Language of document : ECLI:EU:C:2024:530

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

20 ta’ Ġunju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikoli 56 u 57 TFUE – Kollokament ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz minn impriża ta’ Stat Membru sabiex iwettqu xogħlijiet fi Stat Membru ieħor – Tul ta’ żmien ta’ iktar minn 90 jum f’perijodu ta’ 180 jum – Obbligu tal-ħaddiema kkollokati ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu detenturi ta’ permess ta’ residenza fl-Istat ospitanti f’każ ta’ provvista għal iktar minn tliet xhur – Limitazzjoni tal-perijodu ta’ validità tal-permess ta’ residenza mogħtija – Ammont ta’ dazji marbuta mal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza – Restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑540/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Middelburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, bis-sede f’Middelbourg, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Awwissu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Awwissu 2022, fil-proċedura

SN et

vs

Staatsecretaris van Justitie en Veiligheid,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, Z. Csehi, M. Ilešič, I. Jarukaitis u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: R. Stefanova‑Kamisheva, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑21 ta’ Settembru 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal SN et, minn B. J. Maes u D. O. Wernsing, advocaten,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman, A. Hanje u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn I. Collett, E. Eikeland u S. Hammersvik, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati, A. Katsimerou, P.-J. Loewenthal u M. Mataija, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Novembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 u 57 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SN u ħaddiema oħra ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ kumpannija Olandiża minn kumpannija Slovakka, u l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) dwar l-obbligu, għal dawn il-ħaddiema, li jiksbu permess ta’ residenza Olandiż u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali permess.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il‑KIFS

3        Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 2 p. 9), kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 265/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑25 ta’ Marzu 2010 (ĠU 2010, L 85, p. 1), kif ukoll bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L. 182, p. 1) (iktar’ il quddiem il-“KIFS”) tiddefinixxi, fl-Artikolu 1 tagħha, il-kunċett ta’ “aljen” bħala “kull persuna apparti minn persuna ta’ nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej”.

4        L-Artikolu 21(1) ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi:

“Aljeni li għandhom permessi ta’ residenza validi maħruġa minn waħda mill-Partijiet Kontraenti jistgħu, fuq il-bażi ta' dak il-permess u ta’ dokument validu ta’ l-ivvjaġġar, jiċċaqalqu b’mod ħieles għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti l-oħra, sakemm jissodisfaw il-Kondizzjonijiet ta’ dħul imsemmija fl-Artikolu 5(1)(a), (ċ) u (e) [tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen)] [ĠU 2006, L 105, p. 1] u sakemm ma jkunux fuq il-lista nazzjonali ta’ twissijiet tal-Parti Kontraenti kkonċernata.”

 Il‑Kodiċi tal Fruntieri ta’ Schengen

5        L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”), intitolat “Kondizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi”, li ssostitwixxa l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 562/2006, jipprovdi:

“Fil-każ ta’ permanenza fit-territorju tal-Istati Membri ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum, li jinkludi li jitqies il-perijodu ta’ 180 jum li jippreċedi kull jum ta’ soġġorn, il-kondizzjonijiet tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu kif ġej:

a)       ikollhom dokument validu tal-ivvjaġġar li jintitolaikollhom dokument validu tal-ivvjaġġar li jintitola lid-detentur jaqsam il-fruntiera u li jkun jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

il-validità tiegħu għandha testendi għal mill-inqas tliet xhur wara d-data ppjanata tat-tluq mit-territorju tal-Istati Membri; F’każ ta’ emerġenza ġġustifikat, dan l-obbligu jista’ jitneħħa.

(ii)       għandu jkun inħareġ fl-għaxar snin preċedenti;

[...]

c)      jiġġustifikaw l-għan u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu u jkollhom mezzi biżżejjed ta’ sussistenza, kemm għall-perijodu tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu kif ukoll għar-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom jew transitu lejn pajjiż terz fejn ikunu ċerti li ser jitħallew jidħlu, jew ikunu f’pożizzjoni li jakkwistaw dawn il-mezzi legalment;

[...]

e)      mhumiex meqjusa bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi Stat Membru partikolarment jekk l-ebda allert ma jkun inħareġ fid-databases nazzjonali tal-Istati Membri sabiex jiġi miċħud id-dħul għall-istess raġunijiet.”

 Direttiva 96/71/KE

6        Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431 u rettifika fil-ĠU 2015, L 16, p. 66).

“Billi din id-Direttiva la taffettwa l-ftehim konkluż mill- Komunità ma’ pajjizi terzi u lanqas il-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-aċċess għat-territorju tagħhom ta’ fornituri tas-servizzi minn pajjiżi terzi; billi din id-Direttiva ma tippreġudikax il-liġijiet nazzjonali dwar id-dħul, ir-residenza u aċċess għall-impjieg tal-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi”.

7        L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali, jistazzjonaw ħaddiema skond il-paragrafu 3, fit-territorju ta' Stat Membru.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 1030/2002

8        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat‑13 ta’ Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiz terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 3) jistabbilixxi:

“1.       Permessi ta’ residenza maħruġa mill-Istati Membri lil ċittadini ta’ pajiż terz għandhom jitħejjew f’format uniformi u jipprovdu biżżejjed spazju għall-informazzjoni preskrit fl-Anness ta’ hawnhekk. [...] Kull Stat Membru jista’ jżid fl-ispazju rilevanti tal-format uniformi informazzjoni ta’ importanza dwar in-natura tal-permess u l-istatus legali tal-persuna konċernata, partikolarment informazzjoni rigward jekk persuna tistax taħdem.

2.       Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

(a) ‘permess ta’ residenza’ għandu jfisser kull awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jħalli ċittadin ta’ pajjiż terz li joqgħod legalment fit-territorju tiegħu [...]”.

9        L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Għandhom ikunu stabbiliti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-format uniformi għall-permessi ta’ residenza dwar li ġej skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(2)[...]”.

 Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004

10      Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 (ĠU 2012, L 149, p. 4) jipprovdi fl-Artikolu 12(1) tiegħu:

“Persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru f’isem il-prinċipal tagħha, liema prinċipal normalment iwettaq l-attivitajiet tiegħu hemmhekk, u li tintbagħat mill-prinċipal tagħha fi Stat Membru ieħor biex taħdem f’isem il-prinċipal għandha tibqa’ suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru sakemm mhux maħsub li x-xogħol idum aktar minn 24 xahar u sakemm din il-persuna ma ntbagħtitx biex tieħu post persuna oħra.”

 Direttiva 2004/38/KE

11      Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), jipprevedi fl-Artikolu 3(1) tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

12      L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta l-perjodu ppjanat tar-residenza hu ta’ aktar minn tliet xhur, l-Istati Membri għandhom joħorġu karta ta’ residenza lill-membri tal-familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.”

 Direttiva 2006/123/KE

13      Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), tipprevedi, fl-Artikolu 17 tagħha, intitolat “Derogi addizzjonali għall-libertà li jiġu pprovduti servizzi”:

“L-Artikolu 16 [li jikkonkretizza d-dritt tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti] m’għandux japplika għal:

[...]

9)      fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiċċaqalqu lejn Stat Membru ieħor fil-kuntest tad-dispożizzjoni ta’ xi servizz il-possibbiltà għal Stati Membri li jitolbu viża jew permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkunux koperti bir-reġim ta’ rikonoxximent reciproku previst fl-Artikolu 21 tal-[KIFS] jew il-possibbiltà li jobbligaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrappurtaw lil awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn is-servizz ikun provdut jew wara d-dħul tagħhom;

[...]”

 Direttiva 2009/52/KE

14      Il-premessi 1 sa 3 tad-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali, ĠU 2009, L 168, p. 24 u rettifika fil-ĠU 2012, L 208, p. 22) jistabbilixxu:

“(1)      Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal‑14 u l‑15 ta’ Diċembru 2006 ġie miftiehem li l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri għandha tissaħħaħ fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u b’mod partikolari li għandhom jiġu intensifikati l-miżuri kontra l-impjieg illegali fuq il-livell tal-Istati Membri u tal-UE.

(2)      Fattur prinċipali li jattira l-immigrazzjoni illegali lejn l-UE huwa l-possibbiltà li jinstab xogħol fl-UE mingħajr l-istatus legali meħtieġ. Għalhekk, l-azzjonijiet kontra l-immigrazzjoni illegali u r-residenza illegali għandhom jinkludu miżuri kontra dak il-fattur li jattira.

(3)      Il-komponent ċentrali ta’ dawk il-miżuri għandu jkun projbizzjoni ġenerali fuq l-impjieg ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma għandhomx id-dritt għal residenza fl-UE, flimkien ma’ sanzjonijiet kontra min iħaddem li jikser dik il-projbizzjoni.”

15      Konformement mal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, jikkostitwixxi, għall-finijiet speċifiċi tagħha, “‘ċittadin ta’ pajjiż terz f’soġġorn illegali’ ċittadin ta’ pajjiż terz preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru”.

16      L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-impjieg ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi f’soġġorn illegali.”

 Direttiva 2011/98/UE

17      Id-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru (ĠU 2011, L 343, p. 1), jipprevedi fl-Artikolu 1(1) tiegħu:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

(a)      proċedura ta’ applikazzjoni unika għall-ħruġ ta’ permess uniku għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex ikunu jistgħu jirrisjedu għal finijiet ta’ xogħol fit-territorju ta’ Stat Membru, sabiex ikunu semplifikati l-proċeduri tal-ammissjoni tagħhom u jiġi ffaċilitat il-kontroll tal-istatus tagħhom [...]

[...]”

18      L-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi:

[...]

(c)      li huma ssekondati sakemm jibqgħu ssekondati;

[...]”

19      L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Permess uniku”, jipprovdi:

“(1) L-Istati Membri għandhom joħorġu l-permess uniku billi jużaw il-format uniformi kif jinsab fir-Regolament [Nru 1030/2002] u għandhom jindikaw l-informazzjoni relatata mal-permess tax-xogħol f’konformità mal-punt (a)7.5-9 tal-Anness għalih.

L-Istati Membri jistgħu jindikaw l-informazzjoni addizzjonali relatata mar-relazzjoni ta’ impjieg taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz (bħall-isem u l-indirizz ta’ min iħaddem, il-post tax-xogħol, it-tip ta’ xogħol, is-sigħat ta’ xogħol, ir-rimunerazzjoni) f’format ta’ karta, jew jaħżnu tali data f’format elettroniku kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament [Nru 1030/2002] u fil-punt (a) 16 tal-Anness għalih.

