Language of document : ECLI:EU:T:2006:387

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

12 ta’ Diċembru 2006 (*)

"Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Kunċett ta' impriża – Ilment – Ċaħda"

Fil-kawża T‑155/04,

SELEX Sistemi Integrati SpA, preċedentement Alenia Marconi Systems SpA, stabbilita f'Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn F. Sciaudone, avocat,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn P. Oliver u L. Visaggio, imbagħad minn A. Bouquet, Visaggio u F. Amato, bħala aġenti,

konvenuta

sostnuta minn

Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni ta' l-Ajru (Eurocontrol), irrappreżentata minn F. Montag u T. Wessely, avocats,

intervenjenti

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament jew għall-modifika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Frar 2004 li tiċħad l-ilment tar-rikorrenti dwar allegat ksur minn Eurocontrol tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE fil-qasam tal-kompetizzjoni,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u I. Pelikánová, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-31 ta' Jannar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1.     Bażjieti ġuridiċi ta' Eurocontrol

1        L-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni ta' l-Ajru (Eurocontrol), organizzazzjoni internazzjonali ta’ natura reġjonali fil-qasam ta' l-avjazzjoni, ġiet stabbilita minn Stati Ewropej differenti, membri u mhux tal-Komunità, mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Koperazzjoni għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni ta' l-Ajru tat-13 ta’ Diċembru 1960 li ġiet emendata ħafna drabi, imbagħad ġiet riveduta u kkoordinata mill-Protokoll tas-27 ta' Ġunju 1997 (iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni"), bil-għan li tiġi msaħħa l-kooperazzjoni ta' l-Istati kontraenti fil-qasam tan-navigazzjoni ta' l-ajru u bil-għan li jiġu żviluppati attivitajiet komuni bejniethom sabiex issir l-armonizzazzjoni u l-integrazzjoni neċessarja għat-twaqqif ta' sistema uniformi ta' amministrazzjoni tat-traffiku ta' l-ajru, Air Traffic management (ATM). Għalkemm il-Konvenzjoni għad mhijiex formalment fis-seħħ, billi ma ġietx irratifikata mill-partijiet kollha kontraenti, id-dispożizzjonijiet tagħha ilhom mill-1998 jiġu applikati b’mod provviżorju, skond deċiżjoni tal-Kummissjoni permanenti ta' Eurocontrol meħuda fix-xahar ta' Diċembru 1997. L-Italja aderiet mal-Eurocontrol fl-1 ta' April 1996. Fl-2002, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha ffirmaw Protokoll - li għadu ma daħalx fis-seħħ – dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Eurocontrol. Il-Komunità ddeċidiet li tapprova dan il-Protokoll bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Protokoll dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Eurocontrol 2004/636/KE (ĠU L 304, p. 209). Uħud mid-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll ilhom mis-sena 2003 jiġu applikati b’mod provviżorju, sakemm il-Protokoll jiġi rratifikat mill-partijiet kollha kontraenti.

2.     Id-dritt Komunitarju

2        Fid-Direttiva tal-Kunsill 93/65/KEE tad-19 ta' Lulju 1993 dwar id-definizzjoni u l-użu ta' speċifikazzjonijiet tekniċi kompatibbli għall-prokura ta' tagħmir u sistemi ta' l-immaniġġjar tat-traffiku ta' l-ajru (ĠU L 187, p. 52) emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/15/EC tal-25 ta' Marzu 1997 li tadotta l-istandards Eurocontrol (ĠU L 95, p.16), il-Kunsill ipprovda għall-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi Komunitarji fil-qasam ta’ ATM abbażi ta' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi korrispondenti definiti mill-Eurocontrol.

3        L-Artikoli 1 sa 5 tad-Direttiva 93/65 jipprovdu kif ġej:

"L-Ewwel Artikolu

Din id-Direttiva tapplika għad-definizzjoni u l-użu ta' speċifikazzjonijiet tekniċi kompatibili għall-akkwist ta' tagħmir u sistemi ta' l-immaniġġjar tat-traffiku ta' l-ajru, b'mod partikolari:

- sistemi ta' komunikazzjoni,

- sistemi ta' sorveljanza,

- sistemi li jipprovdu assitenza awtomatika għal kontrol ta' traffiku ta' l-ajru, u

- sistemi ta' navigazzjoni.

Artikolu 2

Għall-iskop ta' din id-Direttiva:

a) 'speċifikazzjoni teknika' tfisser ir-rekwiżiti tekniċi inklużi, b'mod partikolari, fid-dokumenti ta' offerta li jiddefinixxu l-karatteristiċi ta' biċċa xogħol, materjal, prodott jew forniment, u jagħmilha possibbli li tiddefinixxi biċċa xogħol, materjal, prodott jew forniment oġġettivament b'tali manjiera li tissodisfa l-użu li għaliha hi maħsubha mill-entita kontraenti. Preskrizzjonijiet tekniċi simili jistgħu jinkludu kwalità, wirja, sigurtà u dimensjonijiet, kif ukoll bħala rekwiżiti applikabli għal materjal, prodott jew forniment dwar assigurazzjoni ta' kwalità, terminoloġija, simboli, testing u metodi ta' testing, ippakkjar, markar u ittikkettjar;

b) 'standard' ifisser speċifikazzjoni teknika approvata minn korp ta' standardizzazzjoni rikonoxxut għal applikazzjoni ripetuta jew kontinwa, it-tħaris ta' liema mhux inprinċipju obligatorju;

ċ) 'Standard Eurokontol' ifisser l-elementi mandatorji ta' speċifikazzjonijiet ta' l-Eurocontrol għal karatteristiċi fiżiċi, konfigurazzjoni, materjal, eżekuzzjoni, personnel jew proċedura, li l-applikazzjoni uniformi tagħha hija rrikonoxxuta bħala essenzjali għall-implimentazzjoni ta' sistema ta' servizzi ta' traffiku ta' l-ajru integrati (ATS) (l-elementi mandatorji jiffurmaw parti mid-dokument standard ta' l-Eurokontrol).

Artikolu 3

1.      Il-Kummisjoni għandha, skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 6, tidentifika u tadotta l-istandards ta' l-Eurocontrol u emendi ta' l-Eurocontrol sussegwenti għal dawk l-istandards ta' l-Eurocontrol, b'mod partikolari dwar dawk iż-żoni mniżżla f'Anness 1, li jkunu mandatorji taħt il-liġi tal-Komunità. Il-Kummissjoni tippubblika r-referenzi ta' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kollha li saru mandatorji fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2.       Sabiex tassigura li l-Anness 1, li jniżżel l-istandards ta' l-Eurocontrol li għandhom jiġu prodotti, jkun kemm jista' jkun komplet, il-Kummissjoni, filwaqt li ssegwi l-proċedura mniżżla fl-Artikolu 6 u b'konsultazzjoni ma' l-Eurocontrol, tista', fejn approprjat, temenda l-Anness I skond emendi magħmula mill-Eurocontrol,

[…]

Artikolu 4

Biex tikkumplimenta fejn neċessarju, il-proċess ta' implimentazzjoni ta' standards ta' l-Eurocontrol il-Kummissjoni tista' tagħti mandati ta' standardizzazzjoni lil korpijiet ta' standardizzazzjoni Ewropej skond id-Direttiva 83/189/KEE u b'konsultazzjoni mal-Eurocontrol.

Artikolu 5

1.      Mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 77/62/KEE u 90/531/KEE l-Istati Membri jieħdu kull pass meħtieġ biex jassiguraw li fid-dokumenti ġenerali jew speċifikazzjonijiet dwar kull kuntratt l-entitajiet ċivili definiti fl-Anness II jirreferu għal speċifikazzjonijiet adottati skond din id-Direttiva meta jinxtara tagħmir ta' navigazzjoni ta' l-ajru.

2.      Biex tassigura li l-Anness II huwa kemm jista' jkun komplut, l-Istati Membri jinnotifikaw il-Kummissjoni b'tibdiliet li jsiru lil-listi tagħhom. Il-Kummissjoni għandha temenda l-Anness II skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 6."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

1.     Ir-rwol u l-attivitajiet ta' Eurocontrol

4        Sabiex tikseb l-għan tagħha li jikkonsisti fl-iżvilupp ta' sistema uniformi ta' amministrazzjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fl-Ewropa, Eurocontrol tiżviluppa, tikkoordina u tippjanifika l-implementazzjoni ta' strateġiji pan-Ewropej u l-pjanijiet ta' azzjoni marbuta magħhom, bil-parteċipazzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali, tal-fornituri tas-servizzi ta’ navigazzjoni ta' l-ajru, ta' dawk li jagħmlu użu ċivili u miltari ta' l-ispazju ta' l-ajru, ta' l-ajruporti, ta' l-industrija, ta' l-organizzazzjonijiet professjonali u ta' l-istituzzjonijiet Ewropej interessati. Din il-kawża tirrigwarda biss tliet oqsma ta' attività ta' l-Eurocontrol.

5        L-ewwel qasam ta' attivitajiet li din il-kawża tirrigwarda huwa l-attività ta' leġiżlazzjoni, ta' standardizzazzjoni u ta' validazzjoni. Fil-kuntest ta' l-għanijiet definiti mill-Konvenzjoni, l-Istati Membri ta' Eurocontrol huma b'mod partikolari mistennija li jadottaw u li japplikaw "standards u speċifikazzjonijiet komuni" fis-settur tan-navigazzjoni ta' l-ajru. Id-definizzjoni ta' dawn l-istandards u ta' dawn l-ispeċifikazzjonijiet hija fdata f'idejn il-Eurocontrol. B'mod konkret, l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi huma mfassla mill-aġenzija, organu eżekuttiv ta' l-Eurocontrol imqiegħed taħt l-awtorità tal-Kunsill ta' l-organizzazzjoni, komposta minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri ta' l-Eurocontrol (id-diretturi ta' l-amministrazzjoni ta' l-avjazzjoni ċivili ta' kull Stat Membru ta' l-organizzazzjoni) li huma responsabbli biex jiddeċiedu dwar l-adozzjoni ta' l-istandards tekniċi hekk imfassla. Eurocontrol teżerċita l-attivitajiet tagħha ta' standardizzazzjoni b'mod partikolari fil-kuntest tal-programm Eatchip (programm Ewropew ta' armonizzazzjoni u ta' integrazzjoni tal-kontroll tat-traffiku bl-ajru), li ġie stabbilit fl-1990 mill-konferenza Ewropea ta' l-avjazzjoni ċivili (KEAĊ) sabiex ikun hemm armonizzazzjoni, kif ukoll sabiex jiġu integrati definittivament, is-sistemi ATM fl-Istati Membri tal-konferenza.

6        Sa llum, tliet standards imfassla minn Eurocontrol ġew adottati mill-Kummissjoni bħala speċifikazzjonijiet tekniċi Komunitarji fis-sens tad-Direttiva 93/65 [ara d-Direttiva 97/15 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2082/2000 tas-6 ta' Settembru 2000 li jadotta l-istandards ta' l-Eurocontrol u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 97/15, (ĠU L 254, p. 1) emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 980/2002 ta' l-4 ta' Ġunju 2002 (ĠU L 150, p. 38)]:

–        l-istandard ta' l-Eurocontrol għal On-Line Data Interchange (OLDI);

–        l-istandard ta' l-Eurocontrol għal Air Traffic Services Data Exchange Presentation (ADEXP);

–        l-istandard ta' Eurocontrol intitolat Flight Data Exchange — Interface Control Document (FDE-ICD).

7        It-tieni qasam ta' attivitajiet li din il-kawża huwa l-missjoni ta' riċerka u ta' żvilupp ta' Eurocontrol, li tikkonsisti, minn naħa, fil-koordinazzjoni tal-politika nazzjonali ta' riċerka u ta' żvilupp fil-qasam tan-navigazzjoni ta' l-ajru u, min-naħa l-oħra fit-twettiq ta’ azzjonijiet komuni ta' l-istudju u l-iżvilupp tat-teknoloġiji ġodda f'dan is-settur. Huwa b’dan il-mod li Eurocontrol tiżviluppa u takkwista prototipi ta' tagħmir u ta' sistemi ATM, per eżempju sistemi ta' kontroll radar, sabiex b'mod partikolari jkunu jistgħu jiġu definiti u vvalidati standards u speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda. Waħda mis-sistemi żviluppata b’dan il-mod hija s-sistema radar ARTAS, li għaliha l-impriża Thomson‑CSF (li llum jisimha, Thales) akkwistat il-kuntratt ta' żvilupp wara proċedura ta’ sejħa għal offerti. Fil-kuntest ta' dan il-qasam ta' attivitajiet, Eurocontrol ħalqet sistema li tirrigwarda d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali dwar prototipi żviluppati mill-impriżi li magħhom hija kkonkludiet kuntratti ta' riċerka, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda s-softwer. L-aċċessibbiltà, sussegwentement, ta' dawn id-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali għal impriżi kompetituri oħra, u b'mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-fatt li l-aċċess għalihom huwa bla ħlas, essenzjalment tiddependi mill-fatt jekk il-kontraenti żviluppawx dan is-softwer speċjalment fil-kuntest ta' kuntratt ta' riċerka magħmul flimkien ma' Eurocontrol jew jekk dan huwiex każ ta’ prodotti pre-eżistenti użati mill-ġdid.

