaw l-interessi moratorji marbuta mal-parti dovuta fl-10 ta’ Ġunju 2022, akkumulati sad-29 ta’ Ġunju 2022, data li fiha l-Unjoni ħallset il-parti korrispondenti tal-kapital u tal-interessi kuntrattwali.

Dispożittiv

Ir-Repubblika Għarbija Sirjana hija kkundannata tirrimborsa lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), is-somom ta’ EUR 50 880 189.61 u ta’ USD 2 897 002.31 li jirrappreżentaw l-ammont ta’ kapital u l-interessi kuntrattwali u moratorji dovuti fit-30 ta’ Ġunju 2022 u lill-BEI s-somom ta’ EUR 11 416.23 u ta’ USD 760.94 li jirrappreżentaw interessi moratorji marbut mal-parti dovuta fl-10 ta’ Ġunju 2022, akkumulati sad-29 ta’ Ġunju 2022, mhux iggarantiti mill-Unjoni.

Is-somom ta’ EUR 40 744 064.86 u ta’ USD 2 223 971.84 inklużi l-ammonti ta’ kapital huma suġġetti għal interessi moratorji, ikkalkolati skont il-metodu previst fl-Artikolu 3(2) tal-Ftehim ta’ self Nru 21595 li jirrigwarda d-disinn, il-kostruzzjoni, it-tagħmir u l-ikkummissjonar ta’ ċerti sptarijiet fis-Sirja, konkluż bejn il-BEI u r-Repubblika Għarbija Sirjana fil-15 ta’ Ġunju 2002, emendata b’ittra tal-11 ta’ April 2006 u mmodifikata fis-17 ta’ Ottubru u fid-29 ta’ Novembru 2007, li jibdew jiddekorru mit-30 ta’ Ġunju 2022 sad-data tal-ħlas.

Ir-Repubblika Għarbija Sirjana hija kkundannata għall-ispejjeż.

____________

1     ĠU C 359, 19.9.2022.