2.       Meta joħorġu l-permess uniku, l-Istati Membri m’għandhomx joħorġu permessi addizzjonali bħala prova ta’ awtorizzazzjoni tal-aċċess għas-suq tax-xogħol.”

20      L-Artikolu 7 tal-istess direttiva, intitolat “Permessi ta’ residenza maħruġa għal skopijiet oħra li mhumiex ta’ xogħol”, jipprevedi:

“Meta joħorġu l-permessi ta’ residenza f’konformità mar-Regolament [Nru 1030/2002], l-Istati Membri għandhom jindikaw l-informazzjoni relatata mal-permess tax-xogħol irrispettivament mit-tip tal-permess.

L-Istati Membri jistgħu jindikaw l-informazzjoni addizzjonali relatata mar-relazzjoni ta’ impjieg taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz (bħall-isem u l-indirizz ta’ min iħaddem, il-post tax-xogħol, it-tip ta’ xogħol, is-sigħat ta’ xogħol, ir-rimunerazzjoni) f’format ta’ karta, jew jaħżnu tali data f’format elettroniku kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament [Nru 1030/2002] u l-punt (a) 16 tal-Anness I għalih.

2. Meta joħorġu permessi ta’ residenza f’konformità mar-Regolament [Nru 1030/2002], l-Istati Membri m’għandhomx joħorġu permessi addizzjonali bħala prova ta’ awtorizzazzjoni tal-aċċess għas-suq tax-xogħol.”

 Direttiva 2003/109/KE

21      L-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272) jipprovdi:

“Din id-Direttiva ma tapplikax għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

[...]

(e)       jirrisjedu unikament fuq bażi temporanju bħal jirrisjedu unikament fuq bażi temporanju bħal ħaddiema au pair jew staġjonali, jew bħala ħaddiema ppustjati minn provditur ta’ servizzi għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi bejn il-fruntieri, jew bħala provdituri ta’ servizzi bejn il-fruntieri jew fil-każi fejn il-permess tar-residenza tagħhom ikun ġir formalment limitat”.

 Direttiva 2014/67/UE

22      L-Artikolu 9(1) sa (3) tad-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU 2014, L 159, p. 11), intitolat “Rekwiżiti amministrattivi u miżuri ta’ kontroll”, jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jimponu biss rekwiżiti amministrattivi u miżuri ta’ kontroll meħtieġa sabiex jiżguraw monitoraġġ effettiv tal-konformità mal-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva u d-Direttiva [96/71], dment li dawn ikunu ġustifikati u proporzjonati skont il-liġi tal-Unjoni.

Għal dawn il-finijiet l-Istati Membri jistgħu b'mod partikolari jimponu l-miżuri li ġejjin:

(a)      obbligu fuq fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor biex jagħmel dikjarazzjoni sempliċi lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali responsabbli mhux aktar tard minn meta tibda l-prestazzjoni tas-servizz, f’(waħda) mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti, jew f’lingwa oħra aċċettata mill-Istat Membru ospitanti, li jkun fiha l-informazzjoni rilevanti meħtieġa sabiex tippermetti kontrolli fattwali fuq il-post tax-xogħol, inklużi:

(i)      l-identità tal-fornitur ta’ servizz;

(ii)      l-għadd antiċipat ta’ ħaddiema stazzjonati identifikabbli b’mod ċar;

(iii)      il-persuni msemmija taħt il-punti (e) u (f);

(iv)      kemm mistenni jdum, it-tbassir tad-data tal-bidu u tat-tmiem tal-istazzjonament;

(v)      l-indirizz(i) tal-post tax-xogħol;

(vi)      in-natura tas-servizzi li jiġġustifikaw l-istazzjonament;

(b)      obbligu li jinżammu jew ikunu disponibbli u/jew ikunu fil-possess ta’ kopji stampati jew b’forma elettronika tal-kuntratt ta’ impjieg jew dokument ekwivalenti skont it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill ta’ l‑14 ta’ Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni ta’ l-impjieg (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 3)., inkluża, fejn xieraq jew rilevanti, l-informazzjoni addizzjonali msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva, riċevuti tal-paga, reġistri tal-ħinijiet li jindikaw il-bidu, it-tmiem u l-ħin totali tax-xogħol tal-ġurnata u prova ta’ ħlas ta’ pagi jew kopji ta’ dokumenti ekwivalenti matul il-perijodu ta’ stazzjonament f’post aċċessibbli u identifikat b’mod ċar fuq it-territorju tiegħu, bħall-post tax-xogħol jew il-post ta’ kostruzzjoni, jew għall-ħaddiema mobbli fis-settur tat-trasport il-bażi tal-operazzjonijiet jew il-vettura li biha jiġi pprovdut is-servizz;

(c)      obbligu li d-dokumenti msemmija taħt punt (b) jitwasslu, wara l-perijodu ta’ stazzjonament, fuq talba tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti, fi żmien perijodu ta’ żmien raġonevoli;

(d)      obbligu li tiġi pprovduta traduzzjoni tad-dokumenti msemmija fil-punt (b) fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti, jew f’lingwa jew lingwi oħra aċċettati mill-Istat Membru ospitanti;

(e)      obbligu li tinħatar persuna li tikkomunika mal-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru ospitanti li fih qed jiġu pprovduti s-servizzi u, li tibgħat u tirċievi dokumenti u/jew avviżi, jekk ikun meħtieġ;

(f)      obbligu li tinħatar persuna ta’ kuntatt, jekk ikun meħtieġ, li taġixxi bħala rappreżentant li permezz tagħha l-imsieħba soċjali rilevanti jistgħu jfittxu li jimpenjaw lill-fornitur ta’ servizzi biex jidħol f’negozjar kollettiv fl-Istat Membru ospitanti, skont il-liġi u/jew il-prassi nazzjonali, matul il-perijodu li matulu jiġu pprovduti s-servizzi. Dik il-persuna tista’ tkun persuna differenti mill-persuna msemmija fil-punt (e) u ma għandhiex għalfejn tkun preżenti fl-Istat Membru ospitanti, imma trid tkun disponibbli fuq talba motivata u ġustifikata;

2.       L-Istati Membri jistgħu jimponu rekwiżiti amministrattivi u miżuri ta’ kontroll oħrajn fil-każ fejn jinqalgħu sitwazzjonijiet jew żviluppi ġodda li għalihom ir-rekwiżiti amministrattivi u l-miżuri ta’ kontroll eżistenti jidhru li mhumiex biżżejjed jew mhumiex effiċjenti sabiex jiżguraw monitoraġġ ta’ konformità effettiv mal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva [96/71] u f’din id-Direttiva, dment li dawn huma ġustifikati u proporzjonati.

3.      Xejn minn dan l-Artikolu ma għandu jaffettwa obbligi oħra li ġejjin mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, inklużi dawk li ġejjin mid-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE [tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 1, p. 349 u rettifika fil-ĠU 2023, L 77, p. 20)] u [r-Regolament Nru 883/2004], u/jew dawk taħt il-liġi nazzjonali dwar il-protezzjoni jew l-impjieg ta’ ħaddiema dment li dawn tal-aħħar huma ugwalment applikabbli għal impriżi stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat u li huma ġustifikati u proporzjonati.”

 Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

 Il-liġi dwar l-Impjieg tal-barranin

23      L-Artikolu 2(1) tal-Wet arbeid vreemdelingen (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Impjieg ta’ Barranin”), tal‑21 ta’ Diċembru 1994, (Stb.1994, Nru 959), jistabbilixxi:

“Huwa pprojbit li persuna li timpjega, tinkariga lil ċittadin barrani sabiex iwettaq xogħol fil-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr ma tkun detentriċi ta’ awtorizzazzjoni ta’ reklutaġġ jew mingħajr ma dan iċ-ċittadin ikun detentur ta’ permess uniku sabiex jaħdem għal din il-persuna li timpjega.”

 Id-Digriet ta’ Implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Impjieg ta’ Barranin)

24      L-Artikolu 1(1) tal-Besluit uitvoering Wet arbeid vreemdelingen (id-Digriet ta’ Implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Impjieg ta’ Barranin) fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali jipprevedi:

“Il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar l-Impjieg ta’ Barranin ma tapplikax għal ċittadin barrani li, fil-kuntest ta’ provvista transkonfinali ta’ servizzi, iwettaq b’mod temporanju, xogħol fil-Pajjiżi l-Baxxi għal persuna li timpejga stabbilita barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, fi Stat ieħor li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew fl-Isvizzera, dment li:

a.      ċ-ċittadin barrani jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ residenza, tal-permess ta’ xogħol u ta’ sigurtà soċjali sabiex iwettaq xogħol bħala ħaddiem impjegat tal-persuna li timpjega fil-pajjiż li fih din tal-aħħar hija stabbilita;

b.      ċ-ċittadin barrani jwettaq xogħol analogu għal dak li huwa awtorizzat li jwettaq fil-pajjiż li fih hija stabbilita l-persuna li timpjega;

c.       ċ-ċittadin barrani ikun qiegħed sempliċement jissostitwixxi ċittadin barrani ieħor li wettaq xogħol analogu jekk ma jinqabiżx il-perijodu totali maqbul tal-provvista ta’ servizzi; u

d.      l-persuna li timpjega effettivament teżerċita attivitajiet sostanzjali [...]”

 Il-Liġi dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol ta’ Ħaddiema Kkollokati fl-Unjoni Ewropea

25      Skont l-Artikolu 8(1) sa (4) tal-Wet arbeidsvoorwaarden gedetacheerde werknemers in de Europese Unie (l-Liġi dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol ta’ Ħaddiema Kkollokati fl-Unjoni Ewropea), tal‑1 ta’ Ġunju 2016 (Stb. 2016, Nru 219, iktar ’il quddiem il-“WagwEU”):

“1.      Il-fornitur ta’ servizzi li jikkolloka ħaddiem fil-Pajjiżi l-Baxxi huwa obbligat jinnotifika bil-miktub jew b’mezzi elettroniċi lill-[Minister van Sociale Zaken en Werkgelegenheid (il-Ministru tal-Affarijiet Soċjali u tal-Impjieg, il-Pajjiżi l-Baxxi) qabel il-bidu tal-attività. In-notifika tal-fornitur tas-servizzi għandha tinkludi fiha:

a.      l-identità tiegħu;

b.      l-identità tad-destinatarju tas-servizzi u dik tal-ħaddiem ikkollokat;

c.       il-persuna ta’ kuntatt prevista fl-Artikolu 7;

d.       l-identità tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ħlas tas-salarji;

e.       in-natura u t-tul ta’ żmien previst tal-attività;

f.       l-indirizz tal-post tax-xogħol; u

g.       il-kontribuzzjonijiet favur l-iskemi ta’ sigurtà soċjali applikabbli.