8        It-tielet u l-aħħar qasam ta' attivitajiet li din il-kawża tirrigwarda huwa l-assistenza mogħtija, fuq talba tagħhom, lill-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membri ta' Eurocontrol, b'mod partikolari fil-qasam tal-pjanifikazzjoni, speċifikazzjoni u kreazzjoni ta’ servizzi u ta’ sistemi ATM. F'dan il-kuntest, Eurocontrol tista' b'mod partikolari tiġi msejħa sabiex tassisti lill-awtoritajiet nazzjonali ta' kontroll tat-traffiku ta’ l-arju sabiex jiġu stabbiliti proċeduri ta’ sejħiet għal offerti dwar il-forniment ta’ tagħmir u ta’ sistemi ATM.

2.     Il-proċedura prekontenzjuża

9        Ir-rikorrenti, SELEX Sistemi Integrati SpA (li qabel kienet Alenia Marconi Systems SpA), ilha topera fis-settur tas-sistemi ta' amministrazzjoni tat-traffiku ta’ l-ajru mill-1961. Fit-28 ta' Ottubru 1997, hija ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel Regolament ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 13, 1962, p. 204), li permezz tiegħu hija ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq ċerti allegati vjolazzjonijiet minn Eurocontrol tar-regoli dwar il-kompetizzjoni fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħha ta' standardizzazzjoni li tirrigwarda t-tagħmir u sistemi ATM (iktar 'il quddiem l-ilment").

10      L-ilment qajjem l-argumenti li ġejjin:

–        is-sistema tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fil-kuntratti ta' żvilupp u ta' akkwist ta' prototipi ta' sistemi ġodda, sotto-sistemi ħardwer u softwer ddestinati għall-applikazzjonijiet fil-qasam ta' l-ATM, konklużi mill-Eurocontrol, hija ta' tali natura li toħloq monoplji ta' fatt fil-produzzjoni tas-sistemi li sussegwentement jiġu standardizzati mill-Eurocontrol;

–        din is-sitwazzjoni hija saħansitra iktar gravi peress li l-Eurocontrol ma implementatx miżuri li jassiguraw ir-rispett tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta' għemil bil-miftuħ u ta' non-diskriminazzjoni fil-kuntest ta' l-akkwist tal-prototipi tas-sistemi u sotto-sistemi użati għad-definizzjoni ta' l-istandards;

–        barra minn hekk, jirriżulta mis-sistema attwali li l-impriżi li jiffornixxu l-prototipi użati għall-finijiet ta' standardizzazzjoni jinsabu f'sitwazzjoni partikolarment vantaġġata meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom, fil-kuntest tas-sejħiet għal offerti organizzati mill-awtoritajiet nazzjonali bil-għan ta' l-akkwist tat-tagħmir ATM.

11      Ir-rikorrenti kkompletat l-ilment b’ittri tal-15 ta' Mejju u tad-29 ta' Settembru 1998.

12      Fit-3 ta' Novembru 1998, b'ittra ffirmata mid-Diretturi Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) "Kompetizzjoni" u tad-DĠ "Trasport" (iktar 'il quddiem l-"ittra tat-3 ta' Novembru 1998"), il-Kummissjoni stiednet lil Eurocontrol tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward ta' l-ilment. Mehmuża ma’ din l-ittra kien hemm analiżi qasira li saret mis-servizzi tal-Kummissjoni, li enfasizzat il-problemi li setgħu jirriżultaw mill-attivitajiet ta' Eurocontrol kkontestati fl-ilment, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-operat tas-suq intern tal-prodotti, tas-sistemi u tas-servizzi ATM. Il-Kummissjoni speċifikat, madankollu, li din l-analiżi ma tippreġudikax l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni f'dan il-każ. Fit-12 ta' Novembru 1998, il- Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-eżistenza u bil-kontenut ta' l-ittra tat-3 ta' Novembru 1998.

13      B'risposta għall-istedina tal-Kummissjoni, Eurocontrol ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ilment kif ukoll fuq l-analiżi tal-Kummissjoni fit-2 ta' Lulju 1999 b’ittra ta' żewġ faċċati u bi tnax-il paġna ta' osservazzjonijiet. Dawn ta' l-aħħar intbagħtu lir-rikorrenti b'ittra tal-Kummissjoni tat-12 ta' Awwissu 1999, u r-rikorrenti rrispondiet għalihom b’ittri ta' l-14 ta' Frar u tat-28 ta' Marzu 2000.

14      B'ittra tal-15 ta' Ġunju 2000, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bil-fatt li fl-opinjoni tagħha, il-fatti kkritikati fl-ilment ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 82 KE u li, fi kwalunkwe każ, dawn ma jippermettulhiex li tikkonkludi li dan l-Artikolu nkiser. B’ittri tal-15 ta' Jannar 2001 u tat-2 ta' Awwissu 2002, ir-rikorrenti żammet il-pożizzjoni tagħha. B'ittra tal-25 ta' Settembru 2003, skond l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2842/98 tat-22 ta' Diċembru 1998 dwar is-smigħ tal-partijiet f'ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 354, p. 18), il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li hija ma tikkunsidrax li l-motivi esposti fl-ilment kienu biżżejjed sabiex jiġi milqugħ. B'ittra ta' l-14 ta' Novembru 2003, ir-rikorrenti reġgħet irrispondiet li kienet għadha ta’ l-istess opinjoni.

15      B'ittra tat-12 ta' Frar 2004, il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment (iktar 'il quddiem id-deċiżjoni kkontestata") billi kkonfermat, sostanzjalment, il-kunsiderazzjonijiet diġà espressi fl-ittra tal-25 ta' Settembru 2003. B'mod partikolari hija ssostni, fid-deċiżjoni kkontestata, li:

–        Ir-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni japplikaw, bħala regola, għall-organizzazzjonijiet internazzjonali bħal Eurocontrol, bil-kundizzjoni li l-attivitajiet li għalihom issir referenza speċifika jistgħu jikkwalifikaw bħala attivitajiet ekonomiċi;

–        l-attivitajiet ta' Eurocontrol li kienu s-suġġett ta' lment mhumiex ta' natura ekonomika u, konsegwentement, Eurocontrol ma tistax tiġi kkunsidrata bħala impriża fis-sens ta' l-Artikolu 82 KE u, fi kwalunkwe każ, anke li kieku dawn l-attivitajiet jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ta' impriża, dawn ma jmorrux kontra l-Artikolu 82 KE ;

–        l-attività ta' standardizzazzjoni teknika hija fl-interess pubbliku u tiġi eżerċitatà minn Eurocontrol mingħajr remunerazzjoni, mingħajr għan ta' lukru jew skop privat u lanqas ma għandha l-għan li timponi ħlasijiet jew regoli dwar is-servizzi li jridu jingħataw lil min jagħmel użu minnhom, u dan jeskludi l-possibbiltà li din l-attività hija ta’ natura ekonomika;

–        fir-rigward ta' l-akkwist tal-prototipi u l-amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, l-ilment ma jirreferi għal ebda fatt speċifiku li jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti;

–        fir-rigward tas-sistema tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, Eurocontrol tpoġġi gratwitament għad-dispożizzjoni ta' l-impriżi interessati d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali akkwistati minnha fil-kuntest ta' l-attivitajiet tagħha ta' riċerka u ta' żvilupp; anke jekk l-amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tiġi kkunsidrata bħala attività ekonomika, il-fatt li l-impriżi li pparteċipaw fl-attivitajiet ta' riċerka u ta' żvilupp jibbenefikaw minn vantaġġ tekniku li huma jistgħu jasserixxu fil-kuntest ta’ sejħiet għall-offerti, dan ma jistax jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominati imputabbli lil Eurocontrol ;

–        f'dak li jirrigwarda l-attivitajiet ta' assistenza li Eurocontrol tforni, fuq talba, lill-amministrazzjonijiet nazzjonali, dawn ma jistgħux jikkostitwixxu attivitajiet ta' natura ekonomika peress li huma jingħataw mingħajr remunerazzjoni; barra minn hekk, fil-kuntest ta' dawn l-attivitajiet, Eurocontrol ma tiddisponi mill-ebda setgħa deċiżiva, liema setgħa tappartjeni lill-amministrazzjonijiet nazzjonali biss.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u t-talbiet tal-partijiet

16      B'att imressaq fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-23 ta' April 2004, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

17      B’nota ta' l-1 ta' Settembru 2004, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-2 ta' Settembru 2004, Eurocontrol talbet li tiġi awtorizzata tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

18      B’digriet tal-25 ta' Ottubru 2004, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza, skond l-Artikolu 116(6) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, awtorizza lil Eurocontrol biex tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni billi tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha waqt il-proċedura orali.

19      B'att ippreżentat fil-25 ta' Frar 2005, ir-rikorrenti talbet li l-Kummissjoni tiġi mistiedna, fil-kuntest ta' miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura, tippreżenta l-ittra tat-3 ta' Novembru 1998, id-dokumenti l-oħra kollha mfassla mis-servizzi tagħha matul il-proċedura amministrattiva, l-analiżi tekniċi, il-korrispondenza eventwali tas-servizzi tagħha ma' Eurocontrol kif ukoll id-dokumenti prodotti minnha.

20      B'ittra tal-11 ta' Marzu 2005, ippreżentata fit-18 ta' Marzu 2005, il-Kummissjoni pproduċiet l-ittra tat-3 ta' Novembru 1998. Billi affermat li hija ma kellhiex aktar dokumenti li kien imisshom jiddaħħlu fil-proċess ta' din il-kawża u li t-talba tar-rikorrenti kienet ġenerali u nieqsa minn motivazzjoni, hija opponiet il-kumplament tat-talba tar-rikorrenti.

21      B’deċiżjoni tal-5 ta' April 2005, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza stieden lill-intervenjenti, abbażi ta' l-Artikolu 64(3)(b), tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tippreżenta nota.

22      B'att ippreżentat fir-Reġistru tas-27 ta' April 2005, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal miżuri istruttorji sabiex jinstemgħu xi xhieda u jiġu prodotti xi dokumenti mill-Kummissjoni u qajmet tliet motivi ġodda, dwar, rispettivament, żball manifest ta' evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt, ksur ta' l-obbligi ta' diliġenza u ta' imparzjalità u abbuż ta' poter li jirriżulta minn ksur tad-dritt għal informazzjoni tar-rikorrenti u tal-prinċipju tal-konradittorju.

23      L-intervenjenti ppreżentat in-nota tagħha fis-16 ta' Ġunju 2005.

24      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-porċedura orali mingħajr ebda miżuri istruttorji preliminari. Madankollu, ġie deċiż li jsiru xi mistoqsijiet lill-partijiet li kellhom jingħataw tweġiba orali fis-seduta.

25      Instemgħu t-trattazzjoni orali tal-partijiet kif ukoll it-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta tal-31 ta' Jannar 2006. Wara l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikorrenti għamlet xi modifiki lit-talbiet inizjali tagħha.

26      Wara dawn il-modifiki, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla u/jew timmodifika d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż ta' l-istanza.

27      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervjenti, titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq l-ammissibbiltà tat-talba tar-rikorrenti għall-annullament u/jew il-modifika tad-deċiżjoni kkontestata

28      Ir-rikorrenti ma tippreċiżax jekk it-talba għal modifikazzjoni għandhiex tiġi kkunsidrata bħala talba sussidjarja. Fi kwalunkwe każ, skond ġurisprudenza kostanti, il-qorti Komunitarja mhijiex kompetenti, fil-kuntest ta' l-istħarriġ tal-legalità li hija teżerċita, toħroġ inġunzjonijiet kontra l-istituzzjonijiet jew tissostitwixxi ruħha għal dawn ta' l-aħħar, iżda huwa l-obbligu ta' l-amministrazzjoni kkonċernata li tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fil-kuntest ta' rikors għall-annullament (sentenzi tas-27 ta' Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, T‑67/94, Ġabra p. II‑1, punt 200, u tal-15 ta' Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 53).

29      B'hekk, l-ewwel kap ta' talbiet tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli safejn dan jipprevedi l-modifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

2.     Fuq l-ammissibbiltà tal-motivi l-ġodda tar-rikorrenti

 L-osservazzjonijiet tal-partijiet

30      B'att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-27 ta' April 2005, ir-rikorrenti pproduċiet tliet motivi ġodda, dwar, rispettivament, żball manifest ta' evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt, ksur ta' l-obbligi ta' diliġenza u ta' imparzjalità u abbuż ta' poter li jirriżulta minn ksur tad-dritt għal informazzjoni tar-rikorrenti u tal-prinċipju tal-kontradittorju.

31      Ir-rikorrenti ġġustifikat l-introduzzjoni ta' motivi ġodda wara l-egħluq tal-proċedura bil-miktub minħabba fatti ġodda li saru magħrufa waqt il-proċedura, skond l-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, fl-opinjoni tar-rikorrenti, il-preżentata mill-Kummissjoni, premezz ta' anness ma' l-osservazzjonijiet tagħha tal-11 ta' Marzu 2005, ta' l-ittra tat-3 ta' Novembru 1998, tikkostitwixxi element ġdid. Hija tikkunsidra, fl-att ippreżentat fis-27 ta' April 2005, li kien biss waqt il-qari tar-risposta, li magħha ġiet mehmuża l-ittra tad-Direttur ta' Eurocontrol tat-2 ta' Lulju 1999, li hija saret taf bil-fatt li l-ittra tat-3 ta' Novembru 1998 ma kinitx biss sempliċi nota ta' trażmissjoni ta' l-ilment, imma li kien fiha wkoll analiżi ta' dan l-ilment iffirmat miż-żewġ Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni.

