Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Frar 2008 - Berliner Institut für Vergleichende Sozialforschung vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-73/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Berliner Institut für Vergleichende Sozialforschung eV (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentant: B. Henning, Rechtsanwältin)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta, tas-26 ta' Novembru 2007, dwar il-ħlas lura ta' l-ammont ta' EUR 23228.07, fil-kuntest tad-"Daphne Grant Agreement JLS/DAP/2004-1/080/YC";

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

F'Mejju ta' l-2005 ir-rikorrent u l-Kummissjoni daħlu fi ftehim dwar il-patroċinju ta' proġett fil-kuntest tal-programm DAPHNE II 1. Bin-nota ta' debitu tas-26 ta' Novembru 2007, il-konvenuta talbet lir-rikorrent il-ħlas lura ta' parti mill-ammont imħallas fil-kuntest ta' dan il-ftehim. B'dan ir-rikors ir-rikorrent jikkontesta din id-deċiżjoni.

In sostenn tar-rikors, ir-rikorrent jafferma l-ewwel nett li d-deċiżjoni kkontestata kisret l-obbligu ta' motivazzjoni. It-tieni nett, hemm ksur tal-prinċipju ta' dritt għal smigħ xieraq, billi r-rikorrenti ma ngħatax terminu xieraq sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu u sabiex jippreżenta dokumenti oħra. Ir-rikorrenti fl-aħħar nett jilmenta li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 803/2004/KE, tal-21 ta' April 2004, li tadotta programm ta' azzjoni Komunitarja (2004 sa l-2008) li jimpedixxi u jikkumbatti l-vjolenza kontra tfal, żgħażagħ u nisa u li jipproteġi vittmi u gruppi f'riskju (il-programm Daphne II) (ĠU L 143, p. 1).