2.      Jekk il-fornitur ta’ servizzi li jikkolloka ħaddiem fil-Pajjiżi l-Baxxi jipprovdi, qabel il-bidu tal-attività, kopja bil-miktub jew b’mezzi elettroniċi tan-notifika prevista fil-paragrafu 1 lid-destinatarju tas-servizzi, din għandha tinkludi fiha tal-inqas l-informazzjoni dwar l-identità tiegħu u dik tal-ħaddiem ikkollokat, l-indirizz tal-post tax-xogħol kif ukoll in-natura u tul ta’ żmien tal-attività.

3.      Id-destinatarju tas-servizz għandu jivverifika jekk il-kopja tan-notifika prevista fil-paragrafu 2 tinkludix fiha l-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu 2 u jinnotifika kull ineżattezza jew il-fatt li ma tkunx waslet il-kopja lill-[Ministru tal-Affarijiet Soċjali u tal-Impjieg], bil-miktub jew b’mezzi elettroniċi, tal-inqas ħamest ijiem tax-xogħol wara l-bidu tal-attività.

4.       Id-data pproċessata mid-[Ministru tal-Affarijiet Soċjali u tal-Impjieg] skont dan l-artikolu għandha tiġi kkomunikata lill-korpi amministrattivi u ta’ kontroll sa fejn din tkun neċessarja għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom marbuta mal-provvista transnazzjonali ta’ servizzi.”

 Id-digriet dwar il-kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-ħaddiema kkollokati fl-Unjoni Ewropea

26      L-Artikolu 3(2) tal-Besluit arbeidsvoorwaarden gedetacheerde werknemers in de Europese Unie (Digriet dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tal-Ħaddiema Kkollokati fl-Unjoni Ewropea) huwa fformulat kif ġej:

“[Il-Ministru għall-Affarijiet Soċjali u għall-Impjieg] huwa awtorizzat u obbligat, fuq talba, li jipprovdi mingħajr ħlas lill-Immigratie- en Naturalisatiedienst [(id-Dipartiment tal-Immigrazzjoni u tan-Naturalizzazzjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem l-‘IND’)] id-data marbuta tal-fornituri ta’ servizzi, lid-destinatarji ta’ servizzi, lill-persuni ta’ kuntatt, lill-persuni responsabbli għall-ħlas tas-salarji u lill-ħaddiema kkollokati, li ġew ipproċessati skont l-Artikolu 8 tal-[WagwEU], inkluż in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali, sa fejn din id-data tkun neċessarja għall-finijiet tal-kompiti marbuta mal-implimentazzjoni tal-Vreemdelingenwet 2000[(il-Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin)].”

27      Skont l-Artikolu 11(3) ta’ dan id-digriet, il-fornitur ta’ servizzi għandu jipprovdi, minbarra d-data msemmija fl-Artikolu 8(1) tal-WagwEU, id-data tat-tmiem tal-perijodu ta’ impjieg regolari.

 IlLiġi dwar il-Barranin tal-2000

28      L-Artikolu 14(1)(a) u (3) tal-Liġi dwar il-Barranin tal‑2000 jistabbilixxi:

“1.       [Il-Minister van Justitie en Veiligheid (il-Ministru għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi)] huwa awtorizzat:

a.       japprova, jiċħad jew li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni sabiex jingħata permess ta’ residenza għal żmien determinat;

[...].

3.       L-għoti ta’ permess ta’ residenza għal żmien determinat għandu jkun akkumpanjat minn restrizzjonijiet marbuta mal-għan li għalih tkun awtorizzata r-residenza. Jistgħu ikunu previsti wkoll kundizzjonijiet oħrajn marbuta mal-permess. Regoli dwar l-għoti, il-modifika u t-tiġdid ex officio, ir-restrizzjonijiet u l-kundizzjonijiet jistgħu jiġu stabbiliti minn jew permezz ta’ regolament ta’ amministrazzjoni pubblika jew bis-saħħa ta’ dan ir-regolament.”

 Il-Vreemdelingenbesluit 2000

29      L-Artikolu 3.31a(1) tal-Vreemdelingenbesluit 2000 (id-Digriet dwar il-Barranin tal‑2000), tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 497), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, huwa redatt kif ġej:

“Il-permess ta’ residenza ordinarju għal żmien determinat jista’ jingħata suġġett għal restrizzjoni marbuta mal-attività eżerċitata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi transkonfinali prevista fl-Artikolu 4.6 tal-Besluit uitvoering Wet arbeid vreemdelingen 2022 [Digriet ta’ implimentazzjoni tal-Liġi dwar ix-Xogħol tal-Barranin tal‑2022)], jekk tkun ingħatat in-notifika prevista fl-Artikolu 8 tal-[WagwEU] bl-għoti tal-informazzjoni prevista f’dak l-artikolu u fl-Artikolu 11(3), (tad-Digriet dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol ta’ Ħaddiema Kkollokati fl-Unjoni Ewropea].”

30      Skont l-Artikolu 3.4(1)(i) tad-Digriet dwar il-Barranin tal‑2000, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali:

“Ir-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 14(3) tal-(Liġi dwar il-Barranin tal‑2000) huma marbuta ma’:

[...]

i.       l-provvista ta’ servizzi transkonfinali.”

31      Skont l-Artikolu 3.58(1)(i) ta’ dan id-digriet u l-parti B5/3.1 tal-Vreemdelingencirculaire 2000 (iċ-Ċirkulari tal‑2000 dwar il-Barranin), tat‑2 ta’ Marzu 2001, fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, l-IND għandu joħroġ il-permess ta’ residenza marbut ma’ provvista ta’ servizzi transkonfinali għal perijodu ta’ validità ekwivalenti għat-tul ta’ żmien tal-attività previst fl-Artikolu 1(2) tad-Digriet ta’ Implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Impjieg ta’ Barranin, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, mingħajr ma jista’ jaqbeż sentejn.

 Il-Liġi tal2000 dwar il-Barranin

32      L-Artikolu 3.34 tal-Voorschrift Vreemdelingen 2000 (ir-Regolament tal‑2000 dwar il-Barranin), tat‑18 ta’ Diċembru 2000 (Stcrt. 2001, Nru 10), jistabbilixxi li ċittadin barrani li ma huwiex detentur ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja valida għall-għan previst mill-applikazzjoni għal residenza huwa responsabbli għall-ħlas ta’ miżati għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għall-għoti, il-modifika jew it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza għall-provvista ta’ servizzi transkonfinali.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

33      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ċittadini Ukraini, għandhom permess ta’ residenza temporanju maħruġ mill-awtoritajiet Slovakki validu sal‑21 ta’ Novembru 2020 inkluż. Huma jaħdmu għal ROBI spol s.r.o., kumpannija rregolata mid-dritt Slovakk, li kkollokathom ma’ Ivens NV, kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż, sabiex iwettqu missjoni fil-port ta’ Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi).

34      Għal dan l-għan, fl‑4 ta’ Diċembru 2019, ROBI nnotifikat lill-awtoritajiet Olandiżi kompetenti bin-natura tal-attività li għaliha kienu kkollokati dawn ir-rikorrenti u t-tul tagħha, inizjalment previst mis‑6 ta’ Diċembru 2019 sal‑4 ta’ Marzu 2020. Permezz ta’ notifika tat‑28 ta’ Frar 2020, ROBI informat lil dawn l-awtoritajiet bl-estensjoni ta’ din l-attività sal‑31 ta’ Diċembru 2021.

35      Sa fejn it-tul previst tal-imsemmija attività kien jeċċedi t-tul tad-dritt ta’ moviment ta’ 90 jum matul perijodu ta’ 180 jum li jgawdu minnu l-barranin detenturi ta’ permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru skont l-Artikolu 21(1) tal-KIFS, ROBI talbet lill-awtoritajiet Olandiżi, fis‑6 ta’ Marzu 2020, f’isem u għan-nom ta’ kull wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza ordinarju għal żmien determinat. L-ipproċessar ta’ kull waħda minn dawn it-talbiet ta lok għall-ħlas ta’ dazji ta’ ammont li kien jammonta, skont is-sitwazzjoni individwali ta’ dawn ir-rikorrenti, għal EUR 290 jew għal EUR 320.

36      L-IND, f’isem is-Segretarju tal-Istat, ħareġ il-permessi ta’ residenza mitluba. Il-perijodu ta’ validità ta’ dawn il-permessi ta’ residenza ġie madankollu limitat għall-perijodu ta’ validità tal-permessi ta’ residenza temporanja Slovakki maħruġa lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiġifieri perijodu iqsar minn dak tal-attività li għaliha kien previst li dawn jiġu kkollokati fil-Pajjiżi l-Baxxi.

37      F’data mhux speċifikata mill-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu lmenti kontra kull waħda mid-deċiżjonijiet li jagħtuhom permess ta’ residenza. F’din l-okkażjoni, huma kkontestaw kemm l-obbligu li jinkiseb permess ta’ residenza għall-provvista ta’ servizzi transkonfinali kif ukoll il-perijodu ta’ validità tal-permessi ta’ residenza maħruġa u d-dazji dovuti għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal dawn il-permessi.

38      Wara eżami ta’ dawn l-ilmenti, fis‑16 ta’ Marzu 2021, mill-Kumitat amministrattiv għas-smigħ tal-IND, is-Segretarju tal-Istat ċaħad, permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑7 ta’ April 2021, l-imsemmija lmenti bħala infondati.

39      Fis‑7 ta’ Mejju 2021, ROBI ppreżentat, quddiem l-awtoritajiet Olandiżi, applikazzjonijiet ġodda għal permess ta’ residenza f’isem u għan-nom ta’ wħud mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li insostenn tagħhom hija invokat il-fatt li kienu ngħataw permessi ta’ residenza ġodda lilhom, validi sal‑31 ta’ Marzu 2022, mill-awtoritajiet Slovakki.

40      L-IND, f’isem is-Segretarju tal-Istat, laqa’ dawn l-applikazzjonijiet u ħareġ lir-rikorrenti kkonċernati permessi ta’ residenza validi sad-data tat-tmiem tal-attività nnotifikata minn ROBI lill-awtoritajiet Olandiżi, jiġifieri l‑31 ta’ Diċembru 2021.

41      Barra minn hekk, fl‑20 ta’ Mejju 2022, ROBI ressqet mill-ġdid applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza għal ċertu numru ta’ dawn ir-rikorrenti sabiex tassenjahom għal attività oħra fil-Pajjiżi l-Baxxi.

42      Fl-istess ħin, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lill-qorti tar-rinviju b’rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet tas‑7 ta’ April 2021, minħabba l-ksur tal-Artikoli 56 u 57 TFUE.