32      Il-Kummissjoni talbet li dawn il-motivi ġodda jiġu miċħuda bħala inammissibbli. Mill-qari ta' l-ittra tat-12 ta' Novembru 1998, ir-rikorrenti kienet saret taf bil-kontenut u l-firmatarji ta’ l-ittra tat-3 ta’ Novembru 1998 u dwar il-fatt li din intbagħtet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

33      Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ebda raġuni ġdida ma tista' tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq elementi ta' fatt u ta' dritt li joħorġu matul il-proċedura. Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk dan huwiex il-każ f'din il-kawża.

34      F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-ittra tat-12 ta' Novembru 1998 (ara l-punt 12 iktar 'il fuq) infurmat lir-rikorrenti li d-Diretturi Ġenerali tad-DĠ "Kompetizzjoni" u tad-DĠ "Trasport", kienu, wara li eżaminaw l-aspetti ġuridiċi u ekonomiċi mqajma fl-ilment, bagħtu ittra lil Eurocontrol fejn stednuha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, kienu ġibdu l-attenzjoni ta' Eurocontrol fuq ċerti aspetti tal-politika tagħha ta' standardizzazzjoni u li Eurocontrol ġiet, b'mod partikolari, mistiedna sabiex tiddefinixxi, flimkien mas-servizzi tal-Kummissjoni, metodu newtrali u koerenti fir-relazzjonijiet tagħha ma' l-impriżi. L-ittra kienet tispiċċa billi tgħid li r-rikorrenti kienet se tiġi informata bir-risposta ta' Eurocontrol kif ukoll bl-evoluzzjoni tad-diskussjonijiet bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u Eurocontrol.

35      Għandu jiġi kkonstatat li sempliċi nota ta' trażmissjoni ta' lment mhijiex, bħala regola, iffirmata minn Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni, u wisq inqas, minn żewġ Diretturi Ġenerali. Barra minn hekk, l-informazzjoni mogħtija lir-rikorrenti li l-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni ta' Eurocontrol fuq ċerti aspetti tal-politika tagħha ta' standardizzazzjoni u indikatilha li hija kien beħsieba tidħol f'diskussjoni komuni magħha tippermetti li jiġi dedott li l-ittra tat-3 ta' Novembru 1998 x’aktarx kien fiha kunsiderazzjonijiet sostantivi fir-rigward ta' l-eżami ta' l-ilment. Barra minn hekk, dan ġie kkonfermat mill-osservazzjonijiet ta' Eurocontrol tat-2 ta' Lulju 1999 fuq l-ilment, li ntbagħtu lir-rikorrenti b'ittra tat-12 ta' Awwissu 1999. Fil-parti introduttiva ta' dawn l-osservazzjonijiet, ġie indikat espressament li l-ilment kien "segwit minn analiżi qasira li saret mill-Kummissjoni, li indikat il-kontenut ta’ l-istudju preliminari ta' l-aspetti ġuridiċi filwaqt li kien fiha kummenti fuq l-attivitajiet ta' Eurocontrol li [kien] jidhrilha li huma kritikabbli u li kellhom jiġu allinjati mal-prattiċi Komunitarji".

36      F'dan il-kuntest, jidher li l-ittra tad-Direttur ta’ Eurocontrol tat-2 ta' Lulju 1999 ma kienx fiha aktar informazzjoni fuq l-eżistenza tan-nota ta' analiżi ffirmata miż-żewġ Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni mill-ittra tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 1998 jew mill-osservazzjonijiet ta' Eurocontrol fuq l-ilment.

37      Fir-rigward taż-żewġ siltiet mill-ittra tad-Direttur ta' Eurocontrol tat-2 ta' Lulju 1999 speċifikament imsemmija mir-rikorrenti, li jagħmlu referenza għall-kummenti tas-servizzi tal-Kummissjoni fuq ċerti attivitajiet essenzjali ta' Eurocontrol u għal proposta ta' diskussjoni komuni tal-Kummissjoni fuq dawn is-suġġetti fl-okkażjoni ta' l-eżami ta' l-ilment, bilfors irid jiġi kkonstatat li dawn ma fihom l-ebda informazzjoni ġdida li ma kinitx diġà dehret fl-ittra tat-12 ta' Novembru 1998 jew fl-osservazzjonijiet ta' Eurocontrol fuq l-ilment, li, barra minn hekk, għamlu referenza għall-attivitajiet ta' Eurocontrol li, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, dehru "kritikabbli".

38      Għalhekk ir-rikorrenti setgħet tifhem, waqt il-qari ta' l-ittra tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 1998 u mill-osservazzjonijiet ta' Eurocontrol fuq l-ilment li ntbagħtulha fit-12 ta' Awwissu 1999, li analiżi ta' l-aġir ikkontestat ta' Eurocontrol ġiet mehmuża ma' l-ittra tat-3 ta' Novembru 1998. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl ta' l-ittra tat-12 ta' Novembru 1998 prodotta mill-Kummissjoni, li r-rikorrenti mhijiex iġġustifikata ssostni li kien biss il-qari ta' l-ittra tad-Direttur ta' Eurocontrol tat-2 ta' Lulju 1999, annessa mar-risposta, li ppermettielha ssir taf li l-ittra tat-3 ta' Novembru 1998 ma kinitx sempliċi nota ta' trażmissjoni ta' l-ilment tagħha, iżda kien fiha wkoll analiżi tiegħu, iffirmata miż-żewġ Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni. Għalhekk, hija ma tistax tuża din l-ittra tat-2 ta' Lulju 1999 bħala element ta' fatt li kien ser jiġi rrivelat biss matul din l-istanza.

39      Barra minn hekk, l-ittra tat-3 ta' Novembru 1998 m'għandhiex l-istess sinjifikat li r-rikorrenti tipprova tagħtiha. Il-Kummissjoni b’ebda mod ma kkonstatat li l-attivitajiet ta' Eurocontrol huma attivitajiet ekonomiċi u li, għaldaqstant, ir-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni huma applikabbli għalihom. Barra minn hekk, din l-ittra tispeċifika espressament li l-analiżi li ġiet mehmuża magħha saret "bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji […] fil-qasam tal-kompetizzjoni", u dan jispjega li hija teżamina wkoll l-effetti li l-attivitajiet ta' Eurocontrol, għalkemm mhumiex ekonomiċi, jistgħu xorta waħda jkollhom fuq il-kompetizzjoni bejn l-impriżi attivi fis-settur tat-tagħmir ATM.

40      Minn dan jirriżulta li hemm lok li dawn il-motivi l-ġodda jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

3.     Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv ippreżentat mill-intervenjenti, dwar l-immunità tagħha skond id-dritt internazzjonali pubbliku

41      L-intervenjenti, li ssostni lill-Kummissjoni, talbet, bħalha, li r-rikors jiġi miċħud. In sostenn tat-talbiet tagħha, hija tqajjem żewġ motivi dwar, rispettivament, l-inapplikabbiltà tar-regoli ta' l-Unjoni Ewropea għal Eurocontrol minħabba l-immunità ta' Eurocontrol skond id-dritt internazzjonali pubbliku u minħabba l-fatt li Eurocontrol ma tikkostiwixxix impriża fis-sens ta' l-Artikolu 82 KE. Issa, bilfors irid jiġi kkonstatat li l-ewwel motiv ma ġiex imqajjem mill-Kummissjoni.

42      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li għalkemm ir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 40 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 53 ta' dan l-Istatut, u l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza ma jipprekludix li intervenjenti jippreżenta argumenti ġodda jew differenti minn dawk tal-parti li hija ssostni, għax inkella l-intervent tagħha jkun limitat għal ripetizzjoni ta’ l-argumenti mressqa fl-att, ma jistax jiġi aċċettat li dawn id-dispożizzjonijiet jippermettulha timmodifika jew tbiddel il-kuntest tal-kawża ddefinit mir-rikors billi jitqajmu motivi ġodda (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità l-Għolja, 30/59, Ġabra p. 3, 37 ; ta' l-24 ta' Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punt 22, u tat-8 ta' Lulju 1999, Chemie Linz vs Il-Kummissjoni, C‑245/92 P, Ġabra p. I‑4643, punt 32 ; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Ġunju 1995, Siemens vs Il-Kummissjoni, T‑459/93, Ġabra p. II‑1675, punt 21 ; tal-25 ta' Ġunju 1998, British Airways u British Midland Airways vs Il-Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra p. II‑2405, punt 75 ; ta' l-1 ta' Diċembru 1999, Boehringer vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑125/96 u T‑152/96, Ġabra p. II‑3427, punt 183 ; tat-28 ta' Frar 2002, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑395/94, Ġabra p. II‑875, punt 382, u tat-3 ta' April 2003, BaByliss vs Il-Kummissjoni, T‑114/02, Ġabra p. II‑1279, punt 417).

43      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, peress li l-partijiet intervenjenti jridu, skond l-Artikolu 116(3), tar-Regoli tal-Proċedura, jidħlu fil-kawża in statu et terminis u t-talbiet tar-rikors tagħhom għal intervent ma jistax ikollhom, skond ir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 40, ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, objettivi oħra ħlief is-sostenn tat-talbiet ta' waħda mill-partijiet prinċipali, Eurocontrol, bħala intervenjenti, ma tistax tqajjem dan il-motiv dwar l-immunità tagħha skond id-dritt internazzjonali pubbliku.

44      Konsegwentement, l-ewwel motiv imqajjem minn Eurocontrol għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

4.     Fuq it-talba għal annullament

45      In sostenn tat-talba tagħha għal annullament, ir-rikorrenti ressqet, fir-rikors tagħha, tliet motivi bbażati fuq, ripsettivament, żball manifest ta' evalwazzjoni fir-rigward ta’ l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni għal Eurocontrol, żball manifest ta' evalwazzjoni fir-rigward ta' l-eżistenza ta' ksur possibbli tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni u ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali.

46      Fid-dawl ta' l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti jidher, madankollu, li minkejja r-referenza ġenerali għad-"dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni", l-ewwel żewġ motivi fil-fatt jirreferu biss għall-Artikolu 82 KE. Għalhekk huwa biss fid-dawl ta' dan l-Artikolu li l-ewwel żewġ motivi tar-rikorrenti ser jiġu eżaminati.

47      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ motivi, għandu jiġi rrilevat li, peress illi l-parti operattiva ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq diversi argumenti li kull wieħed minnhom huwa minnu nnifsu suffiċjenti biex jiġġustifika din il-parti operattiva, dan l-att jista', bħala regola, jiġi annullat biss jekk kull wieħed minn dawn l-argumenti jkun illegali. F'dan il-każ, żball jew illegalità oħra li jaffettwa wieħed biss mill-argumenti ma jkunx suffiċjenti biex jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni in kwistjoni peress illi dan l-iżball ma setax ikollu influwenza determinanti fuq il-parti operattiva adottata mill-istituzzjoni awtriċi ta' din id-deċiżjoni (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni, T‑126/99, Ġabra p. II‑2427, punti 49 sa 51, u l-ġurisprudenza ċċitata, u ta' l-14 ta' Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 43).

48      F'dan il-każ, l-Artikolu 82 KE, li r-rikorrenti tixtieq li jiġi applikat mill-Kummissjoni, jipprojbixxi lil impriża milli tabbuża minn pożizzjoni dominanti fis-suq. Minbarra l-kundizzjoni ta' effett possibbli fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, din id-dispożizzjoni tippreżenta żewġ kriterji kumulattivi, dwar, l-ewwel nett, l-eżistenza ta' pożizzjoni dominanti ta' l-impriża kkonċernata u, it-tieni nett, il-fatt li din il-pożizzjoni dominanti tiġi użata b'mod abbużiv. Kif ġie kkonstatat iktar 'il fuq (punt 15), il-Kummissjoni stmat, minn naħa, li Eurocontrol mhijiex impriża u, min-naħa l-oħra, li, fi kwalunkwe każ, l-aġir in kwistjoni ma jmurx kontra l-Artikolu 82 KE. Hija għalhekk ibbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq il-kostatazzjoni doppja li la l-ewwel kriterju u lanqas it-tieni wieħed ma kienu sodisfatti f'dan il-każ, u kull waħda minn dawn il-konstatazzjonijiet huma suffiċjenti sabiex isostnu l-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata.

49      Jirriżulta minn dan li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jippresupponi li jiġu milqugħa l-ewwel żewġ motivi tar-rikorrenti, fejn l-ewwel wieħed jikkritika l-legalità tad-deċiżjoni fid-dawl ta' l-ewwel kriterju filwaqt li t-tieni jirrigwarda l-legalità ta' dan fid-dawl tat-tieni kriterju.

 Fuq l-ewwel motiv, dwar żball manifest ta' evalwazzjoni fir-rigward ta' l-applikabbiltà ta' l-Artikolu 82 KE għal Eurocontrol

50      L-applikazzjoni ta' l-Artikolu 82 KE għal dan il-każ tippresupponi li Eurocontrol tiġi kkunsidrata bħala impriża, skond id-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni. Skond ġurisprudenza kostanti, il-kunċett ta' impriża jinkludi l-entitajiet kollha li jeżerċitaw attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta' din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata, u kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta' oġġetti jew servizzi f'suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' April 1991, Höfner u Elser, C-41/90 Ġabra p. I-1979, punt 21; tas-16 ta' Novembru 1995, Fédération française des sociétés d’assurances et, C‑244/94, Ġabra p. I‑4013, punt 14 ; tal-11 ta' Diċembru 1997, Job Centre, C‑55/96, Ġabra p. I‑7119, punt 21 ; tat-18 ta' Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑35/96, Ġabra p. I‑3851, punt 36, u tat-12 ta' Settembru 2000, Pavlov et, C‑180/98 sa C‑184/98, Ġabra p. I‑6451, punt 74).

51      Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-attivitajiet ta' Eurocontrol in kwistjoni f’din il-kawża, jiġifieri l-istandardizzazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp kif ukoll l-assistenza lill-amministrazzjonijiet nazzjonali, huma attivitajiet ekonomiċi u li, għaldaqstant, Eurocontrol għandha tikkwalifika bħala impriża skond l-Artikolu 82 KE. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft (C‑364/92, Ġabra p. I‑43), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-punti 30 u 31:

"30      Meta jitqiesu lkoll flimkien, l-attivitajiet ta' Eurocontrol, min-natura tagħhom, mill-għan tagħhom u mir-regoli li għalihom huma ssuġġettati, huma marbuta ma' l-eżerċizzju ta' prerogattivi, dwar il-kontroll u s-superviżjoni ta' l-ispazju ta' l-ajru, li tipikament huma prerogattivi ta' poteri pubbliċi. Huma mhumiex ta’ natura ekonomika li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni tat-Trattat.

31      Organizzazzjoni internazzjonali bħal Eurocontrol għalhekk ma tikkostitwixxix impriża ssuġġettata għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli [82 KE] u [86 KE]."

52      Il-parti operattiva ta' din is-sentenza tgħid sempliċiment li "[l]-Artikoli [82 KE] u [86 KE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li organizzazzjoni internazzjonali bħal Eurocontrol ma tikkostitwixxix impriża fis-sens ta' dawn l-Artikoli".

53      Il-Kummissjoni iddeduċiet minn dan li l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet, f'kull ċirkustanza u għall-attivitajiet kollha tagħha, li Eurocontrol tista' tikkwalifika bħala impriża skond id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni.

54      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex waslet għall-konklużjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha esklużivament fuq eżami, fid-dawl tal-kunċett ta' attività ekonomika, ta' l-attivitajiet ta' Eurocontrol in kwistjoni fil-kuntest tal-kawża bejn il-kumpannija ta' l-ajru SAT Fluggesellschaft mbH u Eurocontrol, jiġifieri l-ħolqien u l-ġbir tal-ħlasijiet imposti fuq min jagħmel użu mis-servizzi tan-navigazzjoni ta' l-ajru f’isem l-Istati parteċipanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament semmiet, f'punt 22 tas-sentenza, parti mill-attivtajiet in kwistjoni f'din il-kawża, iżda mingħajr ma eżaminat jekk dawn kinux attivitajiet ekonomiċi skond il-ġurisprudenza tagħha. Issa, peress li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni huma applikabbli għall-attivitajiet ta' organizzazzjoni li huma separabbli minn dawk li hija teżerċità bħala awtorità pubblika (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Lulju 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 107/84, Ġabra p. 2655, punti 14 u 15, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, T‑128/98, Ġabra p. II‑3929, punt 108), l-attivitajiet differenti ta' entità jridu jiġu eżaminati individwalment u m'għandux jiġi dedott mill-assimilazzjoni ta’ wħud minnhom għall-prerogattivi ta' poteri pubbliċi li l-attivitajiet l-oħra ma jistgħux ikunu ta’ natura ekonomika (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 109). Fid-dawl tal-portata stretta ta' l-eżami magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk jidher li, minkejja l-ġeneralità tal-kliem tal-punt 31 tagħha u tal-parti operattiva, is-sentenza SAT Fluggesellschaft, iċċitata iktar 'il fuq, ma teskludix li Eurocontrol tikkwalifika, fir-rigward ta' attivitajiet oħra, bħala impriża fis-sens ta' l-Artikolu 82 KE.

55      Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat, għall kull waħda mill-attivitajiet ta' Eurocontrol ikkontestata mir-rikorrenti, minn naħa, jekk humiex separabbli mill-attivitajiet tagħhom li jaqgħu taħt il-missjoni pubblika tagħha u, min-naħa l-oħra, jekk huma jikkostiwixxux attivitajiet ekonomiċi, skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 iktar 'il fuq.

 Fuq l-attività ta' standardizzazzjoni teknika ta' Eurocontrol

–       L-argumenti tal-partijiet

56      Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-attività ta' standardizzazzjoni ta' Eurocontrol hija attività ekonomika. Din l-attività ta' standardizzazzjoni teknika m’għandha ebda rabta oġġettiva mal-missjonijiet ta' amministrazzjoni ta' l-ispazju ta' l-ajru u għalhekk mhijiex l-espressjoni tal-prerogattivi tal-poteri pubbliċi fil-qasam tal-kontroll tat-traffiku ta' l-ajru. Il-kunsiderazzjonijiet kuntrarji tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ibbażati fuq il-fatt li din l-attività hija bla ħlas, ta' interess pubbliku u ma ssirx għal finijiet ta’ lukru u li m'għandhiex l-għan li timponi ħlasijiet jew regoli dwar is-servizzi li jridu jingħataw lil min jagħmel użu minnhom, jikkontradixxu ġurisprudenza kostanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet diġà aċċettat, fil-prattika preċedenti tagħha, li attivitajiet analogi għal dawk previsti fl-ilment jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi, fir-rigward, per eżempju, ta' l-Istitut Ewropew ta' l-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) u ta' assoċjazzjoni Ewropea tal-kumpanniji tal-ferroviji nazzjonali. Dawn iż-żewġ każijiet ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni bħala li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni.

57      Ir-rikorrenti ssostni li n-natura ekonomika ta' l-attività ta' standardizzazzjoni tista' tiġi dedotta min-natura ekonomika ta' l-akkwist tal-prototipi, li jikkostitwixxi l-kundizzjoni għall-istandardizzazzjoni. L-attivitajiet li għandhom bħala għan aħħari l-kisba ta' standards u għalhekk, b'mod aktar ġenerali, l-istandardizzazzjoni, huma l-elementi kostituttivi, meta meħuda kollha flimkien, ta' attività ekonomika speċifika. Eurocontrol topera fis-suq bħala l-unika xerrejja tal-prototipi tas-sistemi ATM.

58      Skond il-Kummissjoni, Eurocontrol teżerċità l-attività tagħha ta' standardizzazzjoni bħala organizzazzjoni internazzjonali f’isem l-Istati kontraenti, mingħajr ma tfittex interessi tagħha stess, distinti u indipendenti minn dawk ta' dawn l-Istati, u hija għandha għan ta' interess pubbliku li jikkonsisti fiż-żamma u t-titjib tas-sigurtà tan-navigazzjoni ta' l-ajru. Huwa l-eżami ta' dawn l-elementi kollha flimkien li jippermettu li jingħad li, fl-eżeċizzju ta’ l-attività tagħha ta' standardizzazzjoni teknika, Eurocontrol ma tistax tiġi kkunsidrata bħala impriża għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 82 KE. L-attività regolatorja ta' Eurocontrol mhux biss mhijiex separabbli mill-missjoni li hija għandha bħala organizzazzjoni internazzjonali, imma fil-fatt hija element bażiku ta’ din il-missjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

59      Fir-rigward ta' l-attività ta' standardizzazzjoni ta’ Eurocontrol, għandha ssir distinzjoni, qabel kollox, bejn il-preparazzjoni jew it-tfassil ta' l-istandards, kompitu li jsir mill-aġenzija ta' Eurocontrol bħala organu eżekuttiv, minn naħa, u l-adozzjoni tagħhom mill-kunsill ta' Eurocontrol, min-naħa l-oħra. Fir-rigward ta' dan l-aħħar kompitu, għandu jiġi kkonstatat li dan jaqa’ taħt il-qasam leġiżlattiv. Fil-fatt, il-kunsill ta' Eurocontrol huwa kompost mid-diretturi ta' l-amministrazzjoni ta' l-avjazzjoni ċivili ta' kull Stat Membru ta' l-organizzazzjoni, inkarigati mill-Istati rispettivi tagħhom sabiex jadottaw speċifikazzjonijiet tekniċi vinkolanti f'dawn l-Istati kollha, attività li taqa’ direttament taħt l-eżerċizzju, minn dawn ta' l-aħħar, tal-prerogattivi tagħhom ta' poteri pubbliċi. Ir-rwol ta' Eurocontrol b’hekk jixbah lil dak ta' Ministeru li, fuq livell nazzjonali, jipprepara l-miżuri leġiżlattivi jew regolamentari li wara jiġu adottati mill-Gvern. Għalhekk, din hija attività li taqa' taħt il-missjoni pubblika ta' Eurocontrol.

60      Min-naħa l-oħra, f'dak li jirrigwarda l-preparazzjoni jew it-tfassil ta' l-istandards tekniċi minn Eurocontrol, għandu jiġi kkonstatat li din l-attività tista', bil-kontra ta’ l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, tiġi sseparata mill-missjoni tagħha ta' amministrazzjoni ta' l-ispazju ta' l-ajru u ta' l-iżvilupp tas-sigurtà ta' l-ajru. L-argumenti invokati mill-Kummissjoni sabiex juru li l-attività ta' standardizzazzjoni ta’ Eurocontrol hija relatata mal-missjoni ta' servizz pubbliku ta' din l-organizzazzjoni, fil-fatt, jirreferu biss għall-adozzjoni ta' dawn l-istandards u mhux għat-tfassil tagħhom. Dan jikkonċerna, b'mod partikolari, l-argument li jgħid li huwa fundamentali li jiġu adottati, fuq livell internazzjonali, standards u speċifikazzjonijiet tekniċi relattivi għas-sistemi ATM sabiex tiġi assigurata l-affidabbiltà tat-trasferiment tal-kontroll tat-titjiriet bejn l-organi nazzjonali ta' kontroll. Fil-fatt, il-ħtieġa ta' adozzjoni ta' standards fuq livell internazzjonali ma jimplikax neċessarjament li l-entità li tfassal dawn l-istandards għandha tkun ukoll dik li, wara, tadotthom. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma stabbilietx li, f'dan il-każ, dawn iż-żewġ attivitajiet għandhom neċessarjament jiġu eżerċitati minn entità waħda, minflok minn żewġ entitajiet differenti.

61      Madankollu, l-attività ta' tfassil ta' l-istandars minn Eurocontrol ma tistax tikkwalifika bħala attività ekonomika. Fil-fatt, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (ara sentenza Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 107, u l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 iktar 'il fuq). F'dan il-każ, ir-rikorrenti ma urietx li kien jeżisti suq għas-"servizzi ta' standardizzazzjoni teknika fis-settur tat-tagħmir ATM". L-uniċi persuni li jitolbu servizz bħal dan jistgħu jkunu l-Istati fil-kwalità tagħhom ta' awtorità ta' kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru. Issa, huma għażlu li jfasslu dawn l-istandards huma stess, fil-kuntest ta' kooperazzjoni internazzjonali, permezz ta' Eurocontrol. Peress li l-istandards imfassla mbagħad jiġu adottati mill-kunsill ta' Eurocontrol, ir-riżultati ta' l-attività ta' tfassil ma jħallux l-organizzazzjoni nfisha u mhumiex offerti fuq suq partikolari. Fil-qasam ta' l-istandardizzazzjoni, Eurocontrol għalhekk tikkostitwixxi biss, għall-Istati Membri tagħha, forum ta' azzjoni miftiehma li huma ħalqu sabiex jikkoordinaw l-istandards tekniċi tas-sistemi ATM tagħhom. Għalhekk, m'għandux jiġi kkunsidrat, f'dan il-kuntest, li Eurocontrol toffrilhom "oġġetti jew servizzi".

62      F'dan il-każ, ir-rikorrenti għalhekk baqgħet ma wrietx li l-attività kkontestata kienet tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi f’suq partikolari, kif madankollu huwa mitlub, skond il-ġurisprudenza ċċitatati fil-punt preċedenti.

63      F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-attività ta' standardizzazzjoni għandha tiġi evalwata separatament mill-attività ta' akkwist ta' prototipi neċessarji għat-tfassil ta' l-istandards tekniċi, sabiex min-natura ekonomika ta' din l-attività ta' akkwist ta' prototipi tiġi dedotta n-natura ekonomika ta' l-attività ta' standardizzazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan mhuwiex sostenibbli.

64      Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tagħtix ir-raġunijiet għalfejn il-kwalifikazzjoni ta' l-attività ta' akkwist tal-prototipi bħala attività ekonomika, li kieku kellha tiġi meqjusa hekk, neċessarjament twassal għall-istess kwalifikazzjoni fir-rigward ta’ l-attività ta' standardizzazzjoni. Għalkemm mhuwiex ikkontestat mill-partijiet li Eurocontrol takkwista oġġetti jew servizzi fuq is-suq, dan ma jfissirx li l-attivitajiet li għall-finijiet tagħhom dawn l-oġġetti jew dawn is-servizzi huma akkwistati huma ta' natura ekonomika.