43      Quddiem din il-qorti, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw l-obbligu, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali, għall-ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi impjegati minn fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru li jkollhom, minbarra permess ta’ residenza f’dan l-Istat Membru, permess ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ twettiq tal-provvista wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ 90 jum imsemmi fl-Artikolu 21(1) tal-KIFS. Huma jsostnu li tali obbligu jirdoppja l-proċedura ta’ notifika minn qabel għall-provvista ta’ servizzi transkonfinali. Huma jqisu li l-fatt li t-tul tal-permessi ta’ residenza li ngħatawlhom mill-awtoritajiet Olandiżi huwa limitat għall-perijodu ta’ validità tal-permessi ta’ residenza Slovakki tagħhom u għal mhux iktar minn sentejn kien jikkostitwixxi restrizzjoni mhux iġġustifikata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikoli 56 u 57 TFUE. Fl-aħħar nett, huma jsostnu li l-ammont tad-dazji li għalihom huma suġġetti l-applikazzjonijiet għall-għoti ta’ permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi ma huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn dan l-ammont huwa ogħla minn dak mitlub għaċ-ċertifikati ta’ residenza regolari maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni. Is-Segretarju tal-Istat jikkontesta l-argumenti kollha invokati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

44      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑168/04, EU:C:2006:595, punti 31 u 32), il-Kummissjoni Ewropea kienet sostniet li, fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kull fornitur ta’ servizzi jittrażmetti lill-impjegati tiegħu d-“dritt idderivat” li jirċievu permess ta’ residenza għaż-żmien neċessarju għall-provvista, li d-deċiżjoni dwar id-dritt ta’ residenza kienet ta’ natura purament formali u li dan id-dritt kellu jiġi rrikonoxxut b’mod awtomatiku. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’din il-kawża, li r-Repubblika tal-Awstrija kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 KE, li sar l-Artikolu 56 TFUE. Għaldaqstant, dik il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif previst fl-Artikoli 56 u 57 TFUE, jikkonferixxix ukoll “dritt ta’ residenza dderivat” lill-ħaddiema kkollokati fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali.

45      Fi kwalunkwe każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 56 TFUE li tiġi eliminata kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jipprekludix li jkun jista’ jintalab il-pussess ta’ permess ta’ residenza individwali għall-kollokament, fi Stat Membru, ta’ ħaddiema ta’ pajjiż terz, impjegati ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor meta, bħal f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali teżiġi diġà li l-kollokament ta’ ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi minn persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru ieħor ikun is-suġġett ta’ notifika li tinkludi l-istess informazzjoni bħal dik neċessarja għall-għoti ta’ permess ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti. Fil-fatt, minkejja li r-rekwiżit ta’ permess ta’ residenza japplika biss fl-iskadenza ta’ perijodu ta’ 90 jum, xorta jibqa’ l-fatt li tali rekwiżit jista’ jiġi assimilat ma’ awtorizzazzjoni minn qabel, proċedura li tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

46      Fl-aħħar nett, sabiex jiġi kkunsidrat li tali permess ta’ residenza jista’ jintalab, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk il-perijodu ta’ validità ta’ dan il-permess jistax jiġi limitat mil-leġiżlazzjoni Olandiża għall-perijodu ta’ validità tal-permess ta’ xogħol u ta’ residenza fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit il-fornitur ta’ servizzi, filwaqt li ma jistax jeċċedi tul massimu ta’ sentejn, u, min-naħa l-oħra, jekk l-applikant tal-imsemmi permess ta’ residenza jistax ikun obbligat iħallas dazji li l-ammont tagħhom huwa ħames darbiet ogħla mill-ammont tad-dazji dovuti għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ residenza regolari lil ċittadin tal-Unjoni.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Middelburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, fis-sede ta’ Middelbourg, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikoli 56 u 57 TFUE tinkludi dritt ta’ residenza fi Stat Membru dderivat minn dan id-dritt għall-ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jistgħu jiġu impjegati f’dan l-Istat Membru minn fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv, l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi, fil-każ fejn it-tul ta’ żmien tal-provvista ta’ servizzi jaqbeż it-tliet xhur, l-obbligu li jintalab permess ta’ residenza għal kull ħaddiem individwali minbarra s-sempliċi obbligu ta’ notifika impost fuq il-fornitur ta’ servizzi?

3)       Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv, l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi:

a)      dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tgħid li l-perijodu ta’ validità ta’ tali permess ta’ residenza ma jistax jaqbeż is-sentejn, indipendentement mit-tul ta’ żmien tal-provvista ta’ servizzi?

b)      li l-perijodu ta’ validità ta’ tali permess ta’ residenza jkun limitat għall-perijodu ta’ validità tal-permess ta’ xogħol u ta’ residenza fl-Istat Membru li fih il-fornitur ta’ servizzi huwa stabbilit?

c)      il-ġbir ta’ dazji għal kull applikazzjoni (jew kull applikazzjoni għal tiġdid) li l-ammont tagħhom ikun ekwivalenti għal dak ta’ dazji dovuti għal permess ordinarju għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ impjieg minn ċittadin ta’ pajjiż terz, iżda ħames darbiet ogħla mill-ammont tad-dazji dovuti għal ċertifikat ta’ residenza regolari għal ċittadin tal-Unjoni?”

 Fuq l-ewwel domanda

48      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iggarantita mill-Artikoli 56 u 57 TFUE, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma kkollokati fi Stat Membru minn fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor għandhom jingħataw awtomatikament “dritt ta’ residenza dderivat”.

49      F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tuża l-kunċett ta’ “dritt ta’ residenza dderivat” b’riferiment għal dritt ta’ residenza tal-ħaddiema kkollokati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jnissel l-eżerċizzju mill-persuna li timpjegahom tad-dritt tagħha għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li l-eżistenza tiegħu kienet ġiet invokata mill-Kummissjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑168/04, EU:C:2006:595).

50      Issa, għalkemm, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni, hija madankollu ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ tali dritt ta’ residenza. Fil-fatt, sabiex tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, skont l-approċċ abitwali tagħha, minn naħa, li ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienu joħolqu restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, min-naħa l-oħra, li dawn ir-restrizzjonijiet kienu jmorru lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali invokati minn dan l-Istat Membru.

51      Ċertament, kif enfasizzat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “dritt ta’ residenza dderivat” jirreferi, b’mod iktar ġenerali, għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, fil-qasam taċ-ċittadinanza, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li ma jistgħux jibbenefikaw, abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, minn dritt ta’ residenza fl-Istat Membru li tiegħu dan iċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità jistgħu jingħataw, f’ċerti każijiet, “dritt idderivat” abbażi tal-Artikolu 21(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 23, kif ukoll tat‑12 ta’ Lulju 2018, Banger, C‑89/17, EU:C:2018:570, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Madankollu, għandu jitfakkar li tali soluzzjoni hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li, fl-assenza ta’ dritt ta’ residenza dderivat favur dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun dissważ milli jitlaq l-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt ta’ residenza tiegħu, skont l-Artikolu 21(1) TFUE, fi Stat Membru ieħor minħabba l-fatt li ma jkollux iċ-ċertezza li jkun jista’ jkompli fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu l-ħajja tal-familja li jkun żviluppa jew ikkonsolida, mal-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz, fl-Istat Membru ospitanti fl-okkażjoni ta’ residenza effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Banger, C‑89/17, EU:C:2018:570, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Minn dan isegwi li d-dritt ta’ residenza dderivat, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, huwa bbażat fuq id-dritt, stabbilit fl-Artikolu 21(1) TFUE, ta’ persuna fiżika, ċittadin tal-Unjoni, li tiċċaqlaq u li tirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri. Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan id-dritt ma jikkonċernax lill-impriżi, li jistgħu jinvokaw il-libertà ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, stabbiliti, rispettivament, fl-Artikoli 49 u 56 TFUE.

54      Barra minn hekk, kif enfasizzat essenzjalment mill-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-relazzjonijiet bejn il-membri fl-ewwel grad tal-istess familja jew bejn il-persuni li żviluppaw jew ikkonsolidaw relazzjonijiet analogu, li jibbenefikaw lill kulħadd mid-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma humiex paragunabbli mar-relazzjonijiet bejn impriża u l-impjegati tagħha. Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott, anki b’analoġija, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kull ħaddiem ċittadin ta’ pajjiż terz mibgħut minn impriża fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk iwettaq provvista ta’ servizzi f’ismu għandu jiġi awtomatikament irrikonoxxut dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru għall-perijodu ta’ din il-provvista.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 56 u 57 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma kkollokati fi Stat Membru minn fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor ma għandhomx jingħataw awtomatikament “dritt ta’ residenza dderivat” kemm fl-Istat Membru fejn huma impjegati jew f’dak fejn ikunu kkollokati.

 Fuq it-tieni domanda

56      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li, fl-ipoteżi fejn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor twettaq fl-ewwel Stat Membru provvista ta’ servizzi li t-tul tagħha jaqbeż it-tliet xhur, din l-impriża għandha l-obbligu mhux biss li tinnotifika l-provvista ta’ servizzi lill-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru, iżda wkoll li tikseb permess ta’ residenza għal kull ħaddiem ċittadin ta’ pajjiż terz li hija għandha l-intenzjoni li tikkolloka f’dan l-Istat Membru.

57      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, minn naħa, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, l-eżerċizzju minn persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru tad-dritt tagħha għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jagħtix lok, għall-benefiċċju tal-ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi li hija tikkolloka għal dan l-għan fi Stat Membru ieħor, dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru li huwa tagħhom stess. Konsegwentement, din it-tieni domanda għandha tiġi eżaminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-effetti li tista’ tipproduċi leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fuq id-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tgawdi din il-persuna li timpjega.

58      Min-naħa l-oħra, għalkemm, fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju rreferiet mhux biss għall-obbligu, għall-fornitur ta’ servizzi li jitlob, għal kull ħaddiem li huwa għandu l-intenzjoni li jikkolloka, permess ta’ residenza, iżda wkoll għal obbligu, għall-impriża kkonċernata, li tinnotifika l-provvista ta’ servizzi, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-dubji tal-qorti tar-rinviju ma jikkonċernawx il-kompatibbiltà mal-Artikolu 56 TFUE ta’ dan it-tieni obbligu, ikkunsidrat waħdu, iżda tal-obbligu li jinkiseb permess ta’ residenza sa fejn dan jiżdied ma’ dak li tiġi nnotifikata l-provvista ta’ servizzi.