65      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-metodu li jikkonsisti fid-deduzzjoni min-natura ta' l-attività eżerċitata fil-linja ’l fuq (l-akkwist tal-prototipi) tan-natura ta' l-attività eżerċitata fil-linja ’l isfel (l-istandardizzazzjoni), hekk kif propost mir-rikorrenti, imur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Skond il-kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza kostanti tal-qrati Komunitarji, iċċitata iktar 'il fuq, il-kunċett ta' attività ekonomika jitnisssel mill-offerta ta' oġġetti jew ta' servizzi f’suq partikolari u mhux mill-akkwist ta' tali oġġetti jew ta' tali servizzi. F'dan ir-rigward, ġie deċiż li mhijiex l-attività tax-xiri bħala tali li tikkaratterizza l-kunċett ta' attività ekonomika u li, sabiex jiġi evalwat jekk attività hijiex ta’ natura ekonomika jew le, m'hemmx bżonn li l-attività ta’ xiri ta' prodott tiġi separata mill-użu ulterjuri tal-prodott akkwistat. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li n-natura ekonomika jew le ta' użu ulterjuri tal-prodott neċessarjament tiddetermina natura ta' l-attività ta’ xiri (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' Marzu 2003, FENIN vs Il-Kummissjoni, T‑319/99, Ġabra p. II‑357, punt 36). Fil-kuntest ta' din il-kawża, dan ifisser li n-natura mhux ekonomika ta' l-attività ta' standardizzazzjoni timplika n-natura mhux ekonomika ta' l-akkwist tal-prototipi fil-kuntest ta' din l-istandardizzazzjoni, minkejja l-fatt li Eurocontrol taġixxi bħala xerrejj fis-suq tat-tagħmir ATM.

66      F'dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li r-raġunament tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza FENIN vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, mhuwiex applikabbli għal din il-kawża jew li l-applikazzjoni tiegħu ma tistax tkun assoluta għandu jiġi respint.

67      Safejn ir-rikorrenti tikkunsidra, minn naħa, li s-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza FENIN vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, hija differenti ħafna minn dik eżistenti f'dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, b’mod ġenerali, li sakemm entità tixtri prodott mhux biex toffri oġġetti jew servizzi fil-kuntest ta' attività ekonomika, imma sabiex tagħmel użu minnu fil-kuntest ta' attività oħra, per eżempju attività ta' natura purament soċjali, din ma taġixxix bħala impriża sempliċiment għaliex hija xerrejja f'suq partikolari (sentenza FENIN vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 37). Il-kliem ġenerali ta' din il-frażi, u b'mod partikolari l-fatt li dan isemmi espressament attività soċjali biss bħala eżempju, irendi s-soluzzjoni adottata f'din is-sentenza applikabbli għal kull entità xerrejja ta' l-oġġetti għall-finijiet ta' attivitajiet mhux ekonomiċi. Issa, kif ġie espost iktar 'il fuq, dan hu preċiżament il-każ ta' Eurocontrol.

68      Għalkemm ir-rikorrenti ssostni, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni ta' din il-ġurisprudenza, li tgħid li n-natura ekonomika jew le ta' l-użu ulterjuri tal-prodott neċessarjament jiddetermina n-natura ta' l-attività tax-xiri, ma tistax tinjora l-effetti li l-attività ta' akkwist jista' jkollha fuq is-suq ikkonċernat, b'mod partikolari fil-każ fejn, bħal f'dan il-każ, min jakkwista jsib ruħu f'sitwazzjoni ta' monopsony fuq livell Ewropew, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat fuq interpretazzjoni ħażina tas-sentenza FENIN vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq. Fil-fatt, f’din is-sentenza ġie kkonstat li, għalkemm entità li tixtri prodott sabiex tagħmel użu minnu fil-kuntest ta' attività mhux ekonomika "tistà teżerċità setgħa ekonomika konsiderevoli ħafna, li tista' tagħti lok, skond il-każ, għal sitwazzjoni ta' monopsony, madankollu, safejn l-attività li għaliha dik l-entità tixtri dawn il-prodotti mhijiex ta' natura ekonomika, hija ma taġġixxix bħala impriża skond ir-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni u għalhekk mhijiex koperta mill-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli 81(1) KE u 82 KE" (sentenza FENIN vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 37).

69      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-attivitajiet ta' standardizzazzjoni teknika ta' Eurocontrol ma kinux attivitajiet ekonomiċi skond il-ġurisprudenza Komunitarja u li r-regoli tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni għalhekk ma kinux applikabbli għalihom.

 Fuq l-attività ta' riċerka u żvilupp, b'mod partikolari l-akkwist ta' prototipi u s-sistema tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali

–       L-argumenti tal-partijiet

70      Skond ir-rikorrenti, jirriżulta minn qari b’attenzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni ma kkontestatx in-natura ekonomika ta' l-attività ta' akkwist tal-prototipi u tas-sistema ta’ proprjetà intellettwali. Fil-fatt, din il-kwalifikazzjoni mhijiex espressament eskluża fid-deċiżjoni u l-Kummissjoni eżaminat fil-fond l-eventwalità ta' abbuż minn pożizzjoni dominanti, bil-kontra ta' dak li għamlet għall-attivitajiet ta' standardizzazzjoni u ta' assistenza għall-amministrazzjonijiet nazzjonali, li fir-rigward tagħhom hija ma kinitx eżaminat fid-dettall il-ksur allegat mir-rikorrenti.

71      Il-Kummissjoni tinnega li kienet irrikonoxxiet in-natura ekonomika ta' l-attività ta' riċerka u ta' żvilupp ta' Eurocontrol fid-deċiżjoni kkontestata.

72      F'dan il-każ, l-akkwist ta' prototipi ta' sistemi ATM u s-sistema relattiva tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, hekk kif inhi stabbilita fil-kuntratti tax-xiri, taqa’ direttament taħt il-kamp ta' l-attività ta' standardizzazzjoni ta' Eurocontrol. Dawn il-prototipi fil-fatt jintużaw għat-tfassil u l-validazzjoni ta' l-istandards u ta' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi mill-organizzazzjoni, jiġifieri fil-kuntest ta' attività li mhijiex ta’ natura ekonomika.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

73      Fil-qasam ta' l-attività ta' riċerka u ta' żvilupp ta' Eurocontrol, ir-rikorrenti tikkontesta l-akkwist ta’ prototipi tas-sistemi ATM mill-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tagħha tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali f'dan il-qasam.

74      L-uniku argument dwar in-natura ekonomika ta’ l-amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li tippreżenta r-rikorrenti jinsab fl-affermazzjoni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tikkontestax din in-natura ekonomika – affermazzjoni li l-Kummissjoni topponi għaliha u li ma ssib ebda bażi fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kif jirriżulta b'mod ċar mill-punt 32 ta' din id-deċiżjoni, huwa biss sussidjarjament u sabiex tkun eżawrjenti li l-Kummissjoni eżaminat l-eżistenza ta' ksur possibbli ta' l-Artikolu 82 KE fir-rigward ta' din l-attività.

75      Barra minn hekk, jidher li l-akkwist ta prototipi min-naħa ta’ Eurocontrol fil-kuntest ta' l-attivitajiet tagħha ta' riċerka u ta' żvilupp u l-amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mhumiex tali li jikkonferixxu lill-attività ta' riċerka u ta' żvilupp ta' l-organizzazzjoni natura ekonomika, peress li dan l-akkwist ma jimplikax l-offerta ta' oġġetti jew ta' sevizzi f’suq partikolari.

76      Fil-fatt, l-akkwist tal-prototipi fil-verità hija biss attività konnessa ma' l-iżvilupp tagħhom. Kif fakkret l-intervenjenti, dan l-iżvilupp ma jsirx minn Eurocontrol nfisha, imma minn impriżi tas-settur ikkonċernat, li lilhom l-organizzazzjoni tagħti sussidji pubbliċi bħala inċentivi. Eurocontrol b'hekk tiddistribwixxi fondi pubbliċi sabiex tippromwovi r-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tat-tagħmir ATM. Sabiex tassigura t-tqegħid għad-dispoizzjoni tas-settur interessat tar-riżultati tar-riċerki ssussidjati minnha, il-kuntratti ta' sussidju jipprovdu li Eurocontrol takkwista l-proprjetà tal-prototipi u d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li jirriżultaw mir-riċerka li hija tkun iffinanzjat. L-akkwist ta' dawn id-drittijiet minn Eurocontrol għalhekk mhuwiex għan minnu nnifsu u ma jservix għall-użu tagħhom għal finijiet kummerċjali, imma huwa biss element tar-relazzjoni ġuridika bejn l-entità li tagħti sussidju u l-impriża ssusidjata.

77      F'dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ l-amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali adottata minn Eurocontrol, id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li hija żżomm fuq ir-riżultati ta' l-attivitajiet ta' riċerka u ta' żvilupp msemmija jitqiegħu għad-dispożizzjoni ta' l-impriżi interessati bla ħlas. Ċertament, fil-kuntest ta' l-eżami tan-natura ekonomika ta' attività, il-kriterju tan-nuqqas ta' ħlas jikkostitwixxi biss indikazzjoni fost oħrajn u m'għandux minnu nnifsu jeskludi n-natura ekonomika tagħha. Madankollu, f'dan il-każ, il-fatt li l-liċenzji għad-drittijiet ta' proprjetà akkwistati minn Eurocontrol fil-kuntest ta' l-iżvilupp ta' prototipi jingħataw b’xejn jiżdied mal-fatt li din hija attività anċillari għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp tekniku, li tifforma parti mill-għan ta' l-interess pubbliku tal-missjoni ta' Eurocontrol u li ma ssirx f'interess proprju ta' l-organizzazzjoni li huwa separabbli minn dan il-għan, u dan jeskludi n-natura ekonomika ta' attività (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Marzu 2004, AOK Bundesverband et, C‑264/01, C‑306/01, C‑354/01 u C‑355/01, Ġabra p. I‑2493, punt 63).

78      Din l-amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali għalhekk b’ebda mod ma hija paragunabbli ma' l-attivitajiet ta' l-organizzazzjonijiet tad-dritt privat li jamministraw, fuq livell nazzjonali, id-drittijiet ta' l-awturi tal-mużika jew tat-testi u li huma inkarigati, mill-proprjetarji ta' dawn id-drittijiet, sabiex jirċievu l-ħlasijiet dovuti bħala r-rappreżentazzjonijiet tax-xogħol tagħhom minn terzi. Dawn l-organizzazzjonijiet iwettqu attività ekonomika, inkwantu, minn naħa, huma joffru, in kambju ta' ħlas, servizz lill-awturi ta' amministrazzjoni tad-drittijiet tagħhom u fejn, min-naħa l-oħra huma jaġixxu vis-à-vis terzi li jagħmlu użu mix-xogħlijiet ikkonċernati għal finijiet kummerċjali bħall-organizzazzjoni ċentrali ta' ġbir ta' ħlasijiet dovuti, bħala mandatarji ta' l-awturi. Issa, dan mhuwiex il-każ f'din il-kawża.

79      F'dan ir-rigward, għandha tiġi respinta l-affermazzjoni li r-rikorrenti ppreżentat waqt is-seduta, billi bbażat ruħha fuq dokument intern ta' Eurocontrol intitolat "ARTAS Intellectual Property Rights and Industrial Policy", (Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u politika industrijali fil-qafas tas-sistema ARTAS), tat-23 ta' April 1997, prodott minnha bħala anness mar-rikors, li fih jingħad li dawn il-liċenzji mhumiex gratwiti u l-għoti tagħhom jiddependi mill-qbil ta' l-impriża kontraenti li żviluppat il-prototipi għas-sistema ARTAS, il-kumpannija Thomson‑CSF (illum, Thales). Fil-fatt, jirriżulta mid-dokument iċċitat li l-ħlas għal-liċenzja għall-użu tas-sistema ARTAS kienet ta’ ECU wieħed, li jfisser li hija gratwita. Barra minn hekk, jirriżulta mill-istess dokument li, bħala korrispettiv għal dan il-ħlas, l-impriża kkonċernata takkwista aċċess komplet għall-partijiet tas-sistema żviluppata fil-kuntest tal-proġett ta' żvilupp ffinanzjat minn Eurocontrol (il-"foreground software"), li fuqu Eurocontrol iżżomm id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Fir-rigward tal-partijiet tas-sistema ARTAS li ġew żviluppati minn Thomson‑CSF fil-kuntest ta' proġetti anterjuri u li reġgħu ġew użati f'din is-sistema (il-"background software"), sistema ta' kxif ta' informazzjoni hija prevista, li tiddistingwi bejn żewġ kategoriji ta' informazzjoni, jiġifieri l-informazzjoni trasferibbli, minn naħa, u l-informazzjoni kunfidenzjali, min-naħa l-oħra. Filwaqt li dik ta’ l-ewwel tista’ tingħata lill-kompetituri ta' Thomson‑CSF, għall-finijiet ta' żvilupp ta’ sistemi tat-tip ARTAS, wara li jiġi ffirmat ftehim ta’ liċenzja ma' Eurocontrol, it-tieni waħda ma tistax tinkixef, salv eċċezzjoni fil-ftehim ta' Thomson‑CSF, mal-kompetituri ta' din ta' l-aħħar. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li d-dokument in kwistjoni juri l-oppost ta' dak li ssostni r-rikorrenti, jiġifieri li l-liċenzji li jirrigwardaw is-sistema ARTAS huma b'xejn, li l-komponenti kollha ta' din is-sistema żviluppati fil-kuntest tal-proġett iffinanzjat minn Eurocontrol jinkixfu ma’ l-impriżi kompetituri ta' Thomson-CSF, mingħajr ma din ta' l-aħħar tista' topponi għall-kxif, u li anki parti mill-komponenti żviluppati preċedentement minn Thomson-CSF tista' titpoġġa għad-dispożizzjoni ta' l-impriżi kompetituri. Għalhekk, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti fuq dan il-punt għandha tiġi respinta.

80      Għandhom jiġu respinti wkoll il-kritiki tar-rikorrenti dwar, l-ewwel nett, id-delimitazzjoni bejn il-"foreground software" u l-"background software", li saret b'mod arbitrarju u mhux trasparenti minn Eurocontrol u, it-tieni nett, il-fatt li din id-delimitazzjoni hija, finalment, purament teoretika, peress li, billi jinjoraw ċerta data (il-"kodiċi fonti") tal-partijiet mhux aċċessibbli, il-kompetituri ma jistgħux jużaw b’mod utli l-partijiet aċċessibbli tas-softwer żviluppata. Fil-fatt, għalkemm dawn il-fatti, jekk jiġi meqjusa li huma stabbiliti, ċertament jidhru li huma kapaċi jinfluwenzaw il-kompetizzjoni fis-settur tat-tagħmir ATM, madankollu dawn mhumiex kapaċi juru n-natura ekonomika tas-sistema tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali applikata minn Eurocontrol.

81      Barra minn hekk, f'dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li Eurocontrol timponi, fir-rigward tad-drittijiet miżmuma mill-impriża kontraenti, kxif, taħt forma ta' "pakketti kodiċi-magna" u flimkien mad-dokumentazzjoni kollha li tippermetti l-applikazzjoni tagħha, tal-"background software" biss, filwaqt li s-softwer imsejħa "OTS" tibqa’ kunfidenzjali, dan l-ilment fil-fatt ifisser li Eurocontrol qed tiġi akkużata li ma timponix fuq l-impriżi li jkunu akkwistaw kuntratti ta' riċerka li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-kompetituri tagħhom il-kodiċijiet fonti tal-prodotti proprji tagħhom li ġew użati mill-ġdid fil-kuntest ta' proġetti ta' riċerka mogħtija minnha. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, indipendentement mill-kwistjoni jekk tali obbligu jistax ikun legalment impost fuq l-impriżi kontraenti, il-fatt li Eurocontrol tagħmel, fil-kuntest tas-sistema tagħha tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, tali deliminazzjoni ma jaqbilx mal-kriterji ta' attività ekonomika kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 iktar 'il fuq, jiġifieri dawk li tiġi eżerċitata attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi fuq suq partikolari.

82      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-attivitajiet ta' riċerka u ta' żvilupp iffinanzjati minn Eurocontrol ma kinux jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi u li r-regoli dwar il-kompetizzjoni tat-Trattat għalhekk ma kinux applikabbli għalihom.

 Fuq l-attività ta' assistenza għall-amministrazzjonijiet nazzjonali

–       L-argumenti tal-partijiet

83      Ir-rikorrenti tafferma li l-attività ta' assistenza teknika favur l-amministrazzjonijiet nazzjonali li Eurocontrol teżerċità meta tabbozza l-kundizzjonijiet tas-sejħiet għal offerti pubbliċi jew meta tipparteċipa fil-proċedura ta’ għażla ta' l-impriżi li jkunu pparteċipaw għas-sejħiet ta' l-offerti hija attività intrinsikament ekonomika. Bl-istess mod, din hija attività li tagħti lok għal kumpens, peress li Eurocontrol tirċievi finanzjament mill-Istati Membri tagħha, li jservi sabiex jiffinanzja l-attività ta' assistenza, u l-attivitajiet l-oħrajn kollha tagħha.

84      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jsostnu li l-attività ta' assistenza lill-amministrazzjonijiet nazzjonali responsabbli mill-kontroll tan-navigazzjoni ta' l-ajru, b'mod partikolari fil-proċeduri tas-sejħiet għal offerti li jirrigwardaw l-akkwist ta' sistemi u ta' tagħmir ATM, taqa’ taħt il-missjoni ta' l-organizzazzjoni hekk kif definita mill-Konvenzjoni. Din l-attività tippermetti lill-Istati kontraenti, billi jirrikorru għall-kompetenza teknika partikolari ta' l-organizzazzjoni, li jeżerċitaw, kif suppost, il-funzjonijiet ta' kontroll u ta' amministrazzjoni tat-traffiku ta' l-ajru li huma jeżerċitaw fil-kuntest tas-sovranità tagħhom. Fl-eżerċizzju ta' din l-attività, Eurocontrol għalhekk għandha l-għan ta' interess pubbliku definit mill-Konvenzjoni li huwa dak li tinżamm u li titjieb is-sigurtà tat-traffiku ta' l-ajru.

85      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti josservaw barra minn hekk li l-attività in kwistjoni hija mingħajr ħlas. Il-kontribuzzjonijiet mogħtija lil Eurocontrol mill-Istati Membri tagħha għandhom l-għan li jassiguraw l-operat ġenerali ta' l-organizzazzjoni u m'għandhom x'jaqsmu xejn mat-talbiet eventwali tagħhom ta' assistenza. Biex tqabbel din is-sitwazzjoni ma’ dik eżaminata fil-kawżi li taw lok għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-sistemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali u tas-saħħa, il-Kummissjoni tirreferi, bħala eżempju, għall-kawża li tat lok għas-sentenza tas-17 ta' Frar 1993, Poucet u Pistre, (C‑159/91 u C‑160/91, Ġabra p. I‑637, punt 18), li fiha l-fatt li ma kien hemm l-ebda relazzjoni bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-assigurazzjoni tas-saħħa mill-assigurati u s-servizzi mogħtija minn din l-assigurazzjoni wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tafferma li l-attivitajiet eżerċitati minn din ta' l-aħħar mhumiex ta’ natura ekonomika.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

86      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-attività ta' assistenza lill-amministrazzjonijiet nazzjonali hija separabbli mill-missjoni ta’ amministrazzjoni ta' l-ispazju ta' l-ajru u ta’ żvilupp tas-sigurtà ta’ l-ajru ta' Eurocontrol. Għalkemm din l-attività ta' assistenza tista' sservi l-interess pubbliku billi żżomm u ttejjeb is-sigurtà tan-navigazzjoni ta' l-ajru, din ir-relazzjoni hija biss indiretta ħafna, peress li l-assistenza offerta minn Eurocontrol tkopri biss l-ispeċifikazzjonijiet teknici fl-implementazzjoni tal-proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti għal tagħmir ATM u għalhekk taffettwa s-sigurtà tan-navigazzjoni ta' l-ajru biss permezz ta' dawn il-proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti. Issa, tali relazzjoni indiretta m'għandhiex timplika konnessjoni neċessarja bejn iż-żewġ attivitajiet. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li Eurocontrol toffri l-assistenza tagħha f'dan il-qasam biss fuq talba ta' l-amministrazzjonijiet nazzjonali. Għalhekk, din b’ebda mod ma hija attività li hija essenzjali jew saħansitra indispensabbli għall-garanzija tas-sigurtà tan-navigazzjoni ta' l-ajru.

87      Imbagħad, għandu jiġi mfakkar li tikkostitwixxi attività ekonomika kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi fuq suq partikolari (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 iktar 'il fuq). F'dak li jirrigwarda l-attivitajiet ta' assistenza lill-amministrazzjonijiet nazzjonali li jieħdu l-forma ta' pariri mogħtija fir-rigward ta’ l-abbozzar tal-kundizzjonijiet għas-sejħiet għall-offerti jew tal-proċedura ta' għażla ta' l-impriżi li jkunu pparteċipaw f’dawn is-sejħiet għal offerti, għandu jiġi kkonstatat li dan preċiżament jikkonsisti f'offerta ta' servizzi fis-suq tal-pariri, suq li fih jistgħu jaġixxu wkoll impriżi privati speċjalizzati fil-materja.

88      F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-fatt li attività tista' tiġi eżerċitata minn impriża privata jikkostitwixxi indikazzjoni supplementari li tippermetti li l-attività in kwistjoni tiġi kkwalifikata bħala attività ta' impriża (sentenza Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 124, ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C‑82/01 P, Ġabra p. I‑9297, punt 82).

89      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, iddeċidiet ripetutament, li l-fatt li ċerti attivitajiet normalment jiġu fdati lill-uffiċċji pubbliċi ma jistax jaffettwa n-natura ekonomika ta' dawn l-attivitajiet, peress li huma mhux dejjem kienu u mhux neċessarjament jiġu eżerċitati minn entitajiet pubbliċi (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Höfner u Elser, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22, u Job Centre, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22). Fiċ-ċirkustanzi in eżami, dan ifisser li l-fatt li s-servizzi in kwistjoni mhumiex attwalment offerti minn impriżi privati ma jipprekludix li jiġu kkwalifikati bħala attività ekonomika, peress li jidher possibbli li jiġu eżerċitati minn entitajiet privati.

90      Billi l-Kummissjoni ssostni li l-attivitajiet ta' assistenza ta' Eurocontrol lill-amministrazzjonijiet nazzjonali mhumiex mħallsa bħala tali, għandu jiġi kkonstatat li dan il-fatt jista' jikkostitwixxi indikazzjoni, imma mhuwiex minnu nnifsu deċiżiv, kif turi per eżempju l-kawża li tat lok għas-sentenza Höfner u Elser, iċċitata iktar 'il fuq, li fiha s-servizzi għall-ksib tax-xogħol ta' l-Uffiċċju Federali għall-impjieg Ġermaniż ġew mogħtija gratwitament lill-impjegati u lill-ħaddiema, li min-naħa tagħhom kienu jiffinanzjaw l-ispejjeż globali ta' dan l-uffiċċju permezz ta' kontribuzzjonijiet fissi, indipendenti mill-fatt jekk huma rrikorrewx jew le għal dawn is-servizzi ta' ksib ta’ xogħol. Il-fatt li Eurocontrol hija ffinanzjata, bħala istituzzjoni, mill-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati Membri tagħha u li hija tforni gratwitament is-servizzi tagħha ta' assistenza lill-amministrazzjonijiet nazzjonali li jitolbu l-assistenza tagħha jirrivela strutturi finanzjarji ta' l-istess natura bħal dawk in kwistjoni f'dik il-kawża.

91      Bl-istess mod, il-fatt li l-attività ta' assistenza tiġi eżerċitata b’għan ta' interess pubbliku jista' jikkostitwixxi indikazzjoni ta' l-eżistenza ta' attività ta' natura mhux ekonomika, imma ma jipprekludix li attività li tikkonsisti, bħalma huwa l-każ f'din il-kawża, fl-offerta ta’ servizzi f’suq partikolari tiġi kkunsidrata bħala attività ekonomika. B'hekk, organizzazzjonijiet li jamministraw sistemi legali ta’ sigurtà soċjali, li ma jsegwux għan ta’ lukru, li jeżerċitaw attività ta’ natura soċjali u li huma ssuġġettati għal leġiżlazzjoni ta' l-Istat li tirrigwarda b'mod partikolari l-eżiġenzi ta' solidarjetà ġew ikkunsidrati bħala impriżi li jeżerċitaw attività ekonomika (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Fédération française des sociétés d’assurance et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22, u tal-21 ta' Settembru 1999, Albany, C‑67/96, Ġabra p. I‑5751, punti 84 sa 87).

92      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-attività ta' assistenza lill-amministrazzjonijiet nazzjonali ta' Eurocontrol hija attività ekonomika u li, konsegwentement, Eurocontrol, fl-eżerċizzju ta' din l-attività, hija impriża fis-sens ta' l-Artikolu 82 KE.

93      Għalhekk, l-ewwel motiv tar-rikorrenti għandu jiġi milqugħ f’dan ir-rigward, u għandu jiġi miċħud fir-rigward tal-kumplament.

94      Madankollu, hekk kif ġie rrilevat f'punti 47 sa 49 iktar 'il fuq, din il-konstatazzjoni tista' twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss sakemm għandu jiġi milqugħ ukoll it-tieni motiv, peress li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata wkoll fuq il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li, anki jekk l-attivitajiet ta' Eurocontrol jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ekonomiċi, huma mhumiex kuntrarji għall-Artikolu 82 KE.

 Fuq it-tieni motiv, dwar żball manifest ta' evalwazzjoni fir-rigward ta' l-eżistenza ta' ksur ta' l-Artikolu 82 KE minn Eurocontrol

95      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv għandu jiġi eżaminat biss safejn l-ewwel motiv ġie milqugħ, jiġifieri fir-rigward ta' l-attività ta' Eurocontrol ta' assistenza lill-amministrazzjonijiet nazzjonali.

 L-argumenti tal-partijiet

96      Ir-rikorrenti tikkunsidra f'dan ir-rigward, li d-deċiżjoni kkontestata hija affettwata minn żball manifest ta' evalwazzjoni safejn il-Kummissjoni ma eżaminatx fid-dettall il-karattru abużiv ta’ l-aġir ikkontestat fil-qasam ta' l-attività ta' assisstenza lill-amministrazzjonijiet nazzjonali. B'mod partikolari, ir-rikorrenti tikkontesta aġir abużiv ta' Eurocontrol fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta' trasparenza u ta' non-diskirminazzjoni fis-sejħiet għall-offerti magħmula mill-organizzazzjonijiet nazzjonali għall-akkwist ta' tagħmir ATM, filwaqt li Eurocontrol għandha tapplika d-dispożizzjonijiet relattivi għall-proċeduri ta' għoti ta’ kuntratti pubbliċi previsti mid-dispożizzjonijiet Komunitarji jew, għall-inqas, il-prinċipji ġenerali ta' trattament ugwali u ta' trasparenza.