59      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iggarantita mill-Artikoli 56 u 57 TFUE, l-istess bħal-libertajiet l-oħra ta’ moviment, tapplika biss għall-oqsma li ma kinux is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu l-ewwel jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni bħal dik imsemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha taqax taħt qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti jew, tal-inqas, ta’ aspett ta’ qasam li kien is-suġġett ta’ tali armonizzazzjoni.

60      F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda d-dritt ta’ residenza tal-ħaddiema impjegati ċittadini ta’ pajjiż terz, legalment impjegati fi Stat Membru, iżda kkollokati fi Stat Membru ieħor sabiex iwettqu provvista ta’ servizzi. Għaldaqstant, sa fejn tkun indirizzata lill-ħaddiema impjegati kkollokati fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, din il-leġiżlazzjoni tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/71 u tad-Direttiva 2006/123, kif ukoll, sa fejn tikkonċerna d-dritt ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1030/2002, tad-Direttiva 2003/109 u tal-KIFS.

61      Madankollu, fir-rigward, qabelxejn, tad-Direttiva 96/71, għalkemm din tista’ tapplika għall-ħaddiema kkollokati ċittadini ta’ pajjiżi terzi għad-drittijiet li hija tipprevedi, xorta jibqa’ l-fatt li, konformement mal-premessa 20 tagħha, din id-direttiva ma tippreġudikax il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul, ta’ residenza u ta’ impjieg ta’ ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

62      Sussegwentement, fir-rigward tad-Direttiva 2006/123, huwa ċertament paċifiku li, meta provvista ta’ servizzi taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, ma hemmx lok li l-miżura nazzjonali inkwistjoni tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, AUTOTECHNICA FLEET SERVICES, C‑278/22, EU:C:2023:1026, punt 55). Madankollu, mill-punt 9 tal-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din ma tapplikax għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiċċaqilqu fi Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi.

63      Barra minn hekk, għalkemm ir-Regolament Nru 1030/2002 stabbilixxa mudell uniformi ta’ permess ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-permessi maħruġa minn Stat Membru japplikaw biss fit-territorju tiegħu.

64      Bl-istess mod, l-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109 isemmi espressament li din ma hijiex indirizzata liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu esklużivament għal raġunijiet ta’ natura temporanja, pereżempju bħala ħaddiema impjegati kkollokati minn fornitur ta’ servizzi sabiex jipprovdu servizzi transkonfinali.

65      Fir-rigward tal-Artikolu 21(1) tal-KIFS, fl-aħħar nett, dan jipprevedi li l-barranin detenturi ta’ permess ta’ residenza maħruġ minn wieħed mill-Istati Membri jistgħu, sakemm dan il-permess ikun validu u jkollhom dokument validu tal-ivvjaġġar, jiċċaqalqu liberament, għal perijodu li ma jeċċedix 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum, fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra, sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul imsemmija fl-Artikolu 6(1)(a), (c) u (e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u sakemm ma jkunux fuq il-lista ta’ twissijiet nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Min-naħa l-oħra, is-soġġorni ta’ iktar minn 90 jum f’perijodu ta’ 180 jum jibqgħu jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, X u X, C‑638/16 PPU, EU:C:2017:173, punti 44 u 51).

66      Minn dan isegwi li l-qasam dwar id-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ Stat Membru, fil-kuntest ta’ kollokament imwettaq minn impriża li tipprovdi servizzi stabbilita fi Stat Membru ieħor, jaqa’ taħt qasam li ma kienx is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fil-livell tad-dritt tal-Unjoni u li, konsegwentement, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑168/04, EU:C:2006:595, punti 59 u 60).

67      Skont l-Artikolu 56 TFUE, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni huma pprojbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li huma stabbiliti fi Stat Membru għajr dak tal-persuna li għaliha huma ddestinati s-servizzi. Jikkostitwixxu, b’mod partikolari, tali restrizzjonijiet peress li leġiżlazzjoni nazzjonali tinvolvi piżijiet amministrattivi jew ekonomiċi addizzjonali jew li għandhom bħala effett li jagħmlu l-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli minn dik purament interna fi Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, L‑Awstrija vs Il‑Ġermanja, C‑591/17, EU:C:2019:504, punti 135 u 136 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u li, għalhekk, jistgħu jirrendu l-attivitajiet tal-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra fejn jipprovdu legalment is-servizzi tagħhom inqas attraenti.

68      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 57 TFUE, id-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jinkludi d-dritt, għall-fornitur, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-servizz tiegħu, li jeżerċita, b’mod temporanju, l-attività tiegħu fl-Istat Membru fejn jiġi pprovdut is-servizz taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li dan l-Istat jimponi fuq iċ-ċittadini tiegħu stess. Konsegwentement, bħala prinċipju, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ restrizzjoni l-miżuri li jaffettwaw bl-istess mod it-twettiq tal-provvista ta’ servizzi bejn l-Istati Membri u dik interna fi Stat Membru u li l-uniku effett tagħhom huwa li jżidu l-ispiża tal-provvista inkwistjoni indipendentement mill-fornitur li jwettaqha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, L-Awstrija vs Il-Ġermanja, C‑591/17, EU:C:2019:504, punt 137 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)

69      Madankollu, sabiex l-Artikolu 56 TFUE ma jiġix imċaħħad mill-effett utli, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi stabbiliti f’dan l-Istat Membru ma tistax tiġi applikata kompletament bl-istess mod għall-attivitajiet transkonfinali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1981, Webb, 279/80, EU:C:1981:314, punt 16; tal‑25 ta’ Lulju 1991, Säger, C‑76/90, EU:C:1991:331, punt 13, u tal‑24 ta’ Jannar 2002, Portugaia Construções, C‑164/99, EU:C:2002:40, punt 17).

70      Konsegwentement, għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan l-Unjoni l-miżuri li jaffettwaw l-eżekuzzjoni tal-provvista ta’ servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru li, minkejja li huma applikabbli mingħajr distinzjoni, ma jiħdux inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti li għalihom l-attivitajiet tal-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, fejn jipprovdu legalment servizzi analogi, huma diġà suġġetti f’dan l-Istat u li, b’dan il-mod, huma ta’ natura li jipprojbixxu, li jostakolaw jew li jirrendu inqas attraenti l-attivitajiet ta’ dawn il-fornituri f’dan it-territorju.

71      F’dan il-każ, ċertament, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li taffettwa l-eżekuzzjoni tal-provvisti ta’ servizzi fit-territorju nazzjonali, għandha titqies li hija applikabbli mingħajr distinzjoni peress li hija tissuġġetta mhux biss lill-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, iżda wkoll lil dawk stabbiliti fit-territorju nazzjonali għall-obbligu li jiġi żgurat li l-ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma jimpjegaw ikollhom permess ta’ residenza.

72      Xorta jibqa’ l-fatt li, fl-ipoteżi fejn it-tul ta’ żmien tal-provvista ta’ servizzi mwettqa mill-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor jaqbeż it-tliet xhur, din il-leġiżlazzjoni timponi fuq dawn l-impriżi t-twettiq ta’ formalitajiet addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk li għalihom, skont id-Direttiva 2009/52, huma diġà suġġetti mill-Istat Membru fejn huma stabbiliti sabiex jużaw, għall-bżonnijiet tal-attività tagħhom, ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

73      Għalhekk, li għandha bħala effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli minn dik purament interna għal Stat Membru, tali leġiżlazzjoni għandha titqies li tistabbilixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikoli 56 u 57 TFUE, anki jekk il-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fit-territorju nazzjonali jkollhom ukoll l-obbligu li jitolbu permess ta’ residenza sabiex jimpjegaw ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex iwettqu provvista ta’ servizzi analoga f’dan it-territorju.

74      Skont ġurisprudenza stabbilita, leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika mingħajr distinzjoni tista’, minkejja l-effett restrittiv għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li hija tipproduċi, tkun iġġustifikata jekk ikollha raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2002, Portugaia Construções, C‑164/99, EU:C:2002:40, punt 19).

75      Madankollu, tali ġustifikazzjoni tista’ tiġi aċċettata biss jekk, minn naħa, l-interess li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija intiża li tipproteġi ma huwiex diġà protett minn regoli li għalihom huwa suġġett il-fornitur fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie, C‑91/13, EU:C:2014:2206, punt 48; tal‑10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos, C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 100, kif ukoll tal‑14 ta’ Novembru 2018, Danieli & C. Officine Meccaniche et, C‑18/17, EU:C:2018:904, punt 46).

76      Min-naħa l-oħra, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, din il-leġiżlazzjoni għandha tkun adatta sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minnha, li jimplika li hija tirrispondi verament għar-rieda li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Memoria u Dall’ Antonia, C‑342/17, EU:C:2018:906, punt 52), u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑168/04, EU:C:2006:595, punt 37).

77      F’dan il-każ, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ġew enfasizzati erba’ ġustifikazzjonijiet mill-Gvern Olandiż, li jirrigwardaw, l-ewwel nett, in-neċessità li jiġi protett l-aċċess għas-suq nazzjonali tax-xogħol, it-tieni nett, in-neċessità li jiġi vverifikat jekk fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak li fih jiġi pprovdut is-servizz jużax il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għal għan ieħor għajr it-twettiq ta’ din il-provvista, it-tielet nett, ir-rispett tad-dritt għal ċertezza legali tal-ħaddiema kkollokati, sa fejn l-għoti lil dawn tal-aħħar ta’ dokument ta’ residenza jidher li jippermettilhom jipprovaw li huma ma jirrisjedux b’mod illegali fit-territorju tal-Istat Membru li fih jkunu kkollokati u, ir-raba’ nett, għan-neċessità li jikkontrollaw li l-ħaddiem ikkollokat ma jirrappreżentax theddida għall-ordni pubbliku.

78      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-protezzjoni tal-aċċess għas-suq nazzjonali tax-xogħol, huwa minnu li x-xewqa li jiġi evitat tfixkil fis-suq tax-xogħol tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Danieli & C. Officine Meccaniche et, C‑18/17, EU:C:2018:904, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), sa fejn din ix-xewqa hija espressa fir-rigward, mhux tal-ħaddiema tal-Istati Membri, li jgawdu, skont l-Artikolu 45(3)(c) TFUE, mid-dritt, bla ħsara għal-limitazzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika, li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor sabiex jeżerċitaw impjieg hemmhekk, iżda ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

79      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika fir-rigward mhux biss taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma kkollokati, b’mod temporanju, sabiex jeżerċitaw, fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ kollokament jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema, il-kompiti fdati lilhom taħt il-kontroll u l-awtorità ta’ impriża stabbilita fl-Istat Membru ospitanti, iżda wkoll, bħal fil-kawża prinċipali, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma kkollokati mill-impriża li tipprovdi servizzi stabbilita fi Stat Membru ieħor sabiex iwettqu, taħt il-kontroll tagħha u l-awtorità tagħha, provvista ta’ servizzi li ma hijiex self ta’ ħaddiema, ma tistax, fi kwalunkwe każ, titqies li ssegwi tali għan b’mod koerenti.