97      Hemm konfużjoni bejn ir-rwol li għandha Eurocontrol meta hija tipproponi proġetti u tagħżel impriżi li joħolqu prototitpi, minn naħa, u r-rwol tagħha bħala konsulent ta' l-amministrazzjonijiet nazzjonali, min-naħa l-oħra. Din il-konfużjoni u l-problemi li jirriżultaw minnha ġew irrilevati mill-Kummissjoni stess f'rapport fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/65.

98      Permezz tas-servizzi ta' assistenza offerti minn Eurocontrol lill-aministrazzjonijiet nazzjonali fil-fażi tal-bidu tal-proċeduri tas-sejħiet għall-offerti, standards mhux obbligatorji jsiru fir-realtà obbligatorji għall-awtoritajiet ta’ kuntrattar. Dan kien b'mod partikolari l-każ f'żewġ proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti fi Spanja u fl-Olanda. Ir-rikorrenti ssostni li l-impriża li pparteċipat fil-proċedura u li lilha ngħata l-kuntratt għall-ħolqien ta' prototip ta' tagħmir ATM standardizzat b'hekk ġiet irregolarment iffavorita darbtejn : l-ewwel darba, fl-għażla arbitrarja li wasslitha biex tintgħażel biex toħloq il-prototip u t-tieni darba, għaliex sussegwentement hija tista' tiġi magħżula fil-kuntest tal-proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti nazzjonali.

99      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka, l-ittra tat-3 ta' Novembru 1998 (ara l-punt 12 iktar 'il fuq). Fil-fehma tagħha, l-ittra tipprova li l-Kummissjoni kienet hija stess persważa li Euroncontrol kienet abbużat minn pożizzjoni dominati, peress li l-motivi ta' annullament ifformulati fir-rikors huma kkonfermati fil-punti kollha mid-dubji u r-riflessjonijiet li huma espressi fl-ittra. Il-Kummissjoni kienet b’hekk aċċettat apertament il-karattru kritikabbli tar-rwol li kellha Eurocontrol kif ukoll id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni mqajma mir-rikorrenti. L-ittra tat-3 ta' Novembru 1998 turi, b'mod partikolari, b'mod evidenti li s-servizzi tal-Kummissjoni kkunsidraw li l-attivitajiet ta' Eurocontrol ikkonċernati mill-ilment kienu attivitajiet ekonomiċi, li minħabba f'hekk, kienu ssuġġettati għar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-aġir ta' Eurocontrol kienu seħħew u gravi.

100    Il-Kummissjoni tenfasizza li, fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata u bil-kontra ta' dak li tafferma r-rikorrenti, li hija eżaminat tajjeb fir-rigward tal-mertu, sussidjarjament, l-aġir ikkontestat minnha fir-rigward ta' l-attività ta' assistenza ta' Eurocontrol lill-amministarzzjonijiet nazzjonali. Madankollu, hija kkonkludiet minn dan l-eżami li din l-attività ma tiksirx ir-regoli tal-kompetizzjoni.

101    Fir-rigward ta' l-ittra tat-3 ta' Novembru 1998, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-konklużjonijiet li r-rikorrenti ddeduċiet minnha huma r-riżultat ta' qari żbaljat tal-kontenut ta' din l-ittra.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

102    Għandu jiġi rrilevat li l-ilmenti mqajma mir-rikorrenti taħt dan il-motiv fil-fatt jikkonċernaw żewġ sitwazzjonijiet differenti. L-ewwel sitwazzjoni hija dik ta' l-għoti ta’ kuntratti minn Eurocontrol stess għall-bżonnijiet proprji tagħha ta' fornituri marbutin ma' l-attivitajiet li ġew ikkunsidrati iktar ‘il fuq bħala li mhumiex ta’ natura ekonomika. Peress li din is-sitwazzjoni ma tikkonċernax l-assistenza mogħtija minn Eurocontrol lill-amministrazzjonijiet nazzjonali, m’għandux jingħata kas tagħha fil-kuntest ta' l-eżami tat-tieni motiv, limitat għall-attività ta' assistenza.

103    It-tieni sitwazzjoni tirrigwarda l-għoti ta’ kuntratti mill-amministrazzjonijiet nazzjonali, li għaliha Eurocontrol tikkontribwixxi bħala konsulent fl-abbozzar tal-kundizzjonijiet għas-sejħiet għall-offerti jew fil-proċedura ta' għażla.

104    Fir-rigward ta' din is-sitwazzjoni, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat, kif il-Kummissjoni ġustament għamlet, li l-amministrazzjonijiet nazzjonali biss għandhom is-setgħa jaġġudikaw u għalhekk huma awtorizzati jieħdu deċiżjonijiet u, għaldaqstant, li huma jkunu responsabbli għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet rilevanti li jikkonċernaw il-proċeduri ta' għoti ta’ kuntratti. L-intervent ta' Eurocontrol, bħala konsulent, la huwa obbligatorju u lanqas sistematiku. L-intervent isir, skond l-Artikolu 2(2)(a), tal-Konvenzjoni, biss fuq talba espressa ta' l-amministrazzjonijiet ikkonċernati. Ir-rikorrenti insistiet fuq il-fatt li Eurocontrol, meta amministrazzjoni titlob is-servizzi tagħha ta' konsulenza, bħala regola għandha l-possibbiltà li tinfluwenza l-għażliet li jsiru minn din l-amministrazzjoni fil-kuntest ta' proċedura ta’ sejħa għall-offerti. Madankollu, hija naqset milli turi, f’każ konkret, li Eurocontrol kienet realment influwenzat id-deċiżjoni li kuntratt jingħata lil offerent, u dan abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet differenti minn dawk relattivi għat-tfittxija ta' l-aħjar soluzzjoni teknika bil-prezz l-aktar vantaġġjuż.

105    Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li, skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 82 KE, il-konstatazzjoni ta' abbuż minn pożizzjoni dominanti ta' impriża tippresupponi minn naħa, il-preżenza ta' pożizzjoni dominanti ta' din l-impriża f’ċertu suq u, min-naħa l-oħra użu abużiv ta’ din il-pożizzjoni dominanti fis-suq komuni jew f'parti sostanzjali minnu.

106    Ir-rikorrenti ma esprimietx ruħha, la fl-atti tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u lanqas waqt is-seduta, fuq il-kwistjonijiet tad-definizzjoni tas-suq rilevanti u d-dominanza ta' Eurocontrol f’dan is-suq, li eventwalment jista' jkun dak tal-konsulenza fil-qasam tal-proċeduri ta' għoti ta’ kuntratti tal-forniment tat-tagħmir ATM jew dak ta’ pariri tekniċi b’mod ġenerali.

107    Fir-rigward tal-kunċett ta' użu abbużiv, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, dan huwa kunċett oġġettiv li jkopri aġir ta' l-impriżi f'pożizzjoni dominanti li huwa kapaċi jinfluwenza l-istruttura ta’ s-suq fejn, preċiżament bħala riżultat tal-preżenza ta' l-impriża in kwistjoni, il-livell ta' kompetizzjoni huwa diġà mdgħajjef u li għandu bħala effett li jostakola, permezz ta' użu ta’ metodi differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni normali tal-prodotti jew tas-servizzi, ibbażati fuq is-servizzi ta’ l-operaturi ekonomiċi, iż-żamma ta' livell ta' kompetizzjoni li għadu jeżisti fis-suq jew l-iżvilupp ta' din il-kompetizzjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni, C‑62/86, Ġabra p. I‑3359, punt 69, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Ottubru 1999, Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, T‑228/97, Ġabra p. II‑2969, punt 111).

108    F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx aġir ta' Eurocontrol, fil-kuntest ta' l-attività tagħha ta' konsulent lill-amministrazzjonijiet nazzjonali, li jirrispondi għal dawn il-kriterji. Hija ma indikatx b'mod partikolari liema metodi ntużaw minn Eurocontrol li huma "differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni normali tal-prodotti jew tas-servizzi, ibbażati fuq is-servizzi ta’ l-operaturi ekonomiċi". Fil-fatt, peress li Eurocontrol ma teżerċita ebda attività fis-suq tal-provvista ta' tagħmir ATM u ma għandha ebda interess ta' natura finanzjarja jew ekonomika, jidher li l-ebda rapport ta' kompetizzjoni ma jista' jeżisti bejnha u r-rikorrenti jew kwalunkwe impriża oħra attiva fis-settur. B'mod partikolari, ma jidhirx li Eurocontrol setgħet tiggwadanja kwalunkwe vantaġġ kompetittiv mill-fatt li setgħat tinfluwenza, permezz tas-servizzi ta’ konsulenza li toffri lill-amministrazzjonijiet nazzjonali, l-għażla minn dawn ta' l-aħħar tal-fornituri tagħhom tat-tagħmir ATM favur ċerti impriżi.

109    Għalhekk, ir-rikorrenti ma rnexxiliex turi li sar żball manifest ta' evalwazzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward ta' l-eżistenza ta' ksur ta' l-Artikolu 82 KE min-naħa ta’ Eurocontrol.

110    Din il-konstatazzjoni mhijiex invalidata mill-ittra tat-3 ta' Novembru 1998.

111    Fil-fatt, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li din l-ittra tipprova li l-Kummissjoni stess kienet persważa li Eurocontrol wettqet abbuż minn pożizzjoni dominanti (ara l-punt 99 iktar 'il fuq) mhumiex sostnuti mill-ittra tat-3 ta' Novembru 1998. Kif ġie kkonstatat iktar 'il fuq (punt 39), il-Kummissjoni b’ebda mod ma kkonstatat li l-attivitajiet ta' Eurocontrol huma attivitajiet ekonomiċi u li għaldaqstant, ir-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni japplikaw għalihom. Għall-kuntrarju, din l-ittra tippreċiża espressament li l-analiżi mehmuża magħha saret "bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji […] fil-qasam tal-kompetizzjoni", sabiex jiġu eżaminati l-effetti li l-attivitajiet ta' Eurocontrol, għalkemm mhux ekonomiċi, seta' jkollhom fuq il-kompetizzjoni bejn l-impriżi attivi fis-settur tat-tagħmir ATM.

112    Il-fatt li l-Kummissjoni, filwaqt li kkontestat l-applikabbiltà tad-dritt tal-kompetizzjoni għal din il-kawża, xorta waħda fformulat f'din l-ittra ċertu numru ta' rimarki kritiċi fir-rigward ta' ċerti attivitajiet ta' Eurocontrol, minflok ma juri li l-Kummissjoni kienet persważa mill-illegalità ta’ l-aġir ta' Eurocontrol fid-dawl tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, juri r-rieda tal-Kummissjoni li tiġbed l-attenzjoni ta' Eurocontrol għar-riperkussjonijiet li l-attivitajiet tagħha, għalkemm ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn ir-regoli, jista' xorta waħda jkollhom fuq il-kompetizzjoni bejn l-impriżi li joperaw fis-settur ikkonċernat sabiex timminimizza, kemm jista' jkun possibbli, l-effetti mhux mixtieqa. Min-naħa l-oħra, din l-ittra ma tistax isservi sabiex issostni l-pretensjonijiet tar-rikorrenti.

113    Jirriżulta minn dak li ntqal li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, dwar ksur ta' rekwiżiti proċedurali essenzjali

114    Billi rreferiet għal ċerti deċiżjonijiet tal-qrati Komunitarji dwar l-obbligu ta' eżami ta' l-ilmenti u dwar l-obbligu tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet, ir-rikorrenti ssostni li f'dan il-każ il-Kummissjoni naqset milli twettaq dawn l-obbligi. Id-deċiżjoni kkontestata mhijiex korrettament motivata u l-Kummissjoni "possibbilment" kisret id-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura prekontenzjuża.

 Fuq l-ilment dwar nuqqas ta' motivazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

115    Fir-rigward tad-deskrizzjoni ta' l-attivitajiet ta' Eurocontrol li huma s-suġġett ta' l-ilment, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma eżaminatx kif suppost il-kwistjoni jekk dawn l-attivitajiet humiex ta’ natura ekonomika. Minflok ma limitat ruħha li tiddikjara li l-attività regolatorja ma tagħti lok għal ebda rimunerazzjoni, li t-tfassil ta' l-istandards jikkostitwixxi attività ta' interess pubbliku kif ukoll attività privata li ma tirriżultax f’profitt u li l-attività ta' assistenza hija sempliċi sostenn tekniku li jingħata bla ħlas u li huwa offrut biss lill-amministrazzjonijiet nazzjonali li jitolbuh, il-Kummissjoni kien imissha analizzat b'mod komplet il-ġurisprudenza rilevanti sabiex issib is-soluzzjoni applikabbli għal dan il-każ. Billi rreferiet għall-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ ċerti punti, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-analiżi tal-Kummissjoni fiha biss ftit versi, filwaqt li hija ppreżentat numru kbir ta' provi u argumenti in sostenn ta' l-ilment tagħha. Bl-istess mod, it-test tad-deċiżjoni kkontestata ma jindikax ir-raġuni għalfejn il-Kummissjoni kienet tal-fehma li kellha teskludi, f'dan il-każ, aġir abużiv ta' Eurocontrol.