80      Fil-fatt, filwaqt li, il-ħaddiema kkonċernati minn tranżazzjoni ta’ kollokament jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ forza ta’ xogħol huma attivi fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru li fih huma kkollokati għal dan il-għan, dawk li huma kkollokati sabiex jeżegwixxu, taħt il-kontroll u l-awtorità tal-persuna li timpjegahom, servizz differenti mis-self ta’ ħaddiema ma jippretendux li jkollhom aċċess għal dan is-suq peress li l-kompiti li huma jeżegwixxu jkunu taħt il-kontroll u l-awtorità tal-persuna li timpjegahom u li jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jew ta’ residenza wara t-twettiq tal-missjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Danieli & C. Officine Meccaniche et, C‑18/17, EU:C:2018:904, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kkonstatata fil-punt 73 ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi ġġustifikata bir-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali sabiex jiġi evitat tfixkil fis-suq tax-xogħol.

82      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, in-neċessità li jiġi vverifikat jekk l-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor li ma huwiex dak li fih huma jwettqu s-servizzi tagħhom jużawx il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għal għan differenti mit-twettiq ta’ dan is-servizz, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li Stat Membru jista’ jikkontrolla li tali impriżi ma jużawx il-libertà li jiġu pprovduti servizzi bi skop ieħor għajr it-twettiq tal-provvista kkonċernata, pereżempju dak li jġibu l-persunal tagħhom għall-finijiet ta’ kollokament jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑168/04, EU:C:2006:595, punt 56), u dan minkejja li l-moviment liberu tal-ħaddiema, kif iggarantit mill-Artikolu 45 TFUE, japplika biss fir-rigward tal-ħaddiema tal-Istati Membri.

83      Madankollu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali diġà teħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor jinnotifikaw lill-awtoritajiet nazzjonali bil-provvista ta’ servizzi u, f’din l-okkażjoni, kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, bl-identità tal-ħaddiema li huma għandhom l-intenzjoni li jikkollokaw, kif ukoll in-natura u t-tul tal-attività. Issa, tali rekwiżit, li, jekk ikun meħtieġ, jista’ jissaħħaħ bl-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni oħra sakemm, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/67, din tkun iġġustifikata u proporzjonata, diġà joffri lill-imsemmija awtoritajiet garanziji fir-rigward tar-regolarità tal-preżenza fit-territorju tagħhom tal-ħaddiema li jkunu kkollokati hemmhekk u, għaldaqstant, tal-eżerċizzju mill-impriżi kkonċernati tad-dritt tagħhom għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u dan b’mod inqas restrittiv u effikaċi daqs rekwiżit ta’ permess ta’ residenza (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑168/04, EU:C:2006:595, punt 52, u tal‑14 ta’ Novembru 2018, Danieli & C. Officine Meccaniche et, C‑18/17, EU:C:2018:904, punt 50).

84      Konsegwentement, ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ikkonstatata fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, lanqas ma tista’ tiġi ġġustifikata bir-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tikkonsisti f’li jiġi vverifikat jekk l-impriżi stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak li fih iwettqu s-servizzi tagħhom jużawx il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għal għan differenti mit-twettiq ta’ din il-provvista.

85      Fit-tielet lok, fir-rigward taċ-ċertezza legali tal-ħaddiema kkollokati billi tippermettilhom jistabbilixxu b’mod iktar faċli li jkunu kkollokati fit-territorju tal-Istat Membru tat-twettiq tal-provvista ta’ servizz f’kundizzjonijiet legali u, għaldaqstant, li jirrisjedu hemm regolarment, hemm lok li jiġi aċċettat li tali għan jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑244/04, EU:C:2006:49, punti 38 u 47 sa 49).

86      Issa, għandu jiġi rrilevat ukoll, fir-rigward tal-proporzjonalità ta’ tali miżura, li, minn naħa, tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak li fih iwettqu s-servizz tagħhom li jitolbu permess ta’ residenza għal kull ħaddiem ċittadin ta’ pajjiż terz li dawn il-fornituri jixtiequ jikkollokaw, sabiex dawn ikollhom materjalment dokument sigur, tikkostitwixxi miżura adatta sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ titjib taċ-ċertezza legali tal-ħaddiema kkollokati. Fil-fatt, dan il-permess, li għandu jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1030/2002, abbażi tal-format uniformi previst minnu u tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali adottati skont il-proċedura prevista minn dan ir-regolament, jiżgura r-rikonoxximent mill-awtorità pubblika tad-dritt ta’ residenza fit-territorju nazzjonali għal ċittadin barrani maġġorenni u jipprova li l-ħaddiema kkollokati għandhom dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti.

87      Ċertament, dawn il-ħaddiema diġà għandhom, bħala prinċipju, permess uniku, fis-sens tad-Direttiva 2011/98, maħruġ abbażi tal-mudell uniformi previst mir-Regolament Nru 1030/2002, li fih tinsab, konformement mal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, l-informazzjoni dwar il-permess ta’ xogħol li huma jgawdu fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-persuna li timpjegahom. Fin-nuqqas ta’ dan, huma għandhom permess ta’ residenza maħruġ għal finijiet li ma humiex ta’ impjieg, previst fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva, maħruġ konformement mar-Regolament Nru 1030/2002 u li fuqu jissemma li jkunu awtorizzati jaħdmu fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-persuna li timpjegahom. Issa, mill-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li d-dokumenti maħruġa abbażi tal-mudell uniformi previst mill-imsemmi regolament josservaw regoli ta’ prevenzjoni msaħħa kontra r-riskju ta’ kontrafazzjoni u ta’ falsifikazzjoni.

88      Madankollu, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda espressament, fl-Artikolu 3(2)(c) tad-Direttiva 2011/98, li din tal-aħħar ma tapplikax għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkollokati matul il-perijodu tal-kollokament tagħhom u, fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1030/2002, li l-permessi ta’ residenza maħruġa konformement ma’ dan tal-aħħar japplikaw biss għat-territorju tal-Istat Membru li jkun ħariġha, l-Istati Membri l-oħra ma jistgħux jiġu kkritikati milli jeżiġu li l-ħaddiema kkollokati, ċittadini ta’ pajjiżi terzi, jiksbu dokument sigur maħruġ mis-servizzi tagħhom stess. Barra minn hekk, il-fatt li ħaddiem, ċittadin ta’ pajjiż terz, ikollu fi Stat Membru permess ta’ residenza u awtorizzazzjoni ta’ xogħol ma jimplikax neċessarjament li dan il-ħaddiem jista’ jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, anki jekk ikun ikkollokat hemmhekk għall-finijiet ta’ provvista ta’ servizzi, peress li dan l-Istat Membru l-ieħor jista’ jissuġġetta dan il-kollokament għall-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti, sakemm il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 74 sa 76 ta’ din is-sentenza jiġu osservati.

89      Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-finijiet tat-twettiq tal-għan identifikat fil-punt 85 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, din il-leġiżlazzjoni sempliċement teżiġi li l-fornituri ta’ servizzi, sabiex jiksbu permess ta’ residenza għall-ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom l-intenzjoni li jikkollokaw għal iktar minn tliet xhur, ikunu nnotifikaw minn qabel il-provvista tas-servizzi inkwistjoni lill-awtoritajiet kompetenti u li jkunu kkomunikawlhom il-permessi ta’ residenza li għandhom dawn il-ħaddiema fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti, kif ukoll il-kuntratt ta’ xogħol tagħhom.

90      Issa, l-obbligu ta’ notifika minn qabel tal-provvista ta’ servizzi jagħmel parti minn dawk li l-osservanza tagħhom tista’ tintalab minn Stat Membru meta fornitur ta’ servizzi jkollu l-intenzjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, filwaqt li l-obbligu li jiġu kkomunikati l-permessi ta’ residenza u l-kuntratti ta’ xogħol tal-ħaddiema kkollokati huwa neċessarju sabiex jiġi vverifikat li l-ħaddiema kkonċernati jistgħu jitqiesu bħala li jkunu kkollokati f’kundizzjonijiet legali u, minħabba f’hekk, bħala parteċipanti fil-provvista tas-servizzi inkwistjoni.

91      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li Stat Membru jista’ jeżiġi li l-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor jinnotifikawh bil-provvista ta’ servizzi li huma għandhom l-intenzjoni li jwettqu fit-territorju tiegħu u li jipprovdulu, f’din l-okkażjoni, id-dokumenti neċessarji għall-verifika li l-ħaddiema li huma beħsiebhom jikkollokaw f’din l-okkażjoni huma f’sitwazzjoni legali, b’mod partikolari fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ residenza, ta’ awtorizzazzjoni ta’ xogħol u ta’ assigurazzjoni soċjali, fl-Istat Membru fejn din l-impriża timpjegahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑244/04, EU:C:2006:49, punti 40 u 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

92      Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi ġġustifikata mill-għan ta’ titjib taċ-ċertezza legali tal-ħaddiema kkollokati u ta’ faċilitazzjoni tal-kontrolli tal-amministrazzjoni u għandha titqies, fid-dawl tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ permessi ta’ residenza deskritti mill-qorti tar-rinviju, li tkun proporzjonata.

93      Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq in-neċessità li jiġi kkontrollat li l-ħaddiem ikkonċernat ma jirrappreżentax theddida għall-ordni pubbliku, qabelxejn, jista’ jiġi rrilevat li l-Artikolu 52(1) TFUE, li għalih jirreferi l-Artikolu 62 TFUE, jirreferi espressament għall-protezzjoni tal-ordni pubbliku bħala raġuni li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

94      Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita, motivi marbuta mal-ordni pubbliku jistgħu jiġu invokati fir-rigward ta’ persuna biss fil-każ ta’ theddida reali u suffiċjentement gravi li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà u ma tistax, barra minn hekk, isservi għal finijiet purament ekonomiċi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, PrivatBank et, C‑78/21, EU:C:2023:137, punt 62).

95      Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li għandu jkun possibbli, għall-Istati Membri, li jwettqu tali kontroll. Għaldaqstant, l-għan ibbażat fuq in-neċessità li jiġi kkontrollat li l-ħaddiem ikkonċernat ma jirrappreżentax theddida għall-ordni pubbliku għandu jitqies li jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

96      Issa, fir-rigward tal-konformità, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ta’ miżura li tikkonsisti fl-obbligu għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jitolbu u li jiksbu permess ta’ residenza għal kull ħaddiem ċittadin ta’ pajjiż terz li huma għandhom l-intenzjoni li jikkollokaw fl-Istat Membru ospitanti sabiex iwettqu provvista ta’ servizzi ta’ tul ta’ iktar minn tliet xhur, minbarra li tali obbligu jidher xieraq sabiex jintlaħaq dan l-għan, dan ma jistax jitqies li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan l-għan sa fejn dan iwassal sabiex tiġi rrifjutata r-residenza biss lil persuni li jirrappreżentaw theddida reali u suffiċjentement serja għal interess fundamentali tas-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑546/07, EU:C:2010:25, punt 49, u tal‑14 ta’ Frar 2019, Milivojević, C‑630/17, EU:C:2019:123, punt 67).

97      Din l-interpretazzjoni la hija kkontestata mill-eżistenza eventwali ta’ rekwiżiti analogi fl-Istat Membru fejn il-fornitur ta’ servizzi huwa stabbilit u lanqas mill-possibbiltà, enfasizzata fis-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑168/04, EU:C:2006:595, punt 66), li jsir kontroll tal-assenza ta’ theddida għall-ordni pubbliku abbażi tal-informazzjoni miksuba matul il-proċedura ta’ notifika.

98      Huwa minnu li l-għoti ta’ permess ta’ residenza lil ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi seta’ diġà ġie suġġett, fl-Istat Membru li fih hija stabbilita l-impriża li għandha l-intenzjoni tipproċedi għall-kollokament tagħhom, għal kontroll tal-assenza ta’ riskju ta’ preġudizzju għall-ordni pubbliku. Madankollu, peress li l-evalwazzjoni tat-theddida li tista’ tirrappreżenta persuna għall-ordni pubbliku tista’ tvarja minn pajjiż għal ieħor u minn mument għall-ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, EU:C:1977:172, punt 34), l-eżistenza ta’ tali kontroll ma tistax tneħħi r-rilevanza tat-twettiq, mill-Istat Membru li fih għandha titwettaq il-provvista ta’ servizzi, ta’ kontroll li r-residenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju tiegħu ma toħloqx riskju ta’ preġudizzju għall-ordni pubbliku tagħha stess, u dan minkejja li, konformement mal-Artikolu 21(1) tal-KIFS, tali kontroll iseħħ biss wara terminu ta’ tliet xhur.

99      Fir-rigward tas-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑168/04, EU:C:2006:595, punt 66), ċertament, fl-okkażjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-protezzjoni tal-ordni pubbliku ma tistax tiġġustifika regola li teskludi kull possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni ta’ ħaddiema kkollokati ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-każ ta’ dħul illegali fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, peress li, permezz tal-informazzjoni pprovduta fil-kuntest tad-dikjarazzjoni qabel il-kollokament, kien diġà possibbli għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jieħdu, każ b’każ, il-miżuri meħtieġa jekk jirriżulta li ħaddiem ċittadin ta’ pajjiż terz li l-kollokament tiegħu huwa previst kien jirrappreżenta theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika, qabel ma dan tal-aħħar jidħol fit-territorju nazzjonali.

100    Madankollu, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx li r-rekwiżit għall-ħaddiem ikkollokat li jkollu permess ta’ residenza maħruġ mill-Istat Membru ospitanti kien, fih innifsu, kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, tali rekwiżit, sa fejn jista’ jippermetti lil Stat Membru jiġbor jew jivverifika informazzjoni li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ notifika, ma tistax tkun, iżomm interess speċifiku fir-rigward tal-għan ta’ prevenzjoni tat-theddid ta’ preġudizzju għall-ordni pubbliku, li huwa intiż b’mod partikolari sabiex iwettaq diversi obbligi pożittivi fuq l-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jirriżultaw mid-drittijiet iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

101    B’mod partikolari, b’differenza mill-proċedura ta’ notifika li hija bbażata fuq kontroll abbażi tal-informazzjoni rċevuta jew diġà miżmuma, il-proċedura ta’ permess ta’ residenza, sa fejn din teħtieġ li l-persuna kkonċernata tippreżenta ruħha fiżikament fil-bini ta’ awtorità kompetenti, tista’ tippermetti verifika fid-dettall tal-identità tagħha, li għandha, fil-qasam tal-ġlieda kontra t-theddid ta’ preġudizzju għall-ordni pubbliku, importanza partikolari ħafna.

102    Konsegwentement, hemm lok li jitqies li l-għan ta’ protezzjoni tal-ordni pubbliku jista’ jiġġustifika li Stat Membru jeżiġi li fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jixtiequ jikkollokaw ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiksbu, wara terminu ta’ residenza ta’ tliet xhur fl-ewwel Stat Membru, permess ta’ residenza għal kull wieħed minn dawn il-ħaddiema u li, f’din l-okkażjoni, dan l-Istat Membru jissuġġetta l-ħruġ ta’ tali permess għall-verifika li l-persuna kkonċernata ma tirrappreżentax theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika, sa fejn il-kontrolli mwettqa għal dan l-għan ma setgħux isiru, b’mod affidabbli, abbażi tal-informazzjoni li l-imsemmi Stat Membru jeżiġi jew seta’ raġonevolment jeżiġi l-komunikazzjoni tagħha matul il-proċedura ta’ notifika, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

103    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li, fl-ipoteżi fejn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor twettaq fl-ewwel Stat Membru provvista ta’ servizzi li t-tul tagħha jaqbeż it-tliet xhur, din l-impriża għandha l-obbligu li tikseb fl-Istat Membru ospitanti permess ta’ residenza għal kull ħaddiem ċittadin ta’ pajjiż terz li hija għandha l-intenzjoni li tikkolloka hemm, u li sabiex tikseb dan il-permess tkun innotifikat minn qabel il-provvista ta’ servizzi li għat-twettiq tagħha dawn il-ħaddiema għandhom jiġu kkollokati u li hija tikkomunika lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti il-permessi ta’ residenza li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom fl-Istat Membru fejn hija stabbilita kif ukoll il-kuntratt tax-xogħol tagħhom.

 Fuq it-tielet domanda

 Fuq l-ammissibbiltà

104    Il-Gvern Olandiż jirrileva li, fil-kawża prinċipali, il-fornitur ta’ servizzi kiseb permessi ta’ residenza validi sad-data tat-tmiem tal-provvista ta’ servizzi inkwistjoni, jiġifieri l‑31 ta’ Diċembru 2021. Għaldaqstant, dan il-gvern jistaqsi sa fejn il-qorti tar-rinviju għandha verament bżonn, sabiex tiddeċiedi t-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ risposta għat-tielet domanda.

105    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar qabel xejn li, bis-saħħa tal-ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet din il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenzi tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander u Escobedo Cortés, C‑96/16 u C‑94/17, EU:C:2018:643, punt 50, kif ukoll tal‑24 ta’ Novembru 2022, Varhoven administrativen sad (Tħassir tad-dispożizzjoni kkontestata), C‑289/21, EU:C:2022:920, punt 24).

106    Minn dan isegwi li l-preżunzjoni ta’ rilevanza marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali tista’ tiġi eskluża f’każijiet eċċezzjonali biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C‑105/03, EU:C:2005:386, punt 30). Għalhekk, ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 62).

107    F’dan il-każ, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li d-dubji espressi mill-Gvern Olandiż jirrigwardaw biss ir-rilevanza, sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali, ta’ waħda mill-karatteristiċi tal-leġiżlazzjoni prevista mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, li hija marbuta mal-fatt li t-tul ta’ validità tal-permessi ta’ residenza ma jistax jeċċedi sentejn.

108    Issa, f’dan ir-rigward, huwa minnu li l-IND, li jaġixxi f’isem is-Segretarju tal-Istat, ħareġ lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonċernati permessi ta’ residenza validi sad-data tat-tmiem tal-attività inkwistjoni, kif kienet ġiet innotifikata lill-awtoritajiet kompetenti, jiġifieri l‑31 ta’ Diċembru 2021. Madankollu, huwa paċifiku li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw it-tul tal-permess ta’ residenza tagħhom. Issa, minbarra l-fatt li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ tali rikorsi fid-dritt Olandiż, mill-proċess jirriżulta li l-persuna li timpjegahom kellha sussegwentement twettaq provvista ta’ servizzi oħra fil-Pajjiżi l-Baxxi u li, b’dan il-mod, kellhom jiġu ppreżentati applikazzjonijiet ġodda għal permess, li għalihom intalbu mill-ġdid spejjeż amministrattivi.

109    Peress li, kieku r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kisbu permessi ta’ residenza għal perijodu itwal, ma jistax jiġi eskluż li l-ħlas ta’ tali spejjeż seta’ jiġi evitat, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika.

110    Barra minn hekk, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domanda li saritilha, hemm lok għalhekk li t-tielet domanda tiġi ddikjarata ammissibbli fl-intier tagħha.

 Fuq il-mertu

111    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, l-ewwel nett, il-validità tal-permess ta’ residenza li jista’ jingħata lil ħaddiem li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz ikkollokat f’dan l-Istat Membru ma tistax, fi kwalunkwe każ, teċċedi żmien determinat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, li għalhekk tista’ tkun inqas minn dik neċessarja għall-finijiet tat-twettiq tal-benefiċċju li għalih huwa kkollokat dan il-ħaddiem, it-tieni nett, it-tul tal-validità ta’ dan il-permess ta’ residenza huwa limitat għal dak tal-permess ta’ xogħol u ta’ residenza li għandha l-persuna kkonċernata fl-Istat Membru li fih hija stabbilita l-persuna li tipprovdi s-servizzi, it-tielet nett, il-ħruġ tal-imsemmi permess ta’ residenza jeħtieġ il-ħlas ta’ dazji ta’ ammont ogħla minn dak tad-dazji dovuti għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ residenza regolari lil ċittadin tal-Unjoni.

112    F’dan ir-rigward, fir-rigward, qabelxejn, tal-fatt li t-tul tal-validità tal-permessi ta’ residenza li jistgħu jingħataw ma jistax jeċċedi l-istess perijodu stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “servizz”, fis-sens tat-Trattat FUE, jista’ jkopri servizzi ta’ natura differenti ħafna, inklużi servizzi li operatur ekonomiku stabbilit fi Stat Membru jipprovdi b’mod ftit jew wisq frekwenti jew regolari, anki fuq perijodu estiż, lil persuni stabbiliti fi Stat Membru wieħed jew iktar (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Institut des Experts en Automobiles, C‑502/20, EU:C:2021:678, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l-provvista ta’ servizzi fi Stat Membru, imwettqa minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor b’persunal ikkollokat ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, tmur lil hinn mit-tul massimu ta’ validità li jista’ jingħata għal permess ta’ residenza previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

113    Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, sabiex ikun kopert mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita fl-Artikolu 56 TFUE, il-fornitur li jittrasferixxi l-persunal abbażi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jista’ jagħmel dan biss b’mod temporanju (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Vorarlberger Landes- und Hypothekenbank, C‑625/17, EU:C:2018:939, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li, konsegwentement, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jissuġġettaw il-permessi ta’ residenza li huma jagħtu lill-ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkollokati fit-territorju tagħhom għal perijodu ta’ validità.