116    Il-Kummissjoni tfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, hija mhijiex obbligata, fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li hija għandha tieħu sabiex tiggarantixxi l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, li tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha li l-persuni kkonċernati jinvokaw in sostenn tat-talba tagħhom.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

117    Skond ġurisprudenza kostanti, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha turi b'mod ċar u mhux ekwivoku, ir-raġunamenti ta' l-awtorità Komunitarja, li tkun adottat l-att in kwistjoni, b'tali mod li li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jkunu jafu x’inhuma l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u l-qorti Komunitarja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. L-eżiġenza ta' motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b'mod partikolari tal-kontenut ta' l-att, tan-natura tal-motivi invokati u ta' l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista' jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. M'huwiex neċessarju li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta' fatt u ta' dritt rilevanti, inkwantu l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta' att tissodisfax l-eżiġenzi ta' l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, imma wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li flimkien jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata (ara sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Marzu 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, T‑231/99, Ġabra p. II‑2085, punti 164 u 165, u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    B'mod partikolari, il-Kummissjoni mhijiex obbligata, fil-motivazzjoni ta' deċiżjoni li tiċħad ilment dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, li tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha li l-persuni kkonċernati jinvokaw in sostenn tat-talba tagħhom. Huwa biżżejjed li hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Novembru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kummissjoni, T‑5/97, Ġabra p. II‑3755, punt 199, u l-ġurisprudenza ċċitata, u FENIN vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 58).

119    F'dan il-każ, jidher li l-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu tagħha ta' motivazzjoni. Bħalma hija ġustament ikkunsidrat, hija indikat b'mod ċar, fil-punti 28 u 29 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġuni prinċipali taċ-ċaħda tagħha ta' l-ilment, jiġifieri li l-attivitajiet ta' Eurocontrol ikkontestati mhumiex ta’ natura ekonomika fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tirreferi b'mod partikolari għall-ittra tagħha tal-15 ta' Ġunju 2000 (ara l-punt 14 iktar 'il fuq), li fiha hija kienet diġà, sostanzjalment, esprimiet – u mmotivat – l-istess opinjoni. Fil-punti 30 sa 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat, għal kull waħda mill-attivitajiet in kwistjoni, ir-raġunijiet speċifiċi li ddeterminaw din l-evalwazzjoni. Fir-rigward ta’ l-attività ta' żvilupp u ta' akkwist ta' prototitpi u s-sistema tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali kif ukoll fir-rigward ta’ l-attività ta' assistenza lill-amministrazzjonijiet nazzjonali, hija, barra minn hekk, spjegat sussidjarjament ir-raġuni għalfejn, anke li kieku dawn l-attivitajiet kellhom jiġu kkunsidrati bħala li huma ta' natura ekonomika, hija kkunsidrat li ma kienx hemm ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

120    F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li n-nuqqas jew l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni jikkostitwixxi motiv dwar ksur tar-rekwiżiti proċedurali essenzjali, distint, bħala tali, mill-motiv dwar l-ineżatezza tal-motivi ta' din id-deċiżjoni, li jiġi mistħarreġ mill-Qorti meta teżamina l-mertu tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Novembru 1997, Cipeke vs Il-Kummissjoni, T‑84/96, Ġabra p. II‑2081, punt 47). Il-fatt li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma segwietx ċertu kunisderazzjonijiet imsemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għalhekk ma jipprekludix li l-obbligu tal-motivazzjoni jkun, f'dan il-każ, ikkunsidrat bħala sodisfatt.

121    Minn dan jirriżulta li l-ilment dwar nuqqas ta' motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ilment dwar ksur possibbli tad-drittijiet tad-difiża

–       L-argumenti tal-partijiet

122    Ir-rikorrenti ssostni, fid-dawl ta' l-informazzjoni attwalment disponibbli u tad-dokumenti annessi mad-deċiżjoni kkontestata, li ma ġietx infurmata b'mod adegwat bl-attività mwettqa mill-Kummissjoni fl-istadju ta' l-investigazzjoni ta' l-ilment. B'mod partikolari, il-Kummissjoni kienet naqset milli ssemmi l-osservazzjonijiet, ittri u analiżi, mingħajr dubju numerużi, li abbażi tagħhom hija ffurmat id-deċiżjoni proprja tagħha. Dan jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ġenerali ta' trasparenza tal-proċeduri amministrattivi.

123    Il-Kummissjoni tirrileva li dan l-ilment huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li meta adottat id-deċiżjoni kkontestata hija kienet neċessarjament ibbażat ruħha fuq numru kbir ta' dokumenti mhux magħrufa mir-rikorrenti. Il-Kummissjoni tafferma li hija indikat b'mod speċifiku, fl-ittra tagħha tal-25 ta' Settembru 2003 (ara l-punt 14 iktar 'il fuq), id-dokumenti li fuqhom hija bbażat l-evalwazzjoni tagħha, dokumenti li r-rikorrenti kienet taf sew bihom u li fuqhom hija setgħat tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. L-elementi essenzjali kollha li ttieħdu in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni meta investigat l-ilment li jidhru fid-dokumenti in kwistjoni. Għalhekk, hija tikkunsidra li ksur tad-drittijiet tad-difiża, invokati b'mod ipotetiku mir-rikorrenti, ma kienx seħħ.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

124    Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-eżistenza preżunta ta' numru kbir ta' dokumenti li ma ġietx mgħarrfa bihom bl-ebda mod mhumiex issostanzjati. Fil-fatt, jekk ir-rikorrenti ma tistax tiġi mitluba tidentifika d-dokumenti in kwistjoni, peress li hija ssostni preċiżament li l-Kummissjoni ma kkomunikathomlhiex, għandu jiġi kkonstatat li hija ma ppreżentatx provi, għall-inqas, li jistgħu jġiegħlu wieħed jemmen li tali dokumenti jeżistu u li kienu determinanti fit-tfassil tad-deċiżjoni kkontestata. L-uniku dokument mhux imsemmi fl-ittra tal-Kummissjoni tal-25 ta' Settembru 2003 speċifikament identifikat mir-rikorrenti, jiġifieri l-ittra tat-3 ta' Novembru 1998, wara ġiet ppreżentata mill-Kummissjoni. Issa, kif ġie kkonstatat iktar 'il fuq, mhux biss din l-ittra ma rrivelatx ċirkustanzi li sostanzjalment setgħu jinfluwenzaw ir-riżultat ta' din il-kawża (ara l-punti 36 sa 39 iktar 'il fuq), imma, barra minn hekk, ir-rikorrenti kienet taf kemm bl-eżistenza ta' din l-ittra kif ukoll, sostanzjalment, bil-kontenut tagħha.

125    Ir-rikorrenti tafferma, fir-rikors, li hija "evidentement waslet" għall-konklużjoni li ma ġietx infurmata adegwatament bl-attività mwettqa mill-Kummissjoni fl-istadju ta' l-investigazzjoni "fuq il-bażi tad-dokumenti annessi mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ". Madankollu d-deċiżjoni kkontestata ma ssemmix l-annessi. Ir-rikorrenti ma tippreċiżax liema annessi kienu rilevanti u lanqas liema elementi f'dawn id-dokumenti mhux speċifikati ppermettewlha toħroġ b'din il-konklużjoni. L-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-Kummissjoni użat numru kbir ta' dokumenti li ma bagħtitilhiex, għalhekk tibqa' miċħuda.

126    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tafferma li ma jeżistux dokumenti oħra f'din il-kawża minbarra dawk imsemmija fl-anness ta' l-ittra tal-25 ta' Settembru 2003. Din l-affermazzjoni tidher ikorroborata mill-evalwazzjoni ġuridika tal-Kummissjoni li, billi bbażat ruħha fuq is-sentenza SAT Fluggesellschaft, iċċitata iktar 'il fuq, ikkunsidrat li l-attivitajiet ta' Eurocontrol in kwistjoni f'din il-kawża ma kinux, fl-integralità tagħhom, ta’ natura ekonomika u li, fi kwalunkwe każ, l-aġir li Eurocontrol hija akkużata bih ma jikkostitwixxix ksur tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, din l-evalwazzjoni setgħet tiġi sostnuta, fid-deċiżjoni kkontestata, sempliċiment mid-dokumenti li hija invokat f'din il-kawża in sostenn tagħha u ma kienx neċessarju, bil-kontra ta' dak li ssostni r-rikorrenti, li jsiru analiżi tekniċi jew eżamijiet approfonditi fuq l-effetti li l-aġir ta' Eurocontrol seta' kellu fuq il-kompetizzjoni fis-settur ikkonċernat.

127    Minn dan jirriżulta li l-ilment dwar ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi miċħud.

128    Konsegwentement, hemm lok li t-tielet motiv jiġi miċħud.

129    Minn dan kollu li ntqal jirriżulta li hemm lok li t-talba tar-rikorrenti għal annullament tiġi miċħuda.

5.     Fuq it-talbiet għal miżuri istruttorji

 L-argumenti tal-partijiet

130    Fir-rikors kif ukoll fl-att ippreżentat fis-27 ta' April 2005, ir-rikorrenti ppreżentat talbiet għal miżuri istruttorji. L-ewwel talba tirrigwarda l-produzzjoni, mill-Kummissjoni, tad-dokumenti kollha mfassla mis-servizzi tagħha li jirrigwardaw din il-kawża u tad-dokumenti kollha li hija rċeviet mingħand Eurocontrol fir-rigward ta' l-ilment kif ukoll il-kopja ta' l-analiżi tekniċi li, skond hi, kienu saru mill-persunal intern u estern. It-tieni talba tirrigwarda, minn naħa, is-smigħ bħala xhieda ta’ l-ex Diretturi Ġenerali tad-DĠ "Kompetizzjoni" u tad-DĠ "Trasporti" tal-Kummissjoni, kif ukoll ta’ l-ex Direttur Ġeneral ta' Eurocontrol, fuq il-kontenut ta' l-ittra tat-3 ta' Novembru 1998 u fuq l-analiżi li ġiet annessa magħha u, min-naħa l-oħra, l-produzzjoni, mill-Kummissjoni, tad-dokumenti skambjati bejnha u Eurocontrol sussegwentement għall-ittra tat-3 ta' Novembru 1998.

131    Il-Kummissjoni toġġezzjona għat-talbiet tar-rikorrenti, billi tafferma li s-smigħ tal-persuni msemmija fit-talbiet x’aktarx mhux ser jirrivela elementi utli għall-eżami tad-deċiżjoni kkontestata u li ma jeżistu ebda dokumenti oħra rilevanti minbarra dawk elenkati fl-ittra tal- 25 ta' Settembru 2003.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

132    Jidher, fid-dawl ta' l-iżviluppi kollha indikati hawn fuq, li l-Qorti tal-Prim'Istanza setgħat tiddeċiedi l-kawża abbażi tal-konklużjonijiet, motivi u argumenti żviluppati matul il-proċedura kemm bil-miktub u kemm orali u fid-dawl tad-dokumenti prodotti.

133    F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-talbiet għal miżuri istruttorji ppreżentati mir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

134    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

135    Skond it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 87(4) ta' l-istess Regoli, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tordna li parti intervenjenti tbati l-ispejjeż tagħha. F'dan il-każ, il-parti li interveniet in sostenn tal-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      SELEX Sistemi Integrati SpA għandha tabti l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

3)      L’Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni ta' l-Ajru għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Pirrung

Meij

Pelikánová

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Diċembru 2006.

E. Coulon

 

      J. Pirrung

Reġistratur

 

      President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

1.  Bażjieti ġuridiċi ta' Eurocontrol

2.  Id-dritt Komunitarju

Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

1.  Ir-rwol u l-attivitajiet ta' Eurocontrol

2.  Il-proċedura prekontenzjuża

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-ammissibbiltà tat-talba tar-rikorrenti għall-annullament u/jew il-modifika tad-deċiżjoni kkontestata

2.  Fuq l-ammissibbiltà tal-motivi l-ġodda tar-rikorrenti

L-osservazzjonijiet tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3.  Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv ippreżentat mill-intervenjenti, dwar l-immunitŕ tagħha skond id-dritt internazzjonali pubbliku

4.  Fuq it-talba għal annullament

Fuq l-ewwel motiv, dwar żball manifest ta' evalwazzjoni fir-rigward ta' l-applikabbiltŕ ta' l-Artikolu 82 KE għal Eurocontrol

Fuq l-attività ta' standardizzazzjoni teknika ta' Eurocontrol

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-attività ta' riċerka u żvilupp, b'mod partikolari l-akkwist ta' prototipi u s-sistema tad-drittijiet ta' proprjetŕ intellettwali

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-attività ta' assistenza għall-amministrazzjonijiet nazzjonali

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tieni motiv, dwar żball manifest ta' evalwazzjoni fir-rigward ta' l-eżistenza ta' ksur ta' l-Artikolu 82 KE minn Eurocontrol

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tielet motiv, dwar ksur ta' rekwiżiti proċedurali essenzjali

Fuq l-ilment dwar nuqqas ta' motivazzjoni

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ilment dwar ksur possibbli tad-drittijiet tad-difiża

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

5.  Fuq it-talbiet għal miżuri istruttorji

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.