114    Ċertament, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/67 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li l-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor jinnotifikaw lill-awtoritajiet nazzjonali bil-provvista ta’ servizzi u, f’dan il-każ, l-identità tal-ħaddiema li huma beħsiebhom jikkollokaw, kif ukoll in-natura u t-tul tal-attività. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni toffri lil dawn l-awtoritajiet, fil-mument ta’ din in-notifika, il-possibbiltà li jevalwaw il-kompiti li għandhom jitwettqu waqt dan il-kollokament u ż-żmien neċessarju għat-twettiq tagħhom.

115    Madankollu, anki meta Stat Membru jkun għamel użu minn din il-possibbiltà, il-fatt li jiġi previst li l-validità tal-permessi ta’ residenza mogħtija ma tistax, fi kwalunkwe każ, teċċedi ċertu żmien, li hija ddeterminata invarjabbilment mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, ma jidhirx li huwa, fih innifsu, kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni, minkejja li dan il-perijodu jista’ għalhekk ikun inqas minn dak neċessarju għall-finijiet tat-twettiq tal-benefiċċju li għalih dawn il-ħaddiema huma kkollokati. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li miżura nazzjonali li ma għandhiex l-għan li tirregola l-kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-provvista ta’ servizzi tal-impriżi kkonċernati u li l-effetti restrittivi li hija tista’ tipproduċi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jkunu wisq inċerti u wisq indiretti sabiex din tkun tista’ titqies li hija ta’ natura li tostakola din il-libertà ma tmurx kontra l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, Instituto do Cinema e do Audiovisual, C‑411/21, EU:C:2022:836, punt 29).

116    Issa, il-fatt li jiġi previst li l-validità tal-permessi mogħtija mill-Istat Membru ospitanti ma jistax, fi kwalunkwe każ, jeċċedi ċertu tul ta’ żmien, mgħandux l-għan li jirregola l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, peress li tali limitu japplika wkoll għall-impriżi ta’ dan l-Istat Membru li jimpjegaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u mhuwiex ta’ natura li jipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, min-naħa tal-persuna li timpjega, tad-dritt tagħha għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi b’mod suffiċjentement ċert u dirett milli jekk dan il-perijodu inizjali ta’ validità jkun manifestament qasir wisq sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tal-maġġoranza tal-fornituri ta’ servizzi jew jekk, fi kwalunkwe każ, ikun possibbli li jinkiseb it-tiġdid tiegħu biss billi jitwettqu formalitajiet eċċessivi.

117    F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-fatt li l-permessi ta’ residenza li jistgħu jingħataw, minn Stat Membru, lill-ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkollokati f’dan l-Istat Membru minn fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor ma jistax ikollhom perijodu ta’ validità itwal minn dak tal-permessi ta’ xogħol miżmuma mill-persuni kkonċernati f’dan l-Istat Membru l-ieħor, għandu jitfakkar li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iggarantita fl-Artikolu 56 TFUE, tista’ tiġi invokata biss minn fornituri stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak fejn il-provvista għandha tiġi eżegwita, fejn jipprovdu legalment servizzi analogi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos, C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 98).

118    Peress li fornitur ta’ servizzi ma jistax jipprovdi legalment is-servizzi tiegħu fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit u, konsegwentement, jibbenefika mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ħlief jekk il-ħaddiema li huwa jimpjega jkunu skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, il-fatt, għal Stat Membru, li jillimita l-perijodu ta’ validità tal-permessi ta’ residenza li huwa joħroġ liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkollokati fit-territorju tiegħu għat-tul tal-permessi ta’ xogħol li dawn għandhom fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit dan il-fornitur, ma jistax jitqies bħala ksur tad-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tiegħu.

119    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li d-dazji dovuti għall-għoti ta’ permess ta’ residenza lil ħaddiem ċittadin ta’ pajjiż terz ikkollokat fi Stat Membru minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, filwaqt li huma ta’ ammont ugwali għal dak tal-ħlas dovut abbażi ta’ permess ta’ residenza ordinarju għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ impjieg minn ċittadin ta’ pajjiż terz, jkunu ogħla mill-ammont tal-ħlas dovut għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ residenza lil ċittadin tal-Unjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, sabiex miżura li teżiġi l-ħlas ta’ drittijiet inkambju għall-ħruġ, minn Stat Membru, ta’ permess ta’ residenza tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE, l-ammont ta’ dawn id-dazji ma jistax ikun eċċessiv jew irraġonevoli (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C‑390/99, EU:C:2002:34, punt 42).

120    Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li n-natura eċċessiva jew mhux raġonevoli u, konsegwentement, sproporzjonata tal-ammont tad-dazji dovuti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-ispiża ġġenerata mill-ipproċessar ta’ din l-applikazzjoni u li l-Istat Membru kkonċernat għandu għalhekk isostni.

121    Konsegwentement, il-fatt li d-drittijiet mitluba għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza għall-benefiċċju ta’ ħaddiem ikkollokat ċittadin ta’ pajjiż terz ikunu ogħla minn dawk mitluba għal ċertifikat ta’ residenza għal ċittadin tal-Unjoni ma jistax, bħala prinċipju, ikun biżżejjed sabiex waħdu jistabbilixxi li l-ammont ta’ dawn id-dazji jkun eċċessiv jew irraġonevoli u, konsegwentement, jikser l-Artikolu 56 TFUE, iżda jista’ jikkostitwixxi indizju serju tan-natura sproporzjonata ta’ dan l-ammont, jekk il-kompiti li l-amministrazzjoni għandha twettaq sabiex tagħti tali permess ta’ residenza, fid-dawl b’mod partikolari tal-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għal dan l-għan, kif ukoll l-ispejjeż ta’ manifattura tad-dokument sigur korrispondenti, huma ekwivalenti għal dawk neċessarji għall-għoti ta’ ċertifikat ta’ residenza għal ċittadin tal-Unjoni, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju.

122    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, l-ewwel nett, il-validità tal-permess ta’ residenza li jista’ jingħata lil ħaddiem ċittadin ta’ pajjiż terz ikkollokat f’dan l-Istat Membru ma tistax, fi kwalunkwe każ, teċċedi żmien determinat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, li għalhekk tista’ tkun inqas minn dik neċessarja għall-finijiet tat-twettiq tas-servizz li għalih huwa kkollokat dan il-ħaddiem, it-tieni nett, it-tul tal-validità ta’ dan il-permess ta’ residenza huwa limitat għal dak tal-permess ta’ xogħol u ta’ residenza li għandha l-persuna kkonċernata fl-Istat Membru li fih hija stabbilita l-persuna li tipprovdi servizzi u, it-tielet nett, il-ħruġ tal-imsemmi permess ta’ residenza jeħtieġ il-ħlas ta’ drittijiet ta’ ammont ogħla minn dak tad-dazji dovuti għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ residenza regolari lil ċittadin tal-Unjoni, sakemm, l-ewwel nett, it-tul inizjali ta’ validità tal-istess permess ma jkunx manifestament qasir wisq sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet tal-maġġoranza tal-fornituri ta’ servizzi, sussegwentement, huwa possibbli li jinkiseb it-tiġdid tal-permess ta’ residenza mingħajr ma jkun hemm bżonn li jitwettqu formalitajiet eċċessivi u, fl-aħħar nett, dan l-ammont jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għall-ispejjeż amministrattivi involuti fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni għall-kisba ta’ tali permess.

 Fuq l-ispejjeż

123    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 56 u 57 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma kkollokati fi Stat Membru minn fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor ma għandhomx jingħataw awtomatikament “dritt ta’ residenza dderivat” kemm fl-Istat Membru fejn huma impjegati jew f’dak fejn ikunu kkollokati.

2)      L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li, fl-ipoteżi fejn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor twettaq fl-ewwel Stat Membru provvista ta’ servizzi li t-tul tagħha jaqbeż it-tliet xhur, din l-impriża għandha l-obbligu li tikseb fl-Istat Membru ospitanti permess ta’ residenza għal kull ħaddiem ċittadin ta’ pajjiż terz li hija għandha l-intenzjoni li tikkolloka hemmhekk, u li, sabiex tikseb dan il-permess, hija tinnotifika minn qabel il-provvista ta’ servizzi li għat-twettiq tagħha dawn il-ħaddiema għandhom jiġu kkollokati u li hija tikkomunika lil-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti il-permessi ta’ residenza li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom fl-Istat Membru fejn hija stabbilita kif ukll il-kuntratt tax-xogħol tagħhom.

3)      L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, l-ewwel nett, il-validità tal-permess ta’ residenza li jista’ jingħata lil ħaddiem ċittadin ta’ pajjiż terz ikkollokat f’dan l-Istat Membru ma tistax, fi kwalunkwe każ, teċċedi żmien determinat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, li għalhekk tista’ tkun inqas minn dik neċessarja għall-finijiet tat-twettiq tas-servizz li għalih huwa kkollokat dan il-ħaddiem, it-tieni nett, it-tul tal-validità ta’ dan il-permess ta’ residenza huwa limitat għal dak tal-permess ta’ xogħol u ta’ residenza li għandha l-persuna kkonċernata fl-Istat Membru li fih hija stabbilita l-persuna li tipprovdi servizzi u, it-tielet nett, il-ħruġ tal-imsemmi permess ta’ residenza jeħtieġ il-ħlas ta’ drittijiet ta’ ammont ogħla minn dak tad-dazji dovuti għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ residenza regolari lil ċittadin tal-Unjoni, sakemm, l-ewwel nett, it-tul inizjali ta’ validità tal-istess permess ma jkunx manifestament qasir wisq sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet tal-maġġoranza tal-fornituri ta’ servizzi, sussegwentement, ikun possibbli li jinkiseb it-tiġdid tal-permess ta’ residenza mingħajr ma jkun hemm bżonn li jitwettqu formalitajiet eċċessivi u, fl-aħħar nett, dan l-ammont jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għall-ispejjeż amministrattivi involuti fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni għall-kisba ta’ tali permess.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.